2008E0124 — MT — 11.06.2015 — 009.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/124/PESK ta’ l-4 ta’ Frar 2008 dwar il-Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (ĠU L 042 16.2.2008, p. 92) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2009/445/PESK tad-9 ta’ Ġunju 2009 |
L 148 |
33 |
11.6.2009 |
|
L 145 |
13 |
11.6.2010 |
||
L 272 |
19 |
16.10.2010 |
||
L 270 |
31 |
15.10.2011 |
||
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/752/PESK tal-24 ta’ Novembru 2011 |
L 310 |
10 |
25.11.2011 |
|
L 146 |
46 |
6.6.2012 |
||
L 141 |
47 |
28.5.2013 |
||
L 174 |
42 |
13.6.2014 |
||
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/685/PESK tad-29 ta' Settembru 2014 |
L 284 |
51 |
30.9.2014 |
|
L 147 |
21 |
12.6.2015 |
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/124/PESK
ta’ l-4 ta’ Frar 2008
dwar il-Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 u l-Artikolu 25(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fl-10 ta’ Ġunju 1999, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1244 (minn hawn 'il quddiem r-“Riżoluzzjoni 1244”), u fi ħdan tali qafas, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti: — “Jiddeċiedi li l-preżenzi internazzjonali, ċivili u ta’ sigurtà, jiġu stabbiliti għal perijodu inizjali ta’ 12-il xahar, li għandhom jibqgħu hekk sussegwentement sakemm il-Kunsill tas-Sigurtà ma jiddeċidix mod ieħor” (Paragrafu 19), — “Jawtorizza lis-Segretarju-Ġenerali, bl-assistenza ta’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, sabiex jistabbilixxi preżenza internazzjonali ċivili fil-Kosovo …” u “Jiddeċiedi li r-responsabbiltajiet prinċipali tal-preżenza internazzjonali ċivili tinkludi …(f) fi stadju finali, is-superviżjoni tat-trasferiment ta’ l-awtorità mill-istituzzjonijiet provviżorji tal-Kosovo lil istituzzjonijiet stabbiliti taħt ftehim politiku …(i) l-infurzar tal-liġi ċivili u ż-żamma ta’ l-ordni pubbliku, inkluż l-istabbiliment ta’ forzi lokali tal-pulizija u sadanittant permezz ta’ l-iskjerament ta’ persunal tal-pulizija internazzjonali sabiex iservi fil-Kosovo” (Paragrafi 10 u 11), — “Jilqa' l-ħidma attwali fl-Unjoni Ewropea u f'organizzazzjonijiet internazzjonali oħra sabiex jiġi żviluppat approċċ komprensiv lejn l-iżvilupp ekonomiku u l-istabbilizzazzjoni tar-reġjun milqut mill-kriżi tal-Kosovo, inkluża l-implimentazzjoni ta’ Patt ta’ Stabbiltà għall-Ewropa tax-Xlokk b'parteċipazzjoni internazzjoniali wiesgħa sabiex tiżdied il-promozzjoni tad-demokrazija, tal-prosperità ekonomika, ta’ l-istabbiltà u tal-koperazzjoni reġjonali” (Paragrafu 17). |
(2) |
L-organi, istituzzjonijiet u awtoritajiet tal-Kosovo msemmija f'din l-Azzjoni Konġunta huma l-istituzzjonijiet (minn hawn 'il quddiem “l-istituzzjonijiet tal-Kosovo”) maħluqa abbażi tar-Riżoluzzjoni 1244. Huma jinkludu, inter alia, is-Servizz tal-Pulizija tal-Kosovo, il-ġudikatura u l-Ministri assoċjati ta’ l-Intern u tal-Ġustizzja. |
(3) |
Teżisti l-ħtieġa li jiġu impediti, għal raġunijiet umanitarji, azzjonijiet għal għarrieda ta’ vjolenza, atti ta’ persekuzzjoni u intimidazzjoni fil-Kosovo, b'kont meħud, adegwatament, tar-responsabbiltà lejn il-popolazzjonijiet kif imsemmi fir-Riżoluzzjoni 1674 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tat-28 ta’ April 2006. |
(4) |
Fl-10 ta’ April 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK li tistabbilixxi Grupp ta’ Ippjanar ta’ l-UE (EUPT Kosovo) fir-rigward ta’ operazzjoni, eventwalment possibbli, ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi fil-qasam ta’ l-istat ta’ dritt u possibbilment f'oqsma oħra fil-Kosovo ( 11 ). |
(5) |
