2007L0014 — MT — 26.11.2013 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2007/14/KE

tat-8 ta' Marzu 2007

li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat.

(ĠU L 069, 9.3.2007, p.27)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DIRETTIVA 2013/50/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’relevanza għaż-ŻEE tat-22 ta’ Ottubru 2013

  L 294

13

6.11.2013




▼B

DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2007/14/KE

tat-8 ta' Marzu 2007

li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat.



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Filwaqt li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Filwaqt li kkunsidrat id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE ( 1 ), u b'mod partikolari l-Artikoli 2(3)(a), 5(6), l-ewwel subparagrafu, u 5(6)(c), 9(7), 12(8)(b) sa (e), 13(2), 14(2), 21(4)(a), 23(4)(ii) u 23(7) tagħha,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej (CESR — Committee for European Securities Regulators) ( 2 ) għal parir tekniku,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2004/109/KE tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza fir-rigward ta’ detenzjoni ta’ drittijiet tal-votazzjoni jew strumenti finanzjarji li jirriżultaw għal intitolament li jinkisbu ishma eżistenti b’drittijiet tal-votazzjoni. Hija tipprova tiżgura li, permezz ta’ l-iżvelar ta informazzjoni preċiża, komprensiva u f’waqtha dwar l-emittenti tat-titoli, tinbena u tinżamm il-kunfidenza ta’ l-investitur. Bl-istess mod, billi teħtieġ lill-emittenti jkunu informati dwar movimenti li jaffettwaw holdings ewlenin fil-kumpaniji, tipprova tiżgura li dawn ta’ l-aħħar huma f’pożizzjoni li jżommu lill-pubbliku infurmat.

(2)

Ir-regoli għall-implimentazzjoni tar-regoli dwar ir-rekwiżiti ta' trasparenza għandhom ukoll ikunu ddiżinjati li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-investitur, li jtejbu l-effiċjenza tas-suq, u li jiġu applikati b’mod uniformi.

(3)

Dwar l-arranġamenti proċedurali skond liem l-investituri għandhom jiġu informati dwar l-għażla ta’ Stat Membru ta' l-oriġini mill-emittent, huwa xieraq li dawn l-għażliet ikunu żvelati skond l-istess proċedura bħal informazzjoni rregolata skond id-Direttiva 2004/109/KE.

(4)

Dwar il-kontenut minimu tas-sett fil-qosor ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ kull sitt xhur, fejn dak is-sett ma jiġix ippreparat skond l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà, dan ikun tali li jiġi evitat li tingħata perspettiva li tiżgwida ta’ l-assi, tad-djun, tal-pożizzjoni finanzjarja u tal-qliegħ jew telf ta’ l-emittent. Il-kontenut tar-rapporti ta’ kull sitt xhur għandu jkun tali li jiżgura trasparenza xierqa għall-investituri permezz ta’ fluss regolari ta’ informazzjoni dwar ir-rendiment ta’ l-emittent, u dik l-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata b’tali mod li huwa faċli li tiġi mqabbla ma’ l-informazzjoni provduta fir-rapport annwali tas-sena ta’ qabel.

(5)

L-emittenti ta’ l-ishma li jippreparaw kontijiet ikkonsolidati skond l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS — International Accounting Standards) u l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS — International Financial Reporting Standards) għandhom japplikaw l-istess definizzjoni ta’ tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati fir-rapporti annwali u f’dawk ta’ kull sitt xhur taħt id-Direttiva 2004/109/KE. L-emittenti ta’ l-ishma li ma jippreparawx kontijiet ikkonsolidati u li mhumiex meħtieġa japplikaw l-IAS u l-IFRS għandhom, fir-rapporti tagħhom ta’ kull sitt xhur taħt id-Direttiva 2004/109/KE, japplikaw id-definizzjoni ta’ tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati stabbilita fid-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji ( 3 ).

(6)

Sabiex wieħed jibbenefika mill-eżenzjoni tan-notifika ta’ holdings importanti taħt id-Direttiva 2004/109/KE fil-każ ta’ ishma miksuba għall-għan waħdani ta’ ikklerjar jew ħlas, it-tul massimu taċ-“ċiklu qasir ta' ħlas” għandu jkun qasir kemm jista’ jkun.

(7)

Sabiex l-awtorità kompetenti rilevanti tkun tista’ timmonitorja l-konformità fir-rigward tad-deroga għall-market markers dwar in-notifika ta’ informazzjoni dwar holdings importanti, il-market maker li jrid jibbenefika minn dik id-deroga għandu jgħarraf li qed jaġixxi jew bi ħsiebu jaġixxi bħala market maker u għal liema ishma jew strumenti finanzjarji.

(8)

It-twettiq ta’ attivitajiet ta’ market making bi trasparenza sħiħa huwa partikolarment importanti. Għalhekk il-market maker għandu jkun kapaċi fuq talba mill-awtorità kompetenti rilevanti, li jidentifika l-attivitajiet imwettqa fir-rigward ta’ l-emittenti in kwistjoni, u b’mod partikolari l-ishma jew strumenti finanzjarji detenuti għal skopijiet ta’ attivitajiet ta’ market making.

(9)

Dwar il-kalendarju ta’ jiem tan-negozjar, huwa xieraq, minħabba l-operat, li t-termini jiġu kkalkolati b’riferenza għall-jiem tan-negozjar fl-Istat Membru ta’ l-emittenti. Iżda, sabiex titjieb it-trasparenza, għandu jkun hemm provvediment sabiex kull awtorità kompetenti tgħarraf lill-investituri u lill-parteċipanti fis-suq dwar il-kalendarju tal-jiem tan-negozjar applikabbli għall-bosta swieq irregolati li jinsabu jew li joperaw fit-territorju tagħha.

(10)

Dwar iċ-ċirkostanzi li fihom huwa xieraq li ssir in-notifika ta’ holdings importanti, huwa xieraq li jiġi ddeterminat, meta jiskatta dak l-obbligu, individwalment jew kollettivament, u kif dak l-obbligu għandu jiġi mħares fil-każ ta’ prokuri.

