02007R0168 — MT — 27.04.2022 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 168/2007

tal-15 ta' Frar 2007

li jistabbilixxi Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali

(ĠU L 053 22.2.2007, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/555 tal-5 ta’ April 2022

  L 108

1

7.4.2022




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 168/2007

tal-15 ta' Frar 2007

li jistabbilixxi Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali



KAPITOLU 1

SUĠĠETT, OBJETTIV, KAMP TA' APPLIKAZZJONI, KOMPITI U OQSMA TA' ATTIVITÀ

Artikolu 1

Suġġett

L-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (“l-Aġenzija”) hija b'dan stabbilita.

▼M1

Artikolu 2

Objettiv

L-objettiv tal-Aġenzija għandu jkun li, waqt l-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, tipprovdi lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni u lill-Istati Membri b'assistenza u għarfien espert relatati mad-drittijiet fundamentali sabiex tappoġġahom meta jieħdu miżuri jew jifformulaw pjanijiet ta' azzjoni fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom biex jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

1.  
L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti tagħha għall-finijiet li tilħaq l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 2 fi ħdan il-kompetenzi tal-Unjoni.
2.  
Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Aġenzija għandha tirreferi għad-drittijiet fundamentali kif imsemmija fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).
3.  
L-Aġenzija għandha tittratta kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali fl-Unjoni u fl-Istati Membri meta timplimenta l-liġi tal-Unjoni, ħlief għal atti jew attivitajiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri b'rabta mal-politika estera u ta' sigurtà komuni jew fil-qafas tagħha.

▼B

Artikolu 4

Kompiti

1.  

Biex tilħaq l-objettiv imniżżel fl-Artikolu 2 u fi ħdan il-kompetenzi tagħha mniżżla fl-Artikolu 3, l-Aġenzija għandha:

▼M1

a) 

tiġbor, tirreġistra, tanalizza u xxerred informazzjoni u data rilevanti, oġġettivi, affidabbli u komparabbli, inkluż riżultati minn riċerka u monitoraġġ ikkomunikati lilha mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, minn ċentri tar-riċerka, korpi nazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari mill-korpi kompetenti tal-Kunsill tal-Ewropa;

▼B

b) 

tiżviluppa metodi u standards għat-titjib tal-komparabbilità, l-oġġettività u l-affidabbiltà tad-data fuq livell Ewropew, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istati Membri;

▼M1

c) 

twettaq, tikkoopera ma' jew tinkoraġġixxi riċerka u stħarriġ xjentifiċi, studji preparatorji u studji ta' fattibbiltà, inkluż, fejn ikun xieraq u kompatibbli mal-prijoritajiet tagħha u mal-programmi ta' ħidma annwali u pluriennali tagħha, fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni;

d) 

tifformula u tippubblika konklużjonijiet u opinjonijiet dwar suġġetti tematiċi speċifiċi, għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri waqt l-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni;

▼B

e) 

tippubblika rapport annwali dwar kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali koperti mill-oqsma ta' l-attività ta' l-Aġenzija, waqt li tenfasizza wkoll eżempji ta' prattika tajba;

f) 

tippubblika rapporti tematiċi bbażati fuq l-analiżi, ir-riċerka u l-istħarriġ tagħha;

g) 

tippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħha; u

h) 

tiżviluppa strateġija ta' komunikazzjoni u tippromwovi djalogu mas-soċjetà ċivili, sabiex tqajjem għarfien pubbliku dwar drittijiet fundamentali u tferrex informazzjoni b'mod attiv dwar ħidmitha.

▼M1

2.  
Il-konklużjonijiet, l-opinjonijiet u r-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jikkonċernaw proposti mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 293 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jew ta' pożizzjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet matul proċeduri leġislattivi biss fejn talba mill-istituzzjoni rispettiva tkun saret skont il-paragrafu 1, il-punt (d). Huma m'għandhomx jittrattaw il-legalità ta' atti fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE jew il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru naqasx milli jwettaq obbligu taħt it-Trattati fis-sens tal-Artikolu 258 TFUE.

▼M1

3.  
Il-Kumitat Xjentifiku għandu jiġi kkonsultat qabel l-adozzjoni tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (e).
4.  
L-Aġenzija għandha tippreżenta r-rapporti msemmija fil-paragrafu 1, punti (e) u (g) sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ġunju ta' kull sena lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni.

▼M1

Artikolu 5

Oqsma ta' attività

L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti tagħha fuq il-bażi tal-programmi ta' ħidma annwali u pluriennali tagħha, li għandhom ikunu f'konformità mar-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għat-tweġibiet tal-Aġenzija għal talbiet mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(1), il-punti (c) u (d) 'il barra mill-oqsma determinati mill-programmi ta' ħidma annwali u pluriennali, dment li r-riżorsi finanzjarji u umani tagħha jippermettu dan.

▼M1

Artikolu 5a

Programmazzjoni annwali u pluriennali

1.  
Kull sena d-Direttur għandu jfassal abbozz ta' dokument ta' programmazzjoni, li jkun fih b'mod partikolari l-programmi ta' ħidma annwali u pluriennali, f'konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 ( 1 ).
2.  
Id-Direttur għandu jippreżenta l-abbozz tad-dokument ta' programmazzjoni lill-Bord ta' Tmexxija. Id-Direttur għandu jippreżenta l-abbozz tad-dokument ta' programmazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar ta' kull sena, kif approvat mill-Bord tat-Tmexxija. Fil-Kunsill, il-korp preparatorju kompetenti tal-Kunsill għandu jiddiskuti l-abbozz tal-programm ta' ħidma pluriennali u jista' jistieden lill-Aġenzija tippreżenta dak l-abbozz.
3.  
Id-Direttur għandu jippreżenta wkoll l-abbozz tad-dokument ta' programmazzjoni lill-uffiċjali nazzjonali ta’ kollegament imsemmija fl-Artikolu 8(1) u lill-Kumitat Xjentifiku sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar ta' kull sena bil-ħsieb li l-Istati Membri rilevanti u l-Kumitat Xjentifiku jkunu jistgħu jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-abbozz.
4.  
Fid-dawl tal-eżitu tad-diskussjoni fi ħdan il-korp preparatorju kompetenti tal-Kunsill u tal-opinjonijiet li jaslu mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Kumitat Xjentifiku, id-Direttur għandu jippreżenta l-abbozz tad-dokument ta' programmazzjoni lill-Bord tat-Tmexxija għall-adozzjoni. Id-Direttur għandu jippreżenta d-dokument ta’ programmazzjoni adottat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-uffiċjali nazzjonali ta’ kollegament imsemmija fl-Artikolu 8(1).

