2005R2075 — MT — 14.11.2007 — 002.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2075/2005 tal-5 ta’ Diċembru 2005 li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam (ĠU L 338, 22.12.2005, p.60) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
No |
page |
date |
||
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1665/2006 tas-6 ta’ Novembru 2006 |
L 320 |
46 |
18.11.2006 |
|
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1245/2007 ta’ l-24 ta’ Ottubru 2007 |
L 281 |
19 |
25.10.2007 |
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2075/2005
tal-5 ta’ Diċembru 2005
li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman ( 1 ), u b’mod partikolari l-punti 9 u 10 ta’ l-Artikolu 18 tiegħu,
Billi:|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimal ( 2 ), ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-benessri ta’ l-annimali ( 3 ) jistabbilixxu r-regoli u r-rekwiżiti tas-saħħa rigward l-ikel li joriġina mill-annimali u l-kontrolli uffiċjali mitluba. |
|
(2) |
Flimkien ma’ dawk ir-regoli, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti aktar speċifiċi għat-Trichinella. Il-laħam tal-majjal domestiku, iċ-ċingjal, iż-żwiemel u speċi ta’ annimali oħrajn jista’ jkun impestat b’nematodi tal-ġenus Trichinella. Il-konsum ta’ laħam impestat bit-Trichinella jista’ jikkawża mard serju fil-bniedem. Għandhom jitwaqqfu miżuri għall-prevenzjoni ta’ mard tal-bniedem ikkawżat mill-konsum ta’ laħam impestat bit-Trichinella. |
|
(3) |
Fit-22 ta’ Novembru 2001, il-Kumitat Xjentifiku dwar Miżuri Veterinarji relatati mas-Saħħa Pubblika adotta opinjoni dwar it-trikinellożi, l-epidemjoloġija, il-metodi ta’ skoperta u l-produzzjoni ta’ majjal mingħajr it-Trichinella. Fl-1 ta’ Diċembru 2004, il-Bord Xjentifiku dwar il-perikli bijoloġiċi (Biohaz) ta’ l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel adotta opinjoni dwar il-pertinenza u d-dettalji ta’ metodi ta’ l-iffriżar biex ikun permess il-konsum uman ta’ laħam impestat bit-Trichinella jew is-Cysticercus. Fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2005, Biohaz adotta opinjoni dwar valutazzjoni tar-riskju ta’ spezzjoni riveduta ta’ annimali tal-qatla f’postijiet bi prevalenza baxxa tat-Trichinella. |
|
(4) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 77/96/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1976 dwar l-eżami għat-trichinae (trichinella spiralis) ma’ l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ laħam frisk li ġej mill-ħnieżer domestiċi ( 4 ) kienet irrevokata bid-Direttiva 2004/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li tirrevoka ċerti Direttivi rigward iġjene ta’ l-ikel u kundizzjonijiet ta’ saħħa għall-produzzjoni u sabiex ikunu mqiegħda fis-suq ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali intiżi għall-konsum mill-bniedem u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/662/KEE u 92/118/KEE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/408/KE ( 5 ). |
|
(5) |
Ġew approvati metodi diversi tal-laboratorju għall-iskoperta tat-Trichinella fil-laħam frisk. Il-metodu bbażat fuq l-użu ta’ oġġett manjetiku li jħawwad għad-diġestjoni tal-kampjuni miġbura flimkien huwa rrikkmandat bħala metodu affidabbli għall-użu ta’ rutina. Għandu jiżdied id-daqs tal-kampjun għall-analiżi parassita jekk il-kampjun ma jistax jinġabar fil-post ta’ predilezzjoni u jekk it-tip jew l-ispeċi ta’ l-annimal qiegħed f’riskju ogħla li jkun infettat. L-eżami trikinoskopiku ma rnexxilux jiskopri l-ispeċi tat-Trichinella mhux inkapsulata li tinfetta annimali domestiċi u tal-boskijiet u bnedmin u m’għadhiex aktar adattata bħala metodu ta’ skoperta għall-użu standard. Il-metodu trikinoskopiku għandu jintuża biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali għall-eżami ta’ numru żgħir ta’ annimali maqtula fil-ġimgħa, sakemm jittieħdu miżuri mill-operatur tan-negozju ta’ l-ikel biex jipproċessa l-laħam b’mod li huwa kompletament sigur għall-konsum. Madankollu, il-metodu għandu jkun mibdul b’metodu ta’ skoperta aktar affidabbli fi żmien perjodu tranżitorju. Metodi oħrajn, bħalma huma testijiet seroloġiċi, jistgħu jkunu utli għal skopijiet ta’ monitoraġġ ladarba t-testijiet jiġu vvalidati minn laboratorju ta’ referenza tal-Komunità malli tali laboratorju jiġi maħtur mill-Kummissjoni. Testijiet seroloġiċi mhumiex adatti biex jiskopru impestazzjoni tat-Trichinella f’annimali individwali intiżi għall-konsum uman. |
|
(6) |
L-iffriżar tal-laħam f’kundizzjonijiet speċifikati jista’ joqtol kwalunkwe parassita preżenti imma ċerti speċi tat-Trichinella li jinsabu fi tjur u żwiemel huma reżistenti meta l-iffriżar iseħħ bit-taħlita rrikkmandata ta’ temperatura u ta’ ħin. |
|
(7) |
L-awtorità kompetenti għandha tagħraf uffiċjalment il-farms bħala ħielsa mit-Trichinella, ladarba jkunu sodisfatti kundizzjonijiet speċifiċi. Majjali tat-tismin li ġejjin minn farms bħal dawn għandhom ikunu eżentati mill-ispezzjoni għat-Trichinella. Il-kategoriji tal-farms għandhom ikunu uffiċjalment magħrufa mill-awtorità kompetenti bħala ħielsa mit-Trichinella, sakemm ikunu sodisfatti kundizzjonijiet speċifiċi. Rikonoxximent bħal dan għandu jnaqqas in-numru ta’ spezzjonijiet fuq il-post li jridu jsiru mill-awtorità kompetenti, imma hija possibbli biss fl-Istati Membri bi storja ta’ prevalenza baxxa ħafna tal-marda. |
|
(8) |
Il-monitoraġġ regolari ta’ majjali domestiċi, iċ-ċingjali, iż-żwiemel u l-volpi jew annimali indikaturi oħrajn huwa għodda importanti biex jiġu valutati tibdiliet fil-prevalenza tal-mard. Ir-riżultati tat-tali monitoraġġ għandhom ikunu kkomunikati f’rapport annwali skond id-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 rigward il-monitoraġġ taż-żoonożi u ta’ l-aġenti żoonotiċi ( 6 ). |
|
(9) |
Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 ma japplikax għat-tjur selvaġġ jew il-laħam tat-tjur selvaġġ li huwa pprovdut direttament lill-konsumatur aħħari jew lill-istabbilimenti tal-ħwienet lokali li jissupplixxu direttament lill-konsumatur aħħari. Għalhekk għandha tkun ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri biex jadottaw miżuri nazzjonali biex inaqqsu r-riskju ta’ l-impestazzjoni tat-Trichinella fil-laħam taċ-ċingjal li jasal għand il-konsumatur aħħari. |
|
(10) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONI ĠENERALI
Artikolu 1
Definizzjoni
Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament “Trichinella” tfisser kwalunkwe nematodu mill-ispeċi tal-ġenus Trichinella.
KAPITOLU II
L-OBBLIGI TA’ L-AWTORITAJIET KOMPETENTI U TA’ L-OPERATURI TAN-NEGOZJU TA’ L-IKEL
Artikolu 2
Kampjunar ta’ karkassi
1. Karkassi tal-majjal domestiku għandhom jiġu sistematikament ikkampjunati f’biċċeriji bħala parti mill-eżami ta’ wara l-mewt.
Jinġabar kampjun minn kull karkassa u l-kampjun jiġi eżaminat għat-Trichinella, f’laboratorju maħtur mill-awtorità kompetenti, fejn jintuża wieħed mill-metodi ta’ skoperta li ġejjin:
(a) il-metodu ta’ skoperta ta’ referenza msemmi fil-Kapitolu I ta’ l-Anness I; jew
(b) metodu ekwivalenti ta’ skoperta msemmi fil-Kapitolu II ta’ l-Anness I.
2. Waqt l-istennija għar-riżultati ta’ l-eżami tat-Trichinella u sakemm hija ggarantita t-traċċabilità sħiħa mill-operatur tan-negozju ta’ l-ikel.
(a) Karkassi bħal dawn jistgħu jinqatgħu sa massimu ta’ sitt partijiet f’biċċerija jew f’impjant tal-qtugħ fl-istess bini bħal tal-biċċerija (il-bini).
(b) B’deroga mis-subparagrafu (a) u wara l-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti, karkassi bħal dawn jistgħu jinqatgħu f’impjant tal-qtugħ mgħaqqad ma’ jew separat mill-biċċerija sakemm:
(i) il-proċedura tkun taħt is-superviżjoni ta’ l-awtorità kompetenti;
(ii) karkassa jew il-partijiet tagħha ma tkunx iddestinata għal aktar minn impjantwieħed tal-qtugħ;
(iii) l-impjant tal-qtugħ qiegħed fit-territorju ta’ l-Istat Membru; u
(iv) f’każ ta’ riżultat pożittiv il-partijiet kollha jkunu ddikjarati bħala mhux tajbin għall-konsum uman.
3. Karkassi taż-żwiemel, iċ-ċingjal u speċi oħrajn ta’ annimali tar-razzett jew selvaġġi sensittivi għall-impestazzjoni tat-Trichinella ikunu kkampjunati b’mod sistematiku f’biċċeriji jew stabbilimenti li jrawmu t-tjur bħala parti mill-eżami ta’ wara l-mewt.
Kampjunar bħal dan m’għandux isir fejn l-awtorità kompetenti ċċertifikat mill-valutazzjoni tar-riskju li r-riskju ta’ l-impestazzjoni tat-Trichinella ta’ speċi partikolari tar-razzett jew selvaġġ huwa negliġibbli.
Jinġabar kampjun minn kull karkassa u l-kampjun ikun eżaminat skond l-Anness I u III f’laboratorju maħtur mill-awtorità kompetenti.
Artikolu 3
Derogi
1. B’deroga mill-Artikolu 2(1), il-laħam mill-majjal domestiku li għadda minn trattament ta’ l-iffriżar skond l-Anness II taħt is-superviżjoni ta’ l-awtorità kompetenti jkun eżentat mill-eżami tat-Trichinella.
2. B’deroga mill-Artikolu 2(1), karkassi u laħam mill-majjal domestiku miżmum biss għat-tismin u l-qatla jkunu eżentati mill-eżami tat-Trichinella meta l-annimali jiġu minn:
(a) farm jew kategorija ta’ farms li kienet uffiċjalment magħrufa mill-awtorità kompetenti bħala ħielsa mit-Trichinella skond il-proċedura msemmija fil-Kapitolu II ta’ l-Anness IV;
(b) reġjun fejn ir-riskju tat-Trichinella f’majjal domestiku huwa uffiċjalment magħruf bħala negliġibbli wara:
(i) li tkun intbagħtet notifika għal dak il-fatt mill-Istat Membru kkonċernat, flimkien ma’ rapport inizjali li fih l-informazzjoni msemmija fil-Kapitolu II(D) ta’ l-Anness IV, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri oħrajn; u
(ii) approvazzjoni tar-reġjun bħala reġjun li jippreżenta riskju negliġibbli tat-Trichinella skond il-proċedura li ġejja:
l-Istati Membri l-oħrajn ikollhom tliet xhur minn meta jirċievu n-notifika msemmija fil-punt (i) biex jibagħtu kummenti bil-miktub lill-Kummissjoni. Jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru ma jkollux oġġezzjonijiet, ir-reġjun huwa magħruf bħala reġjun li jippreżenta riskju negliġibbli tat-Trichinella u majjal domestiku li jiġi minn dak ir-reġjun ikun eżentat mill-eżami għat-Trichinella fil-ħin tal-qatla;
il-Kummissjoni tippubblika l-lista tar-reġjuni magħrufa bħala tali fuq il-websajt tagħha.
