02009D0300 — MT — 13.01.2018 — 005.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tat-12 ta’ Marzu 2009 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi riveduti għall-għotja tal-Ekotikketta Komunitarja lit-televiżjonijiet (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 1830) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 082 28.3.2009, p. 3) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
L 167 |
57 |
19.6.2013 |
||
L 168 |
112 |
7.6.2014 |
||
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2056 Test b'rilevanza għaż-ŻEE tat-13 ta' Novembru 2015 |
L 300 |
41 |
17.11.2015 |
|
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2003 Test b'rilevanza għaż-ŻEE tal-14 ta' Novembru 2016 |
L 308 |
59 |
16.11.2016 |
|
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/59 Test b'rilevanza għaż-ŻEE tal-11 ta' Jannar 2018 |
L 10 |
17 |
13.1.2018 |
Ikkoreġut b'
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-12 ta’ Marzu 2009
li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi riveduti għall-għotja tal-Ekotikketta Komunitarja lit-televiżjonijiet
(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 1830)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2009/300/KE)
Artikolu 1
Il-grupp ta’ prodotti “televiżjonijiet” għandu jinkludi:
“Tagħmir elettroniku li jaħdem bil-kurrent tal-elettriku bl-iskop u l-funzjoni primarja li jirċievi, jiddekodifika u juri sinjali ta’ trasmissjoni tat-TV.”
Artikolu 2
Sabiex jingħata l-eko-tikketta Komunitarja skont ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000, it-televiżjoni jrid jidħol fil-grupp ta’ prodotti “televiżjonijiet” u jrid jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta' prodotti “televiżjonijiet”, u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati, jibqgħu validi sal-31 ta' Diċembru 2019.
Artikolu 4
Għal finijiet amministrattivi in-numru tal-kodiċi assenjat lit-televiżjonijiet għandu jkun “022”.
Artikolu 5
Id-Deċiżjoni 2002/255/KE hija mħassra.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tibda tapplika mill-1 ta’ Novembru 2009.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS
IL-QAFAS
L-għanijiet tal-kriterji
Biex jingħata Ekotikketta, il-prodott għandu jkun konformi mal-kriterji ta’ dan l-Anness, li l-għan tagħhom huwa li jmexxu ‘l quddiem:
— it-tnaqqis tal-ħsara ambjentali jew ir-riskji marbuta mal-użu tal-enerġija (it-tisħin globali, l-aċidifikazzjoni, it-tnaqqis ta’ għejun ta’ enerġija li ma jiġġeddux), billi jitnaqqas il-konsum tal-enerġija,
— it-tnaqqis tal-ħsara ambjentali relatata mal-użu ta’ riżorsi naturali,
— it-tnaqqis tal-ħsara ambjentali relatata mal-użu ta’ sustanzi perikolużi billi jitnaqqas l-użu ta’ sustanzi tali.
Barra minn hekk, il-kriterji jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni tal-aħjar prattika (l-aħjar użu ambjentali) u jsaħħu l-għarfien tal-konsumaturi dwar l-ambjent.
Il-korpi kompetenti huma rakkomandati li jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta’ skemi amministrattivi ambjentali rikonoxxuti, bħal EMAS jew ISO 14001, meta jivvalutaw applikazzjonijiet u jimmonitorjaw il-konformità mal-kriterji stabbiliti f’dan l-Anness (nota: mhux meħtieġ li jiġu implimentati tali skemi ta’ ġestjoni).
Ir-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tal-verifika
Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ valutazzjoni u verifikazzjoni huma indikati f’kull kriterju.
Meta possibbli t-testijiet għandhom jitwettqu minn laboratorji akkreditati kif jixraq jew laboratorji li jissodisfaw il-ħtiġijiet espressi fl-istandard EN ISO 17025 u li huma kompetenti li jwettqu t-testijiet rilevanti.
Fejn xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jeħtieġu d-dokumentazzjoni ta’ evidenza u jistgħu jwettqu verifiki indipendenti.
Il-korpi kompetenti huma rakkomandati li jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta’ skemi amministrattivi ambjentali rikonoxxuti, bħal EMAS jew ISO 14001, meta jivvalutaw applikazzjonijiet u jimmonitorjaw il-konformità mal-kriterji (nota: mhux meħtieġ li jiġu implimentati tali skemi ta’ ġestjoni).
