02007R0861 — MT — 14.01.2017 — 002.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT (KE) NRU 861/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199 31.7.2007, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 |
L 158 |
1 |
10.6.2013 |
|
|
REGOLAMENT (UE) 2015/2421 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-16 ta' Diċembru 2015 |
L 341 |
1 |
24.12.2015 |
|
Ikkoreġut b'
REGOLAMENT (KE) NRU 861/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-11 ta’ Lulju 2007
li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar
KAPITOLU I
SUĠĠETT U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċedura Ewropea għal talbiet żgħar (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar”), bil-ħsieb li tissimplifika u taċċelera l-litigazzjoni dwar talbiet żgħar f’każijiet transkonfinali, u li tnaqqas l-ispejjeż. Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandu jkun disponibbli għal-litiganti bħala alternattiva għall-proċeduri eżistenti taħt il-liġijiet ta’ l-Istati Membri.
Dan ir-Regolament jelimina wkoll il-proċedimenti intermedji meħtieġa għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni, fi Stati Membri oħra, ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu japplika, f’każijiet transkonfinali, għal materji ċivili u kummerċjali, irrispettivament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal, fejn il-valur ta’ talba ma jaqbiżx l-EUR 2 000 fiż-żmien meta l-qorti jew it-tribunal kompetenti jirċievu l-formola tat-talba, esklużi l-interessi, l-ispejjeż u l-infiq kollha. M’għandux japplika, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul pubbliku, dwana jew għal materji amministrativi jew għar-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (“acta jure imperii”).
2. Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal materji li jirrigwardaw:
(a) l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni fiżiċi;
(b) drittijiet ta’ proprjetà derivanti minn relazzjonijiet matrimonjali, obbligi ta’ manteniment u suċċessjoni;
(ċ) il-falliment, proċedimenti relatati ma’ l-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjali, kompożizzjonijiet u proċedimenti analogi;
(d) is-sigurtà soċjali;
(e) l-arbitraġġ;
(f) il-liġi dwar l-impjiegi;
(g) il-kiri ta’ proprjetà immobbli, ħlief azzjonijiet dwar talbiet monetarji;
(h) il-ksur tad-dritt għall-ħajja privata u ta’ drittijiet relatati mal-personalità, inkluża d-diffamazzjoni.
3. F’dan ir-Regolament, it-terminu “Stat Membru” għandu jfisser Stati Membri bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.
Artikolu 3
Każijiet transkonfinali
1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, każ transkonfinali huwa wieħed fejn mill-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru divers mill-Istat Membru tal-qorti jew tat-tribunal fejn tkun saret it-talba.
2. Id-domiċilju għandu jiġi stabbilit skond l-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001.
3. Il-mument rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx każ transkonfinali għandu jkun id-data li fiha tiġi riċevuta l-formola tat-talba mill-qorti jew mit-tribunal kompetenti.
KAPITOLU II
IL-PROĊEDURA EWROPEA GĦAL TALBIET ŻGĦAR
Artikolu 4
Bidu tal-Proċedura
1. L-attur għandu jagħti bidu għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar billi jimla l-formola tat-talba standard A, kif tinsab fl-Anness I, u jippreżentaha fil-qorti jew fit-tribunal kompetenti direttament, bil-posta jew bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni, bħall-fax jew bħall-posta elettronika, aċċettabbli għall-Istat Membru fejn tinbeda l-proċedura. Il-formola tat-talba għandha tinkludi deskrizzjoni tal-provi li jappoġġaw it-talba u tkun akkumpanjata, skond il-każ, minn kwalunkwe dokumenti rilevanti ta’ sostenn.
2. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar liema mezzi ta’ komunikazzjoni ikunu aċċettabbli għalihom. Il-Kummissjoni għandha tagħmel tali informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.
3. Fejn talba ma taqax fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, il-qorti jew it-tribunal għandhom jgħarrfu lill-attur b’dan. Sakemm l-attur ma jirtirax it-talba, il-qorti jew it-tribunal għandhom jipproċedu bit-talba skond il-liġi proċedurali rilevanti applikabbli fl-Istat Membru fejn titmexxa l-proċedura.