3. Fejn awtorità kompetenti timplimenta d-deroga msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kkonċernat jissottometti rapport annwali lill-Kummissjoni li fih l-informazzjoni msemmija fil-Kapitolu II(D) ta’ l-Anness IV skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/99/KE.
Fejn Stat Membru jonqos milli jissottometti dak ir-rapport annwali jew ir-rapport annwali mhux sodisfaċenti għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, id-deroga għaldaqstant ma tibqax tapplika għal dak l-Istat Membru.
Artikolu 4
L-eżami għat-Trichinella u l-applikazzjoni tat-timbru tas-saħħa
1. Il-karkassi kif jissemmew fl-Artikolu 2 jew partijiet minnhom, ħlief għal dawk li jissemmew fl-Artikolu 2(2)(b), ma jistgħux jinħarġu mill-bini, qabel ma r-riżultat ta’ l-eżami għat-Trichinella jirriżulta negattiv.
Bl-istess mod, partijiet oħra ta’ annimal intiż għall-konsum uman jew ta’ l-annimali li għandhom tessut tal-muskolu mtarraz ma jistgħux jinħarġu mill-bini qabel ma r-riżultat ta’ l-eżami għat-Trichinella jirriżulta fin-negattiv.
2. Skart ta’ l-annimali u prodotti sekondarji mill-annimali li mhumiex iniżi għall-konsum uman u li ma fihomx muskolu mtarraz jistgħu jinħarġu mill-bini qabel ma r-riżultati ta’ l-eżami għat-Trichinella jkunu disponibbli.
Madankollu, l-awtorità kompetenti tista’ titlob eżami għat-Trichinella jew li jsir trattament minn qabel ta’ prodotti sekondarji mill-annimali qabel ma dawn jitħallew joħorġu mill-bini.
3. Fejn f’biċċerija jkun hemm proċedura taħdem biex tiżgura li l-ebda parti tal-karkassa eżaminata ma titlaq mill-post qabel mar-riżultat ta’ l-eżami tat-Trichinella joħroġ negattiv u l-proċedura tkun approvata b’mod formali mill-awtorità kompetenti jew fejn tapplika d-deroga prevista fl-Artikolu 2(2) (b), il-marka tas-saħħa prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tista' tiġi applikata qabel ma r-riżultati ta' l-eżami tat-Trichinella jkunu disponibbli.
Artikolu 5
Taħriġ
L-awtorità kompetenti tiżgura li l-istaff kollu involut fl-eżami tal-kampjuni biex tkun skoperta t-Trichinella jkun imħarreġ sew u jipparteċipa fi:
(a) programm tal-kontroll tal-kwalità tat-testijiet użati biex tkun skoperta t-Trichinella; u
(b) valutazzjoni regolari tal-proċeduri ta’ l-ittestjar, l-irrekordjar u l-analiżi użati fil-laboratorju.
Artikolu 6
Metodi ta’ skoperta
1. Jintużaw il-metodi ta’ skoperta msemmija fil-Kapitoli I u II ta’ l-Anness I għall-eżaminar tal-kampjuni kif imsemmija fl-Artikolu 2:
(a) fejn dawn jipprovdu bażi ta’ suspett ta’ impestazzjoni tat-Trichinella; jew
(b) meta l-kampjuni li ġejjin mill-istess farm qabel kienu nsabu pożittivi bl-użu tal-metodu trikinoskopiku msemmi fl-Artikolu 16(1).
2. Il-kampjuni pożittivi kollha jiġu mgħoddija lil-laboratorju ta’ referenza nazzjonali jew lil-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità għad-determinazzjoni ta’ l-ispeċi tat-Trichinella involuta.
Artikolu 7
Pjanijiet ta’ kontinġenza
L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jippreparaw pjan ta’ kontinġenza sal-31 ta’ Diċembru 2006 li jsemmi kull azzjoni li għandha tittieħed fejn il-kampjuni kif imsemmija fl-Artikoli 2 u 16 jirriżultaw pożittivi għat-Trichinella. Dak il-pjan għandu jinkludi dettalji li jkopru:
(a) it-traċċabilità ta’ karkassa(karkassi) impestata u partijiet minnha li tinkludi t-tessut tal-muskolu;
(b) il-miżuri biex tkun trattata karkassa(karkassi) impestata u partijiet minnha;
(c) l-investigazzjoni tas-sors ta’ l-impestazzjoni u kull tifrix fost l-annimali selvaġġi;
(d) kull miżura li għandha tittieħed fil-livell tal-bejjiegħ jew tal-konsumatur;
(e) il-miżuri li jridu jittieħdu fejn il-karkassa impestata ma tistax tkun identifikata fil-biċċerija;
(f) id-determinazzjoni ta’ l-ispeċi tat-Trichinella involuta.
Artikolu 8
Għarfien ta’ farms li huma uffiċjalment ħielsa mit-Trichinella
L-awtorità kompetenti tista’ uffiċjalment tagħraf farms jew kategoriji ta’ farms bħala ħielsa mit-Trichinella meta jiġu sodisfatti r-rekwiżiti li ġejjin:
(a) fil-każ ta’ farms, ir-rekwiżiti stipulati fil-Kapitolu I u l-Kapitolu II(A), (B) u (D) ta’ l-Anness IV;
(b) fil-każ ta’ kategoriji ta’ farms, ir-rekwiżiti stipulati fil-Kapitolu II(C) u (D) ta’ l-Anness IV.
Artikolu 9
L-obbligu ta’ l-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel biex jinformaw
Operaturi tan-negozju ta’ l-ikel ta’ farms magħrufa bħala ħielsa mit-Trichinella għandhom jinformaw lill-awtorità kompetenti b’kull rekwiżit kif imniżżel fil-Kapitolu I u II(B) ta’ l-Anness IV li m’għadux sodisfatt jew b’kull bidla oħra li tista’ taffettwa l-istatus tal-farm bħala ħieles mit-Trichinella.
Artikolu 10
Spezzjoni ta’ farms ħielsa mit-Trichinella
L-awtorità kompetenti tiżgura li jsiru spezzjonijiet perjodikament ta’ farms magħrufa bħala ħielsa mit-Trichinella.
Il-frekwenza ta’ l-ispezzjonijiet tkun ibbażata fuq ir-riskju, filwaqt li jkunu kkunsidrati l-istorja u l-prevalenza tal-marda, ir-riżultati preċedenti, l-erja ġeografika, l-annimali selvaġġi sensittivi lokali, il-prattiċi tat-trobbija ta’ l-annimali, is-superviżjoni veterinarja u l-konformità tal-bdiewa.
L-awtorità kompetenti tiżgura li l-majjali u ċ-ċingjal kollha tat-trobbija li ġejjin minn farms ħielsa mit-Trichinella huma eżaminati skond l-Artikolu 2(1).
Artikolu 11
Programmi ta’ monitoraġġ
L-awtorità kompetenti timplimenta programm ta’ monitoraġġ li jkopri l-majjali domestiċi, iż-żwiemel u l-ispeċi ta’ annimali oħrajn sensittivi għat-Trichinella li ġejjin minn farms jew kategoriji ta’ farms magħrufa bħala ħielsa mit-Trichinella jew minn reġjuni fejn ir-riskju tat-Trichinella fil-majjali domestiċi huwa magħruf bħala negliġibbli, sabiex ikun ivverifikat li l-annimali effettivament m’għandhomx it-Trichinella.
Il-frekwenza ta’ l-ittestjar, in-numru ta’ annimali li jridu jiġu ttestjati u l-pjan tal-kampjunar għandhom jitniżżlu fil-programm ta’ monitoraġġ. Għal dak il-għan, għandhom jinġabru kampjuni tal-laħam u jiġu eżaminati għall-preżenza ta’ parassiti tat-Trichinella skond il-Kapitolu I jew II ta’ l-Anness I.
Il-programm ta’ monitoraġġ jista’ jinkludi metodi seroloġiċi bħala għodda addizzjonali ladarba test xieraq huwa vvalidat mil-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità.
Artikolu 12
It-tneħħija ta’ għarfien uffiċjali ta’ farms ħielsa mit-Trichinella jew reġjuni b’riskju negliġibbli
1. Fejn majjali domestiċi, jew speċi oħrajn ta’ annimali sensittivi għall-impestazzjoni tat-Trichinella, minn farm uffiċjalment magħruf bħala ħieles mit-Trichinella jirriżultaw pożittivi għat-Trichinella, l-awtorità kompetenti għandha mingħajr dewmien:
(a) tneħħi l-għarfien uffiċjali tal-farm bħala ħieles mit-Trichinella;
(b) teżamina l-majjali domestiċi kollha fil-ħin tal-qatla skond l-Artikolu 2(1) u tagħmel test seroloġiku fuq l-annimali kollha sensittivi għall-impestazzjoni tat-Trichinella fuq il-farm ladarba test xieraq jiġi vvalidat mil-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità;
(c) tintraċċa u tittestja l-annimali tat-trobbija kollha li waslu fil-farm u, sakemm hu possibbli, dawk kollha li telqu mill-farm f’mill-anqas is-sitt xhur ta’ qabel ma nstab ir-riżultat pożittiv; għal dak il-għan, għandhom jinġabru kampjuni tal-laħam u jiġu eżaminati għall-preżenza ta’ parassiti tat-Trichinella bl-użu tal-metodi ta’ skoperta fil-Kapitoli I u II ta’ l-Anness I; jista’ jintuża test seroloġiku ladarba test xieraq huwa vvalidat mil-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità;
(d) sakemm huwa possibbli, tinvestiga l-firxa ta’ l-impestazzjoni tal-parassita minħabba d-distribuzzjoni ta’ laħam minn majjali domestiċi maqtula fil-perjodu ta’ qabel is-sejba pożittiva;
(e) tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn;
(f) tibda investigazzjoni epidemjoloġika biex tiċċara l-kawża ta’ l-impestazzjoni;
(g) iżżid il-frekwenza ta’ l-ittestjar taħt, u l-ambitu tal-programm ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 11;
(h) tieħu miżuri xierqa fejn karkassa impestata ma tistax tiġi identifikata fil-biċċerija, inkluż:
(i) iżżid id-daqs ta’ kull kampjun tal-laħam miġbur għall-ittestjar tal-karkassi suspettati; jew
(ii) tiddikjara li l-karkassi mhumiex tajbin għall-konsum uman; u
(iii) tieħu l-miżuri xierqa għar-rimi ta’ karkassi suspettati jew partijiet minnhom u dawk li jirriżultaw pożittivi.
2. L-awtorità kompetenti tneħħi l-għarfien uffiċjali tal-farms jew kategoriji tal-farms bħala ħielsa mit-Trichinella fejn:
(i) kwalunkwe mir-rekwiżiti mniżżla fil-Kapitolu I jew II ta’ l-Anness IV m’għadux jiġi sodisfatt;
(ii) riżultati seroloġiċi jew riżultati tal-laboratorju wara l-ikkampjunar ta’ majjali maqtula juru li l-farm jew il-kategorija tal-farms ma tistax tkun ikkunsidrata aktar bħala ħielsa mit-Trichinella.
3. Meta informazzjoni mill-programm ta’ monitoraġġ jew il-programm ta’ monitoraġġ ta’ l-annimali selvaġġi juri li reġjun ma jistax jibqa’ jkun ikkunsidrat bħala reġjun fejn ir-riskju tat-Trichinella f’majjali domestiċi huwa magħruf bħala negliġibbli, il-Kummissjoni għandha tirtira r-reġjun mil-lista u tinforma lill-Istati Membri l-oħrajn.
4. Wara tneħħija ta’ l-għarfien, il-farms jistgħu jkunu magħrufa mill-ġdid bħala uffiċjalment ħielsa mit-Trichinella ladarba l-problemi identifikati jiġu solvuti u r-rekwiżiti mniżżla fil-Kapitolu II(A) ta’ l-Anness IV jintlaħqu għas-sodisfazzjon ta’ l-awtorità kompetenti.