IL-KRITERJI
1. Tfaddil tal-enerġija
(a) Standby b’mod passiv
i. Il-konsum tat-televiżjoni waqt li jkun standby b’mod passiv għandu ≤ 0,30 W ħlief meta l-kundizzjoni f’parti ii tiġi sodisfatta.
ii. Għal televiżjonijiet bi swiċċ faċilment viżibbli jitfi kompletament, tant li meta l-iswiċċ ikun fil-pożizzjoni “mitfi”, il-konsum tal-enerġija tat-televiżjoni tkun < 0,01 W, il-konsum tat-televiżjoni waqt li jkun standby b’mod passiv għandu jkun ≤ 0,30 W.
(b) Il-konsum massimu tal-enerġija
Waqt il-modalità mixgħula il-konsum tal-enerġija tat-televiżjonijiet għandu jkun ►M5 ≤ 100 W ◄ .
(ċ) L-Effiċjenza fl-Enerġija
It-televiżjonijiet għandhom jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010 ( 1 ) għall-klassi tal-effiċjenza enerġetika speċifikata kif ġej jew, inkella, għal klassi tal-effiċjenza enerġetika aktar effiċjenti:
i. il-klassi tal-effiċjenza enerġetika A għal apparati bi skrin viżibbli dijagonali ≤ 90cm (jew 35,4 pulzier);
ii. il-klassi tal-effiċjenza enerġetika A+ (A għal UHD) għal apparati bi skrin viżibbli dijagonali > 90cm (jew 35,4 pulzier) u < 120cm (jew 47,2 pulzier);
iii. il-klassi tal-effiċjenza enerġetika A++ (A+ għal UHD) għal apparati bi skrin viżibbli dijagonali ≥ 120cm (47,2 pulzier).
F'dan il-punt, “UHD” tfisser Definizzjoni Għolja Ħafna (“Ultra High Definition”), li hija standardizzata ( 2 ) b'żewġ riżoluzzjonijiet ta' 3 840 × 2 160 (UHD-4K) pixels jew 7 680 × 4 320 (UHD-8K) pixels.
Il-valutazzjoni u l-verifika (il-punti a) sa c)): ►M5 L-applikant għandu jippreżenta rapport tat-test għall-mudell(i) tat-televiżjoni li jkopri t-test imwettaq skont l-istandards EN 50564 biex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt a) u t-testijiet imwettqa bl-użu tal-proċeduri u tal-metodi ta' kejl imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Anness VII tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1062/2010 biex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti b) u c). Barra minn hekk, il-klassi tal-effiċjenza enerġetika u l-iskrin viżibbli dijagonali għandhom jiġu indikati fir-rapport. ◄
Biex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ a) ii), l-applikant għandu jiddikjara li t-televiżjoni tagħhom huwa konformi mar-rekwiżiti u jipprovdi evidenza fotografika rigward is-swiċċ li jitfi kompletament.
▼M5 —————
2. Il-Kontenut ta’ Merkurju tal-Lampi Fluworexxenti
L-ammont totali ta’ merkurju (Hg), fil-lampi kollha, għal kull skrin, ma għandux ikun akbar minn 75 mg għal skrins bi skrin viżibbli dijagonali sa u jinkludi 40 pulzier. (101 cm.)
L-ammont totali ta’ merkurju (Hg), fil-lampi kollha, għal kull skrin, ma għandux ikun akbar minn 99 mg għal skrins bi skrin viżibbli dijagonali akbar minn 40 pulzier. (101 cm.)
Il-valutazzjoni u l-verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ffirmata li t-televiżjonijiet tagħhom huma konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti. Hi għandha tinkludid-dokumentazzjoni dwar l-għadd ta’ lampi użati u t-total ta’ kontenut ta’ merkurju tal-lampi, mingħand il-fornituri.
3. L-estensjoni tat-tul tal-ħajja
Il-manifattur għandu joffri garanzija kummerċjali li tiżgura li t-televiżjoni jibqa’ jiffunzjona għal mill-inqas sentejn. Din il-garanzija għandha tkun valida mid-data tal-kunsinna lill-klijent.
Id-disponibbiltà tal-partijiet elettroniċi kompatibbli li jinbidlu għandha tkun garantita għal 7 snin minn meta tieqaf il-produzzjoni.
Il-valutazzjoni u l-verifika: l-applikant irid jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dawn ir-rekwiżiti.
4. Id-disinn għaż-żarmar
Il-manufattur għandu juri li t-televiżjoni jista’ jiżżarma faċilment minn riċiklaturi professjonisti mħarrġa bl-użu tal-għodda li s-soltu jkolhom għad-dispożizzjoni tagħhom, bl-iskop li:
— isir xogħol ta’ tiswija u tibdil ta’ partijiet mherrija;
— jaġġornaw partijiet aktar antiki jew partijiet skaduti u
— jisseparaw il-partijiet u l-materjali, fl-aħħar mill-aħħar għar-riċiklaġġ.
