2004R0549 — MT — 04.12.2009 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 549/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' l-10 ta' Marzu 2004

li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien ta' l-Ajru Uniku Ewropew

(ir-Regolament qafas)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 096, 31.3.2004, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT (KE) Nru 1070/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-21 ta’ Ottubru 2009

  L 300

34

14.11.2009




▼B

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 549/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' l-10 ta' Marzu 2004

li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien ta' l-Ajru Uniku Ewropew

(ir-Regolament qafas)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikularment l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ( 3 ),

Wara li jaġixxu skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 4 ), fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fil-11 ta' Diċembru 2003,

Billi:

(1)

L-implimentazzjoni tal-politika komuni tat-trasport tirrekjedi sistema ta' trasport ta' l-ajru effiċjenti li tippermetti operat salv u regolari ta' servizzi ta' trasport ta' l-ajru, hekk tiffaċilita l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni u servizzi.

(2)

F'Laqgħa Straordinarja f'Lisbona fit-23 u l-24 ta' Marzu 2000, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tissottometti proposti dwar l-amministrazzjoni ta' l-ispazju ta' l-ajru, kontrol tat-traffiku ta' l-ajru u l-amministrazzjoni tal-fluss tat-traffiku ta' l-ajru, ibbażati fuq ix-xogħol tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-ajru uniku Ewropew mwaqqaf mill-Kummissjoni. Dan il-Grupp, magħmul ġeneralment mill-awtoritajiet ċivili u militari ta' navigazzjoni ta' l-ajru ta' l-Istati Membri, issottometta r-rapport tiegħu f'Novembru 2000.

(3)

Operat għal-lixx tas-sistema tat-trasport ta' l-ajru jirrikjedi livell għoli, konsistenti ta' sigurezza fis-servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru li tippermetti l-aħjar użu ta' l-ispazju ta' l-ajru ta' l-Ewropa u livell għoli, konsistenti ta' sigurezza fl-ivvjaġġar bl-ajru, skond id-dmir ta' interess ġenerali tas-servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru, inklużi obbligi tas-servizz pubbliku. Għalhekk huwa għandu jitwettaq bl-ogħla standards ta' responsabbilta u kompetenza.

(4)

L-inizjattiva ta' l-Ajru Uniku Ewropew għandha tkun żviluppata bi qbil ma' l-obbligi li joħorġu mis-sħubija tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha f'Eurocontrol, u bi qbil mal-prinċipji preskritti mill-Konvenzjoni ta' Chigago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali ta' l-1944.

(5)

Deċiżjonijiet konnessi mal-kontenut, ambitu jew twettiq ta' operazzjonijiet militari u taħriġ ma jaqgħux ġewwa l-isfera ta' kompetenza tal-Komunità.

(6)

L-Istati Membri addottaw dikjarazzjoni ġenerali dwar kwistjonijiet militari konnessi ma' l-Ajru Uniku Ewropew ( 5 ). Skond din id-dikjarazzjoni, l-Istati Membri għandhom, b'mod partikulari, itejbu l-koperazzjoni ċivili-militari u, jekk u sal-punt meqjus meħtieġ mill- Istati Membri kollha kkonċernati, jiffaċilitaw il-koperazzjoni bejn il-forzi armati tagħhom fil-materji kollha ta' amministrazzjoni tat-traffiku ta' l-ajru.

(7)

L-ispazju ta' l-ajru jikkostitwixxi riżorsa limitata, li l-aħjar u l-aktar użu effiċjenti tagħha tkun possibbli biss jekk jitqiesu r-rekwiżiti ta' l-utenti kollha u fejn relevanti, irrappreżentati fl-iżvilupp kollu kemm hu (sħiħ), fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet u implimentazzjoni ta' l-Ajru Uniku Ewropew, inkluż il-Kumitat dwar Ajru Uniku.

(8)

Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, u bil-ħsieb li l-ajru uniku Ewropew ikun estiż biex jinkludi numru akbar ta' Stati Ewropej, il-Komunità għandha, filwaqt li tqis l-iżviluppi li qed jiġru ġewwa Eurocontrol, tippreskrivi għanijiet komuni u programm ta' azzjoni biex timmobilizza l-isforzi mill-Komunità, l-Istati Membri u l-interessati ekonomiċi varji biex toħloq spazju ta' l-ajru operattiv aktar integrat: l-ajru uniku Ewropew.

(9)

Fejn Stati Membri jieħdu azzjoni biex jiżguraw konformita mar-rekwiżiti Komunitarji, l-awtoritajiet li jagħmlu verifiki ta' konformita għandhom ikunu suffiċjentement indipendenti mill-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru.

(10)

Servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru, b'mod partikulari servizzi ta' traffiku ta' l-ajru li jkunu komparabbli ma' awtoritajiet pubbliċi, jirrekjedu separazzjoni funzjonali jew strutturali u organizzata skond formoli legali differenti ħafna fl-Istati Membri varji.