KAPITOLU III
IMPORTAZZJONIJIET
Artikolu 13
Rekwiżiti tas-saħħa għall-importazzjoni
Il-laħam ta’ speċi ta’ annimali li jistgħu jġorru t-Trichinella, li fih muskoli mtarrza u li ġejjin minn pajjiż terz jista’ jkun importat biss fil-Komunità jekk dan ġie eżaminat għat-Trichinella f’dak il-pajjiż terz qabel l-esportazzjoni.
It-tali eżami għandu jsir skond l-Artikolu 2 fuq il-karkassa sħiħa jew, f’nuqqas ta’ dan, fuq kull nofs karkassa, kwart, parti jew qatgħa minnha.
Artikolu 14
Derogi mill-Artikolu 13
1. Il-laħam ta’ majjali domestiċi jista’ jkun importat mingħajr ma jkun għadda mill-eżami msemmi fl-Artikolu 13, sakemm dan ikun ġej minn farm f’pajjiż terz li kien magħruf mill-Komunità bħala uffiċjalment ħieles mit-Trichinella skond l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 fuq il-bażi ta’ talba mill-awtorità kompetenti ta’ dak il-pajjiż, akkumpanjat minn rapport lill-Kummissjoni li jipprovdi prova li r-rekwiżiti msemmija fil-Kapitolu I ta’ l-Anness IV huma sodisfatti.
2. Il-laħam ta’ majjali domestiċi jista’ jkun importat mingħajr ma jgħaddi mill-eżami msemmi fl-Artikolu 13, sakemm dan ikun għadda minn trattament ta’ l-iffriżar skond l-Anness II li jkun sar taħt is-superviżjoni ta’ l-awtorità kompetenti fil-pajjiż terz.
Artikolu 15
Dokumentazzjoni
Iċ-ċertifikat tas-saħħa li jakkumpanja l-importazzjonijiet tal-laħam kif imsemmi fl-Artikolu 13 għandu jkun endorsjat bi stqarrija minn veterinarju uffiċjali għall-fatt li:
(a) il-laħam kien eżaminat fil-pajjiż terz ta’ l-oriġini skond l-Artikolu 13; jew
(b) il-laħam jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 14(1) jew (2).
Dak id-dokument jakkumpanja l-laħam fil-kopja oriġinali sakemm ma tingħatax eżenzjoni skond l-Artikolu 14(4) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI
Artikolu 16
Dispożizzjonijiet tranżitorji
1. L-Istat Membru jista’ jippermetti l-metodu trikinoskopiku msemmi fil-Kapitolu III ta’ l-Anness I għall-majjali domestiċi u ċ-ċingjal f’każijiet eċċezzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2009, fejn:
(a) huwa meħtieġ li karkassi waħedhom kif imsemmija fl-Artikolu 2 ikunu eżaminati individwalment fi stabbiliment li ma joqtolx aktar minn 15-il majjal domestiku kuljum jew 75 majjal domestiku fil-ġimgħa jew jipprepara li jqiegħed fis-suq aktar minn 10 ċingjali kuljum; u
(b) mhumiex disponibbli l-metodi ta’ skoperta msemmija fil-Kapitoli I u II ta’ l-Anness I.
2. Fejn jintuża l-metodu trikinoskopiku, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li:
(a) il-laħam huwa mmarkat b’timbru tas-saħħa li hu b’mod ċar differenti mit-timbru tas-saħħa msemmi fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, u l-laħam huwa fornit direttament lill-konsumatur aħħari jew lill-istabbilimenti tal-bejgħ li jissupplixxu direttament lill-konsumatur aħħari; u
(b) il-laħam mhux użat għall-produzzjoni ta’ prodotti fejn il-proċess ta’ produzzjoni ma joqtolx it-Trichinella.
Artikolu 17
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan japplika mill-1 ta’ Jannar 2006.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
Metodi ta’ skoperta
KAPITOLU I
IL-METODU TA’ SKOPERTA TA’ REFERENZA
Il-metodu bbażat fuq l-użu ta’ oġġett manjetiku li jħawwad għad-diġestjoni tal-kampjuni miġbura flimkien
1. Apparat u reaġenti
(a) Sikkina jew imqass u pinzetta għat-tqattigħ tal-kampjuni
(b) Trejs immarkati f’50 kaxxa, fejn kull waħda minnhom tista’ żżomm kampjuni ta’ madwar 2 g laħam, jew għodod oħrajn li jagħtu garanziji ekwivalenti fir-rigward tat-traċċabilità tal-kampjuni
(c) Blender b’xafra bix-xifer jaqta’ li tqatta’. Fejn il-kampjuni huma akbar minn 3 g, għandha tintuża magna ta’ l-ikkapuljat tal-laħam b’fetħiet minn 2 sa 4 mm jew imqass. Fil-każ ta’ laħam jew ilsien iffriżat (wara t-tneħħija tas-saff ta’ fuq, li ma jistax jiġi diġerit), hija neċessarja magna ta’ l-ikkapuljat tal-laħam u d-daqs tal-kampjun jeħtieġ li jiżdied b’mod konsiderevoli
(d) Oġġetti manjetiċi li jħawwdu bi platt tat-tisħin ikkontrollat termostatikament u vireg li jħawwdu miksija bit-teflon ta’ madwar 5 ċentimetri fit-tul
(e) Lembutijiet ta’ separazzjoni tal-ħġieġ f’għamla konikali, ta’ kapaċità ta’ mill-anqas 2 litri, preferibbilment li jkollhom tappieri tas-sigurtà tat-teflon
(f) Stands, ċrieki u klampijiet
(g) Passaturi, b’daqs tax-xibka 180 mikron, b’dijametru estern ta’ 11-il ċentimetru, b’xibka ta’ l-azzar li ma tissaddadx
(h) Lembutijiet, b’dijametru intern ta’ mhux anqas minn 12-il ċentimetru, biex jirfdu l-passaturi
(i) Tazzi tal-ħġieġ biż-żennuna, b’kapaċità ta’ 3 litri
(j) Ċilindri tal-ħġieġ immarkati bil-kejl, b’kapaċità ta’ 50 sa 100 ml, jew tubi ċentrifugi
(k) Trikinoskopju b’mejda orizzontali jew stereomikroskopju, ma’ sors ta’ dawl li jiġi minn taħt b’intensità li tista’ tiġi aġġustata
(l) Numru ta’ dixxijiet żgħar mgħottija b’dijametru ta’ 9 ċentimetri (għall-użu ma’ stereomikroskopju), immarkati min-naħa ta’ taħt f’żoni għall-eżami ta’ 10 × 10 mm kwadri bl-użu ta’ strument bil-ponta
(m) Friskatur għall-għadd tal-larva (jintuża mat-trikinoskopju), magħmul minn platti ta’ l-akriliku ta’ ħxuna ta’ 3 mm kif ġej:
(i) il-qiegħ tal-friskatur ikun 180 × 40 mm, immarkat f’kaxxi,
(ii) il-ġnub ikunu 230 × 20 mm,
(iii) it-tarf ikun 40 × 20 mm. Il-qiegħ u t-truf għandhom jiddaħħlu bejn il-ġnub, biex jifformaw żewġ manki żgħar fit-truf. Il-parti ta’ fuq tal-qiegħ għandha tittella’ bejn 7 sa 9 mm mill-bażi tal-qafas ifformat mill-ġnub u t-trufijiet. Il-komponenti għandhom jitwaħħlu flimkien b’kolla adatta għall-materjal
(n) Fojl ta’ l-aluminju
(o) 25 % ta’ aċidu idrokloriku
(p) Pepsin, saħħa: 1: 10 000 NF (US National Formulary) li jikkorrispondu għal 1: 12 500 BP (British Pharmacopoeia) u għal 2 000 FIP (Fédération internationale de pharmacie), jew likwidu pepsin stabilizzat b’minimu ta’ 660 unitajiet/ml tal-Farmakopea Ewropej
(q) Ilma tal-vit imsaħħan għal 46 sa 48 °C
(r) Miżien preċiż għal mill-anqas 0,1 g
(s) Trejs tal-metall, b’kapaċità ta’ 10 sa 15-il litru, biex jinġabar is-sugu diġestiv li jibqa’
(t) Pipetti ta’ daqsijiet differenti (1, 10 u 25 ml) u portapipetti
(u) Termometru preċiż sa 0,5 °C fl-iskala minn 1 sa 100 °C
(v) Sifun għall-ilma tal-vit.
2. Il-ġabra ta’ kampjuni u l-kwantità li trid tiġi ddiġerita
(a) Fil-każ ta’ karkassi sħaħ ta’ majjal domestiku, għandu jittieħed kampjun li jiżen mill-anqas 1 gramm mill-kolonna tad-dijaframma fit-tranżizzjoni għall-parti immuskulata. Jistgħu jintużaw forċipi speċjali tat-trichinae sakemm preċiżjoni ta’ bejn 1,00 u 1,15 g tista’ tkun iggarantita.
Fil-każ ta’ majjali u ċingjal tat-trobbija, għandu jittieħed kampjun akbar li jiżen mill-anqas 2 g mill-kolonna tad-dijaframma fit-tranżizzjoni għall-parti mmuskulata.
Fin-nuqqas ta’ kolonni tad-dijaframma, għandhom jittieħdu kampjuni ta’ daqs doppju ta’ 2 g (jew 4 g fil-każ ta’ majjali u ċingjal tat-trobbija) mill-parti tal-kustilji jew mill-parti ta’ l-għadma tas-sider tad-dijaframma, jew mill-muskolu tax-xedaq, l-ilsien jew il-muskoli taż-żaqq.
(b) Għall-biċċiet tal-laħam, għandu jittieħed kampjun li jiżen mill-anqas 5 g ta’ muskolu mtarraz, li fih ftit xaħam, meta possibli minn qrib l-għadam jew l-għeruq. Għandu jinġabar kampjun ta’ l-istess daqs mil-laħam li mhux intiż biex jissajjar kompletament jew għal tipi oħrajn ta’ pproċessar wara l-qatla.
(c) Għal kampjuni ffriżati, għandu jittieħed għall-analiżi kampjun li jiżen mill-anqas 5 g ta’ tessut tal-muskolu mtarraz.
Il-piż tal-kampjuni tal-laħam huwa relatat ma’ kampjun tal-laħam li ma fihx xaħam u faxxa. Għandha tingħata attenzjoni speċjali meta jinġabru kampjuni tal-muskoli mill-ilsien sabiex tiġi evitata kontaminazzjoni mas-saff ta’ fuq ta’ l-ilsien, li ma jistax ikun iddiġerit u jista’ jimpedixxi l-qari tas-sediment.
3. Il-proċedura
I. Gruppi sħaħ (100 g ta’ kampjuni kull darba)
(a) jinżied 16 ± 0,5 ml ta’ aċidu idrokloriku ma’ tazza biż-żennuna ta’ 3 litri li fiha 2,0 litri ta’ ilma tal-vit, imsaħħan minn qabel għal 46 sa 48 °C; titpoġġa virga li tħawwad fit-tazza biż-żennuna, it-tazza biż-żennuna titpoġġa fuq il-platt imsaħħan minn qabel u jibda t-tħawwid.
(b) 10 ± 0,2 g ta’ pepsin jew 30 ± 0,5 ml ta’ likwidu pepsin huwa miżjud.
(c) jitqattgħu fil-blender 100 g ta’ kampjuni miġbura skond il-punt 2.
(d) Il-laħam imqatta’ huwa ttrasferit f’tazza biż-żennuna ta’ 3 litri li fiha l-ilma, il-pepsina u l-aċidu idrokloriku.
(e) Il-parti li tqatta’ tal-blender hija mgħarrqa b’mod ripetut fil-likwidu tad-diġestjoni fit-tazza biż-żennuna u l-bieqja tal-blender titlaħlaħ bi kwantità żgħira ta’ likwidu tad-diġestjoni biex jitneħħa xi laħam li jkun għadu mwaħħal.
