02004R2006 — MT — 09.01.2016 — 008.002
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
IR-REGOLAMENT (KE) Nru 2006/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”) (ĠU L 364 9.12.2004, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
L 149 |
22 |
11.6.2005 |
||
|
L 332 |
27 |
18.12.2007 |
||
|
L 337 |
11 |
18.12.2009 |
||
|
REGOLAMENT (UE) Nru 1177/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-24 ta’ Novembru 2010 |
L 334 |
1 |
17.12.2010 |
|
|
REGOLAMENT (UE) Nru 181/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-16 ta' Frar 2011 |
L 55 |
1 |
28.2.2011 |
|
|
REGOLAMENT (UE) Nru 954/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-14 ta’ Settembru 2011 |
L 259 |
1 |
4.10.2011 |
|
|
L 165 |
63 |
18.6.2013 |
||
|
REGOLAMENT (UE) Nru 524/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-21 ta' Mejju 2013 |
L 165 |
1 |
18.6.2013 |
|
|
DIRETTIVA (UE) 2015/2302 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-25 ta' Novembru 2015 |
L 326 |
1 |
11.12.2015 |
|
Ikkoreġut b'
IR-REGOLAMENT (KE) Nru 2006/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-27 ta’ Ottubru 2004
dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”)
(test b’rilevanza għaż-ŻEE)
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI
Artikolu 1
L-Għan
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri nominati bħala responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw konformità ma’ dawk il-liġijiet, u t-tħaddim bla intoppi tas-suq intern u biex isaħħu l-protezzjoni ta’ l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.
Artikolu 2
Il-Firxa
1. Id-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza reċiproka stabbilita fil-Kapitoli II u III għandhom ikopru ksur intra-Komunitarju.
2. Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għar-regoli tal-Komunità dwar il-liġi privata internazzjonali, b’mod partikolari għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti u l-liġi applikabbli.
3. Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għall-applikazzjoni fl-Istati Membri ta’ miżuri dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u ċivili, b’mod partikolari l-operat tar-Rettikolat Ġudizzjarju Ewropew.
4. Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għat-twettiq mill-Istati Membri ta’ kwalunkwe obbligi addizzjonali fir-rigward ta’ assistenza reċiproka fil-protezzjoni ta’ l-interessi ekonomiċi kollettivi tal-konsumaturi, inkluż f’materji kriminali, li joħorġu minn atti legali oħra, inklużi ftehim bilaterali jew multilaterali.
5. Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għad-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi ( 1 ).
6. Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għal-liġi tal-Komunità dwar is-suq intern, b’mod partikolari dawk id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi.
7. Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għal-liġi tal-Komunità dwar iservizzi tax-xandir bit-televiżjoni.
Artikolu 3
Id-Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
(a) “liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi” tfisser id-Direttivi kif trasposti fl-ordni legali intern ta’ l-Istati Membri u r-Regolamenti elenkati fl-Anness;
(b) “ksur intra-Komunitarju” tfisser kwalunkwe att jew omissjoni kontra l-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, kif imfisser f’(a), u li jagħmel, jew jista’ jagħmel ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi li jirrisjedu fi Stat Membru jew Stati Membri barra mill-Istat Membru fejn ikun oriġina jew sar l-att jew l-omissjoni; jew fejn ikun stabbilit il-bejjiegħ jew il-fornitur responsabbli; jew fejn jinsabu l-provi jew l-assi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-att jew l-omissjoni;
(ċ) “awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità pubblika stabbilita fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali b’responsabbiltajiet speċifiċi sabiex tinforza l-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi;
(d) “uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni” tfisser l-awtorità pubblika f’kull Stat Membru maħtura biex tkun responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’dak l-Istat Membru;
(e) “uffiċjal kompetenti” tfisser uffiċjal wieħed ta’ awtorità kompetenti maħtura bħala responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;
(f) “awtorità applikanti” tfisser l-awtorità kompetenti li tagħmel talba għall-assistenza reċiproka;
(g) “awtorità mitluba” tfisser l-awtorità kompetenti li tirċievi talba għall-assistenza reċiproka;
(h) “bejjiegħ jew fornitur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, fir-rigward tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, taġixxi għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha;
(i) “attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq” tfisser l-azzjonijiet ta’ awtorità kompetenti intiżi biex jiskopru jekk ikunx sar ksur intra-Komunitarju fit-territorju tagħha;
(j) “ilment ta’ konsumatur” tfisser dikjarazzjoni sostnuta minn provi raġonevoli, li bejjiegħ jew fornitur ikkommetta, jew x’aktarx se jikkommetti, ksur tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi;
(k) “interessi kollettivi tal-konsumaturi” tfisser l-interessi ta’ għadd ta’ konsumaturi li sofrew ħsara jew li jistgħu jsofru ħsara minn ksur ta’ Regolament.
