2007E0405 — MT — 15.06.2009 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/405/PESK

tat-12 ta’ Ġunju 2007

dwar il-missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo)

(ĠU L 151, 13.6.2007, p.46)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/38/PESK ta' l-20 ta’ Diċembru 2007

  L 9

18

12.1.2008

►M2

AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/485/PESK tat-23 ta’ Ġunju 2008

  L 164

44

25.6.2008

►M3

AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2009/466/PESK tal-15 ta’ Ġunju 2009

  L 151

40

16.6.2009




▼B

AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/405/PESK

tat-12 ta’ Ġunju 2007

dwar il-missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo)



IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 u l-Artikolu 25, it-tielet subparagrafu,

Billi:

(1)

B’segwitu għall-istedina uffiċjali mill-gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), il-Kunsill adotta fid-9 ta’ Diċembru 2004 l-Azzjoni Konġunta 2004/847/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea f’Kinshasa (RDK) fir-rigward ta’ l-unità tal-pulizija integrata (EUPOL “Kinshasa”) ( 1 ) prevista fil-ftehim globali u inklużiv dwar it-transizzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, iffirmat fi Pretoria fis-17 ta’ Diċembru 2002, u l-memorandum dwar l-armata u s-sigurtà, fid-29 ta’ Ġunju 2003.

(2)

B’segwitu għall-promulgazzjoni fit-18 ta’ Frar 2006 tal-Kostituzzjoni tar-RDK, l-organizzazzjoni ta’ l-elezzjonijiet fir-RDK fl-2006 mmarkat it-tmiem tal-proċess ta’ transizzjoni u ppermettiet il-formazzjoni ta’ gvern fl-2007. Il-programm governattiv jipprevedi b’mod partikolari riforma globali tas-settur tas-sigurtà (RSS), it-tfassil ta’ kunċett nazzjonali kif ukoll azzjonijiet ta’ prijorità fir-riforma tas-setturi tal-pulizija, tal-forzi armati u tal-ġustizzja.

(3)

In-Nazzjonijiet Uniti tennew l-appoġġ tagħhom għar-RSS permezz ta’ diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u qed imexxu fir-RDK l-Missjoni ta’ l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-RDK (MONUC) li tikkontribwixxi għas-sigurtà u l-istabbiltà fil-pajjiż. Fil-15 ta’ Mejju 2007, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-riżoluzzjoni 1756 (2007) li ttawwal il-mandat tal-MONUC u tippermetti l-kontribut tagħha f’koperazzjoni mill-qrib ma’ l-imsieħba internazzjonali l-oħrajn, inkluża l-Unjoni Ewropea (UE), għall-isforzi maħsubin sabiex jappoġġaw il-gvern fil-proċess inizjali ta’ l-ippjanar tar-RSS.

(4)

L-UE wriet appoġġ kostanti għall-proċess ta’ transizzjoni fir-RDK u għar-RSS, inkluż permezz ta’ l-istabbiliment ta’ tliet operazzjonijiet fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurta Komuni (PESK), EUSEC RD Congo ( 2 ), EUPOL Kinshasa u l-Operazzjoni EUFOR RD Congo ( 3 ).

(5)

Konxja mill-interess li jiġi adottat approċċ globali li jgħaqqad l-inizjattivi differenti involuti, l’UE indikat, fil-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fil-15 ta’ Settembru 2006, id-disponibbiltà tagħha sabiex tiżgura l-koordinazzjoni ta’ l-isforzi magħmula mill-komunità internazzjonali fis-settur tas-sigurtà, f’koperazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti, sabiex tappoġġa l-awtoritajiet Kongoliżi f’dan il-qasam.

(6)

F’dan il-kuntest, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill u s-servizzi tal-Kummissjoni wettqu, f’Ottubru 2006 u f’Marzu 2007, żewġ missjonijiet ta’ evalwazzjoni fir-RDK, b’konċertazzjoni ma’ l-awtoritajiet Kongoliżi, sabiex jiżviluppaw approċċ globali ta’ l-UE fil-qasam tar-RSS.

(7)

Fis-7 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/913/PESK li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2004/847/PESK. Il-mandat il-ġdid, li jibqa’ għaddej sat-30 ta’ Ġunju 2007, ippermetta lill-EUPOL “Kinshasa” sabiex issaħħaħ ukoll ir-rwol tagħha ta’ konsulenza lill-pulizija Kongoliża bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat, il-proċess tar-RSS fir-RDK, flimkien mal-missjoni EUSEC RD Congo.

