2009D0543 — MT — 16.11.2011 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta' Awwissu 2008

li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-ekotikketta Komunitarja għaż-żebgħa u l-verniċ ta’ barra

(notifikata bid-dokument numru C(2008) 4452)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/543/KE)

(ĠU L 181, 14.7.2009, p.27)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tal-14 ta’ Novemrbu 2011

  L 297

64

16.11.2011




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta' Awwissu 2008

li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-ekotikketta Komunitarja għaż-żebgħa u l-verniċ ta’ barra

(notifikata bid-dokument numru C(2008) 4452)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/543/KE)



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 dwar skema riveduta tal-għoti tal-ekotikketta Komunitarja ( 1 ), u b’mod partikulari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 l-ekotikketta Komunitarja tista’ tingħata lil prodott li jkollu karatteristiċi li jippermettulu li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal titjib f’dak li għandu x’jaqsam ma’ aspetti ambjentali ewlenin.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 jipprovdi li l-kriterji speċifiċi dwar l-ekotikketta għandhom jiġu stabbiliti skont il-gruppi ta’ prodotti.

(3)

Huwa xieraq li tiġi adottata deċiżjoni ġdida li tistabbilixxi kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-ekotikketta Komunitarja għaż-żebgħa u l-verniċ ta’ barra.

(4)

Il-kriterji ekoloġiċi, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati, għandhom ikunu validi għal perjodu ta’ erba’ snin.

(5)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma msejsa fuq l-abbozz tal-kriterji żviluppat mill-Bord għall-Ittikkettjar-Ekoloġiku tal-Unjoni Ewropea stabbilit bl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000.

(6)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

1.  Il-grupp ta’ prodotti “iż-żebgħa u l-verniċ ta’ barra” għandu jinkludi ż-żebgħa u l-verniċ dekorattiv u protettiv ta’ barra, likwidi li jlewnu lill-injam u l-prodotti relatati għall-użu fuq il-bini u l-għamara ta’ barra, għall-art u ċ-ċnut, f’konformità mal-paragrafu 2, għall-użu mid-dilettanti (id-“do-it-yourself”) u mill-professjonisti; u li ġew żviluppati primarjament għall-użu ta’ barra u qed jitmexxew fis-suq bħala tali.

Dan jinkludi, fost l-oħrajn, il-kisi u ż-żebgħa tal-art; prodotti li jingħataw lewn ħafif mid-distributuri fuq talba tad-dekoraturi dilettanti jew professjonali; sistemi li jagħtu l-lewn; żebgħa dekorattiva f’forma likwida jew bħala pejst li tista’ tkun ġiet ikkundizzjonata minn qabel, mogħtija lewn ħafif jew imħejjija mill-manifattur sabiex taqdi l-bżonnijiet tal-konsumaturi, inkluż iż-żebgħa tal-injam, il-likwidi li jlewnu lill-injam u lid-“decking”, il-kisi tal-bini u ż-żebgħa tal-aħħar passata għall-metall (ħlief għaż-żebgħa tal-aħħar passata u tal-ewwel passata ta’ kontra l-korrużjoni) kif ukoll iż-żebgħa tal-ewwel passata (u ż-żebgħa ta’ taħt) tat-tali sistemi ta’ prodotti.

2.  “Żebgħa” tfisser materjal għall-kisi, f’forma likwida jew bħala pejst jew trab, miżjud bil-pigment, u li meta jiġi applikat fuq wiċċ li jrid jinżebagħ, joħloq saff opak li jkollu karatteristiċi protettivi, dekorattivi jew karatteristiċi tekniċi speċifiċi.

“Verniċ” tfisser materjal għall-kisi trasparenti li meta jiġi applikat fuq wiċċ li jrid jinżebagħ joħloq saff trasparenti u solidu li jkollu karatteristiċi protettivi, dekorattivi jew karatteristiċi tekniċi speċifiċi.

Wara li jkunu applikati, iż-żebgħa jew il-verniċ jinxfu u jiffurmaw kisi solidu, aderenti u protettiv.

Iż-żebgħa u l-verniċ dekorattiv huma tipi ta’ żebgħa u verniċ li jiġu applikati fuq il-bini, it-tirqim u l-aċċessorji tiegħu, kif ukoll fuq l-għamara, l-art u ċ-ċnut ta’ barra, għal għanijiet dekorattivi u protettivi. Huma jiġu applikati fuq il-post. L-għan tagħhom huwa dekorattiv, filwaqt li fl-istess ħin jipprovdu l-protezzjoni.

Il-likwidi li jlewnu lill-injam (il-“lasures”) huma kisjiet li jiffurmaw saff trasparenti jew semi-trasparenti, biex jiddekoraw u jipproteġu l-injam kontra l-effetti tat-temp, u li jippermettu ż-żamma tiegħu b’mod faċli.

Il-kisi tal-bini huwa kisi li jifforma saff dekorattiv u protettiv għall-użu fuq il-konkos, fuq iċ-ċangar bil-briks (li jista’ jinżebagħ), fuq iċ-ċangar bil-blokok, fl-ewwel passata ġibs, fuq is-siment tas-silikat tal-kalċju jew li jkun imsaħħaħ bil-fibra. Huma maħsuba b’mod prinċipali għall-użu fuq barra, iżda jistgħu jintużaw fuq ġewwa wkoll, jew fuq is-suffitti jew is-soqfa tal-gallariji.

“Sistemi li jagħtu l-lewn” huma metodu kif wieħed iħejji ż-żebgħa tal-kulur billi jħallat “bażi” ma’ lwien ħfief ikkuluriti.

3.  Il-prodotti li ġejjin m’humiex inklużi fil-grupp ta’ prodotti:

(a) il-kisi ta’ kontra l-korrużjoni;

(b) il-kisi ta’ kontra l-akkumulu ta’ depożitu ta’ materjali;

(ċ) il-prodotti għall-konservazzjoni tal-injam;

(d) il-kisi għall-użi industrijali u professjonali partikulari, inkluż il-kisi li jiflaħ għall-istrapazz (“heavy-duty”);

(e) kwalunkwe prodott li ġie żviluppat primarjament għall-użu fuq ġewwa u li jitmexxa fis-suq bħala tali.