▼B



KAPITOLU 2

METODI TA' ĦIDMA U KOOPERAZZJONI

Artikolu 6

Metodi ta' Ħidma

1.  

Sabiex tiżgura l-provvista ta' informazzjoni oġġettiva, affidabbli u komparabbli, filwaqt li tagħmel użu mill-kompetenza ta' diversi organizzazzjonijiet u korpi f'kull Stat Membru u billi tieħu kont tal-ħtieġa li tinvolvi l-awtoritajiet nazzjonali fil-ġbir tad-data, l-Aġenzija għandha:

a) 

tistabbilixxi u tikkoordina networks ta' informazzjoni u tagħmel użu minn networks eżistenti;

b) 

torganizza laqgħat ta' esperti esterni; u

ċ) 

kulmeta jkun meħtieġ, tistabbilixxi Gruppi ta' ħidma ad hoc.

2.  

Fit-twettiq ta' l-attivitajiet tagħha l-Aġenzija, sabiex tiżgura komplementarjetà u tiggarantixxi l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi, għandha tieħu kont, fejn xieraq, ta' l-informazzjoni miġbura u ta' l-attivitajiet imwettqa, b'mod partikolari minn:

▼M1

a) 

l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, kif ukoll il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Istati Membri;

▼B

b) 

il-Kunsill ta' l-Ewropa, billi jkun hemm referenza għas-sejbiet u l-attivitajiet tal-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u kontroll tal-Kunsill ta' l-Ewropa, u tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill ta' l-Ewropa; u

ċ) 

l-Organizzazzjonijiet ta' Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), in-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn.

3.  
L-Aġenzija tista' tidħol f'relazzjonjiet kuntrattwali, b'mod partikolari arranġamenti għal sottokuntratti, ma' organizzazzjonijiet oħra, sabiex twettaq kwalunkwe kompitu li hija tista' tafdalhom. L-Aġenzija tista' tagħti wkoll għotjiet għall-promozzjoni ta' kooperazzjoni u intrapriżi konġunti xierqa, b'mod partikolari lill-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali kif msemmija fl-Artikoli 8 u 9.

▼M1

Artikolu 7

Relazzjonijiet mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni

L-Aġenzija għandha tiżgura li jkun hemm koordinazzjoni xierqa mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni. It-termini tal-kooperazzjoni għandhom jiġu stabbiliti f'memoranda ta' qbil fejn xieraq.

▼B

Artikolu 8

Kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet fuq livell ta' Stat Membru u fuq livell internazzjonali

▼M1

1.  
Kull Stat Membru għandu jinnomina uffiċjal tal-gvern bħala uffiċjal nazzjonali ta’ kollegament.

L-uffiċjal ta’ kollegament nazzjonali għandu jkun il-punt ta’ kuntatt ewlieni għall-Aġenzija fl-Istat Membru.

L-Aġenzija u l-uffiċjali nazzjonali ta’ kollegament għandhom jaħdmu flimkien fi spirtu ta’ kooperazzjoni reċiproka u mill-qrib.

L-Aġenzija għandha tikkomunika lill-uffiċjali nazzjonali ta' kollegament id-dokumenti kollha mfassla f'konformità mal-Artikolu 4(1).

▼B

2.  

Biex jgħinuha twettaq il-kompiti tagħha, l-Aġenzija għandha tikkoopera ma':

a) 

organizzazzjonijiet tal-gvern u korpi pubbliċi kompetenti fil-qasam tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri, inkluż istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; u

b) 

l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), b'mod partikolari l-Uffiċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR), in-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn.

▼M1

3.  
L-arranġamenti amministrattivi għall-kooperazzjoni skont il-paragrafu 2 għandhom ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni u għandhom jiġu adottati mill-Bord tat-Tmexxija abbażi tal-abbozz ippreżentat mid-Direttur wara li l-Kummissjoni tkun tat opinjoni. Fejn il-Kummissjoni tesprimi n-nuqqas ta' qbil tagħha ma' dawk l-arranġamenti, il-Bord tat-Tmexxija għandu jerġa' jeżaminahom u jadottahom, bl-emendi fejn ikun meħtieġ, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri kollha.

Artikolu 9

Kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa

Sabiex tevita d-duplikazzjoni u sabiex tiżgura komplementarjetà u valur miżjud, l-Aġenzija għandha tikkoordina l-attivitajiet tagħha ma' dawk tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari rigward il-programmi ta' ħidma annwali u pluriennali tagħha u l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili f'konformità mal-Artikolu 10.

Għal dak l-għan, l-Unjoni għandha, f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 tat-TFUE, tidħol fi ftehim mal-Kunsill tal-Ewropa biex tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejnu u l-Aġenzija. Dak il-ftehim għandu jinkludi l-ħatra min-naħa tal-Kunsill tal-Ewropa ta' persuna indipendenti biex tkun fuq il-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija u fuq il-Bord Eżekuttiv tagħha, f’konformità mal-Artikoli 12 u 13.

▼B

Artikolu 10

Kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili; Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali

1.  
L-Aġenzija għandha tikkoopera mill-qrib ma' organizzazzjonijiet mhux governattivi u ma' istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili, attivi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali inkluż il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija fuq livell nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali. Għal dak il-għan, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi network ta' kooperazzjoni (“Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali”), magħmula minn organizzazzjonijiet mhux governattivi li jittrattaw drittijiet tal-bniedem, trade unions u organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, organizzazzjonijiet soċjali u professjonali rilevanti, knejjes, organizzazzjonijiet reliġjużi, filożofiċi u mhux konfessjonarji, universitajiet u esperti kwalifikati oħrajn ta' korpi u organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali.
2.  
Il-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali għandha tikkostitwixxi mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni u l-qsim ta' tagħrif. Għandha tiżgura kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Aġenzija u l-partijiet interessati rilevanti.
3.  
Il-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali għandha tkun miftuħa għall-partijiet interessati li jkunu kwalifikati skond il-paragrafu 1. L-Aġenzija tista' tindirizza l-membri tal-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali skond ħtiġijiet speċifiċi marbuta ma' oqsma identifikati bħala prijoritajiet għall-ħidma ta' l-Aġenzija.
4.  

