2009L0071 — MT — 14.08.2014 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2009/71/EURATOM

tal-25 ta’ Ġunju 2009

li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari

(ĠU L 172, 2.7.2009, p.18)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

Direttiva tal-Kunsill 2014/87/Euratom tat-8 ta' Lulju 2014

  L 219

42

25.7.2014




▼B

DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2009/71/EURATOM

tal-25 ta’ Ġunju 2009

li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija Atomika Ewopea, u b’mod partikolari l-Artikoli 31 u 32 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, imfassla wara li ttieħdet l-opinjoni ta’ grupp ta’ persuni maħtura mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku minn fost l-esperti xjentifiċi fl-Istati Membri,u wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Billi:

(1)

L-Artikolu 2(b) tat-Trattat jipprevedi għall-istabbiliment ta’ standards uniformi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali.

(2)

L-Artikolu 30 tat-Trattat jipprevedi għall-istabbiliment ta’ standards bażiċi fil-Komunità għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjonijiet jonizzanti.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta’ Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti ( 3 ) tistabbilixxi l-istandards bażiċi tas-sigurtà. Id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva ġew supplimentati minn leġislazzjoni aktar speċifika.

(4)

Kif ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Qorti tal-Ġustizzja”) fil-każistika tagħha ( 4 ), il-Komunità tikkondividi l-kompetenzi flimkien mal-Istati Membri tagħha, fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Nukleari ( 5 ).

(5)

Kif ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każistika tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tat-Trattat, relatat mas-saħħa u s-sigurtà, jifformaw intier koerenti li jikkonferixxi fuq il-Kummissjoni setgħat ta’ ambitu konsiderevoli għall-ħarsien tal-popolazzjoni u l-ambjent kontra riskji ta’ kontaminazzjoni nukleari.

(6)

Kif ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każistika tagħha, il-kompiti imposti fuq il-Komunità bl-Artikolu 2(b) tat-Trattat li jiġu stabbiliti standards uniformi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-popolazzjoni u l-ħaddiema ma jfissirx li, ladarba jiġu definiti tali standards, Stat Membru ma jistax jipprovdi miżuri ta’ ħarsien aktar strett.

(7)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/600/Euratom tal-14 ta’ Diċembru 1987 dwar arranġamenti tal-Komunità għal skambju kmieni ta’ informazzjoni fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika ( 6 ) stabbilixxiet qafas għan-notifikazzjoni u l-provvista ta’ informazzjoni li għandu jintuża mill-Istati Membri sabiex jitħares il-pubbliku ġenerali fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika. Id-Direttiva tal-Kunsill 89/618/Euratom tas-27 ta’ Novembru 1989 dwar kif il-pubbliku ġenerali jkun infurmat dwar miżuri għal ħarsien tas-saħħa li għandhom ikunu applikati u passi li għandhom jittieħdu fil-każ ta’emerġenza radjoloġika ( 7 ) imponiet obbligi fuq l-Istati Membri biex jinfurmaw lill-pubbliku ġenerali fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika.

(8)

Ir-responsabbiltà nazzjonali tal-Istati Membri għas-sigurtà nukleari tal-installazzjonijiet nukleari hija l-prinċipju fundamentali li fuqu ġiet żviluppata r-regolamentazzjoni dwar is-sigurtà nukleari fil-livell internazzjonali, kif approvat mill-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Nukleari. Dak il-prinċipju ta’ responsabbiltà nazzjonali, kif ukoll il-prinċipju ta’ responsabbiltà ewlenija tad-detentur tal-liċenzja għas-sigurtà nukleari ta’ installazzjoni nukleari taħt is-superviżjoni tal-awtorità regolatorja kompetenti tiegħu, għandhom jissaħħu u r-rwol u l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandu jissaħħaħ permezz ta’ din id-Direttiva.

(9)

Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi dwar it-taħlita tal-enerġija tiegħu f’konformità mal-linji ta’ politika nazzjonali rilevanti.

(10)

Fl-iżvilupp tal-qafas nazzjonali adatt taħt din id-Direttiva, ser jittieħed kont taċ-ċirkostanzi nazzjonali.

(11)

L-Istati Membri diġà implimentaw miżuri li jippermettulhom li jiksbu livell għoli ta’ sigurtà nukleari fil-Komunità.

(12)

Filwaqt li din id-Direttiva prinċipalment tikkonċerna s-sigurtà nukleari ta’ installazzjonijiet nukleari huwa wkoll importanti biex tiġi żgurata ġestjoni sigura tal-karburant użat u skart radjuattiv, inkluż f’faċilitajiet ta’ ħżin u rimi.

