2007R0708 — MT — 24.04.2011 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 708/2007

tal-11 ta' Ġunju 2007

dwar l-użu ta' speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura

(ĠU L 168, 28.6.2007, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 506/2008 tas-6 ta’ Ġunju 2008

  L 149

36

7.6.2008

►M2

Regolament (UE) Nru 304/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011

  L 88

1

4.4.2011




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 708/2007

tal-11 ta' Ġunju 2007

dwar l-użu ta' speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 u l-Artikolu 299(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 1 ),

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat, il-ħtiġiet tal-protezzjoni ambjentali jridu jkunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet Komunitarji, partikolarment bil-ħsieb tal-promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli.

(2)

L-akkwakultura hija settur li qed jikber malajr fejn l-innovazzjoni u ftuħ ġodda qed jiġu esplorati. Sabiex il-produzzjoni tiġi adattata għall-kundizzjonijiet tas-suq, huwa importanti li l-industrija ta' l-akkwakultura tiddiversifika l-ispeċi li jitrabbew.

(3)

L-akkwakultura fl-imgħoddi bbenefikat ekonomikament mill-introduzzjoni ta' speċi aljeni u t-traslokazzjoni ta' speċi li ma jinstabux lokalment (per eżempju r-rainbow trout, il-gajdra tal-Paċifiku u s-salamun) u l-objettiv ta' politika għall-ġejjieni huwa li jiġu ottimizzati l-benefiċċji marbuta ma' l-introduzzjonijiet u t-traslokazzjonijiet filwaqt li fl- istess ħin jiġu evitati t-tibdil fl-ekosistemi, issir prevenzjoni ta' interazzjoni bijoloġika negattiva, inkluż it-tibdil ġenetiku, ma' popolazzjonijiet indiġeni u jiġi ristrett it-tixrid ta' speċi mhux fil-mira u l-impatti negattivi fuq il-ħabitats naturali.

(4)

Speċi aljeni invażivi ġew identifikati bħala waħda mill-kawżi ewlenin tat-telfien ta' speċi indiġeni u tal-ħsara għall-bijodiversità. Skond l-Artikolu 8(h) tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (is-CBD), li għaliha l-Komunità hija Parti, il-Partijiet Kontraenti huma meħtieġa, kemm jista' jkun u kif inhu xieraq, jipprevjenu l-introduzzjoni ta', jikkontrollaw jew jeqirdu dawk l-ispeċi aljeni li jheddu lill-ekosistemi, il-ħabitats jew l-ispeċi. B'mod partikolari, il-Konferenza tal-Partijiet għas-CBD adottat id-Deċiżjoni VI/23 dwar l-ispeċi aljeni li jheddu lill-ekosistemi, il-ħabitats jew l-ispeċi, u l-anness tagħha jistipula l-Prinċipji Gwida għall-prevenzjoni, l-introduzzjoni u l-mitigazzjoni ta' l-impatti ta' tali speċi aljeni.

(5)

It-traslokazzjoni ta' speċi minn żoni fil-firxa naturali tagħhom għal żoni fejn ma jinstabux lokalment għal raġunijiet bijo-ġeografiċi speċifiċi tista' wkoll tippreżenta riskji għall-ekosistemi f'dawn iż-żoni u għandhom ukoll ikunu koperti minn dan ir-Regolament.

(6)

Il-Komunità għandha għalhekk tiżviluppa l-qafas tagħha stess sabiex tiżgura protezzjoni adegwata tal-ħabitats akkwatiċi mir-riskji assoċjati ma' l-użu ta' speċi mhux indiġeni fl-akkwakultura. Dan il-qafas għandu jinkludi proċeduri għall-analiżi tar-riskji potenzjali, it-teħid ta' miżuri bbażati fuq il-prinċipji ta' prevenzjoni u prekawzjoni u l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' kontinġenza fejn ikunu meħtieġa. Dawn il-proċeduri għandhom jibnu fuq l-esperjenza miksuba permezz tal-oqfsa volontarji eżistenti, u notevolment il-Kodiċi ta' Prattika tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) dwar l-Introduzzjonijeit u t-Trasferimenti ta' Organiżmi tal-Baħar u l-Kodiċi ta' Prattika u l-Manwal tal-Proċeduri tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar is-Sajd Intern Ewropew (EIFAC) sabiex jitqiesu l-introduzzjoni u t-trasferiment ta' organiżmi tal-baħar u ta' l-ilma ħelu.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar il-valutazzjoni ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent ( 2 ), id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa ( 3 ), u d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma ( 4 ), id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa ta' l-annimali għall-annimali ta' l-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard fl-annimali akkwatiċi ( 5 ).

(8)

Ir-riskji potenzjali, li f'xi każijiet jistgħu jkunu estensivi, huma għall-bidu aktar evidenti lokalment. Il-karatteristiċi ta' ambjenti akkwatiċi lokali fil-Komunità kollha huma ferm varjati u l-Istati Membri għandhom l-għarfien u l-kompetenzi adegwati biex jevalwaw u jimmaniġġjaw ir-riskji għall-ambjenti akkwatiċi li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħhom. Huwa għalhekk xieraq li l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament taqa' primarjament taħt ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri.

(9)

Għandu jittieħed kont tal-fatt li ċaqliq ta' speċi aljeni jew li ma jinstabux lokalment li għandhom isiru f'faċilitajiet magħluqa ta' l-akkwakultura li huma siguri u li jippreżentaw riskju ferm baxx ta' ħrib m'għandhomx ikunu soġġetti għal valutazzjoni tar-riskju ambjentali minn qabel.

(10)

Madankollu, f'każijiet fejn ir-riskji mhumiex negliġibbli u jistgħu jaffettwaw lil Stati Membri oħra għandu jkun hemm sistema Komunitarja għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati u l-validazzjoni tal-permessi qabel ma jingħataw mill-Istati Membri. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) stabbilit taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd ( 6 ) għandu jipprovdi l-parir xjentifiku f'din il-konsultazzjoni u l-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/478/KEE ( 7 ) għandu jagħti l-parir ta' partijiet interessati fil-qasam ta' l-akkwakultura u l-protezzjoni ambjentali.

(11)

Xi speċi aljeni intużaw komunement fl-akkwakultura għal żmien twil f'ċerti partijiet tal-Komunità. L-attivitajiet konnessi ma' dan għandhom għaldaqstant jibbenefikaw minn trattament differenzjali li jiffaċilita l-iżvilupp tagħhom mingħajr ebda piż amministrattiv addizzjonali bil-kondizzjoni li s-sors ikun jista' jipprovdi stokk li ma fihx speċi mhux fil-mira. L-Istati Membri li jixtiequ restrizzjonijiet fuq l-użu ta' tali speċi li ilhom jintużaw fit-territorju tagħhom għandu jkollhom il-permess jagħmlu dan.

(12)

Xejn f'dan ir-Regolament m'għandu jwaqqaf lill-Istati Membri milli jirregolaw it-trobbija ta' speċi aljeni jew li ma jinstabux lokalment f'akkwarji privati jew f'vaski tal-ġonna permezz ta' regolamenti nazzjonali.

(13)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni ( 8 ).

(14)

Minħabba raġunijiet ta' effiċjenza, il-proċedura għall-emendi ta' l-Annessi I, II, III u IV ta' dan ir-Regolament, meħtieġa biex dawn jiġu adattati għall-progress tekniku u xjentifiku għandha tkun il-proċedura ta' l-amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas li jirregola l-prassi fl-akkwakultura fir-rigward ta' speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment sabiex jiġi evalwat u mnaqqas kemm jista' jkun l-impatt possibbli ta' dawn u kwalunkwe speċi assoċjata mhux fil-mira fuq il-ħabitats akkwatiċi u b'dan il-mod jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tas-settur.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika għall-introduzzjoni ta' speċi aljeni u t-traslokazzjoni ta' speċi li huma lokalment assent għall-użu tagħhom fl-akkwakultura ►M2  fl-Unjoni ◄ li sseħħ wara d-data li fiha jsir applikabbli dan ir-Regolament bis-saħħa ta' l-Artikolu 25(1).

2.  Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal traslokazzjonijiet ta' speċi li ma jinstabux lokalment fi ħdan l-Istati Membri, ħlief għal każijiet fejn, abbażi tal-parir xjentifiku, jeżistu raġunijiet għall-previżjoni ta' theddid ambjentali minħabba t-traslokazzjoni. Fil-każ li kumitat konsultattiv ikun inħatar skond l-Artikolu 5, huwa jkun responsabbli għall-valutazzjoni tar-riskji.

3.  Dan ir-Regolament għandu jkopri l-attivitajiet kollha ta' l-akkwakultura li jinsabu fil-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri, irrispettivament mid-daqs jew il-karatteristiċi tagħhom. Huwa għandu jkopri l-organiżmi akkwatiċi aljeni u assenti lokalment mrobbija kollha. Huwa għandu jkopri l-akkwakultura li tuża kwalunkwe forma ta' mezz akwatiku.

4.  Dan ir-Regolament m'għandux japplika għat-trobbija ta' annimali jew pjanti akkwatiċi ornamentali fi ħwienet ta' l-annimali domestiċi, garden centres, f'vaski tal-ġonna jew akkwarji li jikkonformaw ma' l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/656/KE tal-20 ta' Settembru li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali u r-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni għall-importazzjoni tal-ħut għal skopijiet ornamentali ( 9 ) jew f'faċilitajiet li huma mgħammra b'sistemi tat-trattament ta' l-effluwent li jissodisfaw l-għanijiet imniżżla fl-Artikolu 1.

