2009R1284 — MT — 24.01.2013 — 004.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1284/2009 tat-22 ta’ Diċembru 2009 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fir-rigward tar-Repubblika ta' Ginea (ĠU L 346, 23.12.2009, p.26) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 279/2010 tal-31 ta' Marzu 2010 |
L 86 |
20 |
1.4.2010 |
|
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 269/2011 tal-21 ta’ Marzu 2011 |
L 76 |
1 |
22.3.2011 |
|
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1295/2011 tat-13 ta’ Diċembru 2011 |
L 330 |
1 |
14.12.2011 |
|
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 49/2013 tat-22 ta’ Jannar 2013 |
L 20 |
25 |
23.1.2013 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1284/2009
tat-22 ta’ Diċembru 2009
li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fir-rigward tar-Repubblika ta' Ginea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215(1) u (2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2009/788/PESK tas-27 ta' Ottubru 2009 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika tal-Ginea ( 1 ), kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/1003/PESK tat-22 ta' Diċembru 2009,
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni,
Billi:
(1) |
Il-Pożizzjoni Komuni 2009/788/PESK tipprevedi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward ta' membri tal-Kunsill Nazzjonali għad-Demokrazija u l-Iżvilupp (NCDD) u individwi assoċjati magħhom, responsabbli għar-repressjoni vjolenti tat-28 ta' Settembru 2009 jew l-istaġnar politiku fil-pajjiż. |
(2) |
Dawk il-miżuri jinkludu l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni kif ukoll projbizzjoni fuq il-forniment tal-assistenza teknika u dik finanzjarja u servizzi oħrajn relatati ma' tagħmir militari lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Repubblika tal-Ginea jew għall-użu hemmhekk. Il-miżuri jinkludu wkoll projbizzjoni fuq il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir lir-Repubblika tal-Ginea li jista' jintuża għar-repressjoni interna. |
(3) |
Dawk il-miżuri jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat, għalhekk, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa leġislazzjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex timplimentahom f'dak li jirrigwarda l-Unjoni. |
(4) |
Kull ipproċessar ta' data personali ta' persuni fiżiċi skont dan ir-Regolament għandu josserva r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data ( 2 ) u d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data ( 3 ). |
(5) |
Sabiex jiġi garantit li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) “tagħmir li jkun jista” jintuża għal repressjoni interna' tfisser l-oġġetti elenkati fl-Anness I;
(b) “assistenza teknika” tfisser kull appoġġ tekniku relatat ma' tiswijiet, żvilupp, manifattura, assemblaġġ, ittestjar, manutenzjoni, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u tista' tieħu forom bħalma huma t-tagħlim, il-konsulenza, it-taħriġ, it-trasmissjoni ta' għarfien dwar ix-xogħol jew il-ħiliet professjonali jew is-servizzi ta' konsulenza; inklużi forom verbali ta' assistenza;
(c) “servizzi ta' senserija” tfisser l-attivitajiet ta' persuni, entitajiet u sħubiji li jaġixxu bħala intermedjarji billi jixtru, ibiegħu jew jagħmlu arranġamenti għat-trasferiment ta' oġġetti u teknoloġija, jew jinnegozjaw jew jagħmlu arranġamenti għal transazzjonijiet li jinvolvu t-trasferiment ta' oġġetti u ta' teknoloġija;
(d) “fondi” tfisser attiv u passiv finanzjarji ta' kull tip, li jinkludu iżda mhumiex limitati għal:
(i) flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet ta' flus, abbozzi, money-orders u strumenti oħrajn ta' ħlas;
