2009R0272 — MT — 21.03.2013 — 003.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 272/2009 tat-2 ta' April 2009 (ĠU L 091, 3.4.2009, p.7) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 297/2010 tad-9 ta’ April 2010 |
L 90 |
1 |
10.4.2010 |
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 720/2011 tat-22 ta’ Lulju 2011 |
L 193 |
19 |
23.7.2011 |
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1141/2011 tal-10 ta’ Novembru 2011 |
L 293 |
22 |
11.11.2011 |
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 245/2013 tad-19 ta’ Marzu 2013 |
L 77 |
5 |
20.3.2013 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 272/2009
tat-2 ta' April 2009
li jissupplimenta l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti fl-Anness tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 300/2008
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 300/2008 tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-Kummissjoni hija mitluba bl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 li tadotta miżuri ġenerali maħsuba biex jemendaw it-taqsimiet mhux essenzjali tal-istandards bażiċi komuni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti fl-Anness ta’ dak ir-Regolament billi tissupplimentahom. |
(2) |
L-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 jgħid ukoll li l-Kummissjoni għandha tadotta miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, kif issupplimentati bil-miżuri ġenerali adotatti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 4(2). |
(3) |
Il-miżuri ġenerali li jissupplimentaw l-istandards bażiċi komuni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili għandhom għalhekk ikunu adottati fil-qasam tal-iskrining, il-kontroll ta’ aċċess u kontrolli oħra ta’ sigurtà kif ukoll fil-qasam ta’ oġġetti pprojbiti, ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza minn pajjiżi terzi, ir-reklutaġġ tal-personal, it-taħriġ, proċeduri speċjali ta’ sigurtà u eżenzjonijiet minn kontrolli ta’ sigurtà. |
(4) |
Dawn il-miżuri ġenerali huma meħtieġa biex fl-Unjoni Ewropea jinkiseb livell ta’ sigurtà fl-avjazzjoni li jkun ekwivalenti għall-istandards rikjesti mir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 ( 2 ), li kien irrevokat mir-Regolament (KE) Nru 300/2008. |
(5) |
Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, l-Anness tar-Regolament imsemmi għandu japplika mid-data li għandha tkun speċifikata fir-regoli ta’ implimentazzjoni, iżda mhux aktar tard minn 24 xahar mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 300/2008. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-miżuri ġenerali adottati skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 għandha tkun differita sakemm ikunu adottati regoli ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 4(3), iżda mhux aktar tard mid-29 ta’ April 2010. |
(6) |
Metodi, inklużi teknoloġiji, għad-detezzjoni ta’ splussivi likwidi għandhom jiġu implimentati fl-ajruporti mal-UE kollha mill-aktar fis u sa mhux aktar tard mid-29 ta' April 2010, sabiex il-passiġġieri jkunu jistgħu jġorru likwidi li ma jagħmlux ħsara mingħajr restrizzjonijiet. Jekk ma jkunx possibbli li jiġu implimentati metodi, inklużi teknoloġiji, għad-detezzjoni ta' splussivi likwidi mal-UE kollha f'dak iż-żmien, il-Kummissjoni ser tipproponi ż-żieda meħtieġa mal-kategoriji ta' oġġetti li jistgħu jiġu pprojbiti (it-Taqsima B tal-Anness). Jekk l-implimentazzjoni ta' metodi, inklużi teknoloġiji, ma tkunx possibbli f'ċerti ajruporti għal raġunijiet oġġettivi, il-Kummissjoni ser tispeċifika regoli ddettaljati f'miżuri implimentattivi biex tippermetti li jinġarru likwidi mingħajr ma jiġu kompromessi l-istandards tas-sigurtà. |
(7) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Dan ir-Regolament jipprovdi għal miżuri ġenerali biex jissupplimentaw l-istandards bażiċi komuni stipulati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 biex:
