2006A0909 — MT — 17.07.2007 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

FTEHIM INTERN

bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqa' fi ħdan il-Kunsill, dwar il-Finanzjament ta' l-Għajnuna Komunitarja permezz tal-Kwadru Finanzjarju Pluriennali għall-Perijodu 2008-2013 skond il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u t-Territorji Barranin li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat tal-KE

(ĠU L 247 9.9.2006, p. 32)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2007/549/KE tas-16 ta’ Lulju 2007

  L 202

35

3.8.2007




▼B

FTEHIM INTERN

bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqa' fi ħdan il-Kunsill, dwar il-Finanzjament ta' l-Għajnuna Komunitarja permezz tal-Kwadru Finanzjarju Pluriennali għall-Perijodu 2008-2013 skond il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u t-Territorji Barranin li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat tal-KE



IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TA' L-ISTATI MEMBRI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA, IMLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkonsultaw lill-Kummissjoni,

Wara li kkonsultaw il-Bank Ewropew ta' l-Investiment,

BILLI:

(1)

Il-Paragrafu 3 ta' l-Anness Ia tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda (minn issa 'l quddiem imsejħa l-“AKP”) u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou, fit-23 ta' Ġunju 2000 (minn issa 'l quddiem imsejjaħ bħala “l-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE”) ( 1 ), jistqarr li “kull emenda meħtieġa għall-kwadru finanzjarju pluriennali jew partijiet relattivi tal-Ftehim għandha tiġi deċiża mill-Kunsill tal-Ministri permezz ta' deroga mill-Artikolu 95 ta' dan il-Ftehim”.

(2)

Il-Kunsill tal-Ministri tal-AKP-KE, imlaqqa' f'Port Moresby (Papua New Guinea) fl-1 u fit-2 ta' Ġunju 2006, adotta l-Anness Ib għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u fih qabel li jistabbilixxi l-ammont kollu ta' l-għajnuna Komunitarja għall-Istati ta' l-AKP taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu 2008-2013, fi ħdan il-qafas tal-Ftehim AKP-KE, għal EUR 21 966 miljun mill-10 Fond Ewropew Għall-Iżvilupp (minn issa 'l quddiem imsejjaħ bħala l-“10 FEŻ”) ikkontribwit mill-Istati Membri.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Komunità Ewropea (minn issa 'l quddiem imsejħa d-“Deċiżjoni ta' l-Assoċjazzjoni”) ( 2 ) hi applikabbli sal-31 ta' Diċembru 2011. Deċiżjoni ġdida abbażi ta' l-Artikolu 187 tat-Trattat għandha tiġi adottata qabel dik id-data. Qabel il-31 ta' Diċembru 2007, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiffissa għal EUR 286 miljun l-ammont mill-10 FEŻ għall-assistenza finanzjarja lill-pajjiżi u t-territorji barranin (minn issa 'l quddiem imsejħa bħala l-“OCTs”) fuq il-perjodu bejn l-2008-2013 li għalih tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat.

(4)

Skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/446/KE tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2005 tistabbilixxi l-iskadenza ta' l-impenji tal-fondi tad-9 FEŻ, id-data li lil hinn minnha l-fondi tad-9 FEŻ amministrati mill-Kummissjoni, is-sussidji fuq l-interessi amministrati mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment (BEI) ( 3 ) u d-dħul li jinġema' mill-interessi fuq dawn l-ammonti m' għandhomx jibqgħu impenjati hija stabbilita għal 31 ta' Diċembru 2007. Din id-data tista' tiġi riveduta jekk meħtieġ.

(5)

Sabiex jiġi implimentat il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u d-Deċiżjoni ta' l-Assoċjazzjoni, għandu jitwaqqaf l-10 FEŻ u għandha tiġi stabbilita proċedura għall-allokazzjoni tal-fondi u għall-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri għal dawk il-fondi.

(6)

Reviżjoni li tkopri l-aspetti kollha ta' l-infiq u r-riżorsi ta' l-UE għandha titwettaq abbażi ta' rapport mill-Kummissjoni fl-2008/2009.

(7)

Ir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqa' fi ħdan il-Kunsill, qablu li jassenjaw ammont ta' EUR 430 miljun mill-10 FEŻ għan-nefqa ta' appoġġ li tidħol fiha l-Kummissjoni biex tipprogramma u timplimenta l-FEŻ.

(8)

Ir-regoli dwar l-amministrazzjoni tal-kooperazzjoni finanzjarja għandhom jiġu determinati.

(9)

Fit-12 ta' Settembru 2000, ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill adottaw Ftehim Intern dwar il-finanzjament u l-amministrazzjoni ta' l-Għajnuna Komunitarja taħt il-Protokoll Finanzjarju għall-Ftehim bejn l-AKP u l-KE u l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u t-Territorji Barranin li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat tal-KE ( 4 ) (minn issa 'l quddiem imsejħa bħala l-“Ftehim Intern għad-9 FEŻ”).

