02008E0944 — MT — 17.09.2019 — 001.002


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2008/944/PESK

tat-8 ta’ Diċembru 2008

li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari

(ĠU L 335 13.12.2008, p. 99)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/1560 tas-16 ta' Settembru 2019

  L 239

16

17.9.2019


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 283, 5.11.2019, p.  95 (2019/1560 tas-16)




▼B

POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2008/944/PESK

tat-8 ta’ Diċembru 2008

li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari



Artikolu 1

▼M1

1.  Kull Stat Membru għandu jivvaluta l-applikazzjonijiet li jsirulu għal liċenzji ta' esportazzjoni, inkluż dawk li jirrigwardaw trasferimenti minn gvern għal gvern, għal oġġetti fil-Lista Militari Komuni tal-UE msemmija fl-Artikolu 12, każ b'każ, skont il-kriterji tal-Artikolu 2.

▼M1

1a.  Fejn informazzjoni ġdida rilevanti issir disponibbli, kull Stat membru hu mħeġġeġ li jivvaluta mill-ġdid liċenzji ta' esportazzjoni għal oġġetti fil-Lista Militari Komuni tal-UE wara li dawn ikunu ngħataw.

▼B

2.  L-applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ esportazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

 applikazzjonijiet għal liċenzji għal esportazzjonijiet fiżiċi, inklużi dawk għall-fini ta’ produzzjoni b’liċenzja ta’ tagħmir militari f’pajjiżi terzi;

 applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ intermedjazzjoni;

 applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ “transitu” jew “trasbord”;

 applikazzjonijiet għal liċenzji għal kwalunkwe trasferiment mhux tanġibbli ta’ software u teknoloġija b’mezzi bħall-medja elettronika, il-fax jew it-telefon.

Il-leġislazzjoni tal Istati Membri għandha tindika f’liema każ tkun meħtieġa liċenzja ta’ esportazzjoni fir-rigward ta’ dawn l-applikazzjonijiet.

Artikolu 2

Kriterji

▼C1

1.  L-Ewwel Kriterju: Rispett għall-obbligi u l-impenji internazzjonali tal-Istati Membri, b’mod partikolari s-sanzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew l-Unjoni Ewropea, ftehimiet dwar nonproliferazzjoni u suġġetti oħra, kif ukoll obbligi u impenji internazzjonali oħra.

▼B

Liċenzja ta’ esportazzjoni għandha tiġi miċħuda jekk l-approvazzjoni tkun inkonsistenti inter alia ma’:

(a) l-obbligi internazzjonali tal Istati Membri u l-impenji tagħhom sabiex jinfurzaw embargi fuq l-armi min-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa;

(b) l-obbligi internazzjonali tal Istati Membri taħt it-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni Nukleari, il-Konvenzjoni dwar l-Armamenti Bijoloġiċi u Tossiniċi u l-Konvenzjoni dwar l-Armamenti Kimiċi;

▼M1

(ba) l-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali u l-Protokolli rilevanti annessi;

(bb) l-obbligi internazzjonali tal-Istati membri skont it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi;

▼M1

(c) l-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni tagħhom (il-Konvenzjoni ta' Ottawa);

▼M1

(ca) l-impenji tal-Istati Membri skont il-Programm ta' Azzjoni għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu;

▼B

(d) l-impenji tal Istati Membri fil-qafas tal-Grupp tal Awstralja, ir-Reġim għall-Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili, il-Kumitat Zangger, il-Grupp ta’ Fornituri Nukleari, l-Arranġament ta’ Wassenaar u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal Aja kontra l-Proliferazzjoni ta’ Missili Ballistiċi.

