2010D0022 — MT — 16.05.2012 — 001.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar il-proċedura għall-akkreditazzjoni tal-kwalità għall-manifatturi ta’ karti tal-flus tal-euro (BĊE/2010/22) (ĠU L 330, 15.12.2010, p.14) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
L 126 |
13 |
15.5.2012 |
DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-25 ta’ Novembru 2010
dwar il-proċedura għall-akkreditazzjoni tal-kwalità għall-manifatturi ta’ karti tal-flus tal-euro
(BĊE/2010/22)
(2010/773/UE)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 128(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ‘il quddiem l-’Istatut tas-SEBĊ’), u partikolarment l-Artikolu 16 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 128(1) tat-Trattat u l-Artikolu 16 tal-Istatut tas-SEBĊ jipprovdu li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt esklussiv li jawtorizza l-ħruġ tal-karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Unjoni. Dan id-dritt jinkludi l-kompetenza biex jieħu miżuri biex jipproteġi l-integrità ta’ karti tal-flus tal-euro bħala mezz ta’ pagament. |
(2) |
Il-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro u tal-materja prima tal-karti tal-flus tal-euro skont standards ta’ kwalità identiċi hija ta’ importanza fundamentali biex tiggarantixxi l-kwalità tagħhom, kull fejn huma magħmulin. |
(3) |
Għaldaqstant għandha tiġi stabbilita proċedura ta’ akkreditazzjoni tal-kwalità sabiex tiżgura illi huma biss dawk il-manifatturi li jikkonformaw ma’ rekwiżiti minimi dwar il-kwalità li huma akkreditati biex jipproduċu karti tal-flus tal-euro u materja prima għall-karti tal-flus tal-euro, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
TAQSIMA I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:
(a) “akkreditazzjoni tal-kwalità” tfisser l-istat, li l-iskop tiegħu huwa stabbilit fl-Artikoli 3 u 4, mogħtija mill-BĊE lil manifattur u li jikkonferma illi huwa konformi mar-rekwiżiti tal-kwalità;
(b) “attività tal-produzzjoni ta” karti tal-flus tal-euro’ tfisser il-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro jew ta’ materja prima għall-karti tal-flus tal-euro;
(c) “manifattur” tfisser kull entità li hija, jew li tixtieq tkun, involuta f’attvità ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro;
(d) “sit tal-manifattura” tfisser kull post li jintuża minn, jew li jixtieq juża manifattur, għal attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro;
(e) “rekwiżiti tal-kwalità” tfisser ir-regoli sostantivi li jrid jikkonforma magħhom manifattur li qed ifittex l-akkreditazzjoni tal-kwalità, kif stabbiliti separatament mill-BĊE;
(f) “arranġamenti dwar il-kwalità” tfisser il-miżuri meħudin minn manifattur f’sit ta’ manifattura sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti tal-kwalità;
(g) “awtorità għaċ-ċertifikazzjoni” tfisser awtorità għaċ-ċertifikazzjoni indipendenti li tevalwa s-sistemi tal-manifatturi għall-ġestjoni tal-kwalità u hija intitolata tiċċertifika illi manifattur jissodisfa r-rekwiżiti tas-sensiela ta’ standards ISO 9001;
(h) “materja prima għall-karti tal-flus tal-euro” tfisser karta, inka, fojl u ħajt użati għall-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro;
(i) “elementi protetti tal-euro” u “attività protetta tal-euro” għandhom it-tifsira mogħtija lilhom f’Deċiżjoni BĊE/2008/3 ( 1 ) tal-15 ta’ Mejju 2008 dwar il-proċeduri ta’ akkreditament ta’ sigurtà applikabbli għall-manifatturi ta’ oġġetti ta’ sigurtà tal-euro għall-karti tal-flus euro;
(j) “jum ta” xogħol tal-BĊE’ tfisser jum mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bl-esklużjoni tal-festi pubbliċi tal-BĊE;
(k) “BĊN” tfisser il-bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;
(l) “kwestjonarju ta” qabel il-verifika’ tfisser formola użata mit-tim tal-verifika tal-kwalità biex tinġabar informazzjoni mingħand manifattur dwar l-ispeċifiċitajiet ta’ sit tal-manifattura u dwar bidliet li jkunu saru lill-arranġamenti dwar il-kwalità mill-aħħar verifika tal-kwalità.
Artikolu 2
Prinċipji ġenerali
1. Manifattur għandu japplika għal u jirċievi akkreditazzjoni tal-kwalità mingħand il-BĊE qabel ma jibda jew ikompli bl-attivita’ tiegħu ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro.
2. Manifattur akkreditat jista’ jagħmel attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro biss fis-siti ta’ manifattura li għalihom ingħata akkreditazzjoni tal-kwalità taħt din id-Deċiżjoni.
3. Ir-rekwiżiti tal-BĊE għall-akkreditazzjoni tal-kwalità għandhom ikunu rekwiżiti minimi. Manifatturi jistgħu jadottaw u jimplimentaw standards tal-kwalità li huma aktar stretti, li għandhom ikunu stipulati fil-pjan tagħhom tal-kwalità, kif definit fir-rekwiżiti tal-kwalità.
4. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun kompetenti biex jieħu d-deċiżjonijiet kollha fir-rigward tal-akkreditazzjoni tal-kwalità ta’ manifattur, waqt li jqis il-fehmiet tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus, u għandu jinforma lill-Kunsill Governattiv b'dan. Il-Bord Eżekuttiv jista’ jiddeċiedi li jissubdelega l-poteri biex jagħti, jġedded jew jestendi din l-akkreditazzjoni skont l-Artikolu 3(4), l-Artikolu 4(3) u l-Artikoli 7 u 10 lil wieħed jew aktar mill-membri tiegħu.
5. Kull spiża u telf assoċjat illi manifattur jinkorri b’rabta mal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jinġarru mill-manifattur.
6. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni huma mingħajr preġudizzju għal kull akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa jew temporanja mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa
1. Manifattur jista’ jagħmel attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro biss jekk il-BĊE jagħtih akkreditazjoni tal-kwalità sħiħa għal dik l-attività.
2. Manifattur jista’ jingħata akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa għal attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro bil-patt illi jwettaq il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) ikun involut f’attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fl-24 xahar li jippreċedi t-talba għall-akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa jew ikun ingħata akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja kif stabbilit fl-Artikolu 4 u jkun beda attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro skont l-Atrikolu 10(3);
(b) jikkonforma mas-sensiela ta’ standards ISO 9001 dwar il-kwalità tal- ġestjoni f’sit ta’ manifattura partikolari għal attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro u awtorità għaċ-ċertifikazzjoni tkun ħarġet ċertifikat għal dak il-għan;
(c) jikkonforma mar-rekwiżiti tal-kwalità fis-sit ta’ manifattura fuq imsemmi għall-attività tal-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fuq imsemmija;
(d) jekk jipproduċi elementi protetti tal-euro, ikollu akkreditazzjoni tas-sigurtà sħiħa fis-sit ta’ manifattura fuq imsemmija għall-attività protetta tal-euro fuq imsemmija skont Deċiżjoni BĊE/2008/3;
(e) jekk huwa stamperija, is-sit ta’ manifattura tiegħu jinsab fi Stat Membru; u
(f) jekk mhuwiex stamperija, is-sit ta’ manifattura tiegħu jinsab fi Stat Membru jew fi Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA).
3. Il-Bord Eżekuttiv jista’ jagħti eżenzjonijiet mir-rekwiżit tal-pożizzjoni stabbilit f’punti (e) u (f) skont il-każ, billi jqis l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus. Kull deċiżjoni bħal din għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-Kunsill Governattiv. Il-Bord Eżekuttiv għandu jimxi ma’ kull deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv dwar din il-kwistjoni.
4. Akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa għandha tingħata lil manifattur għal 24 xahar, mingħajr ħsara għal deċiżjoni meħuda skont l-Artikoli 15, 16 jew 17. Akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa tista’ tiġġedded kull 24 xahar.
5. Il-kunsens minn qabel bil-miktub tal-BĊE għandu jkun meħtieġ għal manifattur akkreditat biex jagħti l-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro jew ta’ materja prima għall-karti tal-flus tal-euro biex issir barra lil sit ta’ manifattura ieħor jew lil terza persuna, inklużi s-sussidjarji tal-manifattur u kumpaniji assoċjati.
Artikolu 4
Akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja
1. Jekk manifattur ma jkunx ġie involut f’attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fl-24 xahar li jippreċedu t-talba għall-akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa kif deskritta fl-Artikolu 3(2)(a), huwa jista’ jingħata akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja għal attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro ppjanata.
2. Manifattur jista’ jingħata akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja għal attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro ppjanata bil-patt illi jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) Jikkonforma mas-sensiela ta’ standards ISO 9001 dwar il-kwalità tal-ġestjoni, f’sit ta’ manifattura partikolari għal attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro ppjanata u awtorità għaċ-ċertifikazzjoni tkun ħarġet ċertifikat għal dak il-għan;
(b) ikun stabbilixxa l-proċeduri u l-infrastruttura meħtieġa sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti tal-kwalità fis-sit ta’ manifattura fuq imsemmi għall-attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fuq imsemmija,
(c) jekk jippjana li jipproduċi element protetti tal-euro, ikun ingħata akkreditazzjoni tas-sigurtà sħiħa fis-sit ta’ manifattura fuq imsemmi għall-attività protetta tal-euro ppjanata skont id-Deċiżjoni BĊE/2008/3;
(d) jekk huwa stamperija, is-sit ta’ manifattura tiegħu jinsab fi Stat Membru; u
(e) jekk mhuwiex stamperija, is-sit ta’ manifattura tiegħu jinsab fi Stat Membru jew fi Stat Membru tal-EFTA.
3. Akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja għandha tingħata lil manifattur għal sena, skont deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikoli 15, 16 jew 17. Jekk il-manifattur jitfa’ offerta għal jew jiġi kkummissjonat jagħmel attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro f’dan il-perijodu, l-akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja tiegħu tista’ tiġi estiża kif meħtieġ sakemm il-BĊE ikun ħa deċiżjoni dwar jekk għandux jagħtih akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa.