(10)

Għandu jitwaqqaf Kumitat ta' Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri fil-Kummissjoni (minn issa 'l quddiem imsejjaħ bħala l-“Kumitat FEŻ”) u Kumitat simili għandu jitwaqqaf fil-BEI. Il-ħidma tal-Kummissjoni u tal-BEI biex japplikaw il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni ta' l-Assoċjazzjoni għandha tkun armonizzata.

(11)

Huwa antiċipat li l-Bulgarija u r-Rumanija jkunu ngħaqdu ma' l-UE sa' l-1 ta' Jannar 2008 u għandhom jimxu mal-Ftehim AKP-KE u mal-Ftehim Intern preżenti skond l-impenji tagħhom meħuda skond it-Trattat ta' Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija u l-Protokoll tiegħu.

(12)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Mejju 2005 l-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill dwar it-tħaffif tal-progress lejn il-kisba tal-Miri ta' Żvilupp tal-Millenju impenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ f'waqtu tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-effikaċja ta' l-Għajnuna ta' l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) adottati fil-forum ta' livell għoli f'Pariġi fit-2 ta' Marzu, 2005.

(13)

Għandhom jiġu mfakkra l-miri ta' l-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) imsemmija fil-konklużjonijiet imsemmija. Meta tkun qed tirrapporta n-nefqa fi ħdan il-FEŻ lill-Istati Membri u lill-OECD/Kumitat għall-Assistenza għall-Iżvilupp, il-Kummissjoni għandha tiddistingwi bejn attivitajiet ODA u dawk mhux ODA.

(14)

Fit-22 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni adottaw Dikjarazzjoni Konġunta dwar Politika ta' Żvilupp ta' l-Unjoni Ewropea: Il-Konsensus Ewropew ( 5 ).

(15)

Il-FEŻ għandu jkompli jagħti prijorità għall-appoġġ tal-pajjiżi l-anqas żviluppati u oħrajn bi dħul baxx.

(16)

Fil-11 ta' April 2006, il-Kunsill approva l-prinċipju li jiffinanzja l-Faċilità Afrikana għall-Paċi mill-fondi intra-AKP għal ammont li jilħaq it-300 Miljun EUR li jkopri l-perijodu inizjali 2008-2010. Evalwazzjoni komprensiva ser isseħħ matul it-tielet sena, b'reviżjoni tal-modalitajiet tiegħu kif ukoll tal-possibbiltajiet ta' sorsi ta' finanzjament futuri alternattivi, inkluż finanzjament PESK.

FTEHMU KIF ĠEJ:



KAPITOLU 1

RIŻORSI FINANZJARJI

Artikolu 1

Riżorsi ta' l-10 FEŻ

1.  L-Istati Membri hawnhekk jistabbilixxu l-Għaxar Fond għall-Iżvilupp Ewropew, minn issa 'l quddiem magħruf bħala “l-10 FEŻ”.

2.  L-10 FEŻ għandu jkun magħmul minn:

(a) Ammont ta' mhux aktar minn EUR 22 682 miljun ikkontribwit mill-Istati Membri kif ġej:



Stat Membru

Iċ-ċavetta tal-kontribuzzjoni

Kontribuzzjoni f'miljun EUR

Belġju

3,53

800 674 600

Bulgarija ►M1   (1)  ◄

0,14

31 754 800

Repubblika Ċeka

0,51

115 678 200

Danimarka

2,00

453 640 000

Ġermanja

20,50

4 649 810 000

Estonja

0,05

11 341 000

Greċja

1,47

333 425 400

Spanja

7,85

1 780 537 000

Franza

19,55

4 434 331 000

Irlanda

0,91

206 406 200

Italja

12,86

2 916 905 200

Ċipru

0,09

20 413 800

Latvja

0,07

15 877 400

Litwanja

0,12

27 218 400

Lussemburgu

0,27

61 241 400

Ungerija

0,55

124 751 000

Malta

0,03

6 804 600

Olanda

4,85

1 100 077 000

Awstrija

2,41

546 636 200

Polonja

1,30

294 866 000

Portugall

1,15

260 843 000

Rumanija ►M1   (1)  ◄

0,37

83 923 400

Slovenja

0,18

40 827 600

Slovakkja

0,21

47 632 200

Finlandja

1,47

333 425 400

Żvezja

2,74

621 486 800

Ir-Renju Unit

14,82

3 361 472 400

 

 

22 682 000 000

(*1)   Ammont stmat.

L-ammont ta' EUR 22 682 miljun għandu jkun disponibbli minn meta jidħol fis-seħħ il-qafas finanzjarju pluriennali, li minnu

(i) EUR 21 966 miljun għandhom ikunu allokati lill-Grupp ta' Stati ta' l-AKP;

(ii) EUR 286 miljun għandhom ikunu allokati lill-OCT;

(iii) EUR 430 miljun għandhom ikunu allokati lill-Kummissjoni għan-nefqa ta' appoġġ kif imsemmi fl-Artikolu 6, marbut ma' l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-FEŻ mill-Kummissjoni.