►M2  5.  Dan ir-Regolament, ħlief għall-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 4(2)(a), m’għandux japplika għall-ispeċi elenkati fl-Anness IV. ◄ Il-valutazzjoni tar-riskju fl-Artikolu 9 m'għandhiex tapplika għal speċi elenkati fl-Anness IV ħlief f'każijiet fejn l-Istati Membri jixtiequ jieħdu miżuri biex jimponu restrizzjonijiet fuq l-użu ta' l-ispeċi ikkonċernati fit-territorju tagħhom.

6.  Iċ-ċaqliq ta' speċi aljeni jew li ma jinstabux lokalment li għandhom isiru f'faċilitajiet magħluqa ta' l-akkwakultura m'għandhomx ikunu soġġetti għal valutazzjoni tar-riskju ambjentali minn qabel ħlief f'każijiet fejn l-Istati Membri jixtiequ jieħdu miżuri xierqa.

▼M2

7.  Il-Kapitoli III sa VI m’għandhomx japplikaw għal ċaqliq ta’ speċi aljeni jew li ma jinstabux lokalment li jkunu ser jinżammu f’faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura, bil-kondizzjoni li t-trasport iseħħ taħt kondizzjonijiet li jipprevjenu l-ħrib ta’ dawk l-ispeċi u tal-ispeċi mhux fil-mira.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu lista ta’ faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura fit-territorju tagħhom li jikkonformaw mad-definizzjoni fl-Artikolu 3(3) u jaġġornaw regolarment dik il-lista. Sal-25 ta’ Ottubru 2011 il-lista għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-Internet imwaqqaf f’konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 535/2008 ( 10 ) li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

▼B

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1. “akkwakultura” tfisser l-attività definita fl-Artikolu 3, paragrafu (d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew tas-Sajd ( 11 );

2. “faċilità miftuħa ta' l-akkwakultura” tfisser faċilità fejn l-akkwakultura titmexxa f'mezz akkwatiku li mhux separat mill-mezz akkwatiku selvaġġ permezz ta' ostakoli li jipprevjenu l-ħarba ta' eżemplari mrobbija jew materjali bijoloġiċi li jistgħu jibqgħu ħajjin u sussegwentement jirriproduċu;

▼M2

3. “Faċilità magħluqa tal-akkwakultura” tfisser faċilità fuq l-art:

(a) fejn:

(i) l-akkwakultura ssir f’ambjent akkwatiku li jinvolvi riċirkolazzjoni tal-ilma; u

(ii) it-tnixxijiet ma jkunu konnessi bl-ebda mod mal-ilmijiet miftuħa qabel ma jiġu mgħarbula u iffiltrati jew ipperkolati u ttrattati għall-prevenzjoni tar-rilaxx tal-iskart solidu fl-ambjent akkwatiku u tal-ħrib mill-faċilità ta’ speċi kkoltivati u speċi mhux fil-mira li jistgħu jibqgħu ħajjin u sussegwentement jirriproduċu;

(b) u li:

(i) tipprevjeni t-telf ta’ eżemplari mrobbija jew speċi mhux fil-mira u materjal bijoloġiku ieħor, inklużi patoġeni, minħabba fatturi, bħal predaturi (eż. għasafar) u għargħar (eż. il-faċilità trid tkun f’distanza sikura ‘l bogħod mill-ilmijiet miftuħa wara li ssir valutazzjoni xierqa mill-awtoritajiet kompetenti);

(ii) tipprevjeni b’mod raġonevoli t-telf ta’ eżemplari mrobbija jew speċi mhux fil-mira u materjal bijoloġiku ieħor, inklużi l-patoġeni, minħabba serq jew vandaliżmu; u

(iii) tiżgura rimi xieraq tal-organiżmi mejtin;

▼B

4. “organiżmi akkwatiċi” tfisser kwalunkwe speċi li tgħix fl-ilma li tagħmel parti mir-Renji ta' l-Animalia, il-Plantae u l-Protista, li jinkludu kwalunkwe parti, gameti, żrieragħ, bajd jew propaguli ta' l-individwi tagħhom li jistgħu jibqgħu ħajjin u sussegwentement jirriproduċu;

5. “Organiżmi poliplojdi” tfisser organiżmi tetraplojdi indotti artifiċjalment (4N). Dawn huma organiżmi akkwatiċi li fihom in-numru ta' kromożomi fiċ-ċelloli ġie rduppjat permezz ta' tekniki ta' manipulazzjoni taċ-ċelloli;

6. “speċi aljena” tfisser:

(a) speċi jew sottospeċi ta' organiżmu akkwatiku li jinsab barra mill-firxa naturali magħrufa tiegħu u miż-żona tal-potenzjal ta' tixrid naturali tagħhom;

(b) organiżmi poliplojdi, u speċi fertili artifiċjalment ibridizzati irrispettivament mill-firxa naturali jew il-potenzjal ta' tixrid tagħhom;

7. “speċi li ma jinstabux lokalment” tfisser speċi jew sottospeċi ta' organiżmu akkwatiku li ma jinstabx lokalment minn żona fi ħdan il-firxa naturali ta' distribuzzjoni tagħha għal raġunijiet bijoġeografiċi;

8. “speċi mhux fil-mira” tfisser kwalunkwe speċi jew sottospeċi ta' organiżmu akkwatiku li x'aktarx li jkun ta' detriment għall-ambjent akkwatiku li jiġi mċaqlaq aċċidentalment flimkien ma organiżmu akkwatiku li qed jiġi introdott jew traslokat li ma jinkludix organizmi li jikkawżaw il-mard li huma koperti mid-Direttiva 2006/88/KE;

9. “ċaqliq” tfisser introduzzjoni u/jew traslokazzjoni;

10. “introduzzjoni” tfisser il-proċess li bih speċi aljena tiġi mċaqilqa intenzjonalment għal ambjent barra mill-firxa naturali tagħha sabiex tintuża fl-akkwakultura;

11. “traslokazzjoni” tfisser il-proċess li bih speċi li ma tinstabx lokalment jiġi mċaqlaq intenzjonalment fi ħdan il-firxa naturali tiegħu sabiex jintuża fl-akkwakultura għal żona fejn ma kienx jeżisti qabel minħabba raġunijiet bijoġeografiċi;

12. “rilaxx pilota” tfisser l-introduzzjoni ta' speċi aljeni jew it-traslokazzjoni ta' speċi li ma tinstabx lokalment fuq skala limitata għal valutazzjoni ta' l-interazzjoni ekoloġika ma' speċi indiġeni u ħabitats sabiex jiġu ttestjati l-assunzjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju;

13. “applikant” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità li tipproponi li tmexxi l-introduzzjoni jew it-traslokazzjoni ta' organiżmu akkwatiku;

14. “kwarantina” tfisser proċess li bih organiżmi akkwatiċi u kwalunkwe wieħed mill-organiżmi assoċjati tagħhom jistgħu jinżammu f'iżolament totali mill-ambjent cirkostanti;

15. “faċilità ta' kwarantina” tfisser faċilità li fiha organiżmi akkwatiċi u kwalunkwe wieħed mill-organiżmi assoċjati tagħhom jistgħu jinżammu f'iżolament totali mill-ambjent ċirkostanti;

▼M2

16. “ċaqliq ta’ rutina” tfisser iċ-ċaqliq ta’ organiżmi akkwatiċi minn sors li jkollu riskju baxx ta’ trasferiment ta’ speċi mhux fil-mira u li, minħabba l-karatteristiċi tal-organiżmi akkwatiċi u/jew il-metodu ta’ akkwakultura li se jintuża, ma jagħtix lok għal effetti ekoloġiċi negattivi;

▼B

17. “ċaqliq mhux ta' rutina” jfisser kwalunkwe ċaqliq ta' organiżmi akkwatiċi li ma jissodisfax il-kriterji għal ċaqliq ta' rutina;

18. “Stat Membru riċeventi” tfisser l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tiġi introdotta l-ispeċi aljena jew li fih tiġi ttraslokata l-ispeċi li ma tinstabx lokalment;

19. “Stat Membru mittenti” tfisser l-Istat Membru li mit-territorju tiegħu tiġi introdotta l-ispeċi aljena jew li minnu tiġi ttraslokata l-ispeċi li ma tinstabx lokalment.



KAPITOLU II

OBBLIGI ĠENERALI TA' L-ISTATI MEMBRI

Artikolu 4

Miżuri sabiex jiġu evitati l-effetti avversi

 

 ◄

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi għall-bijodiversità, u speċjalment għall-ispeċi, il-ħabitats u l-funzjonijiet ta' l-ekosistemi li jistgħu jkunu mistennija li jirriżultaw mill-introduzzjoni jew it-traslokazzjoni ta' organiżmi akkwatiċi u speċi mhux fil-mira fl-akkwakultura u mit-tixrid ta' dawn l-ispeċi fl-ambjent naturali.

▼M2

2.  L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom jagħmlu monitoraġġ u superviżjoni tal-attivitajiet tal-akkwakultura biex jiżguraw li:

(a) l-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura jkunu konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 3(3); u

(b) t-trasport mill-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura jew lejhom iseħħ f’kondizzjonijiet li jkunu tali li jipprevjenu l-ħrib ta’ speċi aljeni jew ta’ speċi mhux fil-mira.

▼B

Artikolu 5

Korpi għat-tfassil ta' deċiżjonijiet u korpi konsultattivi

L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jiżguraw konformità mal-ħtiġiet ta' dan ir-Regolament (“l-awtorità kompetenti”). Kull awtorità kompetenti tista' taħtar kumitat konsultattiv sabiex jassistiha, u dan għandu jinkludi esperti xjentifiċi adegwati (“il-kumitat konsultattiv”). Jekk Stat Membru ma jaħtarx kumitat konsultattiv l-awtorità kompetenti jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jassumu l-kompiti assenjati lill-kumitat konsultattiv f'dan ir-Regolament.