(11)

Fejn verifiki indipendenti konnessi ma' fornituri ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru jkunu rekwiżiti, spezzjonijiet mill-awtoritajiet uffiċjali ta' verifika ta' l-Istati Membri fejn dawk is-servizzi jkunu pprovduti mill-amministrazzjoni, jew minn korp pubbliku suġġett għas-sorveljanza ta' l-awtoritajiet imsemmija aktar 'il fuq, għandhom ikunu rrikonoxxuti bħala verifiki indipendenti, kemm jekk ir-rapporti tal-verifika miktuba jkunu ppubblikati kemm le.

(12)

Huwa mixtieq li l-ajru uniku Ewropew ikun estiż għal pajjiżi terzi Ewropej, jew fil-qafas ta' parteċipazzjoni mill-Komunità fix-xogħol ta' Eurocontrol, wara l-adeżjoni mill-Komunità ma' Eurocontrol, jew permezz ta' ftehim konklużi mill-Komunità ma' dawn il-pajjiżi.

(13)

L-adeżjoni tal-Komunità ma' Eurocontrol hija komponent importanti fil-ħolqien ta' spazju ta' l-ajru pan-Ewropew.

(14)

Fil-proċess tal-ħolqien ta' ajru uniku Ewropew, il-Komunità għandha, meta xieraq, tiżviluppa koperazzjoni fl-ogħla livell ma' Eurocontrol biex tiżgura sinerġji regolatorji u avviċinamenti (trattamenti) konsistenti, u tevita kull duplikazzjoni bejn iż-żewġ naħat.

(15)

Skond il-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli, Eurocontrol huwa l-korp li għandu l-kompetenza proprja biex isostni l-Komunità fil-funzjoni tagħha bħala regolatur. Għalhekk, regoli ta' implimentazzjoni għandhom ikunu żviluppati, għal materji li jaqgħu fil-kompetenza ta' Eurocontrol b'riżultat ta' mandati lil dik l-organizzazzjoni, suġġetta għall-kondizzjonijiet li għandhom ikunu inklużi f'qafas ta' koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u Eurocontrol.

(16)

L-abbozzar ta' miżuri meħtieġa biex jinħoloq l-ajru uniku Ewropew jirrikjedi konsultazzjonijiet fuq bażi wiesa' ma' dawk interessati ekonomiċi u soċjali.

(17)

Is-sħab soċjali għandhom ikunu informati u kkonsultati f'manjiera xierqa dwar il-miżuri kollha li jkollhom implikazzjonijiet soċjali sinifikanti. Il-Kumitati dwar Djalogu Settorjali mwaqqfin taħt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1998/500/KE ta' l-20 ta' Mejju 1998 dwar l-istabbiliment ta' Kumitati dwar Djalogu Settorjali li jippromwovu d-djalogu bejn is-sħab soċjali fuq livell Ewropew ( 6 ) għandhom ukoll ikunu kkonsultati.

(18)

Dawk interessati bħalma huma fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru, utenti ta' spazju ta' l-ajru, ajruporti, l-industrija tal-manifattura u korpi rappreżentanti ta' l-istaff professjonali għandu jkollhom il-possibbilta li jagħtu pariri (rakkomandazzjonijiet) lill-Kummissjoni dwar aspetti tekniċi ta' l-implimentazzjoni ta' l-ajru uniku Ewropew.

(19)

It-twettiq tas-sistema ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru fl-intier tagħha fil-livell Ewropew għandu jkun stmat fuq bażi regolari, b'attenzjoni dovuta għall-manutenzjoni ta' livell għoli ta' sigurezza, biex jikkontrolla l-effikaċita tal-miżuri addottati u jipproponi aktar miżuri.

(20)

Is-sanzjonijiet ipprovduti rigward ksur ta' dan ir-Regolament u tal-miżuri li jirreferi għalihom l-Artikolu 3 għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, mingħajr tnaqqis ta' sigurezza.

(21)

L-impatt tal-miżuri meħuda għall-applikar ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu stmati fid-dawl ta' rapporti li għandhom ikunu ssottomessi regolarment mill-Kummissjoni.

(22)

Dan ir-Regolamentr m'għandux jaffettwa (jolqot) is-setgħa ta' Stati Membri li jaddottaw dispożizzjonijiet fir-rigward ta' l-organizzazzjoni tal-forzi armati tagħhom. Din is-setgħa tista' twassal Stati Membri biex jaddottaw miżuri biex jiżguraw li l-forzi armati tagħhom ikollhom spazju ta' l-ajru suffiċjenti għal għanijiet ta' edukazzjoni u taħriġ. Għandu għalhekk isir provvediment għal klawsola ta' salvagwardja li tagħmel possibbli li din is-setgħa tkun eżerċitata.

(23)

Sar qbil fuq arranġamenti għal koperazzjoni akbar fl-użu ta' l-ajruport ta' Ġibilta f'Londra fit-2 ta' Diċembru 1987 mir-Renju ta' Spanja u r-Renju Unit f'dikjarazzjoni konġunta mill-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi. Arranġamenti tali għad għandhom jidħlu f'operat.