(13)

L-Istati Membri għandhom jivvalutaw, fejn adatt, il-prinċipji ta’ sigurtà fundamentali rilevanti stabbiliti mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika ( 8 ) li għandhom jikkostitwixxu qafas ta’ prattiki li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw meta jimplimentaw din id-Direttiva.

(14)

Huwa utli li jkun hemm kontinwità mill-proċess fejn l-awtoritajiet nazzjonali tas-sigurtà tal-Istati Membri b’impjanti tal-enerġija nukleari fit-territorju tagħhom ilhom jaħdmu flimkien fil-kuntest tal-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Nukleari tal-Ewropa tal-Punent (WENRA) u ddefinixxew bosta livelli ta’ referenza tas-sigurtà għal reatturi tal-enerġija.

(15)

B’segwitu għall-istedina tal-Kunsill li jiġi stabbilit Grupp ta’ Livell Għoli fil-Livell tal-UE, kif imniżżel fil-Konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2007 dwar is-sigurtà nukleari u l-ġestjoni tal-karburant użat u l-iskart radjuattiv, il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej fil-qasam tas-Sigurtà Nukleari (ENSREG) ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/530/Euratom tas-17 ta’ Lulju 2007 dwar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Livell Għoli Ewropew dwar is-Sigurezza Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart ( 9 ) biex jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi Komunitarji fil-qasam tas-sigurtà nukleari.

(16)

Huwa utli li tiġi stabbilita struttura unifikata għal rapporti ta’ Stati Membri lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Fid-dawl tal-esperjenza wiesgħa tal-membri tiegħu l-ENSREG jista’ jagħmel kontribut ta’ valur f’dan ir-rigward, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

(17)

Fil-15 ta’ Ottubru 2008 fil-5 laqgħa tiegħu l-ENSREG adotta għaxar prinċipji li għandhom jintużaw meta titfassal Direttiva dwar is-sigurtà nukleari, kif imniżżel fil-minuti tiegħu datati l-20 ta’ Novembru 2008.

(18)

Avvanzi fit-teknoloġija nukleari, lezzjonijiet meħuda minn esperjenza operattiva u riċerka dwar is-sigurtà u titjib f’oqfsa regolatorji jista’ jkollhom il-potenzjal li jtejbu aktar is-sigurtà. F’konformità mal-impenn li tinżamm u tittejjeb is-sigurtà, l-Istati Membru għandhom jieħdu kont ta’ dawk il-fatturi meta jestendu l-programm tagħhom ta’ enerġija nukleari jew meta jiddeċiedu li jużaw l-enerġija nukleari għall-ewwel darba.

(19)

L-istabbiliment ta’ kultura ta’ sigurtà b’saħħitha f’installazzjoni nukleari huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali ta’ ġestjoni tas-sigurtà meħtieġ għall-kisba tal-funzjonament sigur tagħha.

(20)

Iż-żamma u l-iżvilupp ulterjuri ta’ kompetenza u ħiliet fis-sigurtà nukleari għandhom ikunu bbażati, inter alia, fuq proċess ta’ tagħlim minn esperjenza operattiva tal-imgħoddi u l-użu ta’ żviluppi fil-metodoloġija u x-xjenza, kif adegwat.

(21)

Fl-imgħoddi, twettqu awtovalutazzjonijiet fl-Istati Membri f’rabta mill-qrib ma’ evalwazzjonijiet inter pares internazzjonali taħt l-awspiċji tal-IAEA bħala missjonijiet tat-Tim Internazzjonali għar-Reviżjoni tar-Regolamentazzjoni jew tas-Servizz ta’ Reviżjoni Integrat tar-Regolamentazzjoni. Dawn l-awtovalutazzjonijiet twettqu u dawn il-missjonijiet ġew offruti minn Stati Membri fuq bażi volontarja fl-ispirtu ta’ ftuħ u trasparenza. L-awtovalutazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet inter pares li jakkumpanjawhom tal-infrastruttura leġislattiva, regolatorja u organizzattiva għandhom ikunu mmirati li jsaħħu u jtejbu l-qafas nazzjonali tal-Istati Membri, filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-kompetenzi tagħhom fl-iżgurar tas-sigurtà nukleari ta’ installazzjonijiet nukleari fuq it-territorju tagħhom. L-awtovalutazzjonijiet segwiti minn evalwazzjonijiet inter pares internazzjonali la huma spezzjoni u lanqas verifika, iżda mekkaniżmu ta’ tagħlim reċiproku li jaċċetta approċċi differenti għall-organizzazzjoni u l-prattiki ta’ awtorità regolatorja kompetenti, filwaqt li jiġu kkunsidrati kwistjonijiet regolatorji, tekniċi u ta’ politika ta’ Stat Membru li jikkontribwixxu għall-iżgurar ta’ sistema ta’ sigurtà nukleari b’saħħitha. L-evalwazzjonijiet inter pares internazzjonali għandhom jitqiesu bħala opportunità biex tiġi skambjata esperjenza professjonali u biex jiġu kondiviżi tagħlimiet meħuda u prattiki tajba fi spirtu miftuħ u kooperattiv permezz ta’ parir minn pari aktar milli minn kontroll jew ġudizzju. Filwaqt li jirrikonoxxi ħtieġa għal flessibbiltà u adegwatezza fir-rigward ta’ sistemi eżistenti differenti fl-Istati Membri, Stat Membru għandu jkun liberu li jiddetermina l-fergħat tas-sistema tiegħu li huma soġġetti għar-reviżjoni inter pares speċifika msejħa, bil-għan li tittejjeb kontinwament is-sigurtà nukleari.