KAPITOLU III

PERMESSI

Artikolu 6

Applikazzjoni għal Permess

1.  Operaturi ta' l-akkwakultura li bi ħsiebhom jintroduċu speċi aljena jew jittraslokaw speċi li ma tinstabx lokalment mhux koperta mill-Artikolu 2(5) għandhom japplikaw għal permess mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru riċeventi. Jistgħu jitressqu applikazzjonijiet għal ċaqliq multipli li għandhom iseħħu matul perijodu ta' mhux aktar minn seba' snin.

2.  L-applikant għandu jippreżenta flimkien ma' l-applikazzjoni dossier skond il-linji gwida indikattivi elenkati fl-Anness I. Il-kumitat konsultattiv għandu jagħti opinjoni dwar jekk l-applikazzjoni fihiex l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi vvalutat jekk iċ-ċaqliq propost huwiex ta' rutina jew mhux ta' rutina u għalhekk hijiex ammissibbli u għandu jinforma lill-awtorità kompetenti bl-opinjoni tiegħu.

3.  Sa tmiem il-perijodu tal-permess tista' tiġi ppreżentata applikazzjoni għal permess ieħor billi ssir referenza għall-permess preċedenti. Jekk ma jkun ġie dokumentat ebda effett negattiv fuq l-ambjent, iċ-ċaqliq propost għandu jiġi kkunsidrat bħala ċaqliq ta' rutina.

Artikolu 7

Tip ta' ċaqliq propost

Il-kumitat konsultattiv għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar jekk iċ-ċaqliq propost huwiex ċaqliq ta' rutina jew ċaqliq mhux ta' rutina u jekk qabel ir-rilaxx għandux ikun hemm kwarantina jew rilaxx pilota qabel u għandu jinforma lill-awtorità kompetenti bl-opinjoni tiegħu.

Artikolu 8

Ċaqliq ta' rutina

Fil-każ ta' ċaqliq ta' rutina, l-awtorità kompetenti tista' tagħti permess, fejn tindika, fejn applikabbli, il-ħtieġa għal kwarantina jew rilaxx pilota kif inhu stabbilit fil-Kapitoli IV u V.

Artikolu 9

Ċaqliq mhux ta' rutina

1.  Fil-każ ta' ċaqliq mhux ta' rutina, valutazzjoni tar-riskju ambjentali għandha titwettaq kif deskritt fl-Anness II. L-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi jekk l-applikant jew korp indipendenti huwiex responsabbli għat-tmexxija tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u min għandu jħallas l-ispejjeż.

2.  Abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali, il-kumitat konsultattiv għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar ir-riskju lill-awtorità kompetenti, permezz tal-formola ta' rapport sommarju mniżżla fl-Anness II, Parti 3. Jekk il-kumitat konsultattiv isib li r-riskju huwa baxx, l-awtorità kompetenti tista' tagħti l-permess mingħajr formalitajiet oħra.

3.  Jekk il-kumitat konsultattiv isib li r-riskju assoċjat maċ-ċaqliq propost ta' organiżmi akkwatiċi huwa għoli jew medju skond l-Anness II, parti 1, huwa għandu jeżamina l-applikazzjoni b'konsultazzjoni ma' l-applikant sabiex jara jekk humiex disponibbli proċeduri jew teknoloġiji ta' mitigazzjoni sabiex jitnaqqas il-livell ta' riskju għal wieħed baxx. Il-kumitat konsultattiv għandu jibgħat ir-riżultati ta' l-eżami tiegħu lill-awtorità kompetenti, bid-dettalji tal-livell ta' riskju u bi speċifikazzjoni tar-raġunijiet għal kwalunkwe tnaqqis fir-riskju, fil-formola speċifikata fl-Anness II, Parti 3.

4.  L-awtorità kompetenti tista' toħroġ permessi biss għal ċaqliq mhux ta' rutina f'każijiet fejn il-valutazzjoni ta' riskju, inkluża kwalunkwe miżura ta' mitigazzjoni, juru riskju baxx għall-ambjent. Kwalunkwe rifjut ta' permess għandu jiġi motivat debitament minħabba raġunijiet xjentifiċi u, fejn l-informazzjoni xjentifika tkun għadha insuffiċjenti, minħabba l-prinċipju ta' prekawzjoni.

Artikolu 10

Perijodu ta' deċiżjoni

1.  L-applikant għandu jkun infurmat bil-miktub fi żmien raġjonevoli dwar id-deċiżjoni li jinħareġ jew li jiġi rrifjutat permess, u fi kwalunkwe każ għandu jiġi infurmat mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data ta' l-applikazzjoni, eskluż iż-żmien meta applikant jipprovdi informazzjoni addizzjonali jekk il-kumitat konsultattiv hekk jitlob.

2.  L-Istati Membri li huma firmatarji għall-ICES jistgħu jitolbu li l-applikazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tar-riskju dwar organiżmi tal-baħar jiġu riveduti mill-ICES qabel ma tinħareġ l-opinjoni mill-kumitat konsultattiv. F'tali każijiet għandu jkun permess perijodu addizzjonali ta' sitt xhur.

Artikolu 11

Ċaqliq li jaffettwa lil Stati Membri ġirien

1.  Fejn il-potenzjal jew l-effetti ambjentali magħrufa ta' ċaqliq propost ta' organiżmu jistgħu jaffettwaw Stati Membri ġirien, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tagħti permess billi tibgħat abbozz ta' deċiżjoni, flimkien ma' memorandum ta' spjegazzjoni u sommarju tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali kif speċifikat fl-Anness II, Parti 3.

2.  Fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika, l-Istati Membri l-oħra kkonċernati jistgħu jissottomettu kummenti bil-miktub lill-Kummissjoni.

3.  Fi żmien sitt xhur mid-data tan-notifika, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF), stabbilit skond l-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u l-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura, stabbilit bid-Deċiżjoni 1999/478/KEE, tikkonferma, tirrifjuta jew temenda d-deċiżjoni proposta li tagħti permess.

4.  Fi żmien 30 jum mid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jirreferu dik id-deċiżjoni lill-Kunsill. Fi żmien perijodu ulterjuri ta' 30 jum, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti.

Artikolu 12

Irtirar ta' permess

L-Awtorità Kompetenti tista' fi kwalunkwe ħin, tirtira l-permess, temporanjament jew parmanentement, jekk iseħħu avvenimenti mhux previsti b'effetti negattivi fuq l-ambjent jew fuq il-popolazzjonijiet indiġeni. Kwalunkwe rtirar ta' permess għandu jiġi motivat b'raġunijiet xjentifiċi u, fejn l-informazzjoni xjentifika tkun għadha insuffiċjenti, minħabba l-prinċipju ta' prekawzjoni u b'konsiderazzjoni għar-regoli amministrattivi nazzjonali.



KAPITOLU IV

KONDIZZJONIJIET GĦALL-INTRODUZZJONI WARA L-ĦRUĠ TA' PERMESS

Artikolu 13

Konformità ma' dispożizzjonijiet ►M2  tal-Unjoni ◄ oħra

Permess jista' jinħareġ biss għal introduzzjoni taħt dan ir-Regolament, fejn jidher li jistgħu jiġu sodisfatti l-ħtiġiet taħt leġiżlazzjoni oħra, u b'mod partikolari:

(a) il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali mniżżla fid-Direttiva 2006/88/KE dwar il-ħtiġijiet tas-saħħa ta' l-annimali għall-annimali ta' l-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċerti mardiet f'annimali akkwatiċi;

(b) il-kondizzjonijiet imniżżla fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità ( 12 ).

▼M2

Artikolu 14

Rilaxx ġewwa faċilitajiet tal-akkwakultura fil-każ ta’ introduzzjonijiet ta’ rutina

Fil-każ ta’ introduzzjonijiet ta’ rutina, ir-rilaxx ta’ organiżmi akkwatiċi f’faċilitajiet tal-akkwakultura għandu jkun permess mingħajr kwarantina jew rilaxx pilota, ħlief jekk, f’każijiet eċċezzjonali, l-awtorità kompetenti tiddeċiedi mod ieħor abbażi ta’ parir speċifiku mogħti mill-kumitat konsultattiv. Ċaqliq minn faċilità magħluqa tal-akkwakultura għal faċilità miftuħa tal-akkwakultura għandu jkun ikkunsidrat bħala ċaqliq ta’ rutina jew mhux ta’ rutina f’konformità mal-Artikoli 6 u 7.

▼B

Artikolu 15

Rilaxx ġewwa faċilitajiet miftuħa ta' l-akkwakultura fil-każ ta' introduzzjonijiet mhux ta' rutina

1.  Fil-każ ta' introduzzjonijiet mhux ta' rutina, ir-rilaxx ta' organiżmi akkwatiċi ġewwa faċilitajiet miftuħa ta' l-akkwakultura għandu jkun soġġett, jekk meħtieġ, għall-kondizzjonijiet imniżżla fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2.  L-organiżmi akkwatiċi għandhom jitqiegħdu f'faċilità ta' kwarantina nnominata ġewwa t-territorju tal- ►M2  Unjoni ◄ skond il-kondizzjonijiet imniżżla fl-Anness III għall-iskop li jiġi kkostitwit stokk ta' ħut għar-riproduzzjoni.

