2007D0602 — MT — 02.11.2011 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Settembru 2007

li twaqqaf grupp ta’ djalogu għall-partijiet interessati fl-oqsma tas-saħħa pubblika u tal-protezzjoni tal-konsumaturi

(2007/602/KE)

(ĠU L 234, 6.9.2007, p.13)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tal-10 ta’ Ottubru 2011 2011/C 299/07

  C 299

6

11.10.2011




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Settembru 2007

li twaqqaf grupp ta’ djalogu għall-partijiet interessati fl-oqsma tas-saħħa pubblika u tal-protezzjoni tal-konsumaturi

(2007/602/KE)



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 153 tat-Trattat jagħti lill-Komunità l-missjoni li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi, kif ukoll li tippromwovi d-dritt tagħhom għall-informazzjoni u li jorganizzaw lilhom infushom għall-ħarsien ta’ l-interessi tagħhom. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni għall-konsumaturi għandhom jiġu kkunsidrati fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ politiki u attivitajiet oħra Komunitarji.

(2)

B’konformità mal-Protokoll (Nru 30) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (1997) ( 1 ), il-Kummissjoni għandha tikkonsulta b’mod wiesa’ qabel ma tipproponi leġiżlazzjoni.

(3)

Il-Kummissjoni ħadet ir-responsabbiltà, fil-White Paper tagħha dwar il-Governanza Ewropea ( 2 ), li tgħin fit-tisħiħ tal-kultura ta’ konsultazzjoni u djalogu fil-Komunità.

(4)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu: Segwitu għall-Green Paper“Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza” ( 3 ) ħabbret l-intenzjoni li ttejjeb aktar il-livell ġenerali tal-kwalità tal-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni.

(5)

Bl-għan li jagħtu parir lill-Kummissjoni dwar it-titjib tal-proċess ta’ konsultazzjoni tal-partijiet interessati fl-oqsma tas-saħħa pubblika u tal-protezzjoni tal-konsumaturi, il-Kummissjoni jista’ jkollha bżonn tirrikorri għall-kompetenza ta’ speċjalisti li jiltaqgħu fi grupp konsultattiv.

(6)

Huwa għalhekk meħtieġ li jitwaqqaf grupp ta’ djalogu tal-partijiet interessati fl-oqsma tas-saħħa pubblika u tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jiġu ddefiniti l-mandat u l-istruttura tiegħu.

(7)

Il-grupp ta’ djalogu tal-partijiet interessati għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiċi fil-proċess ta’ konsultazzjoni u jgħinha wkoll biex tadatta aħjar il-proċessi tagħha li jinvolvu l-partijiet interessati għall-ħtiġijiet tagħhom fl-oqsma tas-saħħa pubblika u tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

(8)

Il-grupp ta’ djalogu tal-partijiet interessati għandu jkollu rappreżentanza bbilanċjata ta’ partijiet interessati, kemm mill-industriji (federazzjonijiet u kumpaniji individwali) kif ukoll minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, ikkonċernati mid-diversi oqsma tal-politiki koperti mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Protezzjoni tal-Konsumaturi.

(9)

Il-membri tal-grupp ta’ djalogu tal-partijiet interessati għandhom jinħatru b’tali mod li jiġu żgurati l-ogħla standards ta’ kompetenza, firxa wiesgħa ta’ ħila rilevanti u, konsistenti ma’ dawn il-kriterji, l-akbar tqassim ġeografiku wiesa’ possibbli fi ħdan il-Komunità, kif ukoll bilanċ bejn irġiel u nisa.

(10)

Regoli dwar ix-xandir ta’ informazzjoni mill-membri tal-grupp ta’ djalogu tal-partijiet interessati għandhom jiġu pprovduti f’din id-Deċiżjoni. Dawn ir-regoli ma għandhomx ikunu ta’ preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta’ Novembru 2001 li jemenda r-Regoli Interni tal-Proċedura ( 4 ).

(11)

Id-data personali kollha relatata mal-membri tal-grupp ta’ djalogu tal-partijiet interessati għandha tkun ipproċessata b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data ( 5 ),

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:



Artikolu 1

Grupp ta’ djalogu tal-partijiet interessati

Il-grupp ta’ djalogu tal-partijiet interessati, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-grupp”, hu permezz ta’ dan stabbilit b’effet mill-10 ta’ Ottubru 2007.

Artikolu 2

Missjoni

1.  Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta l-grupp dwar kull kwistjoni relatata mat-titjib ġenerali tal-proċess ta’ konsultazzjoni tal-partijiet interessati fl-oqsma tas-saħħa pubblika u tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

2.  Il-missjoni tal-grupp se tkun li:

(a) jikkunsidra l-kwistjoni tar-rappreżentanza tal-partijiet interessati;

(b) jiddiskuti l-kwistjoni ta’ l-asimmetriji tal-partijiet interessati u jagħti parir lill-Kummissjoni dwar metodi possibbli ta’ konsultazzjoni li jirrispettaw u jadattaw għall-kuntest tal-partijiet interessati;

(ċ) jeżamina l-kriterji għall-konsultazzjonijiet, li għandhom bzonn aktar flessibilità u qafas ta’ żmien itwal (aktar minn tmien ġimgħat);

(d) jikkunsidra r-rwol tal-pjattaformi nazzjonali billi jibni l-kapaċità ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi mill-Istati Membri li ssieħbu fil-Komunità fl-2004 u 2007 u jeżamina r-rwol ta’ l-Istati Membri fir-relazzjonijiet maċ-ċittadini fil-livell lokali.