(b) Il-fondi msemmija fl-Anness I għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u l-Anness II A tad-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni u allokati taħt id-9 FEŻ għall-finanzjament ta' riżorsi tal-Faċilità għall-Investiment stabbiliti fl-Anness II C tad-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni (hawn aktar 'il quddiem imsejħa “l-Faċilita' ta' Investiment”), m'humiex affettwati bid-Deċiżjoni 2005/446/KE li jistabbilixxu d-data li lil hinn minna l-fondi tad-9 FEŻ ma jistgħux jiġu impenjati aktar. Dawn il-fondi għandhom jiġu trasferiti għall-10 FEŻ u amministrati skond l-arranġamenti ta' implimentazzjoni għall-10 FEŻ mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu 2008-2013 taħt il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill rigward l-assistenza finanzjarja għall-OCT għall-perijodu 2008-2013.

3.  Wara l-31 ta' Diċembru 2007, jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu 2008-2013 jekk din id-data tiġi aktar tard, il-bilanċi mid-9 FEŻ jew minn FEŻ preċedenti m'għandhomx ikunu impenjati aktar, ħlief għall-bilanċi u fondi diżimpenjati wara d-data tad-dħul fis-seħħ li jirriżultaw mis-sistema li tiggarantixxi l-istabbilizzazzjoni tad-dħul mill-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli primarji (STABEX) taħt il-FEŻ qabel id-9 FEŻ u ta' dawk il-fondi msemmija fil-paragrafu 2(b). Dawk il-fondi possibbilment impenjati wara l-31 ta' Diċembru 2007 sad-dħul fis-seħħ tal-ftehim preżenti, kif imsemmi hawn fuq, jiġu użati esklużivament sabiex tiġi żgurata l-kapaċità tal-ħidma ta' l-amministrazzjoni ta' l-UE u sabiex jiġu koperti l-ispejjeż li qed isiru biex jiġu sostnuti l-proġetti li għaddejjin sakemm jidħol fis-seħħ l-għaxar FEŻ.

4.  Fondi diżimpenjati minn proġetti taħt id-9 FEŻ jew minn FEŻ preċedenti wara l-31 ta' Diċembru 2007 m'għandhomx ikunu impenjati aktar, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kunsill b'unanimità, ħlief għall-fondi diżimpenjati wara d-data tad-dħul fis-seħħ li jirriżultaw mis-sistemi li jiggarantixxu l-istabbilizzazzjoni tad-dħul mill-esportazzjoni minn prodotti agrikoli primarji (STABEX) taħt il-FEŻ preċedenti id-9 FEŻ li għandhom jiġu trasferiti awtomatikament għall-programmi nazzjonali indikattivi rispettivi msemmija fl-Artikolu 2(a)(i) u l-Artikolu 3(1) u ta' dawk il-fondi msemmija fil-paragrafu 2(b).

5.  L-ammont totali ta' riżorsi mill-10 FEŻ għandu jkopri l-perijodu mill-1 ta' Jannar 2008 sal-31 ta' Diċembru 2013. Il-fondi ta' l-10 FEŻ m'għandhomx jiġu impenjati aktar wara l-31 ta' Diċembru 2013 sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor b'unanimità, fuq proposta mill-Kummissjoni.

6.  Id-dħul mill-interessi ġġenerati minn operazzjonijiet finanzjati taħt l-impenji meħuda taħt FEŻ preċedenti u mill-fondi ta' l-10 FEŻ amministrati mill-Kummissjoni u depositati ma' l-aġenti li jħallsu fl-Ewropea msemmija fl-Artikolu 37(1) ta' l-Anness IV għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE għandhom jiġu akkreditati lil kont bankarju wieħed jew aktar miftuħa f'isem il-Kummissjoni u għandhom jintużaw skond it-termini ta' l-Artikolu 6. L-użu tad-dħul minn interessi ġġenerati mill-fondi ta' l-10 FEŻ amministrati mill-Bank, ser ikunu determinati fil-qafas tar-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2).

7.  Jekk Stat ġdid jissieħeb mal-UE, l-allokazzjoni tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2(a) għandha tiġi emendata b'deċiżjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'unanimità, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

8.  Ir-riżorsi finanzjarji jistgħu jiġu aġġustati permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'unanimità, skond l-Artikolu 62(2) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE.

9.  Kwalunkwe Stat Membru jista', mingħajr preġudizzju tar-regoli u l-proċeduri għat-teħid ta' deċiżjonijiet kif imniżżel fl-Artikolu 8, jipprovdi lill-Kummissjoni jew lill-BEI kontribuzzjonijiet volontarji biex jiġu appoġġati l-objettivi tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE. L-Istati Membri jistgħu wkoll jikkofinanzjaw proġetti jew programmi per eżempju fil-qafas ta' inizjattivi speċifiċi li jiġu ġestiti mill-Kummissjoni jew mill-BEI. L-appartenenza mill-AKP fuq il-livell nazzjonali ta' tali inizjattiva għandha tkun garantita.

