2006D1720 — MT — 31.12.2008 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI Nru 1720/2006/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Novembru 2006

li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja

(ĠU L 327, 24.11.2006, p.45)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI Nru 1357/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-16 ta’ Diċembru 2008

  L 350

56

30.12.2008




▼B

DEĊIŻJONI Nru 1720/2006/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Novembru 2006

li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 149(4) u 150 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 1 ),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ( 2 ),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 3 ),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/382/KE ( 4 ) stabbilixxiet it-tieni fażi tal-programm ta' azzjoni ta' taħriġ vokazzjonali Komunitarju 'Leonardo da Vinci'.

(2)

Id-Deċiżjoni Nru 253/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ) stabbilixxiet it-tieni fażi tal-programm ta' azzjoni Komunitarju fil-qasam ta' l-edukazzjoni 'Socrates'.

(3)

Id-Deċiżjoni Nru 2318/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ) stabbilixxiet programm pluriennali għall-integrazzjoni effettiva tat-tekonoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (information and communication technologies, ICT) f'sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ fl-Ewropa (il-programm eLearning).

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 791/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ) stabbilixxiet programm ta' azzjoni Komunitarju sabiex jippromwovi korpi attivi fil-livell Ewropew fil-qasam ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ u sabiex jappoġġa attivitajiet speċifiċi f'dan il-qasam.

(5)

Id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ) stabbilixxiet qafas waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass).

(6)

Id-Deċiżjoni Nru 2317/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ) stabbilixxiet programm għat-titjib tal-kwalità ta' l-edukazzjoni superjuri u l-promozzjoni ta' fehim interkulturali permezz ta' koperazzjoni ma' pajjiżi terzi (Erasmus Mundus) (2004 sa 2008).

(7)

Id-Dikjarazzjoni ta' Bologna, iffirmata mill-Ministri ta' l-Edukazzjoni ta' 29 pajjiż Ewropew fid-19 ta' Ġunju 1999, stabbilixxiet proċess intergovernattiv bl-għan li sa l-2010 dan joħloq “Żona Ewropea ta' Edukazzjoni superjuri”, li jeħtieġ appoġġ fil-livell Komunitarju.

(8)

Il-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000 stabbilixxa għan strateġiku għall-Unjoni Ewropea sabiex din issir ekonomija, ibbażata fuq it-tagħrif, l-aktar kompetittiva u dinamika fid-dinja, b'kapaċità ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli b'aktar impjiegi u b'impjiegi aħjar u koeżjoni soċjali akbar, u stieden lill-Kunsill ta' l-Edukazzjoni sabiex jagħmel riflessjoni ġenerali dwar l-għanijiet futuri konkreti tas-sistemi ta' l-edukazzjoni, li jiffoka fuq problemi u prijoritajiet komuni filwaqt li tiġi rispettata d-diversità nazzjonali.

(9)

Soċjetà ta' tagħrif avvanzat hija ċentrali għal żvilupp ekonomiku u għal rati ogħla ta' mpjieg. L-edukazzjoni u t-taħriġ huma prijoritajiet essenzjali għall-Unjoni Ewropea sabiex tikseb il-miri ta' Lisbona.

(10)

Fit-12 ta' Frar 2001 il-Kunsill adotta rapport dwar l-objettivi futuri konkreti tas-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ. Fl-14 ta' Ġunju 2002 huwa sussegwentement adotta programm ta' ħidma dettaljat dwar is-segwitu lejn dawn l-objettivi, li jeħtieġ appoġġ fil-livell Komunitarju.

(11)

Il-Kunsill Ewropew ta' Göteborg tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2001 qabel dwar strateġija lejn żvilupp sostenibbli u żied dimensjoni ambjentali għall-proċess ta' Lisbona lejn l-impjiegi, ir-riforma ekonomika u l-koeżjoni soċjali.

(12)

Il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002 stabbilixxat l-objettiv li sa l-2010 is-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ ta' l-Unjoni Ewropea jsiru referenza dinjija ta' kwalità, u sejjaħ għal azzjoni sabiex jitjieb il-perfezzjonament fil-ħiliet bażiċi, b'mod partikolari billi jiġu mgħallma mill-inqas żewġ lingwi barranin minn età bikrija.

(13)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 ( 10 ) dwar it-tagħlim tul il-ħajja jaffermaw li t-tagħlim tul il-ħajja għandu jissaħħaħ b'azzjonijiet u linji politiċi żviluppati fi ħdan il-qafas tal-programmi Komunitarji f'dan il-qasam.

(14)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2002 ( 11 ) stabbilixxiet proċess ta' koperazzjoni Ewropea msaħħa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, li jeħtieġ appoġġ fil-livell Komunitarju. Id-Dikjarazzjoni ta' Kopenħagen, miftiehma mill-Ministri ta' l-Edukazzjoni ta' 31 pajjiż Ewropew fit-30 ta' Novembru 2002, assoċjat l-imsieħba soċjali u l-pajjiżi kandidati ma' dan il-proċess.

(15)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-ħiliet u l-mobbiltà nnutat il-ħtieġa kontinwa għal azzjoni fil-livell Ewropew sabiex jittejjeb ir-rikonoxximent tal-kwalifiki ta' edukazzjoni u ta' taħriġ.

(16)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni li jippromwovi t-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika stabbilixxiet azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell Ewropew matul il-perjodu mill-2004 sa 2006 u teħtieġ azzjoni ta' segwitu.

(17)

Il-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi, kemm għal min jgħallem kif ukoll għal min jitgħallem, u tad-diversita lingwistka għandha tkun prijorità ta' l-azzjoni Komunitarja fil-qasam ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ. It-tagħlim tal-lingwi, kemm mill-aspett ta' min jgħallem kif ukoll mill-aspett ta' min jitgħallem, huma ta' relevanza speċjali fost Stati Membri ġirien.

(18)

Ir-rapporti ta' valutazzjoni interim tal-programmi eżistenti, Socrates u Leonardo da Vinci, u l-konsultazzjoni pubblika dwar il-futur ta' l-attività Komunitarja fl-edukazzjoni u fit-taħriġ urew il-ħtieġa qawwija, u li minn ċerti aspetti qiegħda tikber, għal koperazzjoni u mobbiltà kontinwi f'dawn l-oqsma fil-livell Ewropew. Ir-rapporti emfażizzaw l-importanza li jinħolqu rabtiet aktar mill-qrib bejn il-programmi Komunitarji u l-iżvilupp ta' linji politiċi fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, urew ix-xewqa li l-azzjoni Komunitarja tkun strutturata sabiex twieġeb aħjar għall-mudell tat-tagħlim tul il-ħajja, u ħeġġu sabiex ikun hemm approċċ iżjed sempliċi, aktar premuruż lejn l-utent u aktar flessibbli fl-implementazzjoni ta' tali azzjoni.

(19)

Konformement mal-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba, l-implementazzjoni tal-programm tista' tiġi simplifikata permezz ta' finanzjament abbażi ta' somom sħaħ mogħtija darba, fir-rigward ta' l-appoġġ mogħti lill-parteċipanti tal-programmi jew ta' l-appoġġ Komunitarju għall-istrutturi stabbiliti fil-livell nazzjonali għall-amministrazzjoni tal-programm.

(20)

Jinkisbu vantaġġi sinifikattivi bl-integrazzjoni fi programm wieħed ta' l-appoġġ Komunitarju għall-koperazzjoni transnazzjonali u għall-mobbiltà fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, li jippermettu sinerġiji akbar bejn l-oqsma differenti ta' azzjoni u joffru aktar kapaċità sabiex ikunu appoġġati l-iżviluppi fit-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll metodi ta' amministrazzjoni li jkunu aktar koerenti, razzjonalizzati u effiċjenti. Programm uniku jinkoraġġixxi wkoll koperazzjoni aħjar bejn id-diversi livelli ta' edukazzjoni u taħriġ.

(21)

Għalhekk, għandu jiġi stabbilit Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja sabiex jikkontribwixxi, permezz tat-tagħlim tul il-ħajja, għall-iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea bħala soċjetà ta' tagħrif avvanzat, bi żvilupp ekonomiku sostenibbli, b'aktar impjiegi u b'impjiegi aħjar u b'koeżjoni soċjali akbar.

(22)

Fid-dawl ta' l-ispeċifiċitajiet tas-setturi ta' l-iskejjel, ta' l-edukazzjoni superjuri, tat-taħriġ vokazzjonali u ta' l-edukazzjoni ta' l-adulti, u tal-ħtieġa konsegwenti li l-azzjoni Komunitarja tkun imsejsa fuq objettivi, għamliet ta' azzjoni u strutturi organizzattivi mfassla speċifikament għalihom, ikun xieraq li jinżammu l-programmi individwali fil-qafas tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja mmirati lejn kull wieħed minn dawn l-erba' setturi, filwaqt li jiġu massimizzati l-koerenza u t-terren komuni bejniethom.

(23)

Fil-Komunikazzjoni tagħha “Nibnu l-Futur komuni tagħna: L-Isfidi politiċi u l-mezzi tal-Baġit ta' l-Unjoni Mkabbra 2007-2013”, il-Kummissjoni stabbilixxiet sensiela ta' miri kwantifikati li għandhom jintlaħqu mill-ġenerazzjoni l-ġdida ta' programmi Komunitarji dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, li jeħtieġu żieda sostanzjali f'azzjonijiet ta' mobbiltà u ta' sħubija.

(24)

Fid-dawl ta' l-impatti vantaġġjużi dimostrati tal-mobbiltà transnazzjonali fuq l-individwi u fuq is-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ, tal-volum għoli tad-domanda mhux sodisfatta għall-mobbiltà fis-setturi kollha, u ta' l-importanza tagħha fil-kuntest tal-mira ta' Lisbona, huwa meħtieġ li jiżdied sostanzjalment il-volum ta' appoġġ għall-mobbiltà transnazzjonali fl-erba' sub-programmi settorjali.

(25)

Sabiex ikunu koperti aktar adegwatament l-ispejjeż addizzjonali reali sostnuti mill-istudenti li jistudjaw barra, l-għotja standard għall-mobbiltà lill-istudent għandha tinżamm ma' medja ta' EUR 200 kull xahar f'termini reali għat-tul kollu tal-programm.

(26)

Għandu jsir aktar provvediment għall-ħtiġijiet ta' mobbiltà ta' tfal individwali ta' l-iskola fil-livell sekondarju u ta' studenti adulti individwali, li s'issa mhumiex koperti mill-programmi Komunitarji, bl-introduzzjoni ta' tip ġdid ta' azzjoni ta' mobbiltà fil-programmi Comenius u Grundtvig. Għandhom jiġu wkoll sfruttati, b'mod aktar sħiħ, l-opportunitajiet offruti mill-mobilità ta' għalliema individwali għall-iżvilupp ta' koperazzjoni għall-perjodu fit-tul bejn skejjel f'reġjuni ġirien.

(27)

L-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għandhom rwol importanti fl-ekonomija Ewropea. S'issa, madankollu, il-parteċipazzjoni ta' tali intrapriżi fil-programm Leonardo da Vinci kienet limitata. Għandhom jittieħdu passi sabiex tittejjeb l-attrazzjoni ta' l-azzjoni Komunitarja għal tali intrapriżi, b'mod partikolari billi jiġi żgurat li jkun hemm aktar opportunitajiet ta' mobbiltà disponibbli għall-apprendisti. Għandhom isiru arranġamenti adegwati, simili għal dawk li jeżistu taħt il-programm Erasmus, għar-rikonoxximent tar-riżultati ta' tali mobbiltà.

(28)

Fid-dawl ta' l-isfidi edukattivi partikolari li jiffaċċjaw it-tfal ta' nies li jivvjaġġaw fuq xogħlhom u ta' ħaddiema mobbli fl-Ewropa, għandu jsir użu sħiħ ta' l-opportunitajiet disponibbli taħt il-programm Comenius sabiex jiġu appoġġati attivitajiet transnazzjonali mmirati lejn il-ħtiġijiet tagħhom.

(29)

Iż-żieda fil-mobbiltà fl-Ewropa kollha għandha tkun akkumpanjata minn standards li jogħlew kostantament.

(30)

Sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa, li kibret, li jiġu appoġġati attivitajiet fil-livell Ewropew imfassla sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi ta' politika, sabiex jiġi provdut mezz ta' appoġġ għall-attività trans-settorjali fl-oqsma tal-lingwi u ta' l-ICT, u sabiex jissaħħu t-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati tal-programm, ikun xieraq li l-erba' sub-programmi settorjali jkunu komplementati b'wieħed trasversali.

(31)

Sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa, li qed tikber, għal tagħrif u djalogu dwar il-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea u l-iżvilupp tiegħu, huwa importanti li tiġi stimulata l-eċċellenza fit- tagħlim, fir-riċerka u fir-riflessjoni f'dan il-qasam billi jiġu appoġġati l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri li jispeċjalizzaw fl-istudju tal-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea, l-assoċjazzjonijiet Ewropej fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ, u l-Azzjoni Jean Monnet.

(32)

Huwa meħtieġ li tiġi provduta flessibbiltà suffiċjenti fil-formulazzjoni ta' din id-Deċiżjoni sabiex ikun hemm lok għal aġġustamenti xierqa fl-azzjonijiet tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet, li jkunu qegħdin jinbidlu, matul il-perjodu mill-2007 sa l-2013, u sabiex jiġu evitati d-dispożizzjonijiet inadegwatament dettaljati tal-fażijiet preċedenti tal-programmi Socrates u Leonardo da Vinci.

(33)

Fl-attivitajiet kollha tagħha, il-Komunità għandha telimina l-inugwaljanzi kollha, u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, kif previst fl-Artikolu 3(2) tat-Trattat.

(34)

Skond l-Artikolu 151 tat-Trattat, il-Komunità, fl-azzjoni tagħha, għandha tieħu kont ta' l-aspetti kulturali taħt dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat, b'mod partikolari sabiex tiġi rispettata u promossa d-diversità tal-kulturi tagħha. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għas-sinerġija bejn il-kultura, l-edukazzjoni u t-taħriġ. Għandu jiġi mħeġġeġ ukoll id-djalogu interkulturali.

(35)

Hemm ħtieġa li jiġu promossi ċ-ċittadinanza attiva u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-esklużjoni fl-għamliet kollha tagħha, inklużi r-razziżmu u l-ksenofobija.

(36)

Hemm ħtieġa li jitkabbar l-aċċess għal dawk li ġejjin minn gruppi żvantaġġati u li jiġu indirizzati attivament il-ħtiġijiet speċjali ta' tagħlim ta' dawk b'diżabbiltajiet, fl-implementazzjoni tal-partijiet kollha tal-programm, anke permezz ta' l-użu ta' għotjiet akbar sabiex jirriflettu l-ispejjeż addizzjonali ta' parteċipanti b'diżabbiltajiet, u ta' l-għoti ta' appoġġ għat-tagħlim u għall-użu ta' lingwi tas-sinjali u tal-Braille.