(11)

Huwa raġonevoli li wieħed jassumi li l-persuni naturali jew entitajiet legali jeżerċitaw dmir għoli ta’ kura meta jakkwistaw jew jiddisponu minn holdings importanti. Isegwi li dawk il-persuni jew entitajiet isiru konxji malajr ħafna dwar dawn l-akkwisti jew disponimenti, jew dwar il-possibbiltà li jiġu eżerċitati drittijiet tal-votazzjoni, u għalhekk huwa xieraq li jiġi speċifikat biss perjodu qasir ħafna wara t-tranżazzjoni rilevanti bħala l-perjodu wara liem jitqiesu li għandhom l-għarfien.

(12)

L-eżenzjoni mill-obbligu li jiġu aggregati holdings importanti għandha tkun disponibbli biss għal impriżi parent li jistgħu juru li l-kumpaniji sussidjari ta’ ġestjoni tagħhom jew id-ditti ta’ l-investiment jilħqu kondizzjonijiet xierqa ta’ indipendenza. Sabiex tiġi żgurata trasparenza sħiħa, għandha tiġi nnotifikata ex ante dikjarazzjoni f’dan is-sens lill-awtorità kompetenti. F’dan ir-rigward huwa importanti li n-notifika ssemmi lill-awtorità kompetenti li tissorvelja l-attivitajiet tal-kumpaniji ta’ ġestjoni taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti taħt id-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) ( 4 ), irrespettivament minn jekk humiex awtorizzati taħt dik id-Direttiva, kemm-il darba fil-każ ta’ l-aħħar huma sorveljati taħt leġiżlazzjoni nazzjonali.

(13)

Għall-għanijiet tad-Direttiva 2004/109/KE, l-istrumenti finanzjarji għandhom jitqiesu fil-kuntest tan-notifika ta’ holdings importanti, sal-punt li dawn l-istrumenti jagħtu lid-detentur dritt inkondizzjonat li jakkwista l-ishma sottostanti jew diskrezzjoni dwar jekk jakkwistax l-ishma sottostanti jew kontanti meta jimmaturaw. Konsegwentament, l-istrumenti finanzjarji m’għandhomx jitqiesu li jinkludu strumenti li jintitolaw lid-detentur jirċievi ishma skond jekk il-prezz tas-sehem sottostanti jilħaqx ċertu livell f’ċertu mument. Lanqas ma għandhom jitqiesu li jkopru lil dawk l-istrumenti li jippermettu lill-emittent ta’ l-istrument jew lil terz jagħti ishma jew kontanti lid-detentur ta’ l-istrument meta jimmaturaw.

(14)

L-istrumenti finanzjarji fit-Taqsima C ta’ l-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ) li ma jissemmewx fl-Artikolu 11(1) ta’ din id-Direttiva tal-Kummissjoni ma jikkwalifikawx bħala strumenti finanzjarji fis-sens ta’ l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/109/KE.

(15)

Id-Direttiva 2004/109/KE tistabbilixxi rekwiżiti ta’ livell għoli fil-qasam tad-disseminazzjoni ta’ informazzjoni rregolata. Għalhekk is-sempliċi disponibbiltà ta’ l-informazzjoni, li jfisser li l-investituri għandhom iffittxu li jakkwistawha b’mod attiv, mhijiex biżżejjed għall-għanijiet ta’ dik id-Direttiva. Għalhekk, id-disseminazzjoni għandha tinvolvi d-distribuzzjoni attiva ta’ informazzjoni mill-emittenti lill-midja, bl-għan li tilħaq lill-investituri.

(16)

L-istandards minimi tal-kwalità għad-disseminazzjoni ta’ informazzjoni rregolata huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-investituri, ukoll jekk jinsabu fi Stat Membru li mhuwiex dak ta’ l-emittenti, għandhom aċċess indaqs għall-informazzjoni rregolata. L-emittenti għandhom jiżguraw li dawk l-istandards minimi jintlaħqu, kemm jekk jiddisseminaw l-informazzjoni rregolata huma stess jew billi jafdaw lil terzi li jagħmlu dan f’isimhom. Fil-każ ta’ l-aħħar, it-terzi għandhom ikunu kapaċi li jiddisseminaw f’kondizzonijiet xierqa u li jkollhom fis-seħħ mekkaniżmi xierqa biex jiżguraw li l-informazzjoni rregolata li jirċievu ġejja mill-emittenti rilevanti u li ma hemm ebda riskju sinjifikanti ta’ korruzzjoni tad-data jew ta’ aċċess mhux awtorizzat għal informazzjoni interna mhux ippubblikata. Fejn it-terzi jipprovdu servizzi oħrajn jew iwettqu funzjonijiet oħrajn, bħall-midja, l-awtoritajiet kompetenti, il-boroż tal-kambju jew l-entità inkarigata mill-mekkaniżmu tal-ħażna maħtura uffiċjalment, dawn is-servizzi jew funzjonijiet għandhom jinżammu sseparati b’mod ċar mis-servizzi u l-funzjonijiet relatati mad-disseminazzjoni ta’ l-informazzjoni rregolata. Meta jikkomunikaw l-informazzjoni mal-midja, l-emittenti jew partijiet terzi għandhom jagħtu priorità lill-użu ta’ mezzi elettroniċi u formati standard ta’ l-industrija sabiex jiffaċilitaw u jaċċelleraw l-ipproċessar ta’ l-informazzjoni.

(17)

Addizzjonalment, bħala standards minimi, l-informazzjoni rregolata għandha tiġi disseminata b’tali mod li jiżgura l-usa’ aċċess pubbliku possibbli, u fejn possibbli tilħaq lill-pubbliku simultanjament ġewwa u barra l-Istat Membru li jospita. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jitolbu lill-emittenti jippubblikaw partijiet mill-informazzjoni rregolata jew l-informazzjoni rregolata kollha permezz ta’ gazzetti, u għall-possibbiltà li l-emittenti jagħmlu l-informazzjoni rregolata disponibbli fuq is-sit web tagħhom jew fuq siti web ta’ l-oħrajn aċċessibbli għall-investituri.