L-Implimentazzjoni u r-Regolament Finanzjarju msemmija fl-Artikolu 9, għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa għal ko-finanzjament mill-FEŻ, kif ukoll għal attivitajiet ta' ko-finanzjament implimentati mill-Istati Membri. L-Istati Membri ser jinformaw minn qabel lill-Kunsill dwar il-kontribuzzjonijiet volontarji tagħhom.

10.  Il-Kunsill għandu, skond il-paragrafu 7 tal-Protokoll Finanzjarju tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, flimkien ma' l-Istati ta' l-AKP, ser iwettaq reviżjoni tal-prestazzjoni, li tivvaluta l-grad tar-realizzazzjoni ta' l-impenni u l-infiq, u r-riżultati u l-impatt ta' l-għajnuna provduta. Ir-reviżjoni għandha ssir abbażi ta' proposta mħejjija mill-Kummissjoni fl-2010. Din ir-reviżjoni tal-prestazzjoni għandha tikkontribwixxi għal deċiżjoni dwar l-ammont tal-kooperazzjoni finanzjarja wara l-2013.

Artikolu 2

Riżorsi allokati għall-Istati AKP

L-ammont ta' EUR 21 966 miljun imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a)(i) għandu jiġi allokat bejn l-istrumenti ta' kooperazzjoni kif ġej:

(a) EUR 17 766 miljun biex jiffinanzja programmi nazzjonali u reġjonali indikattivi. Din l-allokazzjoni ser tintuża biex tiffinanzja

(i) il-programmi nazzjonali indikattivi ta' l-Istati AKP skond l-Artikoli 1 sa 5 ta' l-Anness IV tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE;

(ii) il-programmi reġjonali indikattivi li jappoġġaw il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali u interreġjonali ta' l-Istati AKP skond l-Artikoli 6 sa 11, 13(1) u 14 ta' l-Anness IV tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE.

(b) EUR 2 700 miljun biex tiġi ffinanzjata l-kooperazzjoni intra-AKP u dik interreġjonali ma' ħafna mill-istati jew ma' l-istati kollha ta' l-AKP, skond l-Artikoli 12, 13(2) u 14 ta' l-Anness IV għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE dwar il-proċeduri ta' implimentazzjoni u ta' ġestjoni. Dan il-pakkett għandu jkopri appoġġ strutturali għall-istituzzjonijiet konġunti: is-CDE u s-CTA msemmija fi u kkontrollati skond ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti fl-Anness III għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, u l-Assemblea Parlamentari Konġunta msemmija fl-Artikolu 17 tiegħu. Dan il-pakkett għandu jkopri assistenza għall-infiq operattiv tas-Segretarjat ta' l-AKP imsemmi fil-punti 1 u 2 tal-Protokoll 1 mehmuż mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE;

(ċ) Parti minn dawn ir-riżorsi msemmija f' punti (a) u (b) tista' tintuża biex iwieġbu għal xokkijiet esterni u għal ħtiġijiet mhux previsti, inkluż, kif xieraq, għas-soljev umanitarju komplementari fiż-żmien qasir u assistenza ta' emerġenza f'każijiet fejn dak l-appoġġ ma jistax jiġi ffinanzjat mill-budget tal-Komunità, sabiex jiġu mitigati l-effetti negattivi ta' varjazzjonijiet immedjati fid-dħul mill-esportazzjonijiet.

(d) EUR 1 500 miljun f'forma ta' allokazzjoni lill-BEI biex jiffinanzja l-Faċilità għall-Investiment skond ir-rabtiet u l-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness II għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, magħmula minn kontribuzzjoni addizzjonali ta' EUR 1 100 miljun għar-riżorsi tal-Faċilità għall-Investiment, amministrata bħala fond rotanti, u EUR 400 miljun taħt forma ta' għotjiet għall-finanzjament tas-sussidji fuq ir-rata ta' interessi previsti fl-Artikoli 2 u 4 ta' l-Anness II għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE fuq il-perijodu ta' l-10 FEŻ.

Artikolu 3

Riżorsi allokati għall-OCTs

1.  L-ammont ta' EUR 286 miljun imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a)(ii) għandu jkun allokat skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill meħuda qabel il-31 ta' Diċembru 2007 li temenda d-Deċiżjoni ta' l-Assoċjazzjoni skond l-Artikolu 187 tat-Trattat, li minnu jintuża EUR 256 miljun biex jiġu ffinanzjati programmi nazzjonali u reġjonali indikattivi, u EUR 30 miljun f'forma ta' allokazzjoni lill-BEI biex jiffinanzja l-Faċilità għall-Investiment skond id-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni.