3.  Il-faċilità ta' kwarantina tista' tkun tinsab fi Stat Membru ieħor li mhux l-Istat Membru riċeventi, dment li jintlaħaq qbil bejn l-Istati Membri kollha kkonċernati u li din l-għażla tkun ġiet inkluża fil-valutazzjoni tar-riskju ambjentali skond l-Artikolu 9.

4.  Jekk xieraq, biss il-frieħ ta' l-organiżmi akkwatiċi introdotti jistgħu jintużaw f'faċilitajiet ta' l-akkwakultura ta' l-Istat Membru riċeventi, sakemm ma tinsab ebda speċi li mhux fil-mira potenzjalment ta' ħsara matul il-kwarantina. L-istokk adult jista' jiġi rilaxxat f'dawk il-każijiet fejn l-organiżmi ma jirriproduċux f'kattività jew huma kompletament riproduttivament sterili, sakemm tkun ikkonfermata l-assenza ta' speċi li mhux fil-mira potenzjalment ta' ħsara.

Artikolu 16

Rilaxx pilota ġewwa faċilitajiet miftuħa ta' l-akkwakultura

L-awtorità kompetenti tista' teħtieġ li qabel ir-rilaxx ta' l-organiżmi akkwatiċi ġewwa sistemi miftuħa ta' l-akkwakultura jkun hemm rilaxx pilota inizjali soġġett għal konteniment speċifiku u għal miżuri preventivi bbażati fuq il-parir u r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat konsultattiv.

Artikolu 17

Pjanijiet ta' kontinġenza

Għall-introduzzjonijiet kollha li mhumiex ta' rutina u r-rilaxxi pilota, l-applikant għandu jfassal pjan ta' kontinġenza għall-approvazzjoni ta' l-awtorità kompetenti, li għandu jinkludi inter alia it-tneħħija ta' l-ispeċi introdotta mill-ambjent, jew tnaqqis fid-densità, għal avvenimenti mhux previsti b'effetti negattivi fuq l-ambjent jew fuq il-popolazzjonijiet indiġeni. Fil-każ li jseħħ avveniment bħal dan, il-pjanijiet ta' kontinġenza għandhom jiġu implimentati minnufih u l-permess jista' jiġi rtirat, temporanjament jew permanentement skond l-Artikolu 12.

Artikolu 18

Monitoraġġ

1.  Għandu jsir monitoraġġ ta' speċi aljeni wara r-rilaxx tagħhom f'faċilitajiet miftuħa ta' l-akkwakultura għal perijodu ta' sentejn jew ċiklu sħiħ ta' ġenerazzjoni, skond liema jkun l-itwal, sabiex jiġi vvalutat jekk l-impatti kienu previsti b'mod preċiż jew jekk hemmx impatti addizzjonali jew differenti. Il-livell ta' tixrid jew ta' konteniment ta' l-ispeċi għandu jiġi studjat b'mod partikolari. L-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi jekk l-applikant għandux l-esperjenza adegwata jew jekk korp ieħor għandux iwettaq il-monitoraġġ.

2.  Soġġett għall-opinjoni tal-kumitat konsultattiv, l-awtorità kompetenti tista' teħtieġ perjodi ta' monitoraġġ itwal sabiex tivvaluta kwalunkwe effetti possibbli għall-perijodu fit-tul fuq l-ekosistema li mhumiex faċilment identifikabbli fil-perijodu stipulat fil-paragrafu 1.

3.  Il-kumitat konsultattiv għandu jivvaluta r-riżultati tal-programm ta' monitoraġġ u jinnota b'mod partikolari kwalunkwe avveniment li ma ġiex antiċipat sewwa fil-valutazzjoni tar-riskju ambjentali. Ir-riżultati ta' dik il-valutazzjoni għandhom jintbagħtu lill-awtorità kompetenti li għandha tinkludi sommarju tar-riżultati fir-reġistru nazzjonali stabbilit taħt l-Artikolu 23.



KAPITOLU V

KONDIZZJONIJIET GĦAT-TRASLOKAZZJONIJIET WARA L-ĦRUĠ TA' PERMESS

Artikolu 19

Konformità ma' dispożizzjonijiet ►M2  tal-Unjoni ◄ oħra

Permess jista' jinħareġ biss għal traslokazzjoni taħt dan ir-Regolament, fejn jidher li jistgħu jiġu sodisfatti l-ħtiġiet taħt leġiżlazzjoni oħra u b'mod partikolari:

(a) il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali mniżżla fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE ( 13 )

(b) il-kondizzjonijiet imniżżla fid-Direttiva 2000/29/KE ( 14 )

Artikolu 20

Traslokazzjoni mhux ta' rutina f'faċiltajiet miftuħa ta' l-akkwakultura

Fil-każ ta' traslokazzjonijiet mhux ta' rutina f'faċilitajiet miftuħa ta' l-akkwakultura, l-awtorità kompetenti tista' teħtieġ li qabel ma jkun hemm rilaxx ta' organiżmi akkwatiċi, iseħħ rilaxx pilota inizjali b'miżuri ta' konteniment u ta' prevenzjoni bbażati fuq il-parir u r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat konsultattiv.

Artikolu 21

Kwarantina

L-Istat Membru riċeventi jista' f'każijiet eċċezzjonali u soġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni jesiġi l-kwarantina skond l-Artikolu 15 (2), (3) u (4) qabel ir-rilaxx ta' l-ispeċi minn traslokazzjonijiet mhux ta' rutina ġewwa faċilitajiet miftuħa ta' l-akkwakultura. It-talba għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni għandha tindika r-raġunijiet għaliex hija meħtieġa l-kwarantina. Il-Kummissjoni għanda twieġeb talbiet bħal dawn fi żmien 30 jum.

Artikolu 22

Monitoraġġ wara t-traslokazzjoni

Wara traslokazzjoni mhux ta' rutina, għandu jsir monitoraġġ ta' l-ispeċi skond l-Artikolu 18.



KAPITOLU VI

REĠISTRU

Artikolu 23

Reġistru

L-Istati Membri għandhom iżommu reġistru ta' l-introduzzjonijiet u t-traslokazzjonijiet li jkun fih rekord storiku ta' l-applikazzjonijiet kollha magħmula u d-dokumentazzjoni assoċjata miġbura qabel il-ħruġ ta' permess u matul il-perijodu ta' monitoraġġ.

Ir-reġistru għandu jkun disponibbli liberament għall-Istati Membri u għall-pubbliku skond id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali ( 15 ).

Biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaqsmu l-informazzjoni li tinsab fir-reġistri tagħhom, tista' tiġi żviluppata sistema speċifika ta' informazzjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.



KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

▼M2

Artikolu 24

Emendi tal-annessi u regoli dettaljati

1.  Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 24a u suġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 24b u 24c:

(a) temenda l-Annessi I, II u III għal dan ir-Regolament sabiex jiġu adattati għall-progress tekniku u xjentifiku,

(b) tadotta speċifikazzjonijiet għall-kondizzjonijiet meħtieġa biex jiżdiedu speċi għall-Anness IV, kif provdut fil-paragrafu 3, u

(c) iżżid speċi għall-Anness IV fejn ikun hemm konformità mal-kondizzjonijiet previsti fil-paragrafu 3 u l-ispeċifikazzjonijiet ulterjuri tagħhom.

2.  Meta tadotta atti delegati kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

3.  Sabiex l-ispeċi tiegħu tiġi miżjuda mal-Anness IV, l-organiżmu akkwatiku għandu jkun intuża fl-akkwakultura f’ċerti partijiet tal-Unjoni għal żmien twil (b’referenza għaċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu) mingħajr effetti negattivi, u introduzzjoni u translokazzjoni tiegħu għandhom ikunu possibbli mingħajr iċ-ċaqliq koinċidenti ta’ speċi li mhux fil-mira li potenzjalment huma ta’ ħsara.

4.  l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex iżżid speċijiet mal-Anness IV. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu data speċifika biex jagħtu prova ta’ koerenza mal-kriterji rilevanti għaż-żieda ta’ speċi fl-Anness IV. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar jekk talba tkunx xierqa fi żmien ħames xhur minn meta tkun ġiet irċevuta, bl-esklużjoni taż-żmien li l-Istat Membru jkollu biex jipprovdi informazzjoni addizzjonali jekk il-Kummissjoni hekk titlob.

5.  L-Istati Membri kkonċernati jistgħu fir-rigward tar-reġjuni l-aktar ’il bogħod tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jipproponu ż-żieda ta’ speċi li għandhom jiġu inklużi f’parti separata tal-Anness IV.

6.  Il-Kummissjoni tista’ tadotta regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 4 u 5, u b’mod partikolari l-formati, il-kontenut u l-partikolaritajiet tat-talbiet tal-Istati Membri għaż-żieda tal-ispeċi u l-informazzjoni li għandha tingħata bħala appoġġ għal talbiet bħal dawn, f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

▼M2

Artikolu 24a

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmijin fl-Artikolu 24 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mill-24 ta’ April 2011. Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport fir-rigward tas-setgħa delegata mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tkun estiża awtomatikament għal perijodi ta’ tul ta’ żmien identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jirrevokawha f’konformità mal-Artikolu 24b.

2.  Malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.  Is-setgħa li tadotta atti delegati għandha tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 24b u 24c.

Artikolu 24b

Revoka tad-delega

1.  Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 24 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2.  L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna sabiex tiddeċiedi jekk tirrevokax id-delega tas-setgħa għandha tagħmel ħilitha biex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni f’perijodu ta’ żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, billi tindika s-setgħa delegata li tista’ tkun soġġetta għal revoka u r-raġunijiet possibbli għal revoka.