(24)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-ħolqien ta' ajru uniku Ewropew, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba l-iskala trasnazzjonali ta' l-azzjoni, u għalhekk jista' jinkiseb aħjar fuq livell Komunitarju, filwaqt li jippermetti għal regoli ta' implimentazzjoni ddettaljati li jieħdu f'konsiderazzjoni kondizzjonijiet speċifiċi lokali, il-Komunità tista' taddotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjareta kif miġjub fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalita kif miġjub f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lilhinn milli hu meħtieġ biex jinkiseb dan il-għan.

(25)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu addottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni ( 7 ).

(26)

L-Artikolu 8(2) tar-Regoli Interni Standard għal kumitati ( 8 ) stabbilit bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE jipprovdi regola standard li skont il-president ta' kumitat jista' jiddeċiedi li jistieden partijiet terzi għal laqgħa ta' dak il-kumitat. Jekk xieraq, il-president tal-Kumitat dwar Ajru Uniku għandu jistieden rappreżentanti ta' Eurocontrol biex jieħdu sehem f'laqgħat bħala osservaturi jew esperti,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:



▼M1

Artikolu 1

Għan u Ambitu

1.  L-għan tal-inizzjattiva dwar l-ajru uniku Ewropew hu li jittejbu l-istandards attwali tat-traffiku tal-ajru, biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tas-sistema tat-trasport bl-ajru u biex ittejjeb il-prestazzjoni ġenerali tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) u s-sistema ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru (ANS) għat-traffiku tal-ajru ġenerali fl-Ewropa, bil-ħsieb li jinqdew il-ħtiġijiet ta’ dawk li jużaw l-ispazju tal-ajru. L-ajru uniku Ewropew se jkun jikkonsisti minn netwerk pan-Ewropew koerenti ta’ rotot, ġestjoni tan-netwerk u sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru bbażati biss fuq is-sikurezza, l-effiċjenza u l-kunsiderazzjonijiet tekniċi, għall-benefiċċju tal-utenti kollha tal-ispazju tal-ajru. Biex jilħaq dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas regolatorju armonizzat għall-ħolqien tal-ajru uniku Ewropew.

2.  L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 għandhom ikunu bla ħsara għas-Sovranità tal-Istati Membri fuq l-ispazju tal-ajru tagħhom u għar-rekwiżiti tal-Istati Membri marbuta mal-ordni pubbliku, mas-sigurtà pubblika u ma’ kwistjonijiet ta’ difiża, kif stabbilit fl-Artikolu 13. Dan ir-Regolament u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 ma jkoprux operazzjojijiet u taħriġ militari.

3.  L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-miżuri li jirreferi għalihom l-Artikolu 3 għandha tkun mingħajr ħsara għad-drittijiet u doveri ta’ Stati Membri taħt il-Konvenzjoni ta’ Chicago tal-1944 dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”). F’dan il-kuntest, għan ieħor ta’ dan ir-Regolament hu, fl-oqsma li jkopri, li jgħin lill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni ta’ Chicago, billi jipprovdi bażi għall- interpretazzjoni komuni u l-implimentazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tiegħu, filwaqt li jkun żgurat li dawn id-dispożizzjonijiet jitqiesu kif jixraq f’dan ir-Regolament u fir-regoli mfassla għall-implimentazzjoni tiegħu.

4.  L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-ajruport ta’ Ġibiltà tiftiehem li hija mingħajr ħsara għall-pożizzjonijiet legali rispettivi tar-Renju ta’ Spanja u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward it-tilwima fuq is-sovranità fuq it-territorju li fih qiegħed l-ajruport.

▼B

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament u tal-miżuri li jirreferi għalihom l-Artikolu 3, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

1. “servizz ta' kontroll tat-traffiku ta' l-ajru (KTA)” tfisser servizz ipprovdut għall-għan:

(a) li jimpedixxi kolliżjonijiet:

 bejn ajruplani, u

 fiż-żona ta' mmanuvrar bejn ajruplani u ingombri; u

(b) li jħaffef u jżomm fluss bl-ordni ta' traffiku ta' l-ajru;

2. “servizz ta' kontroll fl-ajrudrom” tfisser servizz ta' KTA għal traffiku fl-ajrudrom;

3. “servizz ta' informazzjoni aeronawtika” tfisser servizz stabbilit ġewwa ż-żona ddefinita ta' kopertura responsabbli għall-forniment ta' informazzjoni aeronawtika u data meħtieġa għas-sigurezza, regolarita, u effiċjenza tan-navigazzjoni ta' l-ajru;

4. “servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru” tfisser servizzi ta' traffiku ta' l-ajru; servizzi ta' komunikazzjoni, navigazzjoni u sorveljanza; servizzi meteoroloġiċi għal navigazzjoni ta' l-ajru;

