02009R0715 — MT — 24.12.2018 — 005.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (KE) 715/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Lulju 2009

dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 211 14.8.2009, p. 36)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI 2010/685/UE tal-10 ta’ Novembru 2010

  L 293

67

11.11.2010

►M2

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI 2012/490/UE tal-24 ta’ Awwissu 2012

  L 231

16

28.8.2012

►M3

REGOLAMENT (UE) Nru 347/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-17 ta' April 2013

  L 115

39

25.4.2013

►M4

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/715 Test b'rilevanza għaż-ŻEE tat-30 ta' April 2015

  L 114

9

5.5.2015

►M5

REGOLAMENT (UE) 2018/1999 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Diċembru 2018

  L 328

1

21.12.2018


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 229, 1.9.2009, p.  29 (715/2009)

►C2

Rettifika, ĠU L 309, 24.11.2009, p.  87 (715/2009)




▼B

REGOLAMENT (KE) 715/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Lulju 2009

dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jimmira li:

(a) jiffissa regoli nondiskriminatorji għall-kondizzjonijiet ta’ aċċess għas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, b’kont meħud tal-karatteristiċi speċjali tas-swieq nazzjonali u reġjonali bl-għan li jiġi żgurat il-funzjonament adatt tas-suq intern tal-gass;

(b) jiffissa regoli nondiskriminatorji għall-kondizzjonijiet ta’ aċċess għall-faċilitajiet LNG u l-faċilitajiet ta' ħażna b'kont meħud tal-karatteristiċi speċjali tas-swieq nazzjonali u reġjonali; kif ukoll

(c) jiffaċilita swieq bl-ingrossa li jiffunzjonaw tajjeb u huma trasparenti b'livell għoli ta' sigurtà tal-provvista tal-gass u li jipprovdu mekkaniżmi li jarmonizzaw ir-regoli ta' aċċess għan-netwerk għal skambju transkonfinali tal-gass.

L-għanijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu l-istabbiliment tal-prinċipji armonizzati għat-tariffi, jew il-metodoloġiji sottostanti għall-kalkolu tagħhom, għall-aċċess għan-network, iżda mhux għall-faċilitajiet ta' ħażna, l-istabbiliment ta’ servizzi ta’ aċċess għal partijiet terzi u prinċipji armonizzati għall-allokazzjoni tal-kapaċità u l-amministrazzjoni tal-konġestjoni, id-determinazzjoni tar-rekwiżiti tat-trasparenza, ir-regoli għall-ibbilanċjar u ħlasijiet dovuti għal żbilanċi, u l-faċilitazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kapaċità.

Dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 19(4), għandu japplika biss għall-faċilitajiet ta' ħażna li jaqgħu taħt l-Artikolu 33(3) jew (4) tad-Direttiva 2009/73/KE.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu organu jew korp stabbilit taħt id-Direttiva 2009/73/KE bil-għan li jwettaq funzjoni waħda jew aktar li tipikament ikunu attribwiti lill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, li għandu jkun suġġett għar-rekwiżi ta' dan ir-Regolament. Dan l-organu jew korp għandu jkun suġġett għaċ-ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament u għandu jkun suġġett għall-ħatra skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/73/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.  Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “trażmissjoni” tfisser it-trasport ta’ gass naturali permezz ta’ network, li prinċipalment fih pipelines bi pressjoni għolja, għajr network ta’ pipeline upstream u għajr il-parti ta’ pipelines bi pressjoni għolja użati primarjament fil-kuntest ta’ distribuzzjoni lokali ta’ gass naturali, bil-ħsieb tal-provvista tiegħu lill-klijenti, imma mhux inkluż il-provvista;

(2) “kuntratt ta’ trasport” tfisser kuntratt li l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni ikkonkluda ma’ utent tan-network bil-ħsieb li titwettaq trażmissjoni;

(3) “kapaċità” tfisser il-fluss massimu, espress f’metri kubiċi normali għal kull unità ta’ ħin jew f’unità ta’ enerġija għal kull unità ta’ ħin, li hu intitolat għalih l-utent tan-network taħt id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ trasport;

(4) “kapaċità mhux użata” tfisser kapaċità kostanti li utent tan-network ikun akkwista b'kuntratt ta' trasport iżda li l-utent ma jkunx innomina sal-iskadenza speċifikata fil-kuntratt;

(5) “amministrazzjoni tal-konġestjoni” tfisser amministrazzjoni tal-portafoll tal-kapaċità tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni bil-ħsieb tal-użu ottimali u massimu tal-kapaċità teknika u l-iskoperta fil-ħin ta' punti ta’ konġestjoni u saturazzjoni ġejjinin;

(6) “suq sekondarju” tfisser is-suq tal-kapaċità kkummerċjata x’imkien ieħor għajr fuq is-suq primarju;

(7) “nominazzjoni” tfisser ir-rappurtar minn qabel mill-utent tan-network lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-fluss attwali li huwa jixtieq jinjetta fi jew jiġbed mis-sistema;

(8) “re-nominazzjoni” tfisser ir-rappurtar sussegwenti ta’ nominazzjoni kkoreġuta;

(9) “integrità tas-sistema” tfisser kwalunkwe sitwazzjoni fir-rigward ta’ network ta’ trażmissjoni li tinkludi faċilitajiet meħtiġin ta’ trażmissjoni li fihom il-pressjoni u l-kwalità tal-gass naturali jibqgħu fil-limiti minimi u massimi stabbiliti mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, biex hekk it-trażmissjoni ta’ gass naturali hija garantita mil-lat tekniku;

(10) “perijodu ta’ bbilanċjar” tfisser il-perijodu li fih it-teħid ta’ ammont ta’ gass naturali, espress f’unitajiet ta’ enerġija, irid ikun ikkumpensat minn kull utent tan-network permezz ta’ injezzjoni tal-istess ammont ta’ gass naturali fin-network ta’ trażmissjoni taħt il-kuntratt ta’ trasport jew il-kodiċi tan-network;

(11) “utent tan-network” tfisser klijent jew klijent potenzjali ta’ operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, u l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni nnifishom sa fejn hu meħtieġ biex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ trażmissjoni;

(12) “servizzi interruttibbli” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni fir-rigward ta’ kapaċità li tista’ tiġi interrotta;

(13) “kapaċità interruttibbli” tfisser kapaċità ta’ trażmissjoni ta’ gass li tista’ tiġi interrotta mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni konformement mal-kondizzjonijiet stipulati fil-kuntratt ta’ trasport;

(14) “servizzi għal perijodu fit-tul” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni b'durata ta’ sena jew iktar;

(15) “servizzi għal perijodu qasir” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni b'durata għal inqas minn sena;

(16) “kapaċità kostanti” tfisser kapaċità ta’ trażmissjoni ta’ gass iggarantita b’mod kuntrattwali mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni bħala waħda mhux interruttibbli;

(17) “servizzi kostanti” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni fir-rigward ta’ kapaċità kostanti;

(18) “kapaċità teknika” tfisser il-kapaċità kostanti massima li l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jista' joffri lill-utenti tan-network, b'kont meħud tal-integrità tas-sistema u tar-rekwiżiti operattivi tan-network ta' trażmissjoni;

(19) “kapaċità kuntrattata” tfisser kapaċità li l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jkun alloka lil utent tan-network permezz ta’ kuntratt ta’ trasport;

(20) “kapaċità disponibbli” tfisser il-parti mill-kapaċità teknika li mhijiex allokata u għadha disponibbli għas-sistema f’dak il-mument;

(21) “konġestjoni kuntrattwali” tfisser sitwazzjoni fejn il-livell ta’ domanda għal kapaċità kostanti jeċċedi l-kapaċità teknika;

(22) “suq primarju” tfisser is-suq tal-kapaċità kkummerċjata direttament mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni;

(23) “konġestjoni fiżika” tfisser sitwazzjoni fejn il-livell ta’ domanda għal kunsinni preżenti f’xi ħin partikolari jeċċedi l-kapaċità teknika;

(24) “il-kapaċità ta' faċilità LNG” tfisser il-kapaċità f’terminal LNG għal-likwifikazzjoni ta' gass naturali jew għall-importazzjoni, il-ħatt, is-servizzi anċillari, il-ħżin temporanju u r-rigassifikazzjoni ta’ LNG;

(25) “spazju” tfisser il-volum ta’ gass li utent ta’ faċilità għall-ħżiun jista’ juża għall-ħażna tal-gass;

(26) “kapaċità ta' twassil” tfisser ir-rata li biha l-utent tal-faċilità ta' ħażna jista’ jirtira il-gass minnha;

(27) “injettabbiltà” tfisser ir-rata li biha l-utent tal-faċilità ta' ħażna jista’ jinjetta l-gass fil-faċilità ta' ħażna;

(28) “kapaċità ta' ħżin” tfisser kwalunkwe kombinazzjoni ta' spazju, injettabbiltà u kapaċità ta' twassil.

2.  Mingħajr preġudizzju għad-definizzjonijiet fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu d-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73/KE, li huma rilevanti għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw ukoll ħlief għad-definizzjoni ta' trażmissjoni fil-punt 3 ta' dak l-Artikolu.

Id-definizzjonijiet fil-punti 3 sa 23 tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu relatati ma' trażmissjoni japplikaw b'analoġija f'relazzjoni mal-ħażna u ta' LNG.

Artikolu 3

Ċertifikazzjoni ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha teżamina kwalunkwe notifika ta' deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' operatur tas-sistema ta' trażmissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2009/73/KE, hekk kif tirċievi n-notifika. Fi żmien xahrejn mill-jum li fih tkun irċeviet din in-notifika, il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 10(2) jew l-Artikolu 11, u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/73/KE.

Fit-tħejjija tal-opinjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Aġenzija tagħti l-opinjoni tagħha dwar id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali. F'tali każ, il-perijodu ta' xahrejn imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jittawwal b'xahrejn oħra.

Fin-nuqqas ta' opinjoni mill-Kummissjoni fil-perijodi msemmijin fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, il-Kummissjoni titqies li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja.

2.  Fi żmien xahrejn Meta tirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha, tadotta d-deċiżjoni finali tagħha rigward iċ-ċertifikazzjoni tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, filwaqt li tieħu kont kemm jista' jkun ta' dik l-opinjoni. Id-deċiżjoni tal-awtorita' regulatorja u l-opinjoni tal-Kummissjoni għandhom ikunu ppubblikati flimkien.

3.  Fi kwalunkwe waqt matul il-proċedura, l-awtoritajiet regolatorji u/jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni u/jew lill-impriżi li jwettqu kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta' produzzjoni jew li jipprovdu kull informazzjoni rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom taħt dan l-Artikolu.

4.  L-awtoritajiet Regolatorji u l-Kummissjoni għandhom jippreservaw il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

5.  Il-Kummissjoni tista' tadotta Linji gwida li jistabbilixxu d-dettalji tal-proċedura li għandha tiġi segwita għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorju bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(2).

6.  Fejn il-Kummissjoni tkun irċeviet notifika dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' operatur tas-sistema ta' trażmissjoni taħt l-Artikolu 9(10) tad-Direttiva 2009/73/KE, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni. L-awtorità regolatorja għandha tikkonforma mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu 4

Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Gass

L-operaturi kollha ta' Sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkoperaw fil-livell Komunitarju permezz tal-ENTSO tal-Gass sabiex tiġi promossa t-tkomplija u t-tħaddim tas-suq intern għall-gass naturali u għall-kummerċ transkonfinali u biex tiġi żgurata l-amministrazzjoni ottima, l-operazzjoni kkoordinata u evoluzzjoni teknika soda tan-network Ewropew għat-trażmissjoni tal-gass naturali.

Artikolu 5

Stabbiliment tal-ENTSO tal-Gass

1.  Sat-3 ta' Marzu 2011, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tal-gass għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija l-abbozz tal-istatuti, lista ta' membri u abbozz tar-regoli ta' proċedura, inkluż ir-regoli ta' proċedura dwar il-konsultazzjoni ta' partijiet interessati oħrajn tal-ENTSO tal-Gass li jrid jiġi stabbilit.

2.  Fi żmien xahrejn mill-jum meta tirċevihom, l-Aġenzija, wara li formalment tikkonsulta l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-utenti tas-sistema inklużi l-klijenti, għandha tagħti opinjoni lill-Kummissjoni dwar l-abbozz ta' statuti, lista ta' membri u abbozz ta' regoli ta' proċedura.

3.  Il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar l-abbozz tal-istatuti, il-lista tal-membri u l-abbozz tar-regoli ta' proċedura billi tieħu kont tal-opinjoni tal-Aġenzija mogħtija taħt il-paragrafu 2 u fi żmien 3 xhur meta tirċievi l-opinjoni.

4.  Fi żmien tliet xhur mill-jum meta tirċevi l-opinjoni tal-Kummissjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu l-ENTSO tal-Gass, jadottaw u jippubblikawhom l-istatuti u r-regoli ta' proċeduri tiegħu.

Artikolu 6

Stabbiliment tal-Kodiċijiet tan-netwerk

1.  Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-Aġenzija, l-ENTSO tal-Gass u partijiet interessati relevanti oħrajn, tistabbilixxi lista ta' prijoritajiet annwali li tidentifika l-oqsma stabbiliti fl-Artikolu 8(6) li għandhom ikunu inklużi fl-iżvilupp tan-network tal-kodiċijiet.

