2009D0908 — MT — 01.12.2009 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-1 ta’ Diċembru 2009

li tistabbilixxi miżuri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill, u dwar il-presidenza tal-korpi preparatorji tal-Kunsill

(2009/908/UE)

(ĠU L 322, 9.12.2009, p.28)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 344, 23.12.2009, p. 56  (908/2009)




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-1 ta’ Diċembru 2009

li tistabbilixxi miżuri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill, u dwar il-presidenza tal-korpi preparatorji tal-Kunsill

(2009/908/UE)



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 16(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 236(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-1 ta’ Diċembru 2009 dwar l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill ( 1 ), u b'mod partikolari l-Artikolu 2, it-tielet subparagrafu, u l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Għandhom jiġu stabbiliti miżuri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill (minn hawn 'il quddiem imsejħa “id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew”).

(2)

Dawk il-miżuri implimentattivi jinkludu l-ordni li fih il-gruppi ta' tliet Stati Membri stabbiliti minn qabel għandhom ikollhom il-Presidenza b'rotazzjoni għal perijodi konsekuttivi ta' 18-il xahar b'kont meħud tal-fatt li mill-1 ta' Jannar 2007 teżisti, f'konformità mar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill, sistema ta' Programmi tal-Kunsill ta' 18-il xahar maqbula bejn it-tliet Presidenzi li jkollhom il-mandat matul il-perijodu kkonċernat.

(3)

Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, il-kompożizzjoni tal-gruppi għandha tieħu kont tad-diversità tal-Istati Membri u tal-bilanċ ġeografiku fl-Unjoni.

(4)

It-tqassim tar-responsabbiltajiet fost l-Istati Membri f'kull grupp hija prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew. F'waħda jew l-oħra mis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1) ta' din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri f'kull grupp jiddeterminaw bi ftehim komuni l-arranġamenti prattiċi għall-kollaborazzjoni tagħhom.

(5)

Barra minn hekk, dawk il-miżuri ta' implimentazzjoni għandhom jinkludu regoli speċifiċi dwar kif jiġu ppreseduti l-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin kif previst fl-Artikolu 2, it-tielet subparagrafu, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew.

(6)

Il-parti l-kbira ta' dawk il-korpi preparatorji għandhom jiġu ppreseduti minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (minn hawn 'il quddiem “ir-Rappreżentant Għoli”), filwaqt li l-kumplament tagħhom għandhom jibqgħu jiġu ppreseduti mill-Presidenza ta’ sitt xhur. Meta l-president ta’ dawn il-korpi jkun rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli, jista’ japplika perijodu transitorju.

(7)

Il-korpi preparatorji li huma ppreseduti f'konformità ma' sistema oħra għajr il-Presidenza ta' sitt xhur għandhom ukoll jiġu elenkati f'din id-Deċiżjoni, kif previst fl-Artikolu 2, it-tielet subparagrafu, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew.

(8)

Il-presidenza tal-korpi preparatorji li mhumiex elenkati f'din id-Deċiżjoni ser tiġi ppreseduta skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

L-ordni li fih l-Istati Membri għandhom ikollhom il-Presidenza tal-Kunsill mill-1 ta' Jannar 2007 huwa stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Jannar 2007 li tistabbilixxi l-ordni tal-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill ( 2 ).

It-tqassim ta' dan l-ordni tal-Presidenzi fi grupp ta' tliet Stati Membri, skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, huwa stabbilit fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.  Kull membru ta' grupp, kif imsemmi fl-Artikolu 1, it-tieni subparagrafu, għandu skont min imiss jippresjedi għal perijodu ta' sitt xhur il-konfigurazzjonijiet kollha tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tal-konfigurazzjoni tal-Affarijiet Barranin. Il-membri l-oħra tal-grupp għandhom jassistu lill-Presidenza fir-responsabbiltajiet kollha tagħha abbażi tal-programm tal-Kunsill ta' 18-il xahar.

2.  Il-membri ta' grupp kif imsemmi fl-Artikolu 1 jistgħu jiddeċiedu arranġamenti alternattivi bejniethom.

3.  F'waħda jew l-oħra mis-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri f'kull grupp għandhom jiddeterminaw bi ftehim komuni l-arranġamenti prattiċi għall-kollaborazzjoni tagħhom.

Artikolu 3

L-ordni li fih l-Istati Membri ser ikollhom il-Presidenza mill-1 ta' Lulju 2020 għandu jiġi deċiż mill-Kunsill qabel l-1 ta' Lulju 2017.

Artikolu 4

Il-korpi preparatorji tal-Kunsill Affarijiet Barranin għandhom jiġu ppreseduti skont ir-regoli stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 5

Il-korpi preparatorji tal-Kunsill elenkati fl-Anness III għandhom jiġu ppreseduti minn presidenti fissi kif stabbilit f'dak l-Anness.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.