Fil-11 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill approva l-Kunċett għall-Maniġġar ta’ Kriżi għal operazzjoni, eventwalment possibbli, ta’ l-UE ta’ maniġġar ta’ kriżi fil-qasam ta’ l-istat tad-dritt u possibbilment f'oqsma oħra fil-Kosovo. |
(6) |
L-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK tispeċifika li l-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu, b'mod partikolari, jaġixxi taħt it-tmexxija tal-Kap ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-maniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo, ladarba dan ta’ l-aħħar ikun inħatar. |
(7) |
Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-14 ta’ Diċembru 2007, enfasizza r-rieda ta’ l-UE li jkollha rwol ewlieni fit-tisħiħ ta’ l-istabbiltà fir-reġjun skond il-perspettiva Ewropea tagħha u fl-implimentazzjoni ta’ riżoluzzjoni li tiddefinixxi l-istatus futur tal-Kosovo. Huwa ddikjara r-rieda ta’ l-UE li tassisti lill-Kosovo fil-mixja lejn l-istabbiltà sostenibbli, inkluż permezz ta’ missjoni tal-Politika Ewropea għas-Sigurtà u Difiża (PESD) u kontribuzzjoni għal uffiċċju ċivili internazzjonali bħala parti mill-preżenzi internazzjonali. Il-Kunsill ta’ l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni kien mistieden jiddetermina l-modalitajiet għall-missjoni u meta jnediha. Is-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) ġie mitlub iħejji l-missjoni f'diskussjoni ma’ l-awtoritajiet responsabbli fil-Kosovo u n-Nazzjonijiet Uniti. F'dan ir-rigward, is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddikjara li n-Nazzjonijiet Uniti, bl-assistenza ta’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, hija impenjata li tassisti lill-Kosovo fil-mixja lejn l-istabbiltà sostenibbli. Is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti innota wkoll ir-rieda ta’ l-UE li jkollha rwol imsaħħaħ fil-Kosovo, kif rifless fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell fl-14 ta’ Diċembru 2007. |
(8) |
Konġuntement ma’ din l-Azzjoni Konġunta, il-Kunsill qiegħed jadotta Azzjoni Konġunta dwar il-ħatra ta’ Rappreżentant Speċjali ta’ l-UE għall-Kosovo. |
(9) |
Konformement mal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew ta’ Nizza tas-7 u d-9 ta’ Diċembru 2000, din l-Azzjoni Konġunta għandha tiddetermina r-rwol tas-SĠ/RGħ skond l-Artikoli 18 u 26 tat-Trattat. |
(10) |
L-Artikolu 14(1) tat-Trattat jitlob l-indikazzjoni tal-finanzi għall-perijodu kollu ta’ implementazzjoni ta’ l-Azzjoni Konġunta. L-indikazzjoni ta’ l-ammonti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea turi r-rieda ta’ l-awtorità politika u hija suġġetta għad-disponibbiltà ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn matul is-sena baġitarja rispettiva. |
(11) |
Fid-dawl tad-daqs u tan-natura tal-missjoni stabbilita minn din l-Azzjoni Konġunta, teżisti l-ħtieġa ta’ provvedimenti speċifiċi dwar ir-reklutaġġ tal-persunal u dwar l-akkwist. |
(12) |
L-istruttura ta’ kmand u kontroll tal-missjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet kuntrattwali tal-Kap tal-Missjoni lejn il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-missjoni. |
(13) |
Il-kapaċità ta’ l-għassa stabbilita fis-Segretarjat tal-Kunsill għandha tiġi attivata għal din il-Missjoni. |
(14) |
Il-Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo ser titwettaq f'sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u tkun ta’ ħsara għall-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:
Artikolu 1
Il-missjoni
1. L-UE b'dan tistabbilixxi l-Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (minn hawn 'il quddiem “EULEX KOSOVO”).
2. EULEX KOSOVO għandha topera skond il-Mandat tal-Missjoni stabbilit fl-Artikolu 2 u twettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 3.