Artikolu 2

1.  Sabiex jingħataw l-ekotikketta Komunitarja skont ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 u suġġetti għall-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, iż-żebgħa u l-verniċ għandhom jaqgħu fi ħdan il-grupp ta’ prodotti “iż-żebgħa u l-verniċ ta’ barra”, kif iddefinit fl-Artikolu 1, u għandhom ikunu konformi mal-kriterji ekoloġiċi stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

2.  Il-kisi ta’ rendiment reattiv li jkun fih żewġ pakketti u jkun għal użu aħħari speċifiku għandu jkun konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) iż-żewġ komponenti tiegħu jridu, individwalment, ikunu konformi mal-kriterji ekoloġiċi mniżżlin fl-Anness (ħlief għall-kriterju għall-Komposti Organiċi Volatili);

(b) irid ikun jinkludi tagħrif li jispjega li l-komponenti individwali ma għandhomx jintużaw b’mod separat jew jitħalltu ma’ prodotti oħrajn;

(ċ) Madanakollu, il-prodott aħħari li jkun lest għall-użu wkoll għandu jkun konformi mal-kriterji ekoloġiċi, inkluż mal-kriterju għall-Komposti Organiċi Volatili (il-VOC).

3.  Il-kisi li jkun immexxi fis-suq kemm għall-użu fuq barra kif ukoll għall-użu fuq ġewwa jrid ikun jissodisfa kemm il-kriterji għaż-żebgħa u l-verniċ ta’ barra mniżżlin f’din id-Deċiżjoni kif ukoll il-kriterji għaż-żebgħa u l-verniċ ta’ ġewwa mniżżlin fid-Deċiżjoni 2009/544/KE ( 2 ).

▼M1

Artikolu 3

Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta’ prodotti taż-“żebgħa u l-verniċ ta’ barra” u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika marbutin magħhom għandhom jibqgħu validi sat-30 ta’ Ġunju 2013.

▼B

Artikolu 4

Għal raġunijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi mogħti lill-grupp ta’ prodotti “iż-żebgħa u l-verniċ ta’ barra” se jkun in-numru “33”.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS

A.    IL-QAFAS

L-għanijiet tal-kriterji

Dawn il-kriterji għandhom l-għan partikolari li:

 jkun hemm l-użu effiċjenti tal-prodotti u t-tnaqqis tal-iskart,

 jkun hemm it-tnaqqis tar-riskji ambjentali u ta’ riskji oħrajn (bħalma hu l-ożonu troposferiku) billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-solventi,

 jkun hemm it-tnaqqis ta’ żbokk ta’ sustanzi tossiċi jew ta’ sustanzi li jniġġsu b’xi mod ieħor fl-ilmijiet. Il-kriterji huma ffissati f’livelli li jippromwovu l-ittikkettjar tal-prodotti taż-żebgħa u l-verniċ ta’ barra li għandhom impatt inqas fuq l-ambjent.

Ir-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tal-verifika

Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u tal-verifika huma indikati f’kull kriterju.

Fejn l-applikant huwa mitlub jagħti dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżi, rapporti ta’ testijiet, jew evidenza oħra sabiex juri li hemm konformità mal-kriterji, huwa mifhum li dawn jistgħu joriġinaw mill-applikant u/jew mill-fornitur/mill-fornituri tiegħu u/jew mill-fornitur/mill-fornituri tagħhom, eċċ., kif xieraq.

Fejn xieraq, metodi ta’ ttestjar minbarra dawk indikati għal kull kriterju jistgħu jintużaw jekk dawn huma aċċettati mill-korp kompetenti li jkun qed jivvaluta l-applikazzjoni bħala ekwivalenti.

Fejn xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jeħtieġu dokumentazzjoni ta’ evidenza u jistgħu jwettqu verifiki indipendenti.

Huwa rrakkomandat li l-korpi kompetenti jqisu l-implimentazzjoni ta’ skemi rikonoxxuti tal-ġestjoni ambjentali, bħall-iskema “EMAS” jew l-“EN ISO14001”, meta jkunu qed jivvalutaw l-applikazzjonijiet u jkunu qed jimmonitorjaw il-konformita mal-kriterji (Nota: mhux meħtieġ li wieħed jimplimenta dawn it-tipi ta’ skemi ta’ ġestjoni).

Fejn il-kriterji jirreferu għall-ingredjenti, dawn jinkludu s-sustanzi u l-preparazzjonijiet. It-tifsiriet tal-kliem “sustanzi” u “preparazzjonijiet” huma mogħtija fir-Regolament REACH (ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ( 3 ).

Għal kull sustanza mdaħħla li tkun qed tintuża mill-applikant għandha tingħata l-formulazzjoni eżatta tal-prodott lill-korp kompetenti. Kwalunkwe sustanza, inkluż l-impuritajiet, li jkun hemm f’konċentrazzjonijiet ogħla minn 0,01 % (m/m) għandhom jiġu rrappurtati, sakemm ma tkunx speċifikata konċentrazzjoni iktar baxxa x’imkien ieħor fil-kriterji.

B.    IL-KRITERJI EKOLOĠIĊI

Il-kriterji kollha għandhom japplikaw għaż-żebgħa u l-verniċ fil-pakkett tagħhom, ħlief għall-kriterju nru 3 li għandu x’jaqsam mal-limiti tal-VOC. F’konformità mad-Direttiva 2004/42/KE ( 4 ) al-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-limiti tal-VOC għandhom x’jaqsmu mal-prodott li jkun lest għall-użu u b’hekk il-kontenut massimu tal-VOC għandu jiġi kkalkulat abbażi ta’ kwalunkwe żieda rrakkomandata bħas-sustanzi li jagħtu l-kulur u/jew li jrattbu ż-żebgħa. Għal dan il-kalkolu, se tkun meħtieġa d-dejta li tingħata mill-fornituri tal-materja prima f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontenut tas-solidi, il-kontenut tal-VOC u d-densità tal-prodott.

Il-kriterji nru 1 u 2 japplikaw biss għaż-żebgħa bajda u għaż-żebgħa ta’ kulur ċar (inkluż iż-żebgħa tal-aħħar passata, iż-żebgħa tal-ewwel passata, iż-żebgħa ta’ taħt, u/jew iż-żebgħa intermedjarja).

Għas-sistemi li jagħtu l-lewn, il-kriterji nru 1 u 2 japplikaw biss għall-bażi l-bajda (il-bażi li jkun fiha l-akbar ammont ta’ TiO2). F’każijiet fejn il-bażi l-bajda ma tkunx tista’ tilħaq ir-rekwiżit ta’ talanqas 6 m2 għal kull litru f’qawwa opaċizzanti ta’ 98 % skont il-kriterju nru 7(a), il-kriterji se jkunu ntlaħqu wara li jingħata lewn ħafif sabiex jiġi prodott il-kulur standard RAL 9010.