(18)

Għandha tkun tista’ tiġi ddikjarata l-ekwivalenza fejn ir-regoli ġenerali ta’ l-iżvelar ta’ pajjiżi terzi jipprovdu lill-utenti bi stima li tista’ tinftiehem u ġeneralment ekwivalenti tal-pożizzjoni ta’ l-emittenti li tippermettihom jagħmlu deċiżjonijiet simili daqslikieku kienu provduti bl-informazzjoni skond ir-rekwiżiti taht id-Direttiva 2004/109/KE, ukoll jekk ir-rekwiżiti mhumiex identiċi. Madankollu, l-ekwivalenza għandha tkun illimitata għas-sustanza ta’ l-informazzjoni rilevanti u ma għandha tiġi aċċettata l-ebda eċċezzjoni dwar it-termini stabbiliti tad-Direttiva 2004/109/KE.

(19)

Sabiex jiġi stabbilit jekk emittent minn pajjiż terz huwiex qed jilħaq ir-rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti mill-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/109/KE, huwa importanti li jiġi żgurat li hemm konsistenza mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 tad-29 ta' April 2004 li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni inkluża fil-prospetti u kif ukoll il-format, l-inkorporazzjoni b'referenza u l-pubblikazzjoni ta' prospetti bħal dawn u d-disseminazzjoni tar-reklami ( 6 ), b’mod partikolari l-oġġetti li jittrattaw l-Informazzjoni Finanzjarja Storika li għandha tiġi inkluża fi prospectus.

(20)

Dwar l-ekwivalenza tar-rekwiżiti ta’ l-indipendenza, impriża parent ta’ kumpanija ta’ ġestjoni jew ditta ta’ l-investiment irreġistrata f’pajjiż terz għandha tkun tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni taħt l-Artikolu 12(4) jew (5) tad-Direttiva 2004/109/KE, b’mod indipendenti minn jekk l-awtorizzazzjoni hijiex meħtieġa mil-liġi tal-pajjiż terz biex il-kumpanija ta’ ġestjoni kkontrollata jew id-ditta ta’ l-investiment iwettqux attivitajiet ta’ ġestjoni jew attivitajiet ta’ ġestjoni ta’ portfolio, kemm-il darba jiġu mħarsa ċerti kondizzjonijiet ta’ indipendenza.

(21)

Il-miżuri provduti f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tas-Sigurtajiet.

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:



Artikolu 1

Is-suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 2(1)(i)(ii), it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3), it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 5(4), l-Artikolu 9(1), (2) u (4), l-Artikolu 10, l-Artikolu 12(1), (2), (4), (5) u (6), l-Artikolu 12(2)(a), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 21(1), l-Artikolu 23(1) u (6) tad-Direttiva 2004/109/KE.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 3

Il-kontenut minimu tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji mhux ikkonsolidati ta’ kull sitt xhur

L-Artikolu 5(3), tieni subparagrafu tad-Direttiva 2004/109/KE

1.  Il-kontenut minimu tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji fil-qosor ta’ kull sitt xhur, fejn dak il-prospett mhuwiex ippreparat skond l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà adottati skond il-proċedura pprovduta taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002, għandu jkun skond il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.  Il-karta tal-bilanċ fil-qosor u l-kont tal-qligħ u tat-telf fil-qosor għandhom juru kull waħda mill-intestaturi u s-subtotalijiet inklużi fil-prospetti finanzjarji annwali l-aktar reċenti ta’ l-emittenti. Oġġetti tal-linji addizzjonali għandhom jiġu inklużi jekk, b’riżultat ta’ l-omissjoni tagħhom, il-prospetti finanzjarji ta’ kull sitt xhur jagħtu perspettiva li tiżgwida ta' l-attiv, tal-passiv, tal-posizzjoni finanzjarja u tal-qligħ jew it-telf ta' l-emittent.

Barra minn dan għandha tiġi inkluża din l-informazzjoni komparattiva li ġejja:

(a) karta tal-bilanċ kif kienet fl-aħħar ta’ l-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja kurrenti u karta tal-bilanċ komparattiva kif kienet fl-aħħar tas-sena finanzjarja immedjatament preċedenti;

(b) il-kont tal-qligħ u tat-telf għall-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja kurrenti flimkien ma, minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, informazzjoni komparattiva għall-perjodu komparattiv għas-sena finanzjarja preċedenti.

3.  In-noti ta’ spjegazzjoni għandhom jinkludu dan li ġej:

(a) informazzjoni suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-prospetti finanzjarji fil-qosor ta’ kull sitt xhur mal-prospetti finanzjarji annwali;

(b) informazzjoni u spjegazzjonijiet suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li l-utent jifhem tajjeb kwalunkwe tibdil materjali fl-ammonti u kwalunkwe żvilupp fil-perjodu ta’ sitt xhur ikkonċernat, li huma riflessi fil-karta tal-bilanċ u fil-kont tal-qligħ u tat-telf.

Artikolu 4

It-transazzjonijiet rilevanti mal-partijiet relatati

L-Artikolu 5(4), tieni sentenza, tad-Direttiva 2004/109/KE

1.  Fir-rapporti interim ta' ġestjoni, l-emittenti ta’ l-ishma għandhom jiżvelaw bħala tranżazzjonijiet rilevanti mal-partijiet relatati, bħala minimu, dawn li ġejjin:

(a) tranżazzjonijiet mal-partijiet relatati li saru fl-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja kurrenti u li affettwaw b’mod materjali l-pożizzjoni finanzjarja jew il-ħidma ta’ l-impriża matul dak il-perjodu;

(b) kwalunkwe tibdil fit-tranżazzjonijiet mal-partijiet rilevanti deskritti fl-aħħar rapport annwali li jista’ jkollu effett materjali fuq il-pożizzjoni finanzjarja jew il-ħidma ta’ l-impriża fl-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja kurrenti.