Artikolu 2
Mandat tal-Missjoni
EULEX KOSOVO għandha tassisti lill-istituzzjonijiet tal-Kosovo, lil awtoritajiet ġudizzjarji u lil aġenziji ta’ l-infurzar tal-liġi fil-progress tagħhom lejn is-sostenibbiltà u r-responsabbiltà u fl-iżvilupp u t-tisħiħ ulterjuri ta’ sistema ġudizzjarja multi-etnika indipendenti u servizz tal-pulizija u tad-dwana multi-etniku, filwaqt li jiġi żgurat li dawn l-istituzzjonijiet huma ħielsa minn interferenzi politiċi u jaderixxu ma’ l-istandards rikonoxxuti fl-ambitu internazzjonali u l-aħjar prattika Ewropea.
EULEX KOSOVO, f'koperazzjoni sħiħa mal-Programmi ta’ assistenza tal-Kummissjoni Ewropea, għandha timplimenta l-mandat tagħha permezz ta’ monitoraġġ, iggwidar u konsulenza, filwaqt li żżomm ċerti responsabbiltajiet eżekuttivi.
Artikolu 3
Kompiti
Sabiex jitwettaq il-Mandat tal-Missjoni stabbilit fl-Artikolu 2, EULEX KOSOVO għandha:
(a) tiċċekkja, tiggwida u tagħti pariri lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Kosovo fl-oqsma kollha relatati mas-settur usa' ta’ l-istat tad-dritt (inkluż is-servizz tad-dwana), filwaqt li żżomm ċerti responsabbiltajiet eżekuttivi;
(b) tiżgura ż-żamma u l-protezzjoni ta’ l-istat tad-dritt, l-ordni pubbliku u s-sigurtà anke permezz, skond il-każ, ta’ konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet internazzjonali ċivili rilevanti fil-Kosovo, billi tirtira jew tħassar deċiżjonijiet operattivi meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kosovo;
(c) tgħin jiżgura li s-servizzi kollha ta’ l-istat tad-dritt fil-Kosovo, inkluż servizz tad-dwana, ikunu ħielsa minn interferenzi politiċi;
(d) tiżgura li, b'mod adegwat, isir stħarriġ, titmexxa prosekuzzjoni, jingħataw sentenzi u jsir infurzar, skond il-liġi applikabbli, fir-rigward ta’ każijiet ta’ reati tal-gwerra, terroriżmu, kriminalità organizzata, korruzzjoni, reati inter-etniċi, reati ekonomiċi/finanzjarji u reati serji oħra, anke, skond il-każ, permezz ta’ investigaturi, prosekuturi u mħallfin internazzjonali flimkien ma’ investigaturi, prosekuturi u imħallfin tal-Kosovo jew b'mod indipendenti, u permezz anke, skond il-każ, tal-ħolqien ta’ strutturi ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u dawk tal-prosekuzzjoni;
(e) tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-proċess ġudizzjarju kollu, b'mod partikolari fil-qasam tal-kriminalità organizzata;
(f) tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi u l-kriminalità finanzjarja;
(g) tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Kontra l-Korruzzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni Kontra l-Korruzzjoni tal-Kosovo;
(h) tieħu f'idejha responsabbiltajiet oħra, b'mod indipendenti jew f'appoġġ ta’ l-awtoritajiet kompetenti tal-Kosovo, sabiex tiżgura ż-żamma u l-protezzjoni ta’ l-istat tad-dritt, l-ordni pubbliku u s-sigurtà anke permezz ta’ konsultazzjoni ma’ l-aġenziji rilevanti tal-Kunsill; u
(i) tiżgura li l-attivitajiet kollha tagħha jirrispettaw l-istandards internazzjonali rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi; u
(j) tikkoopera mal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u ta’ Stati terzi fl-eżekuzzjoni tal-mandat tagħha.
Artikolu 3a.
Proċedimenti ġudizzjarji rilokati
1. Għall-finijiet tal-qadi tal-mandat tagħha, inklużi r-responsabbiltajiet eżekuttivi tagħha, kif jinsabu fl-Artikolu 3(a) u (d), EULEX KOSOVO għandha tappoġġa l-proċedimenti rilokati fi Stat Membru, sabiex jiġu proċessati u jiġu ġudikati l-akkużi kriminali li jirriżultaw mill-investigazzjoni tal-allegazzjonijiet li tqajmu f'rapport bl-isem “It-trattament inuman ta' persuni u t-traffikar illeċitu ta' organi tal-bnedmin fil-Kosovo” li nħareġ fit-12 ta' Diċembru 2010 mir-Relatur Speċjali għall-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa.
2. L-imħallfin u l-prosekuturi responsabbli mill-proċedimenti għandu jkollhom indipendenza u awtonomija sħaħ fil-qadi ta' dmirijiethom.
