02008E0851 — MT — 17.12.2018 — 009.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/851/PESK ta’ l-10 ta’ Novembru 2008 (ĠU L 301 12.11.2008, p. 33) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
L 322 |
27 |
9.12.2009 |
||
|
L 210 |
33 |
11.8.2010 |
||
|
L 327 |
49 |
11.12.2010 |
||
|
L 89 |
69 |
27.3.2012 |
||
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/827/PESK tal-21 ta' Novembru 2014 |
L 335 |
19 |
22.11.2014 |
|
|
L 125 |
12 |
13.5.2016 |
||
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/2082 tat-28 ta' Novembru 2016 |
L 321 |
53 |
29.11.2016 |
|
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1083 tat-30 ta' Lulju 2018 |
L 194 |
142 |
31.7.2018 |
|
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/2007 tas-17 ta' Diċembru 2018 |
L 322 |
22 |
18.12.2018 |
|
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/851/PESK
ta’ l-10 ta’ Novembru 2008
dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja
Artikolu 1
Missjoni
1. L-Unjoni Ewropea (UE) għandha tmexxi operazzjoni militari b’appoġġ għar-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008), 1816 (2008), 1838 (2008), 1846 (2008) u 1851 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU), b’mod konsistenti ma′ azzjoni permessa fir-rigward tal-piraterija skont l-Artikolu 100 et seq tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 (minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar”) u permezz, b’mod partikolari, ta′ impenji magħmula ma’ Stati terzi (“Atalanta”) sabiex jikkontribwixxu għal:
— l-protezzjoni ta’ bastimenti tal-għajnuna alimentari WFP twassil lill-persuni spostati fis-Somalja, skont il-mandat stabbilit fir-Riżoluzzjoni KSNU 1814 (2008); u
— il-protezzjoni ta’ bastimenti vulnerabbli moderata barra mill-kosta tas-Somalja, u d-deterrenza, prevenzjoni u ripressjoni ta’ atti ta’ piraterija u serq armat barra mill-kosta tas-Somalja, skont il-mandat stabbilit fir-Riżoluzzjonijiet KSNU 1846 (2008) u 1851 (2008).
2. Iz-zona ta’ operat tal-forzi skjerati għal dik il-fini għandhom jikkonsistu minn l-ilmijiet teritorjali u l-ilmijiet interni tas-Somalja, u zoni marittimi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja u pajjiżi ġirien fir-reġjun tal-Oċean Indjan, f’konformità mal-objettiv politiku ta′ operazzjoni marittima tal-UE, kif definit fil-kunċett ta’ maniġġar ta’ kriżijiet approvat mill-Kunsill fil-5 ta’ Awwissu 2008.
3. Barra minn hekk, Atalanta tista' tikkontribwixxi, bħala kompitu sekondarju mhux eżekuttiv, bil-mezzi u l-kapaċitajiet attwali u fuq talba, għall-approċċ integrat tal-UE għas-Somalja u l-attivitajiet rilevanti tal-komunità internazzjonali, b'hekk tgħin sabiex jiġu indirizzati il-kawżi sottostanti tal-piraterija u n-netwerks tagħha.