2.  Fejn OCT isir indipendenti u jissieħeb fil-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, l-ammont indikat fil-paragrafu 1 għandu jitnaqqas u dawk indikati fl-Artikolu 2(a) u b'mod korrispondenti jiżdiedu permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'unanimità fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Self mir-riżorsi proprji tal-BEI

1.  Ma' l-ammont allokat lill-Faċilità għall-Investiment taħt id-9 FEŻ imsemmi fl-Artikolu 1(2)(b) u l-ammont imsemmi fl-Artikolu 2 (d) għandu jiġi miżjud ammont indikattiv sa EUR 2 030 miljun f'forma ta' self mogħti mill-BEI mir-riżorsi tiegħu stess. Dawn ir-riżorsi għandhom jiġu allokati għal ammont sa EUR 2 000 miljun għall-finijiet mogħtija fl-Anness II għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u għal ammont sa EUR 30 miljun għall-finijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' l-Assoċjazzjoni, skond il-kondizzjonijiet speċifikati fl-istatuti tiegħu u d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-termini u l-kondizzjonijiet għall-finanzjament ta' l-investiment kif stipulati fl-Anness II tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u d-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni.

2.  L-Istati Membri għandhom jintrabtu li jaġixxu bħala garanturi għall-BEI, billi jneħħu kull dritt li joġġezzjonaw u bi proporzjon għall-kontribuzzjonijiet għall-kapital tiegħu, fir-rigward ta' l-impenji finanzjarji kollha li jkun hemm għal min jissellef taħt kuntratti konklużi mill-BEI għal self mir-riżorsi tiegħu stess skond l-Artikolu 1 ta' l-Anness II għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni.

3.  Il-garanzija msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi ristretta għal 75 % ta' l-ammont totali ta' krediti miftuħa mill-BEI permezz tal-kuntratti kollha ta' self, iżda għandha tkopri r-riskji kollha.

4.  L-impenji msemmija f' paragrafu 2 għandhom ikunu soġġetti għall-kuntratti ta' garanzija bejn kull Stat Membru u l-BEI.

Artikolu 5

Operazzjonijiet mmexxija mill-BEI

1.  Pagamenti magħmula lill-BEI fir-rigward ta' self speċjali mogħti lill-Istati ta' l-AKP, l-OCT u d-dipartimenti Franċiżi barranin, flimkien mal-qligħ u d-dħul minn operazzjonijiet ta' riskju kapitali, taħt il-FEŻ preċedenti id-9 FEŻ għandhom jiġu kreditati lill-Istati Membri proporzjonalment mal-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-FEŻ li magħhom huma marbuta s-somom, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix b'unanimità, fuq proposta mill-Kummissjoni, biex iqiegħdhom f'riżerva jew jallokahom għal finijiet oħra.

2.  Kull kummissjoni dovuta lill-BEI biex jamministra s-self u l-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha titnaqqas minn qabel mis-somom li għandhom jiġu kreditati lill-Istati Membri.

3.  Ir-rikavati u d-dħul li jdaħħal il-BEI mill-operazzjonijiet permezz tal-Faċilità għall-Investiment taħt id-9 u l-10 FEŻ għandhom jintużaw għal aktar operazzjonijiet taħt il-Faċilità, skond l-Artikolu 3 ta' l-Anness II għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u wara li jitnaqqsu l-ispejjeż eċċezzjonali u r-responsabbiltajiet li joħorġu b'konnessjoni mal-Faċilità ta' Investiment.

4.  Il-BEI għandu jiġi mħallas b'garanzija sħiħa kontra t-telf jew ħsara għat-tmexxija ta' l-operazzjonijiet tal-Faċilità għall-Investiment imsemmija fil-paragrafu 3 skond l-Artikolu 3(1a) ta' l-Anness II għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE.

Artikolu 6

Riżorsi riservati għan-nefqa ta' appoġġ marbuta mal-FEŻ

1.  Ir-riżorsi tal-FEŻ għandhom ikopru l-ispejjeż għal miżuri ta' appoġġ. Ir-riżorsi msemmija fl-Artikolu 1(2)(a)(iii) u fl-Artikolu 1(5) għandhom ikopru l-ispejjeż marbuta mal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-FEŻ li mhumiex neċessarjament koperti bid-dokumenti ta' strateġija ta' appoġġ u l-programmi indikattivi pluriennali msemmija fir-Regolament ta' Implementazzjoni msemmi fl-Artikolu 10(1).

2.  Ir-riżorsi għall-miżuri ta' appoġġ jistgħu jkopru nefqa marbuta ma':

a) l-attivatijiet ta' preparazzjoni, ta' segwitu, ta' monitoraġġ, ta' kontabbiltà, ta' verifika u ta' evalwazzjoni meħtieġa direttament għall-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tar-riżorsi ta' l-FEŻ immexxija mill-Kummissjoni;

b) it-twettiq ta' dawn l-objettivi, permezz ta' attivitajiet ta' riċerka dwar l-iżvilupp ta' linji politiċi, studji, laqgħat, informazzjoni, ħolqien ta' kuxjenza, attivitajiet ta' taħriġ u pubblikazzjoni;

u

ċ) networks tal-kompjuter għall-qsim ta' informazzjoni, u kull nefqa oħra amministrattiva jew għall-assistenza teknika li l-Kummissjoni tista' tagħmel għat-tmexxija tal-FEŻ.