Artikolu 4
Fażi ta’ ppjanar u tħejjija
1. Matul il-fażi ta’ ppjanar u tħejjija tal-missjoni, l-EUPT Kosovo għandu jaġixxi bħala l-element ta’ ppjanar u tħejjija ewlieni għal EULEX KOSOVO.
Il-Kap tal-EUPT Kosovo għandu jaġixxi taħt l-awtorità tal-Kap ta’ EULEX KOSOVO (minn hawn 'il quddiem “il-Kap tal-Missjoni”).
2. Bħala prijorità, għandha titwettaq stima komprensiva tar-riskju bħala parti tal-proċess ta’ ppjanar. Din l-istima tista’ tiġi aġġornata kif meħtieġ.
3. L-EUPT Kosovo għandu jkun responsabbli għar-reklutaġġ u l-iskjerament tal-persunal, il-ksib ta’ l-assi, il-provvisti u s-servizzi, inkluż f'isem EULEX KOSOVO, ffinanzjati mill-baġit ta’ l-EUPT Kosovo.
4. L-EUPT Kosovo għandu jkun responsabbli għat-tfassil tal-Pjan Operattiv (OPLAN) u l-iżvilupp ta’ l-istrumenti tekniċi neċessarji sabiex jiġi esegwit il-mandat ta’ EULEX KOSOVO. L-OPLAN għandu jieħu kont ta’ l-istima komprensiva tar-riskju u għandu jinkludi pjan ta’ sigurtà. Il-Kunsill għandu japprova l-OPLAN.
Artikolu 5
Varar u perijodu ta’ transizzjoni
1. Id-deċiżjoni għall-varar ta' l-EULEX KOSOVO għandha tittieħed mill-Kunsill ma' l-approvazzjoni ta' l-OPLAN. Il-fażi operattiva tal-missjoni tal-PESD għandha tibda mat-trasferiment ta' l-awtorità mill-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo, UNMIK.
2. Matul il-perijodu transitorju, il-Kap tal-Missjoni jista' jistruwixxi lill-EUPT sabiex imexxi l-attivitajiet meħtieġa sabiex il-missjoni tal-PESD tkun operattiva bis-sħiħ dakinhar tat-trasferiment ta' l-awtorità.
Artikolu 6
Struttura ta’ EULEX KOSOVO
1. Il-Missjoni EULEX KOSOVO għandha tkun missjoni ESDP unifikata fil-Kosovo kollu.
2. Il-Missjoni EULEX KOSOVO għandha tistabbilixxi:
(a) il-Kwartier Ġenerali prinċipali tagħha fi Pristina;
(b) uffiċċji fil-Kosovo kollu, kif meħtieġ;
(c) uffiċċji ta’ kollegament, kif meħtieġ; u
(d) element ta’ appoġġ fi Brussell.
Artikolu 7
Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili
1. Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili ta’ l-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għal EULEX KOSOVO.
2. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ), għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-EULEX KOSOVO fil-livell strateġiku.
3. Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni xierqa u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-KPS, anke billi jagħti istruzzjonijiet, fil-livell strateġiku, kif meħtieġ, lill-Kap tal-Missjoni u billi jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.
4. Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-Istat ikkonċernat li jissekonda jew ta’ l-istituzzjoni kkonċernata ta’ l-UE. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, gruppi u unitajiet tagħhom lill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.
5. Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu r-responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza ta’ l-UE jiġi attwat b'mod xieraq.
6. Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili u r-Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (RSUE) għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.
Artikolu 8
Kap tal-Missjoni
1. Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll ta’ EULEX KOSOVO fuq il-post ta’ l-operazzjoni.
1a. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun ir-rappreżentant tal-Missjoni. Il-Kap tal-Missjoni jista' jiddelega kompiti ta' ġestjoni fi kwistjonijiet ta' persunal u kwistjonijiet finanzjarji lil membri tal-persunal tal-Missjoni, taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, gruppi u unitajiet minn Stati kontribwenti kif inkarigat mill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluż fuq l-assi, ir-riżorsi u l-informazzjoni għad-dispożizzjoni ta’ EULEX KOSOVO. L-eżerċizzju ta’ tali kmand u tali kontroll ser ikun mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ l-indipendenza tal-ġudikatura u l-awtonomija tal-prosekuzzjoni meta jitqies it-twettiq tal-kompiti ġudizzjarji ta’ l-imħallfin u l-prosekuturi ta’ EULEX KOSOVO. ►M9 L-Imħallfin u l-Prosekuturi ta' EULEX KOSOVO għandu jkollhom l-ogħla kwalifika professjonali meħtieġa għal-livell jew il-kumplessità tal-materja mressqa quddiemhom u għandhom jinħatru wara proċess ta' għażla indipendenti. ◄
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jagħti istruzzjonijiet lill-persunal kollu ta’ EULEX KOSOVO, inkluż f'dan il-każ l-element ta’ appoġġ fi Brussell, għat-tmexxija effikaċi ta’ EULEX KOSOVO fuq il-post, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha, u billi jsegwi l-istruzzjonijiet tal-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.