TAQSIMA II
PROĊEDURA GĦALL-AKKREDITAZZJONI TAL-KWALITÀ SĦIĦA
Artikolu 5
Talba inizjali u ħatra ta’ tim tal-verifika tal-kwalità
1. Manifattur li għandu akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja għal attività tal-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro li jixtieq jagħmel din l-attività, jew li għamel attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fl-aħħar 24 xahar u li jixtieq ikompli b’din l-attività, għandu jagħmel talba bil-miktub lill-BĊE sabiex iniedi l-proċedura għall-akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa. Din it-talba għandha tinkludi kull waħda mis-segwenti:
(a) speċifikazzjoni tas-sit tal-manifattura u tal-pożizzjoni tiegħu u tal-attività tal-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro li għaliha l-manifattur qed ifittex akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa;
(b) tagħrif dwar l-attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro li ssir;
(c) kopja taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 3(2)(b).
2. Il-BĊE għandu jivverifika jekk il-manifattur ikunx ikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 u jinforma lill-manifattur bl-eżitu ta’ din il-valutazzjoni fi żmien 30 jum tax-xogħol tal-BĊE mid-data li jkun irċieva t-talba inizjali. Il-BĊE jista’ jestendi dan it-terminu darba, permezz ta’ avviż bil-miktub lill-manifattur. Waqt illi l-BĊE ikun qed jagħmel din il-valutazzjoni, jista’ jitlob tagħrif addizzjonali mingħand il-manifattur b’rabta mar-rekwiżiti elenkati fil-paragrafu 1. Jekk il-BĊE jitlob tagħrif addizzjonali, huwa għandu jinforma l-manifattur bl-eżitutal-valutazzjoni fi żmien 20 jum tax-xogħol tal-BĊE mid-data li jkun irċieva t-tagħrif addizzjonali. Il-BĊE jista’ jiftiehem mal-manifattur li jestendi l-iskadenzi msemmijin f’dan il-paragrafu.
3. F’każ ta’ valutazzjoni pożittiva, il-BĊE għandu jinforma lill-manifattur illi verifika tal-kwalità ser issir fil-bini tal-manifattur. Il-BĊE għandu jaħtar tim għall-verifika tal-kwalità magħmul minn esperti mill-BĊE u mill-BĊNi. Dawn il-ħatriet għandhom jevitaw il-kunflitti tal-interess. Jekk kunflitt ta’ interessi iqum wara ħatra, il-BĊE għandu jibdel l-espert in kwistjoni immedjatament ma’ espert li m’għandux kunflitt ta’ interessi.
4. Il-BĊE għandu jiċħad it-talba għat-tnedija u jinforma lill-manifattur bil-miktub bid-deċiżjoni tiegħu li jagħmel dan u bir-raġunijiet jekk tkun tapplika waħda minn dawn li ġejjin:
(a) il-manifattur jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni mitluba skont il-paragrafu 1;
(b) huwa jonqos milli jagħti informazzjoni addizzjonali mitluba mill-BĊE skont il-paragrafu 2 fi żmien perijodu raġjonevoli li għandu jkun miftiehem bejn iż-żewġ partijiet;
(c) il-BĊE ikun irrevoka l-akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa tal-manifattur u l-perijodu speċifikat fid-deċiżjoni tar-revoka li matulu jkun hemm projbizzjoni fuq applikazzjoni mill-ġdid ma jkunx skada;
(d) il-pożizzjoni tas-sit tal-manifattura ma jkunx jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2) jew (f);
(e) il-manifattur jipproduċi elementi protetti tal-euro u l-BĊE ma jkunx tah akkreditazzjoni tas-sigurtà kif imsemmi fl-Artikolu 3(2)(d).
5. Jekk il-manifattur akkreditat jixtieq li jkollu l-akkreditazzjoni tal-kwalità tiegħu mġedda, u sakemm huwa jerġa’ japplika għall-akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa qabel id-data stabbilita skont l-Artikolu 7(2)(c), l-akkreditazzjoni tal-kwalità tiegħu għandha tibqa’ valida sakemm il-BĊE ikun ħa deċiżjoni skont l-Artikolu 7(1).
Artikolu 6
Verifika tal-kwalità
1. Il-verifika tal-kwalità għandha tibda f’data li tkun ġiet miftiehma bejn il-manifattur u l-BĊE. Jekk il-manifattur huwa stamperija, il-verifika tal-kwalità għandha sseħħ matul il-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro.
2. Sa mhux aktar tard minn ġimgħatejn qabel il-verifika tal-kwalità, ilBĊE għandu jipprovdi lill-manifattur bi kwestjonarju ta’ qabel il-verifika li huwa għandu jimla u jibgħat lura lill-BĊE mill-anqas ġimgħa qabel il-verifika tal-kwalità.
3. Il-verifika tal-kwalità għandha sseħħ fis-sit tal-manifattura li għalih il-manifattur qed ifittex l-akkreditazzjoni tal-kwalità.