2.  Fejn l-emittent ta’ l-ishma mhuwiex meħtieġ jipprepara kontijiet ikkonsolidati, għandu jiżvela, bħala minimu, it-tranżazzjonijiet mal-partijiet msemmija fl-Artikolu 43(1)(7b) tad-Direttiva 78/660/KE.

Artikolu 5

It-tul massimu taċ-‘ċiklu qasir ta' ħlas “użwali”

L-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2004/109/KE

It-tul massimu taċ-‘ċiklu qasir ta' ħlas “użwali” għandu jkun ta’ tlitt ijiem tan-negozjar wara t-tranżazzjoni.

Artikolu 6

Il-mekkaniżmi tal-kontroll minn awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ market makers

L-Artikolu 9(5) tad-Direttiva 2004/109/KE

1.  Il-market maker li jrid jibbenefika mill-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 9(5) tad-Direttiva 2004/109/KE għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li jospita ta’ l-emittent, sa mhux aktar tard mit-terminu stabbilit fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/109/KE, li jwettaq jew li bi ħsiebu jwettaq attivitajiet ta’ market making fuq emittent partikolari.

Fejn il-market maker jieqaf milli jwettaq l-attivitajiet ta’ market making fuq l-emittent in kwistjoni, għandu jinnotifika lil dik l-awtorità kompetenti f’dan is-sens.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/109/KE, fejn fil-każ li l-market maker li jrid jibbenefika mill-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 9(5) ta’ dik id-Direttiva huwa mitlub mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-emittent jidentifika l-ishma jew strumenti finanzjarji li jżomm għall-għanijiet ta’ attività ta’ market making, dak il-market maker għandu jkun permess jagħmel din l-identifikazzjoni bi kwalunkwe mezz verifikabbli. Huwa biss jekk il-market maker ma jistax jidentifika l-ishma jew strumenti finanzjarji kkonċernati, li jista’ jiġi meħtieġ iżommhom f’kont separat għall-iskopijiet ta’ dik l-identifikazzjoni.

3.  Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 24(4)(a) tad-Direttiva 2004/109/KE, jekk ftehim ta’ market-making bejn il-market maker u l-borża tal-kambju u/jew l-emittent huwa meħtieġ taħt il-liġi nazzjonali, il-market maker għandu fuq talba ta’ l-awtorità kompetenti rilevanti jipprovdi l-ftehim lil din l-awtorità.

Artikolu 7

Il-kalendarju tal-jiem tan-negozjar

L-Artikolu 12(2) u (6), u l-Artikolu 14(1), tad-Direttiva 2004/109/KE

1.  Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 12(2) u (6), u ta’ l-Artikolu 14(1), tad-Direttiva 2004/109/KE, għandu jgħodd il-kalendarju tal-jiem tan-negozjar ta’ l-Istati Membru li jospita ta’ l-emittent.

2.  Kull awtorità kompetenti għandha tippubblika fis-sit ta’ l-Internet tagħha l-kalendarju tal-jiem tan-negozjar tas-swieq irregolati differenti li jinsabu jew li joperaw fit-territorju fil-ġuriżdizzjoni tagħha.

Artikolu 8

L-azzjonisti u persuni naturali jew entitajiet legali msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar it-Trasparenza meħtieġa li jagħmlu n-notifika ta’ holdings importanti

L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/109/KE

1.  Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/109/KE, l-obbligu tan-notifika li jirriżulta malli l-proporzjon tad-drittijiet tal-votazzjoni detenuti tilħaq, teċċedi jew taqa’ taħt il-limiti applikabbli wara tranżazzjonijiet tat-tip imsemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/109/KE għandu jkun obbligu individwali li jaqa’ fuq kull azzjonist, jew kull persuna naturali jew entità legali kif imsemmi fl-Artikolu 10 ta’ dik id-Direttiva, jew it-tnejn fil-każ li l-proporzjon tad-drittijiet tal-votazzjoni li għandha kull parti tilħaq, teċċedi jew taqa’ taħt il-limiti applikabbli.

Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/109/KE, l-obbligu tan-notifika għandu jkun obbligu kollettiv bejn il-partijiet kollha fil-ftehim.

2.  Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt (h) of Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/109/KE, jekk azzjonist jagħti l-prokura fir-rigward ta’ laqgħa waħda ta’ l-azzjonisti, tista’ ssir in-notifika permezz ta’ notifika waħda fil-mument li jingħata l-prokura kemm-il darba huwa ċar fin-notifika x’se tkun is-sitwazzjoni li tirriżulta bħala drittijiet tal-votazzjoni meta l-prokuraturi m’għandhomx jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tal-votazzjoni tagħhom skond id-diskrezzjoni tagħha.

Jekk, fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt (h) ta’ l-Artikolu 10, id-detentur tal-prokura jirċievi prokura waħda jew bosta fir-rigward ta’ laqgħa waħda ta’ l-azzjonisti, in-notifika tista’ ssir permezz ta’ notifika waħda fil-mument li tingħata l-prokura, kemm-il darba huwa ċar fin-notifika x’se tkun is-sitwazzjoni li tirriżulta f’termini ta’ drittijiet tal-votazzjoni meta l-prokuratur ma jkunx aktar jista’ jeżerċita d-drittijiet tal-votazzjoni skond id-diskrezzjoni tiegħu,

3.  Fejn id-dmir li ssir notifika huwa ta’ aktar minn persuna naturali jew entità legali waħda, in-notifika tista’ ssir permezz ta’ notifika komuni waħda.

Iżda, l-użu ta’ notifika komuni waħda ma jistax jitqies li jirrilaxxja lil kwalunkwe mill-persuni naturali jew entitajiet legali kkonċernati mir-responsabbiltà tagħhom fir-rigward tan-notifika.