L-Aġenzija għandha tagħmel sejħa lill-Pjattaforma b'mod partikolari, biex:

▼M1

a) 

tagħmel suġġerimenti lill-Bord ta' Tmexxija dwar il-programmi ta' ħidma annwali u pluriennali li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 5a;

▼B

b) 

tagħti reazzjoni u tissuġġerixxi segwitu lill-Bord ta' Tmexxija dwar ir-rapport annwali previst fl-Artikolu 4 (1)(e); u

ċ) 

tikkomunika r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet ta' konferenzi, seminars u laqgħat rilevanti għall-ħidma ta' l-Aġenzija lid-Direttur u lill-Kumitat Xjentifiku.

5.  
Il-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali għandha tkun ikkoordinata taħt l-awtorità tad-Direttur.



KAPITOLU 3

ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 11

Korpi ta' l-Aġenzija

L-Aġenzija għandha tinkludi:

a) 

Bord ta' Tmexxija;

b) 

Bord Eżekuttiv;

ċ) 

Kumitat Xjentifiku; u

d) 

Direttur.

Artikolu 12

Bord ta' Tmexxija

▼M1

1.  

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun magħmul minn persuni li jkollhom għarfien tajjeb fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u esperjenza adatta fil-ġestjoni ta' organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku jew dak privat, inkluż ħiliet amministrattivi u baġitarji, kif ġej:

▼B

a) 

persuna waħda indipendenti maħtura minn kull Stat Membru, li jkollha livell għoli ta' responsabbiltà f'istituzzjoni nazzjonali indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem jew organizzazzjoni oħra tas-settur pubbliku jew privat;

b) 

persuna waħda indipendenti maħtura mill-Kunsill ta' l-Ewropa; u

ċ) 

żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni.

▼M1

L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Ewropa għandhom jagħmlu ħilithom biex jiksbu rappreżentanza ugwali tan-nisa u l-irġiel fil-Bord tat-Tmexxija.

▼B

2.  
Kull membru tal-Bord ta' Tmexxija jista' jiġi rappreżentat minn membru supplenti li jissodisfa l-ħtiġiet imsemmija hawn fuq u maħtur bl-istess proċedura. Il-lista tal-membru u tal-membri tal-membri supplenti għandha ssir pubblika u għandha tiġi aġġornata mill-Aġenzija fil-web site tagħha.

▼M1

3.  
Il-mandat tal-membri u l-membri supplenti tal-Bord tat-Tmexxija għandu jkun ta' 5 snin. Eks membru jew eks membru supplenti jista' jerġa' jinħatar għal mandat mhux konsekuttiv.
4.  
Minbarra sostituzzjoni normali jew mewt, il-mandat tal-membru jew tal-membru supplenti għandu jintemm biss meta jirreżenja. Madankollu, meta membru jew membru supplenti ma jibqax jissodisfa l-kriterji ta' indipendenza, huwa għandu jirreżenja minnufih u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lid-Direttur. F’dawk il-każijiet apparti sostituzzjoni normali, il-parti kkonċernata għandha taħtar membru ġdid jew membru supplenti ġdid għall-bqija tal-mandat. Il-parti kkonċernata għandha taħtar ukoll membru ġdid jew membru supplenti ġdid għall-bqija tal-mandat, jekk il-Bord tat-Tmexxija jkun stabbilixxa, abbażi ta' proposta ta' terz tal-membri tiegħu jew tal-Kummissjoni, li l-membru jew il-membru supplenti rispettiv ma jkunx għadu jissodisfa l-kriterji ta' indipendenza. Meta l-bqija tal-mandat ikun inqas minn sentejn, il-mandat tal-membru jew il-membru supplenti l-ġdid jista' jiġi estiż għal terminu sħiħ ta' ħames snin.
5.  
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeleġġi lill-President u lill-Viċi President tiegħu u liż-żewġ membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv imsemmija fl-Artikolu 13(1) minn fost il-membri tiegħu maħtura skont il-paragrafu 1, il-punt (a) ta' dan l-Artikolu biex iservu mandat ta' sentejn u nofs, li jista' jiġġedded darba.

Il-President u l-Viċi President tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jiġu eletti b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (c) ta' dan l-Artikolu. Iż-żewġ membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv imsemmija fl-Artikolu 13(1) għandhom jiġu eletti mill-maġġoranza tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (c) ta' dan l-Artikolu.

▼B

6.  

Il-Bord ta' Tmexxija għandu jiżgura li l-Aġenzija twettaq il-kompiti fdati lilha. Huwa għandu jkun il-korp ta' l-ippjanar u l-monitoraġġ ta' l-Aġenzija. B'mod partikolari, hu għandu:

▼M1

a) 

jadotta l-programmi ta' ħidma annwali u pluriennali tal-Aġenzija;

b) 

jadotta r-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 4(1), il-punti (e) u (g), u f'dan tal-aħħar iqabbel, b'mod partikolari, ir-riżultati miksuba mal-objettivi tal-programmi ta' ħidma annwali u pluriennali;

▼B

ċ) 

jaħtar u, jekk meħtieġ, ineħħi mill-kariga d-Direttur ta' l-Aġenzija;

d) 

jadotta l-abbozz tal-baġit annwali u l-baġits finali ta' l-Aġenzija;

▼M1

e) 

jeżerċita f'konformità mal-paragrafi 7a u 7b ta’ dan l-Artikolu, fir-rigward tal-persunal tal-Aġenzija, is-setgħat ikkonferiti mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni (il-“Kondizzjonijiet tal-Impjieg”) stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 ( 2 ) dwar l-awtorità tal-ħatra u dwar l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi kuntratt ta’ impjieg, rispettivament (''is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra);