Artikolu 4
L-Awtoritajiet kompetenti
1. Kull Stat Membru għandu jinnomina l-awtoritajiet kompetenti u uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2. Kull Stat Membru jista’, fejn meħtieġ biex iwettaq l-obbligi tiegħu taħt dan ir-Regolament, jinnomina awtoritajiet pubbliċi oħra. Jista’ jinnomina wkoll korpi li jkollhom interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju skond l-Artikolu 8(3).
3. L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom, bla preġudizzju għall-paragrafu 4, is-setgħat ta’ investigazzjoni u infurzar meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jeżerċitawhom skond il-liġi nazzjonali.
4. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżerċitaw is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 3 skond il-liġi nazzjonali jew:
(a) b’mod dirett taħt l-awtorità tagħhom jew taħt is-sorveljanza ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji; jew
(b) b’applikazzjoni lill-qrati kompetenti biex jagħtu d-deċiżjoni meħtieġa, inkluż, fejn xieraq, b’appell jekk l-applikazzjoni biex tingħata d-deċiżjoni meħtieġa ma tirnexxix.
5. Meta l-awtoritajiet kompetenti jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’applikazzjoni lill-qrati skond il-paragrafu 4(b), dawk il-qrati għandhom ikunu kompetenti biex jagħtu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
6. Is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu eżerċitati biss fejn hemm suspett raġonevoli ta’ ksur intra-Komunitarju u għandhom jinkludu, għall-inqas, id-dritt:
(a) li jkollhom aċċess għal kwalunkwe dokument rilevanti fi kwalunkwe forma li għandu x’jaqsam mal-ksur intra-Komunitarju;
(b) jingħataw minn kwalunkwe persuna l-informazzjoni rilevanti li għandha x’taqsam mal-ksur intra-Komunitarju;
(ċ) li jagħmlu spezzjonijiet meħtieġa fuq il-post;
(d) li jitolbu bil-miktub li l-bejjiegħ jew il-fornitur konċernat iwaqqaf il-ksur intra-Komunitarju;
(e) li jiksbu migħand il-bejjiegħ jew il-fornitur responsabbli minn ksur intra-Komunitarju impenn biex iwaqqaf il-ksur intra-Komunitarju; u, fejn xieraq, li jippubblikaw l-impenn li jirriżulta;
(f) li jesiġu li jieqaf jew jitrażżan kwalunkwe ksur intra-Komunitarju u, fejn xieraq, jippubblikaw id-deċiżjonijiet li jirriżultaw;
(g) li jeħtieġu li l-konvenut tellief jagħmel ħlasijiet favur fondi pubbliċi jew kwalunkwe benefiċjarju nominat fi jew taħt il-liġi nazzjonali, jekk dan ma jikkonformax mad-deċiżjoni.
7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom ir-riżorsi xierqa meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-uffiċjali kompetenti għandhom josservaw standards professjonali u jkunu suġġetti għal proċeduri interni jew regoli ta’mġieba xierqa li jiżguraw, b’mod partikolari, il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali, imparzjalità proċedurali u l-osservanza tajba tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u s-sigriet professjonali stabbiliti fl-Artikolu 13.
8. Kull awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-pubbliku ġenerali bid-drittijiet u r-responsabbiltajiet li tkun ingħatat taħt dan ir-Regolament u għandha tinnomina uffiċjali kompetenti.