4. Sa l-iskadenza ta’ l-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK, il-Kap tal-Missjoni għandu jkun appoġġat mill-EUPT Kosovo stabbilit permezz tagħha.
▼M8 —————
6. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità kkonċernata nazzjonali jew ta’ l-UE.
7. Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta lil EULEX KOSOVO fil-qasam ta’ l-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata ta’ EULEX KOSOVO.
8. Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, skond il-każ, ma’ atturi oħrajn ta’ l-UE fuq il-post. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jirċievi gwida politika lokali mir-RSUE, anke fir-rigward ta’ l-aspetti politiċi ta’ kwistjonijiet relatati ma’ responsabbiltajiet eżekuttivi.
9. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura li l-EULEX KOSOVO taħdem mill-qrib u tikkoordina mal-awtoritajiet kompetenti tal-Kosovo u ma' atturi internazzjonali rilevanti, kif meħtieġ, inklużi n-NATO/KFOR, l-UNMIK, l-OSKE u Stati terzi involuti fl-istat tad-dritt fil-Kosovo.
10. Taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Kap tal-Missjoni, għandha tiġi stabbilita unità interna ta’ kontroll legali u finanzjarju, indipendenti mill-persunal responabbli għall-amministrazzjoni ta’ EULEX KOSOVO.
Artikolu 9
Persunal
1. In-numri u l-kompetenzi tal-persunal ta’ l-EULEX KOSOVO għandhom ikunu konsistenti mal-Mandat tal-Missjoni stabbilit fl-Artikolu 2, il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 3 u l-istruttura ta’ EULEX KOSOVO stabbilita fl-Artikolu 6.
2. EULEX KOSOVO għandha tikkonsisti primarjament minn persunal sekondat mill-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet ta’ l-UE. Kull Stat Membru jew istituzzjoni ta’ l-UE għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe membru tal-persunal sekondat minnhom, inklużi l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar lejn u mill-post ta’ skjerament, is-salarji, il-kopertura medika, u l-benefiċċji, barra l-benefiċċji ta’ kuljum, il-benefiċċji għar-riskji u għax-xogħol iebes.
3. Persunal ċivili internazzjonali u persunal lokali jista’ wkoll jiġi reklutat mill-EULEX KOSOVO, kif meħtieġ, fuq bażi kuntrattwali, jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux ipprovduti mill-persunal sekondat mill-Istati Membri. B’mod eċċezzjonali, f’każijiet debitament ġustifikati, meta ma jkunux disponibbli applikazzjonijiet kwalifikati mill-Istati Membri, ċittadini minn Stati terzi parteċipanti jistgħu jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali, kif adatt.
4. Il-persunal kollu għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-Missjoni. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE ( 12 ).
Artikolu 10
Status ta’ EULEX KOSOVO u tal-persunal tagħha
1. Fejn meħtieġ, l-istatus tal-persunal ta’ EULEX KOSOVO, inklużi, fejn ikun il-każ, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji ulterjuri meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel ta’ EULEX KOSOVO għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim.
2. L-Istat Kontribwenti jew l-istituzzjoni ta’ l-UE li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli sabiex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni marbuta ma’ l-issekondar, minn jew rigward membru tal-persunal. L-Istat Membru jew l-istituzzjoni ta’ l-UE in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli mit-tressiq ta’ kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna sekondata.
3. Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti li għandhom jiġu konklużi bejn il-EULEX KOSOVO u l-membri tal-persunal ikkonċernati.
Artikolu 11
Linja ta’ kmand
1. EULEX KOSOVO għandha jkollha linja ta’ kmand unifikata, bħala operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżi.
2. Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u r-RGħ, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EULEX KOSOVO.