Sabiex jiġi ffaċilitat iż-żarmar:
— It-tagħmir ġewwa t-televiżjoni għandu jkun jista’ jiġi żarmat, eż. il-viti, “snap-fixes”, speċjalment għall-partijiet li għandhom sustanzi perikolużi.
— Partijiet tal-pastik għandhom ikunu magħmulin minn polimeru wieħed jew minn polimeri kompatibbli għar-riċiklaġġ u jkollhom il-marka tal-ISO11469 rilevanti jekk huma ikbar minn 25 g bħala massa.
— Ma għandux jintuża interzjar ta’ metall li ma jistax jiġi sseparat.
— Id-dejta dwar in-natura u l-ammont ta’ sustanzi perikolużi fit-televiżjoni għadhom jinġabru skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/121/KE ( 3 ) u skont Sistema Armonizzata Globali tal-Ikklassifikar u l-Ittikkettar tal-Kimiċi (GHS).
Il-valutazzjoni u l-verifika: Rapport tal-eżami għandu jiġi ppreżentat flimkien mal-applikazzjoni li tispjega fid-dettal kif jiżżarma it-televiżjoni. Għandu jkun fiha djagramma sploduta tat-televiżjoni li timmarka l-komponenti ewlenin kif ukoll tidentifika kwalunkwe sustanza perikoluża fil-komponenti. Tista’ tkun fil-format bil-miktub jew dak awdjoviżiv. It-tagħrif li jirrigwarda s-sustanzi perikolużi għandu jiġi pprovdut lill-korp kompetenti tal-għotja f’forma ta’ lista ta’ materjali u tidentifika t-tip ta’ materjali, il-kwantità użata u l-lokalità.
5. Il-Metalli Tqal u s-Sustanzi li jwaqqfu t-tixrid tan-Nar
(a) Il-kadmju, iċ-ċomb, il-merkurju, il-kromju 6 + jew sustanzi li jwaqqfu t-tixrid tan-nar bħall-bifenil polibrominat (PBB) jew l-eteru difenil polibrominat (PBDE) kif elenkati fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), ma għandhomx jintużaw fit-televiżjoni sakemm l-applikazjonijiet ta’ dawn is-sustanzi mhumiex imniżżlin fl-Anness għad-Direttiva bħala eżenti mir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Direttiva jew sakemm il-valur massimu ta’ konċentrazzjoni mhuwiex ugwali għal jew inqas mil-limitu speċifikat fl-istess Anness. Rigward l-Anness, il-valur massimu ta’ konċentrazzjoni għandu jkun < 0.1 %.
(b) Il-partijiet tal-plastik ma għandux ikollhom sustanzi li jwaqqfu t-tixrid tan-nar, jew preparazzjonijiet li jkun fihom sustanzi, li jiġu assenjati jew jistgħu jiġu assenjati, fiż-żmien tal-applikazzjoni,l-ebda minn dawn il-frażijiet tar-riskju li ġejjin jew taħlita minnhom:
— R40 (riskju possibbli ta’ kanċer)
— R45 (jista’ jikkawża l-kanċer)
— R46 (jista’ jikkawża ħsara ġenetika li tintiret)
— R50 (tossiċi hafna għall-organiżmi tal-baħar)
— R51 (tossiċi għall-organizmi akwatiċi/tal-baħar)
— R52 (ta’ dannu għall-organiżmi akwatiċi/tal-baħar)
— R53 (jistgħu jikkawżaw effetti avversi fuq medda twila ta’ żmien fl-ambjent akwatiku)
— R60 (jista’ jnaqqas il-fertilità)
— R61 (jista’ jikkawża ħsara lit-tarbija mhux imwielda)
— R62 (riskju possibbli li tonqos il-fertilità)
— R63 (riskju possibbli ta’ ħsara għal tarbija mhux imwielda)
kif definiti fid-Direttiva 2006/121/KE. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għas-sustanzi li jwaqqfu t-tixrid tan-nar jiġifieri dawk li ladarba jintużaw jinbidlulhom il-propjetajiet tagħhom (jiġifieri li filfatt ma jinstabux fil-prodott finali f’konċentrazzjoni > 0,1 %) tant li l-frażijiet identifikati bl-R ta’ hawn fuq ma japplikawx aktar.
Il-valutazzjoni u l-verifika: Għandu jiġi ppreżentat ċertifikat iffirmat mill-manufattur tat-televiżjoni li jiddikjara l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti lill-korp kompetenti tal-għotja. Il-korp kompetenti tal-għotja għandu jiġi pprovdut ukoll b’dikjarazzjoni ta’ konformità ffirmata mill-fornituri tal-plastik u tas-sustanzi li jwaqqfu t-tixrid tan-nar u l-kopji ta’ skedi ta’ dejta rilevanti għas-sikurezza tal-materjali u tas-sustanzi. Is-sustanzi kollha li jwaqqfu t-tixrid tan-nar li jintużaw għandhom jiġu indikati b’mod ċar.