(f) It-tazza biż-żennuna hija mgħottija b’fojl ta’ l-aluminju.
(g) L-oġġett manjetiku li jħawwad għandu jkun aġġustat sabiex dan iżomm temperatura kostanti ta’ 44 sa 46 °C matul l-operazzjoni. Waqt it-tħawwid, il-likwidu tad-diġestjoni għandu jdur b’veloċità qawwija biżżejjed biex joħloq tidwira fonda mingħajr titjir.
(h) Il-likwidu tad-diġestjoni jitħawwad sakemm il-partiċelli tal-laħam jisparixxu (bejn wieħed u ieħor 30 minuta). L-oġġett li jħawwad imbagħad jintefa u l-likwidu tad-diġestjoni jitferra’ minn ġol-passatur fil-lembut tas-sedimentazzjoni. Jista’ jkun hemm bżonn ta’ ħinijiet itwal ta’ diġestjoni (li ma jaqbżux 60 minuta) fl-ipproċessar ta’ ċerti tipi ta’ laħam (ilsien, laħam tat-tjur, eċċ.).
(i) Il-proċess tad-diġestjoni huwa kkunsidrat sodisfaċenti jekk mhux aktar minn 5 % tal-piż tal-kampjun tal-bidu jibqa’ fil-passatur.
(j) Il-likwidu tad-diġestjoni jitħalla joqgħod fil-lembut għal 30 minuta.
(k) Wara 30 minuta, jitferra’ malajr kampjun ta’ 40 ml tal-likwidu tad-diġestjoni għal ġoċ-ċilindru bil-marka tal-kejl jew it-tubu taċ-ċentrifuga.
(l) Il-likwidi tad-diġestjoni jew likwidi oħrajn żejda jinżammu fi trej sakemm il-qari tar-riżultati huwa komplut.
(m) Il-kampjun ta’ 40 ml għandu jitħalla joqgħod għal 10 minuti. Imbagħad b’attenzjoni jitneħħew bl-irdigħ 30 ml ta’ sustanza li tgħum fil-wiċċ ta’ likwidu biex jitneħħew is-saffi tal-wiċċ u jitħalla volum ta’ mhux iżjed minn 10 ml.
(n) L-10 ml tal-kampjun tas-sediment li jibqgħu jitferrgħu fi friskatur għall-għadd tal-larva jew dixx żgħir mgħotti.
(o) Iċ-ċilindru jew it-tubu taċ-ċentrifuga jitlaħlaħ b’mhux iżjed minn 10 ml ta’ ilma tal-vit, li għandu jiżdied mal-kampjun fil-friskatur għall-għadd tal-larva jew id-dixx żgħir mgħotti. Sussegwentement, il-kampjun huwa eżaminat bi trikinoskopju jew stereomikroskopju b’ingrandiment ta’ 15 sa 20 darba. Hija permessa l-viżwalizzazzjoni b’tekniki oħrajn, sakemm jintwera eżami ta’ kampjuni ta’ kontroll pożittiv li jagħtu riżultat ugwali jew aħjar minn metodi tradizzjonali ta’ viżwalizzazzjoni. Fil-każijiet kollha ta’ żoni suspettużi jew forom bħal parassita, għandhom jintużaw ingrandimenti ogħla ta’ 60 sa 100 darba.
(p) Id-diġerir għandhom jiġu eżaminati malli jitlestew. L-eżami m’għandux ikun pospost għall-għada taħt ebda ċirkostanza.
Fejn id-diġerir mhumiex eżaminati fi żmien 30 minuta mill-preparazzjoni, dawn għandhom jiġu ċċarati kif ġej. Il-kampjun finali ta’ madwar 40 ml jitferra’ f’ċilindru bil-kejl u jitħalla joqgħod għal 10 minuti. Imbagħad jitneħħew 30 ml tal-likwidu tas-sustanza li tgħum fil-wiċċ tal-likwidu, filwaqt li jitħalla volum ta’ 10 ml. Dan il-volum huwa magħmul minn 40 ml ta’ ilma tal-vit. Wara 10 minuti oħra biex joqgħod, jitneħħew 30 ml tal-likwidu tas-sustanza li tgħum fil-wiċċ bl-irdigħ, filwaqt li jitħalla volum ta’ mhux aktar minn 10 ml għall-eżami f’dixx żgħir mgħotti jew friskatur għall-għadd tal-larva. Iċ-ċilindru bil-kejl jinħasel b’mhux aktar minn 10 ml ta’ ilma tal-vit u dawn il-ħasliet huma miżjuda mal-kampjun fid-dixx żgħir mgħotti jew fil-friskatur għall-għadd tal-larva għall-eżami.
Jekk fl-eżami jinsab li s-sediment mhux ċar, il-kampjun jitferra’ f’ċilindru bil-kejl u jiżdied għal 40 ml bl-ilma tal-vit u mbagħad tiġi segwita l-proċedura ta’ hawn fuq. Il-proċedura tista’ tiġi ripetuta minn darbtejn sa 4 darbiet sakemm il-likwidu huwa ċar biżżejjed għal qari affidabbli.
II. Gruppi ta’ anqas minn 100 g
Fejn hemm bżonn, jistgħu jiżdiedu sa 15-il g ma’ grupp totali ta’ 100 g u jiġu eżaminati flimkien ma’ dawn il-kampjuni skond il-punt 3(I). Aktar minn 15-il g għandhom jiġu eżaminati bħala grupp sħiħ. Għall-gruppi sa 50 g, il-likwidu tad-diġestjoni u l-ingredjenti jistgħu jitnaqqsu għal litru wieħed ta’ ilma, 8 ml ta’ aċidu idrokloriku u 5 g ta’ pepsina.
III. Riżultati pożittivi jew dubjużi
Fejn eżami ta’ kampjun kollettiv jipproduċi riżultat pożittiv jew dubjuż, jittieħed kampjun ulterjuri ta’ 20 g minn kull majjal skond il-punt 2(a). Il-kampjuni ta’ 20 g minn ħames majjali jitqiegħdu fi grupp u jiġu eżaminati bl-użu tal-metodu spjegat hawn fuq. B’dan il-mod kampjuni minn 20 grupp ta’ ħames majjali jkunu eżaminati.
Meta t-Trichinella hija skoperta f’kampjun ta’ grupp minn ħames majjali, jinġabru kampjuni ulterjuri ta’ 20 g mill-majjali individwali fil-grupp u kull wieħed huwa eżaminat separatament bl-użu tal-metodu spjegat hawn fuq.
Kampjuni parassiti għandhom jinżammu f’90 % ta’ alkoħol etiliku għall-konservazzjoni u l-identifikazzjoni fil-livell ta’ l-ispeċi fil-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità jew nazzjonali.
Wara kollezzjoni parassita, il-likwidi pożittivi (sugi tad-diġestjoni, likwidu tas-sustanza li tgħum fil-wiċċ, ħasil, eċċ.) għandhom ikunu ddekontaminati bit-tisħin sa mill-anqas 60 °C.
KAPITOLU II
METODI EKWIVALENTI
A. Il-metodu tad-diġestjoni ta’ gruppi ta’ kampjuni b’għajnuna mekkanika/teknika tas-sedimentazzjoni
1. Apparat u reaġenti
(a) Sikkina jew imqass għat-tqattigħ tal-kampjuni
(b) Trejs immarkati b’50 kaxxa, kull waħda minnhom tesa’ kampjuni ta’ madwar 2 g ta’ laħam, jew għodod oħra li jagħtu garanziji ekwivalenti fir-rigward tat-traċċabilità tal-kampjuni
(c) Magna tal-kapuljat tal-laħam jew blender ta’ l-elettriku
(d) Stomacher lab-blender 3 500 thermo model
(e) Boroż tal-plastik adatti għall-istomacher lab-blender
(f) Lembutijiet ta’ separazzjoni b’forma konika, b’kapaċità ta’ 2 litri, li huma preferibbilment imwaħħla b’tappieri tas-sigurtà tat-teflon
(g) Stands, ċrieki u klampijiet
(h) Passaturi, bid-daqs tax-xibka 180 mikron, b’dijametru estern ta’ 11-il ċm, b’xibka ta’ l-azzar li ma jissaddadx jew tar-ram isfar
(i) Lembutijiet, bid-dijametru intern ta’ mhux anqas minn 12-il ċm, biex jirfed il-passaturi
(j) Ċilindri tal-ħġieġ immarkati bil-kejl ta’ 100 ml
(k) Termometru preċiż sa 0,5 °C fl-iskala minn 1 sa 100 °C
(l) Vibratur, pereżempju makkinetta tal-leħja elettrika bir-ras imneħħija
(m) Apparat ta’ trażmissjoni li jixgħel u jitfi f’intervalli ta’ minuta
(n) Trikonoskopju b’mejda orizzontali jew stereomikroskopju, b’sors ta’ dawl minn taħt b’intensità li tista’ tiġi aġġustata
(o) Friskatur għall-għadd tal-larva u numru ta’ dixxijiet żgħar mgħottija b’dijametru ta’ 9 ċm bħal fil-Kapitolu I(1)(l) u (m)
(p) 17,5 % ta’ aċidu idrokloriku
(q) Pepsin, saħħa: 1: 10 000 NF (US National Formulary) li jikkorrispondu għal 1: 12 500 BP (British Pharmacopoeia) u għal 2 000 FIP (Fédération internationale de pharmacie), jew likwidu pepsin stabbilizzat b’minimu ta’ 660 unitajiet/ml tal-Farmakopea Ewropej
(r) Numru ta’ kontenituri ta’ 10 litri li għandhom jintużaw għad-dekontaminazzjoni ta’ l-apparat, pereżempju bil-formol, u għas-sugu tad-diġestjoni li jibqa’ meta l-kampjuni jirriżultaw pożittivi
(s) Miżien preċiż sa 0,1 g.
2. Il-ġbir ta’ kampjuni u l-kwantità li trid tiġi ddiġerita
Kif stipulat fil-Kapitolu I(2).
3. Il-proċedura
I. Tħin
Jekk il-kampjuni tal-laħam jintaħnu minn qabel f’magna ta’ l-ikkapuljat, dan itejjeb il-kwalità tad-diġestjoni. Jekk jintuża blender ta’ l-elettriku, il-blender għandu jitħaddem tlieta jew erba’ darbiet għal madwar sekonda kull darba.
II. Il-proċedura tad-diġestjoni
Din il-proċedura tista’ tinvolvi gruppi sħaħ (100 g ta’ kampjuni kull darba) jew gruppi ta’ anqas minn 100 g.
(a) Gruppi sħaħ (100 kampjun kull darba)
(i) L-istomacher lab-blender 3 500 huwa ffittjat b’borża tal-plastik doppja u l-kontroll tat-temperatura ssettjata għal 40 sa 41 °C.
(ii) Jitferra’ litru u nofs ta’ ilma msaħħan minn qabel għal 40 sa 41 °C fil-borża tal-plastik interna.
(iii) Jiżdied 25 ml ta’ 17,5 % ta’ aċidu idrokloriku ma’ l-ilma fl-istomacher.
(iv) Jiżdiedu 100 kampjun li jiżnu madwar 1 g kull wieħed (bejn 25 sa 30 °C) meħuda minn kull kampjun individwali skond il-punt 2.
(v) Fl-aħħarnett, 6 g ta’ pepsin jew 18 ml ta’ likwidu pepsin huwa miżjud. Din l-ordni trid tinżamm sabiex tkun evitata d-dekompożizzjoni tal-pepsin.
(vi) L-istomacher jitħalla jolqot bil-qawwi l-kontenut tal-borża għal 25 minuta.
(vii) Il-borża tal-plastik titneħħa mill-istomacher u l-likwidu tad-diġestjoni huwa ffiltrat mill-passatur għal ġo tazza biż-żennuna ta’ 3 litri.