2.  Il-Kummissjoni għandha titlob lill-Aġenzija tippreżentalha fi żmien raġonevoli raġonevoli ta' mhux aktar minn sitt xhur qafas ta' linji gwida mhux obbligatorji (qafas ta’ linji gwida) li jipprovdu prinċipji ċari u oġġettivi, konformement mal-Artikolu 8(7), għall-iżvilupp ta' kodiċijiet tan-network relatati mal-oqsma identifikati fil-lista ta' prijoritajiet. Kull Qafas ta’ Linja Gwida għandu jikkontribwixxi għan-nondiskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva u funzjonament effiċjenti tas-suq. Fuq talba motivata mill-Aġenzija, il-Kummissjoni tista' testendi dak il-perijodu.

3.  L-Aġenzija għandha formalment tikkonsulta lill-ENTSO tal-Gass u lil partijiet interessati relevanti oħrajn dwar il-qafas ta' linji gwida, matul perijodu ta' mhux inqas minn xahrejn, b'mod miftuħ u trasparenti.

4.  Jekk il-Kummissjoni tqis li l-qafas ta' linji gwida ma jikkontribwixxix għan-nondiskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva u funzjonament effiċjenti tas-suq, hija tista' titlob lill-Aġenzija tirrivedi l-qafas ta' linji gwida f'perijodu ta' żmien raġonevoli, u terġa' tippreżentah lill-Kummissjoni.

5.  Jekk l-Aġenzija tonqos milli tippreżenta jew li terġa' tippreżenta mill-ġdid qafas ta' linji gwida fil-perijodu stabbilit mill-Kummissjoni taħt il-paragrafi 2 jew 4, il-Kummissjoni għandha tħejji l-qafas ta' linji gwida in kwistjoni.

6.  Il-Kummissjoni għandha titlob lill-ENTSO tal-Gass biex jippreżenta lill-Aġenzija kodiċi tan-network li jikkonforma mal-qafas ta' linji gwida relevanti, fi żmien perijodu raġonevoli ta' mhux aktar minn tnax-il xahar.

7.  Fi żmien perijodu ta' tliet xhur wara l-jum li fih tirċievi kodiċi tan-network, matul liema perijodu l-Aġenzija tista' tikkonsulta formalment mal-partijiet interessati relevanti, l-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni raġunata lill-ENTSO tal-Gass dwar il-kodiċi tan-network.

8.  L-ENTSO tal-Gass jista' jemenda l-kodiċi tan-network fid-dawl tal-opinjoni tal-Aġenzija u jerġa' jippreżentah lill-Aġenzija.

9.  Ladarba l-Aġenzija tkun sodisfatta li l-kodiċi tan-network jikkonforma mal-qafas ta' linji gwida relevanti mhux obbligatorji, l-Aġenzija għandha tippreżenta l-kodiċi tan-network lill-Kummissjoni u tista' tirrakkomanda li jiġi adottat f'perjodu raġonevoli ta' żmien. Il-Kummissjoni għandha tagħti r-raġunijiet fil-każ li ma tadottax il-kodiċi.

10.  Fejn l-ENTSO tal-Gass ma jkunx żviluppa kodiċi tan-network fi żmien il-perijodu stabbilit mill-Kummissjoni taħt il-paragrafu 6, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Aġenzija biex tħejji abbozz ta' kodiċi tan-network fuq il-bażi tal-qafas ta' linji gwida relevanti. L-Aġenzija tista' tniedi konsultazzjoni oħra matul it-tħejjija ta' abbozz ta' kodiċi tan-network taħt dan il-paragrafu. L-Aġenzija għandha tippreżenta lill-Kummissjoni abbozz ta' kodiċi tan-network imħejji taħt dan il-paragrafu u tista' tirrakkomanda li jiġi adottat.

11.  Il-Kummissjoni tista’ tadotta, fuq inizjattiva tagħha meta l-ENTSO tal-Gass ikun naqas milli jħejji kodiċi tan-network, jew l-Aġenzija tkun naqset milli tħejji abbozz ta' kodiċi tan-network kif imsemmi fil-paragrafu 10 ta' dan l-Artikolu, jew fuq rakkomandazzjoni tal-Aġenzija taħt il-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu, kodiċi wieħed jew aktar tan-network fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 8(6).

Jekk il-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta' kodiċi ta' network fuq inizjattiva tagħha, hija tista' tikkonsulta lill-Aġenzija, l-ENTSO tal-Gass u l- partijiet interessati relevanti kollha dwar abbozz ta' kodiċi tan-netwrok matul perijodu ta' mhux inqas minn xahrejn. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorju bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(2).

12.  Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li tadotta u temenda l-Linji Gwida kif stabbilit fl-Artikolu 23.

Artikolu 7

Modifika tal-Kodiċijiet tan-Network

1.  Abbozzi ta' emendi għal kwalunkwe kodiċi tan-network adottat taħt l-Artikolu 6 jistgħu jiġu proposti lill-Aġenzija minn persuni li x'aktarx ikunu interessati f'dak il-kodiċi tan-network, inklużi l-ENTSO tal-Gass, operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, utenti tan-network u konsumaturi. L-Aġenzija tista' wkoll tipproponi emendi fuq inizjattiva tagħha stess.

2.  L-Aġenzija għandha tikkonsulta lill-partijiet interessati kollha bi qbil mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009. Wara dan il-proċess, l-Aġenzija tista' tagħmel proposti raġunati għal emendi lill-Kummissjoni, u tispjega kif dawn il-proposti jkunu konsistenti mal-objettivi tal-kodiċijiet tan-network stabbiliti fl-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.

3.  Il-Kummissjoni tista' tadotta, wara li tqis il-proposti tal-Aġenzija, emendi għal kwalunkwe kodiċi tan-network adottat taħt l-Artikolu 6. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorju bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(2).

4.  Il-konsiderazzjoni tal-emendi proposti konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 28(2) għandha tkun limitata għal konsiderazzjoni tal-aspetti marbuta mal-emenda proposta. Dawk l-emendi proposti huma mingħajr preġudizzju għal xi emendi oħra li tista' tipproponi l-Kummissjoni.

Artikolu 8

Kompiti tal-ENTSO tal-Gass

1.  L-ENTSO tal-Gass għandu jelabora kodiċijiet tan-network fl-oqsma msemmijin fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu fuq stedina indirizzata lilu mill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 6(6).

2.  L-ENTSO tal-Gass jista' jelabora kodiċijiet tan-netwerk fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 6 bil-għan li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 4 fejn dawk il-kodiċijiet tan-netwerk ma jirrelatawx ma' oqsma koperti minn stedina indirizzata lilu mill-Kummissjoni. Dawn il-kodiċijiet tan-network għandhom ikunu ppreżentati lill-Aġenzija għal opinjoni. Din l-opinjoni għandha titqies kif xieraq mill-ENTSO għall-Gass.

3.  L-ENTSO tal-Gass għandu jadotta:

(a) għodod komuni għall-operat tan-netwerk biex jiżguraw il-koordinazzjoni ta' operazzjoni tan-netwerk f'kundizzjonijiet normali u ta' emerġenza, inkluża skala ta' klassifikazzjoni tal-aċċidenti komuni, u pjanijiet ta' riċerka;

(b) kull sentejn, pjan ta' żvilupp mhux obbligatorju tan-network għall-Komunità kollha fuq firxa ta’ għaxar snin, (pjan ta' żvilupp tan-network għall-Komunità kollha), inkluż prospett dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea;

(c) rakkomandazzjonijiet dwar il-koordinament ta' kooperazzjoni teknika bejn il-Komunità u operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni f'pajjiżi terzi;

(d) programm ta' ħidma annwali;

(e) rapport annwali;

(f) prospetti annwali dwar il-provvista għas-sajf u għax-xitwa;

4.  Il-prospett dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 3 għandu jkopri l-adegwatezza ġenerali tas-sistema tal-gass għall-provvista ta' talbiet preżenti u proġettati għall-gass għall-perijodu li ġej ta' ħames snin kif ukoll għall-perijodu ta' bejn ħames u għaxar snin mid-data ta' dak il-prospett. Il-prospett dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea għandu jinbena fuq prospetti nazzjonali rigward il-provvista imħejjijin minn kull operatur individwali tas-sistema ta' trażmissjoni.

5.  Il-programm ta' ħidma annwali msemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 3 għandu jinkludi lista u deskrizzjoni tal-kodiċijiet tan-network li għandhom jitħejjew, pjan dwar il-koordinazzjoni tal-operat tan-network u l-attivitiajiet ta' riċerka u żvilupp, li għandhom jitwettqu f'dik is-sena, u kalendarju indikattiv.

6.  Il-kodiċijiet tan-network imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikopru l-oqsma li ġejjin, b'kont meħud, jekk ikun il-każ, tal-karatteristiċi speċjali, reġjonali tagħhom:

(a) regoli dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà tan-network;

(b) regoli dwar il-konnessjoni man-network;

(c) regoli ta’ aċċess għal partijiet terzi;

(d) regoli dwar l-iskambju ta' data u dwar l-issetiljar;

(e) regoli dwar l-interoperabbiltà;

(f) proċeduri operattivi f’emerġenza;

(g) allokazzjoni ta' kapaċità u regoli dwar it-tmexxija ta' konġestjoni;

(h) regoli għall-kummerċ relatati mal-proviżjoni teknika u operattiva tas-servizzi ta' aċċess għan-network; servizzi u l-ibbilanċjar tas-sistema;

(i) regoli dwar it-trasparenza;

(j) regoli ta' bbilanċjar inklużi regoli relatati man-network rigward proċeduri dwar nominazzjonijiet, regoli ta' ħlasijiet għal nuqqas ta’ bilanċ u regoli ta' bbilanċjar operattiv bejn is-sistemi tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni; u

(k) regoli dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tariffarji għat-trażmissjoni; kif ukoll

(l) l-effiċjenza fl-enerġija tan-networks tal-gass.

7.  Il-kodiċijiet tan-network għandhom jiġu żviluppati għal kwistjonijiet transkonfinali tan-network u ta’ integrazzjoni fis-suq u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu kodiċijiet tan-netwerk nazzjonali li ma jaffettwawx il-kummerċ transkonfinali.

8.  L-ENTSO tal-Gass għandu jissorvelja u janalizza l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet u l-linji gwida adottati mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 6(11), u l-effett tagħhom fuq l-armonizzazzjoni ta' regoli applikabbli mmirati għall-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tas-suq. L-ENTSO tal-Gass għandu jirrapporta s-sejbiet tiegħu lill-Aġenzija u għandu jinkludi r-riżultati tal-analiżi fir-rapport annwali msemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 3.

9.  L-ENTSO tal-Gass għandu jagħmel disponsibbli l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Aġenzija biex twettaq il-kompiti tagħha taħt l-Artikolu 9(1).

10.  L-ENTSO tal-Gass kull sentejn għandu jadotta u jippublika pjan ta' żvilupp tan-network għall-Komunità kollha imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 3 fuq firxa ta' għaxar snin. Il-pjan ta' żvilupp tan-network għall-Komunità kollha għandu jinkludi t-tfassil tan-network integrat, l-iżvilupp tax-xenarju, prospett dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea u valutazzjoni tal-kapaċità ta' rkupru tas-sistema.

Il-pjan ta' żvilupp tan-network għall-Komunita kollha għandu, b'mod partikolari:

▼M3

(a) jibni fuq pjanijiet ta’ investiment nazzjonali, waqt li jitqiesu l-pjanijiet ta’ investiment reġjonali kif imsemmijin fl-Artikolu 12(1), u, jekk ikun il-każ, l-aspetti tal-Unjoni tal-ippjanar tan-netwerk, kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea ( 1 ); għandu jkun soġġett għal analiżi tal-benefiċċji meta mqabblin mal-ispejjeż permezz tal-metodoloġija stabbilita kif stipulat fl-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament;

▼B

(b) rigward l-interkonnessjonijiet transkonfinali, jibni wkoll fuq il-ħtiġijiet raġonevoli tal-utenti differenti tan-netwerk u jintegra impenji ta' perijodu fit-tul mill-investituri, kif imsemmija fl-Artikoli 14 u 22 tad-Direttiva 2009/73/KE; u

(c) jidentifika l-lakuni fl-investiment, notevolment fir-rigward ta' kapaċitajiet transkonfinali.

Fir-rigward tal-punt (c) tat-tieni subparagrafu, Għandha tiġi annessa mal-pjan ta' investiment, reviżjoni ta' l-ostakoli għal żieda fil-kapaċità transkonfinali tan-network minn diversi proċeduri jew prattiki ta' approvazzjoni tista’ tiġi annessa mal-pjan ta' żvilupp tan-network għall-Komunità kollha.