Il-kriterji nru 1 u 2 ma japplikawx għall-kisi trasparenti.

1.    Il-pigmenti l-bojod

Il-kontenut tal-pigment l-abjad (il-pigmenti l-bojod inorganiċi li jkollhom indiċi rifrattiv ogħla minn 1,8): Iż-żebgħa għandu jkollha kontenut ta’ pigment abjad daqs jew inqas minn 38 gm. għal kull m2 ta’ saff niexef, b’opaċità ta’ 98 %. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-verniċ u għal-likwidi li jlewnu lill-injam.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jew jipprovdi dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ użu jewinkella jagħti l-kontenut tal-pigmenti l-bojod u r-rata li biha dawn jixterdu, flimkien ma’ kalkolu ddettaljat li juri li hemm konformità ma’ dan il-kriterju.

2.    Id-diossidu tat-titanju

Id-diossidu tat-titanju: L-emissjonijiet u r-rimi tal-iskart mill-produzzjoni ta’ kwalunkwe pigment tad-diossidu tat-titanju li jkun intuża m’għandux jaqbeż il-livelli li ġejjin (kif meħudin mid-Dokument ta’ Referenza dwar l-Aqwa Teknoloġija Disponibbli għall-Manifattura ta’ Volumi Kbar ta’ Kimiċi Inorganiċi (BREF) (Awwissu 2007)):

 l-emissjonijiet tal-SOx (espressi bħala SO2): 266 mg. għal kull m2 ta’ saff niexef (opaċità ta’ 98 %),

 l-iskart tas-sulfat: 19-il°gm għal kull m2 ta’ saff niexef (opaċità ta’ 98 %),

 l-iskart tal-klorur: 3,9, 6,8 u 12,5 gm għal kull m2 ta’ saff niexef (opaċità ta’ 98 %) rispettivament għar-rutil naturali, għar-rutil sintetiku u għall-fdalijiet tal-metalli mhux maħdumin.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jew jipprovdi dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ użu jewinkella jagħti dokumentazzjoni ta’ evidenza li turi l-livelli rispettivi tal-emissjonijiet u tar-rimi tal-iskart għal dawn il-parametri, il-kontenut tad-diossidu tat-titanju tal-prodott, ir-rata li biha dan jixtered, flimkien ma’ kalkoli ddettaljati li juru li hemm konformità ma’ dan il-kriterju.

3.    Il-komposti organiċi volatili (il-VOC)

Il-kontenut tal-komposti organiċi volatili (il-VOC) ma għandux jaqbeż il-livelli li ġejjin:



Il-Klassifika tal-Prodott (Id-Direttiva 2004/42/KE)

Il-limiti tal-VOC (gm/l inkluż l-ilma)

Il-kisi għall-ħitan ta’ barra ta’ wiċċ li jrid jinżebagħ li jkun minerali

40

Iż-żebgħa għat-tirqim ta’ barra u għall-kisi minn barra għall-injam u l-metall inkluż iż-żebgħa ta’ taħt

90

Il-verniċ u l-likwidi li jlewnu lill-injam għat-tirqim ta’ barra, inklużi l-likwidi li jlewnu lill-injam opaki

90

Il-likwidi li jlewnu lill-injam ta’ barra b’binja minima

75

Iż-żebgħa tal-ewwel passata (għall-użu fuq barra)

15

Iż-żebgħa tal-ewwel passata li tgħaqqad (għall-użu fuq barra)

15

Il-kisi ta’ rendiment li jkun fih pakkett wieħed

100

Il-kisi ta’ rendiment reattiv li jkun fih żewġ pakketti u jkun għal użu aħħari speċifiku eż. għall-art

100

F’dan il-kuntest il-komposti organiċi volatili (il-VOC) ifissru kwalunkwe kompost organiku li jkollu temperatura tat-togħlija inizjali ta’ 250 °C jew inqas, imkejla fi pressjoni standard ta’ 101,3kPa kif iddefinita fid-Direttiva 2004/42/KE. Is-subkategoriji għaż-żebgħa u l-verniċ mogħtija fid-Direttiva huma użati sabiex jiġu ddefiniti l-limiti tal-VOC. Dawk il-kategoriji li huma relevanti għall-kisi ta’ barra biss huma murija hawnhekk.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju. L-applikant għandu jindika l-kontenut tal-VOC għall-prodotti kollha.

4.    L-idrokarboni aromatiċi volatili (VAH)

L-idrokarboni aromatiċi volatili (VAH) ma għandhomx jiżdiedu b’mod dirett mal-prodott qabel jew waqt li jkun qed jingħata lewn ħafif (fejn huwa applikabbli); madanakollu, l-ingredjenti li jinkludu l-VAH jistgħu jiżdiedu sa ammont li permezz tiegħu l-kontenut tal-VAH fil-prodott aħħari ma jaqbiżx iż-0,1 % (m/m).

F’dan il-kuntest, l-idrokarboni aromatiċi volatili (VAH) ifissru kwalunkwe kompost organiku, kif iddefinit fid-Direttiva 2004/42/KE, li jkollu temperatura tat-togħlija inizjali ta’ 250 °C jew inqas, imkejla fi pressjoni standard ta’ 101,3kPa, u li jkollu talanqas nukleu wieħed aromatiku fil-formula strutturali żviluppata tiegħu.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju, li fiha jiddikjara li ma żdidux VAH ħlief fl-ingredjenti li kienu mmanifatturati minn qabel u, fejn applikabli, għandu jipprovdi dikjarazzjoni mill-fornituri tal-ingredjent li fiha jkun ikkonfermat il-kontenut tal-VAH tiegħu.

5.    Il-metalli tqal

Il-metalli tqal li ġejjin jew il-komposti tagħhom ma għandhomx jintużaw bħala ingredjenti fil-prodott jew fil-lewn ħafif (kif inhu applikabbli) (kemm bħala sustanza kif ukoll bħala parti minn kwalunkwe preparazzjoni użata): il-kadmju, iċ-ċomb, il-kromju VI, il-merkurju, l-arseniku, il-barju (ħlief is-sulfat tal-barju), is-silenju, l-antimonju.

Il-kobalt ukoll ma għandux jiżdied bħala ingredjent ħlief għall-imluħ tal-kobalt li jkunu użati bħala sustanza għat-tnixxif fiż-żebgħa alkidika. Dawn jistgħu jintużaw sa konċentrazzjoni li ma taqbiżx iż-0,05 % (m/m) fil-prodott aħħari, imkejla bħala metall tal-kobalt. Il-kobalt fil-pigmenti huwa wkoll eżenti minn dan ir-rekwiżit.