(8)

Fl-14 ta’ Mejju 2007, il-Kunsill approva kunċett ta’ operazzjonijiet fir-rigward ta’ missjoni tal-pulizija mwettqa fil-qafas tal-Politika Ewropea fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża dwar ir-RSS u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-RDK, imsejjaħ EUPOL RD Congo. Dan il-kunċett jipprevedi b’mod partikolari li ma jkunx hemm nuqqas ta’ kontinwità bejn it-tmiem ta’ l-attivitajiet ta’ l-EUPOL Kinshasa u l-bidu ta’ dawk ta’ l-EUPOL RD Congo.

(9)

Fl-istess data, l-14 ta’ Mejju 2007, il-Kunsill approva kunċett ġenerali rivedut fir-rigward tat-tkomplija tal-missjoni ta’ konsulenza u assistenza fil-qasam tar-RSS fir-RDK, EUSEC RD Congo.

(10)

Jaqbel li jiġu promossi s-sinerġiji bejn iż-żewġ missjonijiet, EUSEC RD Congo u EUPOL RD Congo, b’kont meħud ugwalment ta’ l-għaqda eventwali tagħhom f’missjoni unika.

(11)

Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-koerenza ta’ l-attivitajiet ta’ l-UE fir-RDK, għandha tiġi żgurata koordinazzjoni kemm jista’ jkun mill-qrib bejn l-atturi differenti ta’ l-UE f’Kinshasa kif ukoll fi Brussell, b’mod partikolari permezz ta’ arranġamenti xierqa. Ir-Rappreżentant Speċjali ta’ l-UE (RSUE) għar-reġjun Afrikan tal-Lagi Kbar għandu jkollu rwol prinċipali f’dan ir-rigward, b’kont meħud tal-mandat tiegħu.

(12)

Fil-15 ta’ Frar 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/112/PESK ( 4 ), għall-ħatra tas-Sur Roeland VAN DE GEER bħala r-RSUE l-ġdid għar-reġjun Afrikan tal-Lagi Kbar.

(13)

Fil-11 ta’ Mejju 2007, is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) indirizza ittra lill-awtoritajiet Kongoliżi sabiex jinfurmahom dwar id-disponibbiltà ta’ l-UE sabiex tkompli u ssaħħaħ l-impenn attwali tagħha fil-qasam tar-RSS u sabiex jikseb kunsens formali min-naħa tagħhom. Permezz ta’ ittra datata t-2 ta’ Ġunju 2007, l-awtoritajiet Kongoliżi aċċettaw formalment l-offerta ta’ l-UE u stidnuha sabiex tniedi missjoni għal dan il-għan.

(14)

Jaqbel l-Istati terzi jipparteċipaw fil-proġett f’konformità mal-linji gwida ġenerali definiti mill-Kunsill Ewropew.

(15)

Il-mandat tal-missjoni huwa implimentat f’kuntest ta’ sigurtà li jista’ jiddeterjora, u li jista’ jkun ta’ ħsara għall-objettivi tal-PESK kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:



Artikolu 1

Missjoni

1.  L-Unjoni Ewropea (UE) għandha twettaq missjoni ta’ konsulenza, ta’ assistenza u ta’ monitoraġġ fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), imsejħa EUPOL RD Congo, bil-ħsieb li jingħata kontribut għall-isforzi Kongoliżi ta’ riforma u ristrutturazzjoni tas-settur tal-pulizija u tar-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja. Il-missjoni għandha tagħti parir u assistenza direttament lill-awtoritajiet Kongoliżi kompetenti u permezz tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ tar-Riforma tal-Pulizija (KMRP) u tal-Kumitat Imħallat tal-Ġustizzja b’attenzjoni li jiġu promossi linji politiċi kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi internazzjonali umanitarja, ir-regoli demokratiċi u l-prinċipji ta’ governanza tajba ta’ l-affarijiet pubbliċi, ta’ trasparenza u tar-rispett għall-istat tad-dritt.