Artikolu 9

Iċ-ċirkostanzi li taħthom il-persuna li qed tinnotifika għandha tkun saret taf bil-kisba jew dwar possibbiltà li teżerċita d-drittijiet tal-votazzjoni

L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/109/KE

Għall-għanijiet tal-punt (a) ta’ l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/109/KE, l-azzjonist, jew il-persuna naturali jew entità legali msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dik id-Direttiva għandha titqies li taf dwar l-akkwist, id-disponiment jew il-possibbiltà ta’ eżerċizzju tad-drittijiet tal-votazzjoni mhux aktar tard minn jumejn tan-negozjar wara t-tranżazzjoni.

Artikolu 10

Il-kondizzjonijiet ta’ l-indipendenza li għandhom iħarsu l-kumpaniji ta’ ġestjoni u ditti ta' l-investiment involuti fil-ġestjoni ta’ portfolio individwali

L-Artikolu 12(4), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 12(5), l-ewwel subparagrafu tad-Direttiva 2004/109/KE

1.  Għall-għanijiet ta’ l-eżenzjoni dwar l-aggregazzjoni ta’ holdings provduta fl-ewwel subparagrafi ta’ l-Artikolu 12(4) u (5) tad-Direttiva 2004/109/KE, impriża parent ta’ kumpanija ta’ ġestjoni jew ta’ ditta ta’ l-investiment għandha tħares dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) m’għandhiex tinterferixxi billi tagħti istruzzjonijiet diretti jew indiretti jew b’xi mod ieħor fl-eżerċizzju tad-drittijiet tal-votazzjoni li għandha dik il-kumpanija ta’ ġestjoni jew ditta ta’ l-investiment;

(b) dik il-kumpanija ta’ ġestjoni jew ditta ta’ l-investiment għandha tkun ħielsa li teżerċita, indipendentament mill-impriża parent, id-drittijiet tal-votazzjoni konnessi ma’ l-assi li ġġestixxi.

2.  Impriża parent li tixtieq li tagħmel użu mill-eżenzjoni għandha, mingħajr dewmien, tinnotifika dan li ġej lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li jospita ta’ l-emittenti li d-drittijiet tal-votazzjoni tagħhom huma konnessi ma’ holdings ġestiti mill-kumpaniji ta’ ġestjoni jew ditti ta’ l-investiment;

(a) lista’ ta l-ismijiet ta’ dawk il-kumpaniji ta’ ġestjoni u ditti ta’ l-investiment, li tindika l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljawhom jew li ebda awtorità kompetenti ma tissorveljahom, iżda mingħajr riferenza għall-emittenti kkonċernati;

(b) dikjarazzjoni li, fil-każ ta’ kull kumpanija ta’ ġestjoni jew ditta ta’ l-investiment minn dawn, l-impriża parent tħares il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

L-impriża parent għandha taġġorna l-lista msemmija fil-punt (a) fuq bażi kontinwa.

3.  Fejn l-impriża parent bi ħsiebha tibbenefika mill-eżenzjonijiet biss fir-rigward ta’ l-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/109/KE, għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li jospita ta’ l-emittent biss il-lista msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2.

4.  Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/109/KE, impriża parent ta’ kumpanija ta’ ġestjoni jew ta’ ditta ta’ l-investiment għandha tkun tista’ turi lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li jospita ta’ l-emittent fuq talba li:

(a) l-istrutturi organizzazzjonali ta’ l-impriża parent u l-kumpanija tal-ġestjoni jew ditta ta’ l-investiment huma tali li d-drittijiet tal-votazzjoni huma eżerċitati b’mod indipendenti mill-impriża parent;

(b) il-persuni li jiddeċiedu kif jiġu eżerċitati d-drittijiet tal-votazzjoni jaġixxu b’mod indipendenti;

(c) jekk l-impriża parent hija klijenta tal-kumpanija ta’ ġestjoni jew ditta ta’ l-investiment tagħha jew għandha holding fl-attiv ġestit mill-kumpanija ta’ ġestjoni jew ditta ta’ l-investiment, hemm mandat ċar bil-miktub għal relazzjoni minn ċertu distanza mal-klijenti bejn l-impriża parent u l-kumpanija ta’ ġestjoni jew ditta ta’ l-investiment.

Ir-rekwiżit fil-punt (a) għandu jimplika bħala minimu li l-impriża parent u l-kumpanija ta’ ġestjoni jew ditta ta’ l-investiment għandha tistabbilixxi politika u proċeduri bil-miktub raġonevolment maħsuba li jrażżnu d-distribuzzjoni ta’ l-informazzjoni bejn l-impriża parent u l-kumpanija ta’ ġestjoni jew ditta ta’ l-investiment fir-rigward ta’ l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-votazzjoni.

5.  Għall-għanijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, “istruzzjoni diretta” tfisser kwalunkwe istruzzjoni mogħtija mill-impriża parent, jew impriża oħra kkontrollata ta’ l-impriża parent, li tispeċifika kif id-drittijiet tal-votazzjoni għandhom jiġu eżerċitati mill-kumpanija ta’ ġestjoni jew ditta ta’ l-investiment f’każijiet partikolari.

“Istruzzjoni indiretta” tfisser kwalunkwe istruzzjoni ġenerali jew partikolari, irrispettivament mill-forma, mogħtija mill-impriża parent, jew impriża oħra kkontrollata ta’ l-impriża parent, li tillimita d-diskrezzjoni tal-kumpanija ta’ ġestjoni jew ditta ta’ l-investiment fir-rigward ta’ l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-votazzjoni sabiex taqdi interessi kummerċjali speċifiċi ta’ l-impriża parent jew impriża oħra kkontrollata ta’ l-impriża parent.