5. “fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru” tfisser kull entita pubblika jew privata li tipprovdi servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru għal traffiku ta' l-ajru ġenerali;

6. “blokk ta' spazju ta' l-ajru” tfisser spazju ta' l-ajru ta' dimensjonijiet iddefiniti, fi spazju u żmien (ħin), li fihom servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru jkunu ipprovduti;

7. “amministrazzjoni ta' spazju ta' l-ajru” tfisser funzjoni ta' ppjanar bl-għan primarju li jisfrutta bl-aħjar mod possibbli l-ulitilizzazzjoni ta' spazju ta' l-ajru disponibbli permezz ta' parteċipazzjoni dinamika fil-ħin u, xi minn daqqiet, is-segregazzjoni ta' spazju ta' l-ajru fost il-kategoriji varji ta' utenti ta' spazju ta' l-ajru fuq il-bażi ta' ħtiġiet ta' terminu qasir;

▼M1

8. “utenti tal-ispazju tal-ajru” tfisser l-inġenji tal-ajru kollha operati bħala traffiku tal-ajru ġenerali;

▼B

9. “amministrazzjoni tal-fluss ta' traffiku ta' l-ajru” tfisser funzjoni stabbilita bil-għan li tikkontribwixxi fluss salv, bl-ordni u prontezza ta' traffiku ta' l-ajru billi tiżgura li l-kapaċita tal-KTA tkun utilizata bl-aħjar mod possibbli, u li l-volum tat-traffiku jkun kompatibbli mal-kapaċitajiet iddikjarati mill-fornituri tas-servizz proprju tat-traffiku ta' l-ajru;

▼M1

10. “ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM)” tfisser l-aggregazzjoni tal-funzjonijiet fl-ajru u dawk ibbażati fl-art (servizzi ta’ traffiku tal-ajru, ġestjoni tal-ispazju tal-ajru u ġestjoni tal-fluss ta’ traffiku tal-ajru) rekwiżita biex ikun żgurat il-moviment salv u effiċjenti tal-inġenju tal-ajru matul il-fażijiet kollha tal-operati;

▼B

11. “servizzi ta' traffiku ta' l-ajru” tfisser is-servizzi varji ta' informazzjoni ta' titjir, servizzi ta' allarm, servizzi ta' avviżi għal traffiku ta' l-ajru u servizzi ta' KTA (servizzi taż-żona, avviċinament u kontroll ta' l-ajrudrom);

12. “servizz ta' kontroll taż-żona” tfisser servizz ta' KTA għal titjiriet ikkontrollati fi blokk ta' spazju ta' l-ajru;

13. “servizz ta' kontroll ta' l-avviċinament” tfisser servizz ta' KTA għall-titjiriet ikkontrollati li ser jaslu jew jitilqu;

▼M1

13a. “Pjan Komprensiv tal-ATM” tfisser il-pjan li għandu approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/320/KE ( 9 ) tat-20 ta’ Marzu 2009, skont l-Artikolu Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta’ Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta’ Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) ( 10 );

▼B

14. “qatta ta' servizzi” tfisser żewġ servizzi jew aktar ta' navigazzjoni ta' l-ajru;

▼M1

15. “ċertifikat” tfisser dokument maħruġ minn awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza f’kull għamla li jikkonforma mal-liġi nazzjonali, li jikkonferma li l-fornitur tas-servizz ta’ navigazzjoni tal-ajru jissodisfa r-rekwiżiti biex jipprovdi servizz speċifiku;

▼B

16. “servizzi ta' komunikazzjoni” tfisser servizzi aeronawtiċi fissi jew mobbli li jagħmlu possibbli l-komunikazzjonijiet mill-art għall-art, mill-ajru għall-art u mill-ajru għall-ajru għall-finijiet tal-KTA;

17. “Xibka Ewropea ta' amministrazzjoni ta' traffiku ta' l-ajru” (XEATA tfisser il-ġabra ta' sistemi elenkati fl-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Marzu 2004 dwar l-interoperabilita tax-xibka Ewropea ta' amministrazzjoni ta' traffiku ta' l-ajru (ir-Regolament ta' interoperabilita) ( 11 ) li jagħmel possibbli li servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru fil-Komunità jkun pprovduti, inklużi saffi ta' spazju fil-konfini ma' pajjiżi terzi;

18. “konċett ta' operat” tfisser il-kriterji għall-użu operazzjonali tax-XEATA jew parti minnha;

19. “kostitwenti” tfisser oġġetti tanġibbli bħal hardware u oġġetti intanġibbli bħal software li fuqhom tiddependi l-interoperabilita tax-XEATA;

20. “Eurocontrol” hija l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurezza tan-Navigazzjoni ta' l-Ajru mwaqqfa bil-Konvenzjoni Internazzjonali tat-13 ta' Diċembru 1960 dwar Koperazzjoni għas-Sigurezza tan-Navigazzjoni ta' l-Ajru ( 12 )