3.  Il-president tal-grupp jista’ jagħti parir lill-Kummissjoni biex tikkonsulta l-grupp dwar kwistjoni speċifika.

Artikolu 3

Sħubija - Ħatra

1.  Il-membri tal-grupp, “il-membri”, għandhom jinħatru mill-Kummissjoni fost speċjalisti b’kompetenzi fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2(2) u li wieġbu għas-sejħa ta’ espressjoni ta’ interess.

2.  Il-grupp għandu jkun magħmul minn massimu ta’ 20 membru.

3.  Il-membri jinħatru f’kapaċità personali u għandhom jagħtu parir lill-Kummissjoni indipendentement minn kull influwenza esterna.

▼M1

4.  Ladarbda jinħatru, il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga sat-2 ta' Novembru 2013.

5.  Il-membri li ma jibqgħux f’qagħda li jikkontribwixxu b’mod effettiv fil-ħidmiet tal-grupp, li jirriżenjaw jew li ma jirrispettawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikolu 339 tat-TFUE jistgħu jiġu sostitwiti mill-Kummissjoni.

▼B

6.  Il-membri maħtura f’kapaċità personali għandhom jiffirmaw kull sena dikjarazzjoni fejn jistqarru li huma jaġixxu fl-interess pubbliku kif ukoll dikjarazzjoni li tikkonferma n-nuqqas jew l-eżistenza ta’ kull interess li jista’ jaffettwa l-indipendenza tagħhom.

▼M1

7.  L-ismijiet tal-membri maħtura fil-kapaċità personali tagħhom għandhom jiġu elenkati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni. L-ismijiet tal-membri għandhom jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

▼B

Artikolu 4

Operat

1.  Il-Kummissjoni għandu jkollha l-presidenza tal-grupp.

2.  Bi ftehim mal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu sottogruppi biex jeżaminaw il-mistoqsijiet speċifiċi skond it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-grupp. Kif jintemm il-mandat tagħhom gruppi simili għandhom jiġu xolti.

3.  Il-president jista’ jistaqsi esperti jew osservaturi ta’ kompetenza speċifika dwar suġġett fuq l-aġenda biex jipparteċipaw fid-deliberazjonijiet tal-grupp jew tas-sottogrupp jekk dan ikun utli u/jew meħtieġ.

4.  Informazzjoni akkwistata permezz ta’ partiċipazzjoni fil-ħidmiet ta’ grupp jew sottogrupp ma għandhiex tixxandar jekk il-Kummissjoni tistqarr li tali informazzjoni hi marbuta ma’ kwistjonijiet konfidenzjali, bla preġudizzju għall-Anness għad-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom.

5.  Il-grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom normalment jiltaqgħu fl-istabbilimenti tal-Kummissjoni skond il-proċeduri u l-iskeda stabbilita minnha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi ta’ segretarjat. Uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp u s-sottogruppi tiegħu.

6.  Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura tal-grupp ta’ esperti adottati mill-Kummissjoni ( 6 ).

7.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sajt ta’ l-Internet tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Protezzjoni tal-Konsumaturi, bil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kull ġabra fil-qosor, konklużjoni, jew konklużjoni parzjali jew dokument ta’ ħidma tal-grupp.

Artikolu 5

Spejjeż tal-laqgħat

L-ispejjeż tal-vjaġġ u, fejn meħtieġ, tas-sussistenza għall-membri, l-esperti u l-osservaturi fl-ambitu ta’ l-attivitajiet tal-grupp għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni b’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni dwar ir-rimborż ta’ spejjeż għal esperti esterni.

Il-membri, l-esperti u l-osservaturi ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi mogħtija.

L-ispejjeż tal-laqgħat jiġu rimborżati fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-grupp mis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni.

▼M1




ANNESS

Il-grupp ta' djalogu għall-partijiet interessati għandu jkun magħmul mill-membri li ġejjin:

BAX Willemien

BERTELETTI KEMP Florence

CEPONYTE Zita

CZIMBALMOS Ágnes

GALLANI Barbara

GOUVEIA Rodrigo

GRUNER Bernd

HERVE Maryse

KETTLITZ Beate

KOSINSKA Monika

KUTIN Breda

LOGSTRUP Susanne

RODRIGUEZ Nathalie

ROSS Melody

SHEPPARD Philip

TIDDENS-ENGWIRDA Lisette

VAN TICHELEN Sonja

VINCENTEN Joanne

VON ESSEN Garlich



( 1 ) ĠU C 321 E, 29.12.2006, p. 308.

( 2 ) COM(2001) 428 finali.

( 3 ) COM(2007) 127 finali.

( 4 ) ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/548/KE (ĠU L 215, 5.8.2006, p. 38).

( 5 ) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

( 6 ) Anness III għas-SEC(2005)1004.