3.  Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ minnufih jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija m’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti ddelegati diġà fis-seħħ. Għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 24c

Oġġezzjonijiet għal atti delegati

1.  Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat f’perijodu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika.

Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn.

2.  Jekk, meta jiskadi l-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data mniżżla fih.

L-att delegat jista’ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma għarrfu lill-Kummissjoni bil-ħsieb tagħhom li ma jressqux oġġezzjonijiet.

3.  Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għall-att delegat fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, dan m’għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-oġġezzjoni għall-att delegat.

▼B

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

1.  Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

1.  Dawn għandhom japplikaw 6 xhur wara li jkun daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta' implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 24(3), iżda mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2009.

2.  Madankollu, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu I u l-Kapitolu II kif ukoll l-Artikolu 24, għandhom ikunu applikabbli mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

APPLIKAZZJONI

(Linji gwida indikattivi għad-dossier li għandu jimtela mill-applikant kif previst mill-Artikolu 6)

▼M2

Kull fejn huwa possibbli, l-informazzjoni għandha tiġi ssostanzjata b’referenzi mil-letteratura xjentifika, u notazzjonijiet għal komunikazzjonijiet personali mal-awtoritajiet xjentifiċi u l-esperti dwar is-sajd.

▼B

Għall-għan ta' dan l-Anness, meta applikazzjoni tirreferi għal traslokazzjoni proposta, aktar milli introduzzjoni, it-termini, introduzzjoni/introdott(i) għandhom jinbidlu bi traslokazzjoni/traslokat(i).

A.   Sommarju esekuttiv

Agħti sommarju qasir tad-dokument inkluża deskrizzjoni tal-proposta, l-impatti potenzjali fuq l-ispeċi indiġeni u l-ħabitats tagħhom u passi ta' mitigazzjoni sabiex jiġu minimizzati l-impatti potenzjali fuq l-ispeċi indiġeni.

B.   Introduzzjoni

(1) Isem (komuni u xjentifiku) ta' l-organiżmu propost għall-introduzzjoni jew it-traslokazzjoni, b'indikazzjoni tal-ġenus, l-ispeċi, is-sottospeċi jew il-klassifikazzjoni tassonomika aktar baxxa fejn applikabbli.

(2) Iddeskrivi l-karatteristiċi ta' l-organiżmu, inklużi karatteristiċi li jiddistingwu lill-organiżmu. Inkludi tpinġija xjentifika jew ritratt.

(3) Iddeskrivi l-istorja fl-akkwakultura, titjib li sar jew introduzzjonijiet oħra (jekk xieraq).

(4) Iddeskrivi l-objettivi u r-raġuni għall-introduzzjoni proposta, inkluża spjegazzjoni għaliex objettiv bħal dan ma jistax jintlaħaq permezz ta' l-użu ta' speċi indiġena.

(5) Liema kienu l-istrateġiji alternattivi li tqiesu sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-proposta?

(6) X'inhi ż-żona ġeografika ta' l-introduzzjoni proposta? Iddeskrivi l-ħabitats, l-ekosistema u l-istatus ta' protezzjoni ta' l-ambjent riċeventi. Inkludi mappa.

(7) Iddeskrivi n-numri ta' organiżmi li qed tiġi proposta l-introduzzjoni tagħhom (inizjalment, fl-aħħar mill-aħħar). Il-proġett jista' jinqasam f'sotto-komponenti differenti? Jekk dan huwa l-każ, kemm-il organiżmu huwa involut f'kull sotto-komponent?

(8) Iddeskrivi s-sors(i) ta' l-istokk (faċilità) u l-istokk ġenetiku (jekk huwa magħruf).

Ċ.   Informazzjoni dwar il-ħajja ta' l-ispeċi li għandha tiġi introdotta – għal kull stadju ta' ħajja

(1) Iddeskrivi ż-żona ta' distribuzzjoni naturali (native range) u l-bidliet fiż-żona ta' distribuzzjoni minħabba l-introduzzjonijiet.

(2) L-istokk li minnu l-introduzzjoni/traslokazzjoni ser isiru għandu rabta ma' kwalunkwe speċi mhux fil-mira magħrufa?

(3) X'inhi d-distribuzzjoni ta' tali speċi mhux fil-mira fiż-żona ta' oriġini ta' l-istokk li għandu jiġi introdott/traslokat?

(4) Niżżel fejn l-ispeċi ġiet introdotta preċedentement u ddeskrivi l-effetti ekoloġiċi fuq l-ambjent taż-żona riċeventi (predatur, priża, kompetitur, u/jew elementi strutturali/funzjonali tal-ħabitat).

(5) Liema fatturi jillimitaw l-ispeċi fiż-żona ta' distribuzzjoni naturali tagħha.

(6) Iddeskrivi t-tolleranzi fiżjoloġiċi (kwalità ta' l-ilma, temperatura, ossiġnu, u mluħa) f'kull stadju tal-ħajja (stadji fil-bidu tal-ħajja, stadju adult u dak riproduttiv).

(7) Iddeskrivi l-preferenzi tal-ħabitat u t-tolleranzi għal kull stadju tal-ħajja.

(8) Iddeskrivi l-bijoloġija riproduttiva.

(9) Iddeskrivi l-imġiba migratorja.

(10) Iddeskrivi l-preferenzi ta' l-ikel għal kull stadju tal-ħajja.

(11) Iddeskrivi r-rata ta' tkabbir u t-tul tal-ħajja (ukoll fiż-żona ta' l-introduzzjoni proposta, jekk magħrufa).

(12) X'inhi l-età jew il-firxa ta' etajiet ta' l-ispeċi ikkonċernati?

(13) Iddeskrivi l-karatteristiċi ta' mġiba (soċjali, territorjali, aggressivi).

D.   Interazzjoni ma' l-ispeċi indiġeni

▼M2

(1) X’inhu l-potenzjal għas-soppravivenza u l-istabbiliment tal-organiżmu introdott jekk dan jaħrab?

▼B

(2) Liema huwa/huma l-ħabitat(s) li fih(om) l-ispeċi introdotta x'aktarx tokkupa fiż-żona proposta ta' introduzzjoni u din se tikkoinċidi ma' dak ta' speċi vulnerabbli, mhedda jew fil-periklu? (Indika jekk iż-żona proposta ta' introduzzjoni tinkludix ukoll l-ilmijiet kontigwi.)

(3) Ma’ liema speċi se jkun hemm sovvrapożizzjoni ta' niċċa ekoloġika? Jeżistu xi riżorsi ekoloġiċi mhux użati li minnhom l-ispeċi tieħu vantaġġ?

(4) X'ser jiekol l-organiżmu introdott fl-ambjent riċeventi?

(5) Din il-predazzjoni ser toħloq xi impatti avversi fuq l-ekosistema riċeventi?

▼M2

(6) L-organiżmi introdotti jissopravvivu u jirriproduċu b’suċċess fiż-żona ta’ introduzzjoni proposta jew ikun meħtieġ stokkjar annwali?

▼B

(7) L-organiżmi introdotti se jibridizzaw ma' speċi indiġeni? L-estinzjoni lokali ta' xi speċi jew stokks indiġeni hija possibbli b'riżultat ta' l-introduzzjoni proposta? Jeżistu xi effetti possibbli ta' l-organiżmi introdotti fuq l-imġiba riproduttiva u ż-żoni fejn ibid il-ħut ta' speċi lokali?

(8) Hemm xi impatti potenzjali fuq il-ħabitat jew il-kwalità ta' l-ilma b'riżultat ta' l-introduzzjoni proposta?

E.   Ambjent riċeventi u ilmijiet kontigwi

(1) Agħti informazzjoni fiżika dwar l-ambjent riċeventi u l-korpi kontigwi ta' l-ilma bħalma huma temperaturi staġjonali ta' l-ilma, l-imluħa u ċ-ċarezza, l-ossiġnu maħlul fl-ilma, l-pH, in-nutrijenti u l-metalli. Dawk il-parametri jaqblu mat-tolleranzi/preferenzi ta' l-ispeċi li għandha tiġi introdotta, inklużi l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-riproduzzjoni?

(2) Elenka l-kompożizzjoni skond l-ispeċi (vertebrati akkwatiċi, invertebrati u pjanti prinċipali) ta' l-ilmijiet riċeventi.

(3) Agħti l-informazzjoni dwar il-ħabitat fiż-żona ta' introduzzjoni, inklużi l-ilmijiet kontigwi u identifika l-ħabitat kritiku. Liema minn dawk il-parametri jaqblu mat-tolleranzi/preferenzi ta' l-organiżmi li għandhom jiġu introdotti? L-organiżmi introdotti jistgħu jiddisturbaw xi ħabitats fost dawk deskritti?

(4) Iddeskrivi l-ostakli naturali jew magħmula mill-bniedem li għandhom jipprevjenu iċ-ċaqliq ta' l-organiżmi introdotti għal ġewwa ilmijiet oħra li jmissu magħhom.

F.   Monitoraġġ

Iddeskrivi l-pjanijiet għall-valutazzjonijiet ta' segwitu tas-suċċess ta' l-ispeċi proposti għall-introduzzjoni u kif kwalunkwe impatt negattiv fuq l-ispeċi indiġeni u l-ħabitats tagħhom se jiġi vvalutat.

G.   Pjan ta' Ġestjoni

(1) Iddeskrivi l-pjan ta' ġestjoni għall-introduzzjoni proposta. Dan għandu jinkludi, iżda m'għandux ikun ristrett għall-informazzjoni li ġejja:

(a) miżuri meħuda sabiex jiġi żgurat li l-ebda speċi oħra (speċi mhux fil-mira) ma takkumpanja l-vjeġġ;

(b) min se jkollu l-permess juża l-organiżmi proposti u skond liema termini u kondizzjoijiet;

(ċ) se jkun hemm fażi pre-kummerċjali għall-introduzzjoni proposta?