2.  Il-missjoni għandha timxi konformement mal-mandat previst fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

Mandat

1.  Il-missjoni għandha tappoġġa r-RSS fil-qasam tal-pulizija u tar-relazzjonijiet tagħha mal-ġustizzja. Permezz ta’ azzjoni ta’ monitoraġġ, ta’ ġestjoni u ta’ konsulenza u b’enfasi fuq id-dimensjoni strateġika, EUPOL RD Congo għandha:

 tikkontribwixxi għar-riforma u għar-ristrutturazzjoni tal-Pulizija Nazzjonali Kongoliża (PNK) b’appoġġ għall-istabbiliment ta’ forza tal-pulizija vijabbli, professjonali u multietnika/integrata b’kont meħud ta’ l-importanza tal-pulizija lokali mal-pajjiż kollu, bl-inklużjoni sħiħa ta’ l-awtoritajiet Kongoliżi fil-proċess;

 tikkontribwixxi għat-titjib ta’ l-interazzjoni bejn il-pulizija u s-sistema tal-ġudizzjarja kriminali f’sens wiesgħa;

 tikkontribwixxi għall-iżgurar tal-koerenza bejn l-isforzi kollha li jkunu qed isiru fil-qasam tar-RSS;

 taġixxi f’interazzjoni mill-qrib ma’ l-EUSEC RD Congo u l-proġetti tal-Kummissjoni, u b’koordinazzjoni ma’ l-isforzi l-oħra li jkunu qed isiru fuq il-livell internazzjonali fil-qasam tar-riforma tal-pulizija u l-ġustizzja kriminali;

▼M2

 tikkontribwixxi għall-aspetti marbuta mal-pulizija kif ukoll mas-sessi, mad-drittijiet tal-bniedem u t-tfal u l-konflitti armati tal-proċess ta' paċi fix-xlokk tar-RDK u speċjalment lir-rabta tiegħu mal-proċess ta' riforma tal-PNC.

▼B

2.  EUPOL RD Congo hija missjoni mingħajr setgħat eżekuttivi. Hija twettaq il-kompiti li għandha permezz ta’, fost affarijiet oħra, operazzjonijiet ta’ ġestjoni, ta’ monitoraġġ u ta’ konsulenza.

3.  Il-missjoni għandha tagħti pariri lill-Istati Membri u lill-Istati terzi u tikkoordina u tiffaċilita, taħt ir-responsabbiltà tagħhom, l-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom f’oqsma li huma ta’ interess għall-missjoni u ta’ appoġġ għall-objettivi tagħha.

▼M2

Artikolu 3

Struttura tal-missjoni u taż-żona ta' insedjament

1.  Il-missjoni għandu jkollha Kwartieri Ġenerali (KĠ) f'Kinshasa li jikkonsisti fi:

(a) il-Kap tal-Missjoni;

(b) skwadra ta' kunsilliera tal-pulizija fil-livell strateġiku;

(ċ) skwadra ta' kunsilliera tal-pulizija fil-livell operattiv;

(d) skwadra ta' kunsilliera ġuridiċi fil-livell strateġiku u operattiv;

(e) appoġġ amministrattiv.

2.  Il-missjoni għandu jkollha preżenza permanenti f'Goma u Bukavu, fil-parti tax-xlokk tar-RDK, sabiex twassal assistenza u kompetenza lill-proċess ta' stabilizzazzjoni fix-xlokk tar-RDK.

3.  It-tqassim operattiv tal-kompiti għandu jkun kif ġej:

(a) esperti li jiffurmaw parti integrali mid-diversi gruppi ta' ħidma dwar ir-riforma tal-pulizija, u kunsilliera assenjati għall-postijiet organizzattivi u deċiżjonali ċentrali tas-CSRP previsti mill-awtoritajiet Kongoliżi;

(b) esperti assenjati lill-PNC, b'mod partikolari fil-postijiet ċentrali, u assenjati għall-ġestjoni tal-pulizija ġudizzjarja u l-pulizija responsabbli għaż-żamma ta' l-ordni;

(ċ) appoġġ fil-qasam tal-liġi kriminali sabiex, ma' l-attivitajiet fil-qasam tal-pulizija, tingħaqad interfaċċja mal-ġustizzja kriminali u jingħata segwitu għal aspetti importanti tar-riforma tal-ġustizzja kriminali, inkluż fil-każ tal-liġi kriminali militari;

(d) kompetenzi sabiex isir kontribut għall-aspetti orizzontali tar-RSS;

(e) esperti assenjati lill-PNC, partikolarment f'postijiet ċentrali, u assenjati għall-ġestjoni tal-Pulizija tal-Fruntieri u s-Servizz tal-Verifika tal-Pulizija;

(f) esperti assenjati lill-pulizija kif ukoll għall-aspetti marbuta mas-sessi, id-drittijiet tal-bniedem u t-tfal u l-konflitti armati tal-proċess ta' stabilizzazzjoni fix-xlokk, u r-rabta tiegħu mal-proċess nazzjonali ta' riforma tal-pulizija.