▼M1 —————

▼M1

22. “użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru” tfisser kunċett ta’ ġestjoni tal-ispazju tal-ajru applikat fiż-żona tal-Konferenza Ewropea dwar Avjazzjoni Ċivili, fuq il-bażi tal-“Manwal ta’ Amministrazzjoni tal-Ispazju tal-ajru għall-applikazzjoni tal-Kunċett tal-Użu Flessibbli tal-Ispazju tal-ajru” maħruġ minn Eurocontrol;

▼B

23. “reġjun ta' informazzjoni għal titjir” tfisser spazju ta' l-ajru b'dimensjonijiet iddefiti li fihom ikunu pprovduti servizzi ta' informazzjoni u servizzi ta' allarm;

▼M1

23a. “servizz ta’ informazzjoni dwar it-titjira” tfisser servizz provdut sabiex jingħataw pariri u informazzjoni utli għat-tmexxija sikura u effiċjenti tat-titjiriet;

23b. “servizz ta’ twissija ta’ allarm” tfisser servizz provdut biex javża lill-organizzazzjonijiet xierqa dwar ajruplani fi bżonn ta’ għajnuna ta’ tiftix u salvataġġ, u biex jgħin tali organizzazzjonijiet skont il-ħtieġa;

▼B

24. “livell ta' titjir” tfisser wiċċ ta' pressjoni atmosferika kostanti li huwa konness mad-datum speċifiku ta' pressjoni ta' 1 013,2hectopascals (ettopascals) u huwa separat (jinfired) minn uċuh oħra tali b'intervalli speċifiċi ta' pressjoni;

▼M1

25. “blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru” tfisser blokk tal-ajru bbażat fuq ir-rekwiżiti operattivi u stabbiliti irrispettivament mill-fruntieri tal-Istat, fejn il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u l-funzjonijiet relatati huma misjuqa mill-prestazzjoni u msaħħa bil-ħsieb li tidħol, f’kull blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru, il-koperazzjoni mtejba fost il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jew, fejn jixraq, fornitur integrat;

▼B

26. “traffiku ta' l-ajru ġenerali” tfisser il-movimenti kollha ta' ajruplani ċivili, kif ukoll il-movimenti kollha ta' ajruplani statali (inklużi ajruplani militari, doganali u tal-pulizija) meta dawn il-movimenti jitwettqu b'konformita mal-proċeduri ta' l-OIAĊ;

27. “OIAĊ” tfisser Organizzazzjoni Internazzjonali dwar l-Avjazzjoni Ċivili, kif stabbilita bil-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzoni Ċivili Internazzjonali ta' l-1944;

28. “interoperabilita” tfisser sett ta' proprjetajiet funzjonali, tekniċi u operazzjonali rekwiżiti mis-sistemi u kostitwenti tax-XEATA u tal-proċeduri għall-operat tiegħu, biex jintgħamel possibbli l-operat salv, fl-assjem u effiċjenti tiegħu. Interoperabilita tinkiseb billi s-sistemi u kostitwenti jintgħamlu konformi mar-rekwiżiti essenzali;

29. “servizzi meteoroloġiċi” tfisser dawk il-faċilitajiet u servizzi li jipprovdu lill-ajruplani bi tbassir meteoroloġiku, istruzzjonijiet u osservazzjonijiet kif ukoll kull informazzjoni u data meteoroloġika oħra pprovduta minn Stati għal użu aeronawtiku;

30. “servizzi ta' navigazzjoni” tfisser dawk il-faċilitajiet u servizzi li jipprovdu lill-ajruplani b'informazzjoni dwar pożizzjoni u ħin propizju;

31. “data operazzjonali” tfisser informazzjoni dwar il-fażijiet kollha ta' titjir li huma rekwiżiti biex jittieħdu deċiżjonijiet operazzjonali minn fornituri ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru, utenti ta' spazju ta' l-ajru, operaturi ta' ajruporti u atturi oħra involuti;

32. “proċedura”, kif użata fil-kuntest tar-Regolament ta' interoperabilita, tfisser metodu standard għall-użu kemm tekniku kif ukoll operazzjonali ta' sistemi, fil-kuntest ta' konċetti maqbula u validati ta' operati li jirrekjedu implimentazzjoni uniformi max-XEATA kollha;

33. “tqegħid fis-servizz” tfisser l-ewwel użu operazzjonali wara l-istallazzjoni inizjali jew titjib fil-kwalità ta' sistema;

34. “xibka ta' rotot (network)” tfisser xibka ta' rotot speċifiċi biex ikun iggwidat il-fluss tat-traffiku ta' l-ajru ġenerali kif ikun meħtieġ għall-forniment ta' servizzi ta' KTA;

35. “irrottjar” tfisser itinerarju magħżul li għandu jkun segwit minn ajruplan matul l-operat tiegħu;

36. “operazzjoni fl-assjem tagħha” tfisser operazzjoni tax-XEATA f'manjiera tali li mill-perspettiva ta' l-utent tiffunzjona daqs li kieku kienet entita waħda (unika);