(37)

Għandhom jiġu rikonoxxuti l-kisbiet tas-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isport (2004) u tal-benefiċċji edukattivi potenzjali tal-koperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi u organizzazzjonijiet ta' l-isport li dik is-Sena emfasizzat.

(38)

Il-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ta' l-EFTA li huma membri taż-ŻEE jistgħu jieħdu sehem fi programmi Komunitarji skond ftehim li għandu jiġi ffirmat bejn il-Komunità u dawn il-pajjiżi.

(39)

Il-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2003 dwar il-Balkani tal-Punent, inkluż l-Anness magħhom “L-Aġenda ta' Tessaloniki għall-Balkani tal-Punent: lejn integrazzjoni Ewropea”, li jipprevedi li l-programmi Komunitarji għandhom jinfetħu għall-pajjiżi tal-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni abbażi ta' ftehim kwadru li għandu jiġu ffirmati bejn il-Komunità u dawk il-pajjiżi.

(40)

Il-Komunità u l-Konfederazzjoni Svizzera ddikjaraw il-ħsieb tagħhom li jidħlu f'negozjati sabiex jikkonkludu ftehim f'oqsma ta' interess komuni bħall-programmi Komunitarji ta' edukazzjoni, ta' taħriġ u taż-żgħażagħ.

(41)

Il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għandu jiġi sorveljat u valutat regolarment f'koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jsiru aġġustamenti ġodda, b'mod partikolari fir-rigward tal-prijoriatjiet għall-implementazzjoni tal-miżuri. Il-valutazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni esterna li trid titmexxa minn korpi indipendenti u imparzjali.

(42)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Frar 2002 dwar l-implemetazzjoni tal-programm Socrates ( 12 ), il-Parlament Ewropew ġibed l-attenzjoni lejn il-proċeduri amministrattivi sproporzjonatament onerużi għall-applikanti għal għotjiet taħt it-tieni fażi tal-programm.

(43)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej ( 13 ) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 ( 14 ), li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunità, għandhom jiġu applikati b'kont meħud tal-prinċipji tas-simpliċità u tal-konsistenza fl-għażla ta' l-istrumenti tal-baġit, bħala limitazzjoni tan-numru ta' każijiet fejn il-Kummissjoni żżomm responsabbiltà diretta għall-implementazzjoni u l-amministrazzjoni tagħhom, kif ukoll tal-proporzjonalità meħtieġa bejn l-ammont ta' riżorsi u l-piż amministrattiv relatat ma' l-użu tagħhom.

(44)

Is-simplifikazzjoni amministrattiva radikali tal-proċeduri ta' applikazzjoni hija essenzjali għas-suċċess ta' l-implementazzjoni tal-programm. Il-ħtiġijiet amministrattivi u dawk tal-kontabbiltà għandhom ikunu proporzjonali għad-daqs ta' l-għotja.

(45)

Għandhom jittieħdu wkoll miżuri adatti għall-prevenzjoni ta' l-irregolaritajiet u tal-frodi u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġu rkuprati l-fondi mitlufa, jew imħallsa erronjament jew użati skorrettament.

(46)

Huwa xieraq li jiġi żgurat għeluq korrett tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, partikolarment fir-rigward tal-kontinwazzjoni ta' arranġamenti multi-annwali għall-amministrazzjoni tagħha bħall-finanzjament ta' għajnuna teknika u amministrattiva. Mill-1 ta' Jannar 2014, l-għajnuna teknika u amministrattiva għandha tiżgura, jekk ikun meħtieġ, l-amministrazzjoni ta' l-azzjonijiet mhux finalizzati sa l-aħħar ta' l-2013, inklużi azzjonijiet ta' monitoraġġ u ta' verifika.

(47)

Ladarba l-għan ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri li jingħata l-kontribut tal-koperazzjoni Ewropea lill-edukazzjoni u lit-taħriġ ta' kwalità ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri minħabba l-ħtieġa ta' sħubiji multilaterali, ta' mobbiltà transnazzjonali u ta' skambju ta' informazzjoni fil-Komunità kollha, u jista' għalhekk, minħabba n-natura ta' l-azzjonijiet u l-miżuri meħtieġa, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(48)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għat-tul kollu tal-programm, pakkett finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza primarja fis-sens tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba, għall-awtorità tal-baġit matul il-proċedura annwali tal-baġit ( 15 ).

(49)

Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implementazzjoni konferiti lill-Kummissjoni ( 16 ),

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:



TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI



KAPITOLU I

Il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja

Artikolu 1

Stabbiliment tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja

1.  Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja”.

2.  L-objettiv ġenerali tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja huwa li jikkontribwixxi, permezz tat-tagħlim tul il-ħajja, għall-iżvilupp tal-Komunità bħala soċjetà avvanzata bbażata fuq il-konoxxenza, bi żvilupp ekonomiku sostenibbli, b'aktar impjiegi u b'impjiegi aħjar u b'koeżjoni soċjali akbar, filwaqt li jiġi żgurat il-ħarsien xieraq ta' l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet futuri. B'mod partikolari, jimmira lejn l-iskambju, il-koperazzjoni u l-mobbiltà bejn is-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-Komunità sabiex dawn isiru referenza dinjija ta' kwalità.

3.  Il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għandu jkollu l-objettivi speċfiċi li ġejjin:

(a) li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità, u li jippromwovi prestazzjoni ta' livell għoli, innovazzjoni u dimensjoni Ewropea fis-sistemi u fil-prattika fil-qasam;

(b) li jappoġġa t-twettiq ta' żona Ewropea għat-tagħlim tul il-ħajja;

(ċ) li jgħin itejjeb il-kwalità, l-attrazzjoni u l-aċċessibbiltà ta' l-opportunitajiet għat-tagħlim tul il-ħajja li jkunu disponibbli fl-Istati Membri;

(d) li jsaħħaħ il-kontribut tat-tagħlim tul il-ħajja għal koeżjoni soċjali, għaċ-ċittadinanza attiva, għad-djalogu interkulturali, għall-ugwaljanza bejn is-sessi u għar-realizzazzjoni personali;

(e) li jgħin jippromwovi l-kreattività, il-kompetittività, l-impjegabbiltà u t-tkabbir ta' spirtu intraprenditorjali;

(f) li jikkontribwixxi għal iżjed parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja minn nies ta' kull età, inklużi dawk bi ħtiġijiet speċjali u gruppi żvantaġġati, irrispettivament mill-ambjent soċjo-ekonomiku tagħhom;

(ġ) li jippromwovi t-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika;

(h) li jappoġġa l-iżvilupp ta' kontenut, servizzi, pedagoġiji u prattika li jkunu bbażati fuq l-ICT u innovattivi, għat-tagħlim tul il-ħajja

(i) li jsaħħaħ ir-rwol tat-tagħlim tul il-ħajja fil-ħolqien ta' sens ta' ċittadinanza Ewropea bbażata fuq l-intendiment u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u jinkoraġġixxi t-tolleranza u r-rispett għal popli u kulturi oħrajn;

(j) li jippromwovi l-koperazzjoni fl-assigurazzjoni ta' kwalità fis-setturi kollha ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ fl-Ewropa;

(k) li jinkoraġġixxi l-aħjar użu ta' riżultati, ta' prodotti u ta' proċessi innovattivi u l-iskambju ta' l-aħjar prattika fl-oqsma koperti mill-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, sabiex tiġi mtejba l-kwalità ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ.

4.  Skond id-dispożizzjonijiet amministrattivi stabbiliti fl-Anness, il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għandu jappoġġa u jissupplimenta azzjoni meħuda mill-Istati Membri, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tagħhom għall-kontenut tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.

5.  Kif stabbilit fl-Artikolu 3, l-objettivi tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għandhom jitwettqu permezz ta' l-implementazzjoni ta' erba' programmi settorjali, programm wieħed trasversali, u l-programm Jean Monnet, minn hawn 'il quddiem imsejħa kollettivament “is-sub-programmi”.

6.  Din id-Deċiżjoni għandha tiġi implementata tul il-perjodu li jibda mill-1 ta' Jannar 2007 u jestendi sal-31 ta' Diċembru 2013. Madankollu, jistgħu jiġu implementati miżuri preparatorji, inklużi deċiżjonijiet mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 9, mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1. “pre-skola” tfisser attività edukattiva organizzata ta' qabel il-bidu ta' l-iskola primarja obbligatorja;

2. “tifel/tifla ta' l-iskola” tfisser persuna iskritta sabiex tirċievi edukazzjoni fi skola;

3. “skola” tfisser it-tipi kollha ta' istituzzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni ġenerali (pre-skolastika, primarja jew sekondarja), vokazzjonali u teknika u, eċċezzjonalment, fil-każ ta' miżuri li jippromwovu t-tagħlim tal-lingwi, istituzzjonijiet mhux skolastiċi li jipprovdu taħriġ ta' apprendistat;

4. “għalliema/persunal edukattiv” tfisser persuni li, permezz ta' dmirijiethom, huma involuti direttament fil-proċess edukattiv fl-Istati Membri;

5. “min jagħti taħriġ” tfisser persuni li, permezz ta' dmirijiethom, ikunu involuti direttament fil-proċess ta' edukazzjoni u ta' taħriġ vokazzjonali fl-Istati Membri;

6. “student” tfisser persuna reġistrata f'istituzzjoni ta' edukazzjoni superjuri, irrispettivament mill-qasam ta' l-istudju tagħha, sabiex issegwi studji ta' edukazzjoni superjuri li jwasslu għal lawrja rikonoxxuta jew għal kwalifika rikonoxxuta oħra ta' livell terzjarju, sa, u li inkluż, il-livell ta' dottorat;

7. ''persuna li tieħu taħriġ'' tfisser persuna li tieħu taħriġ vokazzjonali, f'istituzzjoni ta' taħriġ jew f'organizzazzjoni ta' taħriġ jew fuq il-post tax-xogħol;

8. ''student adult'' tfisser student li jipparteċipa f'edukazzjoni għall-adulti;

9. ''persuni fis-suq tax-xogħol'' tfisser ħaddiema, dawk li huma impjegati għal rashom jew nies disponibbli għall-impjieg;

10. “istituzzjoni ta' edukazzjoni superjuri” tfisser:

(a) kwalunkwe tip ta' istituzzjoni ta' edukazzjoni superjuri, skond il-liġi jew il-prattika nazzjonali, li toffri lawrji rikonoxxuti jew kwalifiki rikonoxxuti oħra ta' livell terzjarju, irrispettivament mill-isem ta' tali stabbilimenti fl-Istati Membri;

(b) kwalunkwe istituzzjoni, skond il-liġi jew il-prattika nazzjonali, li toffri edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali fil-livell terzjarju;

11. “Korsijiet Masters Konġunti” tfisser korsjiet Masters fl-edukazzjoni superjuri li:

(a) jinvolvu mill-inqas tlitt istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri minn tliet Stati Membri differeti;

(b) jimplementaw programm ta' studju li jinvolvi perjodu ta' studju f'mill-inqas tnejn minn dawk it-tlitt istituzzjonijiet;

(ċ) jinkludu, bħala parti inerenti tagħhom, mekkaniżmi għar-rikonoxximent ta' perjodi ta' studju, li jkunu saru f'istituzzjonijiet imsieħba, ibbażati fuq, jew kompatibbli ma', is-sistema Ewropea ta' trasferiment ta' credits;

(d) iwasslu, għall-għoti mill-istituzzjonijiet parteċipanti, ta' lawrji konġunti, doppji jew multipli li jkunu rikonoxxuti jew akkreditati mill-Istati Membri;

12. ''taħriġ vokazzjonali'' tfisser kwalunkwe forma ta' edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali inizjali, inklużi t-tagħlim tekniku u vokazzjonali u l-apprendistati, li tikkontribwixxi għall-kisba ta' kwalifika vokazzjonali rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn tkun inkisbet, kif ukoll kwalunkwe edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali kontinwati riċevuti minn persuna matul il-ħajja tax-xogħol tagħha;

13. “edukazzjoni ta' l-adulti” tfisser l-għamliet kollha ta' tagħlim mhux vokazzjonali għall-adulti, kemm jekk ikunu ta' natura formali, non-formali jew informali;

14. “żjara ta' studju” tfisser żjara għal perjodu qasir, li ssir sabiex jiġi studjat aspett partikolari ta' tagħlim tul il-ħajja fi Stat Membru ieħor;

15. “mobbiltà” tfisser li persuna tgħaddi perjodu ta' żmien fi Stat Membru ieħor, għall-finijiet ta' studju, ta' esperjenza ta' xogħol, ta' xi attività oħra bħala student jew għalliem jew ta' xi attività amministrattiva relatata, appoġġati kif xieraq b'korsijiet preparatorji jew ta' tagħlim mill-ġdid fil-lingwa tal-pajjiż ospitanti jew fil-lingwa operattiva;

16. placement” tfisser li persuna tgħaddi perjodu ta' żmien f'intrapriża jew organizzazzjoni fi Stat Membru ieħor, appoġġat kif meħtieġ b'korsijiet preparatorji jew ta' tagħlim mill-ġdid fil-lingwa tal-pajjiż ospitanti jew fil-lingwa operattiva, bil-għan li l-individwu jiġi assistit sabiex jadatta ruħu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol tal-Komunità kollha, sabiex jikseb ħila speċifika u sabiex itejjeb il-konoxxenza tal-kultura ekonomika u soċjali tal-pajjiż konċernat fil-kuntest ta' l-iżvilupp ta' l-esperjenza tax-xogħol;

17. “unilaterali” tfisser l-involviment f'istituzzjoni waħda;

18. “bilaterali” tfisser l-involviment ta' msieħba minn żewġ Stati Membri;

19. “multilaterali” tfisser l-involviment ta' msieħba minn tliet Stati Membri mill-inqas. Il-Kummissjoni tista' tqis assoċjazzjonijiet jew korpi oħrajn bi sħubija minn tliet Stati Membri jew aktar bħala multilaterali;

20. “sħubija” tfisser ftehim bilaterali jew multilaterali bejn grupp ta' istituzzjonijiet jew ta' organizzazzjonijiet fi Stati Membri differenti sabiex iwettqu attivitajiet Ewropej konġunti fit-tagħlim tul il-ħajja;

21. network” tfisser aggruppament, formali jew informali, ta' korpi li jkunu attivi f'qasam, dixxiplina jew settur partikolari tat-tagħlim tul il-ħajja;

22. “proġett” tfisser attività ta' koperazzjoni, b'riżultat definit, żviluppata b'mod konġunt minn aggruppament formali jew informali ta' organizzazzjonijiet jew istituzzjonijiet;

23. “koordinatur tal-proġett” tfisser l-organizzazzjoni jew l-istituzzjoni li tkun responsabbli mill-implementazzjoni tal-proġett mill-aggruppament multilaterali;

24. “imsieħba fi proġett” tfisser l-organizzazzjonijiet jew l-istituzzjonijiet għajr il-koordinatur, li jiffurmaw l-aggruppament multilaterali;

25. “intrapriża” tfisser l-intrapriżi kollha involuti f'attività ekonomika fis-settur pubbliku jew privat irrispettivament mid-daqs, mill-istatus legali tagħhom jew mis-settur ekonomiku li fih jaħdmu, inkluża l-ekonomija soċjali;

26. “imsieħba soċjali” tfisser, fil-livell nazzjonali, l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema li jkunu konformi mal-liġijiet u/jew prattika nazzjonali u, fil-livell Komunitarju, l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema li jieħdu sehem fid-djalogu soċjali fil-livell Komunitarju;

27. “gwida u pariri konsultivi” tfisser firxa ta' attivitajiet bħalma huma t-tagħrif, l-assessjar, l-orjentazzjoni u l-pariri sabiex min ikun qed jitgħallem, min jagħti taħriġ jew persunal ieħor ikunu jistgħu jagħmlu għażliet dwar programmi ta' edukazzjoni u taħriġ jew dwar opportunitajiet ta' mpjieg;

28. “it-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati” tfisser attivitajiet imfassla sabiex jiżguraw li r-riżultati tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u dawk ta' qablu jkunu rikonoxxuti, murija u implementati kif xieraq fuq skala wiesgħa;

29. “tagħlim tul il-ħajja” tfisser l-edukazzjoni ġenerali kollha, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni non-formali u t-tagħlim informali li jkun sar tul il-ħajja, li jwassal għal titjib fit-tagħrif, fil-ħiliet u l-kompetenzi f'perspettiva personali, ċivika, soċjali u/jew li tkun relatata ma' l-impjieg. Dan jinkludi wkoll id-dispożizzjoni ta' servizzi ta' għoti ta' parir u gwida.