4. It-tim tal-verifika tal-kwalità għandu jevalwa jekk l-arranġamenti dwar il-kwalità li għandu l-manifattur humiex konformi mar-rekwiżiti tal-kwalità. Jekk il-manifattur jipproponi titjib sabiex ikun konformi mar-rekwiżiti tal-kwalità, l-akkreditazzjoni tal-kwalità m’għandhiex tingħata sakemm dan it-titjib ikun seħħ. It-tim tal-verifika tal-kwalità jista’ jagħmel verifika tal-kwalità ta’ tkomplija sabiex jivverifika jekk, wara dan it-titjib, l-arranġamenti dwar il-kwalità humiex konformi mar-rekwiżiti tal-kwalità, qabel ma jissottometti lill-manifattur l-abbozz tar-rapport ta’ verifika msemmi fil-paragrafu 6.
5. Malli tintemm il-verifika tal-kwalità, u, fejn applikabbli, il-verifika tal-kwalità ta’ tkomplika, u qabel ma jħalli s-sit tal-manifattura, it-tim tal-verifika tal-kwalità għandu jinkludi dak li jkun sab, inkluż kull nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-kwalità u kull titjib propost mill-manifattur, f’sommarju preliminari, miftiehem u ffirmat kemm mit-tim tal-verifika tal-kwalità kif ukoll mill-manifattur.
6. It-tim tal-verifika tal-kwalità għandu jħejji abbozz tar-rapport ta’ verifika ibbażat fuq is-sommarju preliminari. Dan ir-rapport għandu partikolarment jinkludi dettalji dwar:
(a) l-arranġamenti dwar il-kwalità li hemm fis-seħħ fis-sit tal-manifattura li huma konformi mar-rekwiżiti tal-kwalità;
(b) kull okkażjoni ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-kwalità illi tkun ġiet identifikata mit-tim tal-kwalità tal-verifika;
(c) kull azzjoni meħuda mill-manifattur matul il-verifika tal-kwalità;
(d) kull titjib propost mill-manifattur u, f’każijiet fejn issir verifika tal-kwalità ta’ tkomplija, il-valutazzjoni tat-tim tal-verifika tal-kwalità dwar jekk sarx dan it-titjib;
(e) il-valutazzjoni tat-tim tal-verifika tal-kwalità dwar jekk għandhiex tingħata akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa.
7. L-abbozz tar-rapport tal-verifika għandu jitbagħat lill-manifattur fi żmien 30 jum tax-xogħol tal-BĊE mid-data li tintemm il-verifika tal-kwalità jew, fejn applikabbli, il-verifika tal-kwalità ta’ tkomplija. Il-manifattur jista’ jikkummenta dwar l-abbozz tar-rapport tal-verifika fi żmien 30 jum tax-xogħol tal-BĊE minn meta jirċevih. Il-BĊE għandu jiffinalizza l-abbozz tar-rapport tal-verifika billi jikkunsidra l-kummenti tal-manifattur tal-manifattur qabel ma jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 7. Il-BĊE jista’ jaqbel mal-manifattur li jiġu estiżi l-iskadenzi msemmijin f’dan il-paragrafu.
8. Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, f’każ ta’ problema ta’ kwalità li tolqot il-kwalità ta’ karti tal-flus tal-euro jew tal-materja prima tal-karti tal-flus tal-euro, il-BĊE jista’ jorganizza verifika tal-kwalità ad hoc sabiex jinvestiga l-kwistjoni. Paragrafi 5 sa 7 għandhom japplikaw għal dan il-għan.
Artikolu 7
Deċiżjoni dwar akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa
1. Il-BĊE għandu jinnotifika lill-manifattur bil-miktub bid-deċiżjoni tiegħu dwar it-talba għal akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa fi żmien 30 jum tax-xogħol tal-BĊE minn meta jkun irċieva l-kummenti tal-manifattur dwa l-abbozz tar-rapport tal-verifika, jew mill-iskadenza tat-terminu li fih għandhom jingħataw dawn il-kummenti.
2. F’każ ta’ deċiżjoni pożittiva, il-BĊE għandu jagħti lill-manifattur akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa. Id-deċiżjoni għandha tidentifika b’mod ċar:
(a) il-manifattur;
(b) l-attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro u ssit tal-manifattura li għalih tkun ingħatat akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa;
(c) id-data tal-iskadenza tal-akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa;
(d) kundizzjonijiet speċifiċi marbutin ma’ punti (a) sa (c).
Id-deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni fir-rapport finali tal-verifika, li għandu jkun anness mad-deċiżjoni.
3. Jekk lill-manifattur ma tingħatalux akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa, il-BĊE għandu jispeċifika r-raġunijiet għal dan u l-manifattur jista’ jniedi l-proċedura għar-reviżjoni stabbilita fl-Artikolu 18.