3. Kif stabbilit ukoll fl-Artikolu 7, il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-RGħ, għandu jkun il-kmandant tal-EULEX KOSOVO fil-livell strateġiku u, għaldaqstant, għandu jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni b’istruzzjonijiet u b’konsulenza u appoġġ tekniku.
4. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll ta’ EULEX KOSOVO fuq il-post u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.
Artikolu 12
Kontroll politiku u direzzjoni strateġika
1. Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u r-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EULEX KOSOVO.
2. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dan il-fini, f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat ta’ emenda tal-OPLAN u l-linja ta’ kmand. Din għandha tinkludi wkoll is-setgħat li jittieħdu deċiżjonijiet sussegwenti rigward il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni. Il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ, għandu jiddeċiedi dwar l-objettivi u t-terminazzjoni tal-EULEX KOSOVO.
3. Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.
4. Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom. L-ippjanar fir-rigward ta’ oqsma speċifiċi jista’ jiġi rivedut mill-KPS fuq bażi regolari.
Artikolu 13
Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi
1. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-tfassil ta’ deċiżjonijiet ta’ l-UE u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, l-Istati terzi jistgħu jkunu mistiedna sabiex jikkontribwixxu għal EULEX KOSOVO, dment li jħallsu l-ispejjeż tal-persunal sekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni għar-Riskju Għoli, il-benefiċċji u l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u miż-żona tal-missjoni, u sabiex jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta’ kuljum ta’ EULEX KOSOVO, kif meħtieġ.
2. Stati terzi li jagħmlu kontributi lil EULEX KOSOVO għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f'termini tal-ġestjoni ta’ kuljum ta’ EULEX KOSOVO bħall-Istati Membri li jieħdu sehem fiha.
3. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti dwar l-aċċettazzjoni jew le tal-kontributi proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta’ Kontributuri.
4. Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti dettaljati rigward il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi fi ftehim li għandu jiġi konkluż f’konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat u l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Fejn l-UE u Stat terz jikkonkludu ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ tali Stat terz fl-operazzjonijiet tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EULEX KOSOVO.
Artikolu 14
Sigurtà
1. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta’ sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni xierqa u effettiva tagħhom għal EULEX KOSOVO f’konformità mal-Artikoli 7 u 11 u f'koordinazzjoni mas-SEAE.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli mis-sigurtà ta’ l-operazzjoni u sabiex jiżgura konformità mal-ħtiġiet minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-operazzjoni, skond il-politika ta’ l-UE dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-UE f'kapaċità operattiva skond it-Titolu V tat-Trattat u l-istrumenti li jappoġġawh.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal Superjuri għas-Sigurtà tal-Missjoni (USSM), li jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib ma’ l-Uffiċċju tas-Sigurtà msemmi fil-paragrafu 1.
4. Il-Kap tal-Missjoni għandu jaħtar Uffiċjali tas-Sigurtà Distrettwali fil-postijiet provinċjali u reġjonali ta’ EULEX KOSOVO, li, taħt l-awtorità ta’ l-USSM, ikunu responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ kuljum ta’ l-aspetti kollha ta’ sigurtà ta’ l-elementi rispettivi ta’ EULEX KOSOVO.
5. Il-persunal ta’ EULEX KOSOVO għandu jieħu taħriġ obbligatorju ta’ sigurtà qabel id-dħul tiegħu fil-funzjoni, konformement ma’ l-OPLAN. Għandu jingħatalu ukoll taħriġ regolari ta’ aġġornament fuq il-post, organizzat mill-USSM u mill-Uffiċjali tas-Sigurtà Distrettwali.
6. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura li n-numri tal-persunal preżenti ta’ EULEX KOSOVO u tal-viżitaturi awtorizzati qatt ma jeċċedu l-kapaċitajiet ta’ EULEX KOSOVO li tiżgura s-sigurtà u s-sikurezza tagħhom jew li tmexxi l-evakwazzjoni tagħhom f'sitwazzjoni ta’ emerġenza.
7. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE.
Artikolu 15
Għassa
Il-kapaċità ta’ l-għassa għandha tiġi attivata għal EULEX KOSOVO.
Artikolu 15a.
Arranġamenti legali
Il-EULEX KOSOVO għandha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tikkonkludi kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li timpjega persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li takkwista u tiddisponi mill-assi u tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha, u li tkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din l-Azzjoni Konġunta.
Artikolu 16
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-EULEX KOSOVO sal-14 ta' Ottubru 2010 għandu jkun ta' EUR 265 000 000 .