Artikolu 2
Mandat
Atalanta, bil-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġi internazzjonali applikabbli, b’mod partikolari tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, u mir-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008), 1816 (2008) u 1838 (2008) tal-KSNU, u fil-limitu tal-kapaċitajiet disponibbli tagħha, għandha:
(a) tipprovdi protezzjoni lill-bastimenti mikrija mill-PDI, inkluż permezz tal-preżenza abbord dawk il-bastimenti ta’ unitajiet armati ta’ Atalanta, inkluż meta jkunu qed ibaħħru fl-ilmijiet territorjali u interni tas-Somalja;
(b) tipproteġi l-bastimenti tal-merkanzija li qed ibaħħru fiż-żoni fejn hija skjerata, skond il-ħtiġijiet fuq bażi ta’ każ b’każ;
(c) tissorvelja ż-żoni ‘l barra mix-xatt tas-Somalja, inklużi l-ilmijiet interni u territorjali tas-Somalja, li jippreżentaw riskji għal attivitajiet marittimi, b’mod partikolari t-traffiku marittimu;
(d) tieħu l-miżuri meħtieġa, inkluż l-użu tal-forza, biex tiddiswadi u tipprevjeni bil-għan li jitwaqqfu l-atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi li jistgħu jitwettqu fiż-żoni fejn hija preżenti;
(e) fid-dawl tal-prosekuzzjonijiet li qed isiru potenzjalment mill-Istati rilevanti skont il-kondizzjonijiet fl-Artikolu 12, taqbad, iżżomm u tittrasferixxi persuni suspetatti li għandhom il-ħsieb, kif imsemmi fl-Artikolu 101 u 103 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li jikkommettu, li qed jikkommettu jew li kkommettew atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi fiż-żoni fejn hija preżenti u taqbad il-bastimenti tal-pirati jew tal-ħallelin armati jew il-bastimenti li nħatfu wara att ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi u li jinsabu f’idejn il-pirati jew ħallelin armati, kif ukoll il-proprjetà li tinsab abbord;
(f) tikkomunika ma’ organizzazzjonijiet u entitajiet, kif ukoll Stati, li jaħdmu fir-reġjun għall-ġlieda kontra atti ta’ piraterija u serq armat barra mill-kosta tas-Somalja, b’mod partikolari “t-Task Force Magħquda 151” forza marittima li topera fil-qafas ta’ “Operazzjoni għal Libertà Dejjiema”;
(g) tiġbor, skont il-liġi applikabbli, dejta personali rigward persuni msemmija fil-punt (e) relatata ma' karatteristiċi li x'aktarx jassistu fl-identifikazzjoni tagħhom, inklużi marki tas-swaba', kif ukoll id-dettalji segwenti, bl-esklużjoni ta' dejta personali oħra: kunjom, kunjom tax-xbubija, ismijiet mogħtija u psewdonimi jew ismijiet foloz; data u post tat-twelid, nazzjonalità, sess; post ta' residenza, professjoni u l-inħawi tal-persuna; liċenzji tas-sewqan, dokumenti ta' identifikazzjoni u dejta tal-passaport
(h) għall-fini li tiġi ċċirkolata d-data permezz tal-kanali tal-Organizzazjoni Internazzjonali ta' Pulizija Kriminali (INTERPOL) u l-verifika tagħha mal-bażijiet tad-data tal-INTERPOL, u sakemm jiġu konklużi l-arranġamenti ġenerali bejn l-Unjoni u l-INTERPOL, tittrasmetti lill-Uffiċċju Ċentrali Nazzjonali ('NCB') tal-INTERPOL tal-Istati Membri, f'konformità mal-arranġamenti li għandhom jiġu konklużi bejn il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u l-Kap tal-NCBs adatti, id-data segwenti:
— data personali msemmija fil-punt (g),
— data marbuta mal-apparat użat mill-persuni msemmijin fil-punt (e).