TAQSIMA III
PROĊEDURA GĦALL-AKKREDITAZZJONI TAL-KWALITÀ TEMPORANJA
Artikolu 8
Talba inizjali u ħatra ta’ tim ta’qabel il-verifika tal-kwalità
1. Jekk manifattur
(i) ma jkunx għamel attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fl-24 xahar li jippreċedu t-talba għall-akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja; jew
(ii) m’għamilx attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro iżda ntalab minn BĊN jew minn stamperija biex jibda attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro,
huwa għandu jagħmel talba bil-miktub lill-BĊE sabiex iniedi l-proċedura għal akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja.
Din it-talba għandha tinkludi kull waħda minn dawn li ġejjin:
(a) speċifikazzjoni tas-sit tal-manifattura u tal-pożizzjoni tiegħu u tal-attività tal-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro li għaliha l-manifattur qed ifittex akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja;
(b) tagħrif dwar l-attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro li ser ssir;
(c) kopja taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4(2)(a).
2. Manifattur li tkun skadietlu l-akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja jista’ japplika għal akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja ġdida. Minbarra l-informazzjoni mitluba fil-paragrafu 1, fit-talba bil-miktub lill-BĊE huwa għandu jispeċifika r-raġunijiet li għalihom ma jkunx (a) tefa’ offerta għal; jew (b) tqabbad jagħmel attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro kif imsemmi fl-Artikolu 4(3).
3. Il-BĊE għandu jivverifika jekk il-manifattur ikunx ikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 u jinforma lill-manifattur bl-eżitu ta’ din il-valutazzjoni fi żmien 30 jum tax-xogħol tal-BĊE mid-data li jkun irċieva t-talba inizjali. Il-BĊE jista’ jestendi dan it-terminu darba, permezz ta’ avviż bil-miktub lill-manifattur. Waqt illi l-BĊE ikun qed jagħmel din il-valutazzjoni, huwa jista’ jitlob tagħrif addizzjonali mingħand il-manifattur b’rabta mar-rekwiżiti elenkati fil-paragrafi 1 u 2. Jekk il-BĊE jitlob tagħrif addizzjonali, huwa għandu jinforma lill-manifattur bl-eżitu tal-valutazzjoni fi żmien 20 jum tax-xogħol tal-BĊE mid-data li jkun irċieva t-tagħrif addizzjonali. Il-BĊE jista’ jiftiehem mal-manifattur li jestendi l-iskadenzi msemmijin f’dan il-paragrafu.
4. F’każ ta’ valutazzjoni pożittiva, il-BĊE għandu jinforma lill-manifattur illi verifika tal-kwalità ser issir minn qabel fil-bini tal-manifattur. It-tim ta’ qabel il-verifika tal-kwalità għandu jinħatar kif stabbilit fl-Artikolu 5(3).
5. Il-BĊE għandu jiċħad it-talba inizjali u jinforma lill-manifattur bil-miktub biċ-ċaħda tiegħu u bir-raġunijiet għal dan jekk tkun tapplika waħda minn dawn li ġejjin:
(a) il-manifattur jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni mitluba skont il-paragrafi 1 u 2;
(b) jonqos milli jagħti informazzjoni addizzjonali mitluba mill-BĊE skont il-paragrafu 3 fi żmien perijodu raġjonevoli li għandu jkun miftiehem bejn iż-żewġ partijiet;
(c) il-BĊE ikun irrevokalu l-akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja jew sħiħa u l-perijodu speċifikat fid-deċiżjoni tar-revoka li matulu jkun hemm projbizzjoni fuq applikazzjoni mill-ġdid ma jkunx skada;
(d) il-pożizzjoni tas-sit tal-manifattura ma jkunx jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(2)(d) u (e);
(e) il-manifattur jippjana li jipproduċi elementi protetti tal-euro u l-BĊE ma jkunx tah akkreditazzjoni tas-sigurtà kif imsemmi fl-Artikolu 4(2)(c).
6. Bla ħsara għal paragrafu 2, jekk manifattur akkreditat jixtieq li jkollu l-akkreditazzjoni tal-kwalità tiegħu mġedda, u sakemm huwa jerġa’ japplika għall-akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja qabel id-data stabbilita skont l-Artikolu 10(2)(c), l-akkreditazzjoni tal-kwalità tiegħu għandha tibqa’ valida sakemm il-BĊE ikun ħa deċiżjoni skont l-Artikolu 10(1).
Artikolu 9
Verifika minn qabel tal-kwalità
1. Il-verifika minn qabel tal-kwalità għandha tibda f’data li tkun ġiet miftiehma bejn il-manifattur u l-BĊE.
2. Il-verifika minn qabel tal-kwalità għandha sseħħ fis-sit tal-manifattura li għalih il-manifattur qed ifittex l-akkreditazzjoni tal-kwalità.
3. It-tim tal-verifika minn qabel tal-kwalità għandu jivvaluta jekk l-arranġamenti dwar il-kwalità li għandu fis-seħħ il-manifattur jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-kwalità malli l-manifattur jibda attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro.