2.  It-Tieni Kriterju: Rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali kif ukoll rispett minn dak il-pajjiż għal-liġi umanitarja internazzjonali

 Wara li jkunu vvalutaw l-attitudni tal-pajjiż destinatarju lejn il-prinċipji rilevanti stabbiliti mill-istrumenti internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem, l-Istati Membri għandhom:

 

(a) jiċħdu l-ħruġ ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni jekk ikun hemm riskju ċar li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari li ser jiġi esportat jista’ jiġi użat għal repressjoni interna;

(b) jeżerċitaw attenzjoni u viġilanza speċjali fil-ħruġ ta’ liċenzji, fuq bażi ta’ każ b’każ u b’konsiderazzjoni tan-natura tat-teknoloġija jew it-tagħmir militari, lil pajjiżi fejn ġie stabbilit mill-korpi kompetenti tan-Nazzjonijiet Uniti, mill-Unjoni Ewropea jew mill-Kunsill tal Ewropa li seħħ ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem;

 Għal dawn il-finijiet, teknoloġija jew tagħmir li jistgħu jintużaw għal repressjoni interna jinkludu, inter alia, teknoloġija jew tagħmir fejn hemm provi tal użu ta’ din it-teknoloġija jew tagħmir jew ta’ teknoloġija jew tagħmir simili għal repressjoni interna mill-utent finali propost, jew fejn hemm raġuni sabiex wieħed jemmen li t-teknoloġija jew it-tagħmir ser jiġu ddevjati mill-użu aħħari jew l-utent finali ddikjarat tagħhom u jintużaw għal repressjoni interna. Konformement mal Artikolu 1 ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, in-natura tat-teknoloġija jew it-tagħmir ser tiġi kkunsidrata b’attenzjoni, b’mod partikolari jekk huma maħsuba għal finijiet ta’ sigurtà interna. Repressjoni interna tinkludi, inter alia, torturi u trattamenti jew pieni krudili, inumani u degradanti oħra, eżekuzzjonijiet sommarji jew arbitrarji, għejbien, detenzjonijiet arbitrarji u ksur prinċipali ieħor tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kif stabbiliti fl-istrumenti internazzjonali rilevanti għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi.

 Wara li jkunu vvalutaw l-attitudni tal-pajjiż destinatarju lejn il-prinċipji rilevanti stabbiliti mill-istrumenti tal-liġi umanitarja internazzjonali, l-Istati Membri għandhom:

 

(ċ) jiċħdu l-ħruġ ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni jekk ikun hemm riskju ċar li t-teknoloġija jew t-tagħmir militari li ser jiġi esportat jista’ jintuża fit-twettiq ta’ ksur serju tal-liġi umanitarja internazzjonali.

3.  It-Tielet Kriterju: Is-sitwazzjoni interna fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali, bħala funzjoni tal eżistenza ta’ tensjonijiet jew konflitti armati

L-Istati Membri għandhom jiċħdu l-ħruġ ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni għal teknoloġija jew tagħmir militari li jipprovoka jew itawwal konflitti armati jew jaggrava tensjonijiet eżistenti jew konflitti fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali.

4.  Ir-Raba’ Kriterju: Preservazzjoni tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali

L-Istati Membri għandhom jiċħdu l-ħruġ ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni jekk ikun hemm riskju ċar li d-destinatarju maħsub ikun ser juża t-teknoloġija jew t-tagħmir militari sabiex jiġi esportat b’mod aggressiv kontra pajjiż ieħor jew sabiex jasserixxi pretensjoni territorjali bil-forza. Meta jikkunsidraw dawn ir-riskji, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont inter alia ta’:

(a) l-eżistenza jew il-possibbiltà ta’ konflitt armat bejn il-pajjiż destinatarju u pajjiż ieħor;

(b) pretensjoni kontra t-territorju ta’ pajjiż ġar li fl-imgħoddi d-destinatarju kien ipprova jew hedded li jinsegwi permezz tal-forza;

(ċ) il-probabbiltà li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari jkun użat għal skopijiet li m’humiex is-sigurtà nazzjonali u d-difiża leġittima tad-destinatarju;

(d) il-ħtieġa li ma tiġix affettwata b’mod negattiv l-istabbiltà reġjonali b’xi mod sinifikattiv.