Id-data personali ma għandhiex tiġi rreġistrata wara li tiġi trasmessa lill-INTERPOL;
(i) tittrasmetti d-data msemmija fil-punt (h) lil EUROPOL skont id-dispożizzjonijiet ta' arranġament li għandu jiġi konkluż bejn ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-EUROPOL. Id-data personali ma għandhiex tiġi rreġistrata wara li tiġi trasmessa lill-INTERPOL;
(j) tikkontribwixxi, skont il-mezzi u l-kapaċitajiet eżistenti, għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd 'il barra mix-xtut tas-Somalja u tappoġġa l-iskema ta' liċenzjar u ta' reġistrazzjoni għas-sajd artiġjanali u industrijali fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni tas-Somalja żviluppata mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), meta fis-seħħ, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe attività ta' infurzar;
(k) tistabbilixxi kollegament, f'kollaborazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, mal-entitajiet tas-Somalja u l-kumpanniji privati li joperaw f'isimhom, attivi 'l barra mix-xtut tas-Somalja fil-kuntest usa' tas-sigurtà marittima bil-ħsieb li jkun hemm fehim aħjar tal-attivitajiet u l-kapaċitajiet u l-operazzjonijiet tagħhom biex jiġi evitat il-konflitt fuq il-baħar;
(l) tassisti permezz ta' appoġġ loġistiku, il-provvista ta' għarfien espert jew taħriġ fuq il-baħar, fuq talba tagħhom u skont il-mezzi u l-kapaċitajiet eżistenti, lil EUCAP Nestor, EUTM Somalia, ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Qarn tal-Afrika, id-Delegazzjoni tal-UE għas-Somalja fir-rigward tal-mandati tagħhom u ż-żona ta' operazzjoni ta' Atalanta u tikkontribwixxi fl-implimentazzjoni tal-programmi rilevanti tal-UE, b'mod partikolari l-programm reġjonali ta' sigurtà Marittima (MASE) taħt l-għaxar FEŻ u CRIMARIO;
(m) tagħmel disponibbli data relatata mal-attivitajiet tas-sajd miġbura minn unitajiet ta' EUNAVFOR 'l barra mix-xtut tas-Somalja, permezz tas-servizz rilevanti tal-Kummissjoni, lill-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan, l-Istati Membri tagħha u l-FAO u ladarba jkun sar progress suffiċjenti fuq ix-xatt fil-qasam tal-bini tal-kapaċità marittima, inklużi l-miżuri ta' sigurtà għall-iskambju tal-informazzjoni, tassisti lill-awtoritajiet Somali billi tagħmel disponibbli d-data relatata mal-attivitajiet tas-sajd miġbura matul l-operazzjoni;
(n) tappoġġa, b'mod konsistenti mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u skont il-mezzi u l-kapaċitajiet eżistenti, l-attivitajiet tal-Bord ta' Esperti dwar is-Somalja f'konformità mar-Riżoluzzjoni 2444 (2018) billi timmonitorja u tirrapporta lil dak il-Bord bastimenti ta' interess suspettati li jappoġġaw lin-netwerks tal-piraterija.
Artikolu 3
Ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE
Il-Viċi Ammirall Antonio MARTORELL LACAVE huwa b'dan maħtur Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE biex jieħu post il-Maġġur Ġeneral Charlie STICKLAND OBE RM mid-29 ta' Marzu 2019 f'12:00 CET.
Artikolu 4
Għażla tal-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni tal-UE
1. Il-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni tal-UE għandhom ikunu jinsabu f'Northwood, ir-Renju Unit, sad-29 ta' Marzu 2019 f'12:00 CET.
2. Mid-29 ta' Marzu 2019 f'12:00 CET, il-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni tal-UE għandhom ikunu jinsabu f'Rota, Spanja, bl-eċċezzjoni taċ-Ċentru għas-Sigurtà Marittima għall-Qarn tal-Afrika (MSCHOA), li għandu jkun jinsab fi Brest, Franza.
Artikolu 5
Ippjanar u tnedija tal-operazzjoni
Id-Deċiżjoni dwar it-tnedija tal-operazzjoni militari tal-UE għandha tiġi adottata mill-Kunsill wara l-approvazzjoni tal-Pjan tal-Operazzjoni u r-Regoli tal-Ingaġġ u bil-ħsieb tan-notifika mill-GFP lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-offerta ta’ kooperazzjoni magħmula mill-UE b’applikazzjoni tal-punt 7 tar-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tal-KSNU.
Artikolu 6
Kontroll politiku u direzzjoni strateġika
1. Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-RGħ”), il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-KPS”) għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-operazzjoni militari tal-UE. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f’konformità mal-Artikolu 38 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat biex jiġu emendati d-dokumenti ta’ ppjanar, inkluż il-Pjan tal-Operazzjoni, il-Linja ta’ Kmand u r-Regoli tal-Ingaġġ. Din għandha tinkludi wkoll is-setgħat li jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u/jew il-Kmandant tal-Forza tal-UE. Is-setgħat ta’ deċiżjoni rigward l-objettivi u t-terminazzjoni tal-operazzjoni militari tal-UE għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill, assistit mir-RGħ.
2. Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.
3. Il-KPS għandu jirċievi, f’intervalli regolari, rapporti mill-President tal-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) rigward it-twettiq tal-operazzjoni militari tal-UE. Il-KPS jista’, skont il-każ, jistieden lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u/jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE għal-laqgħat tiegħu.
Artikolu 7
Direzzjoni militari
1. L-EUMC għandu jiżgura li jissorvelja l-eżekuzzjoni korretta tal-operazzjoni militari tal-UE mmexxija taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.
2. L-EUMC għandu jirċievi, f’intervalli regolari, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE. Huwa jista’ jistieden lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u/jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE għal-laqgħat tiegħu, skont il-każ.
3. Il-President tal-EUMC għandu jaġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt ewlieni mal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.
Artikolu 8
Koerenza tar-rispons tal-UE
Ir-RGħ, il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u l-Kmandant tal-Forza tal-UE għandhom jikkoordinaw mill-qrib l-attivitajiet rispettivi tagħhom rigward l-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta.
Artikolu 9
Relazzjonijiet man-Nazzjonijiet Uniti, is-Somalja, il-pajjiżi ġirien u l-atturi l-oħrajn
1. Ir-RGħ għandu jaġixxi bħala l-punt primarju ta’ kuntatt man-Nazzjonijiet Uniti, l-awtoritajiet Somali, l-awtoritajiet tal-pajjiżi ġirien u atturi rilevanti oħra. Fil-kuntest tal-kuntatt tiegħu mal-Unjoni Afrikana, ir-RGħ għandu jiġi assistit mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għall-Unjoni Afrikana.
2. Fil-livell operattiv, il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għandu jkun il-punt ta’ kuntatt, b’mod partikolari, mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti kif ukoll id-dipartimenti kkonċernati tas-Segretarjat Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u tal-PDI.
Artikolu 10
Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi
1. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE u għall-qafas istituzzjonali uniku, u skont il-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fl-operazzjoni.
2. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jistieden lil Stati terzi sabiex jipproponu kontribut u biex jieħu, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u l-EUMC, id-deċiżjonijiet adatti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti.
3. L-arranġamenti dettaljati għall-parteċipazzjoni minn Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehimiet konklużi f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37 tat-Trattat. Fejn l-UE u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar fl-operazzjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżijiet tal-UE, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni.
4. L-Istati terzi li jagħmlu kontributi militari sinifikanti għall-operazzjoni militari tal-UE għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tat-tmexxija ta’ kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri li jieħdu sehem fl-operazzjoni.
5. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet adatti rigward l-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Kontributuri, fil-każ li xi Stati terzi jipprovdu kontributi militari sinifikanti.
6. Il-kondizzjonijiet għat-trasferiment, lejn Stat terz li qed jipparteċipa fl-operazzjoni, tal-persuni li nqabdu u ġew miżmuma bil-ħsieb tal-eżerċizzju tal-kompetenza ġurisdizzjonali ta’ dan l-Istat, għandhom jiġu deċiżi mal-konklużjoni jew l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ ftehim dwar il-parteċipazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.
Artikolu 11
Status tal-forzi mmexxija mill-UE
L-istatus tal-forzi mmexxija mill-UE u l-persunal tagħha, inklużi l-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tagħhom, li:
— jinsabu fuq it-territorju terrestri ta’ Stati terzi,
— jaħdmu fl-ilmijiet territorjali jew interni ta’ Stati terzi,
għandu jiġi miftiehem f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37 tat-Trattat.