▼B

f) 

ifassal stima annwali ta' nefqa u ta' dħul għall-aġenzija u jibgħatha lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 20(5);

g) 

jadotta r-regoli ta' proċedura ta' l-Aġenzija abbażi ta' l-abbozz ippreżentat mid-Direttur wara li l-Kummissjoni, il-Kumitat Xjentifiku u l-persuna msemmija fil-paragrafu (1)(b) jkunu taw opinjoni;

h) 

jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija abbażi ta' l-abbozz ippreżentat mid-Direttur u wara li l-Kummissjoni tkun tat opinjoni, skond l-Artikolu 21(11);

▼M1

i) 

jadotta r-regoli ta' implimentazzjoni biex jingħata effett lir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, f'konformità mal-Artikolu 110(2) tar-Regolamenti tal-Persunal;

▼B

j) 

jadotta l-arranġamenti dwar it-trasparenza u l-aċċesss għad-dokumenti skond l-Artikolu 17(2);

k) 

jaħtar u jirrevoka l-membri tal-Kumitat Xjentifiku skond l-Artikolu 14 (1) u (3);

l) 

jistabbilixxi li membru jew membru supplenti tal-Bord ta' Tmexxija ma jissodisfax aktar il-kriterji ta' indipendenza, skond il-paragrafu 4;

▼M1

m) 

jadotta strateġija ta’ sigurtà, inklużi regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE;

n) 

jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-immaniġġar tal-konflitti ta' interess fir-rigward tal-membri tiegħu kif ukoll tal-Kumitat Xjentifiku; u

o) 

jadotta u jaġġorna regolarment l-istrateġija ta’ komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1), il-punt (h).

▼B

7.  
Il-Bord ta' Tmexxija jista' jiddelega r-responsabbiltajiet tiegħu lill-Bord Eżekuttiv ħlief għal kwistjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b), (ċ), (d), (e), (g), (h), (k) u (l) tal-paragrafu 6.

▼M1

7a.  
F’konformità mal-Artikolu 110(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, li biha jiddelega s-setgħat rilevanti tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur u li fiha jiddefinixxi l-kondizzjonijiet li skonthom dik id-delega tas-setgħat tkun tista’ tiġi sospiża. Id-Direttur għandu jkun awtorizzat jissottodelega dawk is-setgħat.
7b.  
Meta jkun meħtieġ minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Bord tat-Tmexxija jista', permezz ta' deċiżjoni, jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur u dawk is-setgħat sottodelegati mid-Direttur u jeżerċitahom hu stess jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil xi membru tal-persunal li ma jkunx id-Direttur.

▼M1

8.  
Bħala regola ġenerali, id-deċiżjonijiet mill-Bord tat-Tmexxija għandhom jittieħdu b’maġġoranza tal-membri kollha.

Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6, il-punti (a) sa (e), (g), (k) u (l) għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri kollha.

Id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(2) għandhom jittieħdu b’unanimità.

Kull membru tal-Bord tat-Tmexxija, jew, fl-assenza tiegħu, il-membru supplenti tiegħu, għandu jkollu vot wieħed. Il-President għandu jkollu l-vot deċiżiv.

Il-persuna maħtura mill-Kunsill tal-Ewropa tista' tivvota biss fuq id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6, il-punti (a), (b) u (k).

9.  
Il-President għandu jlaqqa' l-Bord tat-Tmexxija darbtejn fis-sena, mingħajr preġudizzju għal-laqgħat straordinarji. Il-President għandu jlaqqa' laqgħat straordinarji fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Kummissjoni jew ta' mill-inqas terz tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija.
10.  
Il-President jew il-Viċi-President tal-Kumitat Xjentifiku u d-Direttur tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistgħu jattendu laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija bħala osservaturi. Id-Diretturi ta' aġenziji u korpi rilevanti oħra tal-Unjoni kif ukoll ta' korpi internazzjonali oħra msemmija fl-Artikoli 8 u 9 jistgħu jattendu wkoll bħala osservaturi meta mistiedna biex jagħmlu hekk mill-Bord Eżekuttiv.

Artikolu 13

Bord Eżekuttiv

1.  
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun assistit minn Bord Eżekuttiv. Il-Bord Eżekuttiv għandu jissorvelja l-ħidma preparatorja meħtieġa biex id-deċiżjonijiet jiġu adottati mill-Bord tat-Tmexxija. B’mod partikolari, huwa għandu jiskrutinizza kwistjonijiet baġitarji u ta’ riżorsi umani.
2.  

Barra minn hekk, il-Bord Eżekuttiv għandu wkoll:

(a) 

jirrieżamina d-dokument ta' programmazzjoni tal-Aġenzija msemmi fl-Artikolu 5a, abbażi ta' abbozz imħejji mid-Direttur, u jippreżentah lill-Bord ta' Tmexxija għall-adozzjoni;

(b) 

jirrieżamina l-abbozz tal-baġit annwali tal-Aġenzija u jippreżentah lill-Bord tat-Tmexxija għall-adozzjoni;

(c) 

jirrieżamina l-abbozz tar-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija u jippreżentah lill-Bord tat-Tmexxija għall-adozzjoni;

(d) 

jadotta strateġija kontra l-frodi għall-Aġenzija, li tkun proporzjonata għar-riskji ta’ frodi, b’kont meħud tal-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri li jridu jiġu implimentati u fuq il-bażi ta’ abbozz imħejji mid-Direttur;

(e) 

jiżgura segwitu adegwat għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li jiġu mir-rapporti u l-evalwazzjonijiet tal-awditjar intern jew estern, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE);

(f) 

mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tad-Direttur, stabbiliti fl-Artikolu 15(4), jassistih u jagħtih pariri fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija bil-ħsieb li tissaħħaħ is-superviżjoni tal-ġestjoni amministrattiva u baġitarja.

3.  
Meta jkun meħtieġ, għal raġunijiet ta’ urġenza, il-Bord Eżekuttiv jista' jieħu deċiżjonijiet proviżorji f'isem il-Bord tat-Tmexxija, fosthom dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra, f'konformità mal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12(7a) u (7b) u dwar kwistjonijiet baġitarji.
4.  
Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul mill-President u mill-Viċi President tal-Bord tat-Tmexxija, żewġ membri oħra tal-Bord tat-Tmexxija eletti mill-Bord tat-Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 12(5) u wieħed mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-Bord tat-Tmexxija.

Il-persuna maħtura mill-Kunsill tal-Ewropa fil-Bord tat-Tmexxija tista' tipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv.