11.  L-aġenzija għandha tirrevedi l-pjanijiet nazzjonali fuq għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk biex tiġi evalwata l-konsistenza tagħhom mal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk fuq għaxar snin għall-Komunità kollha. Jekk l-aġenzija tidentifika inkonsistenzi bejn pjanijiet nazzjonali fuq għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk u l-pjan ta' żvilupp tan-netwerk fuq għaxar snin għall-Komunità kollha, hija għandha tirrakkomanda biex temenda il-pjan ta' żvilupp tan-netwerk nazzjonali għal għaxar snin jew il-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Komunità kollha skont kif ikun xieraq. Jekk dan il-pjan ta' żvilupp tan-netwerk nazzjonali għal għaxar snin ikun elaborat skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/73/KE, l-Aġenzija għandha tirrakkomanda li l-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti temenda l-pjan ta' żvilupp fuq għaxar snin tan-netwerk nazzjonali skont l-Artikolu 22(7) ta’ dik id-Direttiva u tinforma lill-Kummissjoni b'dan.

12.  Fuq tal-talba tal-Kummissjoni, l-ENTSO tal-Gass għandu jaħti l-opinjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tal-Linji Gwida stabbiliti fl-Artikolu 23.

Artikolu 9

Sorveljanza mill-Aġenzija

1.  L-Aġenzija għandha tissorvelja l-eżekuzzjoni tal-kompiti msemmijin fl-Artikolu 8(1) tal-ENTSO tal-Gass, u tirrapporta lill-Kummissjoni.

L-Aġenzija għandha tissorvelja l-implimentazzjoni mill-ENTSO tal-Gass tal-kodiċijiet tan-network elaborati taħt l-Artikolu 8(2) u l-kodiċijiet tan-network li ġew żviluppati taħt l-Artikolu 6(1) sa (10) iżda li ma ġewx adottati mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 6(11). Meta l-ENTSO tal-Gass tkun naqset milli timplimenta kull kodiċi ta' netwerk ta' dan it-tip, l-Aġenzija għadha titlob lill-ENTSO tal-Gass biex tipprovdi spjegazzjoni raġunata kif xieraq dwar l-għaliex tkun naqqset milli tagħmel dan. L-Aġenzija għandha tinforma lill-Kummissjoni b'dik l-ispjegazzjoni u tipprovdi l-opinjoni tagħha.

L-Aġenzija għandha tissorvelja u tanalizza l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-network u l-linji gwida adottati mill-Kummissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 6(11), u l-effett tagħhom fuq l-armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli mmirati għall-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tas-suq kif ukoll fuq in-nondiskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva, funzjonament effiċjenti tas-suq, u tirrapporta lill-Kummissjoni.

2.  L-ENTSO tal-Gass għandu jippreżenta l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Komunità kollha u l-abbozz ta' programm ta' ħidma annwali, inkluża l-informazzjoni dwar il-proċess ta' konsultazzjoni u d-dokumenti l-oħra msemmija fl-Artikolu 8(3), lill-Aġenzija għall-opinjoni tagħha.

Fi żmien xahrejn mill-jum tar-riċezzjoni, l-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni debitament raġunata kif ukoll rakkomandazzjonijiet lill-ENTSO tal-Gass u lill-Kummissjoni jekk tqis li l-abbozz ta' programm ta' ħidma annwali jew l-abbozz mhux obbligatorju tal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Komunità kollha preżentati mill-ENTSO tal-Gass ma jikkontribwixxix għan-nondiskriminazzjoni, għall-kompetizzjoni effettiva, għall-funzjonament effiċjenti tas-suq jew għal livell suffiċjenti ta' interkonnessjoni transkonfinali miftuħa għall-aċċess mill-partijiet terzi.

Artikolu 10

Konsultazzjonijiiet

1.  Waqt il-preparazzjoni tal-kodiċijiet tan-network, l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp tan-network għall-Komunita kollha u l-programm ta’ ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 8(1), (2) u (3), l-ENTSO tal-Gass għandu jwettaq proċess ta' konsultazzjoni estensiv, fi stadju bikri u b'mod miftuħ u trasparenti mal-parteċipanti relevanti kollha fis-suq, u b'mod partikolari mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet interessati kollha. Il-konsultazzjoni għandha tinvolvi wkoll awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet nazzjonali oħrajn, impriżi ta' provvista u produzzjoni, l-utenti tan-networks inkluż il-klijenti, operaturi ta' sistema ta' distribuzzjoni, inklużi assoċjazzjonijiet relevanti fl-industrija, korpi tekniċi u pjattaformi ta' partijiet interessati u pertinenti. Huwa għandu jimmira lejn l-identifikazzjoni tal-fehmiet u l-proposti tal-partijiet relevanti kollha fil-proċess tat-tfassil tad-deċiżjonijiet.

2.  Id-dokumenti kollha u l-minuti tal-laqgħat relatati mas-suġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru pubbliċi.

3.  Qabel ma jiġi adottat il-programm ta' ħidma annwali u l-kodiċijiet tan-network imsemmijin fl-Artikolu 8(1), (2) u (3), l-ENTSO tal-Gass għandu jindika kif l-osservazzjonijiet li jkun irċieva waqt il-konsultazzjoni u kif dawn l-osservazzjonijiet ikunu tqiesu. Għandu jagħti raġunijiet fejn l-osservazzjonijiet ma tqisux.

▼M3

Artikolu 11

Spejjeż

L-ispejjeż relatati mal-attivitajiet tal-ENTSO tal-Gass imsemmi fl-Artikoli 4 sa 12 ta’ dan ir-Regolament u fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 għandhom jiġġarrbu mill-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni u għandhom jitqiesu fil-kalkolu tat-tariffi. L-awtoritajiet regolatorji għandhom japprovaw dawn l-ispejjeż biss jekk ikunu raġonevoli u xierqa.

▼B

Artikolu 12

Koperazzjoni reġjonali tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni

1.  L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu koperazzjoni reġjonali fi ħdan l-ENTSO tal-Gass sabiex din tikkontribwixxi għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 8(1), (2) u (3). B'mod partikolari, għandhom jippubblikaw pjan ta' investiment reġjonali kull sentejn, u jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment ibbażati fuq dak il-pjan ta' investiment reġjonali.

2.  L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippromwovu arranġamenti operattivi sabiex jiżguraw ġestjoni ottimali tan-netwerk, u għandhom jippromwovu l-iżvilupp ta' skambji tal-enerġija, l-allokazzjoni koordinata ta' kapaċità transkonfinali permezz ta' soluzzjonijiet nondiskriminatorji bbażati fuq is-suq, bl-attenzjoni dovuta għall-merti speċifiċi ta' irkantijiet impliċiti għal allokazzjonijiet fuq il-perijodu qasir, u l-integrazzjoni ta' mekkaniżmi ta' bbilanċjar.

3.  Sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-paragrafi 1 u 2, iż-żona ġeografika koperta minn kull struttura ta' koperazzjoni reġjonali tista' tkun definita mill-Kummissjoni, b'kont meħud tal-istrutturi reġjonali ta' koperazzjoni eżistenti. Kull Stat Membru għandu jkun jista' jippromwovi l-koperazzjoni f'aktar minn żona ġeografika waħda. Din il-miżura, imfassla biex temenda l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi tissupplimentah għandha tiġi adottata konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(2).

Għal dak il-fini, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-ENTSO tal-Gass u lill-Aġenzija.

Artikolu 13

Tariffi għal aċċess għan-netwerks

1.  It-tariffi, jew il-metodoloġiji użati sabiex dawn jiġu kalkolati, applikati minn operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u approvati mill-awtoritajiet regolatorji fl-Artikolu 41(6) tad-Direttiva 2009/73/KE kif ukoll it-tariffi ppubblikati fl-Artikolu 32(1) ta' dik id-Direttiva, għandhom ikunu trasparenti, jieħdu kont tal-ħtieġa tal-integrità tas-sistema u t-titjib tagħha u jirriflettu l-ispejjeż effettivament magħmulin, sa fejn dawn l-ispejjeż jikkorrispondu ma' dawk ta' operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli tan-netwerk u jkunu trasparenti filwaqt li jinkludu qligħ xieraq fuq l-investimenti, u fejn ikun il-każ b'kont meħud tal-benchmarking ta' tariffi mill-awtoritajiet regolatorji. It-tariffi, jew il-metodi li jintużaw biex jikkalkulawhom, għandhom jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li t-tariffi jistgħu jiġu ddeterminati wkoll permezz ta' arranġamenti bbażati fuq is-suq, bħal irkantijiet, sakemm tali arranġamenti u d-dħul li jirriżulta minnhom ikunu approvati mill-awtorità regolatorja.

It-tariffi, jew il-metodi użati biex jikkalkulawhom, għandhom jiffaċilitaw il-kummerc effiċjenti tal-gass u l-kompetizzjoni, u fl-istess ħin jevitaw sussidji bejn l-utenti tan-netwerk u jipprovdu inċentivi għall-investiment u jżommu jew joħolqu interoperabilità għan-netwerks ta’ trażmissjoni.

It-tariffi għall-utenti tan-network m’għandhomx ikunu diskriminatorju u għandhom jiġu stabbiliti separatament għal kull punt ta' dħul fi jew punt tal-ħruġ mis-sistema ta' trażmissjoni. Il-mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kost u l-metodoliġija għall-istabbiliment tar-rata rigward il-punti tad-dħul u l-punti tal-ħruġ għandhom ikunu approvati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Sat-3 ta' Settembru 2011 l-Istati Membri għandhom jiżguraw li wara perijodu transitorju, jiġifieri, il-ħlasijiet tan-network m'għandhomx ikunu kkalkulati abbażi ta' linji kuntrattwali.

2.  It-tariffi għal aċċess għan-network m'għandhomx jirrestrinġu l-likwidità tas-suq jew jikkawżaw distorsjoni fil-kummerċ bejn il-fruntieri ta’ sistemi ta’ trażmissjoni differenti. Fejn id-differenzi fl-istrutturi tat-tariffi jew fil-mekkaniżmi ta' bbilanċjar ifixklu l-kummerċ bejn is-sistemi ta' trażmissjoni, u minkejja l-Artikolu 41(6) tad-Direttiva 2009/73/KE l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom, f'koperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali relevanti, attivament isaħħu l-konverġenza tal-istrutturi ta' tariffi u tal-prinċipji ta' ħlas anke fir-rigward tal-ibbilanċjar.

Artikolu 14

Aċċess lill-partijiet terzi għal servizzi tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni

1.  L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom:

(a) jiżguraw li joffru servizzi fuq bażi nondiskriminatorja lill-utenti kollha tan-network;

(b) jipprovdu kemm servizzi ta' aċċess għal partijiet terzi li jkunu sodi u mingħajr interruzzjoni. Il-prezz tal-kapaċità interruttibbli għandu jirrifletti l-probabbiltà ta' interruzzjoni;

(c) joffru lill-utenti tan-network servizzi kemm għal perijodu fit-tul kif ukoll għal perijodu qasir.

Fir-rigward tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, fejn operatur tas-sistema ta' trażmissjoni joffri l-istess servizz lil klijenti differenti, huwa għandu jagħmel dan taħt termini u kondizzjonijiet kuntrattwali ekwivalenti, jew billi juża kuntratti ta' trasport armonizzati jew kodiċi komuni tan-netwerk approvati mill-awtorità kompetenti konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41 tad-Direttiva 2009/73/KE;

2.  Il-kuntratti ta’ trasport iffirmati b’dati ta’ bidu li mhumiex standard jew għal żmien iqsar minn dak ta' kuntratt standard ta’ trasport annwali ma għandhomx jirriżultaw f’tariffi li jkunu arbitrarjament ogħla jew iktar baxxi u li ma jirriflettux il-valur fis-suq tas-servizz, konformement mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 13(1).

3.  Fejn ikun il-każ, jistgħu jingħataw servizzi ta' aċċess għal partijiet terzisuġġett għal garanziji adegwati mingħand l-utenti tan-network fir-rigward tal-affidabbiltà tal-kreditu tagħhom. Dawn il-garanziji ma għandhomx jikkostitwixxu ostakoli mhux ġustifikati għad-dħul fis-suq u għandhom ikunu nondiskriminatorji, trasparenti u proporzjonati.

Artikolu 15

Servizzi ta' Aċċess għal partijiet terzi fir-rigward ta' faċilitajiet ta' ħażna u LNG

1.  L-operaturi tas-sistemi ta' LNG u ta' ħażna għandhom:

(a) jiżguraw li joffru servizzi fuq bażi mhux diskriminatorja lill-utenti kollha tan-network li jilqgħu d-domanda tas-suq. B'mod partikolari, fejn operatur tas-sistema ta' LNG jew ta' ħażna joffri l-istess servizz lil klijenti differenti, għandu jagħmel dan taħt termini u kondizzjonijiet kuntrattwali ndaqs;

(b) joffru servizzi li huma kompatibbli mal-użu tas-sistemi interkonnessi ta' trasportazzjoni tal-gass u huma għandhom jiffaċilitaw l-aċċess permezz ta' koperazzjoni mal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni; kif ukoll

(c) jagħmlu pubbliku kull tagħrif rilevanti, b'mod partikulari data fuq l-użu u d-disponibbiltà tas-servizzi, fi żmien kompatibbli mal-bżonnijiet kummerċjali raġonevoli ta' l-utenti tal-faċilità ta' ħażna jew LNG, bil-kondizzjoni li dawn il-pubblikazzjonijiet jiġu sorveljati mill-awtorità kompetenti.