Artikolu 3

Sub-Programmi

1.  Is-sub-programmi settorjali għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a) il-programm Comenius, li għandu jindirizza l-ħtiġijiet ta' dawk kollha li jgħallmu u li jitgħallmu fil-livelli pre-skolastiku u skolastiku sal-livell tat-tmiem ta' l-edukazzjoni sekondarja ogħla, u ta' l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li jipprovdu tali edukazzjoni;

(b) il-programm Erasmus, li għandu jindirizza l-ħtiġijiet ta' dawk kollha li jgħallmu u li jitgħallmu fil-livelli terzjarji ta' l-edukazzjoni formali superjuri u ta' l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, irrispettivament mit-tul tal-kors jew mill-kwalifika tagħhom u inklużi studji dottorali, u ta' l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li jipprovdu jew jiffaċilitaw tali edukazzjoni u taħriġ;

(ċ) il-programm Leonardo da Vinci, li għandu jindirizza l-ħtiġijiet ta' dawk kollha li jgħallmu u li jitgħallmu fil-livelli ta' l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, għajr dawk fil-livell terzjarju, kif ukoll ta' l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li jipprovdu jew jiffaċilitaw tali edukazzjoni u taħriġ;

(d) il-programm Grundtvig, li għandu jindirizza l-ħtiġijiet ta' dawk kollha li jgħallmu u li jitgħallmu f'kull għamla ta' edukazzjoni ta' l-adulti, kif ukoll ta' l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li jipprovdu jew jiffaċilitaw tali edukazzjoni.

2.  Il-programm trasversali għandu jikkonsisti mill-erba' attivitajiet ewlenin li ġejjin:

(a) il-koperazzjoni u l-innovazzjoni fit-twettiq tal-politika tat-tagħlim tul il-ħajja;

(b) il-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi;

(ċ) l-iżvilupp ta' kontenut, servizzi, pedagoġiji u prattika li jkunu bbażati fuq l-ICT u innovattivi għat-tagħlim tul il-ħajja;

(d) it-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati ta' azzjonijiet li jkunu appoġġati taħt il-programm u taħt programmi preċedenti relatati, u l-iskambju ta' prattika tajba.

3.  Il-programm Jean Monnet għandu jappoġġa istituzzjonijiet u attivitajiet fil-qasam ta' l-integrazzjoni Ewropea. Dan għandu jinkludi fih it-tlitt attivitajiet ewlenin li ġejjin:

(a) l-Azzjoni Jean Monnet;

(b) għotjiet operattivi sabiex jiġu appoġġati istituzzjonijiet speċifikati li jittrattaw kwistjonijiet relatati ma' l-integrazzjoni Ewropea;

(ċ) għotjiet operattivi sabiex jiġu appoġġati istituzzjonijiet u assoċjazzjonijiet Ewropej fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ.

Artikolu 4

Aċċess għall-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja

Il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għandu jkun immirat lejn:

(a) tfal ta' l-iskola, studenti, persuni li jitħarrġu u studenti adulti;

(b) għalliema, min jagħti taħriġ u persunal ieħor involuti f'kull aspett tat-tagħlim tul il-ħajja;

(ċ) persuni li jkunu fis-suq tax-xogħol;

(d) istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu opportunitajiet ta' tagħlim fil-kuntest tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, jew fil-limiti tas-sub-programmi tiegħu;

(e) il-persuni u l-korpi responsabbli mis-sistemi u l-linji politiċi li jikkonċernaw kwalunkwe aspett tat-tagħlim tul il-ħajja fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

(f) intrapriżi, imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tagħhom fil-livelli kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-kummerċ u l-Kmamar tal-kummerċ u ta' l-industrija

(g) korpi li jipprovdu servizzi ta' gwida, pariri konsultivi u informazzjoni relatati ma' kwalunkwe aspett tat-tagħlim tul il-ħajja;

(h) assoċjazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, inklużi assoċjazzjonijiet ta' l-istudenti, ta' persuni li jitħarrġu, ta' tfal ta' l-iskola, ta' għalliema, ta' ġenituri u ta' studenti adulti;

(i) ċentri ta' riċerka u korpi konċernati bi kwistjonijiet ta' tagħlim tul il-ħajja;

(j) organizzazzjonijiet li joperaw mingħajr l-iskop tal-profitt, korpi volontarji, organizzazzjonijiet mhux governattivi (“NGOs”).

Artikolu 5

Azzjonijiet Komunitarji

1.  Il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għandu jinkludi appoġġ għall-azzjonijiet li ġejjin:

(a) il-mobbiltà ta' l-individwi fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja;

(b) sħubiji bilaterali u multilaterali;

(ċ) proġetti multilaterali speċjalment dawk imfassla sabiex jippromwovu l-kwalità fis-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ permezz ta' trasferimenti transnazzjonali ta' innovazzjoni;

(d) proġetti unilaterali u nazzjonali;

(e) proġetti u networks multilaterali;

(f) l-osservazzjoni u l-analiżi ta' linji politiċi u sistemi fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, l-istabbiliment u t-titjib regolari ta' materjal ta' referenza, inklużi stħarriġ, statistika, analiżi u indikaturi, azzjoni li tappoġġa t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u tat-tagħlim minn qabel, u azzjoni tappoġġa l-koperazzjoni fl-assigurazzjoni tal-kwalità;

(g) għotjiet operattivi sabiex jiġu appoġġati ċerti spejjeż operattivi u amministrattivi ta' istituzzjonijiet u assoċjazzjonijiet li jkunu attivi fil-qasam kopert mill-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja;

(h) inizjattivi oħrajn immirati lejn il-promozzjoni ta' l-objettivi tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja (“miżuri assoċjati”).

2.  L-appoġġ Komunitarju jista' jingħata għal żjajjar preparatorji fir-rigward ta' kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet esposti f'dan l-Artikolu.

3.  Il-Kummissjoni tista' torganizza tali seminars, kollokwji jew laqgħat li x'aktarx jiffaċilitaw l-implementazzjoni tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, u twettaq azzjonijiet adegwati ta' informazzjoni, pubblikazzjoni u tixrid u azzjonijiet li jkomplu jissensibilizzaw l-opinjoni pubblika dwar il-Programm kif ukoll il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-Programm.

4.  L-azzjonijiet imsemmija f'dan l-Artikolu jistgħu jiġu implementati permezz ta' sejħiet għall-proposti, sejħiet għal offerti, jew direttament mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Il-kompiti tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri

1.  Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-implementazzjoni effikaċi u effiċjenti ta' l-azzjonijiet Komunitarji previsti fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja.

2.  L-Istati Membri għandhom

(a) jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw it-tmexxija effiċjenti tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja fil-livell nazzjonali, bl-involviment tal-partijiet kollha konċernati f'aspetti ta' tagħlim tul il-ħajja skond il-prattika jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(b) jistabbilixxu jew jinnominaw u jissorveljaw struttura adatta għall-amministrazzjoni koordinata ta' l-implemetazzjoni ta' l-azzjonijiet tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja fil-livell nazzjonali (aġenziji nazzjonali), inkluża l-amministrazzjoni tal-baġit, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 54(2)(ċ) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u l-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, konformement mal-kriterji li ġejjin:

(i) l-organizzazzjoni li tiġi stabbilita jew nominata bħala aġenzija nazzjonali għandha jkollha personalità ġuridika jew tkun parti minn entità li jkollha personalità ġuridika, u tkun regolata mil-liġi ta' l-Istat Membru konċernat. Ministeru ma jistax jiġi nominat bħala aġenzija nazzjonali;

(ii) kull aġenzija nazzjonali għandha jkollha numru adegwat ta' persunal sabiex twettaq il-kompiti tagħha, b'kapaċitajiet professjonali u lingwistiċi adegwati għall-ħidma f'ambjent ta' koperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ;

(iii) kull aġenzija nazzjonali għandha jkollha infrastruttura adegwata, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-informatika u l-komunikazzjonijiet;

(iv) kull aġenzija nazzjonali għandha topera f'kuntest amministrattiv li jippermettilha twettaq il-kompiti tagħha b'mod sodisfacenti u tevita konflitti ta' interess;

(v) kull aġenzija nazzjonali għandha tkun f'pożizzjoni li tapplika r-regoli ta' l-amministrazzjoni finanzjarja u l-kondizzjonijet kuntrattwali stabbiliti fil-livell Komunitarju;

(vi) kull aġenzija nazzjonali għandha toffri garanziji finanzjarji adegwati, mogħtija preferibbilment minn awtorità pubblika, u l-kapaċità amministrattiva tagħha għandha tkun adatta għal-livell tal-fondi Komunitarji li hija tkun imsejħa sabiex tamministra;

(ċ) jassumu r-responsabbiltà għall-amministrazzjoni korretta mill-aġenziji nazzjonali msemmija fil-punt (b) ta' credits trasferiti lill-aġenziji nazzjonali sabiex ikunu appoġġati l-proġetti, u b'mod partikolari sabiex l-aġenziji nazzjonali jirrispettaw il-prinċipji tat-trasparenza, ta' l-ugwaljanza fit-trattament u tal-preklużjoni tal-finanzjament doppju ma' sorsi oħrajn ta' fondi Komunitarji, kif ukoll l-obbligu li jiġu jissorveljaw il-proġetti u li jirkupraw kwalunkwe fond li r-rimbors tiegħu jkun dovut minn benefiċjarji;

(d) jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw verifika korretta u s-superviżjoni finanzjarja ta' l-aġenziji nazzjonali msemmija fil-punt (b), u b'mod partikolari:

(i) qabel il-bidu ta' l-operat ta' l-aġenzija nazzjonali, jipprovdu lill-Kummissjoni bl-assigurazzjonijiet meħtieġa dwar l-eżistenza, ir-relevanza u l-operat korrett fi ħdanha, skond ir-regoli ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba, tal-proċeduri li jkollhom jiġu applikati, tas-sistemi ta' kontroll, tas-sistemi ta' kontabbiltà u tal-proċeduri ta' l-akkwist pubbliku u ta' l-għoti ta' għotjiet;

(ii) jipprovdu lill-Kummissjoni kull sena b'dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tas-sistemi finanzjarji u tal-proċeduri ta' l-aġenziji nazzjonali, u l-korrettezza tal-kontijiet tagħhom;

(e) fil-każ ta' xi rregolarità, negliġenza jew frodi li jkunu imputabbli għal xi aġenzija nazzjonali stabbilita jew nominata taħt il-punt (b), u fejn dan iwassal għal xi pretensjonijiet mill-Kummissjoni kontra l-aġenzija nazzjonali li ma jiġux irkuprati kompletament, jassumu r-responsabbiltà għall-fondi mhux irkuprati;

(f) jinnominaw fuq talba mill-Kummissjoni l-istituzzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet li jipprovdu l-opportunitajiet ta' tagħlim, jew it-tip ta' tali istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet, sabiex jitqiesu bħala eliġibbli sabiex jieħdu sehem fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja fit-territorji rispettivi tagħhom;

(g) ifittxu li jadottaw il-miżuri xierqa kollha sabiex ineħħu l-ostakli legali u amministrattivi għall-funzjonament korrett tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja;

(h) jieħdu passi sabiex jiżguraw li jiġu realizzati fil-livell nazzjonali sinerġiji potenzjali ma' programmi u strumenti finanzjarji Komunitarji oħra u ma' programmi relevanti oħra li joperaw fl-Istat Membru in kwistjoni.

3.  Il-Kummissjoni, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tiżgura

(a) it-transizzjoni bejn l-azzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-programmi preċedenti fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-tagħlim tul il-ħajja u dawk li għandhom jiġu implementati taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja;

(b) il-ħarsien adegwat ta' l-interessi finanzjarji Komunitarji b'mod partikolari bl-introduzzjoni ta' miżuri effettivi, proporzjonati u dissważivi, ta' kontrolli amministrattivi u ta' penali;

(ċ) it-tixrid wiesa' ta' informazzjoni, pubbliċità u segwitu fir-rigward ta' l-azzjonijiet appoġġati taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja.

(d) il-ġbir, l-analiżi u l-proċessar ta' data disponibbli meħtieġa sabiex jitqiesu r-riżultati u l-effetti tal-programm, u li tissorvelja u tivvaluta l-attivitajiet kif imsemmija fl-Artikolu 15;

(e) it-tixrid tar-riżultati tal-ġenerazzjoni preċedenti tal-programmi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ u tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja.