4. Fejn il-qorti jew it-tribunal jikkunsidraw li l-informazzjoni pprovduta mill-attur ma tkunx suffiċjentement ċara jew adegwata jew jekk il-formola tat-talba ma tkunx ġiet mimlija sew, u sakemm it-talba ma tkunx tidher manifestament mingħajr bażi jew l-applikazzjoni ma tkunx tidher inammissibbli, huma għandhom jagħtu lill-attur l-opportunità li jimla jew jirrettifika l-formola tat-talba jew li jipprovdi informazzjoni jew dokumenti supplimentari jew li jirtira t-talba, f’tali perijodu li huma jispeċifikaw. Il-qorti jew it-tribunal għandhom jużaw il-formola standard B, kif tinsab fl-Anness II, għal dan il-għan.
Fejn it-talba tkun tidher manifestament mingħajr bażi jew l-applikazzjoni tkun tidher inammissibbli jew l-attur jonqos milli jimla jew jirrettifika l-formola tat-talba fiż-żmien speċifikat, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-formola tat-talba tkun disponibbli fil-qrati u tribunali kollha li fihom tista’ tinbeda l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.
Artikolu 5
Tmexxija tal-Proċedura
1. Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tkun proċedura bil-miktub. Il-qorti jew it-tribunal għandhom jagħmlu seduta orali jekk huma jikkunsidraw li dan ikun meħtieġ jew jekk parti titlob dan. Il-qorti jew it-tribunal jistgħu jiċħdu tali talba jekk huma jikkunsidraw li fir-rigward taċ-ċirkostanzi tal-każ, seduta orali tkun manifestament mhux meħtieġa għat-tmexxija ġusta tal-kawża. Ir-raġunijiet għaċ-ċaħda għandhom jingħataw bil-miktub. Iċ-ċaħda ma tistax tiġi kkontestata separatament.
2. Wara li jirċievu l-formola tat-talba korrettament mimlija, il-qorti jew it-tribunal għandhom jimlew il-Parti I tal-formola ta’ risposta standard C, kif tinsab fl-Anness III.
Għandhom jiġu nnotifikati lill-konvenut, skond l-Artikolu 13, kopja tal-formola tat-talba, u fejn applikabbli, tad-dokumenti ta’ sostenn, flimkien mal-formola ta’ risposta hekk mimlija. Dawn id-dokumenti għandhom jintbagħtu fi żmien 14-il jum mir-riċezzjoni tal-formola tat-talba debitament mimlija.
3. Il-konvenut għandu jippreżenta r-risposta tiegħu fi żmien 30 jum min-notifika tal-formola tat-talba u tal-formola ta’ risposta, billi jimla l-Parti II tal-formola standard ta’ risposta C, akkumpanjata, fejn ikun il-każ, minn kwalunkwe dokument ta’ sostenn rilevanti u jibgħatha lura lill-qorti jew lit-tribunal, jew bi kwalunkwe mod adegwat ieħor li ma jinvolvix l-użu tal-formola ta’ risposta.
4. Fi żmien 14-il jum mir-riċezzjoni tar-risposta mill-konvenut, il-qorti jew it-tribunal għandha tintbagħat lill-attur kopja tagħha, flimkien ma’ kwalunkwe dokument rilevanti ta’ sostenn.
5. Jekk, fir-risposta tiegħu, il-konvenut jiddikjara li l-valur ta’ talba mhux monetarja jeċċedi l-limitu stabbilit fl-Artikolu 2(1), il-qorti jew it-tribunal għandhom jiddeċiedu fi żmien 30 jum minn meta jibagħtu r-risposta lill-attur jekk it-talba taqax fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament. Din id-deċiżjoni ma tistax tiġi kkontestata separatament.
6. Kwalunkwe kontrotalba, li għandha tiġi ppreżentata bl-użu tal-formola standard A, u kwalunkwe dokument rilevanti ta’ sostenn għandhom jiġu nnotifikati lill-attur skond l-Artikolu 13. Dawk id-dokumenti għandhom jintbagħtu fi żmien erbatax-il jum mir-riċezzjoni.
L-attur għandu jkollu 30 jum mid-data tan-notifika sabiex jirrispondi għal kwalunkwe kontrotalba.
7. Jekk il-kontrotalba teċċedi l-limitu stabbilit fl-Artikolu 2(1), it-talba u l-kontrotalba m’għandhomx jipproċedu fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar iżda għandhom jiġu ttrattati skond il-liġi proċedurali rilevanti li tkun applikabbli fl-Istat Membru fejn titmexxa l-proċedura.