(viii) Il-borża tal-plastik tinħasel b’madwar 100 ml ta’ ilma, li mbagħad jintuża biex jitlaħlaħ il-passatur u fl-aħħar jiżdied mal-filtrat fit-tazza biż-żennuna.
(ix) Jistgħu jiżdiedu sa 15-il kampjun individwali għal grupp totali ta’ 100 kampjun u jiġu eżaminati flimkien ma’ dawn il-kampjuni.
(b) Gruppi iżgħar (anqas minn 100 kampjun)
(i) L-istomacher lab-blender 3 500 fih borża tal-plastik doppja u l-kontroll tat-temperatura ssettjat minn 40 sa 41 °C.
(ii) Jitħejja likwidu tad-diġestjoni billi jitħallat madwar litru u nofs ta’ ilma u 25 ml ta’ 17,5 % ta’ aċidu idrokloriku. Jiżdiedu 6 g ta’ pepsina u kollox jitħallat f’temperatura minn 40 sa 41 °C. Din l-ordni għandha tkun segwita b’mod strett biex tkun evitata d-dekompożizzjoni tal-pepsina.
(iii) Mil-likwidu tad-diġestjoni, jitkejjel volum li jikkorrispondi għal 15 ml kull g tal-kampjun (pereżempju għal 30 kampjun il-volum meħtieġ huwa 30 × 15 ml = 450 ml) u jiġi ttrasferit fil-parti interna taż-żewġ boroż tal-plastik, flimkien ma’ kampjuni tal-laħam li jiżnu madwar 1 g (minn 25 sa 30 °C) meħuda minn kull kampjun individwali skond il-punt 2.
(iv) Jitferra’ ilma b’temperatura ta’ madwar 41 °C fil-borża ta’ barra biex jagħmel volum totali fiż-żewġ boroż ta’ litru u nofs. L-istomacher imbagħad jitħalla jolqot bil-qawwa l-kontenut tal-borża għal 25 minuta.
(v) Il-borża tal-plastik titneħħa mill-istomacher u l-likwidu tad-diġestjoni huwa ffiltrat mill-passatur għal ġo tazza biż-żennuna ta’ 3 litri.
(vi) Il-borża tal-plastik tinħasel b’madwar 100 ml ta’ ilma (minn 25 sa 30 °C), li mbagħad jintuża biex jitlaħlaħ il-passatur u fl-aħħar jiżdied mal-filtrat fit-tazza biż-żennuna.
III. L-irkuprar ta’ larva bis-sedimentazzjoni
— Jiżdied silġ (300 sa 400 g ta’ trofof tas-silġ, silġ bil-qoxra jew silġ imfarrak) mal-likwidu tad-diġestjoni biex il-volum tiegħu jitla’ għal madwar 2 litri. Il-likwidu tad-diġestjoni mbagħad jitħawwad sakemm jinħall is-silġ. Fil-każ ta’ gruppi iżgħar (ara II(b)), l-ammont tas-silġ għandu jitnaqqas b’mod korrispondenti.
— Il-likwidu ta’ diġestjoni mkessaħ huwa ttrasferit f’lembut ta’ separazzjoni ta’ 2 litri, mgħammar b’vibratur bi klamp żejjed.
— Is-sedimentazzjoni titħalla tkompli għal 30 minuta, matul liema ħin il-lembut tas-sedimentazzjoni huwa vvibrat b’mod intermittenti, jiġifieri vibrazzjoni ta’ minuta segwita minn pawża ta’ minuta.
— Wara 30 minuta, jitferra’ malajr kampjun ta’ 60 ml tas-sediment f’ċilindru bil-kejl ta’ 100 ml (il-lembut jitlaħlaħ b’diterġent wara li jintuża).
— Il-kampjun ta’ 60 ml jitħalla joqgħod għal mill-anqas 10 minuti, wara liema ħin is-sustanza li tgħum fil-wiċċ tal-likwidu titneħħa bl-irdigħ biex tħalli volum ta’ 15-il ml, biex ikun eżaminat għall-preżenza ta’ larva.
— Għall-irdigħ, tista’ tintuża siringa li tista’ tintrema, mgħammra b’tubu tal-plastik. It-tul tat-tubu għandu jkun tali li jibqgħu 15-il ml fiċ-ċilindru bil-kejl meta l-flanġi tas-siringa jistrieħu fuq ix-xifer taċ-ċilindru.
— Il-15 ml li jibqgħu jitferrgħu fi friskatur għall-għadd tal-larva jew żewġ dixxijiet żgħar mgħottija u jiġu eżaminati bl-użu ta’ trikinoskopju jew stereomikroskopju.
— Iċ-ċilindru bil-kejl jinħasel b’5 sa 10 ml ta’ ilma tal-vit u l-ħasliet jiżdiedu mal-kampjun.
— Id-diġerar għandu jkun eżaminat malli jkun lest. L-eżami m’għandux ikun pospost għall-għada taħt ebda ċirkostanza.
Fejn id-diġerar mhuwiex ċar jew mhuwiex eżaminat fi żmien 30 minuta mill-preparazzjoni tiegħu, dan għandu jkun iċċarat hekk kif ġej:
— il-kampjun finali ta’ 60 ml jitferra’ f’ċilindru bil-kejl u jitħalla joqgħod għal 10 minuti; imbagħad jitneħħew bl-irdigħ 45 ml ta’ sustanza li tgħum fil-wiċċ tal-likwidu u l-15-il ml li jiżdiedu għal 45 ml bl-ilma tal-vit,
— wara 10 minuti oħra biex joqgħod, jitneħħew bl-irdigħ 30 ml tas-sustanza li tgħum fil-wiċċ tal-likwidu u l-15-il ml li jibqgħu jitferrgħu f’dixx żgħir mgħotti jew friskatur għall-għadd tal-larva għall-eżami,
— iċ-ċilindru bil-kejl jinħasel b’10 ml ta’ ilma tal-vit u dawn il-ħasliet jiżdiedu mal-kampjun fid-dixx żgħir mgħotti jew il-friskatur għall-għadd tal-larva għall-eżami.
IV. Riżultati pożittivi jew dubjużi
Fejn ir-riżultat huwa pożittiv jew inċert, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu I(3)(III).
B. Il-metodu tad-diġestjoni ta’ gruppi ta’ kampjuni b’għajnuna mekkanika/it-teknika ta’ “iżolazzjoni bil-filter”
1. Apparat u reaġenti
Kif stipulat fil-Kapitolu II(A)(1).
Tagħmir addizzjonali:
(a) lembut tal-Gelman tal-litru, komplut bil-portafiltru (dijametru ta’ 45 mm);
(b) diski tal-filter, li jikkonsistu f’xibka ċirkolari ta’ l-azzar li ma jissaddadx b’fetħa ta’ 35 mikron (dijametru tad-diska: 45 mm), żewġ ċrieki tal-lasktu ta’ 1 mm ħxuna (dijametru estern: 45 mm; dijametru intern: 38 mm), fejn ix-xibka ċirkolari titpoġġa bejn iż-żewġ ċrieki tal-lasktu u titwaħħal magħhom bl-użu ta’ kolla ta’ żewġ komponenti adatta għaż-żewġ materjali;
(c) flixkun ta’ l-Erlenmeyer, li jesa’ 3 litri, li għandu miegħu tubu fil-ġenb għall-irdigħ;
(d) pompa tal-filtru;
(e) boroż tal-plastik, li jesgħu mill-anqas 80 ml;
(f) tagħmir biex jissiġillaw dawn il-boroż tal-plastik;
(g) rennilase, qawwa 1: 150 000 soxhlet units kull g.
2. Il-ġbir ta’ kampjuni
Kif stipulat fil-Kapitolu I(2).
3. Il-proċedura
I. Tħin
Jekk il-kampjuni tal-laħam jintaħnu minn qabel f’magna ta’ l-ikkapuljat, dan itejjeb il-kwalità tad-diġestjoni. Jekk jintuża blender ta’ l-elettriku, il-blender għandu jitħaddem tlieta sa erba’ darbiet għal madwar sekonda kull darba.
II. Il-proċedura tad-diġestjoni
Din il-proċedura tista’ tinvolvi gruppi sħaħ (100 g ta’ kampjuni kull darba) jew gruppi ta’ anqas minn 100 g.
(a) Gruppi sħaħ (100 kampjun kull darba)
Ara l-Kapitolu II(A)(3)(II)(a).
(b) Gruppi iżgħar (anqas minn 100 kampjun)
Ara l-Kapitolu II(A)(3)(II)(b).
III. L-irkuprar ta’ larva permezz tal-filtrazzjoni
(a) Jiżdied silġ (300 sa 400 g ta’ troffi ta’ silġ, silġ bil-qoxra jew silġ imfarrak) mal-likwidu tad-diġestjoni biex il-volum jitla’ għal madwar 2 litri. F’każ ta’ gruppi iżgħar, l-ammont tas-silġ għandu jitnaqqas b’mod korrispondenti.
(b) Il-likwidu tad-diġestjoni jitħawwad sakemm is-silġ jinħall. Il-likwidu tad-diġestjoni mkessaħ jitħalla għal mill-anqas tliet minuti biex iħalli l-larva titkebbeb.
(c) Il-lembut tal-Gelman, imwaħħal b’portafiltru u diska tal-filtru, jiġi mmontat fuq flixkun ta’ l-Erlenmeyer imqabbad ma’ pompa tal-filtru.
(d) Il-likwidu tad-diġestjoni jitferra’ fil-lembut tal-Gelman u jiġi ffiltrat. Lejn it-tmiem tal-filtrazzjoni, il-likwidu tad-diġestjoni jiġi megħjun biex jgħaddi mill-filtru bl-irdigħ mal-pompa tal-filtru. L-irdigħ għandu jieqaf qabel ma’ l-filtru jinxef, jiġifieri meta jkun baqa’ bejn 2 sa 5 ml ta’ likwidu fil-lembut.
(e) Ladarba l-likwidu tad-diġestjoni ġie ffiltrat, id-diska tal-filtru titneħħa u titpoġġa f’borża tal-plastik li tesa’ 80 ml, flimkien ma’ 15 sa 20 ml ta’ soluzzjoni tar-rennilase. Is-soluzzjoni tar-rennilase issir billi jiżdiedu 2 g ta’ rennilase ma’ 100 ml ta’ ilma tal-vit.
(f) Il-borża tal-plastik hija ssiġillata darbtejn u titpoġġa bejn il-borża interna u esterna fl-istomacher.
(g) L-istomacher jitħalla jolqot bil-qawwa għal tliet minuti, pereżempju, waqt li qiegħed jaħdem fuq grupp komplut jew mhux komplut.
(h) Wara tliet minuti, il-borża tal-plastik, kompluta bid-diska tal-filtru u s-soluzzjoni tar-rennilase, titneħħa mill-istomacher u tinfetaħ bi mqass. Il-kontenut likwidu jitferra’ fi friskatur għall-għadd tal-larva jew dixx żgħir mgħotti. Il-borża tinħasel b’5 sa 10 ml ta’ ilma, li mbagħad jiżdied fil-friskatur għall-għadd tal-larva għall-eżami bi trikinoskopju jew fid-dixx żgħir mgħotti għall-eżami bi stereomikroskopju.
(i) Id-diġerar għandu jkun eżaminat malli jkun lest. L-eżami m’għandux ikun pospost għall-għada taħt ebda ċirkostanza.
|
Nota: |
Diski tal-filtru m’għandhom qatt jintużaw meta mhux nodfa kompletament. Diski maħmuġin m’għandhom qatt jitħallew jinxfu. Diski tal-filtru jistgħu jitnaddfu billi jitħallew f’soluzzjoni tar-rennilase matul il-lejl. Qabel ma jintużaw, dawn għandhom jinħaslu f’soluzzjoni friska tar-rennilase bl-użu ta’ l-istomacher. |
IV. Riżultati pożittivi jew dubjużi
Fejn ir-riżultat huwa pożittiv jew inċert, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu I(3)(III).