2.  Kull operatur tas-sistema ta' ħażna għandu:

(a) jipprovdi servizzi ta' aċċess għal partijiet terzi li jkunu sodi u mingħajr interruzzjoni; il-prezz tal-kapaċità li tista' tiġi interrotta għandu jirrifletti l-probabbiltà ta' interuzzjoni; u

(b) joffri lill-utenti tal-faċilità ta' ħażna servizzi kemm għal perijodu fit-tul kif ukoll għal perijodu qasir;

(c) joffri lill-utenti tal-faċilità ta' ħażna servizzi ta' spazju għall-ħażna, kemm mhux isseparati kif ukoll isseparati, injettabbiltà u kapaċità ta' twassil,

3.  Il-kuntratti ta' faċilità ta' LNG u ta' ħażna fil-każijiet fejn jiġu ffirmati ma għandhomx iwasslu għal tariffi li jkunu ogħla arbitrarjament.

(a) barra minn sena tal-gass naturali b'dati inizjali mhux standard; jew

(b) ta' tul iqsar minn dak ta' kuntratt standard ta' faċilità LNG u ta' ħażna fuq bażi annwali.

4.  Fejn ikun il-każ, jistgħu jingħataw servizzi ta' aċċess għal partijiet terzisuġġett għal garanziji adegwati mingħand l-utenti tan-network fir-rigward tal-affidabbiltà tal-kreditu tagħhom. Dawn il-garanziji ma għandhomx jikkostitwixxu ostakolu mhux ġustifikat għad-dħul fis-suq u għandhom ikunu nondiskriminatorji, trasparenti u proporzjonati.

5.  Il-limiti kuntrattwali fuq id-daqs minimu obbligatorju tal-kapaċità tal-faċilità ta' LNG u ta' ħażna għandhom ikunu ġġustifikati abbażi ta' restrizzjonijiet tekniċi, u għandhom jippermettu lill-utenti iżgħar tal-ħażna li jakkwistaw aċċess għas-servizzi ta' ħażna.

Artikolu 16

Prinċipji tal-mekkaniżmi ta' allokazzjoni ta' kapaċità u proċeduri għall-amministrazzjoni ta' konġestjoni li jikkonċernaw l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjon

1.  Il-kapaċità massima fil-punti kollha rilevanti msemmija fl-Artikolu 18(3) għandha tkun disponibbli għall-parteċipanti tas-suq, filwaqt li titqis l-integrità tas-sistema u l-operazzjoni effiċjenti tan-network.

2.  L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jimplimentaw u jippubblikaw mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità li huma trasparenti u nondiskriminatorji, li għandhom:

(a) jipprovdu sinjali ekonomiċi adattati għall-użu effiċjenti u massimu tal-kapaċità teknika, jiffaċilitaw l-investiment f'infrastruttura ġdida u jiffaċilitaw il-kummerċ transkonfinali fil-gass naturali;

(b) ikunu kompatibbli mal-mekkaniżmi tas-suq, inklużi s-swieq ta' provvista immedjat u ċ-ċentri tal-kummerċ, filwaqt li jkunu flessibbli u adattabbli għaċ-ċirkustanzi fis-suq li qed jevolvu; u

(c) ikunu kompatibbli mas-sistemi ta’ aċċess għan-networks tal-Istati Membri.

3.  L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jimplimentaw u jippubblikaw proċeduri ta' amministrazzjoni ta' konġestjoni li jiffaċilitaw l-iskambju transkonfinali tal-gass naturali fuq bażi mhux diskriminatorja u li għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji li ġejjin:

(a) fil-każ ta' konġestjoni kuntrattwali, l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu joffri l-kapaċità mhux użata fuq is-suq primarju tal-inqas b'ġurnata minn qabel u mingħajr interruzzjoni; u

(b) utenti tan-netwerk li jixtiequ jbiegħu mill-ġdid jew jissullokaw il-kapaċitajiet kuntrattwali mhux użati tagħhom fis-suq sekondarju għandhom ikunu intitolati li jagħmlu dan.

Fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, Stat Membru jista' jirrikjedi notifika jew tagħrif tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni mill-utenti tan-netwerk.

4.  Fil-każ ta' konġestjoni fiżika, mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità trasparenti u nondiskriminatorji għandhom jiġu applikati mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jew, kif adatt, mill-awtoritajiet regolatorji.

5.  L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom regolarment jivvalutaw id-domanda fis-suq għal investiment ġdid. Meta jippjanaw l-investimenti ġodda, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jivvalutaw id-domanda fis-suq u jqisu l-kriterji tas-sigurtà tal-provvista.

Artikolu 17

Prinċipji tal-mekkaniżmi ta' allokazzjoni ta' Kapaċità u proċeduri għall-amministazzjoni ta' konġestjoni fir-rigward ta' faċilitajiet ta' ħażna u ta' LNG

1.  Il-kapaċità massima tal-faċilità ta' ħażna u LNG għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni ta' kull min għandu sehem fis-suq, b'kont meħud ta' l -integrità u tal-operat tas-sistema.

2.  L-operaturi tas-sistema LNG u ta' ħażna għandhom jimplimentaw u jippubblikaw mekkaniżmi ta' allokazzjoni ta' kapaċità nondiskriminatorji u trasparenti, li għandhom:

(a) għandhom jipprovdu sinjali ekonomiċi xierqa għall-użu effiċjenti u massimu tal-kapaċità teknika u jiffaċilitaw investiment f'infrastruttura ġdida;

(b) ikunu kompatibbli mal-mekkaniżmu tas-suq, inklużi s-swieq ta' forniment immedjat u ċ-ċentri tal-kummerċ, filwaqt li jkunu flessibbli u kapaċi li jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi fis-suq; u

(c) ikunu kompattibli mas-sistemi konnessi ta' aċċess għan-network.

3.  Il-kuntratti tal-faċilitajiet LNG u ta' ħażna għandhom jinkludu miżuri biex jipprevjenu l-akkapparrar tal-kapaċità, b'qies għall-prinċipji li ġejjin, li għandhom japplikaw f'każijiet ta' konġestjoni kuntrattwali:

(a) l-operatur tas-sistema għandu joffri bla dewmien kapaċità mhux użata ta' faċilitajiet ta' LNG u ħażna fis-suq primarju; għall-faċilitajiet ta' ħażna, dan għandu jsir abbażi ta' almenu ġurnata bil-quddiem u bil-preklużjoni ta' interuzzjoni;

(b) l-utenti tal-faċilitajiet ta' LNG u ta' ħażna għandhom ikunu intitolati li jbiegħu mill-ġdid il-kapaċità kuntrattwali tagħhom fis-suq sekondarju.

Artikolu 18

Ir-rekwiżiti tat-trasparenza li jikkonċernaw l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni

1.  L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw informazzjoni dettaljata dwar is-servizzi li joffru u l-kondizzjonijiet rilevanti applikati, flimkien mal-informazzjoni teknika meħtieġa mill-utenti tan-network biex ikunu jistgħu jiksbu aċċess effettiv għan-network.

2.  Sabiex jiġu żgurati tariffi trasparenti, oġġettivi u nondiskriminatorji u biex jiġi ffaċilitat l-użu effiċjenti tan-network tal-gass, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali pertinenti għandhom jippubblikaw informazzjoni raġonevolment u suffiċjentement dettaljata dwar id-derivazzjoni, il-metodoloġija u l-istruttura tat-tariffi.

3.  Għas-servizzi provduti, kull operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jippubblika informazzjoni dwar kapaċitajiet tekniċi, kuntrattati u disponibbli fuq bażi numerika għall-punti kollha rilevanti inkluż punti ta’ dħul u ta’ ħruġ fuq bażi perijodika u rikorrenti b’mod standardizzat li hu faċli biex jintuża.

4.  Il-punti rilevanti ta’ sistema ta’ trażmissjoni li dwarhom ikollha tiġi pubblikata l-informazzjoni għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti wara konsultazzjoni mal-utenti tan-network.

5.  L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom dejjem jikxfu l-informazzjoni meħtieġa minn dan ir-Regolament b’mod li jagħmel sens, li hu ċar b’mod kwantifikabbli u b’mod li hu faċilment aċċessibli u fuq bażi mhux diskriminatorja.

6.  L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jagħmlu pubbliku tagħrif fuq il-provvista u d-domanda ex-ante u ex-post, imsejjes fuq nominazzonijiet, tbassiriet u l-flussi li jkunu saru ta' dħul u ħruġ mis-sistema. L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tiżgura li l-informazzjoni kollha ta' dan it-tip tkun pubblika. Il-livell ta' dettall tat-tagħrif li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għandu jirrifletti t-tagħrif disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni.

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jagħmlu pubbliċi l-miżuri li jkunu ttieħdu, kif ukoll l-ispejjeż imġarrba u d-dħul iġġenerat, għall-ibbilanċjar tas-sistema.

Il-parteċipanti konċernati fis-suq għandhom jipprovdu lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni d-data msemmija f'dan l-Artikolu.

Artikolu 19

Rekwiżiti ta' trasparenza rigward il-faċilitajiet ta' ħażna u l-faċilitajiet ta' LNG

1.  L-operatur tas-sistema LNG u ta' ħażna għandu jagħmel pubbliku tagħrif iddettaljat dwar is-servizzi li joffri u l-kondizzjonijiet rilevanti applikati, flimkien mal-informazzjoni teknika meħtieġa biex l-utenti tal-faċilitajiet LNG u ta' ħażna jiksbu aċċess effettiv għall-faċilitajiet LNG u ta' ħażna.

2.  Għas-servizzi pprovduti, kull operatur tas-sistema LNG u ta' ħażna għandu jagħmel pubbliku tagħrif dwar il-kapaċitajiet miftiehma b'kuntratt u disponibbli tal-faċilitajiet ta' ħażna u LNG, b'mod numeriku, regolari u kontinwu, kif ukoll b'mod standard u ta' użu faċli.

3.  L-operatur tas-sistema LNG u ta' ħażna għandu jiżvela t-tagħrif mitlub minn dan ir-Regolament b'mod li jagħmel sens, ċarament kwantifikabbli u ta' aċċess faċli, kif ukoll fuq bażi mhux diskriminatorja.

4.  L-operatur tas-sistema LNG u ta' ħażna għandu jagħmel pubbliku l-ammont ta' gass li hemm f'kull faċilità ta' ħażna jew ta' LNG, jew grupp ta' faċilitajiet ta' ħażna jekk dan jikkorrispondi għall-mod ta' kif l-aċċess ikun offrut lill-utenti tas-sistema, il-flussi ta' dħul u ta' ħruġ, kif ukoll il-kapaċitajiet tal-faċilitajiet disponibbli ta' ħażna u ta' LNG, inklużi għal dawk il-faċilitajiet li huma eżentati mill-aċċess għal partijiet terzi. Dak it-tagħrif għandu jiġi kkomunikat ukoll lill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, li għandu jagħmel pubbliku fuq bażi aggregata għal kull sistema jew subsistema ddefinita mill-punti rilevanti. It-tagħrif għandu jiġi aġġornat talanqas darba kuljum.

F'każijiet fejn utent ta' sistema ta' ħażna ikun l-uniku utent ta' faċilità ta' ħażna, l-utent tas-sistema ta' ħażna jista' jippreżenta talba raġunata lill-awtorità regolatorja nazzjonali għal trattament kunfidenzjali tad-data msemmija fl-ewwel subparagrafu. Fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tikkonkludi li din it-talba tkun raġunata, waqt li titqies b'mod partikolari l-ħtieġa għal bilanċ bejn l-interess ta' protezzjoni leġittima ta' sigrieti kummerċjali li l-iżvelar tagħhom ikun jolqot ħażin l-istrateġija kummerċjali ġenerali tal-utent tal-ħażna u l-objettiv li jinħoloq suq intern kompetittiv tal-gass, hija tista' tippermetti li l-operatur tas-sistema ta' ħażna ma jiżvelax pubblikament id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu, għal perijodu ta' żmien sa sena.

It-tieni subparagrafu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-obbligi fir-rigward tal-komunikazzjoni lill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni imsemmi fl-ewwel subparagrafu, u fir-rigward tal-pubblikazzjoni minnu, sakemm id-data aggregata tkun identika għad-data individwali tas-sistema ta' ħażna li l-awtorità regolatorja nazzjonali tkun approvat id-deċiżjoni li ma tiġix pubblikata.

5.  Sabiex jiġu żgurati tariffi trasparenti, oġġettivi u mhux diskriminatorji u jiġi faċilitat użu effiċjenti tal-infrastrutturi, l-LNG u l-operaturi tal-faċilità tal-ħażna jew l-awtoritajiet regolatorji relevanti għandhom jippubblikaw informazzjoni dettaljata biżżejjed dwar minn fejn ikunu ġew it-tariffi, dwar il-metodoloġiji u l-istruttura tat-tariffi għal infrastruttura taħt aċċess regolat għal partijiet terzi.

Artikolu 20

Żamma tar-records mill-operaturi tas-sistema

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, l-operaturi tas-sistema ta' ħażna u l-operaturi tas-sistema LNG għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, inkluża l-awtorità regolatorja nazzjonali, tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u tal-Kummissjoni, l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikoli 18 u 19, u fil-Parti 3 tal-Anness I għal perijodu ta' ħames snin.