Huwa aċċettat li dawn l-ingredjenti jista’ jkollhom traċċi ta’ dawn il-metalli sa 0,01 % (m/m) li jiġu mill-impuritajiet fil-materja prima.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju, kif ukoll dikjarazzjonijiet mill-fornituri tal-ingredjenti (fejn applikabbli).

6.    Is-sustanzi perikolużi

(a)  Il-prodott: Il-prodott ma għandux ikun ikklassifikat bħala tossiku ħafna, tossiku, perikoluż għall-ambjent, karċinoġeniku, tossiku għar-riproduzzjoni, ta’ ħsara, korrużiv, mutaġeniku jew bħala irritant (fejn dan hu minħabba l-preżenza ta’ ingredjenti mmarkati R43 biss) f’konformità mad-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ), qabel jew wara li jingħata lewn ħafif (fejn applikabbli).

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien ma’ formola bid-dejta dwar is-sikurezza tal-materjali tal-prodott li tkun tissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II tar-Regolament REACH.

(b)  L-ingredjenti (tossiċi ħafna, tossiċi, karċinoġeniċi, mutaġeniċi, tossiċi għar-riproduzzjoni): Ma jista’ jintuża l-ebda ingredjent, inkluż dawk użati meta jingħata lewn ħafif (jekk ikun applikabbli) li waqt li jkun qed jiġi applikat ikun ingħatalu jew jista’ jkun ingħatalu kwalunkwe waħda mill-frażijiet ta’ riskju (jew kombinazzjonijiet tagħhom) li ġejjin:

 R23 (tossiku jekk ikun hemm inalazzjoni)

 R24 (tossiku jekk ikun hemm kuntatt mal-ġilda)

 R25 (tossiku jekk jinbela’)

 R26 (tossiku ħafna jekk ikun hemm inalazzjoni)

 R27 (tossiku ħafna jekk ikun hemm kuntatt mal-ġilda)

 R28 (tossiku ħafna jekk jinbela’)

 R33 (periklu ta’ effetti kumulattivi)

 R39 (periklu ta’ effetti serji ħafna li huma irriversibbli)

 R40 (evidenza limitata ta’ effett karċinoġeniku)

 R42 (jista’ jikkawża sensibilizzazzjoni jekk ikun hemm inalazzjoni)

 R45 (jista’ jikkawża l-kanċer)

 R46 (jista’ jikkawża ħsara ġenetika li tintiret)

 R48 (periklu ta’ ħsara serja għas-saħħa jekk ikun hemm esponiment fit-tul)

 R49 (jista’ jikkawża l-kanċer jekk ikun hemm inalazzjoni)

 R60 (jista’ jnaqqas il-fertilità)

 R61 (jista’ jikkawża ħsara lit-tarbija mhux imwielda)

 R62 (riskju possibbli li tonqos il-fertilità)

 R63 (riskju possibbli ta’ ħsara lit-tarbija mhux imwielda)

 R68 (riskju possibbli ta’ effetti li huma irriversibbli)

kif inhu stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE ( 6 ), u l-emendi sussegwenti tagħha. Madanakollu, l-ingredjenti attivi użati bħala preżervattivi fil-formula u li huma mogħtija kwalunkwe waħda mill-frażijiet ta’ riskju R23, R24, R25, R26, R27, R28, R39, R40 jew R48 (jew kombinazzjonijiet tagħhom) jistgħu jintużaw sa limitu ta’ 0,1 % (m/m) tal-formulazzjoni totali taż-żebgħa.

B’mod alternattiv, tista’ titqies is-Sistema Globali Armonizzata ta’ klassifika (GHS) ( 7 ). F’dan il-każ ma għandhomx jintużaw l-ingredjenti, inkluż dawk użati meta jingħata lewn ħafif (jekk ikun applikabbli) li jkunu kklassifikati bil-mod li ġej (jew kombinazzjonijiet tagħhom):

 Tossiċità Akuta (orali) – Il-Kategorija Nru I, II, III

 Tossiċità Akuta (għall-ġilda) – Il-Kategorija Nru I, II, III

 Tossiċità Akuta (inalazzjoni) – Il-Kategorija Nru I, II, III

 Sensibilizzazzjoni Respiratorja – Il-Kategorija Nru I

 Sustanzi Mutaġeniċi – Il-Kategorija Nru I, II

 Sustanzi Karċinoġeniċi - Il-Kategorija Nru I, II

 Sustanzi Tossiċi għar-Riproduzzjoni – Il-Kategorija Nru I, II

 Tossiċità Sistemika li Tolqot Organu Speċifiku (esponiment ta’ darba) - Il-Kategorija Nru I, II

 Tossiċità Sistemika li Tolqot Organu Speċifiku (esponiment ripetut) - Il-Kategorija Nru I, II

kif inhu stabbilit fl-ST/SG/AC.10/30 ( 8 ) u rivedut fl-ST/SG/AC.10/34/Add.3 dwar is-Sistema Globali Armonizzata dwar il-Klassifika u l-Ittikkettjar tal-Kimiki. Madanakollu, ingredjenti attivi li jintużaw bħala preżervattivi fil-formula u li tingħatalhom kwalunkwe waħda mill-kategoriji tal-GHS li ġejjin, jistgħu jintużaw sa limitu ta’ 0,1 % (m/m) tal-formulazzjoni totali taż-żebgħa:

 Tossiċità Akuta (orali, għall-ġilda, inalazzjoni) – I, II, III (orali u għall-ġilda biss);

 Tossiċità Sistemika li Tolqot Organu Speċifiku (esponiment ta’ darba u/jew ripetut) - I, II (jew kombinazzjonijiet tagħhom) u;

 Karċinoġeniċità tal-Kategorija Nru II.

Il-Metil Etil Ketoksim jista’ jintuża fiż-żebgħa alkidika sa limitu ta’ 0,3 % (m/m).

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien ma’ formola bid-dejta dwar is-sikurezza tal-materjali tal-prodott li tkun tissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II tar-Regolament REACH.

(c)  L-ingredjenti (perikolużi għall-ambjent): L-ebda ingredjent, inkluż dawk użati meta jingħata lewn ħafif (jekk ikun applikabbli) li waqt li jkun qed jiġi applikat ikun ingħatalu jew jista’ jkun ingħatalu kwalunkwe waħda mill-frażijiet ta’ riskju li ġejjin, ma jista’ jaqbeż it-2 % (m/m).