(ii) depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħrajn, bilanċi f'kontijiet, debiti u obbligazzjonijiet ta' debitu;
(iii) titoli ta' sigurtà nnegozjati kemm pubblikament kif ukoll privatament u strumenti ta' dejn, inklużi stocks u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli ta' sigurtà, bonds, notes, garanziji, obbligazzjonijiet u kuntratti derivattivi;
(iv) imgħax, dividend jew dħul ieħor fuq assi, jew valur li joħroġ minnhom jew li hu ġenerat minnhom;
(v) kreditu, dritt ta' tpaċija, garanziji, titoli eżegwibbli jew impenji finanzjarji oħrajn;
(vi) ittri ta' kreditu, poloz tat-tagħbija, dokumenti ta' bejgħ;
(vii) dokumenti li jixhdu xi interess f'fondi jew riżorsi finanzjarji;
(e) “iffriżar ta' fondi” tfisser il-projbizzjoni ta' ċaqliq, trasferiment, bidla, użu, aċċess għal, jew traffikar ta' fondi li jistgħu b'xi mod iwasslu għal bidla fil-volum, fl-ammont, fil-lokalizzazzjoni, fis-sjieda, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni jew f'bidla oħra li tippermetti l-użu tal-fondi, inkluża l-ġestjoni tal-portafoll;
(f) “riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta' kull xorta, kemm tanġibbli u kif ukoll intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;
(g) “iffriżar ta' riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu tagħhom biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi fi kwalunkwe mod, li jinkludu, iżda mhumiex limitati għall-bejgħ, il-kiri jew l-ipoteki tagħhom;
(h) “territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji li għalihom japplika t-Trattat, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat.
Artikolu 2
Għandu jiġi pprojbit:
(a) li jinbiegħ, jiġi fornut, trasferit jew esportat, direttament jew indirettament, tagħmir li jkun jista' jintuża għal repressjoni interna, kemm jekk joriġina fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Repubblika tal-Ginea, jew għall-użu hemmhekk;
(b) li jiġu pprovduti, direttament jew indirettament, assistenza teknika jew servizzi ta' senserija relatati mat-tagħmir imsemmi fil-punt (a), lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Repubblika tal-Ginea, jew għall-użu hemmhekk;
(c) li jiġu pprovduti, direttament jew indirettament, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mat-tagħmir imsemmi fil-punt (a), lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Repubblika tal-Ginea, jew għall-użu hemmhekk;
(d) li jkun hemm parteċipazzjoni, intenzjonata jew mhux intenzjonata, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jaħarbu mill-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (c).
Artikolu 3
Għandu jiġi pprojbit:
(a) li jiġu pprovduti, direttament jew indirettament, assistenza teknika jew servizzi ta' senserija relatati ma' oġġetti u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea ( 4 ), jew li jirrigwardaw il-provvista, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' oġġetti inklużi f'dik il-lista lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Repubblika tal-Ginea jew għall-użu hemmhekk;
(b) li jiġu pprovduti, direttament jew indirettament, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' oġġetti u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea inklużi, b'mod partikolari, għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu fuq l-esportazzjoni, għal kull bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawn l-oġġetti, jew għall-forniment ta' assistenza teknika relatata lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Repubblika tal-Ginea, jew għall-użu hemmhekk;
(c) li jkun hemm parteċipazzjoni, intenzjonata jew mhux intenzjonata, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jaħarbu mill-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b).