(22)

Skont il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet ( 10 ), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interessi tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess li juru, sa fejn huwa possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni u jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



KAPITOLU 1

▼M1

OBJETTIVI, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

▼B

Artikolu 1

Objettivi

L-objettivi ta’ din id-Direttiva huma:

(a) li jiġi stabbilit qafas Komunitarju sabiex jinżamm u jiġi promoss it-titjib kontinwu tas-sigurtà nukleari u r-regolamentazzjoni tagħha;

(b) li jiġi żgurat li l-Istati Membri għandhom jipprovdu arranġamenti nazzjonali adatti għal livell għoli ta’ sigurtà nukleari għall-ħarsien tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jirriżultaw minn radjazzjonijiet jonizzanti minn installazzjonijiet nukleari.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

▼M1

1.  Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull installazzjoni nukleari ċivili soġġetta għal liċenzja.

▼B

2.  Din id-Direttiva ma tostakolax lill-Istati Membri milli jieħdu miżuri ta’ sigurtà aktar stretti fil-qasam kopert b’din id-Direttiva, f’konformità mal-liġi Komunitarja.

▼M1

3.  Din id-Direttiva tissupplimenta l-istandards bażiċi msemmijin fl-Artikolu 30 tat-Trattat fir-rigward tas-sikurezza nukleari tal-installazzjonijiet nukleari u hija mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jirriżultaw mir-radjazzjoni jonizzanti, u b'mod partikolari d-Direttiva 2013/59/Euratom ( 11 ).

▼B

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “installazzjoni nukleari” tfisser:

▼M1

(a) impjant nukleari, impjant ta' arrikkiment, impjant ta' manifattura ta' karburant nukleari, impjant ta' riproċessar, faċilità ta' reattur ta' riċerka, faċilità għall-ħżin ta' karburant użat; u

▼B

(b) faċilitajiet għall-ħżin għal skart radjuattiv li huma fuq l-istess sit u huma relatati direttament mal-installazzjonijiet nukleari elenkati taħt il-punt (a).

(2) “sigurtà nukleari” tfisser il-ksib ta’ kondizzjonijiet operattivi adatti, il-prevenzjoni ta’ aċċidenti u t-tnaqqis ta’ konsegwenzi tal-aċċidenti, li jirriżultaw fil-ħarsien tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali minn perikli minn radjazzjonijiet jonizzanti minn installazzjonijiet nukleari.

(3) “awtorità regolatorja kompetenti” tfisser awtorità jew sistema ta’ awtoritajiet maħtura fi Stat Membru fil-qasam tar-regolazzjoni tas-sigurtà nukleari ta’ installazzjonijiet nukleari kif imsemmi fl-Artikolu 5;

(4) “liċenzja” tfisser kull dokument legali mogħti taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru biex tingħata r-responsabbiltà għall-għażla tas-sit, il-proġettazzjoni, il-kostruzzjoni, l-ikkommissjonar u -operat jew id-dekommissjonar ta’ installazzjoni nukleari;

(5) “detentur ta’ liċenzja” tfisser persuna ġuridika jew fiżika li jkollha responsabbiltà ġenerali għall-installazzjoni nukleari kif speċifikat f’liċenzja;

▼M1

(6) “inċident” tfisser kwalunkwe avveniment mhux intenzjonat, li l-konsegwenzi jew il-konsegwenzi potenzjali tiegħu jkunu sinifikanti mill-perspettiva tal-protezzjoni mir-radjazzjoni jew tas-sikurezza nukleari;