Artikolu 21

Regoli ta' bbilanċjar u ħlasijiet ta’ żbilanċ

1.  Għandhom jitfasslu regoli ta’ bbilanċjar b’mod ġust, nondiskriminatorju u trasparenti u għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi. Ir-regoli ta’ bilanċjar għandhom jirriflettu l-ħtiġijiet ġenwini tas-sistema filwaqt li jqisu r-riżorsi disponibbli għall-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni. Ir-regoli għall-ibbilanċjar għandhom ikunu bbażati fuq is-suq.

2.  Sabiex l-utenti tan-network ikunu jistgħu jieħdu azzjoni korrettiva fil-ħin, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jipprovdu fil-ħin xieraq it-tagħrif dwar l-istatus ta' bbilanċjar tal-utenti tan-network li jkun biżżejjed, affidabbli u disponibbli onlajn.

It-tagħrif ipprovdu għandu jirrifletti l-livell ta' informazzjoni disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni u l-perjodu ta' żmien għall-issettiljar li għalih jiġu kkalkolati l-ħlasijiet għall-iżbilanċ.

L-ebda ħlas m'għandu jsir għall-għoti ta' informazzjoni taħt dan il-paragrafu.

3.  Il-ħlasijiet għall-iżbilanċ għandhom ikunu kemm jista' jkun kost-effettivi, filwaqt li jipprovdu inċentivi adegwati lill-utenti tan-network sabiex jibbilanċjaw il-gass li jipprovdu lis-sistema u l-gass li jipprelevaw. Għandhom jevitaw sussidjar inkruċjat bejn l-utenti tan-network u ma għandhomx ifixklu d-dħul ta’ suġġetti ġodda fis-suq.

Kwalunkwe metodoloġija ta’ kalkolazzjoni għal ħlasijiet ta’ żbilanċ kif ukoll it-tariffi finali għandhom jiġu pubblikati mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni kif xieraq.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jistinkaw biex jarmonizzaw reġimi ta’ bilanċjar u jirrazzjonalizzaw l-istrutturi u l-livelli ta’ ħlasijiet ta’ bilanċjar sabiex jiġi faċilitat il-kummerċ fil-gass.

Artikolu 22

Il-kummerċ ta' drittijiet ta' kapaċità

Kull operatur tas-sistema ta' ħażna jew ta' LNG għandu jieħu passi raġonevoli biex id-drittijiet ta' kapaċità jkunu negozjabbli b'mod ħieles, kif ukoll biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju. Kull operatur għandu jiżviluppa kuntratti u proċeduri armonizzati dwar it-trasportazzjoni, il-faċilitajiet LNG u l-faċilitajiet ta' ħażna fis-suq primarju, sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ sekondarju ta' kapaċità, u sabiex jiġi rikonoxxut it-trasferiment ta' drittijiet ta' kapaċità primarji fejn innotifikat mill-utenti tas-sistema.

Il-kuntratti u l-proċeduri armonizzati dwar it-trasport, il-faċilitajiet LNG u ta' ħażna għandhom ikunu nnotifikati lill-awtoritajiet regolatorji.

Artikolu 23

Linji Gwida

1.  Fejn ikun il-każ, il-linji gwida li jipprovdu l-livell miimu ta' armonizzazzjoni meħtieġa għall-ksib tal-għan ta' dan ir-Regolament għandhom jispeċifikaw:

(a) dettalji dwar is-servizzi tal-aċċess ta' partijiet terzi inkluż il-karattru, id-durata u r-rekwiżiti oħrajn ta' dawn is-servizzi, taħt l-Artikoli 14 u 15;

(b) dettalji dwar il-prinċipji sottostanti għall-mekkaniżmi ta' allokazzjoni ta' kapaċità u dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri għall-amministazzjoni ta' konġestjoni f'każ ta' konġestjoni kuntrattwali, taħt l-Artikoli 16 u 17;

(c) dettalji dwar l-għoti ta' informazzjoni u d-definizzjoni ta' informazzjoni teknika meħtieġa għall-utenti tan-network biex jiksbu aċċess effettiv għas-sistema u d-definizzjoni tal-punti rilevanti kollha għar-rekwiżiti tat-trasparenza, inkluża l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikat fil-punti rilevanti kollha flimkien mal-iskeda taż-żmien għall-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni, konformement mal-Artikoli 18 u 19;

(d) dettalji dwar il-metodoloġija tariffarja, relatata mal-kummerċ transkonfinali tal-gass naturali, f'konformità mal-Artikolu 13;

(e) dettalji rigward l-oqsma elenkati fl-Artikolu 8(6).

Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Aġenzija u lill-ENTSO tal-Gass.

2.  Linji gwida dwar il-kwistjonijiet elenkati fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1ta' dan l-Artikolu, fir-rigward tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, huma stipulati fl-Anness I.

Il-Kummissjoni tista' taddotta l-linji gwida fuq il-kwistjonijiet elenkati fl-paragrafu 1 u temenda l- linji gwida msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tiegħu. Dawk il-miżuri mfasslin biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(2).

3.  L-applikazzjoni u l-emendament tal-linji gwida adottati taħt dan ir-Regolament għandhom jirriflettu differenzi bejn sistemi tal-gass nazzjonali, u għalhekk ma għandhomx jeħtieġu termini u kondizzjonijiet uniformi u dettaljati ta’ aċċess għal partijiet terzi fuq il-livell Komunitarju. Jistgħu, madankollu, jistabbilixxu rekwiżiti minimi li jridu jiġu sodisfatti biex jinkisbu kondizzjonijiet trasparenti u nondiskriminatorji għal aċċess għan-netwerk li huma meħtieġa għal suq intern tal-gass naturali, li jistgħu mbagħad jiġu applikati fid-dawl ta’ differenzi bejn sistemi tal-gass nazzjonali.

Artikolu 24

Awtoritajiet regolatorji

Fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw konformità ma' dan ir-Regolament u mal-Linji gwida adottati taħt l-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament.

Fejn ikun il-każ, huma għandhom jikkoperaw ma’ xulxin, mal-Kummissjoni u mal-Aġenzija konformement mal-Kapitolu VIII tad-Direttiva 2009/73/KE.

Artikolu 25

Għoti ta' informazzjoni

L-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji għandhom, fuq talba, jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-finijiet tal-Artikolu 23.

Il-Kummissjoni għandha tiffissa żmien raġonevoli sa meta l-informazzjoni għandha tkun provduta, meta tkun tqieset il-komplessità tal-informazzjoni meħtieġa u l-urġenza li bih l-informazzjoni tkun meħtieġa.

Artikolu 26

Dritt tal-Istati Membri li jipprovdu għal miżuri aktar dettaljati

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Istati Membri li jżommu jew jintroduċu miżuri li jinkludu dispożizzjonijiet iktar dettaljati minn dawk stabbiliti hawnhekk jew fil-Linji gwida msemmijin fl-Artikolu 23.

Artikolu 27

Penali

1.  L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-1 ta' Lulju 2006 dwar dawk ir-regoli li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 u għandhom jinnotifikaw lill-Kummisjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emendi sussegwenti li jaffettwawhom. ►C2  Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli li ma jikkorrispondux għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 sat-3 ta’ Marzu 2011 u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emendi sussegwenti li jaffettwawhom. ◄

2.  Il-penali previsti taħt il-paragrafu 1 m'għandhomx ikunu ta' natura kriminali.

Artikolu 28

Proċedura tal-Kumitat

1.  Il-Kummisjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/73/KE.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

▼M5 —————

▼B

Artikolu 30

Derogi u eżenzjonijiet

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a) sistemi ta’ trażmissjoni ta’ gass naturali li jinstabu fi Stati Membri għad-durata tad-derogi mogħtijin skont l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2009/73/KE.

(b) infrastrutturi ġodda maġġuri, jiġifieri interkonnetturi, faċilitajiet LNG u faċilitajiet ta' ħażna u żidiet sinifikanti fil-kapaċità tal-infrastrutturi eżistenti kif ukoll modifiki fit-tali infrastrutturi li jippermettu l-iżvilupp ta' sorsijiet ġodda ta' provvista tal-gass kif imsemmi fl-Artikolu 36(1) u (2) tad-Direttiva 2009/73/KE li huma eżenti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 14, 32, 33, 34 jew l-Artikolu 41(6), (8) u (10) ta' dik id-Direttiva sakemm dawn ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet imsemmija f'dan is-subparagrafu, minbarra l-Artikolu 19(4) ta' dan ir-Regolament; jew

(c) sistemi ta’ trażmissjoni ta’ gass naturali li ngħataw derogi mogħtijin skont l-Artikolu 48 tad-Direttiva 2009/73/KE;

Fir-rigward tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri li ngħataw derogi taħt l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2009/73/KE jistgħu japplikaw għand il-Kummissjoni għal deroga temporanja mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għal perijodu ta' mhux aktar minn sentejn mid-data li fiha tiskadi d-deroga msemmija f'dak il-punt;

Artikolu 31

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 hu abrogat mit-3 ta' marzu 2011. Referenzi li saru għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 32

Dħul fis-seħħ

▼C1

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-3 ta’ Marzu 2011.

▼B

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

LINJI GWIDA DWAR

1.   Aċċess ta' servizzi għal partijiet terzi rigward l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni

1.

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom joffru servizzi kostanti u li jistgħu jiġu interrotti sa’ perijodu minimu ta’ jum.

2.

Il-kuntratti ta’ trasport armonizzati u l-kodiċijiet tan-network komuni għandhom jitfasslu b’mod li jiffaċilita l-ikkummerċjar u l-użu mill-ġdid tal-kapaċità kkuntrattata minn utenti tan-network mingħajr ma jitfixkel il-ħruġ tal-kapaċità.

3.

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jiżviluppaw kodiċi tan-network u kuntratti armonizzati wara konsultazzjoni tajba mal-utenti tan-network.

4.

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jimplementaw proċeduri standardizzati ta' nominazzjoni u ri-nominazzjoni. Għandhom jiżviluppaw sistemi ta’ informazzjoni u mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi biex jipprovdu informazzjoni adegwata lill-utenti tan-network u biex jissimplifikaw transazzjonijiet, bħal ma huma nominazzjonijiet, kuntrattar tal-kapaċità u trasferiment ta’ drittijiet tal-kapaċità bejn l-utenti tan-network.

5.

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jarmonizzaw il-proċeduri ta’ rikjesti formalizzati u ħinijiet ta’ rispons konformement mal-aħjar prattika fl-industrija bil-għan li jiġu minimizzati l-ħinijiet ta’ rispons. Għandhom jipprovdu għal sistemi ta' prenotazzjoni u ta' konferma tal-kapaċità fuq l-iskrin onlajn u proċeduri ta' nominazzjonijiet u ri-nominazzjonijiet sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2006 wara konsultazzjoni mal-utenti tan-networks rilevanti.

6.

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni ma għandhomx b’mod separat jitolbu ħlas minn utenti tan-network għal talbiet għal informazzjoni u transazzjonijiet assoċjati mal-kuntratt tagħhom ta’ trasport u li jiġu mwettqa konformement ma' regoli u proċeduri standard.

7.

Għal talbiet għal informazzjoni li jeħtieġu spiżi straordinarji jew eċċessivi, bħal ma huma studji ta’ feasibility, jista’ jintalab ħlas separat, sakemm il-ħlasijiet jistgħu jiġu sostanzjati kif għandu jkun.

8.

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkoperaw ma' operaturi oħrajn tas-sistema ta' trażmissjoni fl-ikkoordinar tal-manutenzjoni tan-networks rispettivi tagħhom sabiex jimminimizzaw kull interruzzjoni tas-servizzi ta' trażmissjoni għall-utenti tan-network u għall-operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni f'żoni oħrajn u sabiex jiġu żgurati benefiċċji ugwali fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista anke fir-rigward ta' transitu.

9.

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw minn tal-inqas darba fis-sena, sa skadenza determinata, il-perijodi kollha ta’ manutenzjoni ppjanati li jistgħu jaffettwaw id-drittijiet tal-utenti tan-network minn kuntratti ta’ trasport u l-informazzjoni operattiva korrispondenti b’avviż adegwat minn qabel. Dan għandu jinkludi l-pubblikazzjoni, fuq bażi f'waqtha u nondiskriminatorja kwalunkwe bidla fil-perijodi ta' manutenzjoni ippjanata u n-notifika ta' manutenzjoni mhux ippjanata, hekk kif dik l-informazzjoni ssir disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni. Matul il-perijodi ta' manutenzjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom regolarment jippubblikaw informazzjoni aġġornata dwar id-dettalji ta' u d-durata antiċipata u l-effetti tal-manutenzjoni.

10.

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom, fuq talba, iżommu ġurnal ta’ kuljum dwar il-manutenzjoni attwali u tfixkil tal-kurrent li jkunu seħħu u jqegħduh għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti. Fuq talba, l-informazzjoni għandha titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni ta’ dawk milquta minn kwalunkwe tfixkil.

2.   Prinċipji ta' mekkaniżmi ta' allokazzjoni ta' kapaċità u proċeduri għall-amministrazzjoni ta' konġestjoni rigward l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u l-applikazzjoni tagħhom f'każ ta' konġestjoni kuntrattwali

2.1.   Prinċipji ta' mekkaniżmi ta' allokazzjoni ta' kapaċità u proċeduri għall-amministrazzjoni ta' konġestjoni li rigward l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni

1.