C. Il-metodu ta’ diġestjoni awtomatika għall-gruppi ta’ kampjuni sa 35 g
1. Apparat u reaġenti
(a) Sikkina jew imqass għat-tqattigħ tal-kampjuni
(b) Trejs immarkati b’50 kaxxa, fejn kull waħda minnhom tista’ żżomm kampjuni ta’ madwar 2 g ta’ laħam, jew għodod oħrajn li jagħtu garanziji ekwivalenti fir-rigward tat-traċċabbilità tal-kampjuni
(c) Blender Trichomatic 35® bil-filtrazzjoni mdaħħla
(d) Aċidu idrokloriku li jiżen 8,5 ± 0,5 %
(e) Filtri trasparenti tal-membrana tal-polikarbonat b’dijametru ta’ 50 mm u daqs tal-por ta’ 14-il mikron
(f) Pepsina, qawwa ta’ 1: 10 000 NF (US National Formulary) li tikkorrispondi għal 1: 12 500 BP (British Pharmacopoeia) u 2 000 FIP (Fédération internationale de pharmacie)
(g) Miżien preċiż sa 0,1 g
(h) Pinzetta bil-ponta ċatta
(i) Numru ta’ slajds tal-mikroskopju bit-tul ta’ ġenb ta’ mill-anqas 5 ċm jew numru ta’ dixxijiet żgħar mgħottija b’dijametru ta’ mill-anqas 6 ċm, immarkati minn naħat ta’ taħt f’żoni ta’ 10 × 10 mm kwadri bi strument ippuntat
(j) (Stereo)mikroskopju li jittrażmetti dawl (ingrandiment minn 15 sa 60 darba) jew trikinoskopju b’mejda orizzontali
(k) Landa għall-ġbir ta’ likwidi ħżiena
(l) Numru ta’ laned ta’ 10 litri biex jintużaw għad-dekontaminazzjoni ta’ l-apparat, pereżempju bil-formol, u għas-sugu tad-diġestjoni li jibqa’ fejn il-kampjuni jirriżultaw pożittivi
(m) termometru preċiż sa 0,5 °C fl-iskala 1 sa 100 °C.
2. Il-ġbir tal-kampjuni
Kif stipulat fil-Kapitolu I(2).
3. Il-proċedura
I. Il-proċedura tad-diġestjoni
(a) Poġġi l-blender bil-filtrazzjoni mdaħħla, qabbad it-tubu ta’ l-iskart u poġġi t-tubu sabiex dan jitbattal fil-landa ta’ l-iskart.
(b) Meta jinxtegħel il-blender, jibda t-tisħin.
(c) Qabel ma’ jsir dan, il-valv ta’ taħt li qiegħed taħt il-kompartiment tar-reazzjoni għandu jinfetaħ u jingħalaq.
(d) Imbagħad jiżdiedu sa 35 kampjun li jiżnu madwar 1 gramm kull wieħed (bejn 25 sa 30 °C) meħuda minn kull kampjun individwali skond il-punt 2. Irid jiġi żgurat li biċċiet akbar ta’ l-għeruq jitneħħew minħabba li dawn jistgħu jsoddu l-filtru tal-membrana.
(e) Ferra’ ilma sax-xifer ta’ kompartiment tal-likwidu mqabbad mal-blender (madwar 400 ml).
(f) Ferra’ madwar 30 ml ta’ aċidu idrokloriku ((8,5 %) sax-xifer tal-kompartiment iżgħar tal-likwidu li huwa mqabbad.
(g) Poġġi filtru tal-membrana taħt il-filtru rozz fil-portafiltru fil-post għall-filtru.
(h) Fl-aħħarnett, żid 7 g ta’ pepsin jew 21 ml ta’ likwidu pepsin. Din l-ordni trid tinżamm sabiex tkun evitata d-dekompożizzjoni tal-pepsin.
(i) Agħlaq l-għotjien tal-kompartimenti tar-reazzjoni u tal-likwidu.
(j) Agħżel il-perjodu tad-diġestjoni. Għandu jiġi ssettjat perjodu qasir ta’ diġestjoni (5 minuti) għall-majjali li nqatlu f’età normali u ħin itwal (8 minuti) għal kampjuni oħrajn.
(k) Meta tinxtegħel il-buttuna li tħaddem il-blender, il-proċess tat-tqassim u d-diġestjoni jibda awtomatikament, segwit mill-filtrazzjoni Wara 10 sa 13-il minuta l-proċess jitlesta u jieqaf awtomatikament.
(l) Iftaħ l-għatu tal-kompartiment tar-reazzjoni wara l-iċċekkjar li l-kompartiment huwa vojt. Jekk hemm ragħwa jew baqa’ xi likwidu tad-diġestjoni fil-kompartiment, irrepeti l-proċedura skond il-punt V.
II. L-irkuprar tal-larva
(a) Neħħi l-portafiltru u ttrasferixxi l-filtru tal-membrana għal slajd jew dixx żgħir mgħotti.
(b) Eżamina l-filtru tal-membrana bl-użu ta’ (stereo)mikroskopju jew trikinoskopju.
III. It-tindif ta’ l-apparat
(a) Fejn ir-riżultat huwa pożittiv, imla l-kompartiment tar-reazzjoni tal-blender b’ilma jagħli sakemm ikun żewġ terzi mimli. Ilma tal-vit ordinarju jitferra’ fil-kompartiment imqabbad tal-likwidu sakemm dan ikopri l-apparat sensorju inferjuri. Imbagħad isir it-tindif awtomatiku. Iddekontamina l-portafiltru jew kwalunkwe tagħmir ieħor, pereżempju, bl-użu tal-formol.
(b) Wara li jitlesta x-xogħol għal dik il-ġurnata, imla l-kompartiment tal-likwidu tal-blender bl-ilma u għaddieh minn ċiklu standard.
IV. L-użu ta’ filtri tal-membrana
Kull filtru tal-membrana tal-polikarbonat ma jistax jintuża aktar minn ħames darbiet. Il-filtru għandu jiddawwar kull darba li jintuża. Barra dan, il-filtru għandu jkun iċċekkjat wara kull darba li jintuża għal xi ħsara li tirrendih mhux adattat għal użu ulterjuri.
V. Il-metodu li għandu jkun applikat meta d-diġestjoni mhix kompluta u l-filtrazzjoni ma tistax issir
Ladarba l-blender għadda minn ċiklu awtomatiku skond il-punt C(3)(I), iftaħ l-għatu tal-kompartiment tar-reazzjoni u ċċekkja jekk hemmx ragħwa jew baqax xi likwidu fil-kompartiment. Jekk dan hu l-każ, kompli hekk kif ġej:
(a) agħlaq il-valv t’isfel ta’ taħt il-kompartiment tar-reazzjoni;
(b) neħħi l-portafiltru u ttrasferixxi l-filtru tal-membrana għal slajd jew dixx żgħir mgħotti;
(c) poġġi filtru tal-membrana ġdid fil-portafiltru u waħħal il-portafiltru;
(d) imla l-kompartiment tal-likwidu tal-blender sakemm l-apparat sensorju huwa mgħotti;
(e) agħmel iċ-ċiklu awtomatiku tat-tindif;
(f) wara li jkun spiċċa ċ-ċiklu tat-tindif, iftaħ l-għatu tal-kompartiment tar-reazzjoni u ċċekkja jekk baqax xi likwidu;
(g) jekk il-kompartiment huwa vojt, neħħi l-portafiltru u ttrasferixxi b’pinzetta l-filtru tal-membrana għal slajd jew dixx żgħir mgħotti;
(h) eżamina ż-żewġ filtri tal-membrana skond il-punt C(3)(II). Jekk il-filtri ma jistgħux jiġu eżaminati, irrepeti l-proċess sħiħ tad-diġestjoni b’ħin itwal ta’ diġestjoni skond il-punt C(3)(I).
VI. Riżultati pożittivi jew dubjużi
Fejn ir-riżultat huwa pożittiv jew inċert, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu I(3)(III).
KAPITOLU III
L-EŻAMI TRIKINOSKOPIKA
1. Apparat
(a) Trikinoskopju b’lampa inkandexxenti b’ingrandiment ta’ 30 sa 40 darba u 80 sa 100 darba jew stereomikroskopju b’sors ta’ dawl minn taħt ta’ intensità li tista’ tkun aġġustata
(b) Kompressur bi ħġieġa ppressata li jikkonsisti f’żewġ folji tal-ħġieġ (waħda minnhom tkun maqsuma f’sezzjonijiet ugwali)
(c) Mqass żgħir kurvat
(d) Foċipi żgħir
(e) Sikkina għat-tqattigħ tal-kampjuni
(f) Reċipjenti żgħar enumerati biex jinħażnu l-kampjuni separatament
(g) Pipetta tat-taqtir
(h) Tazza aċidu aċetiku u tazza idroksil tal-potassju biex iddawwal xi kalċifikazzjonijiet u trattab il-laħam niexef.
2. Il-ġbir ta’ kampjuni
Fil-każ ta’ karkassi sħaħ, jittieħdu minn kull annimal ħafna kampjuni d-daqs ta’ ġellewża:
(a) fil-majjali domestiċi, tali kampjuni jittieħdu miż-żewġ kolonni tad-dijaframma fit-tranżizzjoni għall-parti mmuskulata;
(b) fiċ-ċingjal, il-kampjuni jittieħdu miż-żewġ kolonni tad-dijaframma fit-tranżizzjoni għall-parti mmuskulata kif ukoll mix-xedaq, il-muskoli tas-sieq taħtanija, il-muskoli ta’ bejn il-kustilji u l-muskoli ta’ l-ilsien, li jagħtu total ta’ sitt kampjuni minn kull annimal individwali;
(c) jekk ċerti muskoli mhumiex disponibbli għall-ikkampjunar, għandhom jittieħdu total ta’ erba’ kampjuni mill-muskoli li huma disponibbli;
(d) fil-biċċiet tal-laħam, għandhom jittieħdu minn kull biċċa erba’ kampjuni ta’ daqs ta’ ġellewża mit-tessut tal-muskolu mtarraz li jekk hu possibbli ma fihomx xaħam, meħuda minn punti differenti, fejn possibbli qrib l-għadam jew l-għeruq.
3. Il-proċedura
(a) Ġeneralment kompressur jimtela b’1,0 ± 0,1 g ta’ laħam, normalment li jikkorrispondi għal 28 biċċa daqs il-qalba tal-ħafur. Jekk meħtieġ, ikun hemm bżonn li jimtlew żewġ kompressuri biex jiġu eżaminati 56 biċċa daqs il-qalba tal-ħafur.
(b) Jekk iż-żewġ kolonni tad-dijaframma huma preżenti fil-majjal domestiku, l-ispettur għat-Trichinella jaqta’ 28 biċċa daqs il-qalba tal-ħafur minn kull wieħed mill-kampjuni ta’ hawn fuq mill-karkassa sħiħa, li jagħmlu 56 biċċa b’kollox.
(c) Jekk hemm biss kolonna tad-dijaframma waħda, jinqatgħu 56 biċċa minn postijiet differenti, jekk possibbli mit-tranżizzjoni għall-parti mmuskulata.
(d) Il-kampjuni miġbura mill-erba’ muskoli l-oħrajn taċ-ċingjal huma kull wieħed maqtugħa f’seba’ biċċiet daqs il-qalba tal-ħafur, li jagħtu total ta’ 28 biċċa oħra.
(e) L-ispettur għat-Trichinella mbagħad jikkompressa s-56 (jew 84) biċċa bejn il-folji tal-ħġieġ sabiex il-marka normali tkun tista’ tinqara b’mod ċar mill-preparazzjoni ta’ l-islajd.
(f) Jekk il-laħam tal-kampjuni li jrid jiġu eżaminati huwa niexef u xieref, il-preparamenti għandhom jiġu mrattba għal 10 sa 20 minuta qabel ma jiġu ppressati b’taħlita ta’ parti waħda ta’ soluzzjoni ta’ l-idrossidu tal-potassju ma’ madwar żewġ partijiet ilma.