(7) “aċċident” tfisser kwalunkwe avveniment mhux intenzjonat, li l-konsegwenzi jew il-konsegwenzi potenzjali tiegħu ma jkunux negliġibbli mill-perspettiva tal-protezzjoni mir-radjazzjoni jew is-sikurezza nukleari;

(8) “operazzjonijiet abnormali” tfisser proċess operazzjonali li jiddevja mill-operat normali li huwa mistenni li jseħħ mill-inqas darba waqt iċ-ċiklu ta' ħajja operattiva ta' faċilità iżda li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet xierqa dwar id-disinn, ma jikkawża ebda ħsara sinifikanti lil oġġetti importanti għas-sikurezza u ma jwassalx għal kundizzjonijiet ta' inċident;

(9) “bażi ta' disinn” tfisser il-firxa ta' kundizzjonijiet u avvenimenti kkunsidrati b'mod espliċitu fid-disinn, inkluż kwalunkwe titjib, ta' installazzjoni nukleari, skont kriterji stabbiliti, b'mod li l-installazzjoni tkun tista' tiflaħ għalihom mingħajr ma taqbeż il-limiti awtorizzati bit-tħaddim ippjanat tas-sistemi ta' sikurezza;

(10) “inċident fuq bażi ta' disinn” tfisser kundizzjonijiet ta' inċident li installazzjoni nukleari tkun imfassla abbażi tagħhom skont kriterji stabbiliti tad-disinn, u li għalihom il-ħsara lill-fjuwil, fejn applikabbli, u r-rilaxx ta' materjal radjuattiv jinżammu fil-limiti awtorizzati;

(11) “kundizzjonijiet serji” tfisser kundizzjonijiet li huma aktar serji minn kundizzjonijiet marbutin ma' inċidenti fuq bażi ta' disinn; tali kundizzjonijiet jistgħu jkunu kkawżati minn diversi fallimenti, bħat-telf totali tal-partijiet kollha ta' sistema ta' sikurezza, jew minn avveniment estremament improbabbli.

▼B



KAPITOLU 2

OBBLIGI



▼M1

TAQSIMA 1

Obbligi ġenerali

▼B

Artikolu 4

Qafas leġislattiv, regolatorju u organizzattiv

▼M1

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu qafas leġislattiv, regolatorju u organizzattiv nazzjonali (“il-qafas nazzjonali”) għas-sikurezza nukleari ta' installazzjonijiet nukleari. Il-qafas nazzjonali għandu jipprevedi b'mod partikolari:

(a) l-allokazzjoni ta' responsabbiltajiet u koordinazzjoni bejn il-korpi rilevanti tal-istat;

(b) rekwiżiti nazzjonali għas-sikurezza nukleari, li jkopru l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja ta' installazzjonijiet nukleari;

(c) sistema ta' liċenzjar u l-projbizzjoni tal-operat ta' installazzjonijiet nukleari mingħajr liċenzja;

(d) sistema ta' kontroll regolatorju tas-sikurezza nukleari mħaddma mill-awtorità regolatorja kompetenti;

(e) azzjonijiet ta' infurzar effettivi u proporzjonati, inkluż, fejn xieraq, azzjoni korrettiva jew sospensjoni tal-operat u modifika jew revoka ta' liċenzja.

Id-determinazzjoni dwar kif ir-rekwiżiti nazzjonali għas-sikurezza nukleari msemmija fil-punt (b) huma adottati u permezz ta' liema strument huma applikati tibqa' fil-kompetenza tal-Istati Membri.

▼B

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jinżamm u jittejjeb meta jkun adatt, b’kont meħud tal-esperjenza operattiva, l-għarfien miksub minn analiżi tas-sigurtà għall-installazzjonijiet nukleari operattivi, l-iżvilupp tat-teknoloġija u r-riżultati ta’ riċerka dwar is-sigurtà, meta disponibbli u rilevanti.

Artikolu 5

Awtorità regolatorja kompetenti

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu awtorità regolatorja kompetenti fil-qasam tas-sigurtà nukleari tal-installazzjonijiet nukleari.