 N R50 (tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi),

 (tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi, jista’ jikkawża effetti negattivi fit-tul fl-ambjent akkwatiku),

 (tossiku għall-organiżmi akkwatiċi, jista’ jikkawża effetti negattivi fit-tul fl-ambjent akkwatiku),

 (ta’ ħsara għall-organiżmi akkwatiċi, jista’ jikkawża effetti negattivi fit-tul fl-ambjent akkwatiku),

 R51 (tossiku għall-organiżmi akkwatiċi),

 R52 (ta’ ħsara għall-organiżmi akkwatiċi),

 R53 (jista’ jikkawża effetti negattivi fit-tul fl-ambjent akkwatiku),

kif inhu stabbilit fid-Direttiva 67/548/KEE jew fid-Direttiva 1999/45/KE,

B’mod alternattiv, tista’ titqies is-Sistema Globali Armonizzata dwar il-klassifika (GHS) ( 9 ). F’dan il-każ l-ebda ingredjent, inkluż dawk użati meta jingħata lewn ħafif (jekk ikun applikabbli), li waqt li jkun qed jiġi applikat ikun ingħata jew jista’ jingħata kwalunkwe waħda mill-kategoriji li ġejjin, ma jista’ jaqbeż it-2 % (m/m):

Il-kategoriji tat-Tossiċità Akkwatika (u l-kombinazzjonijiet tagħhom):

 Akuta Nru I, II, III

 Kronika Nru I, II, III, IV

kif inhu stabbilit fl-ST/SG/AC.10/30 u rivedut fl-ST/SG/AC.10/34/Add.3 dwar is-Sistema Globali Armonizzata dwar il-Klassifika u l-Ittikkettjar tal-Kimiki.

F’kull każ, is-somma totali tal-ingredjenti kollha li, waqt li jkunu qed jiġu applikati, jkunu ngħataw jew jistgħu jingħataw kwalunkwe waħda minn dawn il-frażijiet ta’ riskju (jew kombinazzjonijiet tagħhom) jew kwalunkwe waħda minn dawn il-klassifiki tal-GHS, m’għandhiex taqbeż l-4 % (m/m).

Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-ammonja jew għall-alkil tal-ammonja.

Dan ir-rekwiżit ma jaffettwax l-obbligu li jiġi ssodisfat ir-rekwiżit imniżżel fil-kriterju 6(a) t’hawn fuq.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien ma’ formoli bid-dejta dwar il-lista tal-ingredjenti u dwar is-sikurezza tal-materjali ta’ kull ingredjent, li jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Anness II tar-Regolament REACH.

(d)  L-alkilfenoletoksilati (APEOs): L-APEOs ma għandhomx jintużaw fil-prodott qabel jew waqt li jkun qed jingħata lewn ħafif (jekk ikun applikabbli).

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju.

(e)  Il-komposti tal-iżotijażolinon: Il-kontenut tal-komposti tal-iżotijażolinon fil-prodott ma għandhomx jaqbżu ż-0,05 % (m/m) qabel jew wara li jingħata lewn ħafif (jekk ikun applikabbli). Għall-kisi għall-injam, il-komposti tal-iżotijażolinon ma għandhomx jaqbżu ż-0,2 % (m/m). Bl-istess mod, il-kontenut tat-taħlita ta’ 5-kloro-2-metil-2H-iżotijażol-3-on (KE Nru 247-500-7) u 2-metil-2H-iżotijażol-3-on (KE Nru 220-239-6) (3:1) ma għandux jaqbeż iż-0,0015 % (m/m).

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, li jindika l-ammonti (jekk ikunu ntużaw).

(f) Is-sulfonati tal-alkil perfluworinati (PFAS), l-aċidi karboksiliċi perfluworinati (PFCA), inkluż l-Aċidu Perfluworooktanojku (PFOA) u s-sustanzi relatati li huma elenkati fil-listi tal-OECD msejħin “Il-listi preliminari tal-PFOS, PFAS, PFOA, PFCA, il-komposti relatati u l-kimiki li jistgħu jiddegradaw f’PFCA (kif riveduti fl-2007)” mhumiex permessi fil-prodott. Il-lista tal-OECD qed tingħata fl-Anness ta’ dan id-dokument dwar il-kriterji.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju.

(g)  Il-formaldeide: Ma għandhomx jiżdiedu formaldeidi liberi. Donaturi tal-formaldeide jistgħu jiżdiedu biss f’tali kwantitajiet li jiżguraw li l-kontenut aħħari tal-formaldeidi liberi li jirriżultaw wara li jingħata lewn ħafif (jekk ikun applikabbli) ma jaqbiżx iż-0,001 % (m/m).

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju. Barra minn hekk, l-applikant għandu jipprovdi r-riżultati ta’ testijiet mogħtija mill-fornituri tal-materja prima li jkunu wżaw il-metodu ta’ ttestjar VdL-RL 03 (il-Linja ta’ gwida nru 3 tal-VdL) “Il-konċentrazzjoni tal-formaldeide fil-bott iddeterminata permezz tal-metodu tal-aċetil-aċeton” kif ukoll il-kalkoli li jorbtu d-dejta minn dawn it-testijiet mal-prodott aħħari sabiex juru li l-konċentrazzjoni aħħarija massima possibbli tal-formaldeide rrilaxxat minn sustanzi li jirrilaxxaw il-formaldeide mhix ogħla minn 0 001 % (m/m). B’mod alternattiv, il-formaldeide li ġej mid-donaturi tal-formaldeide jista’ jitkejjel fil-prodott aħħari bbażat fuq il-kromatografija f’fażi likwida, b’rendiment għoli, bl-użu ta’ metodu nazzjonali standard jew metodu vvalidat kif deskritt fl-ISO/IEC 17025.

(h)  Is-Solventi Organiċi Aloġenati: Minkejja l-kriterji nri 6a, 6b u 6c, qabel jew waqt li jkun qed jingħata lewn ħafif (fejn huwa applikabbli), fil-prodott jistgħu jintużaw biss il-komposti aloġenati li waqt li jkunu qed jiġu applikati, jkunu ġew ivvalutati għar-riskju u ma jkunux ġew ikklassifikati bil-frażijiet ta’ riskju (jew kombinazzjonijiet tagħhom): R26/27, R45, R48/20/22, R50, R51, R52, R53, R50/53, R51/53, R52/53 u R59 f’konformità mad-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju.