Il-mekkaniżmu ta’ allokazzjoni tal-kapaċità u l-proċeduri ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni għandhom jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-kompetizzjoni u l-ikkummerċjar likwidu tal-kapaċità u għandhom ikunu kompatibbli mal-mekkaniżmi tas-suq inkluż swieq lokali u ċentri ta’ kummerċ. Għandhom ikunu flessibli u kapaċi jadattaw għal ċirkustanzi tas-suq li jkunu qed jevolvu;

2.

Dawn il-mekkaniżmi u proċeduri għandhom iqisu l-integrità tas-sistema konċernata kif ukoll is-sigurtà tal-provvista.

3.

Dawn il-mekkaniżmi u proċeduri la għandhom ifixklu d-dħul ta' parteċipanti ġodda fis-suq u lanqas m'għandhom joħolqu ostakli żejda għad-dħul fis-suq. Ma għandhomx iwaqqfu parteċipanti tas-suq, inkluż suġġetti ġodda u kumpanniji b’sehem żgħir fis-suq, milli jikkompetu b’mod effettiv.

4.

Dawn il-mekkaniżmi u proċeduri għandhom jipprovdu sinjali ekonomiċi xierqa għall-użu effiċjenti u massimu tal-kapaċità teknika u jiffaċilitaw investiment f’infrastruttura ġdida.

5.

L-utenti tan-network għandhom jiġu avżati dwar it-tip ta’ ċirkustanza li tista’ taffettwa d-disponibilità tal-kapaċità kuntrattata. Informazzjoni dwar interruzzjoni għandha tirrifletti l-livell ta’ informazzjoni disponibbli għall-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

6.

F'każ li, għal raġunijiet konnessi mal-integrità tas-sistema, jinqalgħu diffikultajiet fit-twettiq tal-obbligi kuntrattwali ta' provvista, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-utenti tan-network u jfittxu mingħajr dewmien soluzzjoni nondiskriminatorja.

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jikkonsultaw mal-utenti tan-network dwar proċeduri qabel l-implimentazzjoni tagħhom u jiftehmu dwarhom mal-awtorità regulatorja.

▼M2

2.2.    Proċeduri dwar l-amminstrazzjoni [l-immaniġġjar] tal-konġestjoni fil-każ ta’ konġestjoni kontrattwali

2.2.1.    Dispożizzjonijiet ġenerali

1. Id-dispożizzjonijiet tal-punt 2.2 għandhom japplikaw għall-punti ta’ interkonnessjoni kollha bejn is-sistemi ta’ dħul u ta’ ħruġ kontigwi, irrispettivament minn jekk dawn humiex fiżiċi jew virtwali, bejn żewġ Stati Membri jew aktar jew fi ħdan l-istess Stat Membru safejn dawn il-punti huma soġġetti għall proċeduri ta’ prenotazzjoni minn utenti. Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu japplikaw ukoll għall-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ minn u lejn pajjiżi terzi, soġġett għad-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali rilevanti. Il-punti ta’ ħruġ għall-konsumaturi finali u għan-netwerks ta’ distribuzzjoni, il-punti ta’ dħul mit-terminals LNG u mill-faċilitajiet ta’ produzzjoni, u l-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ minn u lejn il-faċilitajiet ta’ ħażna mhumiex soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-punt 2.2.

▼M4

2. Abbażi tal-informazzjoni ppubblikata mill-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni skont it-Taqsima 3 ta' dan l-Anness u, fejn xieraq, ivvalidata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-Aġenzija għandha tippubblika sal-1 ta' Ġunju ta' kull sena, b'bidu mis-sena 2015, rapport ta' monitoraġġ dwar il-konġestjoni fil-punti ta' interkonnessjoni fir-rigward tal-prodotti ta' kapaċità kostanti li jkunu nbiegħu fis-sena ta' qabel filwaqt li tqis, safejn possibbli, in-negozjar ta' kapaċità fis-suq sekondarju u l-użu ta' kapaċità interrompibbli.

▼M2

3. Kull kapaċità addizzjonali li tkun saret disponibbli mill-applikazzjoni ta’ waħda mill-proċeduri tal-immaniġġjar tal-konġestjoni kif stipulat fil-punti 2.2.2, 2.2.3, 2.2.4 u 2.2.5 għandha tkun offruta mill-operatur(i) tas-sistema ta’ trażmissjoni rispettiv(i) fil-proċess tal-allokazzjoni regolari.

4. Il-miżuri stipulati fil-punti 2.2.2, 2.2.4 u 2.2.5 għandhom ikunu implimentati b’seħħ mill-1 ta’ Ottubru 2013. Il-punt 2.2.3(1) sa 2.2.3(5) għandu japplika b’seħħ mill-1 ta’ Lulju 2016.

2.2.2.    Żieda tal-kapaċità permezz tal-iskema ta’ sottoskrizzjoni żejda u xiri lura

1. L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jipproponu u, wara l-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali, għandhom jimplimentaw skema ta’ sottoskrizzjoni żejda u xiri lura bbażata fuq l-inċentiv sabiex joffru kapaċità addizzjonali fuq bażi kostanti. Qabel l-implimentazzjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tikkonsulta mal-Istati Membri kontigwi u għandha tqis l-opinjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kontigwi. Il-kapaċità addizzjonali hija definita bħala l-kapaċità kostanti offruta b’żieda mal-kapaċità teknika ta’ punt ta’ interkonnessjoni kkalkulata fuq il-bażi tal-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-Regolament.

2. L-iskema ta’ sottoskrizzjoni żejda u xiri lura għandha tipprovdi lill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni bl-inċentiv li jagħmlu disponibbli kapaċità addizzjonali billi jqisu l-kondizzjnijiet tekniċi, bħall-valur kalorifiku, it-temperatura u l-konsum mistenni tas-sistema rilevanti ta’ dħul u ta’ ħruġ u l-kapaċitajiet fin-netwerks kontigwi. L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom japplikaw approċċ dinamiku fir-rigward tal-kalkolu mill-ġdid tal-kapaċità teknika jew addizzjonali tas-sistema ta’ dħul u ta’ ħruġ.

3. L-iskema ta’ sottoskrizzjoni żejda u xiri lura għandha tkun ibbażata fuq reġim ta’ inċentivi li jirrifletti r-riskji li jieħdu l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni billi joffru kapaċità addizzjonali. L-iskema għandha tkun strutturata b’tali mod li d-dħul mill-bejgħ ta’ kapaċità addizzjonali u l-ispejjeż li jirriżultaw mill-iskema tax-xiri lura jew mill-miżuri skont il-paragrafu 6 jinqasmu bejn l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-utenti tan-netwerk. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiddeċiedu dwar id-distribuzzjoni tad-dħul u tal-ispejjeż bejn l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-utent tan-netwerk.

4. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dħul tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, il-kapaċità teknika, b’mod partikolari l-kapaċità irrinunzjata kif ukoll, fejn rilevanti, il-kapaċità li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi li jwasslu għat-telf ta’ kapaċità kostanti minn ġurnata bil-quddiem fil-każ ta’ kapaċita mhux użata [firm day-ahead use-it-or-lose-it], u għal telf ta’ kapaċita mhux użata fuq perjodu ta’ żmien twil [long term use-it-or-lose-it], għandhom jitqiesu bħala allokati qabel kwalunkwe kapaċità addizzjonali.

5. Sabiex jistabbilixxi l-kapaċità addizzjonali, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jqis ix-xenarji tal-istatistika għall-ammont probabbli ta’ kapaċità mhux użata fis-sens fiżiku fi kwalunkwe mument fil-punti ta’ interkonnesjoni. Huwa għandu jqis ukoll il-profil tar-riskju għall-offerta ta’ kapaċità addizzjonali li ma twassalx għal obbligu ta’ xiri lura eċċessiv. L-iskema ta’ sottoskrizzjoni żejda u xiri lura għandha tqis ukoll il-possibbiltà u l-ispejjeż tal-kapaċità tax-xiri lura fis-suq u għandha tirrifletti dan fl-ammont ta’ kapaċità addizzjonali li għandha tkun disponibbli.

6. Fejn ikun meħtieġ li tinżamm l-integrità tas-sistema, l-oepraturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom japplikaw proċedura ta’ xiri lura bbażata fuq is-suq li permezz tagħha l-utenti tan-netwerk ikunu jistgħu joffru l-kapaċità. L-utenti tan-netwerk għandhom ikunu informati dwar il-proċedura tax-xiri lura applikabbli. L-applikazzjoni tal-proċedura tax-xiri lura hija bla ħsara għall-miżuri ta’ emerġenza applikabbli.

7. L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, għandhom qabel ma japplikaw proċedura tax-xiri lura, jivverifikaw jekk miżuri alternattivi tekniċi u kummerċjali, jistgħux isostnu l-integrità tas-sistema b’mod aktar kosteffiċjenti.

8. Meta jipproponi skema ta’ sottoskrizzjoni żejda u xiri lura l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jipprovdi d-dejta, l-estimi u l-mudelli rilevanti kollha lill-awtorità regolatorja nazzjonali sabiex din tkun tista’ tivvaluta l-iskema. L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jirrapporta regolarment lill-awtorità regolatorja nazzjonali dwar il-funzjonament tal-iskema u, fuq it-talba tal-awtorità regolatorja nazzjonali, għandu jipprovdi d-dejta kollha rilevanti. L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ ttitlob lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni biex jirrevedi l-iskema tiegħu.

2.2.3.    Mekkaniżmu li jwassal għal telf ta’ kapaċità kostanti minn ġurnata bil-quddiem f’każ ta’ kapaċità mhux użata [Firm day-ahead use-it-or-lose-it mechanism]

1. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jesiġu li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni japplikaw tal-anqas ir-regoli stabbiliti fil-paragrafu 3 għal kull utent tan-netwerk fil-punti ta’ interkonnessjoni fir-rigward tal-alterazzjoni tan-nominazzjoni inizjali fil-każ li, abbażi tar-rapport annwali ta’ monitoraġġ tal-Aġenzija f’konformità mal-punt 2.2.1(2), jintwera li f’punti ta’ interkonnessjoni d-domanda tkun ogħla mill-offerta, bil-prezz tar-riżerva meta jintużaw l-irkantijiet, matul il-proċeduri tal-allokazzjoni tal-kapaċità fis-sena koperta mir-rapport tal-monitoraġġ għall-prodotti għall-użu f’dik is-sena jew f’waħda mis-sentejn sussegwenti,

(a) għal tal-anqas tliet prodotti ta’ kapaċità kostanti b’tul ta’ żmien ta’ xahar; jew

(b) għal tal-anqas żewġ prodotti ta’ kapaċità kostanti b’tul ta’ żmien ta’ perjodu ta’ tliet xhur; jew

(c) għal tal-anqas prodott wieħed ta’ kapaċità kostanti b’tul ta’ żmien ta’ sena jew aktar; jew

(d) meta ma jkun ġie offurt l-ebda prodott ta’ kapaċità kostanti għal tul ta’ żmien ta’ xahar jew aktar.

2. Fil-każ li, abbażi tar-rapport annwali ta’ monitoraġġ jintwera li ma hemmx il-probabbiltà li fit-tliet snin sussegwenti terġa’ sseħħ is-sitwazzjoni kif iddefinita fil-paragrafu 1, pereżempju b’riżultat tad-disponibbiltà tal-kapaċità minħabba l-espansjoni fiżika tan-netwerk jew minħabba t-terminazzjoni ta’ kuntratti fit-tul, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti jistgħu jiddeċiedi li jitterminaw il-mekkaniżmu li jwassal għal telf ta’ kapaċità kostanti minn ġurnata bil-quddiem f’każ ta’ kapaċità mhux użata [firm day-ahead use-it-or-lose-it mechanism].

3. In-nominazzjoni mill-ġdid ta’ kapaċità kostanti hija permessa sa 90 % u minimu ta’ 10 % tal-kapaċità kkuntrattjata mill-utent tan-netwerk fil-punt ta’ interkonnessjoni. Madankollu, fil-każ li n-nominazzjoni tissupera t-80 % tal-kapaċità kkuntrattjata, nofs il-volum mhux innominat jista’ jerġa’ jiġi nnominat ’il fuq. Fil-każ li n-nominazzjoni ma tissuperax l-20 % tal-kapaċità rriservata, nofs il-volum mhux innominat jista’ jerġa’ jiġi nnominat ’l isfel. L-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu hija bla ħsara għall-miżuri ta’ emerġenza applikabbli.

4. Id-detentur oriġinali tal-kapaċità kkuntrattjata jista’ jinnomina mill-ġdid il-parti ristretta tal-kapaċità kostanti kkuntrattjata fuq bażi interrompibbli.

5. Il-paragrafu 3 ma għandux japplika għall-utenti tan-netwerk — persuni jew impriżi u l-impriżi li jikkontrolloaw skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 — li huma d-detenturi ta’ anqas minn 10 % tal-kapaċità teknika medja fis-sena preċedenti fil-punt ta’ interkonnessjoni.