▼M1

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-indipendenza effettiva minn influwenza bla bżonn tal-awtorità regolatorja kompetenti fit-teħid ta' deċiżjonijiet regolatorju tagħha. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-qafas nazzjonali jesiġi li l-awtorità regolatorja kompetenti:

(a) tkun funzjonalment separata minn kwalunkwe korp jew organizzazzjoni oħra kkonċernata bil-promozzjoni jew l-użu tal-enerġija nukleari, u ma titlob jew tieħu struzzjonijiet minn ebda tali korp jew organizzazzjoni, meta tkun qed twettaq il-kompiti regolatorji tagħha;

(b) tieħu deċiżjonijiet regolatorji, imsejsa fuq rekwiżiti ta' sikurezza nukleari robusti u trasparenti;

(c) tingħata allokazzjonijiet baġitarji dedikati u xierqa biex tkun tista' twettaq il-kompiti regolatorji tagħha kif definiti fil-qafas nazzjonali u tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit allokat;

(d) timpjega numru xieraq ta' membri tal-persunal bil-kwalifiki, l-esperjenza u l-għarfien espert meħtieġa biex twettaq l-obbligi tagħha. Hija tista' tuża riżorsi xjentifiċi u tekniċi u għarfien espert b'appoġġ għall-funzjoniiet regolatorji tagħha;

(e) tistabbilixxi proċeduri għall-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess;

(f) tipprovdi informazzjoni marbuta mas-sikurezza nukleari mingħajr approvazzjoni minn kwalunkwe korp jew organizzazzjoni oħra, sakemm dan ma jipperikolax interessi oħrajn li jieħdu preċedenza, bħas-sigurtà, rikonoxxuti fil-leġislazzjoni jew strumenti internazzjonali rilevanti.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità regolatorja kompetenti tingħata s-setgħat legali meħtieġa sabiex twettaq l-obbligi tagħha b'rabta mal-qafas nazzjonali deskritt fl-Artikolu 4(1). Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-qafas nazzjonali jafda f'idejn l-awtoritajiet regolatorji kompetenti l-kompiti regolatorji ewlenin li ġejjin:

(a) li jipproponi, jiddefinixxu jew jieħdu sehem fid-definizzjoni tar-rekwiżiti ta' sikurezza nukleari nazzjonali;

(b) li jesiġu li d-detentur tal-liċenzja jikkonforma u juri konformità mar-rekwiżiti ta' sikurezza nukleari nazzjonali u t-termini tal-liċenzja rilevanti;

(c) li jivverifikaw tali konformità permezz ta' valutazzjonijiet u spezzjonijiet regolatorji;

(d) li jipproponu jew iwettqu azzjonijiet ta' infurzar effettivi u proporzjonati.

Artikolu 6

Detenturi ta' liċenzja

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jesiġi li:

(a) ir-responsabbiltà ewlenija għas-sikurezza nukleari ta' installazzjoni nukleari tkun tad-detentur tal-liċenzja. Dik ir-responsabbiltà ma tistax tiġi delegata u tinkludi r-responsabbiltà għall-attivitajiet tal-kuntratturi u s-sottokuntratturi li l-attivitajiet tagħhom jistgħu jaffettwaw is-sikurezza nukleari ta' installazzjoni nukleari;

(b) meta japplika għal liċenzja, l-applikant huwa mitlub jippreżenta dimostrazzjoni ta' sikurezza nukleari. L-ambitu u l-livell ta' dettall tagħha għandhom ikunu proporzjonati mal-kobor potenzjali u n-natura tal-periklu rilevanti għall-installazzjoni nukleari u l-post tagħha;

(c) id-detenturi ta' liċenzja għandhom regolarment jivvalutaw, jivverifikaw, u kontinwament itejbu, sa fejn ikun raġonevolment prattikabbli, is-sikurezza nukleari tal-installazzjonijiet nukleari tagħhom b'mod sistematiku u verifikabbli. Dawn għandhom jinkludu verifika li hemm miżuri stabbiliti għall-prevenzjoni ta' inċidenti u biex jittaffew il-konsegwenzi tal-inċidenti, inkluża fil-verifika tal-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet ta' difiża fil-fond;

(d) id-detenturi ta' liċenzja jistabbilixxu u jimplimentaw sistemi ta' ġestjoni li jagħtu prijorità dovuta lis-sikurezza nukleari;

(e) id-detenturi ta' liċenzja jagħmlu provvedimenti għal proċeduri u arranġamenti xierqa ta' emerġenza fuq il-post, inkluż linji gwida għall-ġestjoni ta' inċidenti serji jew arranġamenti ekwivalenti, għal rispons effettiv għall-inċidenti sabiex jiġu pprevenuti jew jittaffew il-konsegwenzi tagħhom. Dawk għandhom b'mod partikolari:

(i) ikunu konsistenti ma' proċeduri operazzjonali oħra u jitħaddmu perjodikament sabiex tiġi verifikata l-prattikabbiltà tagħhom;