5.  Il-Ħames Kriterju: Is-sigurtà nazzjonali tal Istati Membri u tat-territorji li r-relazzjonijiet esterni tagħhom huma r-responsabbiltà ta’ Stat Membru, kif ukoll dik ta’ pajjiżi ħbieb u alleati

L-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta’:

(a) l-effett potenzjali tat-teknoloġija jew it-tagħmir militari li ser jiġi esportat fuq l-interessi tad-difiża u tas-sigurtà tagħhom kif ukoll dawk ta’ Stat Membru u dawk ta’ pajjiżi ħbieb u alleati, waqt li jirrikonoxxu li dan il-fattur ma jistax jaffettwa l-konsiderazzjoni tal-kriterji dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u dwar il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali;

(b) ir-riskju li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari kkonċernat jintuża kontra l-forzi tagħhom jew dawk ta’ Stati Membri u dawk ta’ pajjiżi ħbieb u alleati.

6.  Is-Sitt Kriterju: L-imġiba tal-pajjiż xerrej fir-rigward tal-komunità internazzjonali, b’mod partikolari fejn jirrigwarda l-attitudni tiegħu lejn it-terroriżmu, in-natura tal alleanzi tiegħu u r-rispett għal-liġi internazzjonali

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw inter alia l-passat tal-pajjiż xerrej fir-rigward ta’:

(a) is-sostenn għal jew l-inkoraġġiment tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata internazzjonali;

(b) il-konformità tiegħu mal impenji internazzjonali tiegħu, b’mod partikolari li ma tintużax il-forza, u mal-liġi umanitarja internazzjonali;

(ċ) l-impenn tiegħu għan-non-proliferazzjoni u oqsma oħra tal-kontroll tal armi u d-diżarm, b’mod partikolari l-firma, ir-ratifika u l-implimentazzjoni ta’ konvenzjonijiet rilevanti dwar il-kontroll tal armi u d-diżarm imsemmija fil-punt (b) tal Ewwel Kriterju.

7.  Is-Seba’ Kriterju: L-eżistenza ta’ riskju li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari jiġi ddevjat fl-istess pajjiż xerrej jew jiġi esportat mill-ġdid taħt kondizzjonijiet mhux mixtieqa

Fil-valutazzjoni tal impatt tat-teknoloġija jew it-tagħmir militari li ser jiġi esportat fuq il-pajjiż destinatarju u r-riskju li tali teknoloġija jew tagħmir ikun jista’ jiġi ddevjat lil utent finali mhux mixtieq jew għal użu aħħari mhux mixtieq, għandhom jiġu kkunsidrati dawn li ġejjin:

(a) l-interessi ta’ difiża leġittima u sigurtà interna tal-pajjiż destinatarju, inkluż kwalunkwe parteċipazzjoni fin-Nazzjonijiet Uniti jew attività oħra ta’ żamma tal-paċi;

(b) il-kapaċità teknika tal-pajjiż destinatarju li juża tali teknoloġija jew tagħmir;

(ċ) il-kapaċità tal-pajjiż destinatarju li japplika kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni;

(d) ir-riskju li tali teknoloġija jew tagħmir jiġi esportat mill-ġdid lejn destinazzjonijiet mhux mixtieqa, u l-passat tal-pajjiż destinatarju li jirrispetta kwalunkwe disposizzjoni dwar esportazzjoni mill-ġdid jew kunsens minn qabel għall-esportazzjoni mill-ġdid li l-Istat Membru li jesporta jqis adegwat li jimponi;

(e) ir-riskju li tali teknoloġija jew tagħmir jiġi ddevjat lejn organizzazzjonijiet terroristiċi jew lil terroristi individwali;

(f) ir-riskju ta’ “reverse engineering” jew trasferiment involontarju ta’ teknoloġija.

8.  It-Tmien Kriterju: Il-kompatibbiltà tal esportazzjonijiet tat-teknoloġija jew it-tagħmir militari mal-kapaċità teknika u ekonomika tal-pajjiż destinatarju, b’kunsiderazzjoni tax-xewqa li l-istati għandhom ikunu jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet leġittimi tagħhom ta’ sigurtà u ta’ difiża bl-inqas devjazzjoni ta’ riżorsi umani u ekonomiċi għall-armamenti

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw, fid-dawl tal informazzjoni minn sorsi rilevanti bħar-rapporti tal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku, jekk l-esportazzjoni proposta tkunx ser ixxekkel serjament l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż destinatarju. Huma għandhom jikkunsidraw f’dan il-kuntest il-livelli relattivi tan-nefqa militari u soċjali tal-pajjiż destinatarju, b’kont meħud ukoll ta’ kwalunkwe għajnuna tal UE jew bilaterali.