ANNESS I

▼C1



Ġermanja

Jannar-Ġunju

2007

Portugall

Lulju-Diċembru

Slovenja

Jannar-Ġunju

2008

Franza

Lulju-Diċembru

Repubblika Ċeka

Jannar-Ġunju

2009

Svezja

Lulju-Diċembru

Spanja

Jannar-Ġunju

2010

Belġju

Lulju-Diċembru

Ungerija

Jannar-Ġunju

2011

Polonja

Lulju-Diċembru

Danimarka

Jannar-Ġunju

2012

Ċipru

Lulju-Diċembru

Irlanda

Jannar-Ġunju

2013

Litwanja

Lulju-Diċembru

Greċja

Jannar-Ġunju

2014

Italja

Lulju-Diċembru

Latvja

Jannar-Ġunju

2015

Lussemburgu

Lulju-Diċembru

Olanda

Jannar-Ġunju

2016

Slovakkja

Lulju-Diċembru

Malta

Jannar-Ġunju

2017

Renju Unit

Lulju-Diċembru

Estonja

Jannar-Ġunju

2018

Bulgarija

Lulju-Diċembru

Awstrija

Jannar-Ġunju

2019

Rumanija

Lulju-Diċembru

Finlandja

Jannar-Ġunju

2020

▼B




ANNESS II

PRESIDENZA TAL-KORPI PREPARATORJI TAL-KUNSILL AFFARIJIET BARRANIN ( 3 )

Il-presidenza tal-korpi preparatorji tal-Kunsill Affarijiet Barranin imsemmija fil-kategoriji 1 sa 4 fit-tabella hawn taħt għandha tiġi organizzata kif ġej:

1) Kategorija 1 (korpi preparatorji fil-qasam tal-kummerċ u l-iżvilupp):

Il-korpi preparatorji għandhom ikunu ppreseduti mill-Presidenza ta' sitt xhur.

2) Kategorija 2 (korpi preparatorji ġeografiċi):

Il-korpi preparatorji għandhom ikunu ppreseduti minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli.

3) Kategorija 3 (korpi preparatorji orizzontali, prinċipalment PESK)

Il-korpi preparatorji għandhom jiġu ppreseduti minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli, ħlief il-korpi preparatorji li ġejjin, li għandhom ikunu ppreseduti mill-Presidenza ta' sitt xhur:

 Grupp ta' Ħidma ta' Kunsilliera għar-Relazzjonijiet Barranin (RELEX);

 Grupp ta' Ħidma dwar it-Terroriżmu (Aspetti Internazzjonali) (COTER);

 Grupp ta' Ħidma dwar l-applikazzjoni ta' miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (COCOP);

 Grupp ta' Ħidma dwar Affarijiet Konsulari (COCON);

 Grupp ta' Ħidma dwar id-Dritt Internazzjonali Pubbliku (COJUR); u

 Grupp ta' Ħidma dwar il-Liġi tal-Baħar (COMAR).

4) Kategorija 4 (korpi preparatorji relatati mal-PSDK)

Il-korpi preparatorji relatati mal-PSDK għandhom ikunu ppreseduti minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli ( 4 ).

Ir-Rappreżentant Għoli u l-Presidenza ta' sitt xhur għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jiżguraw koerenza fost il-korpi preparatorji kollha għall-Kunsill Affarijiet Barranin.

Għall-kategoriji 3 u 4, il-Presidenza ta' sitt xhur għandha tkompli tippresjedi l-korpi preparatorji matul il-perijodu transitorju sa sitt xhur wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Għall-kategorija 2, dan il-perijodu transitorju għandu jkun ta' 12-il xahar.

Modalitajiet għall-ħatra tal-presidenti

Fejn id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew jew din id-Deċiżjoni tistipula li korp preparatorju (KPS u gruppi ta' ħidma rilevanti) għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli, ir-responsabbiltà tal-ħatra tal-president għandha tkun f'idejn ir-Rappreżentant Għoli. Dawn il-ħatriet għandhom isiru abbażi tal-kompetenza, waqt li jkunu żgurati bilanċ ġeografiku u trasparenza adegwati. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiżgura li l-persuna li huwa biħsiebu jaħtar bħala president ikollha l-fiduċja tal-Istati Membri. Jekk dik il-persuna għadha mhijiex membru tas-SEAE, hija għandha ssir membru skont il-proċeduri ta' reklutaġġ tas-SEAE, ta' mill-inqas għal matul iż-żmien tal-ħatra. Għandha ssir evalwazzjoni tal-funzjonament ta' dan l-arranġament fil-qafas tar-rapport ta' status dwar is-SEAE previst għall-2012.