(ii) jindirizzaw inċidenti u inċidenti serji li jistgħu jseħħu fil-modi operazzjonali kollha u dawk li jinvolvu jew jolqtu diversi unitajiet fl-istess ħin;

(iii) jipprovdu arranġamenti biex tiġi riċevuta għajnuna esterna;

(iv) jiġu riveduti perjodikament u aġġornati regolarment, filwaqt li titqies l-esperjenza mill-eżerċizzji u l-lezzjonijiet meħuda mill-inċidenti;

(f) id-detenturi ta' liċenzja jipprevedu u jżommu riżorsi finanzjarji u umani bi kwalifiki u kompetenzi xierqa, meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tas-sikurezza nukleari tal-installazzjoni nukleari. Id-detenturi ta' liċenzja għandhom jiżguraw ukoll li l-kuntratturi u s-sottokuntratturi taħt ir-responsabbiltà tagħhom u li l-attivitajiet tagħhom jistgħu jaffettwaw s-sikurezza nukleari ta' installazzjoni nukleari jkollhom ir-riżorsi umani meħtieġa bil-kwalifiki u l-kompetenzi xierqa biex iwettqu l-obbligi tagħhom.

Artikolu 7

Għarfien espert u ħiliet fis-sikurezza nukleari

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jesiġi li l-partijiet kollha jagħmlu arranġamenti għall-edukazzjoni u t-taħriġ għall-persunal tagħhom li jkollu responsabbiltajiet relatati mas-sikurezza nukleari ta' installazzjonijiet nukleari biex jiksbu, iżommu u jkomplu jiżviluppaw għarfien espert u ħiliet fis-sikurezza nukleari u tħejjija għal emerġenzi fuq il-post.

Artikolu 8

Transparenza

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni meħtieġa fir-rigward tas-sikurezza nukleari ta' installazzjonijiet nukleari u r-regolamentazzjoni tagħha ssir disponibbli għall-ħaddiema u għall-pubbliku ġenerali, b'kunsiderazzjoni speċifika għall-awtoritajiet lokali, il-popolazzjoni u l-partijiet interessati fil-viċinanza ta' installazzjoni nukleari. Dak l-obbligu jinkludi l-iżgurar li l-awtorità regolatorja kompetenti u d-detenturi ta' liċenzja, fl-oqsma ta' responsabbiltà tagħhom, jipprovdu fil-qafas tal-politika ta' komunikazzjoni tagħhom:

(a) informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet operattivi normali tal-installazjonijiet nukleari għall-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali, u

(b) informazzjoni minnufih fil-każ ta' aċċidenti u inċidenti għall-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali u għall-awtoritajiet regolatorji kompetenti ta' Stati Membri oħrajn fil-viċinanza ta' installazzjoni nukleari.

2.  L-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-pubbliku skont il-leġislazzjoni rilevanti u l-istrumenti internazzjonali, sakemm dan ma jipperikolax interessi prevalenti oħra, bħas-sigurtà, li huma rikonoxxuti fil-leġislazzjoni rilevanti jew strumenti internazzjonali.

3.  L-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(2), jiżguraw li l-awtorità regolatorja kompetenti tieħu sehem, kif xieraq, f'attivitajiet ta' kooperazzjoni dwar is-sikurezza nukleari tal-installazzjonijiet nukleari mal-awtoritajiet regolatorji kompetenti ta' Stati Membri oħrajn fil-viċinanza ta' installazzjoni nukleari, fost l-oħrajn permezz tal-iskambju u/jew il-qsim tal-informazzjoni.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku ġenerali għandu jingħata l-opportunitajiet xierqa biex jieħu sehem b'mod effettiv fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet marbut mal-għoti ta' liċenzji għal installazzjonijiet nukleari, f'konformità mal-leġislazzjoni rilevanti u l-istrumenti internazzjonali.

▼M1



TAQSIMA 2

Obbligi speċifiċi

Artikolu 8a

Objettiv tas-sikurezza nukleari għal installazzjonijiet nukleari

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas ta' sikurezza nukleari nazzjonali jesiġi li l-installazzjonijiet nukleari jiġu ddisinjati, ippożizzjonati, mibnija, ikkummissjonati, mħaddmin u dekommissjonati bil-għan li jiġu pprevenuti inċidenti u, jekk iseħħ inċident, jittaffew il-konsegwenzi tiegħu u jiġi evitat:

(a) rilaxx radjuattiv bikri li jkun jeħtieġ miżuri ta' emerġenza lil hinn mill-post iżda b'nuqqas ta' ħin biex jiġu implimentati;

(b) rilaxx radjuattiv kbir li jkun jeħtieġ miżuri ta' protezzjoni li ma jistgħux ikunu limitati f'żona jew f'ħin.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jitlob li l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 1:

(a) japplika għal installazzjonijiet nukleari li għalihom tingħata liċenzja ta' bini għall-ewwel darba wara l-14 ta' Awwissu 2014;

(b) jintuża bħala referenza għall-implimentazzjoni f'waqtha ta' titjib raġonevolment prattikabbli fis-sikurezza ta' installazzjonijiet nukleari eżistenti, inkluż fil-qafas tar-reviżjonijiet perjodiċi ta' sikurezza kif definiti fl-Artikolu 8c(b).