Artikolu 11

It-tipi ta’ strumenti finanzjarji li jirriżultaw f’intitolament li wieħed jakkwista, fuq inizzjattiva tad-detentur waħdu, ishma li magħhom huma marbuta drittijiet tal-votazzjoni

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/109/KE

▼M1 —————

▼B

3.  In-notifika meħtieġa taħt l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/109/KE għandha tinkludi din l-informazzjoni li ġejja:

(a) is-sitwazzjoni li tirriżulta fir-rigward tad-drittijiet tal-votazzjoni;

(b) jekk jgħodd, il-katina ta’ impriżi kkontrollati li permezz tagħhom huma effettivament detenuti l-istrumenti finanzjarji;

(c) id-data li fiha ntlaħaq jew ġie eċċedut il-limitu;

(d) għal strumenti li għandhom perjodu biex jiġu eżerċitati, indikazzjoni tad-data jew it-terminu meta l-ishma se jew jistgħu jinkisbu jekk jgħodd;

(e) id-data tal-maturità jew skadenza ta’ l-istrument;

(f) l-identità tad-detentur;

(g) l-isem ta’ l-emittent sottostanti.

Għall-għanijiet tal-punt (a), il-perċentwal ta’ drittijiet tal-votazzjoni għandu jiġi kkalkolat b’riferenza għan-numru totali ta’ drittijiet tal-votazzjoni u l-kapital kif l-aħħar żvelat mill-emittent taħt l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/109/KE.

4.  Il-perjodu tan-notifika għnadu jkun l-istess kif stabbilit fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/109/KE u d-dispożizzjonijiet li jimplimentaw relatati.

5.  In-notifika għandha ssir lill-emittent ta’ l-ishma sottostanti u lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li jospita ta’ dan l-emittent.

Jekk strument finanzjarju jirrelata għal aktar minn sehem wieħed rappreżentant, għandha ssir notifika separata lil kull emittent ta’ l-ishma sottostanti.

Artikolu 12

Standards Minimi

L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2004/109/KE

1.  Id-disseminazzjoni ta’ informazzjoni rregolata għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2004/109/KE għandha ssir skond l-istandards minimi stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5.

2.  L-informazzjoni rregolata għandha tiġi disseminata b’mod li jiżgura li hija kapaċi li tiġi disseminata lil pubbliku wiesa’ kemm jista’ jkun, u kemm jista’ jkun qrib simultanjament kemm jista’ jkun fl-Istat Membru li jospita, jew fl-Istat Membru msemmi fl-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2004/109/KE, u fl-Istati Membri l-oħra.

3.  L-informazzjoni rregolata għandha tiġi kkomunikata lill-midja bit-test sħiħ mhux editjat.

Madankollu, fil-każ tar-rapporti u d-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6 tad-Direttiva 2004/109/KE, dan ir-rekwiżit għandu jitqies milħuq jekk it-tħabbira dwar l-informazzjoni rregolata hija kkomunikata lill-midja u tindika fuq liema sit web, minbarra l-mekkaniżmu maħtur uffiċjalment għall-ħażna ċentrali ta’ l-informazzjoni rregolati msemmija fl-Artikolu 21 ta’ dik id-Direttiva, huma disponibbli d-dokumenti rilevanti.

4.  L-informazzjoni rregolata għandha tiġi kkomunikata lill-midja b’mod li jiżgura s-sigurtà tal-komunikazzjoni, jimminimizza r-riskju tal-korruzzjoni tad-data u l-aċċess mhux awtorizzat, u jipprovdi ċ-ċertezza dwar is-sors ta’ l-informazzjoni rregolata.

Is-sigurtà ta’ l-irċevuta għandha tiġi żgurata billi jiġi rimedjat mill-aktar fis possibli kwalunkwe nuqqas jew twaqqif fil-komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni rregolata.

L-emittent jew il-persuna li tkun applikat għall-ammissjoni għan-negozjar fuq suq irregolat mingħajr il-kunsens ta’ l-emittent m’għandux ikun/m’għandhiex tkun responsabbli għal żbalji sistemiċi jew nuqqasijiet tal-midja li lilha ġiet ikkomunikata l-informazzjoni rregolata.

5.  L-informazzjoni rregolata għandha tiġi kkomunikata lill-midja b’mod li jagħmel ċar li l-informazzjoni hija informazzjoni rregolata, jidentifika b’mod ċar lill-emittent konċernat, is-suġġett ta’ l-informazzjoni rregolata u l-ħin u d-data tal-komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni mill-emittent jew mill-persuna li applikat għall-ammissjoni għan-negozjar f’suq irregolat mingħajr il-kunsens ta’ l-emittent.

Fuq talba, l-emittent jew il-persuna li applikat għall-ammissjoni għan-negozjar fuq suq irregolat mingħajr il-kunsens ta’ l-emittent għandu/ha j/tkun j/tista’j/tikkomunika lill-awtorità kompetenti, fir-rigward ta’ kwalunkwe żvelar ta’ informazzjoni rregolata, dan li ġej:

(a) isem il-persuna li kkomunikat l-informazzjoni lill-midja;

(b) id-dettalji tal-validazzjoni tas-sigurtà;

(c) il-ħin u d-data li fihom l-informazzjoni ġiet ikkomunikata lill-midja;

(d) il-mezz li fih ġiet ikkomunikata l-informazzjoni;

(e) jekk jgħodd, id-dettalji ta’ kwalunkwe restrizzjoni li hemm mill-emittent fuq l-informazzjoni rregolata.