Artikolu 4
1. B’deroga mill-Artikoli 2 u 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif indikati fis-siti tal-Internet elenkati fl-Anness III, jistgħu, f’każijiet debitament ġustifikati, jawtorizzaw:
(a) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna, sakemm ikun maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv, jew għal programmi ta’ bini ta’ istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-Unjoni Ewropea, jew għal operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tan-NU għall-ġestjoni ta’ kriżijiet;
(b) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir mhux letali li jista’ jintuża għar-repressjoni interna, sakemm ikun maħsub biss biex jippermetti lill-pulizija u l-ġendarmerija tar-Repubblika tal-Ginea li jużaw biss forza xierqa u proporzjonata filwaqt li jkunu qegħdin iżommu l-ordni pubbliku;
(c) l-għoti ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja, assistenza teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħrajn relatati ma’ tagħmir jew ma’ programmi u operazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b);
(d) l-għoti ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja, assistenza teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħrajn relatati ma’ tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv, għal programmi ta’ bini ta’ istituzzjonijiet tan-NU u l-Unjoni, jew għal operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tan-NU għall-ġestjoni ta’ kriżijiet;
(e) l-għoti ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja, assistenza teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħrajn relatati ma’ tagħmir militari li mhux letali maħsub unikament biex jippermetti lill-pulizija u l-ġendarmerija tar-Repubblika tal-Ginea li jużaw biss forza xierqa u proporzjonata filwaqt li jkunu qegħdin iżommu l-ordni pubbliku;
(f) l-għoti ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja, assistenza teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħrajn relatati ma’ vetturi li mhumiex tal-ġlied li jkunu ġew manifatturati jew mgħammra b’materjal li jipprovdi protezzjoni ballistika, maħsuba biss għall-użu protettiv ta’ persunal tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fir-Repubblika tal-Ginea;
(g) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ splussivi u ta’ tagħmir relatat kif elenkat fil-punt 4 tal-Anness I, intenzjonat biss għal użu ċivili f’investimenti ta’ estrazzjoni mill-minjieri u infrastruttura, dment li l-ħżin u l-użu tal-isplussivi u tat-tagħmir u tas-servizzi relatati jkunu kkontrollati u vverifikati minn korp indipendenti u l-fornituri tas-servizzi relatati jkunu identifikati;
(h) il-provvista ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja, assistenza teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħra relatati ma’ splussivi u ma’ tagħmir relatat intenzjonat biss għal użu ċivili f’investimenti ta’ estrazzjoni mill-minjieri u infrastruttura dment li l-ħżin u l-użu tal-isplussivi u tat-tagħmir u tas-servizzi relatati jkunu kkontrollati u vverifikati minn korp indipendenti u l-fornituri tas-servizzi relatati jkunu identifikati.
2. L-ebda awtorizzazzjoni m'għandha tingħata għal attivitajiet li diġà seħħew.
3. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra mill-inqas ġimagħtejn qabel bl-intenzjoni li jagħti awtorizzazzjoni msemmija fil-punti (g) u (h) tal-paragrafu 1.
Artikolu 5
L-Artikoli 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-ilbies protettiv, inklużi l-ġkieket tal-flak u elmi militari, esportati temporanjament lejn ir-Repubblika tal-Ginea minn persunal tan-NU, persunal tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-midja u ħaddiema umanitarji u dawk għall-iżvilupp u persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.
Artikolu 6
1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness II, jew li huma proprjetà tagħhom, miżmuma jew kontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati.
2. L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jitpoġġa għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness II jew għall-benefiċċju tagħhom.
3. L-Anness II għandu jikkonsisti mill-persuni identifikati mill-Kummissjoni ta’ Inkjesta Internazzjonali bħala responsabbli għall-avvenimenti tat-28 ta’ Settembru 2009 fir-Repubblika tal-Ginea, u mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi assoċjati magħhom, kif indikat mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/638/PESK tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika tal-Ginea ( 5 ).
4. Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonata, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun, direttament jew indirettament, li jaħarbu mill-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2.
Artikolu 7
Il-projbizzjonijiet disposti fil-punt (b) tal-Artikolu 3 u fl-Artikolu 6(2) m'għandhomx iwasslu għal xi xorta ta’ responsabbiltà min-naħa tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi li poġġew għad-dispożizzjoni fondi jew riżorsi ekonomiċi, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu se jiksru l-projbizzjoni inkwistjoni.