(i)  Il-ftalati: Minkejja l-kriterji nri 6a, 6b u 6c, qabel jew waqt li jkun qed jingħata lewn ħafif (fejn huwa applikabbli), fil-prodott jistgħu jintużaw biss il-ftalati li waqt li jkunu qed jiġu applikati, jkunu ġew ivvalutati għar-riskju u ma jkunux ġew ikklassifikati bil-frażijiet ta’ riskju (jew kombinazzjonijiet tagħhom): R60, R61, R62, R50, R51, R52, R53, R50/53, R51/53, u R52/53, f’konformità mad-Direttiva 67/548/KEE u l-emendi tagħha. Barra minn hekk, id-DNOP (ftalat tad-di-n-oktil), id-DINP (ftalat tad-di-iżononil), u d-DIDP (ftalat tad-di-iżodekil) mhumiex permessi fil-prodott.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju.

7.    Kemm hu tajjeb għall-użu

(a)  Ir-rata ta’ tixrid: Iż-żebgħa l-bajda u ż-żebgħa ta’ kulur ċar (inkluż iż-żebgħa tal-aħħar passata, iż-żebgħa tal-ewwel passata, iż-żebgħa ta’ taħt, u/jew iż-żebgħa intermedjarja) għandu jkollhom rata ta’ tixrid (f’qawwa opaċizzanti ta’ 98 %) ta’ mill-inqas 6 m2 għal kull litru tal-prodott.

Għas-sistemi li jagħtu l-lewn, dan il-kriterju japplika biss għall-bażi l-bajda (il-bażi li jkun fiha l-akbar ammont ta’ TiO2). F’każ li l-bażi l-bajda ma tkunx tista’ tilħaq ir-rekwiżit ta’ mill-inqas 6 m2 għal kull litru f’qawwa opaċizzanti ta’ 98 %, il-kriterju se jkun intlaħaq wara li jingħata lewn ħafif lill-bażi l-bajda sabiex jiġi prodott il-kulur standard RAL 9010. Dan il-kriterju m’għandux japplika għall-bażijiet l-oħrajn kollha użati fil-manifattura ta’ prodotti li jkunu ngħataw lewn ħafif – dawn huma bażijiet li b’mod ġenerali jkun fihom inqas TiO2, u li ma jkunux jistgħu jilħqu r-rekwiżit ta’ mill-inqas 6 m2 għal kull litru tal-prodott f’qawwa opaċizzanti ta’ 98 %. Għaż-żebgħa li tkun parti minn sistema li tagħti l-lewn, l-applikant għandu javża lill-utent aħħari fuq il-pakkett tal-prodott u/jew fuq il-POS dwar liema kulur jew liema żebgħa tal-ewwel passata/żebgħa ta’ taħt (jekk possibbli li tkun ingħatat l-Ekotikketta Ewropea) għandu jintuża bħala l-kisi tal-bażi qabel ma jiġi applikat il-kulur iktar skur.

Iż-żebgħa tal-ewwel passata li jkollha karatteristiċi speċifiċi sabiex tibblokka/tissiġilla u tippenetra/tgħaqqad u ż-żebgħa tal-ewwel passata li jkollha karatteristiċi speċjali ta’ adeżjoni mal-uċuħ tal-aluminju u l-uċuħ iggalvanizzati għandu jkollha rata ta’ tixrid (f’qawwa opaċizzanti ta’ 98 %) ta’ mill-inqas 6 m2 għal kull litru tal-prodott.

Iż-żebgħa elastomerika għandu jkollha rata ta’ tixrid (f’qawwa opaċizzanti ta’ 98 %) ta’ mill-inqas 4 m2 għal kull litru tal-prodott.

Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-verniċ, għal-likwidi li jlewnu lill-injam, għall-kisi tal-art, għaż-żebgħa tal-art, għaż-żebgħa ta’ taħt, għaż-żebgħa l-oħra ta’ adeżjoni tal-ewwel passata, jew għal kwalunkwe kisi trasparenti ieħor.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test magħmul bil-metodu ISO 6504/1 (Iż-żebgħa u l-verniċ – id-determinazzjoni tal-qawwa opaċizzanti – Il-Parti nru 1: il-metodu Kubelka-Munk għaż-żebgħa l-bajda u ż-żebgħa ta’ kulur ċar) jew 6504/3 (Il-Parti nru 3: id-determinazzjoni tal-proporzjon tal-kuntrast (l-opaċità) għaż-żebgħa ta’ kulur ċar f’rata fissa ta’ tixrid), jew bil-metodu NF T 30 073 (jew ekwivalenti) (għal żebgħa ddiżinjata speċjalment sabiex toħloq effett dekorattiv tridimensjonali u kkaratterizzata minn kisja magħquda ħafna). Għall-bażijiet użati fil-manifattura ta’ prodotti li jkunu ngħataw lewn ħafif li ma jkunux evalwati skont ir-rekwiżiti msemmijin hawn fuq, l-applikant għandu juri evidenza li l-utent aħħari ġie avżat biex juża żebgħa tal-ewwel passata u/jew żebgħa ta’ taħt griża (jew ta’ kulur ieħor rilevanti) qabel ma juża l-prodott.

(b)  Ir-reżistenza għall-ilma: Il-verniċ, il-kisi u ż-żebgħa tal-art għandu jkollhom reżistenza għall-ilma, kif iddeterminat bl-ISO 2812-3, hekk li wara li jkunu esposti għalih għal 24 siegħa u jkollhom 16-il siegħa biex jinxfu, ma jkollhom l-ebda tibdil fil-lostru jew fil-kulur.

Il-valutazzjoni u l-verifika:L-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test magħmul bil-metodu ISO 2812-3 (Iż-żebgħa u l-verniċ – id-determinazzjoni tar-reżistenza għal-likwidi – Il-Parti nru 3: Metodu li juża midjum assorbenti).

(c)  L-adeżjoni: Iż-żebgħa tal-bini (ħlief għaż-żebgħa trasparenti tal-ewwel passata) għandha tgħaddi mit-test tal-qligħ (“pull-off”) EN 24624 (ISO 4624) għall-adeżjoni, u l-kisi tal-art, iż-żebgħa tal-art u ż-żebgħa ta’ taħt għall-konkos, il-kisi għall-injam u għall-metall għandhom iġibu marka ta’ mill-inqas 2 fil-metodu tal-qatgħa djagonali EN 2409 għall-adeżjoni. Huwa u jitwettaq it-test EN 24624, f’każ fejn is-saħħa tal-koeżjoni tal-wiċċ li jrid jinżebagħ tkun inqas mis-saħħa ta’ adeżjoni taż-żebgħa, allura l-prodott jitqies li għadda mit-test, mill-bqija l-adeżjoni taż-żebgħa trid tkun ogħla mill-valur ta’ 1.5MPa li fih prodott ikun għadda mit-test.