Artikolu 7

Il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

1.  Il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta':

(a) il-pajjiżi ta' l-EFTA li huma membri taż-ŻEE, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-Ftehim taż-ŻEE;

(b) il-pajjiżi kandidati li jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni, skond il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-ftehimiet kwadru konklużi ma' dawn il-pajjiżi għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi Komunitarji;

(ċ) il-pajjiżi Balkaniċi tal-Punent, skond id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu determinati ma' dawn il-pajjiżi wara l-istabbiliment ta' ftehimiet kwadru li jipprovdu għall-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi Komunitarji;

(d) il-Konfederazzjoni Svizzera, fuq il-bażi ta' ftehim bilaterali li għandu jiġi konkluż ma' dan il-pajjiż.

2.  L-attività ewlenija 1 tal-programm Jean Monnet imsemmija fl-Artikolu 3(3)(a) għandha tkun miftuħa għal istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri fi kwalunkwe pajjiż terz ieħor.

3.  Il-pajjiżi terzi li jieħdu sehem fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għandhom ikunu soġġetti għall-obbligi kollha u għandhom iwettqu l-kompiti kollha stabbiliti f'din id-Deċiżjoni fir-rigward ta' l-Istati Membri.

Artikolu 8

Koperazzjoni internazzjonali

Taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, u skond l-Artikolu 9, il-Kummissjoni tista' tikkopera ma' pajjiżi terzi u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, b'mod partikolari l-Kunsill ta' l-Ewropa, l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) u l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, Xjenza u Kultura (UNESCO).



KAPITOLU II

L-implementazzjoni tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja

Artikolu 9

Miżuri implementattivi

1.  Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja relatati mal-materji li ġejjin għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2):

(a) il-pjan ta' ħidma annwali inklużi l-prijoritajiet;

(b) l-allokazzjonijiet annwali u d-distribuzzjoni tal-fondi bejn u fi ħdan is-sub-programmi;

(ċ) il-linji gwida ġenerali għall-implementazzjoni tas-sub-programmi (inklużi deċiżjonijiet li jikkonċernaw in-natura ta' l-azzjonijiet, it-tul taż-żmien tagħhom u l-livell ta' finanzjament), il-kriterji u l-proċeduri ta' għażla;

(d) il-proposti tal-Kummissjoni għall-għażla ta' l-applikazzjonijiet għal proġetti u networks multilaterali kif imsemmi fl-Artikolu 33 (1) (b) u (ċ);

(e) il-proposti tal-Kummissjoni għall-għażla ta' l-applikazzjonijiet għal azzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(e), li mhumiex koperti mill-punt (d) ta' dan il-paragrafu, u fl-Artikolu 5(1)(f), (g) u (h), li għalihom l-appoġġ Komunitarju propost jeċċedi EUR 1 mijun;

(f) id-definizzjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Kummissjoni, ta' l-Istati Membri u ta' l-aġenziji nazzjonali rigward il-''proċedura ta' l-aġenziji nazzjonali'' stabbilita fl-Anness 1;

(g) id-distribuzzjoni tal-fondi fost l-Istati Membri għall-azzjonijiet li għandhom ikunu amministrati permezz tal-“proċedura ta' l-aġenzija nazzjonali” stabbilita fl-Anness 1;

(h) l-arranġamenti sabiex tkun żgurata konsistenza interna fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja;

(i) l-arranġamenti għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u s-sub-programmi u għat-tixrid u t-trasferiment tar-riżultati.

▼M1

2.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10 u lill-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjonijiet l-oħra kollha ta' selezzjoni li ħadet dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, fi żmien jumejn ta' xogħol mill-adozzjoni tad-deċiżjonijiet involuti. Din l-informazzjoni għandha tinkludi deskrizzjonijiet u analiżi ta' l-applikazzjonijiet irċevuti, deskrizzjoni tal-proċedura ta' selezzjoni u ta' evalwazzjoni, u l-listi kemm tal-proġetti proposti għal finanzjament kif ukoll ta' dawk li ġew rifjutati.

▼B

Artikolu 10

Proċedura ta' kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahrejn.

▼M1 —————

▼B

4.  Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

5.  L-Istati Membri ma jistgħux ikunu rappreżentati minn persuni li jkunu jaħdmu fi, jew li jkollhom ir-responsabbiltà operattiva għal, aġenziji nazzjonali msemmija fl-Artikolu 6(2)(b).

Artikolu 11

Sħab soċjali

1.  Kull meta l-Kumitat jiġi kkonsultat dwar kwalunkwe materja li tikkonċerna l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fir-rigward ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, ir-rappreżentanti ta' l-imsieħba soċjali, maħtura mill-Kummissjoni abbażi ta' proposti mill-imsieħba soċjali Ewropej, jistgħu jieħdu sehem fix-xogħol tal-Kumitat bħala osservaturi.

In-numru ta' tali osservaturi għandu jkun ugwali għan-numru ta' rappreżentanti ta' l-Istati Membri.

2.  Tali osservaturi għandhom ikollhom id-dritt li jitolbu li l-pożizzjoni tagħhom tiġi reġistrata fil-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat.

Artikolu 12

Linji politiċi orizzontali

Fl-implementazzjoni tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, għandha tingħata l-attenzjoni meħtieġa sabiex ikun żgurat li dan jikkontribwixxi b'mod sħiħ lejn it-twettiq tal-linji politiċi orizzontali tal-Komunità, b'mod partikolari billi:

(a) tiġi promossa kuxjenza dwar l-importanza tad-diversità kulturali u lingwistka fl-Ewropa, kif ukoll dwar il-ħtieġa li jiġu miġġielda r-razziżmu, il-preġudizzju u l-ksenofobija;

(b) isiru provvedimenti għal studenti bi ħtiġijiet speċjali, u b'mod partikolari billi tiġi promossa l-integrazzjoni tagħhom fl-oqsma ewlenija ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ;

(ċ) tiġi promossa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u jsir kontribut fil-ġlieda kontra l-għamliet kollha ta' diskriminazzjoni bbażata fuq sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali.

Artikolu 13

Konsistenza u komplementarjetà ma' linji politiċi oħrajn

1.  Il-Kummissjoni f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tiżgura l-konsistenza u l-komplementarjetà, mill-aspett globali, mal-Programm ta' Ħidma ''Edukazzjoni u Taħriġ 2010'' u ma' linji politiċi, strumenti u azzjonijiet Komunitarji relevanti oħra, b'mod partikolari dawk fil-qasam tal-kultura, tal-medja, taż-żgħażagħ, tar-riċerka u żvilupp, tar-rikonoxximent ta' kwalifiki, ta' l-intrapriża, ta' l-ambjent, ta' l-ICT u tal-programm statistiku tal-Komunità.

Il-Kummissjoni, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tiżgura ingranaġġ effiċjenti bejn il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u l-programmi u l-azzjonijiet fil-qasam ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ imwettqa fil-qafas ta' l-istrumenti tal-Komunità għal qabel l-adeżjoni u għamliet oħra ta' koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti.

2.  Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat informat regolarment dwar inizjattivi Komunitarji relevanti oħrajn meħuda fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, inkluża l-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

3.  Fl-implementazzjoni ta' azzjonijiet taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-prijoritajiet stabbiliti fil-linji gwida integrati għall-impjiegi adottati mill-Kunsill, bħala parti mis-sħubija ta' Lisbona għall-iżvilupp ekonomiku u għall-impjiegi.

4.  Fi sħubija mas-sħab soċjali Ewropej, il-Kummissjoni għandha tfittex li tiżviluppa koordinazzjoni adegwata bejn il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u d-djalogu soċjali fil-livell Komunitarju, anke fis-setturi differenti ta' l-ekonomija.

5.  Fl-implementazzjoni tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-għajnuna, fejn ikun il-każ, taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) fl-oqsma relatati mal-kompetenzi tiegħu u skond l-arranġamenti stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 ( 17 ). Fejn ikun il-każ, il-Kummissjoni tista' wkoll tiżgura l-appoġġ tal-Fondazzjoni Ewropea tat-Taħriġ fl-ambitu tal-mandat tagħha u skond l-arranġamenti stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/90 ( 18 ).

6.  Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Vokazzjonali informat regolarment dwar il-progress relevanti fil-qasam ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali.



KAPITOLU III

Dispożizzjonijiet finanzjarji – Valutazzjoni

Artikolu 14

Finanzjament

1.  Il-pakkett finanzjarju indikattiv għall-implementazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għall-perjodu ta' seba' snin mill-1 ta' Jannar 2007 huwa b'dan stabbilit għal EUR 6 970 000 000. Fi ħdan dan il-pakkett, l-ammonti li għandhom jiġu allokati lill-programmi Comenius, Erasmus, Leonardo da Vinci u Grundtvig ma għandhomx ikunu anqas minn kif ġie stabbilit fil-punt B.11 ta' l-Anness. Dawk l-allokazzjonijiet jistgħu jiġu emendati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2).

2.  Sa 1 % ta' l-allokazzjonijiet tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja jista' jintuża sabiex jappoġġa l-parteċipazzjoni f'azzjonijiet ta' sħubija, ta' proġetti u ta' networks organizzati taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, ta' msieħba minn pajjiżi terzi li ma jieħdux sehem fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7.

3.  L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-baġit fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 15

Monitoraġġ u valutazzjoni

1.  Il-Kummissjoni, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha timmonitorja u tivvaluta l-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja fid-dawl ta' l-objettivi tiegħu.

2.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel arranġamenti għal valutazzjonijiet esterni indipendenti regolari tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u għandha regolarment tippubblika statistika għall-monitoraġġ tal-progress.

3.  Għandu jittieħed kont tal-konklużjonijiet tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u tal-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ tal-ġenerazzjoni preċedenti fl-implementazzjoni tal-Programm.

4.  L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sat-30 ta' Ġunju 2010 u sat-30 ta' Ġunju 2015 rispettivament, rapporti dwar l-implementazzjoni u l-impatt tal-Programm ta' Tagħlim Tul Ħajja.

5.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni:

(a) rapport interim ta' valutazzjoni dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantittativi ta' l-implementazzjoni tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja inkluża analiżi tar-riżultati miksuba sal-31 ta' Marzu 2011,

(b) komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja sal-31 ta' Diċembru 2011,

(ċ) rapport ta' valutazzjoni ex post sal-31 ta' Marzu 2016.



TITOLU II

IS-SUB-PROGRAMMI



KAPITOLU I

Il-Programm Comenius

Artikolu 16

L-aċċess għall-programm Comenius

Fil-qafas tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, il-programm Comenius għandu jkun immirat lejn:

(a) tfal ta' l-iskola f'edukazzjoni skolastika sat-tmiem ta' l-edukazzjoni sekondarja ogħla;

(b) skejjel, kif speċifikat mill-Istati Membri;

(ċ) għalliema u persunal ieħor f'dawk l-iskejjel;

(d) assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet li joperaw mingħajr l-iskop tal-profitt, NGOs u rappreżentanti ta' dawk involuti fl-edukazzjoni skolastika;

(e) persuni u korpi responsabbli mill-organizzazzjoni u l-għoti ta' l-edukazzjoni fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

(f) ċentri ta' riċerka u korpi konċernati bi kwistjonijiet ta' tagħlim tul il-ħajja;

(g) istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri.

(h) korpi li jipprovdu servizzi ta' gwida, konsultivi u ta' informazzjoni relatati ma' kwalunkwe aspett tat-tagħlim tul il-ħajja.

Artikolu 17

L-objettivi tal-programm Comenius

1.  Addizzjonalment għall-objettivi tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja kif stabbiliti fl-Artikolu 1, l-objettivi speċifiċi tal-programm Comenius għandhom ikunu:

(a) li jiżviluppa t-tagħrif u l-apprezzament fost iż-żgħażagħ u l-persunal edukattiv dwar id-diversità tal-kulturi u l-lingwi Ewropej u l-valur tagħha;

(b) li jgħin liż-żgħażagħ jiżviluppaw il-ħiliet bażiċi tal-ħajja u l-kompetenzi meħtieġa għall-iżvilupp personali tagħhom, għall-impjieg fil-futur u għal ċittadinanza Ewropea attiva.

2.  L-objettivi operattivi tal-programm Comenius għandhom ikunu:

(a) li tittejjeb il-kwalità u li jiżdied il-volum tal-mobbiltà li tinvolvi tfal ta' l-iskola u persunal edukattiv fi Stati Membri differenti;

(b) li tittejjeb il-kwalità u li jiżdied il-volum ta' sħubiji bejn skejjel fi Stati Membri differenti, sabiex jiġu involuti tliet miljun tifel u tifla ta' l-iskola f'attivitajiet edukattivi konġunti matul il-perjodu tal-programm;

(ċ) li jiġi mħeġġeġ it-tagħlim ta' lingwi barranija moderni;

(d) li jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' kontenut, servizzi, pedagoġiji u prattika li jkunu bbażati fuq l-ICT u innovattivi, għat-tagħlim tul il-ħajja;

(e) li tittejjeb il-kwalità u tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tat-taħriġ ta' l-għalliema;

(f) li jiġi appoġġat it-titjib f'approċċi pedagoġiċi u fl-amministrazzjoni ta' l-iskejjel.

Artikolu 18

L-azzjonijiet tal-programm Comenius

1.  L-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu appoġġati mill-programm Comenius:

(a) il-mobbiltà ta' individwi kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(a). Fl-arranġament jew appoġġ ta' l-organizzazzjoni ta' tali mobbiltà, għandhom jiġu adottati l-miżuri preparatorji meħtieġa u għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġi żgurat li jkun hemm disponibbli sorveljanza, pariri konsultivi u appoġġ adegwati għall-individwi li jeżerċitaw il-mobbiltà.

Tali mobbiltà tista' tinkludi:

(i) skambji ta' tfal ta' l-iskola u ta' persunal;

(ii) mobbiltà lejn skejjel għal tfal ta' l-iskola u placements fi skejjel jew intrapriżi għal persunal edukattiv;

(iii) parteċipazzjoni f'korsijiet ta' taħriġ għal għalliema u persunal edukattiv ieħor;

(iv) żjajjar ta' studju u żjajjar preparatorji għal attivitajiet relatati ma' mobbiltà, sħubiji, proġetti jew networks;

(v)  assistantships għal għalliema jew għalliema potenzjali.