L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-EULEX KOSOVO mill-15 ta' Ottubru 2010 sal-14 ta' Diċembru 2011 għandu jkun ta' EUR 165 000 000 .
L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-EULEX KOSOVO mill-15 ta' Diċembru 2011 sal-14 ta' Ġunju 2012 għandu jkun ta' EUR 72 800 000 .
L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-EULEX KOSOVO mill-15 ta' Ġunju 2012 sal-14 ta' Ġunju 2013 għandu jkun ta' EUR 111 000 000 .
L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-EULEX KOSOVO mill-15 ta' Ġunju 2013 sal-14 ta' Ġunju 2014 għandu jkun ta' EUR 110 000 000 .
L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-EULEX KOSOVO mill-15 ta' Ġunju 2014 sal-14 ta' Ottubru 2014 għandu jkun ta' EUR 34 000 000 .
L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa ta' EULEX KOSOVO mill-15 ta' Ottubru 2014 sal-14 ta' Ġunju 2015 għandu jkun ta' EUR 55 820 000 .
L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-EULEX KOSOVO mill-15 ta' Ġunju 2015 sal-14 ta' Ġunju 2016 għandu jkun ta' EUR 77 000 000 .
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-UE.
3. Suġġett għall-approvazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, il-Kap tal-Missjoni jista’ jidħol f'arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri ta’ l-UE, ma’ Stati terzi parteċipanti u ma’ atturi internazzjonali oħrajn fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u postijiet lil EULEX KOSOVO. Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi għandhom ikunu permessi jressqu offerti għal kuntratti. Il-pożizzjoni ta’ detentur tal-kuntratt ta’ kuntratti jew arranġamenti konklużi mill-EUPT Kosovo għal EULEX KOSOVO matul il-fażi ta’ ppjanar u tħejjija għandha tiġi trasferita lil EULEX KOSOVO, skond il-każ. Assi ta’ proprjetà ta’ l-EUPT Kosovo għandhom jiġu trasferiti lil EULEX KOSOVO.
4. Il-EULEX KOSOVO għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-għan, il-Missjoni għandha tiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.
5. Il-EULEX KOSOVO għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-mandat li jibda mill-15 ta' Ġunju 2014, bl-eċċezzjoni ta' kwalunkwe pretensjoni relatata ma' kondotta serjament skorretta mill-Kap tal-Missjoni, li għaliha l-Kap tal-Missjoni għandu jerfa' r-responsabbiltà.
6. L-implimentazzjoni tal-arranġamenti finanzjarji għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand kif previst fl-Artikoli 7, 8 u 11 u r-rekwiżiti operazzjonali tal-missjoni EULEX KOSOVO, inkluż il-kompatibilità tat-tagħmir u l-interoperabilità tat-timijiet tagħha.
7. In-nefqa għandha tkun eliġibbli mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din l-Azzjoni Konġunta.
Artikolu 16a.
Ċellula ta' proġetti
1. L-EULEX KOSOVO għandu jkollha Ċellula ta' Proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. Il-EULEX KOSOVO għandha, skont kif ikun meħtieġ, tikkoordina, tiffaċilita, u tipprovdi parir dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u Stati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom f'oqsma marbutin mal-EULEX KOSOVO u b'appoġġ għall-objettivi tagħha.
2. L-EULEX KOSOVO hija awtorizzata li tuża l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri jew ta' Stati terzi għall-implimentazzjoni ta' proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw b'mod konsistenti azzjonijiet oħra tal-EULEX KOSOVO, jekk il-proġett ikun:
(a) previst fid-dikjarazzjoni finanzjarja relatata ma' din l-Azzjoni Konġunta; jew
(b) integrat matul il-mandat permezz ta' emenda għad-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-Kap tal-Missjoni. L-EULEX KOSOVO għandha tikkonkludi arranġament ma' dawk l-Istati, li jkopri b'mod partikolari l-proċeduri speċifiċi għat-trattament ta' kull ilment minn partijiet terzi dwar ħsara kkawżata minħabba atti jew ommissjonijiet mill-EULEX KOSOVO fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati. L-Istati Membri li jikkontribwixxu ma jistgħu f'ebda ċirkostanza jżommu lill-Unjoni jew lir-RGħ responsabbli ta' atti jew ommissjonijiet mill-EULEX KOSOVO fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.