Artikolu 5
Il-Listi
1. Kull Stat membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-identitajiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet pubbliċi oħra u korpi li jkollhom interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju u ta’ l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna l-lista ta’ l-uffiċċji ewlenija ta’ kooperazzjoni u l-awtoritajiet kompetenti fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
KAPITOLU II
L-ASSISTENZA REĊIPROKA
Artikolu 6
L-Iskambju ta’ informazzjoni fuq talba
1. Fuq talba minn awtorità applikanti, awtorità mitluba għandha, skond l-Artikolu 4, tagħti, bla dewmien, kwalunkwe informazzjoni rilevanti meħtieġa biex jiġi stabbilit jekk ikunx sar ksur intra-Komunitarju jew jekk hemmx suspett raġonevoli li dan jista’ jsir.
2. L-Awtorità mitluba għandha tagħmel, jekk meħtieġ bl-għajnuna ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra, l-investigazzjonijiet xierqa jew tieħu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa jew xierqa skond l-Artikolu 4, biex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa.
3. Fuq talba ta’ l-awtorità applikanti, l-Awtorità mitluba tista’ tippermetti lil xi uffiċjal kompetenti ta’ l-awtorità applikanti li jakkumpanja l-uffiċjali ta’ l-Awtorità mitluba waqt l-investigazzjonijiet tagħhom.
4. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
Artikolu 7
L-Iskambju ta’ informazzjoni mingħajr talba
1. Meta awtorità kompetenti ssir taf dwar ksur intra-Komunitarju, jew ikollha suspett raġonevoli li tali ksur jista’ jseħħ, għandha tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra rilevanti u lill-Kummissjoni, u tagħti l-informazzjoni kollha meħtieġa, bla dewmien.
2. Meta awtorità kompetenti tieħu miżuri oħra ta’ infurzar jew tirċievi talbiet għall-assistenza reċiproka fir-rigward ta’ ksur intra-Komunitarju, għandha tgħarraf l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.
3. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19 (2).
Artikolu 8
It-Talbiet għal miżuri ta’ infurzar
1. Awtorità mitluba għandha, fuq talba minn awtorità applikanti, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex twaqqaf jew tipprojbixxi l-ksur intra-Komunitarju bla dewmien.
2. Biex twettaq l-obbligi tagħha skond il-paragrafu 1, l-Awtorità mitluba għandha teżerċita s-setgħat stabbiliti skond l-Artikolu 4 (6) u kwalunkwe setgħat addizzjonali mogħtija lilha skond il-liġi nazzjonali. L-Awtorità mitluba għandha tiddetermina, jekk meħtieġ bl-għajnuna ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra, il-miżuri li għandhom jittieħdu biex iseħħ il-waqfien jew il-projbizzjoni tal-ksur intra-Komunitarju b’mod proporzjonat, effiċjenti u effettiv.
3. L-Awtorità mitluba tista’ twettaq ukol l-obbligi tagħha taħt il-paragrafi 1 u 2 billi tordna lil korp nominat skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4 (2) bħala li għandu interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju biex jieħu l-miżuri meħtieġa kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu taħt il-liġi nazzjonali biex iwaqqaf jew jipprojbixxi l-ksur intra-Komunitarju għan-nom ta’ l-Awtorità mitluba. Jekk il-korp ma jirnexxilux iwaqqaf jew jipprojbixxi l-ksur intra-Komunitarju bla dewmien, l-obbligi ta’ l-Awtorità mitluba taħt il-paragrafi 1 u 2 għandhom jibqgħu.
4. L-Awtorità mitluba tista’ tieħu biss il-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 3 jekk, wara li tikkonsulta l-awtorità applikanti dwar l-użu ta’ dawn il-miżuri, kemm l-applikant u kemm l-Awtorità mitluba jaqblu li:
— l-użu tal-miżuri f’paragrafu 3 x’aktarx iwassal għall-waqfien jew il-projbizzjoni tal-ksur intra-Komunitarju b’mod effiċjenti u effettiv għall-inqas daqs azzjoni mill-Awtorità mitluba;
— u
— l-ordni lill-korp deskritt taħt il-liġi nazzjonali ma tikkawża ebda kxif lil dak il-korp ta’ informazzjoni protetta taħt l-Artikolu 13.