Artikolu 8
1. B'deroga mill-Artikolu 6, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif indikati fis-siti tal-Internet elenkati fl-Anness III jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jitpoġġew għad-dispożizzjoni, skont il-kondizzjonijiet li jidhrilhom li jkunu adatti, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi huma:
(a) meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni li huma elenkati fl-Anness II, u l-membri tal-familja dipendenti fuqhom, inklużi ħlasijiet għal ikel, kera jew ipoteka immobiljari, mediċini u kura medika, taxxi, poloz tal-assigurazzjoni, u l-ħlasijiet għall-użu ta' servizzi pubbliċi;
(b) maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta' spejjeż li huma konnessi mal-provvista ta' servizzi legali;
(c) maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi jew ħlasijiet għal servizzi għaż-żamma ta' rutina ta' fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew
(d) meħtieġa għal spejjeż straordinarji, sakemm l-Istat Membru jkun innotifika bir-raġunijiet li jikkunsidra li għalihom għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni mill-anqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.
2. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.
Artikolu 9
1. B'deroga mill-Artikolu 6, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif indikati fis-siti tal-Internet elenkati fl-Anness III jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni huma s-suġġett ta' rahan ġudizzjarju, amministrattiv jew arbitrali stabbilit qabel id-data li fiha l-persuna, l-entità jew il-korp imsemmi fl-Artikolu 6 ikunu ġew inklużi fl-Anness II, jew ta' sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data;
(b) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni jridu jintużaw esklużivament sabiex jissodisfaw il-pretensjonijiet iggarantiti b'dan ir-rahan jew rikonoxxuti bħala validi f'din is-sentenza, fil-limiti stabbiliti bil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;
(c) ir-rahan jew sentenza mhumiex għall-benefiċċju ta' persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness II; u
(d) ir-rikonoxximent li r-rahan jew is-sentenza ma jmorrux kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.
2. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.
Artikolu 10
1. L-Artikolu 6(2) m'għandux jipprevjeni lill-istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu fl-Unjoni milli jikkreditaw il-kontijiet iffriżati meta jirċievu fondi trasferiti fil-kont ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati, sakemm kwalunkwe żieda għal dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu għandha tinforma bla dewmien lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti b'din it-transazzjoni.
2. L-Artikolu 6(2) m'għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta':
(a) imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew
(b) ħlasijiet dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmi fl-Artikolu 3 jkunu ġew inklużi fl-Anness II,
sakemm dan l-imgħax, dħul, ħlas jew strumenti finanzjarji oħra jkunu ffriżati skont l-Artikolu 6(1).
Artikolu 11
L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew li jiġi rrifjutat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jitpoġġew għad-dispożizzjoni, imwettaq bona fide abbażi tal-fatt li din l-azzjoni tkun konformi ma' dan ir-Regolament, m'għandu jirriżulta fl-ebda tip ta' obbligu fuq il-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jimplimentawh, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jkunx ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kienu ġew iffriżati bħala riżultat ta' negliġenza.
Artikolu 12
1. Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi għandhom:
(a) ifornu immedjatament kwalunkwe informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma' dan ir-Regolament, bħal kontijiet u ammonti ffriżati f'konformità mal-Artikolu 6, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif indikati fis-siti tal-Internet elenkati fl-Anness III għall-pajjiż fejn huma residenti jew ikunu jinstabu, u għandhom jittrasmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-awtorità kompetenti kif indikat fis-siti tal-Internet elenkati fl-Anness III, lill-Kummissjoni; u
(b) jikkoperaw ma' dik l-awtorità kompetenti f'kull verifika ta' din l-informazzjoni.
2. Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tirċievi direttament għandha titpoġġa għad-disposizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.
3. Kwalunkwe informazzjoni li tingħata jew li tiġi riċevuta skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet ipprovduta jew riċevuta.
Artikolu 13
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom immedjatament jinfurmaw lil xulxin bil-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u għandhom jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti konnessa ma' dan ir-Regolament li hija għad-dispożizzjoni tagħhom, b'mod partikolari informazzjoni dwar problemi ta' ksur u ta' infurzar u sentenzi mogħtija mill-qrati nazzjonali.