(a) ikunu permessi metodi ta’ skrining kif stabbilit fit-taqsima A tal-Anness,
(b) ikunu pprojbiti kategoriji ta’ oġġetti kif stabbilit fit-taqsima B tal-Anness,
(ċ) ikunu pprovduti raġunijiet għall-għoti ta’ aċċess għal inħawi ta’ titjir u għal żoni ristretti ta’ sigurtà kif stabbilit fit-taqsima C tal-Anness,
(d) ikunu permessi metodi għall-eżami ta’ vetturi, sorveljanzi ta’ sigurtà fuq inġenji tal-ajru u tfittxijiet ta’ sigurtà fuq inġenji tal-ajru kif stabbilit fit-taqsima D tal-Anness,
(e) ikunu stabbiliti l-kriterji li bihom tkun rikonoxxuta l-ekwivalenza ta’ standards ta’ sigurtà ta’ pajjiżi terzi kif stabbilit fit-taqsima E tal-Anness,
(f) ikunu stabbiliti l-kondizzjonijiet li bihom il-merkanzija u l-posta għandhom ikunu skrinjati jew soġġetti għal kontrolli oħra ta’ sigurtà, u jkun determinat il-proċess għall-approvazzjoni jew il-ħatra ta’ aġenti regolati, spedituri magħrufa u spedituri tal-kontijiet kif stabbilit fit-taqsima F tal-Anness,
(g) ikunu stabbiliti l-kondizzjonijiet li bihom il-posta bl-ajru u oġġetti li jinġarru bl-ajru għandhom ikunu skrinjati jew soġġetti għal kontrolli oħra ta’ sigurtà kif stabbilit fit-taqsima G tal-Anness,
(h) ikunu stabbiliti l-kondizzjonijiet li bihom provvisti ta’ titjira u provvisti ta’ ajruport ikunu skrinjati jew soġġetti għal kontrolli oħra ta’ sigurtà u jkun determinat il-proċess għall-approvazzjoni jew il-ħatra ta’ fornituri regolati u fornituri magħrufa kif stabbilit fit-taqsima H tal-Anness,
(i) ikunu stabbiliti kriterji li fuqhom għandhom ikunu definiti żoni ristretti ta’ sigurtà kif stabbilit fit-taqsima I tal-Anness,
(j) ikunu stabbiliti kriterji applikabbli għar-reklutaġġ ta’ persuni li jimplimentaw, jew li jkunu responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ kontroll u skrining ta’ aċċess jew kontrolli oħra ta’ sigurtà u minn trejners, kif ukoll il-metodi ta’ taħriġ ta’ dawk il-persuni u ta’ persuni li tinħarġilhom karta ta’ identità ta’ ajruport jew karta ta’ identità ta’ ekwipaġġ kif stabbilit fit-taqsima J tal-Anness, u
(k) ikunu stabbiliti l-kondizzjonijiet li bihom ikunu jistgħu jiġu applikati proċeduri speċjali ta’ sigurtà jew eżenjonijiet minn kontrolli ta’ sigurtà kif stabbilit fit-taqsima K tal-Anness.
Artikolu 2
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1. “provvisti ta’ ajruport” tfisser dawk l-oġġetti kollha maħsuba biex jinbiegħu, jintużaw jew biex ikunu jistgħu jinkisbu f’żoni ristretti ta’ sigurtà ta’ ajruporti;
2. “provvisti ta’ titjira” tfisser l-oġġetti kollha barra
(a) bagalji tal-kabina,
(b) oġġetti li jinġarru minn persuni li ma jkunux passiġġieri u
(ċ) posta bl-ajru u oġġetti li jinġarru bl-ajru,
maħsuba biex jittieħdu abbord inġenji tal-ajru għall-użu, konsum jew xiri minn passiġġieri jew mill-ewkipaġġ matul titjira;
3. “fornitur regolat ta’ provvisti ta’ titjira” tfisser fornitur li l-proċeduri tiegħu jissodisfaw regoli u standards komuni ta’ sigurtà suffiċjenti li jippermettu konsenja ta’ provvisti ta’ titjira direttament lil inġenji tal-ajru;
4. “fornitur magħruf ta’ provvisti ta’ titjira” tfisser fornitur li l-proċeduri tiegħu jissodisfaw regoli u standards komuni ta’ sigurtà suffiċjenti li jippermettu konsenja ta’ provvisti ta’ titjira lil trasportatur bl-ajru jew lil fornitur regolat, iżda mhux direttament lil inġenji tal-ajru;
5. “fornitur magħruf ta’ provvisti ta’ ajruport” tfisser fornitur li l-proċeduri tiegħu jissodisfaw regoli u standards komuni ta’ sigurtà suffiċjenti li jippermettu konsenja ta’ provvisti lil żoni ristretti ta’ sigurtà.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mid-data speċifikata fir-regoli ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, iżda mhux aktar tard mid-29 ta’ April 2010.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS
TAQSIMA A.