Artikolu 3

Din il-Pożizzjoni Komuni ma għandhiex tinċidi fuq id-dritt tal Istati Membri li japplikaw politika nazzjonali aktar restrittiva.

Artikolu 4

1.  L-Istati Membri għandhom jiċċirkolaw dettalji ta’ applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ esportazzjoni li ġew miċħuda skond il-kriterji ta’ din il-Pożizzjoni Komuni flimkien ma’ spjegazzjoni tar-raġunijiet għaliex il-liċenzja ġiet miċħuda. Qabel ma kwalunkwe Stat Membru jagħti liċenzja li tkun ġiet miċħuda minn Stat Membru ieħor jew Stati Membri oħra għal transazzjoni essenzjalment identika fl-aħħar tliet snin li jkunu għaddew, huwa għandu l-ewwel jikkonsulta mal Istat Membru jew Stati Membri li jkunu ħarġu ċ-ċaħda (ċaħdiet). Jekk wara l-konsultazzjonijiet, l-Istat Membru xorta waħda jiddeċiedi li jagħti liċenzja, huwa għandu jinnotifika lill-Istat Membru jew Stati Membri li jkunu ħarġu ċ-ċaħda (ċaħdiet), u jagħti spjegazzjoni dettaljata tar-raġunar tiegħu.

2.  Id-deċiżjoni għat-trasferiment jew għaċ-ċaħda tat-trasferiment ta’ kwalunkwe teknoloġija jew tagħmir militari għandha tibqa’ għad-diskrezzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru. Ċaħda ta’ liċenzja hija mifhuma li sseħħ meta l-Istat Membru jkun irrifjuta li jawtorizza l-bejgħ attwali jew l-esportazzjoni tat-teknoloġija jew it-tagħmir militari kkonċernat, fejn b’mod ieħor kien iseħħ bejgħ, jew il-konklużjoni tal-kuntratt rilevanti. Għal dawn il-finijiet, ċaħda notifikabbli tista’, skond il-proċeduri nazzjonali, tinkludi ċaħda ta’ permess sabiex jinbdew negozjati jew risposta negattiva għal mistoqsija formali inizjali dwar ordni speċifika.

3.  L-Istati Membri għandhom iżommu kunfidenzjali dawn iċ-ċaħdiet u konsultazzjonijiet u ma jużawhomx għal vantaġġ kummerċjali.

Artikolu 5

Il-liċenzji ta’ esportazzjoni għandhom jingħataw biss abbażi ta’ tagħrif preċedenti affidabbli tal użu aħħari fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali. Dan ġeneralment jeħtieġ ċertifikat verifikat bir-reqqa tal utent finali jew dokumentazzjoni adegwata u/jew xi forma ta’ awtorizzazzjoni uffiċjali maħruġa mill-pajjiż tad-destinazzjoni finali. Meta jivvalutaw applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ esportazzjoni ta’ teknoloġija jew tagħmir militari għall-finijiet ta’ produzzjoni f’pajjiżi terzi, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont b’mod partikolari tal użu potenzjali tal-prodott komplut fil-pajjiż tal-produzzjoni u tar-riskju li l-prodott komplut ikun jista’ jiġi ddevjat jew esportat lil utent finali mhux mixtieq.

▼M1

Artikolu 6

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 ( 1 ), il-kriterji fl-Artikolu 2 ta' din il-Pożizzjoni Komuni u l-proċedura ta' konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 4 għandhom japplikaw ukoll għall-Istati Membri fir-rigward ta' merkanzija u teknoloġija b'użu doppju kif speċifikat fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 428/2009 fejn ikun hemm raġunijiet serji għal twemmin li l-utent finali ta' tali merkanzija u teknoloġija ser ikun il-forzi armati jew il-forzi interni ta' sigurtà jew entitajiet simili fil-pajjiż destinatarju. Ir-referenzi f'din il-Pożizzjoni Komuni għal teknoloġija jew tagħmir militari għandhom jinftiehmu li jinkludu tali merkanzija u teknoloġija.