Artikolu 14
L-Anness II għandu jinkludi, fejn disponibbli, informazzjoni dwar il-persuni fiżiċi elenkati għall-fini tal-identifikazzjoni suffiċjenti tal-persuni kkonċernati.
Din l-informazzjoni tista' tinkludi:
a) il-kunjom u l-ismijiet mogħtija, inklużi psewdonimi u titoli, jekk ikun hemm;
b) id-data u l-post tat-twelid;
c) in-nazzjonalità;
d) in-numri tal-passaport u tal-karti ta’ identità;
e) in-numri tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali;
f) is-sess;
g) l-indirizz jew informazzjoni oħra dwar fejn jinstabu;
h) il-funzjoni jew il-professjoni;
i) id-data tal-ħatra.
L-Anness II jista' jinkludi wkoll informazzjoni għall-fini tal-identifikazzjoni kif imniżżel hawn fuq dwar il-membri tal-familja tal-persuni elenkati, sakemm din l-informazzjoni hija meħtieġa f'każ speċifiku għall-għan uniku li tiġi vverifikata l-identità tal-persuna fiżika elenkata, inkwistjoni.
L-Anness II għandu jinkludi wkoll ir-raġunijiet għall-elenkar, bħall-impjieg.
Artikolu 15
Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li temenda l-Anness III abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.
Artikolu 15a
1. Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 6(1), huwa għandu jemenda l-Anness II kif adatt.
2. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafu 1, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, u b’hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.
3. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew jiġu ppreżentati provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp kif adatt.
4. Il-lista fl-Anness II għandha tiġi riveduta f’intervalli regolari u minn tal-inqas kull 12-il xahar.
Artikolu 16
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni li japplikaw fil-każ ta' ksur ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.
Artikolu 17
1. L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti msemmija f'dan ir-Regolament u għandhom jidentifikawhom fis-siti tal-Internet jew permezz tagħhom elenkati fl-Anness III.
2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.
3. F'dan ir-Regolament, fejn ikun hemm ir-rekwiżit li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata, infurmata jew li ssir xi komunikazzjoni oħra magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li għandhom jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness III.
Artikolu 18
Dan ir-Regolament għandu japplika:
(a) fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;
(b) abbord kull inġenju tal-ajru jew bastiment li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru;
(c) għal kwalunkwe persuna fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu li hija ċittadina ta' Stat Membru;
(d) għal kull persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru;
(e) għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kwalunkwe negozju mwettaq, totalment jew parzjalment, ġewwa l-Unjoni.
Artikolu 19
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
LISTA TA' TAGĦMIR LI JISTA' JINTUŻA GĦAR-REPRESSJONI INTERNA MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 1(A) U 2(A)
1. Armi tan-nar, munizzjon u aċċessorji relatati magħhom, kif ġej:
1.1. Armi tan-nar mhux ikkontrollati mill-ML 1 u l-ML 2 tal-Lista Militari Komuni tal-UE;
1.2. Munizzjon speċjalment maħsub għall-armi tan-nar elenkati fil-punt 1.1 u komponenti iddisinjati apposta għalihom;
1.3. Weapon-sights mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE.
2. Bombi u granati mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE.
3. Vetturi kif ġej:
3.1. Vetturi mgħammra b’kanun tal-ilma, iddisinjati jew immodifikati apposta għall-fini tal-kontroll tal-irvelli;
3.2. Vetturi ddisinjati jew immodifikati apposta biex ikunu elettrifikati biex jimbuttaw lil persuni li jattakkawhom;
3.3. Vetturi ddisinjati jew immodifikati apposta biex ineħħu barrikati, inkluż tagħmir ta’ kostruzzjoni bi protezzjoni ballistika;