5. Jekk l-awtorità applikanti hija ta’ l-opinjoni li l-kondizzjonijiet stabbiliti taħt il-paragrafu 4 mhumiex imwettqa, għandha tgħarraf bil-miktub lill-Awtorità mitluba, u tagħti r-raġunijiet għall-opinjoni tagħha. Jekk l-awtorità applikanti u l-Awtorità mitluba ma jaqblux, l-Awtorità mitluba tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni, li għandha tagħti opinjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
6. L-Awtorità mitluba tista’ tikkonsulta ma’ l-awtorità applikanti waqt it-teħid ta’ miżuri ta’ infurzar imsemmija fil-paragrafi 1 u 2. L-Awtorità mitluba għandha tgħarraf bla dewmien lill-awtorità applikanti, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda u l-effetti tagħhom fuq il-ksur intra-Komunitarju, inkluż jekk dan ikunx waqaf.
7. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
Artikolu 9
Il-Koordinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ l-infurzar
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ l-infurzar. Għandhom ipartu kull informazzjoni meħtieġa biex jintlaħaq dan il-għan.
2. Meta awtoritajiet kompetenti jsiru jafu li xi ksur intra-Komunitarju jagħmel ħsara lill-konsumaturi f’iżjed minn żewġ Stati Membri, l-awtoritajiet kompetenti konċernati għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet ta’ l-infurzar u t-talbiet għall-assistenza reċiproka tagħhom permezz ta’ l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni. B’mod partikolari għandhom ifittxu li jwettqu investigazzjonijiet u jieħdu miżuri ta’ infurzar simultanji.
3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-quddiem dwar din il-koordinazzjoni u jistgħu jistiednu lill-uffiċċjali u lil persuni oħra li jakkumpanjawhom u li jkunu awtorizzati mill-Kummissjoni biex jieħdu sehem.
4. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
Artikolu 10
Id-Database
1. Il-Kummissjoni għandha żżomm database elettronika li fiha għandha taħżen u tipproċessa l-informazzjoni li tirċievi skond l-Artikoli 7, 8 u 9. Id-database għandha tkun disponibbli għal konsultazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti biss. Fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħhom biex jgħarrfu informazzjoni sabiex tinħażen fid-database u l-ipproċessar ta’ data personali involuta f’dan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jitqiesu bħala kontrolluri skond l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE. Fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħha taħt dan l-Artikolu u l-ipproċessar ta’ data personali involut fih, il-Kummissjoni għandha tkun meqjusa bħala kontrollur skond l-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru. 45/2001.
2. Meta awtorità kompetenti tistabbilixxi li notifika ta’ ksur intra-Komunitarju li hi għamlet skond l-Artikolu 7 kienet sussegwentement ippruvata li kienet bla bażi, għandha tirtira n-notifika u l-Kummissjoni għandha bla dewmien tneħħi l-informazzjoni minn fuq id-database. Meta Awtorità mitluba tgħarraf lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8(6) li ksur intra-Komunitarju jkun waqaf, id-data miżmuma dwar il-ksur intra-Komunitarju għandha titħassar ħames snin wara n-notifika.
3. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
KAPITOLU III
IL-KONDIZZJONIJIET ĠENERALI LI JIRREGOLAW L-ASSISTENZA REĊIPROKA
Artikolu 11
Ir-Responsabbiltajiet ġenerali
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament bħallikieku qed jaġixxu għan-nom tal-konsumaturi f’pajjiżhom u għan-nom tagħhom stess jew fuq talba ta’ awtorità kompetenti oħra f’pajjiżhom stess.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw il-koordinazzjoni effettiva ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet pubbliċi oħra, korpi li jkollhom interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju maħtura minnhom, u l-qrati kompetenti, permezz ta’ l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni.
3. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u kwalunkwe korp ieħor li jkollu interess leġittimu taħt il-liġi nazzjonali fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju biex ikun żgurat li ksur intra-Komunitarju potenzjali jiġi notifikat lill-awtoritajiet kompetenti bla dewmien.
Artikolu 12
Il-Proċeduri ta’ talba għall-assistenza reċiproka u ta’ skambju ta’ informazzjoni
1. L-awtorità applikanti għandha tiżgura li t-talbiet kollha għall-assistenza reċiproka jkun fihom biżżejjed informazzjoni biex jgħinu lill-Awtorità mitluba biex twettaq it-talba, inkluż kull prova meħtieġa li tista’ tinkiseb biss fit-territorju ta’ l-awtorità applikanti.