(g) Minn kull kampjun meħud mill-biċċiet tal-laħam, l-ispettur għat-Trichinella jaqta’ 14-il biċċa daqs il-qalba tal-ħafur, li b’kollox jagħmlu 56 biċċa.
(h) L-eżami bil-mikroskopju għandu jsir bl-iskennjar ta’ kull preparament bil-mod u b’attenzjoni b’ingrandiment ta’ 30 sa 40 darba.
(i) Jekk l-eżami trikonsokopiku juri żoni suspetti, dawn għandhom ikunu eżaminati bl-aktar ingrandiment qawwi tat-trikinoskopju (80 sa 100 darba).
(j) Fejn ir-riżultat huwa inċert, l-eżami huwa ripetut fuq kampjuni u preparazzjonijiet ta’ l-islajd oħrajn sakemm tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa. L-eżami trikonoskopiku għandu jsir għal mill-anqas sitt minuti.
(k) Il-ħin minimu stabbilit għall-eżami ma jinkludix il-ħin meħieġ biex jittieħdu l-kampjuni u jsiru l-preparamenti.
(l) Bħala regola ġenerali, l-eżaminatur trikonoskopiku ma jispezzjonax aktar minn 840 biċċa kuljum, li jikkorrispondu għal eżamijiet ta’ 15-il majjal domestiku jew 10 ċingjali.
ANNESS II
Trattamenti ta’ l-iffriżar
A. Il-metodu ta’ l-iffriżar 1
(a) Il-laħam li jinġieb diġà ffriżat għandu jinżamm f’din il-kundizzjoni.
(b) It-tagħmir tekniku u l-provvista ta’ l-enerġija tal-kamra tar-refriġerazzjoni għandhom ikunu tali li jiġi żgurat li t-temperatura meħtieġa tintlaħaq malajr ħafna u tinżamm fil-partijiet kollha tal-kamra u tal-laħam.
(c) L-ippakkjar ta’ iżolazzjoni għandu jitneħħa qabel l-iffriżar, ħlief fil-każ ta’ laħam li huwa kollu kemm hu diġà fit-temperatura meħtieġa meta dan jinġieb fil-kamra tar-refriġerazzjoni jew laħam ippakkjat b’tali mod li l-ippakkjar mhux ser iħallih jilħaq it-temperatura meħtieġa fil-ħin speċifikat.
(d) Il-kunsinni fil-kamra tar-refriġerazzjoni għandhom jinżammu separatament u jiġu msakkra.
(e) Id-data u l-ħin ta’ meta tinġieb kull kunsinna fil-kamra tar-refriġerazzjoni għandhom ikunu rrekordjati.
(f) It-temperatura fil-kamra tar-refriġerazzjoni għandha tkun mill-anqas – 25 °C. Din għandha titkejjel bl-użu ta’ strumenti termoelettriċi kkalibrati u rrekordjata kontinwament. Din ma tistax titkejjel direttament fil-fluss ta’ l-arja kiesħa. L-istrumenti għandhom jinżammu msakkra. Iċ-ċarts tat-temperatura għandhom jinkludu d-data rilevanti mir-reġistru ta’ l-ispezzjoni tal-laħam ma’ l-importazzjoni u d-data u l-ħin tal-bidu u l-ikkompletar ta’ l-iffriżar, u għandhom jinżammu għal sena wara l-kompilazzjoni.
(g) Il-laħam b’dijametru jew ħxuna sa 25 ċm għandu jkun iffriżat għal mill-anqas 240 siegħa konsekuttiva, u l-laħam b’dijametru jew ħxuna ta’ bejn 25 u 50 ċm għandu jkun iffriżat għal mill-anqas 480 siegħa konsekuttiva. Dan il-proċess ta’ l-iffriżar m’għandux ikun applikat għal laħam li huwa eħxen jew ta’ dijametru akbar. Il-ħin ta’ l-iffriżar huwa kkalkulat mill-punt meta t-temperatura fil-kamra tal-friża tilħaq dik speċifikata fil-punt (f).
B. Il-metodu ta’ l-iffriżar 2
Id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-punti (a) sa (e) tal-metodu 1 huma osservati, u jiġu applikati l-kombinazzjonijiet ta’ ħin-temperatura li ġejjin:
(a) il-laħam ta’ dijametru jew ħxuna sa 15 ċm għandu jkun iffriżat għal waħda minn dawn il-kombinamenti ta’ ħin-temperatura:
— 20 jum f’– 15 °C,
— 10 ijiem f’– 23 °C,
— 6 ijiem f’– 29 °C;
(b) il-laħam ta’ dijametru jew ħxuna ta’ bejn 15 ċm u 50 ċm għandu jkun iffriżat għal waħda minn dawn il-kombinazzjonijiet ta’ ħin-temperatura:
— 30 jum f’– 15 °C,
— 20 jum f’– 25 °C,
— 12-il jum f’– 29 °C.
It-temperatura fil-kamra tar-refriġerazzjoni m’għandhiex tkun ogħla mil-livell tat-temperatura magħżula tat-twaqqif ta’ magna. Din għandha titkejjel bl-użu ta’ strumenti termoelettriċi kkalibrati u rrekordjata kontinwament. Din m’għandhiex titkejjel direttament fil-fluss ta’ l-arja kiesħa. L-istrumenti għandhom jinżammu msakkra. Iċ-ċarts tat-temperatura għandhom jinkludu d-data rilevanti mir-reġistru ta’ l-ispezzjoni tal-laħam ma’ l-importazzjoni u d-data u l-ħin tal-bidu u l-ikkompletar ta’ l-iffriżar, u għandhom jinżammu għal sena wara l-kompilazzjoni.
Meta jintużaw mini ta’ l-iffriżar u l-proċeduri ta’ hawn fuq mhumiex segwiti b’mod strett, l-operatur tan-negozju ta’ l-ikel għandu jkun jista’ jipprova lill-awtorità kompetenti li l-metodu alternattiv huwa effettiv biex joqtol il-parassiti tat- Trichinella fil-laħam tal-majjal.
C. Il-metodu ta’ l-iffriżar 3
It-trattament jikkonsisti fi tnixxif bil-friża kummerċjali jew iffriżar ta’ laħam għal kombinazzjonijiet ta’ ħin-temperatura speċifikati bit-temperatura mmonitorjata fiċ-ċentru ta’ kull qatgħa.
(a) Id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-punti (a) sa (e) tal-Metodu 1 għandhom jiġu osservati għall-kombinazzjonijiet ta’ ħin-temperatura li ġejjin:
— 106 sigħat f’– 18 °C,
— 82 siegħa f’– 21 °C,
— 63 siegħa f’– 23,5 °C,
— 48 siegħa f’– 26 °C,
— 35 siegħa f’– 29 °C,
— 22 siegħa f’– 32 °C,
— 8 sigħat f’– 35 °C,
— 1/2 siegħa f’– 37 °C.
(b) It-temperatura għandha titkejjel bl-użu ta’ strumenti termoelettriċi kkalibrati u rrekordjata kontinwament. Is-sonda tat-termometru tiddaħħal fiċ-ċentru tal-qatgħa tal-laħam mhux iżgħar fid-daqs mill-eħxen biċċa tal-laħam li trid tiġi ffriżata. Din il-qatgħa għandha titpoġġa fl-anqas pożizzjoni favorevoli fil-kamra tar-refriġerazzjoni, mhux qrib it-tagħmir li jkessaħ jew direttament fil-fluss ta’ l-arja kiesħa. L-istrumenti għandhom jinżammu msakkra. Iċ-ċarts tat-temperatura għandhom jinkludu n-numri tad-data mir-reġistru ta’ l-ispezzjoni tal-laħam ma’ l-importazzjoni u d-data u l-ħin tal-bidu u l-ikkompletar ta’ l-iffriżar, u għandhom jinżammu għal sena wara l-kompilazzjoni.
ANNESS III
L-eżami ta’ annimali minbarra l-majjal
Il-laħam taż-żiemel, il-laħam ta’ tjur selvaġġ u laħam ieħor li jista’ jkun fih parassiti tat-Trichinella għandhom ikunu eżaminati skond wieħed mill-metodi ta’ diġestjoni speċifikati fil-Kapitolu I jew II ta’ l-Anness I, bil-bidliet li ġejjin:
(a) kampjuni li jiżnu mill-anqas 10 g jittieħdu mill-muskolu ta’ l-ilsien jew tax-xedaq taż-żwiemel u mis-sieq ta’ quddiem, l-ilsien jew id-dijaframma taċ-ċingjal;
(b) fil-każ taż-żiemel, fejn mhemmx dawn il-muskoli, għandu jittieħed kampjun akbar mill-kolonna tad-dijaframma fit-tranżizzjoni għal-parti mmuskulata. Il-muskolu għandu jkun nadif minn tessut li jgħaqqad u xaħam;
(c) mill-anqas 5 g ta’ kampjun huwa diġerit skond il-metodu ta’ skoperta ta’ referenza fil-Kapitolu I ta’ Anness I jew metodu ekwivalenti fil-Kapitolu II. Għal kull diġerar, il-piż totali tal-muskolu eżaminat m’għandux jaqbeż il-100 g fil-każ tal-metodu fil-Kapitolu I u l-metodi A u B fil-Kapitolu II u l-35 g fil-każ tal-metodu C fil-Kapitolu II;
(d) fejn ir-riżultat huwa pożittiv, jittieħdu 50 g ulterjuri ta’ kampjun għal eżami indipendenti sussegwenti;
(e) mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-konservazzjoni ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali, il-laħam kollu ta’ annimali tal-kaċċa minbarra ċ-ċingjal, bħal orsijiet, mammiferi karnivori (inklużi mammiferi tal-baħar) u rettili, għandhom jiġu ttestjati bl-ikkampjunar ta’ 10 g ta’ muskolu mill-postijiet ta’ predilezzjoni jew ammonti akbar jekk dawn il-postijiet mhumiex disponibbli. Postijiet ta’ predilezzjoni huma:
(i) fl-ors: id-dijaframma, il-muskolu l-kbir fl-angolu tax-xedaq u l-ilsien;
(ii) fil-walrus: l-ilsien;
(iii) fil-kukkudrilli: il-muskolu l-kbir fl-angolu tax-xedaq, il-muskoli pterygoid u ta’ bejn il-kustilji;
(iv) fl-għasafar: il-muskoli tar-ras (pereżempju l-muskolu l-kbir fl-angolu tax-xedaq u l-muskolu ta’ l-għonq).
(f) Il-ħin tad-diġestjoni għandu jkun biżżejjed biex tkun żgurata diġestjoni adegwata tat-tessut ta’ dawn l-annimali iżda m’għandux jaqbeż 60 minuta.
ANNESS IV
Kundizzjonijiet dettaljati għall-farms ħielsa mit-Trichinella u reġjuni b’riskju negliġibbli tat-Trichinella
Għall-iskop ta’ dan l-Anness,
“kundizzjonijiet ikkontrollati ta’ sistemazzjoni f’sistemi integrati ta’ produzzjoni” tfisser tip ta’ trobbija ta’ l-annimali fejn il-majjali huma miżmuma l-ħin kollu taħt kundizzjonijiet ikkontrollati mill-operatur tan-negozju ta’ l-ikel fir-rigward ta’ l-għalf u s-sistemazzjoni.