Huma għandhom ikopru wkoll in-nefqa kemm fil-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni kif ukoll fid-Delegazzjonijiet dwar l-appoġġ amministrattiv meħtieġ biex jiġu amministrati l-operazzjonijiet iffinanzjati permezz tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u d-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni.

Huma m'għandhomx jiġu assenjati għall-kompiti ċentrali tas-servizz pubbliku Ewropew, jiġifieri l-persunal permanenti tal-Kummissjoni.



KAPITOLU II

IMPLIMENTAZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 7

Kontribuzzjonijiet għall-10 FEŻ

1.  Kull sena, il-Kummissjoni, wara li tqis il-previżjonijiet tal-BEI li jikkonċernaw il-ġestjoni u t-tħaddim tal-Faċilità għall-Investiment, għandha tistabbilixxi u tikkomunika lill-Kunsill sal-15 ta' Ottubru dikjarazzjoni dwar l-allokazzjonijiet, ħlasijiet u l-ammont annwali tas-sejħiet għal kontribuzzjonijiet li għandhom isiru fis-sena attwali tal-baġit u fis-sentejn tal-baġit li jmiss. Dawn l-ammonti għandhom jiġu bbażati fuq il-kapaċità li l-livell ta' riżorsi propost jiġi mwassal b'mod effikaċji.

2.  Fuq proposta mill-Kummissjoni, li tispeċifika l-parti għall-Kummissjoni u dik għall-BEI, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata, kif imniżżel fl-Artikolu 8, dwar il-limitu massimu għall-ammont totali tal-kontribuzzjoni għat-tieni sena wara l-proposta mill-Kummissjoni (n+2) u, fi ħdan il-limitu massimu deċiż is-sena ta' qabel, dwar l-ammont totali għas-sejħa għal kontribuzzjoni għall-ewwel sena wara l-proposta mill-Kummissjoni (n+1).

3.  Jekk il-kontribuzzjonijiet deċiżi skond il-paragrafu 1bis jiddevjaw mill-ħtiġijiet proprji tal-FEŻ waqt is-sena finanzjarja konċernata, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti biex jiġu emendati l-ammonti ta' kontribuzzjoni fi ħdan il-limitu massimu msemmi fil-paragrafu 2 lill-Kunsill, li għandu jieħu deċiżjoni permezz ta' maġġoranza kwalifikata kif stipulat fl-Artikolu 8.

4.  Is-sejħiet għal kontribuzzjoni ma jistgħux jeċċedu l-limitu massimu msemmi fil-paragrafu 2 u l-limitu massimu ma jistax jiżdied lanqas ħlief meta jiġi deċiż hekk mill-Kunsill b'maġġoranza kwalifikata kif stipulat fl-Artikolu 8 f'każijiet ta' ħtiġijiet speċjali li jirriżultaw minn ċirkostanzi eċċezzjonali jew mhux previsti bħal sitwazzjonijiet ta' wara kriżi. F'dan il-każ il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet jikkorrispondu mal-ħlasijiet mistennija.

5.  Kull sena, il-Kummissjoni, b'kont meħud tal-previżjonijiet tal-BEI, għandha tikkomunika lill-Kunsill sal-15 ta' Ottubru l-estimi tagħha ta' impenji, infiq u kontribuzzjonijiet għal kull waħda mit-tliet snin wara s-snin imsemmija fil-paragrafu 1.

6.  Fir-rigward tal-fondi ttrasferiti minn FEŻ preċedenti għall-għaxar FEŻ skond l-Artikolu 1(2)(b) u l-Artikolu 1(3), il-kontribuzzjonijiet ta' kull Stat Membru għandhom jiġi kkalkolati b'mod proporzjonali għall-kontribuzzjoni ta' kull Stat Membru lill-FEŻ in kwistjoni.

Fir-rigward tal-bilanċi tal-fondi tad-9 FEŻ u l-FEŻ preċedenti li m'humiex ittrasferiti lill-10 FEŻ, l-impatt fuq il-kontribuzzjoni ta' kull Stat Membru għandu jiġi kkalkolat b'mod proporzjonali għall-kontribuzzjoni ta' kull Stat Membru lid-9 FEŻ.