5.  
Il-Bord Eżekuttiv għandu jitlaqqa’ mill-President. Huwa jista’ jitlaqqa’ wkoll fuq it-talba ta’ wieħed mill-membri tiegħu. Huwa għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza tal-membri preżenti. Il-persuna maħtura mill-Kunsill tal-Ewropa tista’ tivvota fuq punti relatati mad-deċiżjonijiet li jkollha d-dritt li tivvota fuqhom fil-Bord tat-Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 12(8).
6.  
Id-Direttur għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv, mingħajr ma jkollu dritt jivvota.

▼B

Artikolu 14

Kumitat Xjentifiku

▼M1

1.  
Il-Kumitat Xjentifiku għandu jkun magħmul minn 11-il persuna indipendenti, bi kwalifiki għoljin fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u kompetenzi adegwati fil-metodoloġiji ta' kwalità u ta' riċerka xjentifiċi. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jaħtar lill-11-il membru u japprova lista ta’ riżerva stabbilita skont l-ordni tal-mertu wara sejħa trasparenti għall-applikazzjonijiet u proċedura ta' għażla trasparenti u wara li jkun ikkonsulta lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jiżgura rappreżentanza ġeografika ugwali u għandu jagħmel ħiltu biex jikseb rappreżentanza ugwali ta' nisa u rġiel fil-Kumitat Xjentifiku. Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija ma għandhomx ikunu membri tal-Bord Xjentifiku. Ir-regoli ta' proċedura msemmija fl-Artikolu 12(6), il-punt (g) għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet dettaljati li jirregolaw il-ħatra tal-Kumitat Xjentifiku.

▼B

2.  
Il-mandat tal-membri tal-Bord Xjentifiku għandu jkun ta' ħames snin. Hu m'għandux ikun rinnovabbli.

▼M1

3.  
Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandhom ikunu indipendenti. Huma jistgħu jiġu sostitwiti biss fuq it-talba tagħhom stess, jew fil-każ li jkunu prevenuti permanentement milli jwettqu dmirijiethom. Madankollu, meta membru ma jibqax jissodisfa aktar il-kriterji ta' indipendenza, huwa għandu jirreżenja minnufih u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lid-Direttur. Alternattivament, il-Bord tat-Tmexxija jista' jiddikjara, fuq proposta ta' terz tal-membri tiegħu jew tal-Kummissjoni, nuqqas ta' indipendenza u jirrevoka l-ħatra tal-persuna kkonċernata. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jaħtar l-ewwel persuna disponibbli li jkun imiss skont il-lista ta’ riżerva għall-bqija tal-mandat. Meta l-mandat ikun fadallu inqas minn sentejn, il-mandat tal-membru l-ġdid jista' jiġi estiż għal terminu sħiħ ta' ħames snin. Il-lista tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandha ssir pubblika u għandha tiġi aġġornata mill-Aġenzija fis-sit web tagħha.

▼B

4.  
Il-Kumitat Xjentifiku għandu jeleġġi lill-President u lill-Viċi-President tiegħu għal mandat ta' sena.
5.  
Il-Kumitat Xjentifiku għandu jkun il-garanti tal-kwalità xjentifika tal-ħidma ta' l-Aġenzija u jmexxi l-ħidma tagħha għal dak il-effett. Għal dak il-għan, id-Direttur għandu jinvolvi lill-Kumitat Xjentifiku malajr kemm jista' jkun fit-tħejjija tad-dokumenti kollha mfassla skond skond l-Artikolu 4 (1) (a), (b), (ċ), (d), (e), (f), u (h).

▼M1

Il-Kumitat Xjentifiku għandu b'mod partikolari jagħti pariri lid-Direttur u lill-Aġenzija dwar il-metodoloġija xjentifika tar-riċerka applikata fil-ħidma tal-Aġenzija.

▼B

6.  
Il-Kumitat Xjentifiku għandu jiddikjara ruħu b'maġġoranza ta' żewġ terzi. Hu għandu jiġi msejjaħ mill-President tiegħu erba' darbiet fis-sena. Jekk meħtieġ, il-President għandu jniedi proċedura bil-miktub jew isejjaħ laqgħat straordinarji fuq l-inizjattiva tiegħu jew tagħha stess jew fuq it-talba ta' mill-inqas erba' membri tal-Kumitat Xjentifiku.

Artikolu 15

Direttur

1.  
L-Aġenzija għandha tkun immexxija minn Direttur, maħtur/a mill-Bord tat-Tmexxija f'konformità ma' proċedura ta' kooperazzjoni (“konċertazzjoni”) prevista fil-paragrafu 2.

Id-Direttur għandu jinħatar abbażi tal-mertu personali tiegħu jew tagħha, l-esperjenza fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u ħiliet amministrattivi u ta' tmexxija.

2.  

Din il-proċedura ta' kooperazzjoni għandha tkun kif ġej:

a) 

Abbażi tal-lista mfassla mill-Kummissjoni wara sejħa għal kandidati u proċedura trasparenti ta' selezzjoni, l-applikanti se jkunu mitlubin qabel ma ssir il-ħatra biex jindirizzaw lill-Kunsill u lill-Kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u biex jwieġbu għal mistoqsijiet.

b) 

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea mbagħad jagħtu l-opinjonijiet tagħhom u jiddikjaraw l-ordnijiet tagħhom ta' preferenza.

ċ) 

Il-Bord ta' Tmexxija se jaħtar lid-Direttur waqt li jikkunsidra dawn l-opinjonijiet.

▼M1

3.  
Il-mandat tad-Direttur għandu jkun ta' ħames snin.

Matul it-12-il xahar li jippreċedu t-tmiem ta' dak il-perijodu ta' ħames snin, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni sabiex tevalwa b'mod partikolari:

(a) 

l-prestazzjoni tad-Direttur;

(b) 

id-dmirijiet u r-rekwiżiti tal-Aġenzija fis-snin li ġejjin.

Il-Bord tat-Tmexxija, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, filwaqt li jieħu kont tal-evalwazzjoni, jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur darba għal mhux aktar minn 5 snin.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-intenzjoni tiegħu li jestendi l-mandat tad-Direttur. Fiż-żmien xahar qabel ma l-Bord tat-Tmexxija jieħu formalment id-deċiżjoni tiegħu li jestendi dan il-mandat, id-Direttur jista' jintalab jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb il-mistoqsijiet mill-membri tiegħu.