Metodi ta’ skrining permessi
Ir-regoli ta’ implimentazzjoni li għandhom ikunu adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 jistgħu jippermettu l-użu tal-metodi ta’ skrining li ġejjin, waħidhom jew flimkien, bħala mezz primarju jew sekondarju u taħt kondizzjonijiet definiti:
1. Għall-iskrining ta’ persuni:
(a) tfittxija bl-idejn;
(b) tagħmir li jiskopri l-metall fuq persuni li jgħaddu minnu (WTMD);
(c) tagħmir tal-idejn biex jiskopri l-metall (HHMD);
(d) klieb li jxommu l-isplussivi; u
(e) tagħmir li jiskopri traċċi ta’ splussivi (ETD);
(f) scanners tas-sigurtà li ma jużax radjazzjoni jonizzanti.
2. Għall-iskrining tal-bagalji tal-kabina, l-oġġetti li jinġarru minn persuni għajr passiġġieri, posta bl-ajru u oġġetti li jinġarru bl-ajru għajr meta jitgħabbew fl-istiva ta’ inġenju tal-ajru, provvisti ta’ titjira u provvisti ta’ ajruport:
(a) tfittxija bl-idejn;
(b) kontroll viżiv;
(c) tagħmir tal-x-ray;
(d) tagħmir b’sistemi li jiskopru l-isplussivi (EDS);
(e) klieb li jxommu l-isplussivi (EDD);
(f) tagħmir li jiskopri traċċi ta’ splussivi (ETD); u
(g) tagħmir b’sistemi li jiskopru splussivi likwidi (LEDS).
3. Għall-iskrining ta’ bagalji, merkanzija u posta li jinġarru fl-istiva, kif ukoll għal posta bl-ajru u oġġetti li jinġarru bl-ajru li jkollhom jitgħabbew fl-istiva ta’ inġenji tal-ajru:
(a) tfittxija bl-idejn;
(b) sorveljanza viżiva;
(c) tagħmir tal-x-ray;
(d) tagħmir b’sistemi li jiskopru l-isplussivi (EDS);
(e) klieb li jxommu l-isplussivi;
(f) tagħmir li jiskopri traċċi ta’ splussivi (ETD);
(g) kamra ta’ simulazzjoni, u
(h) tagħmir għar-rilevament tal-metall.
Biex ikunu evalwati l-metodi tal-iskrining bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda li ma kinux previsti fiż-żmien li fih kien adottat dan ir-Regolament, ir-regoli ta’ implimentazzjoni li għandhom ikunu adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 jistgħu jippermettu l-użu ta’ metodi oħra abbażi ta’ prova u għal perijodu limitat ta’ żmien bil-kundizzjoni li provi bħal dawn ma jippreġudikawx il-livelli kollha ta’ sigurtà.
TAQSIMA B.