(d) deskrizzjoni tal-pjan ta' kontinġenza għat-tneħħija ta' l-ispeċi;

(e) deskrizzjoni tal-pjan ta' assigurazzjoni tal-kwalità għall-proposta, u,

(f) ħtiġiet leġiżlattivi oħra li jeħtieġ li jintlaħqu.

(2) Iddeskrivi l-miżuri kimiċi, bijofiżiċi u ta' ġestjoni li qed jittieħdu għall-prevenzjoni ta' ħarba aċċidentali ta' l-organiżmu u speċi mhux fil-mira, lejn u l-istabbiliment tagħhom fi, ekosistemi reċipjenti li mhumiex fil-mira. Agħti d-dettalji tas-sors ta' l-ilma, id-destinazzjoni ta' l-effluwent, kwalunkwe trattament ta' l-effluwent, prossimità għal sistemi ta' dranaġġ għall-maltemp, kontroll tal-predatur, sigurtà tal-post u miżuri għall-prevenzjoni ta' ħrib, jekk huma meħtieġa.

(3) Iddeskrivi l-pjanijiet ta' kontinġenza fil-każ ta' rilaxx mhux intenzjonat, aċċidentali jew mhux awtorizzat ta' l-organiżmi mill-faċilitajiet ta' trobbija u ta' tifqis jew espansjoni aċċidentali jew mhux mistennija taż-żona ta' kolonizzazzjoni wara r-rilaxx.

(4) Jekk din il-proposta hija maħsuba sabiex toħloq żona tas-sajd, agħti d-dettalji dwar l-objettiv ta' din iż-żona tas-sajd. Min jibbenefika minn tali żona tas-sajd? Agħti d-dettalji tal-pjan ta' ġestjoni u, jekk huwa xieraq, inkludi tibdiliet fil-pjanijiet ta' ġestjoni għal speċi li se jintlaqtu.

H.    Data kummerċjali

(1) Agħti l-isem tas-sid u/jew il-kumpanija, in-numru ta-liċenzja għall-akkwakultura u l-liċenzja kummerċjali (fejn applikabbli) jew l-isem ta' l-aġenzija jew id-dipartiment tal-gvern b'isem ta' kuntatt u informazzjoni dwar it-telefon, il-fax u l-e-Mail.

(2) Agħti indikazzjoni dwar il-vijabbiltà ekonomika tal-proġett propost.

I.   Referenzi

(1) Agħti bibljografija ddettaljata tar-referenzi kollha msemmija fil-proċess ta' tħejjija ta' l-applikazzjoni.

(2) Agħti lista ta' ismijiet, inklużi l-indirizzi, ta' l-awtoritajiet xjentifiċi u l-esperti dwar is-sajd li ġew ikkonsultati.




ANNESS II

Proċeduri u elementi minimi li għandhom jiġu indirizzat f'valutazzjoni tar-riskju ambjentali kif previst fl-Artikolu 9

Sabiex jiġu vvalutati r-riskji assoċjati ma' l-introduzzjoni jew it-traslokazzjoni ta' organiżmi akkwatiċi huwa meħtieġ li tiġi vvalutata l-probabbiltà li l-organiżmi jiġu stabbiliti u l-konsegwenzi ta' dan l-istabbiliment.

Il-proċess jindirizza l-komponenti ambjentali ewlenin. Huwa jagħti approċċ standardizzat għall-valutazzjoni tar-riskju ta' impatti ġenetiċi u ekoloġiċi kif ukoll il-potenzjal għall-introduzzjoni ta' speċi mhux fil-mira li jista' jkollha impatt fuq l-ispeċi indiġeni ta' l-ilmijiet riċeventi proposti.

Matul il-proċess ta' reviżjoni, l-enfażi mhix fuq il-klassifikazzjonijiet, iżda fuq id-dikjarazzjonijiet bijoloġiċi dettaljati u ta' informazzjoni rilevanti oħra li jimmotivawhom. Fil-każ ta' inċertezza xjentifika, il-prinċipju ta' prekawzjoni għandu jiġi applikat.

Għall-għan ta' dan l-Anness, meta applikazzjoni tirreferi għal traslokazzjoni proposta t-termini “introduzzjoni/introdott(i)” għandhom jinbidlu bi “traslokazzjoni/traslokat(i)”.

PARTI 1

PROĊESS TA' VALUTAZZJONI TAR-RISKJI EKOLOĠIĊI U ĠENETIĊI

Fażi 1:

Verosimiljanza ta' stabbiliment u ta' tixrid lil hinn miż-żona ta' introduzzjoni maħsuba



Avveniment

Verosimili

(Għ, M, B) (1)

Ċertezza

(FĊ, RĊ, RI, FI) (2)

Kummenti b'appoġġ għall-valutazzjoni (3)

L-ispeċi introdotta jew traslokata, maħruba jew imxerrda, tikkolonizza u żżomm b'suċċess popolazzjoni fiż-żona maħsuba ta' introduzzjoni li mhix fil-kontroll tal-faċilità ta' l-akkwakultura.

 
 
 

L-ispeċi introdotta jew traslokata, maħruba jew imxerrda, tinxtered lil hinn miż-żona maħsuba ta' introduzzjoni.

 
 
 

Klassifikazzjoni finali (4)

 
 
 

(1)   Għ = Għoli, M = Medju, B = Baxx

(2)   FĊ = Ferm ċert, RĊ = Raġjonevolment ċert, RI = Raġjonevolment inċert, FI = Ferm inċert

(3)   L-evalwatur għandu jsib gwida fl-Appendiċi A u l-Appendiċi B tal-Kodiċi ta' Prattika ta' l-ICES.

(4)   Il-klassifikazzjoni finali għall-Verosimili ta' stabbiliment u tixrid hija assenjata l-valur ta' l-element bl-iktar klassifikazzjoni baxxa (per eżempju, klassifikazzjonijiet ta' Għoli u Baxx għall-elementi ta' hawn fuq jirriżultaw fi klassifikazzjoni finali Baxx). Għal darb'oħra, iż-żewġ avvenimenti – il-probabbiltà li l-organiżmu jikkolonizza u jżomm popolazzjoni fiż-żona maħsuba ta' introduzzjoni (kemm jekk hi ambjent magħluq bħal ma hi faċilità, jew ħabitat naturali) u l-probabbiltà li jinfirex lil hinn miż-żona maħsuba ta' introduzzjoni (stmata kif spjegat hawn fuq) – jeħtieġ li jseħħu fil-fatt sabiex iseħħ l-istabbiliment lil hinn miż-żona maħsuba ta' introduzzjoni.

Fażi 2:

Konsegwenzi ta' stabbiliment u ta' tixrid



Avveniment

Verosimili

(Għ, M, B)

Ċertezza

(FĊ, RĊ, RI, FI)

Kummenti b'appoġġ għall-valutazzjoni (1)

Taħlit ġenetiku ma' popolazzjonijiet lokali jwassal għal telfien tad-diversità ġenetika.

 
 
 

Konkorrenza (ikel, spazju) ma' jew predazzjoni fuq popolazzjonijiet indiġeni twassal għall-qerda tagħhom.

 
 
 

Avvenimenti oħra mhux mixtieqa ta' natura ekoloġika

 
 
 

Xi uħud mill-avvenimenti msemmija hawn fuq jippersistu wkoll wara t-tneħħija ta' l-ispeċi introdotta.

 
 
 

Klassifikazzjoni finali (2)

 
 
 

(1)   L-evalwatur għandu jsib gwida fl-Appendiċi A u l-Appendiċi B tal-Kodiċi ta' Prattika ta' l-ICES.

(2)   Il-klassifikazzjoni finali għall-Konsegwenzi ta' stabbiliment u ta' tixrid hija assenjata l-valur ta' l-element (probabbiltà individwali) bl-iktar grad għoli u l-klassifikazzjoni finali għal-livell ta' Ċertezza hija assenjata l-valur ta' l-element bl-iktar livell baxx ta' ċertezza.

Fażi 3:

Potenzjal tar-Riskju marbut ma' l-ispeċi aljeni u li ma jinstabux lokalment

Valur uniku huwa mogħti abbażi tal-valutazzjonijiet imwettqa fil-Fażijiet 1 u 2:



Komponent

Potenzjal ta' Riskju

(Għ, M, B)

Ċertezza

(FĊ, RĊ, RI, FI)

Kummenti b'appoġġ għall-valutazzjoni (1)

Stabbiliment u tixrid (fażi 1)

 
 
 

Konsegwenzi ekoloġiċi (fażi 2)

 
 
 

Klassifikazzjoni finali tal-potenzjal ta' riskju kumplessiv (2)

 
 
 

(1)   L-evalwatur għandu jsib gwida fl-Appendiċi A u l-Appendiċi B tal-Kodiċi ta' Prattika ta' l-ICES.

(2)   Il-kategorizzazzjoni finali tal-potenzjal ta' riskju tieħu l-valur ta' ogħla żewġ probabbiltajiet fejn m'hemmx żieda fil-probabbiltà bejn iż-żewġ stimi (jiġifieri jekk ir-Riskju ta' stabbiliment u tixrid huwa għoli u r-Riskju ta' konsegwenzi ekoloġiċi huwa medju, il-klassifikazzjoni finali tieħu l-valur ta' l-ogħla waħda miż-żewġ probabbiltajiet li huma għolja. Meta jkun hemm żieda fil-probabbiltà bejn iż-żewġ stimi (jiġifieri taħlita ta' għoli u baxx) il-valur finali huwa medju.