4. It-tim tal-verifika minn qabel tal-kwalità għandu jniżżel dak li jkun sab f’abbozz ta’ rapport ta’ qabel il-verifika. Dan l-abbozz ta’ rapport tal-verifika minn qabel għandu partikolarment ikun fih dettalji dwar dankollu li ġej:
(a) l-arranġamenti dwar il-kwalità li diġà hemm fis-seħħ fis-sit tal-manifattura li huma konformi mar-rekwiżiti tal-kwalità;
(b) kull arranġamenti dwar il-kwalità illi l-manifattur għad irid idaħħal sabiex ikun konformi mar-rekwiżiti tal-kwalità;
(c) il-valutazzjoni tat-tim tal-verifika minn qabel tal-kwalità dwar jekk għandhiex tingħata akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja.
5. L-abbozz tar-rapport tal-verifika minn qabel għandu jintbagħat lill-manifattur fi żmien 30 jum tax-xogħol tal-BĊE mid-data li tintemm il-verifika minn qabel tal-kwalità. Il-manifattur jista’ jikkummenta fi żmien 30 jum tax-xogħol tal-BĊE minn meta jirċevi dwar l-abbozz tar-rapport ta’ qabel il-verifika. Il-BĊE għandu jiffinalizza l-abbozz tar-rapport ta’ qabel il-verifika billi jikkunsidra l-kummenti tal-manifattur qabel ma jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 10. Il-BĊE jista’ jaqbel mal-manifattur li jiġu estiżi l-iskadenzi msemmijin f’dan il-paragrafu.
Artikolu 10
Deċiżjoni dwar akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja
1. Il-BĊE għandu jinnotifika lill-manifattur bil-miktub bid-deċiżjoni tiegħu dwar it-talba għal akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja fi żmien 30 jum tax-xogħol tal-BĊE minn meta jkun irċieva l-kummenti tal-manifattur dwa l-abbozz tar-rapport ta’ qabel il-verifika, jew mill-iskadenza tat-terminu li fih għandhom jingħataw dawn il-kummenti.
2. F’każ ta’ deċiżjoni pożittiva, il-BĊE għandu jagħti lill-manifattur akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja. Id-deċiżjoni tal-BĊE għandha tidentifika b’mod ċar:
(a) il-manifattur;
(b) l-attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro u s-sit tal-manifattura li għalih tkun ingħatat akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja;
(c) id-data tal-iskadenza tal-akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja;
(d) kundizzjonijiet speċifiċi marbutin ma’ punti (a) sa (c).
Id-deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni fir-rapport finali ta’ qabel il-verifika msemmi fl-Artikolu 9(5), li għandu jkun anness mad-deċiżjoni.
3. Manifattur li jkun ingħata akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja jista’ jitfa’ offerta għal jew jiġi mqabbad jagħmel attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro. Meta l-manifattur jibda attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro, huwa għandu immedjatament jagħmel talba bil-miktub lill-BĊE biex iniedi l-proċedura għal akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa skont Taqsima II. Il-verifika tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 6 għandha tibda sa mhux aktar tard minn 12-il xahar mid-data li fiha l-manifattur ikun ingħata akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja.
4. Il-BĊE għandu jispeċifika r-raġunijiet li għalihom ma tingħatax akkreditazjoni tal-kwalità temporanja. Il-manifattur jista’ jniedi l-proċedura għar-reviżjoni stabbilita fl-Artikolu 18.
TAQSIMA IV
OBBLIGI LI JKOMPLU
Artikolu 11
Obbligi li jkomplu ta’ manifatturi akkreditati għall-kwalità u tal-BĊE
1. Manifattur akkreditat għandu, għas-sit tal-mnaifattura relevanti, jipprovdi lill-BĊE b’kopja taċ-ċertifikat għas-sistema tal-ġestjoni tal-kwalità tiegħu kull darba li jiġi mġedded iċ-ċertifikat inizzjali msemmi fl-Artikoli 3(2)(b) u 4(2)(a).
2. Manifattur akkreditat għandu jinforma lill-BĊE bil-miktub u mingħajr dewmien żejjed b’kull waħda minn dawn li ġejjin:
(a) il-bidu ta’ kull proċedura għal-likwidazzjoni jew riorganizzazzjoni tiegħu jew kull proċedura analoga;
(b) il-ħatra ta’ likwidatur, riċevitur, amministratur jew uffiċjal simili;
(c) kull intenzjoni biex jiġu involuti terzi persuni f’attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro, inkluż permezz ta’ għoti ta’ xogħol ta’ kuntratt lil ħaddieħor;
(d) kull bidla li ssir wara li tkun ingħatat l-akkreditazzjoni tal-kwalità u li għandha effett, jew li jista’ jkollha effett, fuq it-twettiq tar-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni tal-kwalità;
(e) kull bidla fil-kontroll tal-manifattur wara bidla fl-istruttura tal-proprjetà tiegħu jew għal kull raġuni oħra.