6. L-istruzzjonijiet għall-utent
It-televiżjoni għandu jinbiegħ bit-tagħrif rilevanti għall-utent li jipprovdi l-parir li jipprovdi pariri dwar l-użu xieraq ambjentali tiegħu. It-tagħrif għandu jitqiegħed f’post wieħed u faċli biex jinstab fl-istruzzjonijiet għall-utent kif ukoll fil-websajt tal-manufattur. It-tagħrif jinkludi, b’mod partikolari:
(a) Il-konsum tal-enerġija tat-televiżjoni fil-modalitajiet varji: mixgħul, mitfi, standby b’mod passiv, inkluż it-tagħrif dwar l-iffrankar tal-enerġija possibbli fil-modalitajiet differenti.
(b) Il-medja tal-konsum annwali tal-enerġija tat-televiżjoni mfissra f’kWh, ikkalkulata abbażi tal-konsum tal-enerġija waqt il-modalità mixgħula, waqt li jitħaddem 4 sigħat kull ġurnata 365 ġurnata fis-sena.
(ċ) Tagħrif li l-effiċjenza tal-enerġija tnaqqas il-konsum tal-enerġija u b’hekk tiffranka l-flus billi tnaqqas il-kontijiet tal-elettriku.
(d) L-indikazzjonijiet li ġejjin dwar kif tnaqqas il-konsum tal-enerġija meta ħadt ma jkun qed jara t-televiżjoni:
— Jekk jintefa l-kurrent mill-mejn li miegħu jkun imqabbad it-televiżjoni, jew jinqala’ l-plagg, l-użu tal-enerġija jixxejjen għat-televiżjonijiet kollha, u hija proċedura rakkomandata meta t-televiżjoni ma jkunx se jintuża għal żmien twil, eżempju meta wieħed ikun sejjer għal xi vaganza;
— Jekk jintuża l-iswiċċ li jitfi kompletament, l-użu tal-enerġija jitnaqqas għal kważi żero (jekk hemm swiċċ installat);
— Jekk it-televiżjoni jitqiegħed f’modalità “standby”, il-konsum tal-enerġija se jonqos, iżda xorta se juża ftit enerġija;
— Jekk jitnaqqas il-livell tal-qawwa tad-dawl tal-iskrin jonqos l-użu tal-enerġija.
(e) Il-pożizzjoni tal-iswiċċ li jitfi kompletament (jekk hemm wieħed installat).
(f) It-tagħrif dwar it-tiswija rigward min hu kwalifikat biex isewwi t-televiżjonijiet, inkluż id-dettalji ta’ kuntatt kif jixraq.
(g) L-istruzzjonijiet ta’ tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja għar-rimi xieraq tat-televiżjonijiet f’żoni ta’ kumdità ċivika jew permezz ta’ bejjiegħ ta’ skemi ta’ ritorn (retailer take-back schemes) kif applikabbli, li għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ).
(h) It-tagħrif illi l-prodott ġie mogħti l-fjura (l-Ekotikketa tal-UE), bi spjegazzjoni qasira dwar xi tfisser, flimkien ma’ indikazzjoni li aktar tagħrif dwar l-Ekotikketta jinstab fl-indirizz tal-websajt: http://www.ecolabel.eu
Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dawn il-ħtiġijiet, u għandu jipprovdi kopja tal-manwal tal-istruzzjonijiet lill-korp kompetenti li tivvaluta l-applikazzjoni.
7. L-informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta
Il-Kaxxa 2 tal-Ekotikketta għandha tinkludi t-test li ġej:
— Effiċjenza għolja fl-enerġija
— L-emissjonijiet imnaqqsa tas-CO2
— Iddisinjat sabiex jiffaċilita t-tiswija u r-riċiklaġġ.
Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ din il-ħtieġa, u għandu jipprovdi kopja tal-Ekotikketta kif tidher fuq il-pakkett u/jew il-prodott u/jew id-dokumentazzjoni li takkumpanjahom għall-korp kompetenti tal-għotja.
( 1 ) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010 tat-28 ta' Settembru 2010 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku għat-televixins (ĠU L 314, 30.11.2010, p. 64).
( 2 ) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU-R) BT.2020.
( 3 ) ĠU L 196, 16.8.1967, p. 1
( 4 ) ĠU L 37, 13.2.2003, p. 19, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Volum 31, p. 127.
( 5 ) ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Volum 7, p. 359.