Ir-riżultat ta' din il-valutazzjoni ser jingħata f'termini tal-livelli ta' riskju li ġejjin:

Ċaqliq ta' riskju għoli:

(a) għandu riskju għoli li jagħmel ħsara lill-bijodiversità minn tixrid u konsegwenzi ekoloġiċi oħra;

(b) jaħdem f'kondizzjonijiet ta' trobbija li jżidu r-riskju ta' tali ħsara;

(ċ) jinvolvi faċilità ta' l-akkwakultura li tbigħ annimali akkwatiċi ħajjin għal aktar trobbija jew tgħammir mill-ġdid;

(d) bħala konsegwenza ċ-ċaqliq huwa ta' tħassib serju (huma meħtieġa miżuri serji ta' mitigazzjoni). Huwa rakkomandat li l-proposta ma tiġix aċċettata sakemm ma jkunux jistgħu jiġu żviluppati proċeduri ta' mitigazzjoni sabiex jitnaqqas ir-riskju għal baxx.

Ċaqliq ta' riskju medju:

(a) għandu riskju medju li jagħmel ħsara lill-bijodiversità minn tixrid u konsegwenzi ekoloġiċi oħra;

(b) jaħdem f'kondizzjonijiet ta' trobbija li mhux neċessarjament iżidu r-riskju ta' tali ħsara, b'kont meħud ta' l-ispeċi u l-kondizzjonijiet ta' trażżin;

(ċ) jinvolvi faċilità ta' l-akkwakultura li tbigħ il-prodotti tagħha prinċipalment għall-konsum mill-bniedem;

(d) bħala konsegwenza ċ-ċaqliq huwa ta' tħassib moderat. Huwa rakkomandat li l-proposta ma tiġix aċċettata sakemm ma jkunux jistgħu jiġu żviluppati proċeduri ta' mitigazzjoni sabiex jitnaqqas ir-riskju għal baxx.

Ċaqliq ta' riskju baxx:

(a) għandu riskju baxx li jagħmel ħsara lill-bijodiversità minn tixrid u konsegwenzi ekoloġiċi oħra.

(b) jaħdem f'kondizzjonijiet ta' trobbija li ma jżidux ir-riskju ta' tali ħsara;

(ċ) jinvolvi faċilità ta' l-akkwakultura li tbigħ il-prodotti tagħha għall-konsum mill-bniedem biss;

(d) bħala konsegwenza ċ-ċaqliq huwa ta' tħassib negliġibbli. Huwa rakkomandat li l-proposta tiġi approvata. Il-mitigazzjoni mhix meħtieġa.

Il-proposta tista' tiġi approvata biss kif ippreżentata (l-ebda miżuri ta' mitigazzjoni ma huma meħtieġa) jekk il-potenzjal kumplessiv tar-riskju stmat huwa Baxx u jekk iċ-ċertezza kumplessiva li għaliha r-riskju kumplessiv ġie stmat għal Ferm Ċert jew Raġjonevolment Ċert.

Jekk, bħala riżultat ta' l-ewwel analiżi, kategorija Għoli jew Medju tiġi attribwita lir-riskju kumplessiv, imbagħad proposti ta' konteniment jew ta' mitigazzjoni għandhom jiġu inkorporati fl-applikazzjoni, li se tkun soġġetta għal analiżi tar-riskju sussegwenti sakemm il-klassifikazzjoni finali għar-riskju kumplessiv issir Baxx b'valutazzjoni Ferm Ċert jew Raġjonevolment Ċert. Deskrizzjonijiet ta' dawn il-fażijiet addizzjonali, flimkien ma' speċifikazzjonijiet dettaljati tal-miżuri ta' konteniment jew ta' mitigazzjoni, se jsiru parti integrali tal-Valutazzjoni tar-Riskju.

PARTI 2

PROĊESS TA' VALUTAZZJONI GĦAL SPEĊI MHUX FIL-MIR

Fażi 1:

Verosimiljanza ta' stabbiliment u ta' tixrid ta' speċi mhux fil-mira lil hinn miż-żona maħsuba ta' introduzzjoni



Avveniment

Verosimili

(Għ, M, B)

Ċertezza

(FĊ, RĊ, RI, FI)

Kummenti b'appoġġ għall-valutazzjoni (1)

Speċi mhux fil-mira hija introdotta bħala konsegwenza ta' l-introduzzjoni jew it-traslokazzjoni ta' l-organiżmi akkwatiċi.

 
 
 

L-ispeċi mhux fil-mira introdotta ssib ħabitati suxxettibbli jew organiżmi ospitanti.

 
 
 

Klassifikazzjoni finali (2)

 
 
 

(1)   L-evalwatur għandu jsib gwida fl-Appendiċi A u l-Appendiċi B tal-Kodiċi ta' Prattika ta' l-ICES.

(2)   Il-klassifikazzjoni finali taħt Verosimili hija assenjata l-valur ta' l-element bl-iktar klassifikazzjoni ta' riskju baxxa u l-klassifikazzjoni finali għal-livell ta' Ċertezza hija assenjata wkoll il-valur ta' l-element bl-iktar livell baxx ta' ċertezza.

Fażi 2

Konsegwenzi ta' l-istabbiliment u t-tixrid ta' speċi mhux fil-mira



Avveniment

Verosimili

(Għ, M, B)

Ċertezza

(FĊ, RĊ, RI, FI)

Kummenti b'appoġġ għall-valutazzjoni (1)

L-ispeċi mhux fil-mira tikkompeti ma' jew tkun predatur għall-popolazzjonijiet indiġeni, u dan iwassal għall-qerda tagħhom.

 
 
 

Taħlit ġenetiku ta' l-ispeċi mhux fil-mira mal-popolazzjonijiet lokali jwassal għal telfien tad-diversità ġenetika.

 
 
 

Avvenimenti oħra mhux mixtieqa ta' natura ekoloġika jew patoloġika

 
 
 

Xi uħud mill-avvenimenti msemmija hawn fuq jippersistu wkoll wara t-tneħħija ta' l-ispeċi mhux fil-mira.

 
 
 

Klassifikazzjoni finali (2)

 
 
 

(1)   L-evalwatur għandu jsib gwida fl-Appendiċi A u l-Appendiċi B tal-Kodiċi ta' Prattika ta' l-ICES.

(2)   Il-klassifikazzjoni finali għall-Konsegwenzi hija assenjata l-valur ta' l-ogħla klassifikazzjoni ta' riskju u l-klassifikazzjoni finali għal-livell ta' Ċertezza hija assenjata wkoll il-valur ta' l-element bl-iktar livell baxx ta' ċertezza.

Fażi 3

Potenzjal ta' riskju marbut ma' speċi mhux fil-mira

Valur uniku jingħata abbażi tal-valutazzjonijiet imwettqa fil-Fażijiet 1 u 2:



Komponent

Potenzjal ta' Riskju

(Għ, M, B)

Ċertezza

(FĊ, RĊ, RI, FI)

Kummenti b'appoġġ għall-valutazzjoni (1)

Stabbiliment u tixrid (fażi 1)

 
 
 

Konsegwenzi ekoloġiċi (fażi 2)

 
 
 

Klassifikazzjoni finali (2)

 
 
 

(1)   L-evalwatur għandu jsib gwida fl-Appendiċi A u l-Appendiċi B tal-Kodiċi ta' Prattika ta' l-ICES.

(2)   Il-klassifikazzjoni finali għall-potenzjal tar-riskju tingħata l-valur ta' l-element bl-iktar klassifikazzjoni ta' riskju baxxa u l-klassifikazzjoni finali għal-livell ta' Ċertezza hija assenjata wkoll il-valur ta' l-element bl-iktar livell baxx ta' ċertezza.

Il-kondizzjonijiet applikabbli għall-valutazzjonijiet tal-potenzjal tar-riskju marbut ma' l-ispeċi aljena (parti 1) għandhom japplikaw ukoll mutatis mutandis għal dan il-potenzjal ta' riskju marbut ma' l-ispeċi mhux fil-mira (parti 2), inkluż l-obbligu li jiġu introdotti miżuri ta' konteniment u ta' mitigazzjoni.

PARTI 3

VALUTAZZJONI TAR-RISKJU AMBJENTALI KUMPLESSIV – RAPPORT FIL-QOSOR

 Passat, sfond u raġuni għat-talba:

 

 Informazzjoni fil-qosor dwar il-valutazzjoni tar-riskju

 Sintesi tal-valutazzjoni tar-riskji ekoloġiċi u ġenetiċi

 Sintesi tal-valutazzjoni tar-riskju għall-ispeċi mhux fil-mira

 Kummenti:

 Miżuri ta' mitigazzjoni:

 Dikjarazzjoni ta' konklużjoni dwar ir-Riskju potenzjali totali ta' l-organiżmu:

 Parir lill-awtorità kompetenti:




ANNESS III

Kwarantina

Il-kwarantina hija l-mezz li bih annimali jew pjanti ħajjin u kwalunkwe wieħed mill-organiżmi assoċjati tagħhom jinżammu f'iżolament sħiħ mill-ambjent ċirkondanti sabiex jiġi pprevjenut impatt fuq speċi selvaġġi u dawk imrobbija u bidliet mhux mixtieqa lil ekosistemi naturali.