L-Artikoli 2 u 4 kif ukoll il-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-kontrotalbiet.
Artikolu 6
Lingwi
1. Il-formola tat-talba, ir-risposta, kwalunkwe kontrotalba, kwalunkwe risposta għal kontrotalba u kwalunkwe deskrizzjoni ta’ dokumenti rilevanti ta’ sostenn għandhom jiġu preżentati bil-lingwa jew waħda mil-lingwi tal-proċedimenti tal-qorti jew tat-tribunal.
2. Jekk xi dokument ieħor li l-qorti jew it-tribunal ikunu rċevew ma jkunx b’lingwa li biha jitmexxew il-proċedimenti, il-qorti jew it-tribunal jistgħu jesiġu traduzzjoni ta’ dak id-dokument fil-każ biss fejn ikun jidher li t-traduzzjoni tkun meħtieġa sabiex tingħata s-sentenza.
3. Fejn parti tirrifjuta li taċċetta dokument minħabba li dan ma jkun fl-ebda waħda mil-lingwi li ġejjin:
(a) il-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru destinatarju jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha tingħata n-notifika jew fejn id-dokument għandu jintbagħat; jew
(b) lingwa li d-destinatarju jifhem,
il-qorti jew it-tribunal għandhom jinformaw lill-parti l-oħra b’dan, bil-ħsieb li dik il-parti tipprovdi traduzzjoni tad-dokument.
Artikolu 7
Konklużjoni tal-Proċedura
1. Fi żmien 30 jum wara r-riċezzjoni tar-risposta mill-konvenut jew mill-attur fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 5(3) jew (6), il-qorti jew it-tribunal għandhom jagħtu sentenza, jew:
(a) jesiġu dettalji ulterjuri dwar it-talba mill-partijiet f’perijodu speċifikat ta’ żmien, li ma jeċċedix 30 jum;
(b) jieħdu l-provi skond l-Artikolu 9; jew
(ċ) jordnaw l-attendenza tal-partijiet għal seduta orali li għandha tinżamm fi żmien 30 jum miċ-ċitazzjoni.
2. Il-qorti jew it-tribunal għandhom jagħtu s-sentenza fi żmien 30 jum minn kwalunkwe seduta orali jew wara li jkunu rċevew l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tingħata s-sentenza. Is-sentenza għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet skond l-Artikolu 13.
3. Jekk il-qorti jew it-tribunal ma jkunux irċevew risposta mill-parti rilevanti fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 5 (3) jew (6), għandhom jagħtu s-sentenza fir-rigward tat-talba jew tal-kontrotalba.
Artikolu 8
Seduta orali
Il-qorti jew it-tribunal jistgħu jagħmlu seduta orali permezz ta’ konferenza video jew ta’ xi teknoloġija oħra ta’ komunikazzjoni jekk il-mezzi tekniċi jkunu disponibbli.
Artikolu 9
It-teħid tal-prova
1. Il-qorti jew it-tribunal għandhom jiddeterminaw il-mezzi għat-teħid tal-prova u l-entità meħtieġa tal-prova għas-sentenza tagħhom skond ir-regoli applikabbli għall-ammissibbiltà tal-prova. Il-qorti jew it-tribunal jistgħu jaċċettaw it-teħid tal-prova permezz ta’ stqarrijiet ta’ xhieda, ta’ esperti jew tal-partijiet bil-miktub. Jistgħu jaċċettaw ukoll it-teħid tal-prova permezz ta’ konferenza video jew ta’ xi teknoloġija oħra ta’ komunikazzjoni jekk il-mezzi tekniċi jkunu disponibbli.
2. Il-qorti jew it-tribunal jistgħu jisimgħu x-xiehda ta’ esperti jew xiehda orali biss jekk dan ikun meħtieġ għas-sentenza. Fit-teħid tad-deċiżjoni, il-qorti jew it-tribunal għandhom jieħdu kont ta’ l-ispejjeż.
3. Il-qorti jew it-tribunal għandhom jagħżlu l-metodu ta’ teħid tal-prova li jkun l-aktar sempliċi u li jkun l-inqas oneruż.
Artikolu 10
Rappreżentanza tal-partijiet
Ir-rappreżentanza minn avukat jew minn professjonist legali ieħor ma’ għandhiex tkun obbligatorja.