▼M1 —————

▼B

38. “servizzi ta' sorveljanza” tfisser dawk il-faċilitajiet u servizzi użati biex jiddeterminaw il-posizzjonijiet rispettivi ta' ajruplani biex jippermettu separazzjoni salva;

39. “sistema” tfisser l-aggregazzjoni ta' kostitwenti fl-ajru u dawk ibbażat fl-art, kif ukoll tagħmir ibbażat fl-ispazju, li tipprovdi appoġġ għal servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru għal fażijiet kollha ta' titjir;

40. “titjib fil-kwalità” tfisser kull modifikazzjoni li tbiddel il-karatteristiċi operazzjonali ta' sistema;

▼M1

41. “servizzi transkonfinali” tfisser kull sitwazzjoni fejn is-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru jingħataw fi Stat Membru minn fornitur tas-servizzi li jkun iċċertifikat fi Stat Membru ieħor.

▼B

Artikolu 3

Oqsma għal azzjoni mill-Komunità

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas regolatorju armonizzat għall-ħolqien ta' ajru uniku Ewropew flimkien ma':

(a) Ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu ta' l-ispazju ta' l-ajru fl-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament ta' l-ispazju ta' l-ajru) ( 13 );

(b) Ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru fl-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament dwar il-forniment ta' servizzi) ( 14 ); and

(ċ) Ir-Regolamentr (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Marzu 2004 dwar l-interoperabilita tax-xibka (network) Ewropea ta' Amministrazzjoni ta' Traffiku ta' l-Ajru (ir-Regolament dwar l-interoperabilita) ( 15 );

u mar-regoli ta' implimentazzjoni addottati mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament u r-regolamenti li hemm referenza għalihom hawn aktar 'il fuq.

2.  Il-miżuri li jirreferi għalhom il-paragrafu 1 għandhom japplikaw suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

▼M1

Artikolu 4

Awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza

1.  L-Istati Membri, b’mod konġunt jew b’mod individwali, għandhom jew jaħtru jew jistabbilixxu korp jew korpi bħala awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza biex tidħol għax-xogħlijiet assenjat lil din l-àawtorità skont dan ir-Regolament u skont il-miżuri li jirreferi għalihom l-Artikolu 3.

2.  L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom ikunu indipendenti mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. Din l-indipendenza għandha tinkiseb permezz tas-separazzjoni xierqa, għall-inqas fil-livell funzjonali, bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza u dawn il-fornituri.

3.  L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, indipendenti u trasparenti. Dan għandu jinkiseb bl-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi xierqa ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, fosthom fl-amministrazzjoni ta’ Stat Membru. Madankollu, dan m’għandux iwaqqaf lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza milli jeżerċitaw il-kompiti tagħhom fi ħdan ir-regoli ta’ organizzazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili jew ta’ korpi pubbliċi oħra.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza ikollhom ir-riżorsi u l-kapaċitajiet meħtieġa biex iwettqu d-dmirijiet l-kompiti li jingħatawlhom bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament b’mod effiċjenti u fil-ħin.

5.  L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-ismijiet u indirizzi tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, kif ukoll bil-bidliet li jsirulhom, u bil-miżuri meħuda biex tkun żgurata l-konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4.

▼B

Artikolu 5

Proċedura tal-Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku, hawn iżjed 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”, kompost minn rappreżentanti ta' kull Stat Membru u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-Kumitat għandu jiżgura konsiderazzjoni xierqa ta' l-interessi tal-kategoriji kollha ta' utenti.

2.  Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

3.  Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu taż-żmien li hemm referenza għalih fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KES għandu jiġi stabbilit għal xahar.

▼M1

4.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b’referenza għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

5.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1), (2), (4), (6) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 6

Korp Konsultattiv tal-Industrija

Bla ħsara għall-funzjoni tal-Kumitat u ta’ Eurocontrol, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi “korp konsultattiv tal-industrija”, li hgħalih għandhom jjappartjenu fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni tal-ajru, assoċjazzjonijiet ta’ utenti tal-ispazju tal-ajru, operaturi tal-ajruporti, l-industrija tal-manifattura u korpi rappreżentattivi tal-persunal professjonali. Il-funzjoni ta’ dan il-korp għandha tkun biss li tagħti parir lill-Kummissjoni dwar aspetti tekniċi tal-implimentazzjoni tal-ajru uniku Ewropew.

Artikolu 7

Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi Ewropej

Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jimmiraw għal u jappoġġjaw l-estensjoni tal-ajru uniku Ewropew għal pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea. Għal dak il-għan, huma għandhom jagħmlu sforz, jew fil-qafas tal-ftehim konklużi ma’ pajjiżi terzi, jew fil-kuntest tal-ftehim dwar it-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, biex jestendu l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u l-miżuri li jirreferi għalihom l-Artikolu 3, għal dawk il-pajjiżi.