Artikolu 12
Trasferiment ta’ persuni arrestati u miżmuma bil-ħsieb li jiġu proċessati
1. Abbażi tal-aċċettazzjoni mis-Somalja tal-eżerċitar ta’ ġurisdizzjoni minn Stati Membri jew Stati terzi, minn naħa, u l-Artikolu 105 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, min-naħa l-oħra, persuni suspettati li għandhom il-ħsieb, kif imsemmi fl-Artikoli 101 u 103 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li jikkommettu, li qed jikkommettu jew li kkommettew atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi fl-ilmijiet territorjali u interni tas-Somalja jew fl-ibħra internazzjonali, li huma arrestati u miżmuma, bil-ħsieb tal-prosekuzzjoni tagħhom, u l-proprjetà li tkun intużat biex jitwettqu dawn l-atti, għandhom jiġu ttrasferiti:
— lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew ta’ Stat terz parteċipanti fl-operazzjoni, li l-bastiment li jkun qabadhom itajjar il-bandiera tiegħu, jew
— jekk dak l-Istat ma jistax, jew ma jixtieqx, jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu, lil Stat Membru jew kwalunkwe Stat terz li jixtieq jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq il-persuni jew il-proprjetà msemmija hawn fuq.
2. Persuni suspettati li għandhom il-ħsieb, kif imsemmi fl-Artikoli 101 u 103 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li jikkommettu, li qed jikkommettu jew li kkommettew atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi li huma arrestati u miżmuma, bil-ħsieb li jiġu proċessati minn Atalanta fl-ilmijiet territorjali, fl-ilmijiet interni jew fl-ilmijiet tal-arċipelagu ta’ Stati oħra fir-reġjun bi ftehim ma’ dawn l-Istati, u l-proprjetà li tkun intużat biex jitwettqu dawn l-atti, jistgħu jiġu ttrasferiti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ikkonċernat, jew, bil-kunsens tal-Istat ikkonċernat, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat ieħor.
3. Ebda persuna msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu jiġu trasferiti fi Stat terz sakemm il-kondizzjonijiet għat-trasferiment kienu maqbula ma’ dak l-Istat terz b’mod konsistenti mad-dritt internazzjonali rilevanti, notevolment il-liġi internazzjonali dwar drittijiet tal-bniedem, sabiex tiggarantixxi b’mod partikolari li ħadd ma għandu jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għal tortura jew għal kwalunkwe trattament krudili, inuman jew degradanti.
Artikolu 13
Relazzjonijiet mal-Istati tal-bandiera tal-bastimenti protetti
Il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-preżenza abbord il-bastimenti merkantili, b’mod partikolari dawk mikrija mill-PDI, ta’ unitajiet li jagħmlu parti minn Atalanta, inklużi l-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn marbutin mal-funzjonament bla xkiel tal-operazzjoni, għandhom jiġu deċiżi mal-Istat tal-bandiera ta’ dawn il-bastimenti.
Artikolu 14
Dispożizzjonijiet finanzjarji
1. L-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għandhom jiġu amministrati minn Athena.
2. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għandu jkun ta’ EUR 8,3 miljun. Il-persentaġġ tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 33(3) tad-deċiżjoni dwar Athena għandu jkun ta’ 30 %.
3. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għal perjodu bejn it-13 ta’ Diċembru 2012 sat-12 ta’ Diċembru 2014 għandu jkun ta’ EUR 14 900 000 . Il-persentaġġ tal-ammont ta’ referenza imsemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/871/PESK għandu jkun ta’ 0 %.
4. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għall-perijodu bejn it-13 ta' Diċembru 2014 sat-12 ta' Diċembru 2016 għandu jkun ta' EUR 14 775 000 . Il-perċentwal tal-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni 2011/871/PESK għandu jkun ta' 0 %.
5. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għall-perijodu bejn it-13 ta' Diċembru 2016 sal-31 ta' Diċembru 2018 għandu jkun ta' EUR 11 064 000 . Il-perċentwal tal-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 ( 1 ) għandu jkun ta' 0 %.
6. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għall-perijodu bejn l-1 ta' Jannar 2019 sal-31 ta' Diċembru 2020 għandu jkun ta' EUR 11 777 000 . Il-persentaġġ tal-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 għandu jkun ta' 0 %.
Artikolu 14 a
Arranġamenti finanzjarji tranżitorji
1. Mill-1 ta' Settembru 2018, l-infiq imġarrab mill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE maħtur fl-Artikolu 3 u mill-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni tal-UE imsemmija fl-Artikolu 4(2) għandu jkun iffinanzjat f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528.
2. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lil Spanja u lil Franza biex jiffinanzjaw minn qabel l-ispejjeż komuni mġarrba skont il-paragrafu 1 u jitolbu rimborż għalihom f'konformità mal-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528.
Artikolu 15
Rilaxx ta’ informazzjoni lin-Nazzjonijiet Uniti u partijiet terzi oħra
1. Ir-RGħ huwa b’dan awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti u lil partijiet terzi oħra assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta, informazzjoni klassifikata tal-UE u dokumenti maħluqa għall-finijiet tal-operazzjoni militari tal-UE sal-livell ta’ klassifikazzjoni adegwat għal kull wieħed minnhom u f’konformità mar-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill ( 2 ).
2. Ir-RGħ huwa b’dan awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti u lil partijiet terzi oħra assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta, dokumenti tal-UE mhux klassifikati rigward deliberazzjonijiet dwar l-operazzjoni li huma koperti mill-obbligu ta’ segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ( 3 ).
3. Ir-RGħ huwa b'dan awtorizzat li jikkomunika lill-Forzi Marittimi ta' Koalizzjoni (“CMF”) immexxija mill-Istati Uniti, permezz tal-Kwartieri Ġenerali tagħhom, kif ukoll lil Stati terzi li mhux qed jieħdu sehem fis-CMF u lil organizzazzjonijiet internazzjonali, li jinsabu fiż-żona tal-operazzjoni militari tal-UE, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE ġġenerati għall-fini tal-operazzjoni militari tal-UE fil-livell ta' RESTREINT UE, fuq il-bażi ta' reċiproċità, fejn komunikazzjoni bħal din fil-post tal-operazzjoni hija meħtieġa għal raġunijiet operattivi, skont ir-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill u soġġett għal arranġamenti bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-partijiet terzi msemmija hawn fuq.
4. L-Atalanta hija b'dan awtorizzata li tikkondividi mal-Bord ta' Esperti dwar is-Somalja u mas-CMF informazzjoni, minbarra data personali, dwar attivitajiet illegali jew mhux awtorizzati, miġbura matul l-operazzjonijiet kontra l-piraterija.
5. L-operazzjoni Atalanta hija b'dan awtorizzata tirrilaxxa lill-INTERPOL, f'konformità mal-Artikolu 2(h), u lill-EUROPOL, f'konformità mal-Artikolu 2(i), informazzjoni dwar attivitajiet illegali li mhumiex piraterija li tkun inġabret matul l-operazzjonijiet tagħha kontra l-piraterija.
6. Ir-rilaxx ta' data personali skont l-Artikolu 2 għandu jsir f'konformità mal-liġijiet tal-Istat tal-bastiment jew tal-inġenju tal-ajru li jipproċessa tali data personali.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ u tmiem
1. Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
2. L-Azzjoni Konġunta 2008/749/PESK għandha tkun imħassra mid-data tal-għeluq taċ-ċellola ta’ koordinazzjoni stabbilita permezz ta’ dik l-Azzjoni Konġunta. Dan l-għeluq għandu jseħħ fid-data tat-tnedija tal-operazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 ta’ din l-Azzjoni Konġunta.
3. L-operazzjoni tal-UE għandha tintemm fil-31 ta' Diċembru 2020.
4. Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi revokata wara l-irtirar tal-forza tal-UE, skont il-pjanijiet approvati għat-tmiem tal-operazzjoni militari tal-UE, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-deċiżjoni rigward Athena.
Artikolu 17
Pubblikazzjoni
1. Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Id-deċiżjonijiet tal-KPS dwar il-ħatriet ta’ Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u/jew Kmandant tal-Forza tal-UE kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-KPS dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi tal-Istati terzi u l-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Kontributuri għandhom ukoll jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
( 1 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal- operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK (ĠU L 84, 28.3.2015, p. 39).
( 2 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1).
( 3 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tad-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).