3. Manifattur akkreditat għandu jżomm ir-rekwiżiti tal-kwalità kunfidenzjali.
4. Il-BĊE għandu jinforma lil manifatturi akkreditati b’kull aġġornament tar-rekwiżiti tal-kwalità.
TAQSIMA V
KONSEGWENZI TAN-NON- KONFORMITÀ
Artikolu 12
Proċedura għat-teħid tad-deċiżjonijiet
1. Meta jkun qed jagħmel osservazzjoni jew fit-teħid ta’ deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikoli 14 sa 17, il-BĊE għandu:
(a) jevalwa n-non-konformità, billi jikkunsidra r-rapport ta’ qabel il-verifika jew ir-rapport ta’ verifika; u
(b) jinforma lill-manifattur bil-miktub bl-osservazzjoni li saret jew id-deċiżjoni li ttieħdet fi żmien 30 jum tax-xogħol tal-BĊE mid-data li jkun irċieva l-kummenti tal-manifattur fuq l-abbozz tar-rapport ta’ qabel il-verifika jew ir-rapport ta’ verifika billi jispeċifika: (i) in-non-konformità; (ii) is-sit tal-manifattuira u l-attività tal-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro magħha hija marbuta l-osservazzjoni jew id-deċiżjoni; (iii) id-data tal-osservazzjoni jew id-data li fiha d-deċiżjoni ssir effettiva; u (iv) ir-raġunijeit għall-osservazzjoni jew deċiżjoni.
2. Fil-każijiet kollha fejn il-BĊE jagħmel osservazzjoni jew jieħu deċiżjoni skont l-Artikoli 14 sa 17, hija għandha tkun proporzjonata mal-gravità tan-non-konformità. Il-BĊE għandu jinforma lill-BĊNi u lill-manifatturi kollha bl-osservazzjoni li tkun saret jew id-deċiżjoni li tkun ittieħdet, u bil-firxa u d-dewmien tagħha. Huwa għandu jispeċifika ukoll illi l-BĊNi ser jiġu nnotifikati b’kull bidla fl-istat tal-manifattur li mhuwiex konformi.
Artikolu 13
Okkażjonijiet ta’ non-konformità
1. In-non-konformità ta’ manifattur mar-rekwiżiti tal-kwalità, ir-rekwiżiti l-oħrajn għall-akkreditazzjoni tal-kwalità, jew l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 11, għandhom ikunu kklassifikati mit-tim tal-verifika minn qabel tal-kwalità jew it-tim tal-verifika f’waħda mill-kategoriji elenkati fil-paragrafi 2 sa 5.
2. Non-konformità illi t-tim tal-verifika minn qabel tal-kwalità jew it-tim tal-verifika jqis illi għandha impatt immedjat u serju fuq il-kwalità tal-produzzjoni tal-manifattur ta’ karti tal-flus tal-euro jew tal-materja prima tal-karti tal-flus tal-euro għandha tikkwalifika bħala non-konformità maġġuri u l-BĊE għandu jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 16.
3. Non-konformità illi t-tim tal-verifika minn qabel tal-kwalità jew it-tim tal-verifika jqis illi m’għandhiex impatt immedjat u serju fuq il-kwalità tal-produzzjoni tal-manifattur ta’ karti tal-flus tal-euro jew tal-materja prima tal-karti tal-flus tal-euro iżda li jista’ jkollha effett negattiv dirett fuq il-kwalità ta’ din il-produzzjoni għandha tikkwalifika bħala non-konformità standard u l-BĊE għandu jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 15.
4. Non-konformità illi t-tim tal-verifika minn qabel tal-kwalità jew it-tim tal-verifika jqis illi m’għandhiex effett negattiv dirett fuq il-kwalità tal-produzzjoni tal-manifattur ta’ karti tal-flus tal-euro jew tal-materja prima tal-karti tal-flus tal-euro iżda li għandu jkun hemm rimedju għaliha qabel il-verifika tal-kwalità li jmiss għandha tiġi msemmija fir-rapport ta’ qabel il-verifika jew fir-rapport ta’ verifika bħala osservazzjoni u l-BĊE għandu jagħmel osservazzjoni bil-miktub skont l-Artikolu 14.
5. Non-konformità li mhijiex ta’ tip imsemmi fil-paragrafi 2 sa 4 għandha tkun imsemmija fir-rapport ta’ qabel il-verifika jew fir-rapport ta’ verifika bħala nota iżda m’għandhiex twassal għal azzjoni ulterjuri skont l-Artikoli 14 sa 17.
Artikolu 14
Osservazzjoni bil-miktub
1. Il-BĊE għandu jagħmel osservazzjoni bil-miktub lill-manifattur f’każ ta’ non-konformità tat-tip imsemmi fl-Artikolu 13(4), li tista’ tiżdied mar-rapport ta’ qabel il-verifika jew mar-rapport ta’ verifika.
2. L-osservazzjoni bil-miktub għandha tgħid illi jekk ma jkunx ġie rimedjat meta ssir il-verifika minn qabel jew il-verifika li jmiss, il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni taħt l-Artikolu 15.