Artikolu 8

Il-regoli implimentattivi

1.  Għall-iżvilupp tar-regoli implimentattivi l-Kummissjoni tista’ toħroġ mandati lill-Eurocontrol jew, fejn ikun xieraq, lil korp ieħor billi tistabbilixxi l-kompiti li jridu jitwettqu u l-iskeda biex dan isir, filwaqt li jitqiesu l-iskadenzi relevanti stipulati f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha taġixxi skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2).

2.  Meta l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li toħroġ mandat f’konformità mal-paragrafu 1, hija għandha tirsisti biex tagħmel l-aħjar użu mill-arranġementi eżistenti għall-involviment u l-konsultazzjoni tal-partijiet interessati kollha, fejn dawn l-arranġamenti jkunu jikkorrispondu mal-prattiki tal-Kummissjoni dwar proċeduri ta’ trasparenza u konsultazzjoni u ma jkunx hemm konflitt mal-obbligi istituzzjonali tagħha.

Artikolu 9

Penali

Il-penali li l-Istati Membri għandhom jistipulaw għal ksur ta’ dan ir-Regolament u tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 b’mod partikulari mill-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-fornituri ta’ servizzi għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 10

Konsultazzjoni tal-partijiet interessati

1.  L-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni għall-involviment xieraq tal-partijiet interessati, inklużi l-korpi rappreżentattivi tal-istaff professjonali, fl-implimentazzjoni tal-ajru uniku Ewropew.

2.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni fil-livell tal-Komunità. Il-Kumitat dwar id-Djalogu Settorjali speċifiku mwaqqaf skont id-Deċiżjoni 98/500/KE għandu jkun involut fil-konsultazzjoni.

3.  Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati għandha tkopri, b’mod partikolari, l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ kunċetti u teknoloġiji ġodda fl-EATMN.

Il-partijiet interessati jistgħu jinkludu:

 il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru,

 l-operaturi tal-ajruporti,

 l-utenti tal-ispazju tal-ajru relevanti jew il-gruppi relevanti li jirrappreżentaw l-utenti tal-ispazju tal-ajru,

 l-awtoritajiet militari,

 l-industrija tal-manifattura, u

 il-korpi rappreżentattivi tal-istaff professjonali.

Artikolu 11

Skema ta’ prestazzjoni

1.  Biex jitjiebu l-prestazzjoni tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u l-funzjonijiet tan-netwerks fl-ajru uniku Ewropew, għandha titwaqqaf skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk. Din għandha tinkludi:

(a) miri ta’ prestazzjoni fil-Komunità kollha dwar l-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin tas-sikurezza, l-ambjent, il-kapaċità u l-effiċjenza tan-nefqa;

(b) il-pjani nazzonali jew il-pjani għal blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, fosthom il-miri ta’ prestazzjoni, li jiżguraw konsistenza mal-miri ta’ prestazzjoni fil-Komunità kollha; u

(c) reviżjoni perjodika, monitoraġġ u kejl tal-prestazzjoni tal-funzjonijiet tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u ta’ netwerk.

2.  F’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 5(3), il-Kummissjoni tista’ tiddeżinja l-Eurocontrol jew lil korp imparzjali u kompetenti ieħor biex jaġixxi bħala “korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni”. Ir-rwol tal-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni għandu jkun li jassisti lill-Kummissjoni f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni, u biex jassisti lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni, meta jiġi mitlub, fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni jaġixxi b’mod indipendenti meta jwettaq il-kompiti li jkunu fdati lilu mill-Kummissjoni.

3.  

(a) Il-miri tal-prestazzjoni tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru madwar il-Komunità kollha għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni bi qbil mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 5(3), wara li jitiqesu l-inputs relevanti mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni fil-livell nazzjonali u jew fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali.

(b) Il-pjani nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom jitfasslu mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni u adottati mill-Istat Membru/mill-Istati Membri. Dawn il-pjani għandhom jinkludu miri nazzjonali vinkolanti jew miri fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali u skema ta’ inċentivi xierqa kif adottata mill-Istat Membru/mill-Istati Membri. L-abbozzar tal-pjani għandu jkun suġġett għal konsultazzjoni mal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, mar-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u, fejn relevanti, mal-operaturi tal-ajruporti u l-koordinaturi tal-ajruporti.

(c) Il-konsistenza tal-miri nazzjonali jew tal-miri tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali mal-miri ta’ prestazzjoni fil-Komunità kollha għandha tiġi evalwata mill-Kummissjoni permezz tal-kriterji ta’ evalwazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 6.

Fil-każ li l-Kummissjoni tiskopri li jkun hemm mira waħda jew aktar minn waħda nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ evalwazzjoni, tista’ tiddeċiedi, f’konformità mal-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2), li toħroġ rakkomandazzjoni sabiex l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni ikkonċernati jipproponu mira jew miri ta’ prestazzjoni riveduti. L-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom jadottaw miri ta’ prestazzjoni riveduti u miżuri xierqa li għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni fiż-żmien dovut.