Jekk il-mandat ma jiġġeddidx, id-Direttur għandu jibqa' fil-kariga sal-ħatra tas-suċċessur tiegħu.

4.  

Id-Direttur għandu jkun responsabbli:

(a) 

għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 4 u b'mod partikolari t-tħejjija u l-pubblikazzjoni tad-dokumenti kollha mfassla f’konformità mal-Artikolu 4(1), il-punti (a) sa (h) b'kooperazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku;

(b) 

għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tad-dokument ta' programmazzjoni tal-Aġenzija msemmi fl-Artikolu 5a;

(c) 

għall-kwistjonijiet ta' amministrazzjoni ta' kuljum;

(d) 

għall-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni adottati mill-Bord tat-Tmexxija;

(e) 

għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija, f’konformità mal-Artikolu 21;

(f) 

għall-implimentazzjoni ta’ proċeduri effettivi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni relatati mal-prestazzjoni tal-Aġenzija fil-konfront tal-objettivi tagħha f'konformità mal-istandards rikonoxxuti professjonalment u l-indikaturi tal-prestazzjoni;

(g) 

għat-tħejjija ta’ pjan ta’ azzjoni biex ikun hemm segwitu għall-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet retrospettivi li jivvalutaw il-prestazzjoni tal-programmi u tal-attivitajiet li jinvolvu nfiq sinifikanti, f'konformità mal-Artikolu 29 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/715;

(h) 

għar-rappurtar annwali lill-Bord tat-Tmexxija dwar ir-riżultati tas-sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni;

(i) 

għat-tħejjija ta’ strateġija kontra l-frodi għall-Aġenzija u għall-preżentazzjoni tagħha quddiem il-Bord Eżekuttiv għall-approvazzjoni;

(j) 

għat-tħejjija ta' pjan ta' azzjoni biex ikun hemm segwitu għall-konklużjonijiet tar-rapporti ta' awditjar u l-evalwazzjonijiet interni jew esterni, kif ukoll ta' investigazzjonijiet mill-OLAF u għar-rappurtar dwar il-progress lill-Kummissjoni u lill-Bord ta' Tmexxija;

(k) 

għall-kooperazzjoni mal-uffiċjali nazzjonali ta' kollegament;

(l) 

għall-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, inkluż il-koordinazzjoni tal-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali f’konformità mal-Artikolu 10.

▼B

5.  
Id-Direttur għandu jwettaq il-kompiti tiegħu b'mod indipendenti. Huwa għandu jagħti rendikont tat-tmexxija ta' l-attivitajiet tiegħu lill-Bord ta' Tmexxija u għandu jipparteċipa fil-laqgħat tiegħu mingħajr ma jkollu d-dritt li tivvota.
6.  
Id-Direttur jista' jissejjaħ fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill biex jattendi smigħ dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta ma' l-attivitajiet ta' l-Aġenzija.

▼M1

7.  
Id-Direttur jista' jitneħħa mill-kariga qabel ma l-mandat tiegħu jkun skada bid-deċiżjoni tal-Bord ta' Tmexxija, abbażi ta' proposta minn żewġ terzi tal-membri tiegħu, jew tal-Kummissjoni, fil-każ ta' mġiba ħażina, prestazzjoni mhux sodisfaċenti jew irregolaritajiet rikorrenti jew serji.

▼B



KAPITOLU 4

ĦIDMA

Artikolu 16

Indipendenza u interessi pubbliċi

1.  
L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti tagħha f'indipendenza sħiħa.
2.  
Il-membri u l-membri supplenti tal-Bord ta' Tmexxija, il-membri tal-Kumitat Xjentifiku u d-Direttur għandhom jimpenjaw ruħhom li jaġixxu fl-interess pubbliku. Għal dan l-iskop, huma għandhom jagħmlu dikjarazzjoni ta' interessi billi jindikaw jew in-nuqqas ta' kwalunkwe interess li jista' jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom jew kwalunkwe interess dirett jew indirett li jista' jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom. Id-dikjarazzjoni għandha ssir bil-miktub meta jittieħed il-mandat u għandha tkun irriveduta jekk iseħħu bidliet rigward l-interessi. Hija għandha tiġi ppubblikata mill-Aġenzija fuq il-website tagħha.

Artikolu 17

Trasparenza u aċċess għal dokumenti

1.  
L-Aġenzija għandha tiżviluppa prattika amministrattiva tajba sabiex tiżgura l-ogħla livell ta' trasparenza possibbli rigward l-attivitajiet tagħha.

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Aġenzija.

2.  

Il-Bord ta' Tmexxija għandu, fi żmien sitt xhur mill-bidu tal-ħidma ta' l-operat ta' l-Aġenzija jadotta regoli speċifiċi għall-implimentazzjoni prattika ta' paragrafu 1. Dawn għandhom jinkludu fost l-oħrajn regoli dwar:

a) 

aċċessibbiltà għal laqgħat

b) 

il-pubblikazzjoni tal-ħidmiet ta' l-aġenzija, inklużi dawk tal-Kumitat Xjentifiku; u

ċ) 

arranġamenti għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

▼M1

3.  
Fejn l-Aġenzija tieħu deċiżjonijiet skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, jista' jitressaq ilment lill-Ombudsman jew tista' titressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Qorti tal-Ġustizzja), kif previst fl-Artikoli 228 u 263 tat-TFUE rispettivament.

▼B

Artikolu 18

Protezzjoni tad-data

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandu japplika għall-Aġenzija.

▼M1

Artikolu 19

Rieżami mill-Ombudsman

L-operazzjonijiet tal-Aġenzija għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni tal-Ombudsman f'konformità mal-Artikolu 228 TFUE.

▼B



KAPITOLU 5

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 20

Tfassil tal-baġit

1.  
L-istimi tad-dħul u ta' n-nefqa kollha ta' l-Aġenzija għandhom jiġu mħejjija għal kull sena finanzjarja, li tikkorrispondi għas-sena kalendarja, u għandhom jidhru fil-baġit ta' l-Aġenzija.
2.  
Id-dħul u n-nefqa li jidhru fil-baġit ta' l-Aġenzija għandhom ikunu f'bilanċ.