Artikolu 11
Assistenza lill-partijiet
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun disponibbli għall-partijiet assistenza prattika sabiex jimlew il-formoli.
Artikolu 12
L-ambitu ta’ l-awtorità tal-qorti jew tat-tribunal
1. Il-qorti jew it-tribunal m’għandhomx jesiġu li l-partijiet jagħmlu xi valutazzjoni ġuridika tat-talba.
2. Jekk ikun meħtieġ, il-qorti jew it-tribunal għandhom jinformaw lill-partijiet dwar kwistjonijiet proċedurali.
3. Kull meta jkun xieraq, il-qorti jew it-tribunal għandhom ifittxu soluzzjoni bonarja bejn il-partijiet.
Artikolu 13
Notifika ta’ dokumenti
1. Id-dokumenti għandhom jiġu nnotifikati permezz ta’ servizz postali attestat b’konferma tar-riċevuta inkluża d-data tar-riċevuta.
2. Jekk ma tkunx possibbli n-notifika skond il-paragrafu 1, in-notifika tista’ ssir bi kwalunkwe metodu previst fl-Artikoli 13 jew 14 tar-Regolament (KE) Nru 805/2004.
Artikolu 14
Limiti ta’ żmien
1. Fejn l-qorti jew it-tribunal jiffissaw skadenza, il-parti konċernata għandha tiġi informata bil-konsegwenzi jekk ma tiġix rispettata dik l-iskadenza.
2. Il-qorti jew it-tribunal jistgħu jestendu l-limiti ta’ żmien previsti fl-Artikolu 4(4), fl-Artikolu 5(3) u (6) u fl-Artikolu 7(1), f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jekk dan ikun meħtieġ sabiex jiġu salvagwardati d-drittijiet tal-partijiet.
3. Jekk, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, ma jkunx possibbli għall-qorti jew għat-tribunal li jirrispettaw il-limiti ta’ żmien previsti fl-Artikolu 5(2) sa (6), kif ukoll fl-Artikolu 7, huma għandhom jieħdu l-passi meħtieġa minn dawk id-dispożizzjonijiet mill-aktar fis possibbli.
Artikolu 15
L-eżekutorjetà tas-sentenza
1. Is-sentenza għandha tkun eżegwibbli minkejja kwalunkwe appell possibbli. Ma’ għandux ikun meħtieġ l-għoti ta’ garanzija.
2. L-Artikolu 23 għandu japplika wkoll fil-każ li s-sentenza jkollha tiġi eżegwita fl-Istat Membru fejn ingħatat is-sentenza.
Artikolu 16
Spejjeż
Il-parti telliefa għandha tħallas l-ispejjeż tal-kawża. Madankollu, il-qorti jew it-tribunal m’għandhomx jaġġudikaw l-ispejjeż lill-parti li favur tagħha tinqata’ l-kawża safejn dawn ma jkunux saru mingħajr ħtieġa jew ma jkunux proporzjonati għat-talba.
Artikolu 17
Appell
1. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni jekk appell ikunx disponibbli skond il-liġi proċedurali tagħhom kontra sentenza mogħtija fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u f’liema limitu ta’ żmien għandu jsir tali appell. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli pubblikament.
2. L-Artikolu 16 għandu japplika għal kwalunkwe appell.
Artikolu 18
Standards minimi għar-reviżjoni tas-sentenza
1. Il-konvenut għandu jkun intitolat li japplika għar-reviżjoni tas-sentenza mogħtija fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar quddiem il-qorti jew tribunal kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn ingħatat is-sentenza fejn:
(a)
(i) il-formola tat-talba jew iċ-ċitazzjoni għal seduta orali ġew notifikati b’metodu mingħajr prova ta’ riċevuta mogħtija minnu personalment, kif previst fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 805/2004, u
(ii) in-notifika ma saritx fi żmien suffiċjenti li jippermettilu li jipprepara d-difiża tiegħu bla ebda nuqqas min-naħa tiegħu,
jew
(b) il-konvenut ġie impedit milli joġġezzjona għat-talba għal raġuni ta’ force majeure, jew minħabba ċirkostanzi straordinarji mingħajr l-ebda nuqqas min-naħa tiegħu,
sakemm huwa jaġixxi fil-pront.
2. Jekk il-qorti jew it-tribunal jiċħdu r-reviżjoni abbażi li ma tkun tapplika ebda waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, is-sentenza għandha tibqa’ fis-seħħ.