Kategoriji ta’ oġġetti li jistgħu jkunu ipprojbiti
Ir-regoli ta’ implimentazzjoni li għandhom ikunu adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 jistgħu jipprojbixxu, skont kondizzjonijiet definiti, id-dħul ta’ kategorija waħda jew il-kategoriji kollha ta’ oġġetti li ġejjin f’żoni ristretti ta’ sigurtà u abbord inġenji tal-ajru:
(a) xkubetti, armi tan-nar u mezzi oħra li jisparaw projettili – mezzi li jistgħu, jew li jidhru li jistgħu jintużaw biex jikkawżaw ħsara gravi billi jisparaw projettili;
(b) mezzi li jistordu – mezzi maħsuba speċifikament biex jistordu jew jimmobilizzaw;
(c) oġġetti b’ponta fina jew b’xafra taqta’ – oġġetti b’ponta fina jew b’xafra taqta’ li jistgħu jintużaw biex jikkawżaw ħsara gravi;
(d) għodda tal-ħaddiema – għodod li jistgħu jintużaw jew biex jikkawżaw ħsara gravi jew biex jheddu s-sigurtà ta’ inġenji tal-ajru;
(e) strumenti spuntati – oġġetti li jistgħu jintużaw biex jikkawżaw ħsara gravi meta jintużaw biex jolqtu; u
(f) esplussivi, u sustanzi u mezzi inċendjarji – esplussivi, u sustanzi u mezzi inċendjarji li jistgħu, jew li jidhru li jistgħu jintużaw biex jikkawżaw ħsara gravi jew li jġibu theddida għas-sigurtà ta’ inġenji tal-ajru.
PARTI B1.
Likwidi, aerosols u ġellijiet
Likwidi, aerosols u ġellijiet għandhom jitħallew jiddaħħlu f’żoni ristretti tas-sigurtà bil-kundizzjoni li jkunu skrinjati jew eżentati mill-iskrining skont ir-rekwiżiti tar-regoli ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008.
TAQSIMA C.
Kontroll ta’ aċċess: raġunijiet għall-għoti ta’ aċċess għal nħawi ta’ titjir u għal żoni ristretti ta’ sigurtà
Aċċess għal nħawi ta’ titjir u għal żoni ristretti ta’ sigurtà għandu jingħata skont il-kriterji li ġejjin:
1. Aċċess għal nħawi ta’ titjir jista’ jkun awtorizzat biss jekk persuni jew vetturi jkollhom raġuni leġittima biex ikunu hemm.
Biex jingħata aċċess għal nħawi ta’ titjir persuna għandha ġġorr fuqha awtorizzazzjoni.
Biex jingħata aċċess għal nħawi ta’ titjir vettura għandu jkollha pass ta’ vettura.
2. Aċċess għal żoni ristretti ta’ sigurtà jista’ jingħata biss jekk persuni u vetturi jkollhom raġuni valida għalfejn għandhom ikunu hemm.
Biex jingħata aċċess għal żoni ristretti ta’ sigurtà persuna għandha tippreżenta awtorizzazzjoni.
Biex jingħata aċċess għal żoni ristretti ta’ sigurtà vettura għandha turi pass ta’ vettura.
TAQSIMA D.
Metodi permessi għall-eżami ta’ vetturi, sorveljanzi ta’ sigurtà fuq inġenji tal-ajru u tfittxijiet ta’ sigurtà fuq inġenji tal-ajru
Ir-regoli ta’ implimentazzjoni li għandhom ikunu adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 jistgħu jippermettu l-użu tal-metodi li ġejjin għall-eżami ta’ vetturi, sorveljanzi ta’ sigurtà fuq inġenji tal-ajru, u tfittxijiet ta’ sigurtà fuq inġenji tal-ajru, waħidhom jew flimkien, bħala mezz primarju jew sekondarju u taħt kondizzjonijiet definiti:
(a) tfittxijja bl-idejn;
(b) sorveljanza viżiva;
(c) klieb li jxommu l-isplussivi;
(d) tagħmir li jiskopri traċċi ta’ splussivi (ETD).
Biex ikunu evalwati metodi ta’ eżami bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda li ma kinux previsti fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, ir-regoli ta’ implimentazzjoni li għandhom ikunu adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 jistgħu jippermettu l-użu ta’ metodi oħra abbażi ta’ prova u għal perijodu limitat bil-kondizzjoni li provi bħal dawn ma jippreġudikawx il-livelli kollha ta’ sigurtà.
TAQSIMA E.