2. Talbiet għandhom jintbagħtu mill-awtorità applikanti lill-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni ta’ l-Awtorità mitluba, permezz ta’ l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni ta’ l-awtorità applikanti. It-talbiet għandhom jintbagħtu mill-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni ta’ l-Awtorità mitluba lill-awtorità kompetenti xierqa bla dewmien.
3. Talbiet għall-assistenza u l-komunikazzjoni kollha ta’ informazzjoni għandhom isiru bil-miktub, bl-użu ta’ formola standard u jiġu komunikati b’mezz elettroniku permezz tad-database stabbilit fl-Artikolu 10.
4. Il-lingwi użati għat-talbiet u għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni għandhom jiġu miftehma mill-awtoritajiet kompetenti in kwistjoni qabel ma jsiru t-talbiet. Jekk ma jista’ jintlaħaq ebda ftehim, it-talbiet għandhom jiġu komunikati fil-lingwa(i) uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ l-awtorità applikanti u risposti fil-lingwa(i) uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ l-Awtorità mitluba.
5. Informazzjoni komunikata wara talba għandha tiġi komunikata direttament lill-awtorità applikanti u lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni ta’ l-awtorità applikanti u dik mitluba fl-istess ħin.
6. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
Artikolu 13
L-Użu ta’ informazzjoni u protezzjoni ta’ data personali, is-segretezza professjonali u kummerċjali
1. Informazzjoni mogħtija tista’ tintuża biss biex il-konformità mal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi tkun żgurata.
2. Awtoritajiet kompetenti jistgħu jinvokaw bħala prova kwalunkwe informazzjoni, dokumenti, sejbiet, stqarrijiet, kopji veri, awtentikati jew informazzjoni sigrieta komunikata, fuq l-istess bażi bħal ngħidu aħna dokumenti simili miksuba f’pajjiżhom stess.
3. Informazzjoni komunikata fi kwalunkwe forma lil persuni li jaħdmu għall-awtoritajiet kompetenti, il-qrati, awtoritajiet pubbliċi oħra u l-Kummissjoni, inkluża informazzjoni notifikata lill-Kummissjoni u maħżuna fuq id-database imsemmi fl-Artikolu 10a, li jekk tiġi żvelata timmina:
— il-protezzjoni tal-privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-protezzjoni ta’ data personali;
— l-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, inkluża l-proprjetà intellettwali;
— proċedimenti fil-qorti u pariri legali;
— jew
— l-għan ta’ l-ispezzjonijiet jew l-investigazzjonijiet,
għandha tkun konfidenzjali u koperta bl-obbligu tas-sigriet professjonali, ħlief jekk l-iżvelar tagħha jkun meħtieġ biex iwaqqaf jew jipprojbixxi ksur intra-Komunitarju u l-awtorità li tikkomunika l-informazzjoni taqbel li jiġi żvelat.
4. Għall-iskop ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri leġislattivi meħtieġa biex jirrestrinġu d-drittijiet u l-obbligi taħt l-Artikoli 10, 11 u 12 tad-Direttiva 95/46/KE kif meħtieġ biex jipproteġu l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(d) u (f) ta’ dik id-Direttiva. Il-Kummissjoni tista’ tirrestringi d-drittijiet u l-obbligi taħt l-Artikoli 4(1), 11, 12(1), 13 sa 17 u 37(1) tar-Regolament (KE) Nru. 45/2001 fejn tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura meħtieġa biex tipproteġi l-interessi msemmija fl-Artikolu 20(1)(a) u (e) ta’ dak ir-Regolament.
5. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
Artikolu 14
L-Iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi
1. Meta awtorità kompetenti tirċievi informazzjoni minn awtorità ta’ pajjiż terz, għandha tagħti l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti ta’ Stati Membri oħra, sakemm dan hu permess minn ftehim ta’ assistenza bilaterali mal-pajjiż terz u skond il-leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali.
2. Informazzjoni komunikata taħt dan ir-Regolament tista’ tkun komunikata wkoll lil awtorità ta’ pajjiż terz minn awtorità kompetenti taħt ftehim ta’ assistenza bilaterali mal-pajjiż terz, kemm-il darba jkun inkiseb il-kunsens ta’ l-awtorità kompetenti li kienet oriġinarjament forniet l-informazzjoni u skond il-leġislazzjoni tal-Komunità fir-rigward tal-protezzjoni ta’ individwi dwar l-ipproċessar ta’ data personali.