Artikolu 8b

Implimentazzjoni tal-objettiv tas-sikurezza nukleari għal installazzjonijiet nukleari

1.  Sabiex jilħqu l-objettiv tas-sikurezza nukleari stabbilit fl-Artikolu 8a, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jesiġi li fejn tapplika d-difiza fil-fond, għandha tiġi applikata biex tiżgura li:

(a) jitnaqqas l-impatt ta' perikli naturali esterni estremi u perikli mhux intenzjonati kkawżati mill-bniedem kemm jista' jkun;

(b) jiġu pprevenuti operat u fallimenti abnormali;

(c) jiġi kkontrollat l-operat abnormali u jiġu identifikati l-fallimenti;

(d) jiġu kkontrollati inċidenti fi ħdan il-bażi ta' disinn;

(e) jiġu kkontrollati kundizzjonijiet serji, inkluż il-prevenzjoni tal-progressjoni ta' inċidenti u l-mitigazzjoni tal-konsegwenzi ta' inċidenti serji;

(f) ikunu fis-seħħ strutturi organizzattivi skont l-Artikolu 8d(1).

2.  Sabiex jinkiseb l-objettiv ta' sikurezza nukleari stabbilit fl-Artikolu 8a, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jitlob li l-awtorità regolatorja kompetenti u d-detentur ta' liċenzja jieħdu miżuri biex irawmu u jsaħħu kultura effettiva ta' sikurezza nukleari. Dawk il-miżuri jinkludu b'mod partikolari:

(a) sistemi ta' ġestjoni li jagħtu l-prijorità mistħoqqa lis-sikurezza nukleari u jrawmu, fil-livelli kollha tal-persunal u l-amministrazzjoni, il-ħila li wieħed jagħmel mistoqsijiet dwar it-twettiq tal-prinċipji u l-prattiki ta' sikurezza rilevanti, u l-ħila li jsir rapport f'waqtu dwar kwistjonijiet ta' sikurezza, skont l-Artikolu 6(d);

(b) arranġamenti mid-detentur ta' liċenzja biex jirreġistra, jevalwa u jiddokumenta esperjeza operattiva sinifikanti ta' sikurezza interna u esterna;

(c) l-obbligi tad-detentur ta' liċenzja li jirrapporta avvenimenti b'impatt potenzjali fuq is-sikurezza nukleari lill-awtorità regolatorja kompetenti; u,

(d) arranġamenti għall-edukazzjoni u t-taħriġ, skont l-Artikolu 7.

Artikolu 8c

Valutazzjoni inizjali u reviżjonijiet perjodiċi ta' sikurezza

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jesiġi li:

(a) kwalunkwe għoti ta' liċenzja biex tinbena installazzjoni nukleari, jew titħaddem installazzjoni nukleari, jkun imsejjes fuq valutazzjoni adegwata speċifika għall-post u l-installazzjoni, li tinkludi dimostrazzjoni tas-sikurezza nukleari fir-rigward tar-rekwiżiti tas-sikurezza nukleari nazzjonali bbażati fuq l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 8a;

(b) id-detentur ta' liċenzja taħt il-kontroll regolatorju tal-awtorità regolatorja kompetenti, jerġa' jivvaluta sistematikament u regolarment, mill-anqas kull għaxar snin, is-sikurezza tal-installazzjoni nukleari kif stipulat fl-Artikolu 6(c). Dik il-valutazzjoni mill-ġdid tas-sikurezza għandha l-għan li tiżgura l-konformità mal-bażi ta' disinn attwali u tidentifika aktar titjib fis-sikurezza billi tqis kwistjonijiet tal-fatt li ħaġa ssir antika, esperjenza operazzjonali, l-aktar riżultati reċenti tar-riċerka u żviluppi fl-istandards internazzjonali, bl-użu tal-objettiv stabbilit fl-Artikolu 8a bħala referenza.