Kriterji għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza ta’ standards ta’ sigurtà ta’ pajjiżi terzi
Il-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi l-ekwivalenza ta’ standards ta’ sigurtà ta’ pajjiżi terzi skont il-kriterji li ġejjin:
(a) Il-pajjiż terz ikollu rekord tajjeb ta’ kooperazzjoni mal-Komunità u mal-Istati Membri tagħha;
(b) Il-Kummissjoni tkun ivverifikat li l-pajjiż terz japplika standards sodisfaċenti ta’ sigurtà fl-avjazzjoni, inkluż il-kontroll tal-kwalità; u
(c) Il-Kummissjoni tkun ivverifikat li:
— dwar passiġġieri u bagalji tal-kabina, il-miżuri ta’ sigurtà applikati jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fis-sezzjonijiet 1, 3, 11 u 12 u fil-punti 4.1 u 4.2 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 u f’atti ta’ implimentazzjoni relatati;
— dwar bagalji li jinġarru fl-istiva, il-miżuri ta’ sigurtà applikati jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fis-sezzjonijiet 1, 3, 5, 11 u 12 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 u f’atti ta’ implimentazzjoni relatati;
— dwar merkanzija u posta, il-miżuri ta’ sigurtà applikati jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fis-sezzjonijiet 1, 3, 6, 11 u 12 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 u f’atti ta’ implimentazzjoni relatati; u/jew
— dwar sigurtà ta’ inġenji tal-ajru, il-miżuri ta’ sigurtà applikati jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fis-sezzjonijiet 1, 3, 11 u 12 u f’punti 4.1 u 4.2 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 u f’atti ta’ implimentazzjoni relatati.
TAQSIMA F.
Merkanzija u posta
F.1 Merkanzija u posta: il-kondizzjonijiet li bihom għandhom ikunu skrinjati jew soġġetti għal kontrolli oħra ta’ sigurtà
Il-merkanzija u l-posta li jkollhom jitgħabbew fuq inġenji tal-ajru għandhom ikunu skrinjati, ħlief meta
(a) ikunu ġew applikati kontrolli ta’ sigurtà fuq il-konsenja minn aġent regolat u l-konsenja tkun tħarset minn interferenza mhux awtorizzata minn dak iż-żmien li fih dawk il-kontrolli ta’ sigurtà kienu applikati; jew
(b) ikunu ġew applikati kontrolli ta’ sigurtà fuq il-konsenja minn speditur magħruf u l-konsenja tkun tħarset minn interferenza mhux awtorizzata minn dak iż-żmien li fih dawk il-kontrolli ta’ sigurtà kienu applikati; jew
(c) ikunu ġew applikati kontrolli ta’ sigurtà fuq il-konsenja minn speditur tal-kontijiet u l-konsenja tkun tħarset minn interferenza mhux awtorizzata minn dak iż-żmien li fih dawk il-kontrolli ta’ sigurtà kienu applikati, u l-merkanzija tinġarr fuq inġenji tal-ajru tal-merkanzija biss jew il-posta fuq inġenji tal-ajru tal-posta biss; jew
(d) ikunu ġew applikati kontrolli ta’ sigurtà fuq merkanzija trasferibbli u posta trasferibbli, kif imsemmi fil-punt 6.1.2 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 300/2008.
F.2 Merkanzija u posta: il-proċess ta’ approvazzjoni jew ħatra ta’ aġenti regolati, spedituri magħrufa u spedituri tal-kontijiet
Il-proċess li ġej għandu japplika għall-approvazzjoni jew għall-ħatra ta’ aġenti regolati, spedituri magħrufa u spedituri tal-kontijiet:
1. Aġenti regolati għandhom ikunu approvati mill-awtorità xierqa.
Biex ikunu approvat bħala aġent regolat, l-applikant għandu jibgħat dokumentazzjoni dwar standards ta’ sigurtà tal-avjazzjoni u għandu mbagħad ikun soġġett għal verifika fuq il-post biex ikun żgurat li huwa jissodisfa l-istandards mitluba.
2. Spedituri magħrufa għandhom ikunu approvati mill-awtorità xierqa.
Biex ikun approvat bħala speditur magħruf, l-applikant għandu jipprovdi informazzjoni dwar standards ta’ sigurtà tal-avjazzjoni u għandu jkun soġġett għal verifika fuq il-post biex ikun żgurat li huwa jissodisfa l-istandards mitluba.