4.  Iż-żona ta' insedjament għandha tkun Kinshasa, Goma u Bukavu. Minħabba l-implikazzjonijiet ġeografiċi tal-missjoni fit-territorju kollu tar-RDK, bħala riżultat tal-mandat, jista' jkun li l-esperti jkunu meħtieġa jivvjaġġaw u jkunu temporanjament preżenti f'postijiet oħra fil-provinċji, fuq struzzjonijiet tal-Kap tal-Missjoni jew kwalunkwe persuna awtorizzata għal dan l-effett mill-Kap tal-Missjoni, u b'kont debitu meħud ta' l-esiġenzi tas-sitwazzjoni ta' sigurtà.

▼M1

Artikolu 3a

Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili

1.  Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili ta' l-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għall-EUPOL RD Congo.

2.  Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jeżerċita kmand u kontroll ta' l-EUPOL RD Congo fil-livell strateġiku taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ.

3.  Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni adatta u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, b' mod partikolari bil-ħruġ ta' struzzjonijiet f'livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni.

4.  Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ ta' l-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Istat emittenti jew ta' l-istituzzjoni ta' l-UE. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, l-iskwadri u l-unitajiet tagħhom lill-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili.

5.  Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu r-responsabbiltà ġenerali biex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza ta' l-UE jiġi attwat b'mod adatt.

6.  Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili u r-RSUE għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

▼B

Artikolu 4

Pjanifikazzjoni

Il-Kap tal-Missjoni għandu jfassal il-Pjan Operattiv (OPLAN) tal-missjoni sabiex jissottomettih lill-Kunsill sabiex jiġi approvat. Il-Kap tal-Missjoni huwa mgħejjun f’dan il-kompitu mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill.

Artikolu 5

Kap tal-Missjoni

1.  Is-Supretendent Adílio Ruivo Custódio huwa maħtur Kap tal-Missjoni.

▼M1

2.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-missjoni fuq il-post ta' l-operazzjoni.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, l-iskwadri u l-unitajiet minn Stati kontribwenti kif inkarigat mill-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika rigward l-assi, ir-riżorsi u l-informazzjoni li qegħdin għad-dispożizzjoni tal-missjoni.

4.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jagħti istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-missjoni, għat-tmexxija effettiva ta' l-EUPOL RD Congo fil-post ta' l-operazzjoni, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta' kuljum tagħha, billi jsegwi l-istruzzjonijiet f'livell strateġiku tal-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili.

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-fini, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

6.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju rigward il-persunal. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew ta' l-UE konċernata.

7.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta lill-EUPOL RD Congo fiż-żona ta' l-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata tal-Missjoni.

8.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, kif adatt, ma' atturi ta' l-UE oħrajn fuq il-post. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jirċievi gwida politika lokali mir-RSUE.

▼B

Artikolu 6

Persunal

1.  Għandhom jiġu ssekondati esperti tal-missjoni mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet ta’ l-UE. Kull Stat Membru jew istituzzjoni għandu jassumi l-ispejjeż relatati ma’ l-esperti ssekondati, inkluż l-ispejjeż ta’ vjaġġar lejn u mid-destinazzjoni tar-RDK, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances, ħlief il-per diems.

2.  Għandhom jiġu reklutati, kif meħtieġ, persunal ċivili internazzjonali u persunal lokali fuq bażi kuntrattwali mill-missjoni.

▼M1

3.  Il-persunal kollu għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jaġixxi fl-interess tal-Missjoni. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill ( 5 ).

Artikolu 7

Linja ta' Kmand

1.  L-EUPOL RD Congo għandu jkollha linja ta' kmand unifikata, bħala operazzjoni ta' maniġġar tal-kriżijiet.

2.  Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà ser jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' l-EUPOL RD Congo.

3.  Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ, għandu jkun il-kmandant ta' l-EUPOL RD Congo f'livell strateġiku u, bħala tali, għandu joħroġ struzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

4.  Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tas-SĠ/RGħ.

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq l-EUPOL RD Congo fuq il-post ta' l-operazzjoni u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili.