3.4. Vetturi ddisinjati apposta għat-trasport jew it-trasferiment ta’ priġunieri u/jew id-detenuti;
3.5. Vetturi ddisinjati apposta biex jiġu skjerati barrieri mobbli;
3.6. Komponenti għall-vetturi speċifikati fil-punti 3.1 sa 3.5 ddisinjati apposta għall-fini tal-kontroll tal-irvelli.
Nota 1 |
Dan il-punt ma jikkontrollax il-vetturi mfasslin apposta għall-finijiet ta’ tifi tan-nar. |
Nota 2 |
Għall-finijiet tal-punt 3.5 it-terminu “vetturi” jinkludi l-karrijiet. |
4. Sustanzi splożivi u tagħmir relatat kif ġej:
4.1. Tagħmir u apparat speċjalment maħsub biex iqabbad splużjonijiet b’mezzi elettriċi jew mhux elettriċi, inklużi settijiet tal-isparar, detonaturi, igniters, boosters u fil detonatur, u komponenti ddisinjati apposta għalihom; minbarra dawk iddisinjati apposta għal użu kummerċjali speċifiku li jikkonsistu fl-attwazzjoni jew l-operat b’mezzi splożivi ta’ tagħmir jew apparat ieħor li l-funzjoni tagħhom mhijiex il-ħolqien ta’ splużjonijiet (pereżempju, in-neffieħa tal-air-bags tal-karozzi, apparat li jipprevjeni ż-żieda f’daqqa tal-elettriku ta’ attivaturi ta’ bexxiexa għat-tifi tan-nar);
4.2. Kargi splożivi linear cutting mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE;
4.3. Splożivi oħrajn mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE u sustanzi relatati kif ġej:
(a) amatol;
(b) nitrocelluloża (li fiha aktar minn 12,5 % nitroġenu);
(c) nitroglikol;
(d) tetranitrat tal-penteritritol (PETN);
(e) klorur tal-pikril;
(f) 2,4,6-trinitrutolwin (TNT).
5. Tagħmir protettiv mhux ikkontrollat mill-ML 13 tal-Lista Militari Komuni tal-UE kif ġej:
5.1. Korazzi tal-persuna li jipprovdu protezzjoni ballistika u/jew kontra ferimenti;
5.2. Elmi li jipprovdu protezzjoni ballistika u/jew mill-frammenti, elmi għal kontra l-irvell, tarki għal kontra l-irvell u tarki ballistiċi.
Nota. Dan il-punt ma jikkontrollax:
— tagħmir speċjalment maħsub għal attivitajiet sportivi;
— tagħmir speċjalment maħsub sabiex jissodisfa rekwiżiti ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
6. Simulaturi, minbarra dawk ikkontrollati mill-ML 14 tal-Lista Militari Komuni tal-UE, għal taħriġ fl-użu ta’ armi tan-nar, u software mfassal apposta għalihom.
7. Tagħmir ta’ viżjoni ta’ bil-lejl, tal-ħolqien ta’ immaġni termali u tubi tal-intensifikazzjoni tal-immaġni, minbarra dawk ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE.
8. Fildiferru mxewwek (barbed wire) li jaqta’.
9. Skieken militari, skieken tal-ġlied u bajunetti b’xafra itwal minn 10 cm.
10. Tagħmir ta’ produzzjoni ddisinjat apposta għall-oġġetti speċifikati f’din il-lista.
11. Teknoloġija speċifika għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu tal-oġġetti speċifikati f’din il-lista.