Bħala alternattiva għall-approvazzjoni, l-awtorità xierqa tista’ tippermetti li speditur magħruf jinħatar minn aġent regolat sa data li għad tkun trid tiġi stabbilita fir-regoli ta’ implimentazzjoni li għandhom ikunu adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008.
3. Spedituri tal-kontijiet għandhom jinħatru minn aġent regolat.
Biex jaħtar speditur tal-kontijiet, l-aġent regolat għandu jiżgura li l-ispeditur tal-kontijiet prospettiv jipprovdi informazzjoni dwar standards ta’ sigurtà tal-avjazzjoni u għandu jagħmel validazzjoni.
TAQSIMA G.
Posta bl-ajru u oġġetti li jinġarru bl-ajru: kondizzjonijiet li bihom huma għandhom ikunu skrinjati jew soġġetti għal kontrolli oħra ta’ sigurtà
Posta bl-ajru u oġġetti li jinġarru bl-ajru li jkollhom jitgħabbew fl-istiva ta’ inġenji tal-ajru għandhom jew ikunu skrinjati bħala bagalji li jinġarru fl-istiva jew soġġetti għall-istess kontrolli ta’ sigurtà bħal ta’ fuq merkanzija u posta.
Posta bl-ajru u oġġetti li jinġarru bl-ajru li jkollhom jitgħabbew f’kull parti ta’ inġenji tal-ajru barra l-istiva għandhom ikunu skrinjati bħala bagalji tal-kabina.
TAQSIMA H.
Provvisti ta’ titjira u provvisti ta’ ajruport
H.1 Provvisti ta’ titjira u provvisti ta’ ajruport: kondizzjonijiet li bihom huma għandhom ikunu skrinjati jew soġġetti għal kontrolli oħra ta’ sigurtà
1. Provvisti ta’ titjira li jkollhom jitgħabbew fuq inġenji tal-ajru għandhom ikunu skrinjati, ħlief meta:
(a) ikunu ġew applikati kontrolli fuq il-provvisti minn trasportatur bl-ajru li jikkonsenjahom lill-inġenji tal-ajru tiegħu stess, u l-provvisti jkunu tħarsu minn interferenza mhux awtorizzata minn dak iż-żmien li fih dawk il-kontrolli kienu applikati sal-konsenja lill-inġenji tal-ajru, jew
(b) ikunu ġew applikati kontrolli fuq il-provvisti minn fornitur regolat u l-provvisti jkunu tħarsu minn interferenza mhux awtorizzata minn dak iż-żmien li fih dawk il-kontrolli kienu applikati sal-konsenja lill-inġenji tal-ajru, jew, skont il-każ, lit-trasportatur bl-ajru jew lil fornitur regolat ieħor, jew
(c) ikunu ġew applikati kontrolli fuq il-provvisti minn fornitur magħruf u l-provvisti jkunu tħarsu minn interferenza mhux awtorizzata minn dak iż-żmien li fih dawk il-kontrolli kienu applikati sal-konsenja lill-inġenji tal-ajru, jew lil fornitur regolat.
2. Il-provvisti ta’ ajruport għandhom ikunu skrinjati qabel ma jitħallew jidħlu f’żoni ristretti ta’ sigurtà, jekk ma jkunux ġew applikati kontrolli ta’ sigurtà fuq il-provvisti minn fornitur magħruf u l-provvisti jkunu tħarsu minn interferenza mhux awtorizzata minn dak iż-żmien li fih dawk il-kontrolli kienu applikati sakemm ikunu fiż-żona ristretta ta’ sigurtà.
H.2 Provvisti ta’ titjira u provvisti ta’ ajruport: il-proċess għall-approvazzjoni jew il-ħatra ta’ fornituri regolati u fornituri magħrufa
1. Fornituri regolati ta’ provvisti ta’ titjira għandhom ikunu approvati mill-awtorità xierqa sa data li għandha tkun stabbilita fir-regoli ta’ implimentazzjoni li għandhom ikunu adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008.