Artikolu 15
Il-Kondizzjonijiet
1. L-Istati Membri għandhom jirrinunzjaw għal kull talba għar-rimborż ta’ spejjeż minfuqa fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, l-Istat Membru ta’ l-awtorità applikanti għandu jibqa’ responsabbli lejn l-Istat Membru ta’ l-Awtorità mitluba għal kwalunkwe spejjeż u kwalunkwe telf li jsofri minħabba miżuri li jinstab li kienu bla bażi minn qorti f’dak li għandu x’jaqsam mas-sostanza tal-ksur intra-Komunitarju.
2. L-Awtorità mitluba tista’ tirrifjuta li tikkonforma ma’ talba għal miżuri ta’ infurzar taħt l-Artikolu 8, wara konsultazzjoni ma’ l-awtorità applikanti, jekk:
(a) proċeduri ġudizzjarji jkunu diġà nbdew jew is-sentenza finali tkun diġà ngħatat dwar l-istess ksur intra-Komunitarju u kontra l-istess bejjiegħa jew fornituri quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istat Membru ta’ l-Awtorità mitluba jew dik applikanti;
(b) fl-opinjoni tagħha wara investigazzjoni xierqa mill-Awtorità mitluba, ma jkun sar ebda ksur intra-Komunitarju;
jew
(ċ) fl-opinjoni tagħha l-awtorità applikanti ma tatx biżżejjed informazzjoni skond l-Artikolu 12(1) ħlief meta l-Awtorità mitluba tkun digà rrifjutat li tikkonforma ma’ talba taħt il-paragrafu (3)(ċ) fir-rigward ta’ l-istess ksur intra-Komunitarju.
3. L-Awtorità mitluba tista’ tirrifjuta li tikkonforma ma’ talba għal informazzjoni taħt l-Artikolu 6 jekk:
(a) fl-opinjoni tagħha, wara konsultazzjoni ma’ l-awtorità applikanti, l-informazzjoni mitluba mhix meħtieġa mill-Awtorità applikanti biex ikun stabbilit jekk kienx hemm ksur intra-Komunitarju jew biex ikun stabbilit jekk hemmx suspett raġjonevoli li dan jista’ jiġri; jew
(b) l-awtorità applikanti ma taqbilx li l-informazzjoni hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u s-sigriet professjonali stabbiliti fl-Artikolu 13(3);
jew
(ċ) investigazzjonijiet kriminali jew proċeduri ġudizzjarji jkunu diġà nbdew jew is-sentenza finali tkun diġà ngħatat dwar l-istess ksur intra-Komunitarju u kontra l-istess bejjiegħa jew fornituri quddiem awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istat Membru ta’ l-Awtorità mitluba jew applikanti.
4. Awtorità mitluba tista’ tiddeċiedi li ma tikkonformax ma’ l-obbligi msemmija fl-Artikolu 7 jekk investigazzjonijiet kriminali jew proċeduri ġudizzjarji jkunu diġà nbdew jew is-sentenza finali tkun diġà ngħatat dwar l-istess ksur intra-Komunitarju u kontra l-istess bejjiegħa jew fornituri quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istat Membru ta’ l-Awtorità mitluba jew applikanti.
5. L-Awtorità mitluba għandha tinforma lill-awtorità applikanti u lill-Kummissjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom tkun qed tirrifjuta talba għall-assistenza. L-awtorità applikanti tista’ tirreferi l-każ lill-Kummissjoni li għandha tagħti opinjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
6. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
KAPITOLU IV
L-ATTIVITAJIET TAL-KOMUNITÀ
Artikolu 16
Il-Koordinazzjoni ta’ l-infurzar
1. Safejn meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom ta’ interess għall-Komunità f’oqsma bħal:
(a) it-taħriġ ta’ l-uffiċjali tagħhom għall-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi taħriġ fil-lingwa u l-organizzazzjoni ta’ seminars ta’ taħriġ;
(b) il-ġbir u klassifikazzjoni ta’ ilmenti tal-konsumaturi:
(ċ) l-iżvilupp ta’ rettikolati skond is-settur ta’ uffiċjali kompetenti;
(d) l-iżvilupp ta’ mezzi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni;
(e) l-iżvilupp ta’ standards, metodoloġiji u linji gwida għall-uffiċjali għall-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumaturi;
(f) l-iskambju ta’ l-uffiċjali tagħhom.