Artikolu 8

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.  Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dak il-fini skond l-Artikolu 25 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat ta' l-emendament ta' l-OPLAN. Għandha tinkludi wkoll is-setgħat li jittieħdu deċiżjonijiet sussegwenti rigward il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni. Is-setgħat ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ l-objettivi u t-tmiem tal-missjoni għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

2.  Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.  Il-KPS għandu jirċievi fuq bażi regolari u kif meħtieġ rapporti mill-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom.

▼B

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet finanzjarji

▼M3

1.  L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008 għandu jkun ta’ EUR 5 500 000.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-missjoni għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sal-31 ta’ Ottubru 2009 għandu jkun EUR 6 920 000.

Il-Kunsill għandu jistabbilixxi ammont ta’ referenza finanzjarja ġdid sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għall-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2010.

▼B

2.  Fir-rigward tan-nefqa ffinanzjata mill-ammont previst fil-paragrafu 1, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) in-nefqa għandha tiġi amministrata skond ir-regoli u l-proċeduri tal-Komunità applikabbli għall-baġit bl-eċċezzjoni li l-ebda pre-finanzjament m’għandu jibqa’ l-proprjetà tal-Komunità. Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi huma awtorizzati li jissottomettu offerti għal kuntratti;

(b) il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta bis-sħiħ lill-Kummissjoni li tissorvelja l-azzjoni tiegħu, dwar l-attivitajiet ta’ intrapriżi fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

3.  Id-dispożizzjonijiet finanzjarji għandhom jirrispettaw l-esiġenzi operattivi tal-missjoni, inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir.

4.  In-nefqa relatata mal-Missjoni għandha ssir eliġibbli mad-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Komuni.

Artikolu 10

Parteċipazzjoni ta’ Stati Terzi

1.  Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-UE u tal-qafas istituzzjonali uniku tagħha, jistgħu jiġu mistiedna Stati terzi sabiex jagħtu kontribut għall-missjoni bil-ftehim li huma jħallsu l-ispejjeż tal-persunal issekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni ta’ “riskju għoli”, il-per diems u l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar lejn u mir-RDK, u li huma jikkontribwixxu kif meħtieġ għall-ispejjeż tal-funzjonament tal-missjoni.

2.  L-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-missjoni għandhom l-istess drittijiet u obbligi fl-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-missjoni daqs l-Istati Membri ta’ l-UE.

3.  Il-Kunsill jawtorizza lill-PKS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet pertinenti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti u sabiex joħloq Kumitat ta’ Kontributuri.

4.  L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehim konkluż b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza, jista’ jinnegozja dawn l-arranġamenti f’isem din ta’ l-aħħar. Jekk l-UE u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan l-Istat terz f’operazzjonijiet ta’ l-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-qafas tal-missjoni.

Artikolu 11

Koordinazzjoni

1.  Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw, kull wieħed skond il-kompetenzi tiegħu, il-koerenza ta’ l-Azzjoni Konġunta attwali ma’ l-attivitajiet esterni tal-Komunità, skond l-Artikolu 3, it-tieni subparagrafu tat-Trattat. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw għal dan il-għan. Għandhom isiru arranġamenti dwar il-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-UE fir-RDK kemm fil-Kinshasa, kif ukoll fi Brussell.

2.  Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi wkoll f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni.

3.  Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni EUSEC RD Congo u l-Kap tal-Missjoni EUPOL RD Congo għandhom jikkoordinaw mill-qrib l-isforzi tagħhom u jfittxu s-sinerġiji bejn iż-żewġ missjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-aspetti orizzontali tar-RSS fir-RDK, kif ukoll fil-qafas tal-kondiviżjoni tal-funzjonijiet bejn iż-żewġ missjonijiet.

4.  F’konformità mal-mandat tiegħu, ir-RSUE għandu jiżgura l-koerenza ta’ l-azzjonijiet li jsiru mill-missjoni EUPOL RD Congo u l-missjoni EUSEC RD Congo. Huwa għandu jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni li titwettaq ma’ l-atturi internazzjonali l-oħra impenjati fir-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-RDK.

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkopera ma’ l-atturi internazzjonali l-oħra preżenti, b’mod partikolari l-MONUC u l-Istati terzi impenjati fir-RDK.

6.  Għandhom jiġu implimentati arranġamenti dwar il-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-UE fir-RDK kemm fil-Kinshasa, kif ukoll fi Brussell.

Artikolu 12

Komunikazzjoni ta’ informazzjoni klassifikata

1.  Is-SĠ/RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lill-istati terzi assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” ġenerati għall-finijiet ta’ l-operazzjoni, skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill ( 6 ).