Jekk il-qorti jew it-tribunal jiddeċiedu li r-reviżjoni tkun ġustifikata abbażi ta’ xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, is-sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tkun nulla.
Artikolu 19
Liġi proċedurali applikabbli
Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tkun regolata mil-liġi proċedurali ta’ l-Istat Membru li fih titmexxa l-proċedura.
KAPITOLU III
RIKONOXXIMENT U EŻEKUZZJONI FI STAT MEMBRU IEĦOR
Artikolu 20
Rikonoxximent u eżekuzzjoni
1. Sentenza mogħtija fi Stat Membru fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tiġi rikonoxxuta u eżegwita fi Stat Membru ieħor mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ eżekutorjetà u mingħajr l-ebda possibbiltà li jiġi oppost ir-rikonoxximent tagħha.
2. Fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, il-qorti jew it-tribunal għandhom joħorġu ċertifikat dwar sentenza fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar bl-użu tal-formola standard D, kif tinsab fl-Anness IV, mingħajr ma jintalab xi ħlas addizzjonali.
Artikolu 21
Proċedura ta’ eżekuzzjoni
1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni għandhom ikunu regolati mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni.
Sentenza li tingħata fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tiġi eżegwita taħt l-istess kondizzjonijiet bħal sentenza mogħtija fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni.
2. Il-parti li titlob l-eżekuzzjoni għandha tipproduċi:
(a) kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha; u
(b) kopja taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 20(2) u, fejn meħtieġ, it-traduzzjoni tiegħu bil-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-proċedimenti tal-qorti jew tribunal tal-post fejn tintalab l-eżekuzzjoni skond il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, jew b’lingwa oħra li l-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni jkun indika li jista’ jaċċetta. Kull Stat Membru jista’ jindika l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea, diversi minn tiegħu stess li hu jkun jista’ jaċċetta għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Il-kontenut tal-formola D għandu jiġi tradott minn persuna kwalifikata sabiex tagħmel it-traduzzjonijiet f’wieħed mill-Istati Membri.
3. Il-parti li titlob l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar fi Stat Membru ieħor m’għandhiex tkun meħtieġa li jkollha:
(a) rappreżentant awtorizzat; jew
(b) indirizz postali
fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni, minbarra aġenti bil-kompetenza fil-proċedura ta’ l-eżekuzzjoni.
4. L-ebda garanzija, pleġġ jew depożitu, irrispettivament mid-deskrizzjoni tagħhom, m’għandhom ikunu meħtieġa minn xi parti li, fi Stat Membru wieħed, tapplika għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar fi Stat Membru ieħor minħabba li tkun ċittadin barrani jew li ma jkollhiex id-domiċilju tagħha jew ir-residenza fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni.
Artikolu 22
Ċaħda ta’ l-eżekuzzjoni
1. L-eżekuzzjoni, ma’ l-applikazzjoni mill-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, għandha tiġi miċħuda mill-qorti jew mit-tribunal kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni jekk is-sentenza mogħtija fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza preċedenti mogħtija fi kwalunkwe Stat Membru ieħor jew f’pajjiz terz, sakemm:
(a) is-sentenza preċedenti tkun involviet l-istess kawża ta’ azzjoni u kienet bejn l-istess partijiet;
(b) is-sentenza preċedenti ngħatat fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni jew tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni; u
(ċ) l-irrikonċiljabbiltà ma tqajmitx u ma setgħetx titqajjem bħala oġġezzjoni fil-proċedimenti tal-qorti jew tribunal fl-Istat Membru fejn ingħatat is-sentenza fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.
2. Sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar ma’ għandha taħt l-ebda ċirkostanza tiġi riveduta fir-rigward tas-sustanza tagħha fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni.