▼M1

3.  
Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħra, id-dħul tal-Aġenzija għandu jinkludi sussidju mill-Unjoni, imdaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni (taqsima tal-Kummissjoni).

▼B

Dan id-dħul jista' jiġi kkomplementat bi:

a) 

ħlasijiet irċevuti għal servizzi mogħtija fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' kompiti elenkati fl-Artikolu 4; u

b) 

kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-organizzazzjonijiet jew pajjiżi msemmija fl-Artikoli 8, 9 u 28.

4.  
In-nefqa ta' l-Aġenzija għandha tinkludi r-remunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi u ta' l-infrastruttura u l-ispejjeż operattivi.
5.  
Kull sena l-Bord ta' Tmexxija, abbażi ta' abbozz imfassal mid-Direttur, għandu jipproduċi stima tad-dħul u tan-nefqa għall-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta' wara. Din l-istima, li għandha tinkludi abbozz ta' pjan ta' stabbiliment, għandha tiġi trasmessa mill-Bord ta' Tmexxija lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu.
6.  
L-istima għandha tiġi trasmessa mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (minn issa 'l quddiem “l-awtorità tal-baġit”) flimkien ma' l-abbozz preliminari tal-baġit ta' l-Unjoni Ewropea.

▼M1

7.  
Abbażi tal-istima, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea l-istimi li tqis li huma meħtieġa għall-pjan ta' stabbiliment u l-ammont tas-sussidju li ser jiġi ddebitat lill-baġit ġenerali, li hi ser tqiegħed quddiem l-awtorità tal-baġit skont l-Artikolu 314 tat-TFUE.

▼B

8.  
L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju lill-Aġenzija. L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment ta' l-Aġenzija.
9.  
Il-baġit ta' l-Aġenzija għandu jiġi adottat mill-Bord ta' Tmexxija. Dan għandu jsir finali wara l-adozzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Fejn hu xieraq, dan għandu jkun aġġustat kif meħtieġ.
10.  
Il-Bord ta' Tmexxija għandu, malajr kemm jista' jkun, jinnotifika lill-awtorità tal-baġit dwar l-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-baġit ta' l-Aġenzija, b'mod partikolari kwalunkwe proġett li jirrigwarda l-proprjetà bħall-kiri jew ix-xiri ta' bini. Hu għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan.

Fejn fergħa ta' l-awtorità tal-baġit innotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni, din għandha tgħaddi l-opinjoni tagħha lill-Bord ta' Tmexxija fi żmien sitt ġimgħat mid-data tan-notifika tal-proġett.

Artikolu 21

Implimentazzjoni tal-baġit

1.  
Id-Direttur għandu jimplimenta l-baġit ta' l-Aġenzija.
2.  
Mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabbiltà ta' l-Aġenzija għandu jikkomunika l-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni flimkien ma' rapport dwar l-amministrazzjoni tal-baġit u tal-finanzi għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet finanzjarji proviżorji ta' l-istituzzjonijiet u tal-korpi deċentralizzati skond l-Artikolu 128 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 ( 3 ) (“ir-Regolament Finanzjarju”).
3.  
Mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jittrasmetti l-kontijiet finanzjarji proviżorji ta' l-Aġenzija lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' rapport dwar l-amministrazzjoni tal-baġit u tal-finanzi għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport dwar l-amministrazzjoni tal-baġit u tal-finanzi għal dik is-sena finanzjarja għandu jiġi trasmess ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
4.  
Meta jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji ta' l-Aġenzija, skond l-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju, id-Direttur għandu jfassal il-kontijiet finali ta' l-Aġenzija taħt ir-responsabbilità tiegħu stess u jgħaddihom lill-Bord ta' Tmexxija għal opinjoni.
5.  
Il-Bord ta' Tmexxija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali ta' l-Aġenzija.
6.  
Id-Direttur għandu, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju wara kull sena finanzjarja, jittrasmetti l-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' l-opinjoni tal-Bord ta' Tmexxija.
7.  
Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati.
8.  
Id-Direttur għandu jibgħat risposta lill-Qorti ta' l-Awdituri għall-osservazzjonijiet tagħha sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru. Huwa għandu wkoll jibgħat din ir-risposta lill-Bord ta' Tmexxija.
9.  
Id-Direttur għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan ta' l-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni armonjuża tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena finanzjarja in kwistjoni, kif imniżżel fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament Finanzjarju.
10.  
Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel it-30 ta' April tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur rigward l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.
11.  
Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija għandhom jiġu adottati mill-Bord ta' Tmexxija wara li tkun ġiet ikkonsultata l-Kummissjoni. Huma ma jistgħux ivarjaw mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002, sakemm ma jkunx speċifikament meħtieġ għall-ħidma ta' l-Aġenzija u bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

Artikolu 22

Ġlieda kontra l-Frodi

1.  
Sabiex jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illeċiti oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 għandhom japplikaw għall-Aġenzija mingħajr restrizzjonijet.
2.  
L-Aġenzija għandha taċċedi għall-Ftehim Inter-istituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) ( 4 ) u għandha toħroġ, mingħajr dewmien, id-dispożizzjonijet xierqa applikabbli għall-persunal kollu tagħha.
3.  
Id-deċiżjonijiet rigward finanzjament u l-ftehim ta' implimentazzjoni u strumenti li jirriżultaw minnhom għandhom jistipulaw espliċitament li l-Qorti ta' l-Awdituri u l-OLAF jistgħu jwettqu, jekk meħtieġ, kontrolli fuq il-post fuq ir-riċevituri tal-finanzjament ta' l-Aġenzija u l-persunal responsabbli mill-allokazzjoni tiegħu.



KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 23

Status legali u sede

1.  
L-Aġenzija għandu jkollha personalità ġuridika.
2.  
F'kull wieħed mill-Istati Membri, l-Aġenzija għandha tgawdi minn kompetenza legali l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom. B'mod partikolari hija għandha tikseb u tittratta proprjetà mobbli u immobbli u tista' tkun parti minn proċedimenti legali.
3.  
L-Aġenzija għandha tkun irrappreżentata mid-Direttur tagħha.
4.  
L-Aġenzija għandha legalment tieħu post iċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija. Hija għandha tassumi d-drittijiet u l-obbligi legali kollha, l-impenji jew l-obbligi finanzjarji kollha taċ-Ċentru. Il-kuntratti ta' l-impjieg konklużi miċ-Ċentru qabel l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu onorati.
5.  
L-Aġenzija għandu jkollha s-sede tagħha fi Vjenna.