Artikolu 13

Ir-rekwiżiti ekwivalenti għall-Artikolu 4(2)(b)

L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2004/109/KE

Pajjiż terz għandu jitqies li jistabbilixxi rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2004/109/KE fejn, taħt il-liġi ta’ dak il-pajjiż, ir-rapport annwali tal-ġestjoni huwa meħtieġ jinkludi għall-inqas din l-informazzjoni li ġejja:

(a) stħarriġ ekwu ta’ l-iżvilupp u l-ħidma tan-negozju ta’ l-emittent u tal-pożizzjoni tiegħu, flimkien ma’ deskrizzjoni tar-riskji prinċipali u l-inċertezzi li jiffaċċja, b’tali mod li l-istaħriġ jippreżenta analiżi bbilanċjata u komprensiva ta’ l-iżvilupp u r-rendiment tan-negozju ta’ l-emittent u tal-pożizzjoni tiegħu, b’mod konsistenti mad-daqs u l-kumplessità tan-negozju;

(b) indikazzjoni ta’ kwalunkwe ġrajja importanti li tkun seħħet sa mill-aħħar tas-sena finanzjarja;

(c) indikazzjonijiet ta’ l-iżvilupp futur probabbli ta’ l-emittent.

L-analiżi msemmija fil-punt (a) għandha, sa fejn meħtieġ sabiex jiġi mifhum l-iżvilupp ta’ l-emittent, il-ħidma jew il-pożizzjoni tiegħu, tinkludi indikaturi ta’ l-operat kemm finanzjarji kif ukoll, fejn xieraq, dawk xierqa mhux finanzjarji, li huma rilevanti għan-negozju partikolari.

Artikolu 14

Ir-rekwiżiti ekwivalenti għall-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/109/KE

L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2004/109/KE

Pajjiż terz għandu jitqies li jistabbilixxi rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/109/KE fejn, taħt il-liġijiet ta’ dak il-pajjiż, huwa meħtieġ sett fil-qosor ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji flimkien mar-rapport tal-ġestjoni interim, u r-rapport tal-ġestjoni interim huwa meħtieġ li jinkludi għall-inqas din l-informazzjoni li ġejja:

(a) staħriġ tal-perjodu kopert;

(b) indikazzjonijiet ta’ l-iżvilupp probabbli ta’ l-emittent għall-bqija tas-sitt xhur tas-sena finanzjarja;

(c) għall-emittenti ta’ ishma u jekk diġà mhux żvelati fuq bażi kontinwa, tranżazzjonijiet rilevanti mal-partijiet relatati.

Artikolu 15

Ir-rekwiżiti ekwivalenti għall-Artikoli 4(2) u 5(2)(c) tad-Direttiva 2004/109/KE

L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2004/109/KE

Pajjiż terz għandu jitqies li jistabbilixxi rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 4(2)(c) u 5(2)(c) tad-Direttiva 2004/109/KE fejn, taħt il-liġijiet ta’ dak il-pajjiż, persuna jew persuni fi ħdan l-emittent hija/huma responsabbli għall-informazzjoni annwali u ta’ kull sitt xhur u b’mod partikolari għal dawn li ġejjin:

(a) jekk id-dikjarazzjonijiet finanzjarji humiex konformi mal-qafas applikabbli tar-rapportar jew mas-sett ta’ standards tal-kontabbiltà;

(b) l-ekwità ta’ l-istħarriġ tal-ġestjoni inkluż fir-rapport tal-ġestjoni.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 17

Ir-rekwiżiti ekwivalenti għall-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/109/KE

L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2004/109/KE

Pajjiż terz għandu jitqies li jistabbilixxi rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/109/KE fejn, taħt il-liġi ta’ dak il-pajjiż, il-proviżjon tar-rendikonti annwali mill-kumpanija parent mhijiex meħtieġa iżda l-emittent li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu huwa f’dak il-pajjiż terz huwa meħtieġ, fil-preparazzjoni tal-kontijiet konsolidati, li jinkludi din l-informazzjoni li ġejja:

(a) għall-emittenti ta’ l-ishma, il-komputazzjoni tad-dividendi u l-abbiltà li jħallsu d-dividendi;

(b) għall-emittenti kollha, fejn jgħodd, ir-rekwiżiti ta’ kapital minimu u ta’ kapitalizzazzjoni u l-kwistjonijiet ta’ likwidità.

Għall-għanijiet ta’ l-ekwivalenza, l-emittent għandu wkoll jista’ jkun jipprovdi lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li jospita bi żvelar addizzjonali vverifikat li jagħti informazzjoni dwar ir-rendikonti individwali ta’ l-emittent waħdu, rilevanti għall-elementi ta’ l-informazzjoni msemmija taħt il-punti (a) u (b). Dak l-iżvelar jista’ jiġi ppreparat taħt l-istandards tal-kontabbiltà tal-pajjiż terz.

Artikolu 18

Ir-rekwiżiti ekwivalenti għall-Artikolu 4(3), tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2004/109/KE

L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2004/109/KE

Pajjiż terz għandu jitqies li jistabbilixxi rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/109/KE fir-rigward tal-kontijiet ikkonsolidati fejn, taħt il-liġi ta’ pajjiż terz, emittent li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu huwa f’dak il-pajjiż terz mhuwiex meħtieġ li jipprepara kontijiet konsolidati iżda huwa meħtieġ li jipprepara l-kontijiet individwali tiegħu skond l-istandards tal-kontabbiltà internazzjonali rikonoxxuti skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 kif jgħodd fil-Komunità jew skond standards tal-kontablità nazzjonali tal-pajjiż terz ekwivalenti għal dawk l-istandards ( 7 ).

Għall-għanijiet ta’ l-ekwivalenza, jekk din l-informazzjoni finanzjarja mhijiex skond dawk l-istandards, għandha tiġi ppreżentata fil-forma ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji magħmula mill-ġdid.

Barra minn dan, il-kontijiet individwali għandhom jiġu vverifikati b’mod indipendenti.

Artikolu 19

Ir-rekwiżiti ekwivalenti għall-Artikolu 12(6) tad-Direttiva 2004/109/KE

Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2004/109/KE

Pajjiż terz għandu jitqies li jistabbilixxi rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 12(6) tad-Direttiva 2004/109/KE fejn, taħt il-liġi ta’ dak il-pajjiż, it-terminu li fih emittent li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu huwa f’dak il-pajjiż terz għandu jiġu nnotifikat dwar holdings importanti u li fih għandu jiżvela lill-pubbliku dawk il-holdings importanti huwa b’kollox daqs jew iqsar minn sebat ijiem tan-negozjar.