Artikolu 23
Sospensjoni jew limitazzjoni ta’ l-eżekuzzjoni
Fejn parti kkontestat sentenza mogħtija fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar jew tali kontestazzjoni għadha possibbli, jew fejn parti għamlet applikazzjoni għal reviżjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 18, il-qorti, it-tribunal jew l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni jistgħu, fuq applikazzjoni mill-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni:
(a) jillimitaw l-proċedimenti ta’ l-eżekuzzjoni għal miżuri protettivi;
(b) jagħmlu l-eżekuzzjoni kondizzjonali fuq l-għoti ta’ tali garanzija kif huma jiddeterminaw; jew
(ċ) taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, jissospendu l-proċedimenti ta’ l-eżekuzzjoni.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 24
Informazzjoni
L-Istati Membri għandhom jikkoperaw sabiex jipprovdu lill-pubbliku ġenerali u lill-ambjenti professjonali b’informazzjoni dwar il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, inklużi l-ispejjeż, b’mod partikolari permezz tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f’Materji Ċivili u Kummerċjali stabbilit skond id-Deċiżjoni 2001/470/KE.
Artikolu 25
Informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri
1. Sat-13 ta' Jannar 2017 l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni:
(a) il-qrati jew it-tribunali kompetenti sabiex jagħtu sentenza fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar;
(b) il-mezzi ta' komunikazzjoni aċċettati għall-finijiet tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u disponibbli għall-qrati jew tribunali skont l-Artikolu 4(1);
(c) l-awtoritajiet jew l-organizzazzjonijiet kompetenti biex jipprovdu għajnuna prattika skont l-Artikolu 11;
(d) il-mezzi ta' notifika u komunikazzjoni elettroniċi li huma teknikament disponibbli u ammissibbli taħt ir-regoli proċedurali tagħhom f'konformità mal-Artikolu 13(1), (2) u (3), u l-mezzi, jekk hemm, sabiex jesprimu aċċettazzjoni minn qabel tal-użu ta' mezzi elettroniċi kif meħtieġ mill-Artikolu 13(1) u (2) disponibbli skont il-liġi nazzjonali tagħhom;
(e) il-persuni jew tipi ta' professjonijiet, jekk hemm, taħt obbligu legali li jaċċettaw notifika ta' dokumenti jew komunikazzjonijiet bil-miktub oħrajn b'mezzi elettroniċi f'konformità mal-Artikolu 13(1) u (2);
(f) it-tariffi tal-qorti tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar jew kif jiġu kkalkulati, kif ukoll il-metodi ta' ħlas aċċettati għall-ħlas tat-tariffi tal-qorti skont l-Artikolu 15a;
(g) kwalunkwe appell disponibbli skont il-liġi proċedurali tagħhom f'konformità mal-Artikolu 17, il-perijodu ta' żmien li fih għandu jitressaq tali appell, u l-qorti jew tribunal li quddiemu jista' jitressaq tali appell;
(h) il-proċeduri għall-applikazzjoni għal reviżjoni kif previst fl-Artikolu 18 u l-qrati jew tribunal kompetenti għal tali reviżjoni;
(i) il-lingwi li huma jaċċettaw skont l-Artikolu 21a(1); u
(j) l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-eżekuzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 23.
L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla sussegwenti għal dik l-informazzjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha tara li l-informazzjoni kkomunikata f'konformità mal-paragrafu 1 tkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta' mezzi xierqa, pereżempju bħall-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.
Artikolu 26
Miżuri implimentattivi
Il-miżuri maħsuba sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inklużi dawk li jissuplimentawh, relatati ma’ aġġornamenti jew emendi tekniċi tal-formoli fl-Annessi għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2).
Artikolu 27
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.
Artikolu 28
Reviżjoni
Sa l-1 ta’ Jannar 2014 il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dettaljat li jirrivedi l-operazzjoni tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, anke dwar il-limitu tal-valur tat-talba msemmi fl-Artikolu 2(1). Dak ir-rapport għandu jkun fih valutazzjoni tal-proċedura kif ġiet operata u stima estiża ta’ l-impatt għal kull Stat Membru.
Għal dak il-għan u sabiex jiġi żgurat li l-aħjar prattika fl-Unjoni Ewropea tkun debitament meqjusa u tirrifletti l-prinċipji ta’ leġislazzjoni aħjar, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni relatata ma’ l-operazzjoni transkonfinali tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Din l-informazzjoni għandha tkopri l-miżati tal-qorti, ir-rapidità tal-proċedura, l-effikaċja, il-faċilità ta’ l-użu u l-proċeduri interni għal talbiet żgħar ta’ l-Istati Membri.
Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jkun akkumpanjat, fejn ikun il-każ, bi proposti għall-adattament.
Artikolu 29
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 25, li għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2008.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.
KAPITOLU I
ANNESS II
ANNESS III
ANNESS IV