Biex ikun approvat bħala fornitur regolat ta’ provvisti ta’ titjira, l-applikant għandhu jibgħat dokumentazzjoni dwar standards ta’ sigurtà tal-avjazzjoni u għandu mbagħad ikun soġġett għal verifika fuq il-post biex ikun żgurat li huwa jissodosfa l-istandards mitluba.
2. Fornituri magħrufa ta’ provvisti ta’ titjira għandhom jinħatru mill-operatur jew mill-entità li lilhom jagħmlu konsenji.
Biex jaħtru fornitur magħruf ta’ provvisti ta’ ajruport, l-operatur jew entità li lilhom jagħmel konsenji għandhom jiżguraw li l-fornitur magħruf prospettiv jipprovdi informazzjoni dwar standards ta’ sigurtà tal-avjazzjoni u għandu jagħmel validazzjoni.
3. Fornituri magħrufa ta’ provvisti ta’ ajruport għandhom jinħatru mill-operatur ta’ ajruport.
Biex jinħatar bħala fornitur magħruf ta’ provvisti ta’ ajruport, l-operatur ta’ ajruport għandu jiżgura li l-fornitur magħruf prospettiv jipprovdi informazzjoni dwar standards ta’ sigurtà tal-avjazzjoni u għandu jagħmel validazzjoni
TAQSIMA I.
Kriterji għad-definizzjoni ta’ partijiet kritiċi ta’ żoni ristretti ta’ sigurtà
Id-definizzjoni ta’ partijiet kritiċi ta’ żoni ristretti ta’ sigurtà għandha tiżgura li ma jkun hemm ebda kontaminazzjoni ta’ passiġġieri skrinjati għat-tluq (kemm dawk tal-bidu kif ukoll dawk ta’ trasferiment) u tal-bagalji tagħhom tal-kabina, kif ukoll ta’ bagalji skrinjati għat-tluq li jinġarru fl-istiva (kemm dawk tal-bidu kif ukoll dawk ta’ trasferiment).
TAQSIMA J.
Reklutaġġ ta’ persunal u metodi ta’ taħriġ
J.1 Kriterji għal reklutaġġ ta’ persunal
Il-kriterji li ġejjin għandhom japplikaw għar-reklutaġġ taż-żewġ persuni li jimplimentaw, jew li jkunu responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ skrining, kontroll ta’ aċċess jew kontrolli oħra ta’ sigurtà u minn trejners:
(a) huma għandhom ikunu għaddew b’suċċess minn eżami preliminari jew minn eżami ta’ qabel l-impjieg skont regoli nazzjonali; u
(b) huma għandu jkollhom dawk il-ħiliet meħtieġa biex iwettqu x-xogħlijiet li jingħatawlhom.
J.2 Metodi ta’ taħriġ
Ir-regoli ta’ implimentazzjoni li għandhom ikunu adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 jistgħu jesiġu li
(a) persuni li jimplimentaw, jew li jkunu responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ skrining, kontroll ta’ aċċess jew kontrolli oħra ta’ sigurtà,
(b) trejners, u
(c) persuni li jinħarġulhom karta ta’ identità ta’ ajruport jew karta ta’ identità ta’ ekwipaġġ,
jingħataw taħriġ teoretiku, prattiku u/jew fuq ix-xogħol.
TAQSIMA K.
Kondizzjonijiet li bihom jistgħu jkunu applikati proċeduri speċjali ta’ sigurtà jew eżenzjonijiet minn kontrolli ta’ sigurtà
Ir-regoli ta’ implimentazzjoni li għandhom ikunu adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 jistgħu jippermettu li jkunu applikati proċeduri speċjali ta’ sigurtà jew eżenzjonijiet minn kontrolli ta’ sigurtà bil-kondizzjoni li:
(a) il-proċedura jew eżenzjoni tkun stabbilita mill-Kummissjoni jew mill-awtorità xierqa; u
(b) ikun hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw il-proċedura jew l-eżenzjoni.
( 1 ) ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.
( 2 ) ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1.