Artikolu 8d

Stat ta' tħejjija u rispons fuq il-post għal emerġenza

1.  Mingħar preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jirrikjedi istruttura organizzattiva għall-istat ta' tħejjija u r-rispons fuq il-post għal emerġenza tiġi stabbilita b'allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet u koordinazzjoni bejn id-detentur ta' liċenzja, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet kompetenti filwaqt li jitqiesu l-fażijiet kollha ta' emerġenza.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm konsistenza u kontinwità bejn l-arranġamenti għall-istat ta' tħejjija u r-rispons fuq il-post għal emerġenza li jitlob il-qafas nazzjonali u arranġamenti oħra għall-istat ta' tħejjija u r-rispons għal emerġenza li titlob id-Direttiva 2013/59/Euratom.



KAPITOLU 2a

EVALWAZZJONIJIET BEJN IL-PARI U RAPPURTAR

Artikolu 8e

Evalwazzjonijiet bejn il-pari

1.  Mill-inqas darba kull għaxar snin, l-Istati Membri għandhom jorganizzaw awtovalutazzjonijiet perjodiċi tal-qafas nazzjonali tagħhom u tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti u jistiednu evalwazzjoni bejn il-pari internazzjonali tal-aspetti rilevanti tal-qafas nazzjonali tagħhom u tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti tagħhom bil-għan li b'mod kontinwu jtejbu s-sikurezza nukleari. Ir-riżultati ta' tali evalwazzjonijiet bejn il-pari għandhom jiġu rapportati lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fejn disponibbli.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq bażi koordinata:

(a) issir valutazzjoni nazzjonali, imsejsa fuq suġġett speċifiku marbut mas-sikurezza nukleari tal-installazzjonijiet nukleari rilevanti fuq it-territorju tagħhom;

(b) l-Istati Membri l-oħra kollha u l-Kummissjoni bħala osservatur huma mistiedna li bħala pari jevalwaw il-valutazzjoni nazzjonali msemmija fil-punt (a);

(c) jittieħdu miżuri ta' segwitu xierqa abbażi tas-sejbiet rilevanti li jirriżultaw mill-proċess tal-evalwazzjoni bejn il-pari;

(d) jiġu ppubblikati r-rapporti rilevanti dwar il-proċess imsemmi hawn fuq u l-eżitu ewlieni tiegħu meta jkunu disponibbli r-riżultati.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ arranġamenti biex tkun tista' tibda l-ewwel evalwazzjoni bejn il-pari topika fl-2017, u biex, wara din, ikunu jistgħu jsiru mill-inqas kull sitt snin evalwazzjonijiet topiċi sussegwenti bejn il-pari.

4.  Fil-każ ta' inċident li jwassal għal sitwazzjonijiet li jirrikjedu miżuri ta' emerġenza lil hinn mill-post jew miżuri protettivi għall-pubbliku ġenerali, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li mingħajr dewmien bla bżonn issir stedina biex issir evalwazzjoni internazzjonali bejn il-pari.

▼B

Artikolu 9

Rappurtar

▼M1

1.  L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għall-ewwel darba sat-22 ta' Lulju 2014 u mbagħad sat-22 ta' Lulju 2020.

▼B

2.  Abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

▼M1 —————

▼B



KAPITOLU 3

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 10

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-22 ta' Lulju 2011. Għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

▼M1

1a.  L-obbligi tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-Artikoli 6, 8a, 8b, 8c, u 8d ma għandhomx japplikaw għall-Istati Membri mingħajr installazzjonijiet nukleari, sakemm ma jiddeċidux li jiżviluppaw kwalunkwe attività marbuta mal-installazzjonijiet nukleari soġġetti għal liċenzja taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

▼B

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva u kwalunkwe emenda sussegwenti għal dawk id-dispożizzjonijiet.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.



( 1 ) L-Opinjoni tal-10 ta’ Ġunju 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

( 2 ) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ April 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

( 3 ) ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1.

( 4 ) C-187/87 (1988 Ġabra p. 5013), C-376/90 (1992 Ġabra I-6153), C-29/99 (2002 Ġabra I-11221).

( 5 ) ĠU L 318, 11.12.1999, p. 21.

( 6 ) ĠU L 371, 30.12.1987, p. 76.

( 7 ) ĠU L 357, 7.12.1989, p. 31.

( 8 ) Il-Prinċipji Fundamentali tal-IAEA: Prinċipji fundamentali tas-sigurtà, Standard tas-Sigurtà tal-IAEA Nru SF-1 (2006).

( 9 ) ĠU L 195, 27.7.2007, p. 44.

( 10 ) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

( 11 ) Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1).