L-applikant għandu jevalwa ż-żebgħa tal-ewwel passata u/jew iż-żebgħa tal-aħħar passata waħedhom jew it-tnejn li huma bħala parti minn sistema (meta tiġi ttestjata s-sistema għandha tkun tirrigwarda prodotti li jekk possibbli jkunu ngħataw l-Ekotikketta Ewropea (ħlief għas-sistemi ddiżinjati għall-uċuħ tal-metall). Meta ż-żebgħa tal-aħħar passata tkun qed tiġi ttestjata waħedha din se titqies l-agħar każ possibbli f’dak li għandu x’jaqsam mal-adeżjoni.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test magħmul bil-metodu EN ISO 2409 jew EN 24624 (ISO 4624), kif applikabbli.

(d)  Il-brix: Il-kisi u ż-żebgħa tal-art għandu jkollhom reżistenza għall-brix li ma taqbiżx is-70 mg ta’ telf tal-piż wara 1 000 ċiklu ta’ ttestjar b’piż ta’ 1 000 gm u rota tas-CS10 skont l-EN ISO 7784-2:2006.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test magħmul bil-metodu EN ISO 7784-2:2006 li juri l-konformità ma’ dan il-kriterju.

(e)  L-effetti tat-temp: Iż-żebgħa tal-aħħar passata għall-bini u ż-żebgħa tal-aħħar passata għall-injam u għall-metall, inkluż il-verniċ, għandhom ikunu esposti għall-effetti tat-temp artifiċjali f’apparat li jinkludi lampi fluworexxenti tal-UV u sprej tal-kondensazzjoni jew tal-ilma skont 11507:2007. Iż-żebgħa tal-bini għandha tkun esposta għall-kundizzjonijiet ta’ ttestjar għal 1 000 siegħa, waqt li ż-żebgħa tal-aħħar passata għall-injam u għall-metall (inkluż il-verniċ) għandha tkun esposta għall-kundizzjonijiet ta’ ttestjar għal 500 siegħa. Il-kundizzjonijiet ta’ ttestjar huma: UVA 4 sigħat/60 °C + umdità 4 sigħat/50 °C.

B’mod alternattiv, iż-żebgħa tal-aħħar passata u l-verniċ għall-injam jistgħu jkunu esposti għall-effetti tat-temp għal 500 siegħa fl-apparat tal-effetti aċċellerati tat-temp QUV b’esponiment ċikliku bir-radjazzjoni tal-UV(A) u bit-tifrix tal-isprej skont EN 927-6.

It-tibdil fil-kulur tal-kampjuni li jkunu esposti għall-effetti tat-temp ma għandux ikun ta’ iktar minn ΔΕ*=4 u t-tnaqqis fil-lostru tal-verniċ ma għandux ikun ta’ iktar minn 30 % tal-valur inizjali tiegħu. Il-lostru għandu jitkejjel billi jintuża l-ISO 2813. Il-kriterju għat-tibdil fil-kulur ma japplikax għall-bażijiet u l-verniċ trasparenti.

Għall-kisi tal-aħħar passata tal-bini u għaż-żebgħa tal-aħħar passata għall-injam u għall-metall (fejn ikun applikabbli), it-tfarfir tal-kulur għandu jkun ittestjat bil-metodu EN ISO 4628-6:2007 wara li l-kampjuni jkunu ġew esposti għall-effetti tat-temp. Il-kisi għandu jġib marka ta’ 1,5 jew marka aħjar (0,5 jew 1,0) f’dan it-test. Fl-istandard hemm referenzi illustrati.

Il-parametri li ġejjin ukoll għandhom ikunu evalwati għall-kisi tal-aħħar passata tal-bini u għaż-żebgħa tal-aħħar passata għall-injam u għall-metall wara li l-kampjuni jkunu ġew esposti għall-effetti tat-temp.

 It-twaqqigħ ta’ frak taż-żebgħa skont l-ISO 4628-5:2003; densità tal-farka ta’ 2 jew inqas, daqs tal-farka ta’ 2 jew inqas

 It-tixqiq taż-żebgħa skont l-ISO 4628-4:2003; ammont tat-tixqiq ta’ 2 jew inqas, daqs tat-tixqiqa ta’ 3 jew inqas

 It-tligħ ta’ bżieżaq fiż-żebgħa skont l-ISO 4628-2:2003; densità tat-tligħ ta’ 3 jew inqas, daqs tal-biċċa l-imtella’ ta’ 3 jew inqas

Minħabba l-għadd kbir ta’ kuluri possibbli għal ilwien ħfief, dawn it-testijiet se jkunu llimitati għaż-żebgħa ta’ bażi użata.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi rapporti tat-test magħmul jew bl-użu tal-ISO11507:2007 skont il-parametri speċifikati, jew bl-użu tal-EN 927-6, jew tat-tnejn (jekk ikunu relevanti). Barra minn hekk, l-applikant għandu jipprovdi rapporti tat-test magħmul bl-użu tal-EN ISO 4628-2, 4, 5, u 6 fejn applikabbli. L-applikant għandu wkoll jipprovdi dikjarazzjoni li (fejn applikabbli) it-tibdil fil-kulur tal-kisi jaqa’ fi ħdan il-parametru stabbilit f’dan id-dokument.

(f)  Il-permeabbiltà tal-fwar tal-ilma: Fejn ikun qed jingħad li ż-żebgħa ta’ barra għall-bini u għal fuq il-konkos tħalli l-arja tgħaddi minnha, iż-żebgħa għandha tiġi kklassifikata fil-Klassi Nru II (permeabbiltà medja tal-fwar) jew fi klassi aħjar skont il-metodu ta’ ttestjar EN ISO 7783-2. Minħabba l-għadd kbir ta’ kuluri potenzjali għal ilwien ħfief, dan il-kriterju se jkun illimitat għall-ittestjar taż-żebgħa ta’ bażi użata; dan ir-rekwiżit ma japplikax għaż-żebgħa trasparenti tal-ewwel passata.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test magħmul bil-metodoloġija tal-EN ISO 7783-2.