(b) l-iżvilupp ta' sħubiji kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(b), bejn:

(i) skejjel bil-ħsieb li jiġu żviluppati proġetti ta' tagħlim konġunti għal tfal ta' l-iskola u għall-għalliema tagħhom (“sħubiji skolastiċi Comenius”);

(ii) organizzazzjonijiet responsabbli għal kwalunkwe aspett ta' l-edukazzjoni skolastika, bil-ħsieb li tiġi mrawma l-koperazzjoni inter-reġjonali, inkluża l-koperazzjoni fir-reġjuni fuq il-fruntieri (“sħubiji Comenius-Regio”);

(ċ) proġetti ta' koperazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e). Dawn jistgħu jinkludu proġetti mmirati lejn:

(i) l-iżvilupp, il-promozzjoni u t-tixrid ta' l-aħjar prattika edukattiva, inklużi metodi jew materjal ta' tagħlim ġodda;

(ii) l-iżvilupp jew l-iskambju ta' esperjenza dwar sistemi li jipprovdu informazzjoni jew gwida li jkunu adattati b'mod partikolari għall-persuni li jirċievu edukazzjoni, għall-għalliema jew għal persunal l-ieħor konċernat bil-programm Comenius;

(iii) l-iżvilupp, il-promozzjoni u t-tixrid ta' korsijiet ġodda għall-għalliema jew ta' kontenut ġdid ta' korsijiet;

(d)  networks multilaterali kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(e). Dawn jistgħu jinkludu networks immirati lejn:

(i) l-iżvilupp ta' l-edukazzjoni fid-dixxiplina jew fil-qasam tas-suġġett li fih dawn ikunu jaħdmu, għall-benefiċċju tagħhom stess jew, aktar in ġenerali, għal dak ta' l-edukazzjoni;

(ii) l-iżvilupp u t-tixrid ta' prattika tajba relevanti u ta' l-innovazzjoni;

(iii) l-għoti ta' appoġġ ta' kontenut għal proġetti u sħubiji stabbiliti minn oħrajn;

(iv) il-promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' analiżi ta' ħtiġijiet u ta' l-applikazzjoni tagħha fil-prattika fl-edukazzjoni skolastika;

(e) inizjattivi oħrajn maħsuba għall-promozzjoni ta' l-objettivi tal-programm Comenius kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(h) (“miżuri assoċjati”).

2.  Id-dettalji operattivi ta' l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 19

Ammonti allokati lill-programm Comenius

Mhux inqas minn 80 % ta' l-ammonti allokati lill-programm Comenius għandhom jiġu dedikati sabiex jappoġġaw il-mobbiltà kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(a) u sabiex jappoġġaw is-sħubiji Comenius kif stabbilit fl-Artikolu 18(1)(b).



KAPITOLU II

Il-Programm Erasmus

Artikolu 20

L-aċċess għall-programm Erasmus

Fil-qafas tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, il-programm Erasmus għandu jkun immirat lejn:

(a) studenti u persuni li jitħarrġu fil-forom kollha ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' livell terzjarju;

(b) istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri, kif speċifikat mill-Istati Membri;

(ċ) għalliema, min jagħti taħriġ u persunal ieħor f'dawk l-istituzzjonijiet;

(d) assoċjazzjonijiet u rappreżentanti ta' dawk involuti fl-edukazzjoni superjuri, inklużi l-assoċjazzjonijiet relevanti ta' l-istudenti, ta' l-universitajiet, u ta' l-għalliema/min jagħti t-taħriġ;

(e) intrapriżi, imsieħba soċjali u rappreżentanti oħrajn tal-ħajja tax-xogħol;

(f) korpi pubbliċi u privati, inklużi organizzazzjonijiet li joperaw mingħajr l-iskop tal-profitt u NGOs, responsabbli għall-organizzazzjoni u l-għoti ta' edukazzjoni u taħriġ fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

(g) ċentri ta' riċerka u korpi konċernati bi kwistjonijiet ta' tagħlim tul il-ħajja;

(h) korpi li jipprovdu servizzi ta' gwida, konsultivi u ta' informazzjoni relatati ma' kwalunkwe aspett tat-tagħlim tul il-ħajja.

Artikolu 21

L-objettivi tal-programm Erasmus

1.  Addizzjonalment għall-objettivi tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja kif stabbiliti fl-Artikolu 1, l-objettivi speċifiċi tal-programm Erasmus għandhom ikunu:

(a) li jappoġġa r-realizzazzjoni ta' Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Superjuri;

(b) li jsaħħaħ il-konribut ta' l-edukazzjoni superjuri u ta' l-edukazzjoni vokazzjonali avvanzata għall-proċess ta' innovazzjoni;

2.  L-objettivi operattivi tal-programm Erasmus għandhom ikunu:

(a) li tittejjeb il-kwalità u li jiżdied il-volum tal-mobbiltà ta' l-istudenti u tal-persunal pedagoġiku fl-Ewropa, sabiex dan iwassal għal tliet miljun parteċipant individwali fil-mobbiltà studenteska taħt il-programm Erasmus u l-programmi predeċessuri tiegħu sas-sena 2012;

(b) li tittejjeb il-kwalità u li jiżdied il-volum tal-koperazzjoni multilaterali bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri fl-Ewropa;

(ċ) li jiżdiedu t-trasparenza u l-kompatibbiltà bejn il-kwalifiki ta' edukazzjoni superjuri u dawk ta' edukazzjoni vokazzjonali avvanzata li jkunu nkisbu fl-Ewropa;

(d) li tittejjeb il-kwalità u li jiżdied il-volum tal-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri u l-intrapriżi;

(e) li jiġi faċilitat l-iżvilupp ta' prattika innovattiva fl-edukazzjoni u fit-taħriġ fil-livell terzjarju, u t-trasferiment tagħhom, anke minn pajjiż parteċipant għal oħrajn;

(f) li jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' kontenut, servizzi, pedagoġiji u prattika li jkunu bbażati fuq l-ICT u innovattivi, għat-tagħlim tul il-ħajja.

Artikolu 22

L-azzjonijiet tal-programm Erasmus

1.  L-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu appoġġati mill-programm Erasmus:

(a) il-mobbiltà ta' individwi kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(a). Din il-mobbiltà tista' tinkludi:

(i) il-mobbiltà ta' studenti għall-finijiet ta' studju jew taħriġ fi Stati Membri f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri, kif ukoll placements f'intrapriżi, f'ċentri ta' riċerka jew f'organizzazzjonijiet oħrajn;

(ii) il-mobbiltà ta' persunal pedagoġiku f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri sabiex jgħallmu jew jirċievu taħriġ f'istituzzjoni msieħba barra pajjiżu;

(iii) il-mobbiltà ta' persunal ieħor f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri u ta' persunal ta' intrapriżi għall-finijiet ta' taħriġ jew tagħlim;

(iv) programmi intensivi ta' l-Erasmus organizzati fuq bażi multilaterali.

Jista' jingħata wkoll appoġġ lil dawk l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri jew intrapriżi tal-pajjiż jew lil dawk ospitanti għal azzjoni sabiex tiġi żgurata l-kwalità fl-istadji kollha ta' l-arranġamenti tal-mobbiltà, inklużi korsijiet tal-lingwi preparatorji jew ta' tagħlim mill-ġdid.

(b) proġetti multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), li jiffokaw inter alia fuq l-innovazzjoni, l-esperimentazzjoni u l-iskambju ta' prattika tajba fl-oqsma msemmija fl-objettivi speċifiċi u ta' operattivi;

(ċ)  networks multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), immexxija minn konsorzja ta' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri li jkunu jirrappreżentaw dixxiplina jew qasam trans-dixxiplinarju, (“networks tematiċi ta' l-Erasmus”) li jkollhom l-għan li jiżviluppaw kunċetti u kompetenzi ta' tagħlim ġodda. Tali networks jistgħu jinkludu wkoll rappreżentanti minn korpi pubbliċi oħrajn jew minn intrapriżi jew assoċjazzjonijiet;

(d) inizjattivi oħrajn li jkollhom l-għan li jippromwovu l-objettivi tal-programm Erasmus, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(h) (“miżuri assoċjati”).

2.  Il-persuni li jieħdu sehem fil-mobbiltà taħt il-paragrafu 1(a)(i) (“studenti ta' l-Erasmus”) għandhom ikunu:

(a) studenti f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri li, iskritti għall-inqas fit-tieni sena, jgħaddu perjodu ta' studju fi Stat Membru ieħor fil-qafas ta' l-Azzjoni tal-mobbiltà tal-Programm Erasmus, irrispettivament minn jekk ikunux ingħataw appoġġ finanzjarju taħt dak il-programm jew le. Tali perjodi għandhom ikunu rikonoxxuti bis-sħiħ taħt il-ftehim interistituzzjonali bejn l-istituzzjonijiet li jibagħtu u dawk ospitanti. L-istituzzjonijiet ospitanti m'għandhom jitolbu l-ebda miżata għat-tagħlim li dawn l-istudenti jkunu qed jirċievu;

(b) studenti reġistrati fi programmi Masters Konġunti u involuti fil-mobbiltà;

(ċ) studenti fl-edukazzjoni superjuri li jieħdu sehem fi placements.

3.  Id-dettalji operattivi ta' l-azzjonijiet stabbiliti fil-pargrafu 1 għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 23

L-ammonti allokati lill-programm Erasmus

Mhux inqas minn 80 % ta' l-ammonti allokati lill-programm Erasmus għandhom jiġu dedikati sabiex jappoġġaw il-mobbiltà kif imsemmi fl-Artikolu 22(1)(a).



KAPITOLU III

Il-programm Leonardo da Vinci

Artikolu 24

L-aċċess għall-programm Leonardo da Vinci

Fil-qafas tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, il-programm Leonardo da Vinci għandu jkun immirat lejn:

(a) persuni li jirċievu edukazzjoni fil-forom kollha ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ħlief fil-livell terzjarju;

(b) persuni li jkunu fis-suq tax-xogħol;

(ċ) istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu opportunitajiet ta' tagħlim fl-oqsma koperti mill-programm Leonardo da Vinci;

(d) għalliema, min jagħti taħriġ u persunal ieħor f'dawk l-istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet;

(e) assoċjazzjonijiet u rappreżentanti ta' dawk involuti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali, inklużi assoċjazzjonijiet ta' min jieħu taħriġ, ta' ġenituri u ta' għalliema;

(f) intrapriżi, imsieħba soċjali u rappreżentanti oħrajn tal-ħajja tax-xogħol, inklużi Kmamar tal-kummerċ u organizzazzjonijiet kummerċjali oħrajn;

(g) korpi li jipprovdu servizzi ta' gwida, pariri konsultivi u informazzjoni li jikkonċernaw kull aspett tat-tagħlim tul il-ħajja;

(h) persuni u korpi responsabbli minn sistemi u linji politiċi li jikkonċernaw kull aspett ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

(i) ċentri ta' riċerka u korpi konċernati bi kwistjonijiet ta' tagħlim tul il-ħajja;

(j) istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri.

(k) organizzazzjonijiet li joperaw mingħajr l-iskop tal-profitt, korpi volontarji, NGOs.

Artikolu 25

L-objettivi tal-programm Leonardo da Vinci

1.  Addizzjonalment għall-objettivi kif stabbiliti fl-Artikolu 1, l-objettivi speċifiċi tal-programm Leonardo da Vinci għandhom ikunu:

(a) li jappoġġa parteċipanti f'attivitajiet ta' taħriġ u ta' taħriġ ulterjuri fil-kisba u l-użu ta' tagħrif, ħiliet u kwalifiki, sabiex jiffaċilita l-iżvilupp personali, l-impjegabbiltà u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol Ewropew;

(b) li jappoġġa t-titjib fil-kwalità u l-innovazzjoni fis-sistemi, fl-istituzzjonijiet u fil-prattika ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

(ċ) li jsaħħaħ l-attrazzjoni ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u tal-mobbiltà għal min iħaddem u għall-individwi u li jiffaċilita l-mobbiltà ta' dawk li jitħarrġu fuq ix-xogħol.

2.  L-objettivi operattivi tal-programm Leonardo da Vinci għandhom ikunu:

(a) li tittejjeb il-kwalità u li jiżdied il-volum tal-mobbiltà fl-Ewropa tal-persuni li jkunu involuti fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali u f'taħriġ kontinwat, sabiex jiżdiedu l-placements f'intrapriżi għal mill-inqas tmenin elf kull sena sat-tmiem tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja;

(b) li tittejjeb il-kwalità u li jiżdied il-volum tal-koperazzjoni bejn istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet li jipprovdu opportunitajiet ta' tagħlim, intrapriżi, imsieħba soċjali u korpi relevanti oħra fl-Ewropa;

(ċ) li jiġi faċilitat l-iżvilupp ta' prattika innovattiva fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għajr dak ta' livell terzjarju, u t-trasferiment tagħhom, anke minn pajjiż parteċipant għal oħrajn;

(d) li jittejbu t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-kompetenzi, inklużi dawk li jkunu nkisbu permezz ta' tagħlim non-formali jew informali.

(e) li jiġi mħeġġeġ it-tagħlim ta' lingwi barranija moderni;

(f) li jkun appoġġat l-iżvilupp ta' kontenut, servizzi, pedagoġiji u prattika li jkunu bbażati fuq l-ICT u innovattivi, għat-tagħlim tul il-ħajja.

Artikolu 26

L-azzjonijiet tal-programm Leonardo da Vinci

1.  L-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu appoġġati mill-programm Leonardo da Vinci:

(a) il-mobbiltà ta' individwi, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(a). Fl-aġevolazzjoni jew fl-appoġġ ta' l-organizzazzjoni ta' tali mobbiltà, għandhom jiġu adottati l-miżuri preparatorji meħtieġa, inkluża l-preparazzjoni lingwistika, u għandha tingħata attenzjoni sabiex tkun żgurata d-disponibbiltà ta' sorveljanza u appoġġ adegwati għall-individwi li jeżerċitaw il-mobbiltà. Tali mobbiltà tista' tinkludi:

(i)  placements transnazzjonali f'intrapriżi jew f'istituzzjonijiet ta' taħriġ;

(ii)  placements u skambji maħsuba għall-iżvilupp professjonali ulterjuri ta' min jagħti taħriġ u ta' kunsilliera ta' gwida, u għal dawk responsabbli mill-istabbilimenti ta' taħriġ u mill-ippjanar tat-taħriġ u l-gwida fl-għażla tal-karriera fl-intrapriżi;

(b) sħubiji, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(b), li jiffokaw fuq temi ta' interess reċiproku għall-organizzazzjonijiet parteċipanti;

(ċ) proġetti multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(ċ), b'mod partikolari dawk maħsuba sabiex itejbu sistemi ta' taħriġ billi jiffokaw fuq it-trasferiment ta' l-innovazzjoni li jinvolvi l-adattament lingwistiku, kulturali u legali għall-ħtiġijiet nazzjonali ta' prodotti u proċessi innovattivi żviluppati f'kuntesti differenti;

(d) proġetti multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), maħsuba sabiex itejbu sistemi ta' taħriġ billi jiffokaw fuq l-iżvilupp ta' l-innovazzjoni u tal-prattika tajba;

(e)  networks tematiċi ta' esperti u organizzazzjonijiet, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), li jaħdmu fuq kwistjonijiet speċifiċi relatati ma' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

(f) inizjattivi oħrajn maħsuba sabiex jippromwovu l-objettivi tal-programm Leonardo da Vinci, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(h) (“miżuri assoċjati”).