ANNESS II
Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 6(3)
Isem (u psewdonomi possibbli) |
Informazzjoni għall-identifikazzjoni (data u post tat-twelid (d.t.t. u p.t.t.), numru tal-passaport (Pass.)/karta tal-identità, eċċ.) |
Raġunijiet |
|
1. |
Kaptan Moussa Dadis CAMARA |
d.t.t: 01.01.64 jew 29.12.68 Pass: R0001318 |
Persuna identifikata mill-Kummissjoni Internazzjonali ta' Inkjesta bħala responsabbli għall-avvenimenti tat-28 ta' Settembru 2009 fil-Ginea |
2. |
Kmandant Moussa Tiégboro CAMARA |
d.t.t: 01.01.68 Pass: 7190 |
Persuna identifikata mill-Kummissjoni Internazzjonali ta' Inkjesta bħala responsabbli għall-avvenimenti tat-28 ta' Settembru 2009 fil-Ginea |
3. |
Kurunell Dr. Abdoulaye Chérif DIABY |
d.t.t: 26.02.57 Pass: 13683 |
Persuna identifikata mill-Kummissjoni Internazzjonali ta' Inkjesta bħala responsabbli għall-avvenimenti tat-28 ta' Settembru 2009 fil-Ginea |
4. |
Logutenent Aboubacar Chérif (psewdonomu Toumba) DIAKITÉ |
Persuna identifikata mill-Kummissjoni Internazzjonali ta' Inkjesta bħala responsabbli għall-avvenimenti tat-28 ta' Settembru 2009 fil-Ginea |
|
5. |
Logutenent Jean-Claude PIVI (psewdonomu Coplan) |
d.t.t: 01.01.60 |
Persuna identifikata mill-Kummissjoni Internazzjonali ta' Inkjesta bħala responsabbli għall-avvenimenti tat-28 ta' Settembru 2009 fil-Ginea |
ANNESS III
Websajts għall-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 4, 8, 9, 10(1), 12 u 17 u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea
A. Awtoritajiet kompetenti għal kull Stat Membru:
IL-BELĠJU
http://www.diplomatie.be/eusanctions
IL-BULGARIJA
http://www.mfa.bg/en/pages/135/index.html
IR-REPUBBLIKA ĊEKA
http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce
ID-DANIMARKA
http://um.dk/da/politik-og-diplomati/retsorden/sanktioner/
IL-ĠERMANJA
http://www.bmwi.de/BMWi/Navigation/Aussenwirtschaft/Aussenwirtschaftsrecht/embargos.html
L-ESTONJA
http://www.vm.ee/est/kat_622/
L-IRLANDA
http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519
IL-GREĊJA
http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html
SPANJA
http://www.maec.es/es/MenuPpal/Asuntos/Sanciones%20Internacionales/Paginas/Sanciones_%20Internacionales.aspx
FRANZA
http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/
L-ITALJA
http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm
ĊIPRU
http://www.mfa.gov.cy/sanctions
IL-LATVJA
http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539
IL-LITWANJA
http://www.urm.lt/sanctions
IL-LUSSEMBURGU
http://www.mae.lu/sanctions
L-UNGERIJA
http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/
MALTA
http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp
IL-PAJJIŻI L-BAXXI
www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-vrede-en-veiligheid/sancties
L-AWSTRIJA
http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=
IL-POLONJA
http://www.msz.gov.pl
IL-PORTUGALL
http://www.min-nestrangeiros.pt
IR-RUMANIJA
http://www.mae.ro/node/1548IS
SLOVENJA
http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika_in_mednarodno_pravo/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/
IS-SLOVAKKJA
http://www.foreign.gov.sk
IL-FINLANDJA
http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet
L-ISVEZJA
http://www.ud.se/sanktioner
IR-RENJU UNIT
www.fco.gov.uk/competentauthorities
B. Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea jew komunikazzjonijiet oħra magħha:
Il-Kummissjoni Ewropea
Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI)
EEAS 02/309
1049 Bruxelles/Brussel
BELGIQUE/BELGIË
( 1 ) ĠU L 281, 28.10.2009, p. 7.
( 2 ) ĠU L 8, 12.1.2001, p.1.
( 3 ) ĠU L 281, 23.11.1995, p.31.
( 4 ) ĠU C 65, 19.3.2009, p. 1.
( 5 ) ĠU L 280, 26.10.2010, p. 10.