(g)  Il-permeabbiltà tal-ilma f’forma likwida: Fejn ikun qed jingħad li ż-żebgħa ta’ barra għall-bini u għal fuq il-konkos ma tħallix l-ilma jidħol jew li hi elastomerika, il-kisi għandu jiġi kklassifikat fil-Klassi Nru III (permeabbiltà baxxa tal-likwidu) skont il-metodu msejjaħ id-DIN EN 1062-3:1999. Minħabba l-għadd kbir ta’ kuluri potenzjali għal ilwien ħfief, dan il-kriterju se jkun illimitat għall-ittestjar taż-żebgħa ta’ bażi użata. Iż-żebgħa tal-bini l-oħra kollha se tkun ikklassifikata fil-Klassi Nru II (permeabbiltà medja tal-likwidu) jew fi klassi aħjar skont il-metodu ta’ ttestjar DIN EN 1062-3:1999.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test magħmul bil-metodoloġija tad-DIN EN 1062-3:1999.

(h)  Ir-reżistenza fungali: Fejn ikun qed jingħad li l-kisi tal-aħħar passata tal-bini għandu karatteristiċi ta’ kontra l-fungi, il-kisi għandu jkollu marka ta’ 2 jew marka aħjar (kopertura fungali ta’ inqas minn 10 %), kif iddeterminat bil-metodu msejjaħ il-BS 3900:G6. Minħabba l-għadd kbir ta’ kuluri possibbli għal ilwien ħfief, dan il-kriterju se jkun illimitat għall-ittestjar taż-żebgħa ta’ bażi użata.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test magħmul bil-metodoloġija tal-BS 3900:G6.

(i)  L-għeluq tat-tixqiq: Fejn ikun qed jingħad li ż-żebgħa tal-bini (jew għal fuq il-konkos) għandha karatteristiċi elastomeriċi, din għandha tkun ikklassifikata tal-inqas bħala A1 fi 23 °C skont id-DIN EN 1062-7:2004. Minħabba l-għadd kbir ta’ kuluri potenzjali għal ilwien ħfief, dan il-kriterju se jkun illimitat għall-ittestjar taż-żebgħa ta’ bażi użata.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test magħmul bil-metodoloġija tad-DIN EN 1062-7:2004.

(j)  Ir-reżistenza għall-alkali: Iż-żebgħa tal-bini u ż-żebgħa tal-ewwel passata m’għandhom juru l-ebda ħsara li tidher meta l-kisi jkun immarkat għal 24 siegħa b’soluzzjoni ta’ 10 % tal-NaOH skont il-metodu msejjaħ l-ISO 2812-4:2007. L-evalwazzjoni ssir wara perjodu ta’ rkupru ta’ 24 siegħa biex jinxfu.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test magħmul bil-metodoloġija tal-ISO 2812-4:2007.

8.    Tagħrif għall-konsumatur

It-tagħrif ta’ hawn taħt għandu jintwera fuq il-pakkett jew ikun mehmuż mal-pakkett:

 l-użu, il-wiċċ li jrid jinżebagħ u l-kundizzjonijiet għall-użu li l-prodott ikun maħsub għalihom. Dan għandu jinkludi pariri dwar il-ħidma preparatorja eċċ., bħalma huma l-preparazzjoni korretta tal-wiċċ li jrid jinżebagħ, pariri fuq kif għandu jintuża fuq barra (fejn xieraq), jew it-temperatura;

 rakkomandazzjonijiet ta’ kif għandhom jitnaddfu l-għodda u l-ġestjoni xierqa tal-iskart (sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-ilma). Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu adattati għat-tip ta’ prodott ikkonċernat u għall-qasam tal-applikazzjoni kkonċernat u jistgħu jinkludu stampi li jispjegaw l-użu fejn xieraq;

 rakkomandazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ta’ ħażna tal-prodott wara li jinfetaħ (sabiex jiġi llimitat l-iskart solidu), inklużi pariri fuq is-sikurezza fejn xieraq;

 għall-kisi iktar skur li għalih ma japplikax il-krietrju 7(a), għandu jingħata parir dwar l-użu taż-żebgħa tal-ewwel passata jew taż-żebgħa tal-bażi l-korretta (jekk possibbli li tkun ingħatat l-Ekotikketta Ewropea);

 test li jagħti parir li ż-żebgħa li ma tintużax teħtieġ ġestjoni speċjalizzata sabiex tintrema b’mod sikur fl-ambjent u li għaldaqstant m’għandhiex tintrema mal-iskart domestiku jew tinxtered ‘il barra. Għandu jintalab parir dwar ir-rimi u l-ġbir mill-awtorità lokali,

 rakkomandazzjonijiet dwar miżuri preventivi ta’ protezzjoni għal min ikun qed jiżbogħ. It-test li ġej (jew test ekwivalenti) għandu jintwera fuq il-pakkett jew ikun mehmuż mal-pakkett:

 Għal aktar tagħrif dwar ir-raġuni għaliex dan il-prodott ingħata l-Fjura, jekk jogħġbok żur is-sit tal-Internet li ġej: http://ec.europa.eu/environment/ecolabel.

Il-valutazzjoni u l-verifika: Għandu jingħata kampjun tal-pakkett tal-prodott mal-applikazzjoni, flimkien ma’ dikjarazzjoni korrispondenti dwar il-konformità ma’ dawn il-kriterji, kif xieraq.

9.    It-tagħrif li jidher fuq l-ekotikketta

Il-kaxxa nru 2 tal-ekotikketta għandu jkollha l-kliem li ġej:

 rendiment tajjeb għall-użu fuq barra,

 is-sustanzi perikolużi huma ristretti,

 kontenut baxx ta’ solventi

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jagħti kampjun tal-pakkett tal-prodott li juri t-tikketta, flimkien ma’ dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju.



( 1 ) ĠU L 237, 21.9.2000, p. 1.

( 2 ) Ara paġna 39 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

( 3 ) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

( 4 ) ĠU L 143, 30.4.2004, p. 87.

( 5 ) ĠU L 200, 30.7.1999, p.1.

( 6 ) ĠU L 196, 16.8.1967, p. 1.

( 7 ) Fis-27 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettjar u l-ippakkjar tas-sustanzi u t-taħlitiet, u li jemenda d-Direttiva 67/548/KEE u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006” (COM(2007) 355 finali). Għal aktar tagħrif dwar kif is-sistema eżistenti u l-GHS jikkoinċidu f’ċerti partijiet irreferi għall-Anness VII fil-Volum III tal-proposta li ġiet adottata: http://ec.europa.eu/enterprise/reach/docs/ghs/ghs_prop_vol_iii_en.pdf

( 8 ) Il-Kumitat ta’ Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trasport ta’ Prodotti Perikolużi u dwar is-Sistema Globali Armonizzata dwar il-Klassifika u l-Ittikkettjar tal-Kimiki: http://www.unece.org/trans/main/dgdb/dgcomm/ac10rep.html

( 9 ) Ara nota 5 ta' qiegħ il-paġna.