1.  Korpi preparatorji fl-oqsma tal-kummerċ u l-iżvilupp

Kumitat tal-Artikolu 207

Grupp ta' Ħidma dwar l-AKP

Grupp ta' Ħidma dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DEVGEN)

Grupp ta' Ħidma dwar l-EFTA

Grupp ta' Ħidma dwar Merkanzija ta' Użu Doppju

Grupp ta' Ħidma dwar Kwistjonijiet Kummerċjali

Grupp ta' Ħidma dwar Prodotti Bażiċi

Grupp ta' Ħidma dwar is-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi

Grupp ta' Ħidma dwar it-Tħejjija ta' Konferenzi Internazzjonali dwar l-Iżvilupp/UNCCD Desertifikazzjoni/UNCTAD

Grupp ta' Ħidma dwar Għajnuna Umanitarja u Għajnuna Alimentari

Grupp dwar Krediti għall-Esportazzjoni

2.  Korpi preparatorji ġeografiċi

Grupp ta' Ħidma dwar il-Maxreq/il-Magreb (COMAG/MaMa)

Grupp ta' Ħidma dwar l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali (COEST)

Grupp ta' Ħidma dwar ir-Reġjun tal-Balkani tal-Punent (COWEB)

Grupp ta' Ħidma għal-Lvant Nofsani/il-Golf (COMEM/MOG)

Grupp ta' Ħidma dwar l-Asja u l-Oċeanja (COASI)

Grupp ta' Ħidma dwar l-Amerika Latina (COLAT)

Grupp ta' Ħidma dwar ir-Relazzjonijiet Transatlantiċi (COTRA)

Grupp ta' Ħidma dwar l-Afrika (COAFR)

3.  Korpi preparatorji orizzontali (maġġorment PESK)

Grupp ta' Ħidma ta' Kunsilliera għar-Relazzjonijiet Barranin (RELEX)

Grupp Nicolaidis

Grupp ta' Ħidma dwar id-Diżarm Globali u l-Kontroll tal-Armi (CODUN)

Grupp ta' Ħidma dwar in-Non-Proliferazzjoni (CONOP)

Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali (COARM)

Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM)

Grupp ta' Ħidma dwar it-Terroriżmu (Aspetti Internazzjonali) (COTER) (1)

Grupp ta' Ħidma dwar l-applikazzjoni ta' miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (COCOP) (1)

Grupp ta' Ħidma dwar l-OSCE u l-Kunsill tal-Ewropa (COSCE)

Grupp ta' Ħidma dwar In-Nazzonijiet Uniti (CONUN)

Grupp ta' Ħidma ad hoc dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani (COMEP)

Grupp ta' Ħidma dwar id-Dritt Internazzjonali Pubbliku (COJUR, COJUR-ICC)

Grupp ta' Ħidma dwar il-Liġi tal-Baħar (COMAR)

Grupp ta' Ħidma dwar Affarijiet Konsulari (COCON)

Grupp ta' Ħidma dwar Affarijiet Amministrattivi u Protokoll tal-PESK (CODAM)

4.  Korpi preparatorji relatati mal-PSDK

Kumitat Militari (EUMC)

Grupp ta' Ħidma tal-Kumitat Militari (EUMCWG)

Grupp ta' Ħidma Politiku/Militari (PMG)

Kumitat għall-Aspetti Ċivili tal-Maniġġar ta' Kriżijiet (CIVCOM)

Grupp ta' Ħidma dwar il-Politika Ewropea dwar l-Armi

(1)   Il-kwistjoni dwar il-Grupp ta' Ħidma dwar it-Terroriżmu (Aspetti Internazzjonali) (COTER) u tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-applikazzjoni ta' miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (COCOP) ser tiġi ttrattata wkoll fil-qafas tad-diskussjoni dwar l-istrutturi ta' ħidma tal-ĠAI.




ANNESS III

PRESIDENTI TAL-KORPI PREPARATORJI TAL-KUNSILL BI PRESIDENZA FISSA

Presidenti eletti

Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju

Kumitat tal-Impjiegi

Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali

Kumitat Militari ( 5 )

Kumitat tal-Politika Ekonomika

Kumitat tas-Servizzi Finanzjarji

Grupp ta' Ħidma tal-Kumitat Militari (5) 

Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi)

Preseduti mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill

Kumitat tas-Sigurtà

Grupp ta' Ħidma dwar l-Informazzjoni

Grupp ta' Ħidma dwar l-Ipproċessar ta' Informazzjoni Ġuridika

Grupp ta' Ħidma dwar il-Komunikazzjoni Elettronika

Grupp ta' Ħidma dwar il-Kodifikazzjoni tal-Leġislazzjoni

Grupp ta' Ħidma tal-Ġuristi-Lingwisti

Grupp ta' Ħidma dwar Binjiet Ġodda



( 1 ) ĠU L 315, 2.12.2009, p. 50.

( 2 ) ĠU L 1, 4.1.2007, p. 11.

( 3 ) Wara l-1 ta' Diċembru 2009 għandha ssir malajr reviżjoni tal-ambitu u l-organizzazzjoni tal-istrutturi ta' ħidma fil-qasam tal-affarijiet barranin, b'mod partikolari fir-rigward tal-qasam tal-iżvilupp. L-arranġamenti dwar il-presidenza tal-partijiet ta' ħidma għandhom, jekk meħtieġ, jiġu adattati skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti f'dan l-Anness.

( 4 ) Il-Kumitat Militari (EUMC) u l-Grupp ta' Ħidma tal-Kumitat Militari (EUMCWG) għandhom jibqgħu jkunu ppreseduti minn president elett hekk kif kien il-każ qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

( 5 ) Ara wkoll l-Anness II.