Huwa meħtieġ li l-ispeċi aljeni jew li ma jinstabux lokalment jinżammu fi kwarantina għal biżżejjed żmien sabiex jinstabu l-ispeċi kollha mhux fil-mira u sabiex jiġi kkonfermat in-nuqqas ta' patoġeni jew mard. L-unità għandha tinbena skond l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn tinsab li għandu jkun responsabbli għall-approvazzjoni tagħha. It-tul tal-kwarantina jrid jiġi indikat fil-permess. Jekk il-faċilità ma tinsabx fl-Istat Membru riċeventi, il-kumitat konsultattiv responsabbli għall-faċilità u l-kumitat konsultattiv fl-Istat Membru riċeventi jridu jaqblu dwar it-tul tal-kwarantina.

L-operaturi għandhom imexxu l-faċilitajiet ta' kwarantina skond il-kondizzjonijiet li ġejjin. Barra minn hekk, l-operatur irid ikollu programm ta' assigurazzjoni tal-kwalità u manwal operattiv.

Għall-għan ta' dan l-Anness, meta applikazzjoni tirreferi għal traslokazzjoni proposta, it-termini introduzzjoni/introdott(i) għandhom jinbidlu bi traslokazzjoni/traslokat(i).

Effluwent u rimi ta' l-iskart

L-effluwenti u l-iskart kollha li jiġu ġġenerati fil-faċilità jridu jiġu ttrattati b'mod li effettivament jeqred lill-ispeċi fil-mira kollha possibbli u l-organiżmi assoċċjati. Sabiex jiġu żgurati l-operazzjoni kontinwa u l-konteniment komplet, is-sistemi ta' trattament ta' l-effluwent tal-kwarantina jridu jkunu mgħammra b'mekkaniżmi emerġenza fail-safe.

L-effluwent u l-iskart ittrattati jista' jkun fihom sustanzi li jagħmlu ħsara lill-ambjent (eż. sustanzi antifouling) u għandhom jintremaw b'mod li jnaqqas kemm jista' jkun l-impatt ambjentali.

Id-dettalji tat-trattament ta' l-effluwent u l-iskart solidu jridu jitħejjew, bl-elenkar tal-persunal responsabbli għat-trattamenti u għaż-żmien meta dawn għandhom jitwettqu. Irid isir monitoraġġ tas-sistema sabiex jiġu żgurati t-tħaddim effettiv u s-sejba minn kmieni ta' ħsarat possibbli.

Separazzjoni fiżika

L-organiżmi li ġew trasferiti jridu jinżammu separati minn organiżmi oħra sabiex ikun żgurat il-konteniment. Dan jeskludi speċi sentinella li jiġu inklużi speċifikament sabiex jiġu ttestjati l-effetti ta' l-ispeċi introdotti. Ma jridux jitħallew jidħlu għasafar, annimali oħra, aġenti ta' mard u kontaminanti.

Persunal

L-aċċess għandu jkun ristrett għal persunal imħarreġ u awtorizzat. Żraben, idejn u kwalunkwe materjal li jintuża fil-faċilità għandhom jiġu diżinfettati (ara taħt) qabel il-ħruġ mill-faċilità.

Tagħmir

Malli jaslu, l-istadji kollha tal-ħajja, it-tankijiet, l-ilma, il-kontenituri tal-merkanzija u t-tagħmir li jiġi f'kuntatt ma' l-ispeċi introdotti, inklużi l-vetturi tat-trasport, iridu jiġu ttrattati b'tali mod li jiġi żgurat li ma jseħħx il-ħrib ta' l-ispeċi jew ta' speċi assoċjati mhux fil-mira mill-faċilità. Il-materjali kollha tal-vjeġġ u ta' l-ippakkjar iridu jiġu diżinfettati jew maħruqa jekk il-ħruq tal-materjal huwa awtorizzat.

Mortalità u r-rimi ta' organiżmi mejta

Iridu jinżammu rekords ta' kuljum dwar l-imwiet u dawn għandhom ikunu disponibbli għal spezzjoni mill-awtorità kompetenti. L-organiżmi mejta kollha jridu jinżammu fil-post. L-ebda organiżmu mejjet, tessuti jew qxur ma għandhom jintremew mingħajr it-trattament approvat sabiex tiġi żgurata d-diżinfezzjoni totali. Jistgħu jintużaw trattamenti bis-sħana bħalma huma l-autoclaving jew l-isterlizzazzjoni kimika.

Il-mortalità għandha tiġi rrappurtata lill-awtorità kompetenti u l-Istati Membri iridu jinvestigaw il-kawża ta' l-imwiet fil-ħin. Il-ħut mejjet irid jiġi maħżun, ittrasportat u mormi skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta' Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta' l-annimali mhux intenzjonti għall-konsum mill-bniedem ( 16 ).

Spezzjoni u ttestjar

Spezzjonijiet regolari jridu jitwettqu għal speċi mhux fil-mira. Jekk speċi bħal dawn jew mard jew parassiti li qabel kinux ġew osservati jiġu identifikati f'organiżmu, iridu jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex is-sitwazzjoni tiġi kkontrollata. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jinkludu l-qerda ta' l-organiżmi u d-diżinfezzjoni tal-faċilità.

Tul ta' żmien

It-tul ta' żmien tal-kwarantina jvarja skond l-organiżmu in kwistjoni, l-istaġjonalità ta' l-ispeċi mhux fil-mira interessata u l-kondizzjonijiet ta' trobbija.

Żamma tar-rekords

Il-faċilitajiet ta' kwarantina jridu jżommu rekords preċiżi dwar dan li ġej:

 il-ħinijiet tad-dħul u tal-ħruġ tal-persunal;

 in-numru ta' mwiet u l-metodu ta' ħażna jew rimi;

 it-trattament ta' l-ilma li jidħol fil-faċilità u ta' l-effluwent

 il-kampjuni ppreżentati lill-esperti sabiex isiru testijiet għal speċi mhux fil-mira;

 kwalunkwe kondizzjoni anormali li taffettwa l-operat ta' kwarantina (qtugħ ta' dawl, ħsara lill-bini, kondizzjonijiet ta' maltemp serju, eċċ.).

Diżinfettar

Id-diżinfettar jinvolvi l-applikazzjoni ta' diżinfettanti f'konċentrazzjonijiet biżżejjed u għal biżżejjed ħin sabiex jinqerdu l-organiżmi ta' ħsara. Id-diżinfettanti u l-konċentrazzjonijiet għad-diżinfettar ta' kwarantina jridu jkunu bbażati fuq diżinfettar sħiħ ta' l-ilma baħar u ta' l-ilma ħelu. Konċentrazzjonijiet simili jridu jintużaw għad-diżinfettar ta' rutina tal-faċilità. Huwa rakkomandat li d-diżinfettanti kollha jiġu newtralizzati qabel ma jiġu rilaxxati fl-ambjent ċirkondanti u l-faċilitajiet li jużaw l-ilma baħar iridu jieħdu ħsieb l-ossidanti reżidwi prodotti matul id-diżinfezzjoni kimika. Fil-każ ta' emerġenza, bħal is-sejba ta' parassita importat jew aġent ta' mard, irid ikun hemm biżżejjed diżinfettant disponibbli sabiex tiġi trattata l-faċilità kollha kemm hi.

▼M1




ANNESS IV

Lista ta' speċijiet previsti fl-Artikolu 2(5)

PARTI A tal-lista:   ġenerali

Acipenser baeri ( 17 ), Sturjun Siberjan

A. gueldenstaedti ( 18 ), Sturjun Russu

A. nudiventris ( 19 ), Sturjun Fringebarbel

A. ruthenus ( 20 ), Sturjun Sterlet

A. stellatus ( 21 ), Sturjun Starry

A. sturio ( 22 ), Sturjun

Aristichthys nobilis, Karpjun ta’ rasu kbira

Carassius auratus, Gold fish

Clarias gariepinus, African catfish

Coregonus peled, Northern Whitefish

Crassostrea gigas, Pacific cupped oyster

Ctenopharyngodon idella, Grass carp

Cyprinus carpio, Karpjun Komuni

Huso huso ( 23 ), Sturjun Beluga

Hypophthalmichthys molitrix, Silver carp

Ictalurus punctatus, Channel catfish

Micropterus salmoides, Spnott ta’ ħalqu kbir

Oncorhynchus mykiss, Rainbow trout

Ruditapes philippinarum, arzella Ġappuniża jew arzella ta’ Manila

Salvelinus alpinus, Arctic char

Salvelinus fontinalis, Brook trout

Salvelinus namaycush, Great lake trout

Sander lucioperca, Pike-perch

Silurus glanis, European catfish

PARTI B tal-lista:   tad-dipartimenti Franċiżi extra-kontinentali

Macrobrachium rosenbergii, Gamblu kbir tax-xmajjar

Oreochromis mossambicus, tilapia tal-Możambik

O. niloticus, tilapia tan-Nil

Sciaenops ocellatus, Red drum



( 1 ) ĠU C 324, 30.12.2006, p. 15.

( 2 ) ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunisll (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17).

( 3 ) ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/105/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 368).

( 4 ) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunisll (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).

( 5 ) ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

( 6 ) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

( 7 ) ĠU L 187, 20.7.1999, p. 70. Id-Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni 2004/864/KE (ĠU L 370, 17.12.2004, p. 91).

( 8 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

( 9 ) ĠU L 271, 30.9.2006, p. 71.

( 10 ) ĠU L 156, 14.6.2008, p. 6.

( 11 ) ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

( 12 ) ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

( 13 ) ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14

( 14 ) ĠU L 187, 20.7.1999, p. 70.

( 15 ) ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

( 16 ) ĠU L 273, 31.12.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2007/2006 (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 98).

( 17 ) Ibridi ta’ l-ispeċijiet ta’ l-isturjuni