Artikolu 7

Sabiex tiġi massimizzata l-effikaċja ta' din il-Pożizzjoni Komuni, l-Istati Membri għandhom jaħdmu fil-qafas tal-PESK sabiex jirrinfurzaw il-kooperazzjoni tagħhom u sabiex jippromwovu l-konverġenza tagħhom fil-qasam tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari, fost l-oħrajn, billi jiskambjaw informazzjoni rilevanti, inkluż informazzjoni dwar l-avviżi ta' rifjut u l-politiki dwar l-esportazzjoni tal-armi, kif ukoll billi jidentifikaw miżuri possibbli biex tkompli tiżdied il-konverġenza.

Artikolu 8

1.  Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, kull Stat Membru għandu jippreżenta lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna l-informazzjoni għas-sena kalendarja preċedenti dwar l-esportazzjonijiet tiegħu ta' teknoloġija u tagħmir militari u dwar l-implimentazzjoni tiegħu ta' din il-Pożizzjoni Komuni.

2.  Rapport Annwali tal-UE, ibbażat fuq il-kontributi mill-Istati Membri kollha, għandu jiġi preżentat lill-Kunsill għall-adozzjoni u jsir disponibbli għall-pubbliku fil-format ta' rapport narrattiv u bażi tad-data online li jista' jsir tiftix fiha fuq is-sit web tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

3.  Addizzjonalment, kull Stat Membru li jesporta teknoloġija jew tagħmir li jinsab fil-Lista Militari Komuni tal-UE għandu jippubblika rapport nazzjonali dwar l-esportazzjonijiet tiegħu ta' teknoloġija u tagħmir militari, li l-kontenut tiegħu jkun skont il-leġislazzjoni nazzjonali, kif applikabbli.

▼B

Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom, kif ikun meħtieġ, jivvalutaw b’mod konġunt permezz tal-qafas tal-PESK is-sitwazzjoni ta’ destinatarji potenzjali jew attwali ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari mill-Istati Membri, fid-dawl tal-prinċipji u l-kriterji ta’ din il-Pożizzjoni Komuni.

Artikolu 10

Waqt li l-Istati Membri, fejn ikun meħtieġ, jistgħu wkoll jikkunsidraw l-effett ta’ esportazzjonijiet proposti fuq l-interessi ekonomiċi, soċjali, kummerċjali u industrijali tagħhom, dawn il-fatturi m’għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ hawn fuq.

Artikolu 11

L-Istati Membri għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex iħeġġu lil stati oħrajn li jesportaw teknoloġija jew tagħmir militari sabiex japplikaw il-kriterji ta’ din il-Pożizzjoni Komuni. Huma għandhom jiskambjaw regolarment l-esperjenzi ma’ dawk l-istati terzi li japplikaw il-politika tagħhom ta’ kontroll tal esportazzjoni ta’ teknoloġija u tagħmir militari u dwar l-applikazzjoni tal-kriterji.

Artikolu 12

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom tippermettilhom jikkontrollaw l-esportazzjoni tat-teknoloġija u t-tagħmir li jinsab fil-Lista Militari Komuni tal UE. Il-Lista Militari Komuni tal UE għandha tkun punt ta’ riferiment għal-listi nazzjonali ta’ teknoloġija u tagħmir militari tal Istati Membri, iżda m’għandhiex tissostitwihom direttament.

▼M1

Artikolu 13

Il-Gwida għall-Utenti ta' din il-Pożizzjoni Komuni, li jiġi rivedut regolarment, għandu jservi ta' gwida għall-implimentazzjoni ta' din il-Pożizzjoni Komuni.

▼B

Artikolu 14

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha jkollha effett fid-data tal adozzjoni tagħha.

▼M1

Artikolu 15

Din il-Pożizzjoni Komuni, għandha tiġi rieżaminata ħames snin wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1560 ( 2 ).

▼B

Artikolu 16

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal Unjoni Ewropea.



( 1 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).

( 2 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1560 tas-16 ta' Settembru 2019 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 239, 17.9.2019, p. 16).