3. Il-KPS għandu jaqbel dwar l-aċċettazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja minn Stati terzi għaċ-Ċellula ta' proġetti.
▼M2 —————
Artikolu 18
Rilaxx ta’ informazzjoni u dokumenti
1. Ir-RGħ huwa awtorizzat li jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti, lin-NATO/KFOR u lil partijiet terzi oħrajn, assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta, informazzjoni klassifikata tal-UE u dokumenti ġġenerati għall-finijiet tal-EULEX KOSOVO sal-livell tal-klassifikazzjoni rilevanti rispettivament għal kull wieħed minnhom, f'konformità mad-Deċiżjoni 2001/488/UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti tekniċi lokali biex dan jiġi ffaċilitat.
2. Fil-każ ta' ħtieġa operazzjonali speċifika u immedjata, ir-RGħ huwa awtorizzat ukoll li jirrilaxxa lill-awtoritajiet lokali kompetenti informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/ EU RESTRICTED” iġġenerati għall-finijiet tal-EULEX KOSOVO, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, tali informazzjoni u dokumenti għandhom jiġu rilaxxati lill-awtoritajiet lokali kompetenti f'konformità mal-proċeduri adatti għal-livell ta' kooperazzjoni ta' dawk l-awtoritajiet mal-UE.
3. Huwa b’dan awtorizzat ir-rilaxx mir-RGħ lin-Nazzjonijiet Uniti, lin-NATO/KFOR, lil partijiet terzi oħrajn, assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta u lill-awtoritajiet lokali rilevanti, dokumenti tal-UE mhux klassifikati relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward tal-EULEX KOSOVO koperti bl-obbligu tas-segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ( 13 ).
4. Jistgħu jiġu ddelegati mir-RGħ dawn l-awtorizzazzjonijiet, kif ukoll il-kapaċità ta’ konklużjoni tal-arranġamenti msemmija hawn fuq, lil persuni mqiegħda taħt l-awtorità tiegħu jew tagħha, lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u/jew lill-Kap tal-Missjoni.
5. L-awtorizzazzjoni mogħtija lir-Rappreżentant Għoli biex jirrilaxxa lil partijiet terzi u lill-awtoritajiet lokali kompetenti informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE ġġenerati għall-finijiet ta' EULEX KOSOVO skont il-paragrafi 1 u 2 m'għandhiex testendi għal informazzjoni miġbura jew dokumenti ġġenerati għall-fini tal-proċedimenti ġudizzjarji li jsiru fil-qafas tal-mandat ta' EULEX KOSOVO. Dan ma jżommx milli tiġi rilaxxata informazzjoni mhux sensittiva marbuta mal-organizzazzjoni amministrattiva jew l-effiċjenza tal-proċedimenti.
Artikolu 19
Rieżami
Il-Kunsill għandu jevalwa, mhux aktar tard minn 6 xhur wara l-iskadenza ta’ din l-Azzjoni Konġunta jekk il-EULEX KOSOVO għandhiex tiġi estiża.
Artikolu 20
Dħul fis-seħħ u perijodu ta’ validità
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Hija għandha tiskadi fl-14 ta' Ġunju 2016. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli, u jqis is-sorsi ta' finanzjament kumplimentari kif ukoll il-kontribuzzjonijiet minn imsieħba oħra, għandu jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-mandat ta' EULEX KOSOVO b'appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati msemmijin fl-Artikolu 3a u l-mezzi finanzjarji meħtieġa relatati jibqgħu fis-seħħ sakemm dawn il-proċedimenti ġudizzjarji jkunu ġew konklużi.
Artikolu 21
Pubblikazzjoni
1. Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
2. Id-deċiżjonijiet tal-KPS skond l-Artikolu 12(1) fir-rigward tal-ħatra tal-Kap tal-Missjoni għandhom ukoll jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
( 1 ) Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244 (1999).
( 2 ) Skont ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
( 3 ) Skont ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
( 4 ) Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244 (1999)
( 5 ) Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244 (1999).
( 6 ) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar status, u huwa konformi mar-RKSNU 1244/99 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza mill-Kosovo.
( 7 ) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar status, u huwa konformi mar-RKSNU 1244/99 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza mill-Kosovo.
( 8 ) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għal pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta' indipendenza tal-Kosovo.
( 9 ) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għal pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244(1999) u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta' indipendenza tal-Kosovo.
( 10 ) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
( 11 ) ĠU L 112, 26.4.2006, p. 19.
( 12 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).
( 13 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).