2.  Id-dettalji operattivi ta' dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 27

L-ammonti allokati lill-programm Leonardo da Vinci

Mhux inqas minn 60 % ta' l-ammonti allokati lill-Programm Leonardo da Vinci għandhom jiġu dedikati sabiex jappoġġaw il-mobbiltà u s-sħubiji kif msemmija fl-Artikolu 26(1)(a) u (b).



KAPITOLU IV

Il-Programm Grundtvig

Artikolu 28

Aċċess għall-programm Grundtvig

Fil-qafas tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, il-programm Grundtvig għandu jkun immirat lejn:

(a) studenti fl-edukazzjoni ta' l-adulti;

(b) istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu opportunitajiet ta' tagħlim fl-edukazzjoni ta' l-adulti;

(ċ) għalliema, u persunal ieħor f'dawk l-istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet;

(d) stabbilimenti involuti fit-taħriġ inizjali jew f'taħriġ ulterjuri ta' persunal li jaħdem fl-edukazzjoni ta' l-adulti;

(e) assoċjazzjonijiet u rappreżentanti ta' dawk involuti fl-edukazzjoni ta' l-adulti, inklużi assoċjazzjonijiet ta' għalliema u ta' min iħarreġ;

(f) korpi li jipprovdu servizzi ta' gwida, pariri konsultivi u informazzjoni relatati ma' kwalunkwe aspett tat-tagħlim tul il-ħajja;

(g) persuni u korpi responsabbli minn sistemi u linji politiċi relatati ma' kwalunkwe aspett ta' l-edukazzjoni ta' l-adulti fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

(h) ċentri ta' riċerka u korpi konċernati bi kwistjonijiet tat-tagħlim tul il-ħajja;

(i) intrapriżi;

(j) organizzazzjonijiet li joperaw mingħajr l-iskop tal-profitt, korpi volontarji, NGOs.

(k) istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri.

Artikolu 29

L-objettivi tal-programm Grundtvig

1.  Addizzjonalment għall-objettivi tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja kif stabbiliti fl-Artikolu 1, l-objettivi speċifiċi tal-programm Grundtvig għandhom ikunu:

(a) li jwieġeb għall-isfida edukattiva ta' popolazzjoni li qiegħda tixjieħ fl-Ewropa;

(b) li jgħin sabiex l-adulti jkollhom toroq alternattivi sabiex itejbu t-tagħrif u l-kompetenzi tagħhom;

2.  L-objettivi operattivi tal-programm Grundtvig għandhom ikunu:

(a) li tittejjeb il-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-mobbiltà fl-Ewropea kollha ta' individwi involuti fl-edukazzjoni ta' l-adulti u li jiżdied il-volum tagħhasabiex tkun appoġġata l-mobbiltà ta' mill-inqas 7000 tali individwu kull sena sas-sena 2013;

(b) li tittejjeb il-kwalità u li jiżdied il-volum tal-koperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet involuti fl-edukazzjoni ta' l-adulti fl-Ewropa kollha;

(ċ) li jgħin persuni minn gruppi soċjali vulnerabbli u li jgħixu f'kuntesti soċjali marġinali, b'mod partikolari persuni anzjani u dawk li jkunu ħallew l-edukazzjoni mingħajr ma jkunu kisbu kwalifiki bażiċi, sabiex jingħataw opportunitajiet alternattivi ta' aċċess għall-edukazzjoni ta' l-adulti;

(d) li jiġi faċilitat l-iżvilupp ta' prattika innovattiva fl-edukazzjoni ta' l-adulti u t-trasferiment tagħhom, anke minn pajjiż parteċipant għal oħrajn;

(e) li jkun appoġġat l-iżvilupp ta' kontenut, servizzi, pedagoġiji u prattika li jkunu bbażati fuq l-ICT u innovattivi, għat-tagħlim tul il-ħajja;

(f) li jittejbu l-approċċi pedagoġiċi u l-amministrazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet ta' l-edukazzjoni ta' l-adulti.

Artikolu 30

L-azzjonijiet tal-programm Grundtvig

1.  L-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu appoġġati mill-Programm Grundtvig:

(a) il-mobbiltà ta' individwi, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(a). Fl-aġevolazzjoni jew fl-appoġġ ta' l-organizzazzjoni ta' tali mobbiltà, għandhom jiġu adottati l-miżuri preparatorji meħtieġa u għandha tingħata attenzjoni sabiex ikunu żgurati s-sorveljanza u l-appoġġ adegwati għall-individwi li jeżerċitaw il-mobbiltà. Tali mobbiltà tista' tinkludi żjajjar, assistantships u skambji għal parteċipanti fl-edukazzjoni informali u non-formali ta' l-adulti, inklużi t-taħriġ u l-iżvilupp professjonali tal-persunal edukattiv involut fl-edukazzjoni ta' l-adulti speċjalment f'sinerġija mas-sħubija u l-proġetti;

(b) sħubiji, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(b), magħrufa bħala “sħubiji ta' tagħlim Grundtvig”, li jiffokaw fuq temi ta' interess reċiproku għall-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem;

(ċ) proġetti multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), maħsuba sabiex itejbu s-sistemi ta' edukazzjoni ta' l-adulti permezz ta' l-iżvilupp u t-trasferiment ta' l-innovazzjoni u l-prattika tajba;

(d)  networks tematiċi ta' esperti u organizzazzjonijiet, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), magħrufa bħala “networks Grundtvig”, li jaħdmu b'mod partikolari:

(i) fl-iżvilupp ta' l-edukazzjoni ta' l-adulti fid-dixxiplina, fil-qasam tas-suġġett jew fl-aspett amministrattiv;

(ii) fl-identifikazzjoni, fit-titjib u fit-tixrid ta' prattika tajba u ta' innovazzjoni li jkunu relevanti;

(iii) fl-għoti ta' appoġġ, permezz ta' kontenut, għal proġetti u sħubiji stabbiliti minn oħrajn u fl-aġevolazzjoni ta' l-interattività bejn tali proġetti u sħubiji;

(iv) fil-promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' l-analiżi tal-ħtiġijiet u ta' assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni ta' l-adulti.

(e) inizjattivi oħrajn maħsuba sabiex jippromwovu l-objettivi tal-programm Grundtvig, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(h) (“miżuri assoċjati”).

2.  Id-dettalji operattivi ta' tali azzjonijiet għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 31

L-ammonti allokati lill-programm Grundtvig

Mhux anqas minn 55 % ta' l-ammonti allokati lill-programm Grundtvig għandhom ikunu dedikatigħall-appoġġ lill-mobbiltà u lis-sħubiji kif msemmija fl-Artikolu 30(1)(a) u (b).



KAPITOLU V

Il-Programm Trasversali

Artikolu 32

L-objettivi tal-programm trasversali

1.  Addizzjonalment għall-objettivi tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja kif stabbiliti fl-Artikolu 1, l-objettivi speċifiċi tal-programm trasversali għandhom ikunu:

(a) li jippromwovi l-koperazzjoni Ewropea fl-oqsma li jkopru żewġ sub-programmi settorjali jew aktar;

(b) li jippromwovi l-kwalità u t-trasparenza tas-sistemi edukattivi u ta' taħriġ ta' l-Istati Membri;

2.  L-objettivi operattivi tal-programm trasversali għandhom ikunu:

(a) li jappoġġa l-iżvilupp ta' politika u tal-koperazzjoni f'livell Ewropew fit-tagħlim tul il-ħajja, partikolarment fil-kuntest tal-proċess ta' Lisbona u tal-Programm ta' Ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”, kif ukoll fil-proċessi ta' Bolonja u ta' Kopenħagen u s-suċċessuri tagħhom.

(b) li jiżguraw provvista adegwata ta' data, statistika u analiżi, li jkunu komparabbli sabiex isejsu l-iżvilupp ta' politika ta' tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll il-monitoraġġ tal-progress lejn objettivi u miri fit-tagħlim tul il-ħajja, u l-identifikazjoni ta' oqsma għal attenzjoni partikolari.

(ċ) li jippromwovi t-tagħlim tal-lingwi u jappoġġa d-diversità lingwistika fl-Istati Membri;

(d) li jappoġġa l-iżvilupp ta' kontenut, servizzi, pedagoġiji u prattika innovattiva bbażati fuq l-ICT, għat-tagħlim tul il-ħajja;

(e) li jiżgura li r-riżultati tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja jkunu rikonoxxuti, dimostrati u implementati adegwatament fuq skala wiesgħa.

Artikolu 33

L-azzjonijiet tal-programm trasversali

1.  L-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu appoġġati bħala parti mill-attività ewlenija ta' koperazzjoni ta' politika u innovazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja, kif imsemmi fl-Artikolu 3(2)(a):

(a) il-mobbiltà individwali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(a), inklużi żjajjar ta' studju għall-esperti u l-uffiċjali maħtura minn awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, għad-diretturi ta' stabbilimenti ta' l-edukazzjoni u ta' taħriġ u ta' servizzi ta' gwida u ta' l-akkreditament ta' esperjenza, u għall-imsieħba soċjali;

(b) proġetti multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), maħsuba sabiex iħejju u jittestjaw proposti ta' politika żviluppati fil-livell Komunitarju u mmirati lejn l-innovazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja,

(ċ)  networks multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), ta' esperti u/jew istituzzjonijiet li jkunu jaħdmu flimkien fuq kwistjonijiet ta' politika. Tali-networks jistgħu jinkludu:

(i)  networks tematiċi li jkunu jaħdmu fuq kwistjonijiet relatati mal-kontenut tat-tagħlim tul il-ħajja jew mal-metodoloġiji u l-linji politiċi tat-tagħlim tul il-ħajja. Tali networks jistgħu josservaw, jiskambjaw, jidentifikaw u janalizzaw prattika tajba u innovazzjonijiet, kif ukoll jagħmlu proposti sabiex isir użu aħjar u usa' ta' tali prattika fl-Istati Membri;

(ii) fora dwar kwistjonijiet strateġiċi fit-tagħlim tul il-ħajja.

(d) l-osservazzjoni u analiżi tal-linji politiċi u s-sistemi fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(f), li jistgħu jinkludu:

(i) studji u riċerka komparattiva;

(ii) l-iżvilupp ta' indikaturi u ta' stħarriġ statistiku, inkluż l-appoġġ għall-ħidma mwettqa fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja f'koperazzjoni ma' l-Eurostat;

(iii) appoġġ għall-funzjonament tan-network Eurydice u l-finanzjament tat-Taqsima Ewropea ta' l-Eurydice stabbilita mill-Kummissjoni;

(e) azzjoni li tappoġġa t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-kompetenzi inklużi dawk miksuba permezz ta' tagħlim non-formali u informali, informazzjoni u gwida dwar il-mobbiltà għal skopijiet ta' tagħlim, u koperazzjoni fl-assigurazzjonui tal-kwalità, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(f), li jistgħu jinkludu:

(i)  networks ta' organizzazzjonijiet li jiffaċilitaw il-mobbiltà u r-rikonoxximent, bħall-Ewrogwida u ċ-Ċentri Nazzjonali ta' Informazzjoni għar-Rikonoxximent Akkademiku (NARICs);

(ii) appoġġ għal servizzi transnazzjonali bbażati fuq l-internet bħall-Ploteus;

(iii) attivitajiet taħt l-inizjattiva Europass konformement mad-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE;

(f) inizjattivi oħrajn kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(h) (“miżuri assoċjati”) inklużi l-attivitajiet ta' tagħlim bejn simili (peer learning) maħsuba sabiex jippromwovu l-objettivi ta' l-attività ewlenija msemmija fl-Artikolu 3(2)(a).

2.  L-azzjonijiet li ġejjin, imfassla sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta' min jgħallem u ta' min jitgħallem fir-rigward ta' aktar minn qasam ta' sub-programm wieħed, jistgħu jkunu appoġġati bħala parti mill-attività ewlenija tat-tagħlim tal-lingwi msemmija fl-Artikolu 3(2)(b):

(a) proġetti multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), maħsuba, inter alia, sabiex:

(i) jiżviluppaw materjali ġodda għat-tagħlim tal-lingwi, inklużi korsijiet fuq l-internet, u strumenti għall-ittestjar tal-lingwi;

(ii) jiżviluppaw strumenti u korsijiet għat-taħriġ ta' l-għalliema, ta' min jagħti taħriġ u ta' persunal ieħor involuti fit-tagħlim tal-lingwi.

(b)  networks multilaterali kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(e), fil-qasam tat-tagħlim tal-lingwi u tad-diversità lingwistika;

(ċ) inizjattivi oħrajn skond l-objettivi tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(h), inklużi attivitajiet sabiex it-tagħlim tal-lingwijsir aktar attraenti għal min jirċievi edukazzjoni permezz tal-mass media u/jew ta' kampanji ta' marketing, ta' pubbliċità u ta' informazzjoni, kif ukoll konferenzi, studji u żvilupp ta' indikaturi statistiċi fil-qasam tat-tagħlim tal-lingwi u tad-diversità lingwistika.

3.  L-azzjonijiet li ġejjin, maħsuba sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta' min jgħallem u ta' min jitgħallem fir-rigward ta' aktar minn qasam ta' sub-programm wieħed, jistgħu jkunu appoġġati bħala parti mill-attività ewlenija ta' l-ICT, kif imsemmija fl-Artikolu 3(2)(ċ):

(a) proġetti multilaterali, kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(e), maħsuba għall-iżvilupp u d-distribuzzjoni, skond il-każ, ta' metodi, kontenuti, servizzi u ambjenti innovattivi;

(b)  networks multilaterali kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), maħsuba għall-kondiviżjoni u l-iskambju ta' tagħrif, ta' esperjenza u ta' prattika tajba;

(ċ) azzjonijiet oħra maħsuba għat-titjib fil-politika u l-prattika tat-tagħlim tul il-ħajja, kif deskritt fl-Artikolu 5(1)(f), li jistgħu jinkludu mekkaniżmi għall-valutazzjoni, osservazzjoni,benchmarking, titjib fil-kwalità u analiżi ta' xejriet fir-rigward tat-teknoloġija u tal-pedagoġija.