7.  Ir-regoli dettaljati għall-ħlas ta' kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri għandhom jiġu determinati mir-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 8

Il-Kumitat tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp

1.  Kumitat (minn issa 'l quddiem imsejjaħ bħala “l-Kumitat tal-FEŻ”) magħmul minn rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri għandu jiġi stabbilit fil-Kummissjoni għal dawk ir-riżorsi ta' l-10 FEŻ li tamministra l-Kummissjoni. Il-Kumitat tal-FEŻ għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni u s-segretarjat tiegħu għandu jkun provdut mill-Kummissjoni. Rappreżentant tal-BEI għandu jieħu sehem fil-ħidma tiegħu.

2.  Fi ħdan il-Kumitat tal-FEŻ, il-voti ta' l-Istati Membri għandhom jiġu peżati kif ġej:



Stat Membru

Voti EU-27

Belġju

35

Bulgarija ►M1   (1)  ◄

►M1  [ ◄ 1 ►M1  ] ◄

Repubblika Ċeka

5

Danimarka

20

Ġermanja

205

Estonja

1

Greċja

15

Spanja

79

Franza

196

Irlanda

9

Italja

129

Ċipru

1

Latvja

1

Litwanja

1

Lussemburgu

3

Ungerija

6

Malta

1

Olanda

49

Awstrija

24

Polonja

13

Portugall

12

Rumanija ►M1   (1)  ◄

►M1  [ ◄ 4 ►M1  ] ◄

Slovenja

2

Slovakkja

2

Finlandja

15

Żvezja

27

Renju Unit

148

▼M1 —————

▼B

Total UE -27 ►M1   ◄

►M1  [ ◄ 1 004 ►M1  ] ◄

(*1)   Vot stmat.

3.   ►M1  Il-Kumitat ta’ l-EDF għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata ta’ 724 vot minn 1 004 , bl-espressjoni tal-vot favur ta’ mill-anqas erbatax-il Stat Membru. Il-minoranza li timpedixxi għandha tikkonsisti f’281 vot. ◄

4.  Jekk jaderixxi Stat ġdid ma' l-UE, il-piżijiet stipulati fil-paragrafu 2 u l-maġġoranza kwalifikata msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu emendati permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b'unanimità.

5.  Il-Kunsill għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tal-Kumitat tal-FEŻ b'unanimità.

Artikolu 9

Kumitat tal-Faċilità għall-Investiment

1.  Kumitat (minn issa 'l quddiem imsejjaħ bħala “l-Kumitat tal-Faċilità għall-Investiment”) li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri u ta' rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jiġi stabbilit taħt il-patroċinju tal-BEI. Il-BEI għandu jipprovdi s-segretarjat u s-servizzi ta' appoġġ tal-Kumitat. Il-President tal-Kumitat tal-Faċilità għall-Investiment għandu jiġi elett minn u minn fost il-membri tal-Kumitat tal-Faċilità għall-Investiment.

2.  Il-Kunsill għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tal-Kumitat tal-Faċilità għall-Investiment, b'vot unanimu.

3.  Il-Kunsill tal-Faċilità għall-Investiment għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, kif stabbilit fl-Artikoli 8(2) u 8(3).

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8 tal-Ftehim preżenti u d-dritt tal-vot ta' l-Istati Membri taħtu, id-dispożizzjonijiet rilevanti kollha ta' l-Artikolu 14 sa 30 tal-Ftehim Intern għad-9 FEŻ għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar Regolament ta' Implimentazzjoni għall-10 FEŻ. Dan ir-Regolament ta' Implimentazzjoni għandu jiġi deċiż b'unanimità, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-BEI.

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni għandu jinkludi modifiki u titjib kif meħtieġ għall-proċeduri ta' programmazzjoni u ta' teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll jarmonizza kemm jista' jkun il-proċeduri Komunitarji u tal-FEŻ, inkluż dwar l-aspetti ta' ko-finanzjament. Barra minn hekk huwa għandu jistabbilixxi proċeduri partikolari ta' ġestjoni għall-Faċilità għall-Paċi. Filwaqt li jitfakkar li l-assistenza finanzjarja u teknika għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 11(6), 11a u 11b tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE ser tiġi ffinanzjata minn strumenti speċifiċi barra minn dawk maħsuba għall-finanzjament tal-Kooperazzjoni bejn l-AKP u lKE, attivitajiet żviluppati taħt din id-dispożizzjoni jenħtieġu li jiġu approvati bi proċeduri ta' ġestjoni tal-baġit speċifikati minn qabel.

2.  Regolament Finanzjarju għandu jiġi adottat qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata kif stabbilit fl-Artikolu 8, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni u wara li l-BEI ikun ta l-opinjoni tiegħu dwar dawk id-dispożizzjonijiet li jikkonċernawh u l-Qorti ta' l-Awdituri.

3.  Ir-regolamenti msemmija f'paragrafi (1) u (2) għandhom jipprovdu l-possibbiltà li l-implimentazzjoni tal-kompiti tiġi delegata lil partijiet terzi li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati, fejn meħtieġ.