KAPITOLU I
L-OBBLIGI GĦALL-OPERATURI TAN-NEGOZJU TA’ L-IKEL
A. Għandhom jiġu sodisfatti r-rekwiżiti li ġejjin mill-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel biex jiksbu għarfien uffiċjali bħala farms ħielsa mit-Trichinella:
(a) l-operatur għandu jkun ħa l-prekawzjonijiet prattiċi kollha fir-rigward tal-kostruzzjoni u l-manteniment tal-bini sabiex annimali li jgerrmu, kwalunkwe tip ieħor ta’ mammiferi u għasafar karnivori kbar ma jkollhomx aċċess għall-bini fejn jinżammu l-annimali;
(b) l-operatur għandu japplika b’mod effettiv programm ta’ kontroll ta’ l-annimali qerrieda, partikolarment għall-annimali li jgerrmu, biex jevita l-impestazzjoni tal-majjali. L-operatur għandu jżomm rekords tal-programm għas-sodisfazzjon ta’ l-awtorità kompetenti;
(c) l-operatur għandu jiżgura li l-għalf kollu jinkiseb minn faċilità li tipproduċi għalf skond il-prinċipji spjegati fir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene ta’ l-għalf ( 7 );
(d) l-operatur għandu jaħżen l-għalf intiż għall-ispeċi sensittivi għat-Trichinella f’silos magħluqa jew reċipjenti oħra sabiex annimali gerriema ma jistgħux jippenetraw fihom. Il-provvisti l-oħra kollha ta’ l-ikel għandhom ikunu trattati bis-sħana jew prodotti u maħżuna għas-sodisfazzjon ta’ l-awtorità kompetenti;
(e) l-operatur għandu jiżgura li l-annimali mejta huma miġbura għar-rimi b’mezzi sanitarji fi żmien 24 siegħa mill-mewt tagħhom. Madankollu, qżieqeż mejta jistgħu jinġabru u jinħażnu fil-farm f’kontenitur magħluq sew sakemm jintremew;
(f) jekk hemm miżbla qrib il-farm, l-operatur għandu jinforma b’dan lill-awtorità kompetenti. Sussegwentement, l-awtorità kompetenti għandha tevalwa r-riskji involuti u tiddeċiedi jekk il-farm għandux ikun magħruf bħala ħieles mit-Trichinella;
(g) l-operatur għandu jiżgura li l-qżieqeż li ġejjin fil-farm minn barra u majjali mixtrija huma mwellda u mrobbija taħt kundizzjonijiet ikkontrollati ta’ sistemazzjoni f’sistemi integrati ta’ produzzjoni;
(h) l-operatur għandu jiżgura li l-majjali huma identifikati sabiex kull annimal jista’ jkun intraċċat għall-farm;
(i) l-operatur jista’ jintroduċi annimali ġodda, fil-farm biss jekk dawn:
(i) ġejjin minn farms li huma uffiċjalment magħrufa bħala liberi mit- Trichinella; jew
(ii) huma akkumpanjati b’ċertifikat awtentikat mill-awtorità kompetenti fil-pajjiż ta’ l-esportazzjoni li jgħid li l-annimal ġej minn farm magħruf bħala ħieles mit-Trichinella; jew
(iii) jinżammu iżolati sakemm ir-riżultati ta’ test seroloġiku approvat mil-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità jirriżulta negattiv. L-ikkampjunar seroloġiku għandu jibda biss wara li l-annimali kienu ilhom fil-farm għal erba’ ġimgħat;
(j) l-operatur jiżgura li ebda majjal intiż għall-qatla ma kellu aċċess għal barra matul il-perjodu sħiħ tal-produzzjoni;
(k) l-aċċess għal barra matul l-ewwel ftit ġimgħat tal-ħajja qabel ma’ l-ferħ ta’ l-annimal jinfatam ikun permess jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(i) ma kienx hemm dijanjosi ta’ ebda impestazzjoni tat-Trichinella f’annimali domestiċi fil-pajjiż fl-10 snin preċedenti;
(ii) jeżisti programm annwali ta’ sorveljanza għall-annimali selvaġġi sensittivi għat-Trichinella. Il-programm ikun ibbażat fuq riskju u jitmexxa f’żona marbuta epidemjoloġikament mal-post ġeografiku ta’ farms ħielsa mit- Trichinella. Il-programm jittestja l-ispeċi indikaturi rilevanti fuq il-bażi tas-sejbiet preċedenti. Ir-riżultati juru prevalenza tat-Trichinella f’annimali indikaturi taħt 0,5 %;
(iii) meta jkunu barra, l-annimali jkunu f’żoni b’sisien tajbin;
(iv) ikun stabbilit il-programm ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 11 u l-monitoraġġ ikun aktar frekwenti fil-farms involuti;
(v) il-majjali u ċ-ċingjali kollha miżmuma għall-għanijiet ta’ trobbija fil-farm għandhom jiġu kkampjunati b’mod sistematiku meta jinqatlu għall-eżami bl-użu tal-metodu ta’ skoperta ta’ referenza spjegat fil-Kapitolu I ta’ l-Anness I jew wieħed mill-metodi ekwivalenti spjegati fil-Kapitolu II ta’ l-Anness I, u
(vi) jittieħdu miżuri biex jipprevjenu l-aċċess għal għasafar kbar karnivori u omnivori (pereżempju ċawl iswed, għasafar tal-priża).
B. L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel ta’ farms magħrufa bħala ħielsa mit-Trichinella jinfurmaw lill-awtorità kompetenti fejn kwalunkwe mir-rekwiżiti fil-punt A m’għadhomx iżjed sodisfatti jew fejn seħħet kwalunkwe bidla oħra li tista’ taffettwa l-istatus tal-farm bħala ħieles mit-Trichinella.
KAPITOLU II
L-OBBLIGI TA’ L-AWTORITAJIET KOMPETENTI
A. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri fejn ġiet skoperta t-Trichinella fil-majjali domestiċi fl-aħħar 10 snin jistgħu jagħrfu farm bħala ħieles mit-Trichinella sakemm:
(a) isiru mill-inqas żewġ żjarat ta’ kontroll fit-12-il xahar ta’ qabel l-għarfien tal-farm sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitolu I(A) ta’ l-Anness IV; u
(b) il-majjali kollha mibgħuta għall-qatla matul l-24 xahar ta’ qabel l-għarfien jew perjodu itwal ta’ ħin jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li dan huwa neċessarju kienu ttestjati biex jiżguraw għas-sodisfazzjon ta’ l-awtorità kompetenti li numru suffiċjenti ta’ annimali mill-farm kienu ttestjati bl-użu ta’ wieħed mill-metodi ta’ skoperta parassita spjegati fil-Kapitoli I u II ta’ l-Anness I; u
(c) ir-riżultati tat-testijiet kienu negattivi; u
(d) ġie stabbilit programm ta’ monitoraġġ ta’ l-annimali selvaġġi bbażat fuq riskju f’dawk iż-żoni fejn jeżistu flimkien l-annimali selvaġġi u l-farms li qegħdin japplikaw għall-istatus ta’ ħielsa mit-Trichinella; il-programm ta’ monitoraġġ itejjeb l-iskoperta parassita billi japplika l-annimal indikatur u t-teknika ta’ skoperta l-aktar xierqa, permezz ta’ l-ikkampjunar ta’ firxa wiesgħa ta’ annimali u jieħu kampjun ta’ laħam kbir kemm possibbli; parassiti skoperti fl-annimali selvaġġi huma identifikati fil-livell ta’ l-ispeċi f’laboratorju ta’ referenza nazzjonali jew tal-Komunità; il-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità jista’ jgħin billi jipprepara protokoll standardizzat għall-programm ta’ monitoraġġ ta’ l-annimali selvaġġi. Informazzjoni storika tista’ tiġi użata għas-sodisfazzjon tar-rekwiżiti elenkati f’din il-parti.
B. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri fejn ma ġietx skoperta t-Trichinella fil-majjali domestiċi fl-aħħar 10 snin jistgħu jagħrfu farm bħala ħieles mit-Trichinella sakemm,
jiġi sodisfatt ir-rekwiżit fil-parti A(d) hawn fuq.
C. L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tagħraf kategorija ta’ farms bħala ħielsa mit-Trichinella fejn il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin huma milħuqa:
(a) ir-rekwiżiti kollha msemmija fil-Kapitolu I(A) ta’ l-Anness IV huma milħuqa, bl-eċċezzjoni tal-punt (k), li ma japplikax; u
(b) ma ġewx skoperti impestazzjonijiet awtoktoni tat-Trichinella f’annimali domestiċi fil-pajjiż fl-aħħar 10 snin, matul liema sar ittestjar kontinwu fuq popolazzjoni ta’ majjali maqtula sabiex jipprovdi kunfidenza ta’ mill-anqas 95 % li fejn il-prevalenza tat-Trichinella taqbeż iż-0,0001 %, kwalunkwe impestazzjoni tkun skoperta; u
(c) għandha tkun disponibbli deskrizzjoni ċara tal-kategorija ta’ farms, it-tip ta’ xogħol tal-farm u t-tip ta’ annimali involuti; u
(d) ikun stabbilit programm ta’ monitoraġġ ta’ l-annimali selvaġġi bbażat fuq riskju skond il-Kapitolu II(A)(d) ta’ l-Anness IV.
D. Flimkien mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness IV għad-Direttiva 2003/99/KE, ir-rapport inizjali u r-rapporti annwali sussegwenti lill-Kummissjoni għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:
(a) in-numru ta’ każijiet (importati u awtoktoni) tat-Trichinella fil-bnedmin, inkluża data epidemjoloġika;
(b) ir-riżultati ta’ l-ittestjar għat-Trichinella fil-majjali domestiċi mhux imrobbija taħt kundizzjonijiet ikkontrollati ta’ sistemazzjoni f’sistemi integrati ta’ produzzjoni; ir-riżultati għandhom jinkludu l-età u s-sess ta’ l-annimali affettwati, it-tip ta’ sistema ta’ ġestjoni, it-tip ta’ metodu ta’ dijanjożi użat, il-grad ta’ l-impestazzjoni (jekk magħruf), u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali rilevanti oħra;
(c) ir-riżultati ta’ l-ittestjar għat-Trichinella f’majjali u ċingjali tat-trobbija; ir-riżultati għandhom jinkludu l-informazzjoni msemmija taħt il-punt (b);
(d) ir-riżultati ta’ l-ittestjar għat-Trichinella f’karkassi ta’ ċingjal selvaġġ, żwiemel, tjur u kwalunkwe annimali indikaturi oħrajn;
(e) ir-riżultati ta’ testijiet seroloġiċi kif imsemmija fl-Artikolu 11 ladarba test xieraq ġie vvalidat mil-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità;
(f) każijiet oħrajn fejn hija suspettata t-Trichinella, kemm importata jew awtoktona, u r-riżultati tal-laboratorju rilevanti kollha;
(g) id-dettalji tar-riżultati pożittivi kollha u l-verifika ta’ l-ispeċi tat-Trichinella mil-laboratorju ta’ referenza nazzjonali jew tal-Komunità;
(h) id-data għandha tkun sottomessa fil-format u skond l-iskeda determinata mill- EFSA għall-irrappurtar ta’ żoonosi.
(i) għar-rapporti li jikkonċernaw farms ħielsa mit-Trichinella jew kategorija ta’ farms: informazzjoni dwar in-numru ta’ farms ħielsa mit-Trichinella u riżultati sommarji ta’ l-ispezzjonijiet fuq farms ħielsa mit-Trichinella, inkluża informazzjoni dwar il-konformità tal-bidwi;
(j) għar-rapporti li jikkonċernaw reġjun b’risku negliġibbli, għandha tkun sottomessa informazzjoni dwar:
(i) il-programm ta’ monitoraġġ implimentat skond l-Artikolu 11, jew informazzjoni ekwivalenti;
(ii) il-programmi ta’ monitoraġġ ta’ l-annimali selvaġġi bbażati fuq riskju implimentati skond il-parti A(d) t’hawn fuq, jew informazzjoni ekwivalenti.
( 1 ) ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206, ikkorreġut mill-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 83.
( 2 ) ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55, ikkorreġut mill-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22.
( 3 ) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1, ikkorreġut mill-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1.
( 4 ) ĠU L 26, 31.1.1977, p. 67.
( 5 ) ĠU L 157, 30.4.2004, p. 33, ikkorreġuta mill-ĠU L 195, 2.6.2004, p. 12.
( 6 ) ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31.
( 7 ) ĠU L 35, 8.2.2005, p. 1.