6. Fil-punti ta’ interkonnessjoni fejn jiġi applikat mekkaniżmu li jwassal għal telf ta’ kapaċità kostanti minn ġurnata bil-quddiem f’każ ta’ kapaċità mhux użata [firm day-ahead use-it-or-lose-it mechanism] skont il-paragrafu 3, għandha ssir evalwazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali tar-relazzjoni mal-iskema ta’ sottoskrizzjoni żejda u xiri lura skont il-punt 2.2.2. Dan jista’ jirriżulta f’deċiżjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tal-punt 2.2.2 f’dawk il-punti ta’ interkonnessjoni. Deċiżjoni bħal din għandha tkun innotifikata, mingħajr dewmien, lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni.

7. Awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tiddeċiedi li timplimenta mekkaniżmu li jwassal għal telf ta’ kapaċità kostanti minn ġurnata bil-quddiem f’każ ta’ kapaċità mhux użata [firm day-ahead use-it-or-lose-it mechanism] skont il-paragrafu 3 f‘punt ta’ interkonnessjoni. Qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri kontigwi. Meta tadotta d-deċiżjoni tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tqis l-opinjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri kontigwi.

2.2.4.    Irrinunzjar ta’ kapaċità kkuntrattjata

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jaċċettaw kull ċediment ta’ kapaċità kostanti li hija kkuntrattjata mill-utent tan-netwerk f’punt ta’ interkonnessjoni, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tal-kapaċità b’tul ta’ żmien ta’ ġurnata jew anqas. L-utent tan-netwerk għandu jżomm id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skont il-kuntratt tal-kapaċità sakemm il-kapaċità tkun allokata mill-ġdid mill-operatur tat-trażmissjoni u safejn il-kapaċità ma tkunx allokata mill-ġdid mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni. Kapaċità irrinunzjata għandha titqies li hija allokata mill-ġdid biss wara li l-kapaċità kollha disponibbli tkun ġiet allokata. L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jinnotifika lill-utent tan-netwerk mingħajr dewmien dwar kwalunkwe allokazzjoni mill-ġdid tal-kapaċita rrinunzjata tiegħu. It-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi għar-rinunzjar tal-kapaċità, b’mod partikolari għall-każijiet fejn bosta utenti tan-netwerk jirrinunzjaw il-kapaċità tagħhom, għandhom ikunu approvati mill-awtorità regolatorja nazzjonali.

2.2.5.    Mekkaniżmu li jwassal għal telf ta’ kapaċità mhux użata fit-tul [Long-term use-it-or-lose-it mechanism]

1. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jirrikjedu lill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni li huma jirtiraw parzjalment jew bis-sħiħ u b’mod sistematiku l-kapaċità mhux użata kkuntrattjata f’punt ta’ interkonnessjoni minn utent tan-netwerk meta dan l-utent ma jkunx biegħ jew offra b’kundizzjonijiet raġonevoli, il-kapaċità mhux użata tiegħu u meta l-utenti l-oħra tan-netwerk jitolbu għal kapaċità kostanti. Il-kapaċità kkuntrattjata hija meqjusa bħala sottoutilizzata b’mod sistematiku partikolarment jekk:

(a) l-utent tan-netwerk juża fuq medja anqas minn 80 % tal-kapaċità kkuntrattjata tiegħu kemm mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Settembru kif ukoll mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Marzu b’tul ta’ żmien effettiv tal-kuntratt ta’ aktar minn sena li għal dan ma tista’ tingħata l-ebda ġustifikazzjoni; jew

(b) l-utent tan-netwerk jinnomina b’mod sistematiku qrib il-100 % tal-kapaċità kkuntrattjata tiegħu u jerġa’ jinnomina ’l isfel bil-għan li jevita r-regoli stabbiliti fil-punt 2.2.3(3).

2. L-applikazzjoni tal-mekkaniżmu li jwassal għal telf ta’ kapaċità kostanti minn ġurnata bil-quddiem f’każ ta’ kapaċità mhux użata [firm day-ahead use-it-or-lose-it mechanism] ma għandhiex titqies bħala ġustifikazzjoni biex tkun evitata l-applikazzjoni tal-paragrafu 1.

3. L-irtirar għandu jirriżulta fit-telf parzjali jew sħiħ min-naħa tal-utent tan-netwerk tal-kapaċità kuntrattjata tiegħu għal perjodu partikolari jew għall-bqija tat-terminu kuntrattwali effettiv. L-utent tan-netwerk għandu jżomm id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skont il-kuntratt tal-kapaċità sakemm il-kapaċità tkun allokata mill-ġdid mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u sakemm il-kapaċità ma tkunx allokata mill-ġdid mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

4. L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jipprovdu regolarment lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali bid-dejta kollha neċessarja għall-monitoraġġ tal-estent safejn jintużaw il-kapaċitajiet ikkuntrattjati b’tul ta’ żmien effettiv ta’ aktar minn sena jew ta’ perjodi rikorrenti ta’ tliet xhur li jkopru tal-anqas sentejn.

▼M1

3.    Definizzjoni tal-informazzjoni teknika meħtieġa mill-utenti tan-netwerk sabiex jiksbu aċċess effettiv għas-sistema, id-definizzjoni tal-punti kollha rilevanti għar-rekwiżiti ta’ trasparenza u l-informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha tkun meħtieġa fil-punti kollha rilevanti u l-iskeda kalendarja tal-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni

3.1.    Definizzjoni tal-informazzjoni teknika meħtieġa għall-utenti tan-netwerk biex jiksbu aċċess effettiv għas-sistema

3.1.1.    Il-forma tal-pubblikazzjoni

(1) L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 3.1.2 u l-paragrafi 3.3(1) sa 3.3(5) bil-mod li ġej:

(a) fuq sit tal-Internet aċċessibbli għall-pubbliku, mingħajr ħlas u mingħajr ebda ħtieġa li tirreġistra jew tiffirma b’xi mod ieħor mal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni;

(b) fuq bażi regolari/kontinwa; il-frekwenza għandha tkun skont it-tibdil li jsir u t-tul ta’ żmien tas-servizz;

(c) b’mod li huwa faċli għall-użu;

(d) b’mod ċar, kwantifikabbli, aċċessibbli faċilment għall-użu u fuq bażi mhux diskrimintorja;

▼M2

(e) f’format li jista’ jitniżżel minn sit elettroniku li jkun ġie miftiehem bejn tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — fuq il-bażi ta’ opinjoni f’format armonizzat li għandha tingħata mill-Aġenzija — u li jippermetti analiżijiet kwantitattivi;

▼M1

(f) f’unitajiet konsistenti, b’mod partikolari kWh (b’temperatura ta’ referenza ta’ kombustjoni ta’ 298,15 K) għandha tkun l-unità għall-kontenut tal-enerġija u m3 (b’273,15 K u 1,01325 bar) għandhom ikunu l-unità għall-volum. Il-fattur ta’ konverżjoni kostanti għall-kontenut tal-enerġija għandu jkun ipprovdut. Barra mill-format ta’ hawn fuq, hija possibbli wkoll il-pubblikazzjoni f’unitajiet oħrajn;

(g) fil-lingwa/i uffiċjali tal-Istat Membru u bl-Ingliż;

▼M2

(h) id-dejta kollha għandha tkun disponibbli mill-1 ta’ Ottubru 2013 f’pjattaforma ċentrali unika madwar l-Unjoni kollha, stabbilita mill-ENTSOG fuq bażi kosteffettiva.

▼M1

(2) L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jipprovdu d-dettalji dwar it-tibdiliet attwali msemmija fil-paragrafu 3.1.2 u l-paragrafu 3.3(1) sa 3.3(5) fil-ħin hekk kif ikunu disponibbli għalihom.

3.1.2.    Il-kontenut tal-pubblikazzjoni

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom għall-inqas jippubblikaw l-informazzjoni li ġejja dwar is-sistemi u s-servizzi tagħhom:

(a) deskrizzjoni dettaljata u komprensiva tas-servizzi differenti offruti u l-ħlasijiet tagħhom;

(b) it-tipi differenti ta’ kuntratti ta’ trasportazzjoni disponibbli għas-servizzi tagħhom;

(c) il-kodiċi tan-netwerk u/jew il-kundizzjonijiet standard li jindikaw id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-utenti tan-netwerk kollha, inklużi:

1. kuntratti ta’ trasportazzjoni armonizzati u dokumenti rilevanti oħra;

2. jekk ikun rilevanti għall-aċċess għas-sistema, għall-punti rilevanti kollha kif definiti fil-paragrafu 3.2 ta’ dan l-Anness, speċifikazzjoni tal-parametri tal-kwalità tal-gass rilevanti, inkluż mill-inqas il-valur kalorifiku gross u l-indiċi Wobbe u r-responsabbiltà jew l-ispejjeż tal-konverżjoni għall-utenti tan-netwerk f’każ li l-gass ma jkunx jaqbel ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet;

3. jekk ikun rilevanti għall-aċċess għas-sistema, għall-punti rilevanti kollha, informazzjoni dwar ir-rekwiżiti tal-pressjoni;

4. il-proċedura f’każ ta’ interruzzjoni ta’ kapaċità interrompibbli, inklużi, meta applikabbli, il-ħin, il-medda u l-klassifikazzjoni tal-interruzzjonijiet individwali (pereżempju pro-rata jew interruzzjoni ta’ min jiġi l-ewwel, jiġi l-aħħar).

(d) il-proċeduri armonizzati applikati meta tkun qed tintuża s-sistema ta’ trażmissjoni, inkluż id-definizzjoni ta’ termini ewlenin;

(e) dispożizzjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità, il-ġestjoni tal-konġestjoni u l-proċeduri ta’ kontra l-ikkapparrar u l-proċeduri ta’ riutilizzazzjoni;

(f) ir-regoli applikabbli għall-kummerċ tal-kapaċità fis-suq sekondarju vis-à-vis l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni;

(g) ir-regoli dwar l-ibbilanċjar u l-metodoloġija tal-kalkolu għall-ħlasijiet tal-iżbilanċ;

(h) jekk huwa applikabbli, il-livelli ta’ flessibbiltà u tolleranza inklużi fit-trasportazzjoni u servizzi oħrajn mingħajr ħlas separat, kif ukoll kwalunkwe flessibbiltà offruta flimkien ma’ dan u l-ħlasijiet korrispondenti;

(i) deskrizzjoni dettaljata tas-sistema tal-gass tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-punti rilevanti tagħha tal-interkonnessjoni kif definiti fil-paragrafu 3.2 ta’ dan l-Anness kif ukoll l-ismijiet tal-operaturi tas-sistemi jew faċilitajiet interkonnessi;

(j) ir-regoli applikabbli għall-konnessjoni mas-sistema operata mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni;

(k) informazzjoni dwar mekkaniżmi ta’ emerġenza, sakemm tkun ir-responsabbiltà tal-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni, bħal miżuri li jistgħu jwasslu għall-qtugħ tas-servizz ta’ gruppi ta’ konsumaturi u regoli ġenerali oħra ta’ responsabbiltà li japplikaw għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni;

(l) proċeduri maqbula mill-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni f’punti ta’ interkonnessjoni, ta’ rilevanza għall-aċċess ta’ utenti tan-netwerk tas-sistemi ta’ trażmissjoni konċernati, relatati mal-interoperabbiltà tan-netwerk, proċeduri maqbula dwar il-proċeduri tan-nominazzjoni u l-qbil u proċeduri maqbula oħra li jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-allokazzjonijiet tal-fluss tal-gass u l-ibbilanċjar, inklużi l-metodi użati;

(m) L-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni għandhom jippubblikaw deskrizzjoni dettaljata u komprensiva tal-metodoloġija u l-proċess, inkluża l-informazzjoni dwar il-parametri użati u s-suppożizzjonijiet ewlenin, użati biex tiġi kkalkulta l-kapaċità teknika.

3.2.    Definizzjoni tal-punti rilevanti kollha għar-rekwiżiti ta’ trasparenza

(1) Il-punti rilevanti għandhom jinkludu għall-inqas:

(a) il-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ kollha għal u minn netwerk ta’ trażmissjoni mħaddma minn operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, bl-eċċezzjoni tal-punti ta’ ħruġ konnessi ma’ konsumatur finali waħdieni, u bl-eċċezzjoni ta’ punti ta’ dħul marbuta direttament ma’ faċilità ta’ produzzjoni ta’ produttur waħdieni li jinsab fl-UE;

(b) il-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ kollha konnessi maż-żoni tal-ibbilanċjar tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni;

(c) il-punti kollha li jikkonnettjaw in-network ta’ operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni ma’ terminal LNG, ċentri fiżiċi tal-gass, faċilitajiet ta’ ħżin u ta’ produzzjoni, sakemm dawn il-faċilitajiet ta’ produzzjoni ma jkunux eżenti taħt il-punt (a);

(d) il-punti kollha li jikkonnettjaw in-netwerk ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni partikolari ma’ infrastruttura meħtieġa biex tipprovdi servizzi anċillari kif previst fl-Artikolu 2(14) tad-Direttiva 2009/73/KE.