L-Istati Membri jistgħu, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jwettqu attivitajiet komuni fl-oqsma msemmija minn (a) sa (f). L-Istati Membri għandhom, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jiżviluppaw qafas komuni għall-klassifikazzjoni ta’ l-ilmenti minn konsumaturi.
2. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiskambjaw uffiċjali kompetenti biex itejbu l-kooperazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jgħinu lill-uffiċjali kompetenti li jkunu ġew skambjati biex jieħdu sehem attiv fl-attivitajiet ta’ l-awtorità kompetenti. Għal dan il-għan tali uffiċjali kompetenti għandhom jiġu awtorizzati biex iwettqu d-doveri li jkunu ngħataw mill-awtorità kompetenti li tkun stednithom skond il-liġijiet ta’ l-Istat Membru tagħha.
3. Waqt l-iskambju r-responsabbiltà ċivili u kriminali ta’ l-uffiċjal kompetenti għandha tiġi trattata bl-istess mod bħal dik ta’ l-uffiċjali ta’ l-awtorità kompetenti li tkun stednithom. L-uffiċjali kompetenti skambjati għandhom josservaw standards professjonali u jkunu suġġetti għar-regoli interni xierqa ta’ mġieba ta’ l-awtorità kompetenti li tkun stednithom, li jiżguraw, b’mod partikolari, il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali, l-imparzjalità fil-proċedura u l-osservanza xierqa tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali stabbiliti fl-Artikolu 13.
4. Il-miżuri tal-Komunità meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, inklużi l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet komuni, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
Artikolu 17
Il-Kooperazzjoni amministrattiva
1. Safejn meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom ta’ interess għall-Komunità f’oqsma bħal:
(a) l-informazzjoni lill-konsumaturi u pariri lilhom;
(b) l-appoġġ għall-attivitajiet ta’ rappreżentanti tal-konsumaturi;
(ċ) l-appoġġ għall-attivitajiet ta’ korpi responsabbli għal ftehim ekstra-ġudizzjarju ta’ tilwim li jinvolvi konsumaturi;
(d) l-appoġġ għall-aċċess għall-ġustizzja mill-konsumaturi; u
(e) l-ġbir ta’ stastistika, r-riżultati ta’ riċerka u informazzjoni oħra dwar l-imġieba, l-attitudni u r-riżultati tal-konsumaturi.
L-Istati Membri jistgħu, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jwettqu attivitajiet komuni fl-oqsma msemmija minn (a) sa (e). L-Istati Membri għandhom ukoll, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jiżviluppaw qafas komuni għall-attivitajiet imsemmija f’(e).
2. Il-miżuri tal-Komunità meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, inklużi l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet komuni, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
Artikolu 18
Il-Ftehim internazzjonali
Il-Komunità għandha tikkopera ma’ pajjiżi terzi u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament sabiex ittejjeb il-protezzjoni ta’ l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi. L-arranġamenti għall-kooperazzjoni, inklużi arranġamenti għall-istabbiliment ta’ assistenza reċiproka, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ftehim bejn il-Komunità u l-partijiet terzi kkonċernati.
KAPITOLU V
ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 19
Il-Proċedura tal-Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna minn Kumitat.
2. Fejn hemm referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.
Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.
3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.
Artikolu 20
Id-Dmirijiet tal-Kumitat
1. Il-Kumitat jista’ jeżamina l-materji kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imqajjma mill-president tiegħu, fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.
2. B’mod partikolari, għandu jeżamina u jevalwa kif qed jaħdmu l-arranġamenti għall-kooperazzjoni previsti f’dan ir-Regolament.
Artikolu 21
Ir-Rapporti
1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li jadottaw, jew ta’ ftehim, ħlief biex jittrattaw każijiet individwali, li huma jikkonkludu dwar materji koperti minn dan ir-Regolament.
2. Kull sentejn mid-data meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawn ir-rapporti disponibbli għall-pubbliku.