Artikolu 11

Implimentazzjoni finanzjarja, kontabbiltà, verifika u kwittanza

1.  Il-Kummissjoni għandha twettaq l-implimentazzjoni finanzjarja tal-pakketti li tmexxi abbażi ta' l-Artikolu 1(8), l-Artikolu 2(a), (b) u (ċ), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 6 u għandha twettaq l-eżekuzzjoni finanzjarja ta' proġetti u programmi skond ir-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2). Biex jinġabru s-somom imħallsa b'mod mhux dovut, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu infurzabbli skond l-Artikolu 256 tat-Trattat KE.

2.  Il-BEI għandu jmexxi l-Faċilità għall-Investiment u jwettaq operazzjonijiet taħtha f'isem il-Komunità, skond ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2). B'dan il-mod, il-BEI għandu jaġixxi f'isem u għar-riskju tal-Komunità. Id-drittijiet kollha li joħorġu minn tali operazzjonijiet, b'mod partikolari drittijiet bħala kreditur jew sid, għandhom jingħataw lill-Istati Membri.

3.  Il-BEI għandu jwettaq, skond l-istatuti tiegħu u l-aħjar prattika bankarja, l-implimentazzjoni finanzjarja ta' l-operazzjonijiet imwettqa permezz ta' self mir-riżorsi tiegħu stess kif imsemmi fl-Artikolu 4, fejn applikabbli flimkien mas-sussidji fuq ir-rata ta' interessi meħuda mir-riżorsi ta' l-għoti tal-FEŻ.

4.  Għal kull sena finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tfassal u tapprova l-kontijiet tal-FEŻ u tibgħathom lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti ta' l-Awdituri.

5.  Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 sabiex din ta' l-aħħar, abbażi tal-provi dokumentati, tkun tista' tagħmel kontrolli dwar l-għajnuna provduta mir-riżorsi tal-FEŻ.

6.  Kull sena, il-BEI għandu jibgħat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ir-Rapport Annwali tiegħu dwar l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet iffinanzjati mir-riżorsi tal-FEŻ li hu jmexxi.

7.  Soġġett għall-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu, il-Qorti ta' l-Awdituri għandha teżerċita s-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 248 tat-Trattat KE fir-rigward ta' l-operazzjonijiet tal-FEŻ. Il-kondizzjonijiet li taħthom il-Qorti ta' l-Awdituri teżerċita s-setgħat tagħha għandhom jiġu stipulati fir-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 9(2).

8.  Il-kwittanza ta' l-amministrazzjoni finanzjarja tal-FEŻ, minbarra l-operazzjonijiet immexxija mill-BEI, għandha tingħata lill-Kummissjoni mill-Parlament Ewropew fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata kif stipulat fl-Artikolu 8.

9.  L-operazzjonijiet finanzjati mir-riżorsi tal-FEŻ immexxija mill-BEI għandhom ikunu soġġetti għall-proċedura ta' kontroll u kwittanza stipulata fl-Istatut tal-BEI għall-operazzjonijiet kollha tiegħu.

Artikolu 12

Klawsola ta' reviżjoni

L-Artikolu 1 (3) u l-Artikoli li jinsabu fil-Kapitolu II, bl-eċċezzjoni ta' l-emendi għall-Artikolu 8, jistgħu jiġu emendati mill-Kunsill, li jaġixxi b'unanimità u fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-BEI għandu jiġi assoċjat mal-proposta tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati ma' l-attivitajiet tiegħu u dawk tal-Faċilità għall-Investiment.

Artikolu 13

Ratifika, dħul fis-seħħ u terminu ta' żmien

1.  Kull Stat Membru għandu japprova dan il-Ftehim skond il-ħtiġiet kostituzzjonali tiegħu stess. Il-Gvern ta' kull Stat Membru għandu jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea meta l-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-ftehim jitlestew.

2.  Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara n-notifika ta' l-approvazzjoni ta' dan il-Ftehim mill-aħħar Stat Membru.

3.  Dan il-Ftehim hu konkluż għall-istess terminu ta' żmien bħall-qafas finanzjarju pluriennali ta' l-Anness Ib tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE. Iżda, minkejja l-Artikolu 1(4), dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ sakemm ikun meħtieġ għall-operazzjonijiet kollha ffinanzjati taħt il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u d-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni u l-qafas finanzjarju pluriennali msemmi biex ikun jista' jiġi attwat bis-sħiħ.

Artikolu 14

Lingwi awtentiċi

Dan il-Ftehim, imfassal f'oriġinal uniku bil-lingwa Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola u Żvediża, bit-testi kollha ugwalment awtentiċi, għandu jiġi depożitat fl-arkivji tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, li għandu jgħaddi kopja ċertifikata lil kull wieħed mill-gvernijiet ta' l-Istati firmatarji.



( 1 ) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Ftehim kif emendat bil-Ftehim iffirmat il-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4).

( 2 ) ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1.

( 3 ) ĠU L 156, 18.6.2005, p. 19.

( 4 ) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 355.

( 5 ) ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.