(2) L-informazzjoni għal konsumatur finali waħdieni u għall-faċilitajiet ta’ produzzjoni, li hija eskluża mid-definizzjoni ta’ punti rilevanti kif deskritt fil-punt 3.2(1)(a), għandha tiġi ppubblikata f’format aggregat, mill-inqas għal kull żona ta’ bbilanċjar. L-aggregazzjoni ta’ konsumatur finali waħdieni u ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni, li huma esklużi mid-definizzjoni ta’ punti rilevanti kif deskritti fi 3.2(1)(a), għandha tkun ikkunsidrata bħala punt wieħed rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dan l-Anness.

(3) Meta l-punti bejn tnejn jew tliet operaturi ta’ trażmissjoni jkunu mmexxija mill-operaturi tas-sistema kkonċernata biss, b’ebda involviment kuntrattwali jew operazzjonali ta’ utenti tas-sistema jkun xi jkun, jew meta l-punti jikkonnettjaw sistema ta’ trażmizzjoni ma’ sistema ta’ distribuzzjoni u ma jkun hemm l-ebda konġestjoni kuntrattwali f’dawn il-punti, l-operaturi tas-sistema ta’ tranżizzjoni għandhom jiġu eżentati għal dawn il-punti mill-obbligu li jippubblikaw ir-rekwiżiti skont il-paragrafu 3.3 ta’ dan l-Annes L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ titlob lill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jippubblikaw ir-rekwiżiti skont il-paragrafu 3.3 ta’ dan l-Anness għall-gruppi mill-punti eżentati jew il-punti eżentati kollha. F’każ bħal dan, l-informazzjoni, jekk tkun disponibbli għat-TSO, għandha tiġi ppubblikata f’forma aggregata f’livell li jagħmel sens, mill-inqas għal kull żona ta’ bbilanċjar. Għall-applikazzjoni ta’ dan l-Anness, din l-aggregazzjoni ta’ dawn il-punti għandha tiġi kkunsidrata bħala punt rilevanti wieħed.

3.3.    Informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha tkun meħtieġa fil-punti rilevanti kollha u l-iskeda kalendarja tal-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni

(1) Fil-punti rilevanti kollha, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw l-informazzjoni kif elenkata fil-paragrafi (a) sa (g), għas-servizzi u s-servizzi anċillari kollha pprovduti (b’mod partikolari informazzjoni dwar it-taħlit, il-forniment u l-konverżjoni). Din l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata fuq bażi numerika, f’perjodi ta’ kull siegħa jew ta’ kuljum li jkunu daqs l-iżgħar perjodu ta’ referenza għar-riserva tal-kapaċità u r-(ri)nominazzjoni u l-iżgħar perjodu ta’ ssetiljar li għalih jiġu kkalkulati il-ħlasijiet tal-iżbilanċ. Jekk l-iżgħar perjodu ta’ referenza huwa differenti minn perjodu ta’ kuljum, l-informazzjoni kif elenkata fil-paragrafi (a) sa (g) għandha tkun disponibbli anke għall-perjodu ta’ kuljum. Din l-informazzjoni u dawn l-aġġornamenti għandhom jiġu ppubblikati hekk kif ikunu disponibbli għall-operatur tas-sistema (“kważi fil-ħin reali”).

(a) il-kapaċità teknika għall-flussi fiż-żewġ direzzjonijiet;

(b) il-kapaċità totali kostanti u interrompibbli fiż-żewġ direzzjonijiet;

(c) in-nominazzjonijiet u r-rinominazzjonijiet fiż-żewġ direzzjonijiet;

(d) il-kapaċità disponibbli soda u interrompibbli fiż-żewġ direzzjonijiet;

(e) il-flussi fiżiċi attwali;

(f) interruzzjoni pjanata u attwali ta’ kapaċità interrompibbli;

(g) interruzzjonijiet pjanati u mhux pjanati għal servizzi sodi kif ukoll l-informazzjoni dwar ir-restawr tas-servizzi sodi (fost l-oħrajn, il-manutenzjoni tas-sistema u t-tul ta’ żmien probabbli ta’ kwalunkwe interruzzjoni minħabba l-manutenzjoni). L-interruzzjonijiet pjanati għandhom jiġu ppubblikati mill-inqas 42 ġurnata bil-quddiem;

▼M2

(h) L-okkorrenza ta’ talbiet legalment validi u rrifjutati għal prodotti ta’ kapaċità kostanti b’tul ta’ żmien ta’ xahar jew aktar inkluż l-għadd u l-volum ta’ talbiet irrifjutati, u

(i) fil-każ tal-irkantijiet, fejn u meta l-prodotti ta’ kapaċità kostanti b’tul ta’ żmien ta’ xahar jew aktar ikunu ġew ikklerjati bi prezzijiet ogħla mill-prezz tal-kapaċità riservata;

(j) fil-każ li u meta ma jkun ġie offurt l-ebda prodott ta’ kapaċità kostanti għal tul ta’ żmien ta’ xahar jew aktar fil-process regolari tal-allokazzjoni;

(k) il-kapaċità totali li tkun saret disponibbli permezz tal-applikazzjoni tal-proċeduri tal-immaniġġjar tal-konġestjoni stabbiliti fil-punti 2.2.2, 2.2.3, 2.2.4 u 2.2.5 għal kull proċedura tal-immaniġġjar tal-konġestjoni;

(l) il-punti (h) sa (k) għandhom japplikaw mill-1 ta’ Ottubru 2013.

▼M4

(2) Fil-punti rilevanti kollha, l-informazzjoni skont il-paragrafu 3.3(1)(a), (b) u (d) għandha tiġi ppubblikata għal perjodu ta' mill-inqas 24-il xahar bil-quddiem.

▼M1

(3) Fil-punti rilevanti kollha, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw l-informazzjoni storika dwar ir-rekwiżiti tal-paragrafu 3.3(1) (a) sa (g) għall-ħames snin li għaddew fuq bażi kontinwa.

(4) L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw il-valuri mkejla tal-valur kalorifiku gross jew l-indiċi Wobbe fil-punti rilevanti kollha, kuljum. Il-figuri preliminarji għandhom jiġu ppubblikati l-iktar tard tlett ijiem wara l-ġurnata tal-gass rispettiva. Il-figuri finali għandhom jiġu ppubblikati fi żmien tliet xhur wara tmiem ix-xahar rispettiv.

(5) Għall-punti rilevanti kollha, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw il-kapaċitajiet disponibbli, il-kapaċitajiet irriservati u tekniċi, fuq bażi annwali matul is-snin kollha fejn il-kapaċità tiġi kuntrattata u għal sena addizzjonali, u mill-inqas għall-10 snin li jmiss. L-informazzjoni għandha tiġi aġġornata mill-inqas kull xahar jew iktar ta’ spiss, jekk tkun disponibbli informazzjoni ġdida. Il-pubblikazzjoni għandha tirrifletti l-perjodu li għalih il-kapaċità tkun offruta għas-suq.

3.4.    Informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha tkun meħtieġa fir-rigward tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-iskeda kalendarja tal-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni

(1) L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jiżguraw li l-pubblikazzjoni ssir kuljum u li kuljum jiġu aġġornati l-ammonti aggregati tal-kapaċitajiet offruti, u kuntrattati fis-suq sekondarju (jiġifieri, mibjugħa minn utent tan-netwerk wieħed għal utent tan-netwerk ieħor), meta l-informazzjoni tkun disponibbli għat-TSO. Din l-informazzjoni għandha tinkludi l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

(a) il-punt ta’ interkonnessjoni fejn tinbiegħ il-kapaċità;

(b) it-tip ta’ kapaċità, jiġifieri dħul, ħruġ, kostanti, interrompibbli;

(c) il-kwantità u t-tul ta’ żmien tad-drittijiet tal-użu tal-kapaċità;

(d) it-tip ta’ bejgħ, eżempju t-trasferiment jew l-assenjazzjoni;

(e) l-għadd totali ta’ kummerċ/trasferimenti;

(f) kwalunke kundizzjoni oħra magħrufa mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni kif imsemmi fil-punt 3.3.

Sakemm informazzjoni bħal din tiġi pprovduta minn parti terza, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jiġu eżentati minn din id-dispożizzjoni.

(2) L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw il-kundizzjonijiet armonizzati li bihom se jiġu aċċettati t-transazzjonijiet tal-kapaċità (eżempju t-trasferimenti jew l-assenjazzjonijiet). Dawn il-kundizzjonijiet għandhom mill-inqas jinkludu:

(a) Deskrizzjoni tal-prodotti standardizzati li jistgħu jinbiegħu fis-suq sekondarju;

(b) Ħin biżżejjed għall-implimentazzjoni/l-aċċettazzjoni/ir-reġistrazzjoni ta’ kummerċ sekondarju. F’każ ta’ dewmien, iridu jiġu ppubblikati r-raġunijiet;

(c) In-notifika mill-bejjiegħ jew minn parti terza lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni kif imsemmi fil-punt 3.4(1) dwar isem il-bejjiegħ u x-xerrej u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kapaċità kif imfassla fil-punt 3.4(1).

Sakemm informazzjoni bħal din tiġi pprovduta minn parti terza, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jiġu eżentati minn din id-dispożizzjoni.

(3) Rigward is-servizz tal-ibbilanċjar tas-sistema tiegħu, kull operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jipprovdi lil kull utent tan-netwerk, għal kull perjodu tal-ibbilanċjar, il-volumi speċifiċi ta’ żbilanċ preliminarji tiegħu u d-dejta tal-ispejjeż għal kull utent individwali tan-netwerk, l-iktar tard xahar wara tmiem il-perjodu tal-ibbilanċjar. Id-dejta finali tal-konsumaturi fornuta skont il-“load profiles” standardizzati tista’ tiġi pprovduta sa 14-il xahar wara. Sakemm informazzjoni bħal din tiġi pprovduta minn parti terza, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jiġu eżentati minn din id-dispożizzjoni. Id-dispożizzjoni ta’ din l-informazzjoni għandha tirrispetta l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni sensittiva mil-lat kummerċjali.

(4) Meta s-servizzi ta’ flessibbiltà, minbarra t-tolleranzi, ikunu offruti għall-aċċess tal-parti terza, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw it-tbassir ta’ kuljum ġurnata qabel abbażi l-ammont massimu ta’ flessibbiltà, il-livell riservat ta’ flessibbiltà u d-disponibbiltà tal-flessibbiltà għas-suq għall-ġurnata ta’ gass li jmiss. L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jippubblika wkoll l-informazzjoni ex-post dwar l-użu aggregat ta’ kull servizz flessibbli fi tmiem kull ġurnata ta’ gass. Jekk l-awtorità regolatorja nazzjonali tkun sodisfatta li din l-informazzjoni tista’ twassal għal abbuż potenzjali mill-utenti tan-netwerk, tista’ tiddeċiedi li teżenta l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni minn dan l-obbligu.

(5) L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw, għal kull żona ta’ bbilanċjar, l-ammont ta’ gass fis-sistema ta’ trażmissjoni fil-bidu ta’ kull ġurnata ta’ gass u t-tbassir tal-ammont ta’ gass fis-sistema ta’ trażmissjoni fi tmien kull ġurnata ta’ gass. L-ammont imbassar ta’ gass għal tmiem il-ġurnata ta’ gass għandu jiġi aġġornat kull siegħa matul il-ġurnata ta’ gass. Jekk il-ħlasijiet tal-iżbilanċ jiġu kkalkulati kull siegħa, l-operatur tas-sistema ta’ tranżizzjoni għandu jippubblika l-ammont ta’ gass fis-sistema ta’ trażmissjoni kull siegħa. L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw, b’mod alternat, għal kull żona ta’ bbilanċjar, il-pożizzjoni aggregata tal-iżbilanċ tal-utenti kollha fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ bbilanċjar u t-tbassir tal-pożizzjoni aggregata tal-iżbilanċ tal-utenti kollha fi tmien kull ġurnata ta’ gass. Jekk l-awtorità regolatorja nazzjonali tkun sodisfatta li din l-informazzjoni tista’ twassal għal abbuż potenzjali mill-utenti tan-netwerk, tista’ tiddeċiedi li teżenta l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni minn dan l-obbligu.

(6) L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jipprovdu strumenti faċli għall-użu biex jiġu kkalkulati t-tariffi.

(7) L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, għal mill-inqas ħames snin, ir-rekords effettivi tal-kuntratti ta’ kapaċità kollha u kull informazzjoni rilevanti oħra fir-rigward tal-kalkolu u l-provvista tal-aċċess għall-kapaċitajiet disponibbli, b’mod partikolari n-nominazzjonijiet u l-interruzzjonijiet indvidwali. L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom iżommu d-dokumentazzjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha skont il-punt 3.3(4) u (5) għal mill-inqas 5 snin u jagħmluhom disponibbli għall-awtorità regolatorja fuq talba tagħha. Iż-żewġ partijiet għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità kummerċjali.

▼B




ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI



Ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 3

Artikolu 13

Artikolu 4

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 5

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 6

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 7

Artikolu 21

Artikolu 8

Artikolu 22

Artikolu 9

Artikolu 23

Artikolu 10

Artikolu 24

Artikolu 11

Artikolu 25

Artikolu 12

Artikolu 26

Artikolu 13

Artikolu 27

Artikolu 14

Artikolu 28

Artikolu 15

Artikolu 29

Artikolu 16

Artikolu 30

Artikolu 31

Artikolu 17

Artikolu 32

Anness

Anness I



( 1 ) ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39.