4.  L-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu appoġġati bħala parti mill-attività ewlenija ta' tixrid, kif imsemmija fl-Artikolu 3(2)(d):

(a) proġetti unilaterali u nazzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(d);

(b) proġetti multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), maħsuba inter alia sabiex:

(i) jappoġġaw l-isfruttament u l-implementazzjoni ta' prodotti u proċessi innovattivi;

(ii) jistimolaw il-koperazzjoni bejn proġetti li joperaw fl-istess qasam;

(iii) jiżviluppaw prattika tajba dwar metodi ta' tixrid;

(ċ) l-istabbiliment ta' materjal ta' referenza kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(f), li jista' jinkludi l-ġbir ta' data statistika u studji relevanti fil-qasam tat-tixrid, l-isfruttament ta' riżultati u ta' l-iskambju ta' prattika tajba.



KAPITOLU VI

Il-Programm Jean Monnet

Artikolu 34

L-aċċess għall-programm Jean Monnet

Fi ħdan il-qafas tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, il-programm Jean Monnet għandu jkun immirat lejn:

(a) studenti u riċerkaturi fil-qasam ta' l-integrazzjoni Ewropea fl-għamliet kollha ta' l-edukazzjoni superjuri kemm ġewwa l-Komunità kif ukoll barra mill-Komunità;

(b) istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni superjuri kemm ġewwa l-Komunità kif ukoll barra mill-Komunità kif rikonoxxuti fil-pajjiżi tagħhom stess;

(ċ) għalliema u persunal ieħor f'dawk l-istituzzjonijiet;

(d) assoċjazzjonijiet u rappreżentanti ta' dawk involuti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ kemm ġewwa l-Komunità kif ukoll barra mill-Komunità;

(e) korpi pubbliċi u privati responsabbli għall-organizzazzjoni u għall-għoti ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

(f) ċentri ta' riċerka u korpi konċernati bi kwistjonijiet relatati ma' l-integrazzjoni Ewropea kemm ġewwa l-Komunità kif ukoll barra mill-Komunità.

Artikolu 35

L-objettivi tal-programm Jean Monnet

1.  Addizzjonalment għall-objettivi tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja kif stabbiliti fl-Artikolu 1, l-objettivi speċifiċi tal-programm Jean Monnet għandhom ikunu:

(a) li jistimola t-tagħlim, ir-riċerka u l-attivitajiet ta' riflessjoni fil-qasam ta' l-istudji dwar l-integrazzjoni Ewropea;

(b) li jappoġġa l-eżistenza ta' firxa adegwata ta' istituzzjonijiet u assoċjazzjonijiet li jiffokaw fuq kwistjonijiet relatati ma' l-integrazzjoni Ewropea u fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ f'perspettiva Ewropea.

2.  L-objettivi operattivi tal-programm Jean Monnet għandhom ikunu:

(a) li jistimola l-eċċellenza fit-tagħlim, fir-riċerka u fir-riflessjoni fi studji dwar l-integrazzjoni Ewropea f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri kemm ġewwa l-Komunità kif ukoll barra mill-Komunità;

(b) li jsaħħaħ it-tagħrif u l-kuxjenza fost akkademiċi speċjalizzati u ġeneralment fost iċ-ċittadini Ewropej, dwar kwistjonijiet relatati ma' l-integrazzjoni Ewropea;

(ċ) li jappoġġa istituzzjonijiet Ewropej ewlenin konċernati bi kwistjonijiet relatati ma' l-integrazzjoni Ewropea;

(d) li jappoġġa l-eżistenza ta' istituzzjonijiet u assoċjazzjonijiet Ewropej ta' kwalità għolja li jkunu attivi fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ.

Artikolu 36

L-azzjonijiet tal-programm Jean Monnet

1.  L-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu appoġġati bħala parti mill-attività ewlenija msemmija fl-Artikolu 3(3)(a):

(a) proġetti unilaterali u nazzjonali, kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(d), li jistgħu jinkludu:

(i) Katedri Jean Monnet, ċentri ta' eċċellenza u moduli ta' tagħlim;

(ii) assoċjazzjonijiet ta' professuri, għalliema oħrajn fl-edukazzjoni superjuri, u riċerkaturi li jispeċjalizzaw fl-integrazzjoni Ewropea;

(iii) appoġġ għal riċerkaturi żgħażagħ li jispeċjalizzaw fi studji dwar l-integrazzjoni Ewropea;

(iv) informazzjoni u attivitajiet ta' riċerka relatati mal-Komunità bil-għan li jippromwovu d-diskussjoni, ir-riflessjoni u t-tagħrif dwar il-proċessi ta' l-integrazzjoni Ewropea;

(b) proġetti u networks multilaterali, kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(e), li jistgħu jinkludu appoġġ għall-istabbiliment ta' gruppi multilaterali ta' riċerka fil-qasam ta' l-integrazzjoni Ewropea.

2.  Jistgħu jingħataw, bħala parti mill-attività ewlenija msemmija fl-Artikolu 3(3)(b), għajnuniet operattivi kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(g) bħala appoġġ fir-rigward ta' ċerti spejjeż operattivi u amministrattivi ta' l-istituzzjonijiet li ġejjin, li jsegwu għan ta' interess Ewropew:

(a) il-Kulleġġ ta' l-Ewropa (il-kampus ta' Bruges u dak ta' Natolin)

(b) l-Istitut Universitarju Ewropew ta' Firenze;

(ċ) l-Istitut Ewropew ta' l-Amministrazzjoni Pubblika, Maastricht;

(d) l-Akkademja tal-Liġi Ewropea, Trier;

(e) l-Aġenzija Ewropea għall-Iżvilupp fl-Edukazzjoni relatata ma' Bżonnijiet Speċjali, Middelfart;

(f) iċ-Ċentru Internazzjonali għal Taħriġ Ewropew (CIFE), Nice.

3.  Jistgħu jingħataw, bħala parti mill-attività ewlenija msemmija fl-Artikolu 3(3)(ċ), l-għajnuniet operattivi kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(g) bħala appoġġ fir-rigward ta' ċerti spejjeż operattivi u amministrattivi ta' l-istituzzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet Ewropej attivi fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ.

4.  L-għajnuniet jistgħu jingħataw fuq bażi annwali jew fuq bażi li tiġġedded fi ħdan ftehim kwadru ta' sħubija mal-Kummissjoni.

Artikolu 37

L-ammonti allokati lill-programm Jean Monnet

Mhux inqas minn 16 % ta' l-ammonti allokati lill-programm Jean Monnet għandhom jiġu dedikati sabiex jappoġġaw l-attività ewlenija msemmija fl-Artikolu 3(3)(a), mhux inqas minn 65 % għall-attività ewlenija msemmija fl-Artikolu 3(3)(b), u mhux inqas minn 19 % għall-attività ewlenija msemmija fl-Artikolu 3(3)(ċ).



TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSIZZJONALI U FINALI

Artikolu 38

Dispożizzjoni transizzjonali

1.  L-azzjonijiet li jinbdew fil-31 ta' Diċembru 2006 jew qabel, abbażi tad-Deċiżjoni 1999/382/KE, tad-Deċiżjoni Nru 253/2000/KE, tad-Deċiżjoni Nru 2318/2003/KE, tad-Deċiżjoni Nru 791/2004/KE jew tad-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE, għandhom jiġu amministrati konformement mad-dispożizzjonijiet ta' dawk id-Deċiżjonijiet, bl-eċċezzjoni tal-kumitati stabbiliti b'dawk id-Deċiżjonijiet għandhom jiġu sostitwiti mill-kumitat stabbilit bl-Artikolu 10 ta' din id-Deċiżjoni.

2.  Kif previst mill-Artikolu 18 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, l-approprjazzjonijiet korrispondenti għad-dħul assenjat li jirriżulta mill-ħlas mill-ġdid ta' ammonti mħallsa ħażin skond id-Deċiżjoni 1999/382/KE, id-Deċiżjoni Nru 253/2000/KE, id-Deċiżjoni Nru 2318/2003/KE, id-Deċiżjoni Nru 791/2004/KE jew id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE, jistgħu jsiru disponibbli għall-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja.

Artikolu 39

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.




ANNESS

DISPOŻIZZJONIJIET AMMINISTRATTIVI U FINANZJARJI

A.   Dispożizzjonijiet Amministrattivi

Il-proċeduri għall-proposta u l-għażla ta' l-azzjonijiet li jinsabu fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja huma kif ġej:

1.   Il-proċedura ta' l-aġenzija nazzjonali

1.1 Proċedura 1

L-azzjonijiet li ġejjin, li taħthom id-deċiżjonijiet ta' għażla jittieħdu mill-aġenziji nazzjonali xierqa, għandhom jiġu amministrati bil-“Proċedura 1 ta' l-aġenzija nazzjonali”:

(a) il-mobbiltà ta' individwi parteċipanti fit-tagħlim tul il-ħajja fl-Ewropa, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(a);

(b) sħubiji bilaterali u multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(b);

(ċ) proġetti unilaterali u nazzjonali, kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(d), fejn dawn ikunu finanzjati taħt l-Artikolu 33(4)(a).

It-talbiet għall-għajnuna finanzjarja preżentati taħt dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu indirizzati direttament lill-aġenziji nazzjonali kompetenti nominati mill-Istati Membri skond l-Artikolu 6(2)(b). L-aġenziji nazzjonali għandhom jagħmlu l-għażla u jallokaw l-għajnuna finanzjarja lill-applikanti magħżula skond il-linji gwidi ġenerali li għandhom jiġu stabbiliti taħt l-Artikoli 9(1)(ċ). L-aġenziji nazzjonali għandhom iqassmu għotjiet lill-benefiċjarji li jkunu jinsabu fl-Istati Membri rispettivi tagħhom. Kull imsieħeb fi sħubija bilaterali jew multilaterali għandu jirċievi finanzjament dirett mill-aġenzija nazzjonali rispettiva tiegħu.

1.2 Proċedura 2

L-azzjoni li ġejja, li taħtha jittieħdu d-deċiżjonijiet ta' għażla mill-Kummissjoni, iżda bil-valutazzjoni u l-proċeduri tal-kuntratt imwettqa mill-aġenziji nazzjonali kompetenti, għandha titmexxa permezz tal-“Proċedura 2 ta' l-aġenzija Nazzjonali”:

 proġetti multilaterali, kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(ċ).

It-talbiet għall-għajnuna finanzjarja preżentati taħt din l-azzjoni għandhom ikunu indirizzati direttament lill-aġenzija nazzjonali nominata mill-Istat Membru tal-koordinatur tal-proġett skond l-Artikolu 6(2)(b). L-aġenzija nazzjonali ta' l-Istat Membru tal-koordinatur tal-proġett għandha tagħmel il-valutazzjoni ta' l-applikazzjonijiet u tippreżenta lill-Kummissjoni lista mqassra ta' l-applikazzjonijiet li din tipproponi li taċċetta. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-lista mqassra proposta, u wara dan, l-aġenzija nazzjonali għandha talloka l-għajnuna finanzjarja adegwata lill-applikanti magħżula skond il-linji gwida ġenerali li għandhom jiġu stabbiliti taħt l-Artikolu 9(1)(ċ).

Qabel tippreżenta l-lista mqassra lill-Kummissjoni, l-aġenzija nazzjonali tal-pajjiż fejn jiġi koordinat il-proġett għandha żżomm kuntatt u tikkomunika ma' dawk fil-pajjiżi ta' l-imsieħba l-oħra kollha fil-proġett. L-aġenziji nazzjonali għandhom iqassmu l-għajnuniet lill-koordinaturi magħżula tal-proġett u li jinsabu fl-Istati Membri rispettivi tagħhom, li għandhom ikunu responsabbli sabiex iqassmu l-fondi lill-imsieħba involuti fil-proġetti.

2.   Il-proċedura tal-Kummissjoni

L-azzjonijiet li ġejjin, li taħthom jiġu preżentati l-proposti tal-proġett lill-Kummissjoni u li taħthom jittieħdu mill-Kummissjoni d-deċiżjonijiet ta' għażla, għandhom jitmexxew bil-“proċedura tal-Kummissjoni”:

(a) proġetti unilaterali u nazzjonali, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 5(1)(d), ħlief dawk li jkunu finanzjati taħt l-Artikolu 33(4)(a);

(b) proġetti u networks multilaterali, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e);

(ċ) osservazzjoni u analiżi ta' linji politiċi u ta' sistemi fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, l-istabbiliment ta' materjal ta' referenza, inklużi stħarriġ, statistika, analiżi u indikaturi, u azzjoni li tappoġġa t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u tat-tagħlim preċedenti, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(f);

(d) għotjiet operattivi, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(g);

(e) inizjattivi oħrajn immirati sabiex jippromwovu l-objettivi tal-Programm ta' Tagħlim il-Ħajja, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(h) (“miżuri assoċjati”).

It-talbiet għall-għajnuna finanzjarja preżentati taħt dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu indirizzati direttament lill-Kummissjoni, li għandha tagħmel l-għażla u talloka l-għajnuna finanzjarja lill-applikanti magħżula skond il-linji gwida ġenerali li għandhom jiġu stabbiliti taħt l-Artikoli 9(1)(ċ).

B.   Dispożizzjonijiet Finanzjarji

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li r-rekwiżiti finanzjarji u amministrattivi imposti fuq il-benefiċjarji ta' l-għajnuniet mogħtija taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja jkunu proporzjonati għal-livell ta' l-għajnuna. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżgura li r-regoli finanzjarji u r-rekwiżiti ta' l-applikazzjoni u tar-rappurtar għall-mobbiltà individwali u għas-sħubiji jibqgħu faċilment aċċessibbli għall-pubbliku u suffiċjentement sempliċi sabiex ma jirrestrinġux l-aċċess għal individwi anqas vantaġġati u għall-istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet li jkunu jaħdmu magħhom.

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-aġenziji nazzjonali kriterji li huma għandhom isegwu fir-rigward tal-proċeduri ta' għażla u ta' għotja, kif ukoll ta' l-arranġamenti kuntrattwali u tal-ħlas/verifika, għall-fondi li huma jamministraw. Dawn il-kriterji għandhom jieħdu kont tad-daqs ta' l-għajnuniet li jingħataw u fejn l-għajnuniet ikunu anqas minn EUR 25 000 huma għandhom jipprovdu sistemi simplifikati fl-istadji kollha li jinvolvu lill-applikanti jew lill-benefiċjarji. Dawn għandhom jassistu l-aġenziji nazzjonali sabiex jiddeterminaw u jillimitaw id-dettalji meħtieġa mill-applikanti għall-għajnuniet u jistabbilixxu kuntratti wara l-għoti ta' l-għajnuniet fuq bażi simplifikata li tinkludi biss l-elementi li ġejjin:

 il-partijiet kontraenti

 it-tul ta' żmien tal-kuntratt, li għandu jkun il-perjodu ta' l-eliġibbiltà ta' l-ispiża

 l-ammont massimu ta' fondi mogħtija

 deskrizzjoni sommarja ta' l-azzjoni involuta

 rekwiżiti ta' rappurtaġġ u ta' aċċess għall-finijiet ta' verifika.