▼M1

Artikolu 24

Persunal

1.  
Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġu applikati r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg għandhom japplikaw għall-persunal tal-Aġenzija u għad-Direttur tagħha.
2.  
Il-Bord tat-Tmexxija jista' jadotta dispożizzjonijiet biex esperti nazzjonali mill-Istati Membri jkunu jistgħu jiġu impjegati fl-Aġenzija fuq sekondament.

▼B

Artikolu 25

Arranġamenti dwar lingwa

1.  
Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 għandhom japplikaw għall-Aġenzija.
2.  
Il-Bord ta' Tmexxija għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti interni ta' lingwa għall-Aġenzija.
3.  
Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament ta' l-Aġenzija għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi ta' l-Unjoni Ewropea.

▼M1

Artikolu 26

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, għandu japplika għall-Aġenzija.

▼B

Artikolu 27

Kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

1.  
Ir-responsabbiltà kuntrattwali ta' l-Aġenzija għandha tiġi rregolata bil-liġi li tapplika għall-kuntratt in kwistjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha kompetenza skond klawsola ta' arbitraġġ li tinsab f'kuntratt konkluż mill-Aġenzija.

2.  
Fil-każ ta' obbligu mhux kuntrattwali, l-Aġenzija għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-Aġenzija jew mill-impjegati tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni f'tilwim dwar kumpens għal tali danni.

▼M1

3.  
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni f'azzjonijiet miġjuba kontra l-Aġenzija taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikoli 263 u 265 tat-TFUE.

▼B

Artikolu 28

Parteċipazzjoni u kamp ta' applikazzjoni ta' pajjiżi kandidati u pajjiżi li magħhom ġie konkluż ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

1.  
L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi kandidati bħala osservaturi.

▼M1

2.  
Il-parteċipazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u l-modalitajiet rilevanti għandhom jiġu ddeterminati b'deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni rilevanti, b'kont meħud tal-istatus speċifiku ta' kull pajjiż. Id-deċiżjoni għandha tindika b'mod partikolari n-natura, sa fejn u l-mod li bih dawk il-pajjiżi ser jipparteċipaw fil-ħidma tal-Aġenzija, fi ħdan il-qafas stipulat fl-Artikoli 4 u 5, inkluż dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni f'inizjattivi meħuda mill-Aġenzija, dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja u dwar il-persunal. Id-deċiżjoni għandha tkun konformi ma' dan ir-Regolament u mar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg. Id-deċiżjoni għandha tipprevedi li l-pajjiż parteċipanti jista' jaħtar persuna indipendenti li tissodisfa l-kwalifiki għal persuni li jissemmew fl-Artikolu 12(1), il-punt (a) bħala osservatur għall-Bord tat-Tmexxija mingħajr id-dritt tal-vot. Fuq deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, l-Aġenzija tista' tittratta kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) fil-pajjiż rilevanti, sa fejn ikun meħtieġ għall-allinjament gradwali mal-liġi tal-Unjoni tal-pajjiż ikkonċernat.
3.  
Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jiddeċiedi li jistieden pajjiż li miegħu jkun ġie konkluż Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mill-Unjoni biex jipparteċipa fl-Aġenzija bħala osservatur. Jekk jagħmel hekk, il-paragrafu 2 għandu japplika kif meħtieġ.

▼B



KAPITOLU 7

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

▼M1 —————

▼B

Artikolu 30

▼M1

Evalwazzjonijiet u rieżami

▼B

1.  
L-Aġenzija għandha twettaq evalwazzjonijiet regolari ex-ante u ex-post ta' l-attivitajiet tagħha meta dawn jeħtieġu nefqa sinifikanti. Id-Direttur għandu jinnotifika lill-Bord ta' Tmexxija bir-riżultati ta' dawn l-evalwazzjonijiet.
2.  
L-Aġenzija għandha tgħaddi kull sena lill-awtorità tal-baġit kwalunkwe informazzjoni rilevanti għar-riżultat tal-proċeduri ta' evalwazzjoni.

▼M1

3.  
Sat-28 ta’ April 2027, u kull ħames snin minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tikkummissjona evalwazzjoni biex tivvaluta b’mod partikolari l-impatt, l-effikaċja u l-effiċjenza tal-Aġenzija u l-prattiki ta’ ħidma tagħha. L-evalwazzjoni għandha tieħu kont tal-fehmiet tal-Bord tat-Tmexxija u tal-partijiet ikkonċernati l-oħra kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali.
4.  
Fl-okkażjoni ta’ kull tieni evalwazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 3, għandu jkun hemm ukoll valutazzjoni tar-riżultati miksuba mill-Aġenzija wara li jitqiesu l-objettivi, il-mandat u l-kompiti tagħha. L-evalwazzjoni tista', b’mod partikolari, tindirizza l-ħtieġa possibbli li jiġi mmodifikat il-mandat tal-Aġenzija, u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ kwalunkwe modifika ta’ dan it-tip.
5.  
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 lill-Bord tat-Tmexxija. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jeżamina l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni u jippreżenta lill-Kummissjoni rakkomandazzjonijiet li jkunu meħtieġa rigward bidliet fl-Aġenzija, fil-prattiki ta' ħidma tagħha u fl-ambitu tal-missjoni tagħha.
6.  
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sejbiet tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 u r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ta' Tmexxija msemmija fil-paragrafu 5. Is-sejbiet ta' dik l-evalwazzjoni u ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet għandhom isiru pubbliċi.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 32

Il-bidu tal-ħidma ta' l-Aġenzija

L-Aġenzija għandha ssir operattiva sa' l-1 ta' Marzu 2007.

Artikolu 33

Revoka

1.  
Ir-Regolament (KE) Nru 1035/97 huwa permezz ta' dan irrevokat b'effett mill-1 ta' Marzu 2007.
2.  
Ir-referenzi għar-Regolament revokat għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 34

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika b'effett mill-1 ta' Marzu 2007.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).

( 2 ) ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

( 3 ) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

( 4 ) ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.