It-termini għan-notifika lill-emittent u għall-iżvelar sussegwenti lill-pubbliku mill-emittent jistgħu jkunu differenti minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 12(2) u 12(6) tad-Direttiva 2004/109/KE.

Artikolu 20

Ir-rekwiżiti ekwivalenti għall-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/109/KE

L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2004/109/KE

Pajjiż terz għandu jitqies li jistabbilixxi rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/109/KE fejn, taħt il-liġi ta’ dak il-pajjiż, emittent li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu huwa f’dak il-pajjiż terz huwa meħtieġ li jħares dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) fil-każ ta’ emittent permess li jkollu sa massimu ta’ 5 % ta’ l-ishma tiegħu stess li magħhom huma marbuta drittijiet tal-votazzjoni, għandu jagħmel notifika kull fejn dak il-limitu huwa milħuq jew maqbuż;

(b) fil-każ ta’ emittent permess li jkollu sa massimu ta’ bejn 5 % u 10 % ta’ l-ishma tiegħu stess li magħhom huma marbuta drittijiet tal-votazzjoni, għandu jagħmel notifika kull fejn huwa milħuq jew maqbuż limitu ta’ 5 % jew dak il-limitu massimu;

(c) fil-każ ta’ emittent permess li jkollu aktar minn 10 % ta’ l-ishma tiegħu stess li magħhom huma marbuta drittijiet tal-votazzjoni, għandu jagħmel notifika kull fejn huwa milħuq jew maqbuż il-limitu ta’ 5 %, jew il-limitu ta’ 10 %.

Għall-għanijiet ta’ l-ekwivalenza, in-notifika ’l fuq mil-limitu ta’ 10 % m’għandhiex għalfejn tkun meħtieġa.

Artikolu 21

Ir-rekwiżiti ekwivalenti għall-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/109/KE

L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2004/109/KE

Pajjiż terz għandu jitqies li jistabbilixxi rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/109/KE fejn, taħt il-liġi ta’ dak il-pajjiż, emittent li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu huwa f’dak il-pajjiż terz huwa meħtieġ li jiżvela lill-pubbliku l-għadd totali ta’ drittijiet tal-votazzjoni u l-kapital fi żmien 30 jum tal-kalendarju wara li kien hemm żieda jew tnaqqis ta’ dan l-għadd.

Artikolu 22

Ir-rekwiżiti ekwivalenti għall-Artikoli 17(2)(a) and 18(2)(a) tad-Direttiva 2004/109/KE

L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2004/109/KE

Pajjiż terz għandu jitqies li jistabbilixxi rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 17(2)(a) u 18(2)(a) tad-Direttiva 2004/109/KE, sa fejn huwa kkonċernat il-kontenut ta’ l-informazzjoni dwar laqgħat, fejn, taħt il-liġi ta’ dak il-pajjiż, emittent li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu huwa f’dak il-pajjiż terz huwa meħtieġ li jipprovdi għall-inqas informazzjoni dwar il-post, il-ħin u l-aġenda tal-laqgħat.

Artikolu 23

L-ekwivalenza fir-rigward tat-test ta’ l-indipendenza għall-impriżi parent ta’ kumpaniji tal-ġestjoni u ditti ta’ l-investiment

L-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/109/KE

1.  Pajjiż terz għandu jitqies li jistabbilixxi kondizzjonijiet ta’ indipendenza ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 12(4) u (5) tad-Direttiva 2004/109/KE fejn, taħt il-liġi ta’ dak il-pajjiż, kumpanija tal-ġestjoni jew ditta ta’ l-investiment kif imsemmija fl-Artikolu 23(6) ta’ dik id-Direttiva hija meħtieġa tilħaq dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-kumpanija tal-ġestjoni jew ditta ta’ l-investiment għandha tkun ħielsa f’kull sitwazzjoni li teżerċita, b’mod indipendenti mill-impriża parent tagħha, drittijiet tal-votazzjoni marbuta ma’ l-assi li tiġġestixxi;

(b) il-kumpanija tal-ġestjoni jew ditta ta’ l-investiment għandha twarrab l-interessi ta’ l-impriża parent jew ta’ kwalunkwe impriża kkontrollata ta’ l-impriża parent kull fejn iqumu kunflitti ta’ interess.

2.  L-impriża parent għandha tħares ir-rekwiżiti tan-notifika stabbiliti fl-Artikolu 10(2)(a) u (3) ta’ din id-Direttiva.

Barra minn dan, għandha tagħmel dikjarazzjoni li, fil-każ ta’ kull kumpanija tal-ġestjoni jew ditta ta’ l-investiment ikkonċernata, l-impriża parent tħares il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.  Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/109/KE, l-impriża parent għandha tkun tista’ turi lill-awtorità komptenti ta’ l-Istat Membru li jospita ta’ l-emittent fuq talba li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10(4) ta’ din id-Direttiva huma mħarsa.

Artikolu 24

It-traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-data ta’ l-adozzjoni. Għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella tal-korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Fejn l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom riferenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkumpanjati minn tali riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-riferenza.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 25

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 26

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.



( 1 ) ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

( 2 ) Is-CESR ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/527/KE tas-6 ta’ Ġunju 2001 (ĠU L 191, 13.7.2001, p. 43).

( 3 ) ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11 Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2006/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill (ĠU L 224, 16.8.2006, p. 1).

( 4 ) ĠU L 375, 31.12.1985, p. 3. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 79, 24.3.2005, p. 9).

( 5 ) ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2006/31/KE (ĠU L 114, 27.4.2006, p. 60).

( 6 ) ĠU L 149, 30.4.2004, p. 1, kif ikkoreġut bil-ĠU L 215, 16.6.2004, p. 3. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1787/2006 (ĠU L 337, 5.12.2006, p. 17).

( 7 ) ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.