2.  Is-SĠ/RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti, skond il-ħtiġijiet operattivi tal-missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġenerati għall-finijiet ta’ l-operazzjoni, skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. Arranġamenti lokali għandhom jitfasslu għal dan il-għan.

3.  Fil-każ ta’ ħtieġa operattiva preċiża u immedjata, is-SĠ/RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lill-Istat ospitanti informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġenerati għall-finijiet ta’ l-operazzjoni, skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-informazzjoni u d-dokumenti għandhom jiġu rilaxxati lill-Istat ospitanti skond il-proċeduri xierqa fil-livell ta’ koperazzjoni ta’ l-Istat ospitanti ma’ l-Unjoni.

4.  Is-SĠ/RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lill-istati terzi assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta, dokumenti mhux klassifikati ta’ l-UE dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-operazzjoni u li huma koperti mill-obbligu ta’ segretezza professjonali skond l-Artikolu 6(1), tar-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill ( 7 ).

Artikolu 13

L-istatus tal-missjoni u tal-persunal tagħha

1.  L-istatus tal-persunal tal-missjoni, inkluż, jekk ikun il-każ, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għall-implimentazzjoni u għat-twettiq tajjeb tal-missjoni, għandu jiġi stabbilit b’mod konformi mal-proċedura prevista fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza, jista’ jinnegozja dawn l-arranġamenti f’isem din ta’ l-aħħar.

2.  L-Istat jew l-istituzzjoni Komunitarja li ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli sabiex iwieġbu kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondament, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni Komunitarja in kwistjoni għandu/ha i/tkun responsabbli sabiex tinbeda kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna ssekondata.

▼M1

Artikolu 14

Sigurtà

1.  Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta' sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni adatta u effettiva tagħhom għall-EUPOL RD Congo skond l-Artikoli 3a u 7, f'koordinazzjoni ma' l-Uffiċċju ta' Sigurtà tal-Kunsill.

2.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà ta' l-operazzjoni u sabiex jiżgura konformità ma' ħtiġiet minimi ta' sigurtà applikabbli għall-operazzjoni, f'konformità mal-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-UE f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-istrumenti ta' appoġġ tiegħu.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni (MSO), li jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib ma' l-Uffiċċju ta' Sigurtà tal-Kunsill.

4.  Il-persunal ta' l-EUPOL RD Congo għandu jgħaddi minn taħriġ obbligatorju ta' sigurtà qabel id-dħul tiegħu fil-funzjoni, f'konformità ma' l-OPLAN. Għandu jingħatalu wkoll taħriġ regolari ta' aġġornament fuq il-post, organizzat mill-MSO.

▼M1

Artikolu 14a

Għassa

Il-Kapaċità ta' l-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUPOL RD Congo.

▼M2 —————

▼B

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ u tul ta’ żmien

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2007.

▼M3

Għandha tiskadi fil-30 ta’ Ġunju 2010.

▼B

Artikolu 17

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

▼M1

Id-Deċiżjonijiet tal-KPS skond l-Artikolu 8(1), fir-rigward tal-ħatra tal-Kap tal-Missjoni għandhom ukoll jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.



( 1 ) ĠU L 367, 14.12.2004, p. 30. Azzjoni Konġunta emendata l-aħħar mill-Azzjoni Konġunta 2006/913/PESK (ĠU L 346, 9.12.2006, p. 67).

( 2 ) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/355/PESK tat-2 ta’ Mejju 2005 dwar il-missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea sabiex tipprovdi konsulenza u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) (ĠU L 112, 3.5.2005, p. 20).

( 3 ) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/319/PESK tas-27 ta’ April 2006 dwar l-operazzjoni militari ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ appoġġ għall-Missjoni ta’ l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUC) matul il-proċess elettorali. (ĠU L 116, 29.4.2006, p. 98.) Azzjoni Konġunta mħassra mill-Azzjoni Konġunta 2007/147/PESK (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 44).

( 4 ) ĠU L 46, 16.2.2007, p. 79.

( 5 ) ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2007/438/KE (ĠU L 164, 26.6.2007, p. 24).

( 6 ) Deċiżjoni 2001/264/KE (ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1). Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2005/952/KE (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 18).

( 7 ) Deċiżjoni 2006/683/KE, Euratom (ĠU L 285, 16.10.2006, p. 47). Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2007/4/ KE, Euratom (ĠU L 1, 4.1.2007, p. 9).