Barra minn hekk dawn il-kriterji għandhom jassistu li l-aġenziji nazzjonali jipprovdu li l-ko-finanzjament mogħti mill-benefiċjarji jkun jista' jingħata f'forma ta' kontributi in natura. Dawn għandhom ikunu verifikabbli fil-fatt, iżda mhux neċessarjament suġgetti għall-valutazzjoni finanzjarja.

1.   Azzjonijiet immexxija permezz tal-proċedura ta' l-aġenzija nazzjonali

1.1 Il-fondi Komunitarji maħsuba sabiex jipprovdu appoġġ finanzjarju taħt l-azzjonijiet li għandhom jitmexxew permezz tal-proċedura ta' l-aġenzija nazzjonali skond it-Taqsima A, Punt 1.1 ta' dan l-Anness, għandhom ikunu allokati fost l-Istati Membri skond il-formuli stabbiliti mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 10(2), li jistgħu jinkludu l-elementi li ġejjin:

(a) ammont minimu allokat lil kull Stat Membru, li għandu jiġi stabbilit skond id-disponibbiltà tal-baġit għall-azzjoni konċernata;

(b) dak li jifdal għandu jiġi allokat lill-Istati Membri diversi abbażi ta':
(i) in-numru totali ta' kull Stat Membru ta':

 tfal ta' l-iskola u għalliema fl-edukazzjoni skolastika għall-azzjonijiet ta' sħubiji bejn skejjel u ta' mobbiltà tal-programm Comenius stabbiliti fl-Artikolu 18(1)(a) u (b);

 studenti u/jew gradwati fl-edukazzjoni superjuri għall-azzjonijiet ta' mobbiltà ta' studenti u ta' programmi intensivi tal-programm Erasmus stabbiliti fl-Artikolu 22(1)(a)(i) u (iv);

 għalliema f'istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni superjuri għall-azzjonijiet ta' mobbiltà ta' għalliema u ta' mobbiltà ta' ħaddiema oħrajn tal-programm Erasmus stabbiliti fl-Artikolu 22(1)(a)(ii) u (iii);

 il-popolazzjoni globali u n-numru ta' persuni bejn il-15 u l-35 sena relattivi għaliha, għall-azzjonijiet ta' mobbiltà, ta' sħubija u ta' proġetti multilaterali tal-programm Leonardo da Vinci stabbiliti fl-Artikolu 26(1)(a), (b) u (ċ);

 adulti għall-azzjonijiet ta' mobbiltà u sħubija tal-programm Grundtvig stabbiliti fl-Artikolu 30(1)(a) u (b);

(ii) id-differenza fl-għoli tal-ħajja bejn l-Istati Membri;

(iii) id-distanza bejn l-ibliet kapitali ta' kull wieħed mill-Istati Membri;

(iv) il-livell ta' domanda u/jew talba għall-azzjoni konċernata f'kull Stat Membru.

1.2 Dawn il-formuli, sa fejn ikun possibbli, għandhom ikunu newtrali fir-rigward tas-sistemi differenti ta' edukazzjoni u taħriġ ta' l-Istati Membri.

1.3 Il-fondi Komunitarji li jitqassmu hekk għandhom ikunu amministrati mill-aġenziji nazzjonali previsti fl-Artikolu 6(2)(b).

1.4 Il-Kummissjoni, li taġixxi f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni bilanċjata fuq il-livelli Komunitarju, nazzjonali u, fejn ikun il-każ, reġjonali u, fejn ikun il-każ, bejn l-oqsma diversi ta' studju. Il-proporzjon allokat lil dawn il-miżuri m'għandux ikun aktar minn 5 % ta' l-allokazzjonijiet annwali sabiex tiġi finanzjata kull waħda mill-azzjonijiet in kwistjoni.

2.   In-nomina tal-benefiċjarji

L-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 36(2) ta' din id-Deċiżjoni huma b'dan nominati bħala benefiċjarji ta' l-għotjiet taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, skond l-Artikolu 168 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

It-taqsimiet nazzjonali kostitwenti tan-network NARIC, in-network Eurydice, in-network ta' Gwida Ewropea, is-Servizzi Nazzjonali ta' Appoġġ għall-Azzjoni eTwinning u ċ-Ċentri Nazzjonali ta' l-Europass jaġixxu bħala strumenti sabiex ikun implementat il-programm fil-livell nazzjonali, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 54(2)(ċ) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u ta' l-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

3.   Tipi ta' benefiċjarji

Skond l-Artikolu 114(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, jistgħu jingħataw għotjiet lil persuni ġuridiċi jew lil persuni fiżiċi. Fil-każ ta' persuni fiżiċi, dawn jistgħu jkunu f'għamla ta' boroż ta' studju.

4.   Għotjiet ta' darba, l-iskali ta' spejjeż unitarji u premji

Jistgħu jintużaw għotjiet ta' darba u/jew skali ta' spejjeż unitarji, kif previst fl-Artikolu 181(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, fil-każ ta' l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5.

Jistgħu jiġu użati għotjiet ta' darba sa massimu ta' EUR 25 000 għal kull għotja. Huma jistgħu jiġu kombinati sa massimu ta' EUR 100 000 u/jew jiġu użati konġuntament ma' l-iskali ta' spejjeż unitarji.

Il-Kummissjoni tista' tipprovdi għall-għoti ta' premji relattivament għal attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja.

5.   Appalti

Fejn l-implementazzjoni ta' azzjonijiet appoġġati taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja tkun teħtieġ li l-benefiċjarju jirrikorri għall-proċeduri ta' appalt, għandhom japplikaw il-proċeduri għall-appalti ta' valur baxx previsti fl-Artikolu 129 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

6.   Ftehim ta' sħubija

Fejn l-azzjonijiet taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja jkunu appoġġati permezz ta' għotjiet taħt xi ftehim strutturali ta' sħubija, skond l-Artikolu 163 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tali sħubiji jistgħu jiġu magħżula u finanzjati għal perjodu ta' erba' snin, suġġett għal proċedura ħafifa ta' tiġdid.

7.   L-istituzzjonijet pubbliċi jew l-organizzazzjonijiet li jipprovdu opportunitajiet ta' tagħlim

L-iskejjel u l-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni superjuri kollha speċifikati mill-Istati Membri, u l-istituzzjonijiet jew l-organizzazzjonijijet kollha li jipprovdu opportunitajiet ta' tagħlim li rċevew aktar minn 50 % tad-dħul annwali tagħhom minn fonti pubbliċi tul l-aħħar sentejn, jew li jkunu kontrollati minn korpi pubbliċi jew mir-rappreżentanti tagħhom, għandhom jiġu trattati mill-Kummissjoni bħala li għandhom l-kapaċità finanzjarja, professjonali u amministrattiva meħtieġa, flimkien ma' l-istabbiltà finanzjarja meħtieġa, sabiex jitwettqu l-proġetti taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja; m'għandhomx ikunu meħtieġa jippreżentaw dokumentazzjoni ulterjuri bħala prova ta' dan. Tali istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżiti ta' verifika skond l-Artikolu 173(4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

8.   Korpi li jsegwu objettiv ta' interess Ewropew ġenerali

Fejn jingħataw għotjiet operattivi taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja lil korpi li jsegwu objettiv ta' interess ġenerali Ewropew kif definit fl-Artikolu 162 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, dawn, skond l-Artikolu 113(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, m'għandhomx ikunu suġġetti, meta jiġġeddu, għall-prinċipju ta' tnaqqis gradwali.

9.   Il-kompetenzi professjonali u l-kwalifiki ta' l-applikanti

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi skond l-Artikolu 176(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 li kategoriji speċifikati ta' benefiċjarji jkollhom il-kompetenzi professjonali u l-kwalifiki meħtieġa sabiex iwettqu l-azzjoni proposta jew il-programm ta' ħidma.

10.   Il-parteċipazzjoni ta' msieħba minn pajjiżi terzi

L-imsieħba minn pajjiżi terzi jistgħu jieħdu sehem fi proġetti, networks jew sħubiji multilaterali taħt it-termini ta' l-Artikolu 14(2) skond id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni jew ta' l-aġenzija nazzjonali konċernata. Id-deċiżjoni jekk ikunux appoġġati dawn l-imsieħba jew le għandha tkun ibbażata fuq il-grad tal-valur miżjud fil-livell Ewropew li x'aktarx jirriżulta mill-parteċipazzjoni tagħhom fil-proġett, network jew sħubija in kwistjoni.

11.   Allokazzjonijiet minimi

Suġġett għall-Artikolu 14 ta' din id-Deċiżjoni, l-ammonti minimi li għandhom jiġu allokati lis-sub-programmi settorjali għandhom ikunu, relattivament għall-qafas finanzjarju stabbilit f'dak l-Artikolu:

Comenius 13 %

Erasmus 40 %

Leonardo da Vinci 25 %

Grundtvig 4 %

12.   Aġenziji nazzjonali

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha tingħata sabiex tappoġġa l-attivitajiet ta' l-aġenziji nazzjonali stabbiliti jew nominati mill-Istati Membri skond l-Artikolu 6(2)(b).

Skond l-Artikolu 38(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, il-funzjoni ta' l-aġenzija nazzjonali tista', f'pajjiżi terzi li jieħdu sehem fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja taħt l-Artikolu 7(1) ta' din id-Deċiżjoni, titwettaq minn korpi tas-settur pubbliku jew minn korpi mis-settur privat li jkollhom obbligi ta' servizz pubbliku regolati mil-liġi tal-pajjiż konċernat.

Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-livell meħtieġ tar-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni u ta' rappurtar jinżamm għall-minimu adegwat.

13.   Assistenza teknika

Il-pakkett finanzjarju tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja jista' jkopri wkoll in-nefqa relatata ma' azzjonijiet preparatorji, monitoraġġ, kontroll, verifika u valutazzjoni li jkunu meħtieġa direttament għall-implementazzjoni tal-Programm u sabiex jinkisbu l-objettivi tiegħu. Dawn jistgħu jinkludu b'mod partikolari studji, laqgħat, attivitajiet ta' informazzjoni, pubblikazzjonijiet, infiq fuq networks informatiċi għall-iskambju ta' informazzjoni u kull nefqa oħra fuq għajnuna teknika u amminsitrattiva li għalihom il-Kummissjoni tista' teħtieġ tirrikorri għall-implementazzjoni tal-Programm.

14.   Dispożizzjonijiet kontra l-frodi

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda taħt l-Artikoli 9, il-kuntratti u l-ftehim li jirriżultaw minnhom, kif ukoll il-ftehim ma' pajjiżi terzi parteċipanti, għandhom jipprovdu b'mod partikolari għas-superviżjoni u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni (jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha), anke mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), u għall-verifika mill-Qorti ta' l-Awdituri, jekk ikun meħtieġ anke fuq il-post. Tali kontrolli jistgħu jsiru flimkien ma' l-aġenziji nazzjonali kif ukoll, fejn meħtieġ, ma' dawk li jirċievu l-għotjiet.

Il-benefiċjarju ta' għotja operattiva għandu jkollu disponibbli għall-Kummissjoni d-dokumenti kollha ta' appoġġ, inkluż il-prospett finanzjarju verifikat, dwar in-nefqa li tkun saret matul is-sena ta' l-għotja, għal perjodu ta' ħames snin wara l-aħħar ħlas. Il-benefiċjarju ta' għotja għandu jiżgura li, fejn applikabbli, id-dokumenti ta' appoġġ fil-pussess ta' msieħba jew ta' membri jkunu disponibbli għall-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tista' tipprovdi sabiex issir verifika, ta' l-użu magħmul mill-għotja, mill-persunal tagħha, direttament, jew minn kwalunkwe korp estern ieħor, kwalifikat għal dan il-għan, magħżul minnha. Tali verifika tista' ssir matul il-perjodu kollu tal-ftehim u għal perjodu ta' ħames snin mid-data tal-pagament tal-bilanċ. Fejn ikun il-każ, il-konklużjonijiet tal-verifika jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet ta' rkupru mill-Kummissjoni.

Il-persunal tal-Kummissjoni u l-persunal estern awtorizzat mill-Kummissjoni għandhom ikollhom dritt adegwat ta' aċċess, b'mod partikolari għall-uffiċċji tal-benefiċjarju u għall-informazzjoni kollha, inkluża informazzjoni f'format elettroniku, li tkun meħtieġa sabiex titwettaq tali verifika.

Il-Qorti ta' l-Awdituri u l-OLAF għandhom ikollhom l-istess drittijiet, speċjalment dak ta' aċċess, tal-Kummissjoni.

Barra minn dan, il-Kummissjoni tista' twettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja skond ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar kontrolli fuq il-post u ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra ( 19 ).

Għall-azzjonijiet Komunitarji finanzjati taħt din id-Deċiżjoni, il-kunċett ta' irregolarità msemmi fl-Artikolu 1, paragrafu 2, tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Novembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej ( 20 ) għandu jfisser kull ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja jew kull ksur ta' obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn xi att jew ommissjoni minn xi entità ġuridika, li jkollu, jew jista' jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Komunitajiet jew l-allokazzjonijiet amministrati minnhom, permezz ta' nefqa mhux ġustifikata.



( 1 ) ĠU C 221, 8.9.2005, p. 134.

( 2 ) ĠU C 164, 5.7.2005, p. 59.

( 3 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew mogħtija fil-25 ta' Ottubru 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-ĠU), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill mogħtija fl-24 ta' Lulju 2006 (ĠU C 251 E, 17.10.2006, p. 37), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew mogħtija fil-25 ta' Ottubru 2006 (għadha mhix ippubblikata fil-ĠU).

( 4 ) ĠU L 146, 11.6.1999, p. 33. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 885/2004 (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 1).

( 5 ) ĠU L 28, 3.2.2000, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 885/2004.

( 6 ) ĠU L 345, 3.8.1999, p. 9.

( 7 ) ĠU L 138, 30.4.2004, p. 31

( 8 ) ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6.

( 9 ) ĠU L 345, 31.12.2003, p. 1.

( 10 ) ĠU C 163, 9.7.2002, p. 1.

( 11 ) ĠU C 13, 18.1.2003, p. 2.

( 12 ) ĠU C 293 E, 28.11.2002, p. 103.

( 13 ) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

( 14 ) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1248/2006 (ĠU L 227, 19.8.2006, p. 3).

( 15 ) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

( 16 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

( 17 ) ĠU L 39, 13.2.1975.

( 18 ) ĠU L 131, 23.5.1990, p. 1.

( 19 ) ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

( 20 ) ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.