Artikolu 15
Miżuri korrettivi u sospensjoni tal-akkreditazzjoni tal-kwalità b’rabta ma’ ordnijiet ġodda
Jekk tiġi identifikata non-konformità tat-tip imsemmi fl-Artikolu 13(3), iżda l-manifattur jippreżenta każ raġjonevoli illi ser ikun jista’ jirrettifika n-non-konformità, il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni:
(a) li tistabbilixxi, b’konsultazzjoni mal-manifattur, terminu ta’ żmien sabiex il-manifattur jirrimedja għan-non-konformità;
(b) li tispeċifika illi l-manifattur ma jistax jaċċetta ordnijiet għall-attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro relevanti, inkluż a l-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ sejħa għall-offerti, jekk in-non-konformità ma tkunx ġiet rimedjata bl-iskadenza tat-terminu ta’ żmien imsemmi fil-punt (a).
Artikolu 16
Sospensjoni ta’ attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro
1. Jekk tiġi identifikata non-konformità msemmija fl-Artikolu 13(2), it-tim tal-verifika minn qabel tal-kwalità jew it-tim tal-verifika jista’ jirrakkomanda lill-BĊE sospensjoni tal-attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro b’effett immedjat sakemm tkun irrimedjata n-non-konformità. Il-manifattur għandu jipprovdi lit-tim tal-verifika minn qabel tal-kwalità jew lit-tim tal-verifika b’informazzjoni li tikkonċerna kull manifattur ieħor li jista’ jintlaqat mis-sospensjoni bħala klijent jew fornitur.
2. Malli jkun possibbli wara li tidħol fis-seħħ is-sospensjoni skont il-paragrafu 1, it-tim tal-verifika minn qabel tal-kwalità jew it-tim tal-verifika għandu, fil-verifika tal-kwalità ta’ tkomplija, jevalwa jekk ġietx irrimedjata n-non-konformità. Jekk it-tim tal-verifika minn qabel tal-kwalità jew it-tim tal-verifika tal-kwalità jiddeċiedi illi n-non-konformità ġiet irrimedjata, il-BĊE għandu jneħħi s-sospensjoni. Jekk il-manifattur ma jirrettifikax in-non-konformità, il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 17.
Artikolu 17
Revoka tal-akkreditazzjoni tal-kwalità
1. Il-BĊE għandu jirrevoka l-akkreditazzjoni tal-kwalità ta’ manifattur jekk ma jkunx possibbli li tiġi rettifikata non-konformità ta’ tip imsemmi fl-Artikolu 13(2).
2. Fid-deċiżjoni tiegħu li jirrevoka, il-BĊE għandu jispeċifika d-data minn meta l-manifattur jista’ jerġa’ japplika għall-akkreditazzjoni tal-kwalità.
Artikolu 18
Proċedura ta’ reviżjoni
1. jekk il-BĊE jieħu waħda mid-deċiżjonijiet li ġejjin:
(a) jiċħad talba għat-tnedija ta’ proċedura ta’ akkreditazzjoni tal-kwalità temporanja;
(b) jirrifjuta li jagħti akkreditazzjoni tal-kwalità sħiħa jew temporanja;
(c) skont l-Artikoli 14 sa 17
il-manifattur jista’, fi żmien 30 jum tax-xogħol tal-BĊE min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, jissottometti talba bil-miktub lill-Kunsill Governattiv sabiex jirrevedi d-deċiżjoni. Il-manifattur għandu jinkludi r-raġunijiet tiegħu għal din it-talba u l-informazzjoni kollha li tappoġġjaha.
2. Jekk il-manifattur jitlob dan espliċitament, u jagħti raġunijiet, il-Kunsill Governattiv jista’ jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni li trid tiġi reveduta.
3. Il-Kunsill Governattiv għandu jirrevedi d-deċiżjoni u jikkomunika d-deċiżjoni rraġjunata bil-miktub lill-manifattur fi żmien xahrejn minn meta jkun irċieva t-talba.
4. L-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 3 għandha tkun mingħajr preġudizzju għal drittijiet taħt l-Artikoli 263 u 265 tat-Trattat.
TAQSIMA VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 19
Reġistru tal-akkreditazzjoni tal-kwalità tal-BĊE
1. Il-BĊE għandu jżomm reġistru ta’ akkreditazzjonijiet tal-kwalità:
(a) li jelenka l-manifatturi li ngħataw akkreditazzjoni tal-kwalità Sħiħa jew temporanja u s-siti tal-manifattura tagħhom;
(b) li jindika fir-rigward ta’ kull sit tal-manifattura l-attività ta’ produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro li għaliha ngħatat l-akkreditazzjoni tal-kwalità;
(c) li jirreġistra l-iskadenza ta’ kull akkreditazzjoni tal-kwalità.
2. Jekk il-BĊE jieħu deċiżjoni taħt l-Artikolu 16, huwa għandu jirreġistra d-dewmien tas-sospensjoni.
3. Jekk il-BĊE jieħu deċiżjoni taħt l-Artikolu 17, huwa għandu jneħħi l-isem tal-manifattur mir-reġistru.
4. Il-BĊE għandu jipprovdi lill-BĊNi u lill-manifatturi akkreditati b’lista tal-manifatturi kollha li jinsabu fir-reġistru u b’kull aġġornament tagħha.
Artikolu 20
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Mejju 2011.
( 1 ) ĠU L 140, 30.5.2008, p. 26.