3. Ir-rapporti nazzjonali għandhom jindirizzaw:
(a) kwalunkwe informazzjoni ġdida dwar l-organizzazzjoni, s-setgħat, ir-riżorsi jew ir-responsabbiltajiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti;
(b) kwalunkwe informazzjoni dwar xejriet, mezzi jew metodi ta’ ksur intra-Komunitarju, b’mod partikolari dawk li jkunu wrew nuqqasijiet jew lacunae f’dan ir-Regolament jew fil-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi;
(ċ) kwalunkwe informazzjoni dwar tekniċi ta’ infurzar li wrew li kienu effettivi;
(d) statistiċi fil-qosor dwar attivitajiet ta’ awtoritajiet kompetenti, bħal azzjonijiet taħt dan ir-Regolament, ilmenti li jkunu rċevew, azzjonijiet ta’ infurzar u sentenzi;
(e) taqsiriet ta’ sentenzi interpretattivi nazzjonali sinifikanti fil-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi; u
(f) kwalunkwe informazzjoni oħra relevanti għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
4. Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fuq il-bażi tar-rapporti ta’ l-Istati Membri.
Artikolu 21a
Reviżjoni
Sal-31 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li għandu jivvaluta l-effikaċja u l-mekkaniżmi operattivi ta’ dar-Regolament u jeżamina b’mod komprensiv il-possibbiltà li jiġu inklużi fl-Anness liġijiet addizzjonali li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. Ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni esterna u fuq konsultazzjoni estiża tal-partijiet interessati relevanti kollha, u miegħu għandha ssir proposta leġiżlattiva, jekk ikun hemm lokha.
Artikolu 22
Id-Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mit-29 ta’ Diċembru 2005.
Id-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza reċiproka stabbiliti fil-Kapitoli II u III għandhom japplikaw mit-29 ta’ Diċembru 2006.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS
Direttivi u regolamenti koperti bl-artikolu 3(a) ( 2 )
1) Id-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21): L-Artikolu 1, l-Artikolu 2 (c) u l-Artikoli 4 sa 8.
2) Id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 biex tipproteġi lill-konsumatur rigward kuntratti innegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU L 372, tal-31.12.1985, p. 31).
3) Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).
4) Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1): l-Artikoli 9, 10, 11 u mill-Artikoli 19 sa 26.
5) Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ).
6) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).
7) Id-Direttiva 2008/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perjodu fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju (ĠU L 33, 3.2.2009, p. 10).
8) Id-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod(ĠU L 144, ta’ l-4.6.1997, p. 19). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2002/65/KE (ĠU L 271, tad-9.10.2002, p. 16).
▼M6 —————
10) Id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU L 80 tat-18.3.1998, p. 27).
11) Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom(ĠU L 171, tas-7.7.1999, p. 12).
12) Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar certi aspetti legali tas-servizzi minn socjetà ta’ l-informatika, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU L 178, tas-17.7.2000 p. 1).
13) Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li ghandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem: l-Artikoli 86 sa 100 (ĠU L 311, tat-28.11.2001 p. 67). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2004/27/KE (ĠU L 136, tat-30.4.2004 p. 34).
14) Id-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq mill-bogħod ta’ servizzi finanzjarji lill-konsumaturi.
15) Ir-Regolament (KE) Nru. 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar kumpens u assistenza lill-passiġġieri ta’ l-ajru meta jitħallew l-art jew f’każ ta’ tħassir jew dewmien twil ta’ titjiriet (ĠU L 46, tas-17.2.2004, p. 1).
16) Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (ĠU L 000, 00.6.2005, p. 00).
17) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika): Artikolu 13 (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).
18) Ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw fuq il-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni ( 4 ).
19) Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ ( 5 ).
20) Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 21 ta' Mejju 2013 dwar soluzzjoni alternattiva għat-tilwim għat-tilwim tal-konsumaturi (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63): l-Artikolu 13.
21) Ir-Regolament (KE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar soluzzjoni online għat-tilwim tal-konsumaturi (Regolament dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1): l-Artikolu 14.
( 1 ) ĠU L 166, tal-11.6.1998, p. 51. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2002/65/KE (ĠU L 271, tad-9.10.2002, p. 16).
( 2 ) ►M6 Id-Direttivi Nru 6, 8 u 13 fihom dispożizzjonijiet speċifiċi. ◄
( 3 ) Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u ta' arranġamenti ta' vjaġġar marbuta, u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1).
( 4 ) ĠU L 334, 17.12.2010, p. 1.
( 5 ) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1.