Meta l-Kummissjoni ssib li l-miri ta’ prestazzjoni riveduti u l-miżuri xierqa ma jkunux adatti, tista’ tiddeċiedi, bi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(3), li l-Istati Membri kkonċernati jkollhom jieħdu miżuri korrettivi.

Inkella, l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, bl-appoġġ ta’ evidenza adegwata, li tirrevedi l-miri tal-prestazzjoni madwar il-Komunità bi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(3).

(d) Il-perjodu ta’ referenza għall-iskema ta’ prestazzjoni għandu jkopri minimu ta’ tliet snin u massimu ta’ ħames snin. Tul dan il-perjodu, fil-każ li l-miri nazzjonali jew il-miri tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali ma jintlaħqux, l-Istati Membri u/jew l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom japplikaw il-miżuri xierqa li jkunu ddefinixxew. L-ewwel perjodu ta’ referenza għandu jkopri l-ewwel tliet snin wara l-adozzjoni tar-regoli implimentattivi msemmija fil-paragrafu 6.

(e) Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjonijiet regolari fir-rigward tal-kisba tal-miri ta’ prestazzjoni u għandha tippreżenta r-riżultati lill-Kumitat tal-Ajru Uniku.

4.  Il-proċeduri li ġejjin għandhom japplikaw għall-iskema ta’ prestazzjoni msemmija fil-paragrafu 1:

(a) il-ġbir, il-validazzjoni, l-eżami, l-evalwazzjoni u t-tixrid tad-data relevanti marbuta mal-prestazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u mal-funzjonijiet tan-netwerk mill-partijiet rilevanti kollha, inklużi il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, l-utenti tal-ispazju tal-ajru, l-operaturi tal-ajruporti, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, l-Istati Membri u l-Eurocontrol;

(b) l-għażla ta’ oqsma elwenin ta’ prestazzjoni xierqa fuq il-bażi tad-Dokument ICAO Nru 9854 “il-Kunċett Operazzjonali tal-Immaniġġjar tat-Traffiku tal-Ajru Globali”, u “f’konsistenza mal-Qafas” ta’ Rendiment tal-Pjan Ġenerali tal-ATM, inklużi l-oqsma tas-sikurezza, l-ambjent, il-kapaċità u l-effiċjenza fl-ispiża, adattati, fejn xieraq, sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-ajru uniku Ewropew u l-objettivi relevanti għal dawn l-oqsma u d-definizzjoni ta’ sett limitat ta’ indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin għall-kejl tal-prestazzjoni;

(c) l-iffissar ta’ miri ta’ prestazzjoni, li japplikaw għall-Komunità kollha, li għandhom jiġu definiti filwaqt li jitqiesu l-inputs identifikati fil-livell nazzjonali jew fil-livell ta’ blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali;

(d) l-evalwazzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali fuq il-bażi tal-pjan nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali; u

(e) il-monitoraġġ tal-pjani ta’ prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokk tal-ispazju tal-ajru funzjonali, inklużi mekkaniżmi ta’ twissija xierqa.

Il-Kummissjoni tista’ żżid mal-lista tal-proċeduri msemmija f’dan il-paragrafu. Dawn il-miżuri, imfassla biex jiġu emendati elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 5(4).

5.  L-istabbiliment tal-iskema ta’ prestazzjoni għandu jieħu kont tas-servizzi en route, is-servizzi fit-terminal u l-funzjonijiet ta’ netwerks huma differenti u għandhom jiġu ttrattati bħala tali anke, jekk ikun neċessarju, għal skopijiet ta’ kejl tal-prestazzjoni.

6.  Għall-iffunzjonar dettaljat tal-iskema ta’ prestazzjoni, il-Kummissjoni għandha, sal-4 ta’ Diċembru 2011 u fi żmien xieraq biex jiġu ssodisfati l-iskadenzi stipulati f’dan ir-Regolament, tadotta regoli implimentattivi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(3). Dawn ir-regoli implimentattivi għandhom ikopru b’mod partikolari dan li ġej:

(a) il-kontenut u l-iskeda tal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 4;

(b) il-perjodu ta’ referenza u l-intervalli għall-evalwazzjoni tal-kisba tal-miri ta’ prestazzjoni u l-iffissar ta’ miri ġodda;

(c) il-kriterji għall-iffissar, mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, ta’ pjani tal-prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, li jkun fihom il-miri ta’ prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali u l-iskema ta’ inċentivi. Il-pjani tal-prestazzjoni għandhom:

(i) ikunu bbażati fuq pjani kummerċjali tal-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru;

(ii) jindirizzaw l-elementi kollha tal-ispiża bażi tan-nefqa nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali;

(iii) jinkludu miri vinkolanti ta’ prestazzjoni konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni li japplikaw għall-Komunità kollha;

(d) il-kriterji biex jiġi evalwat jekk il-miri nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali humiex konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni li japplikaw għall-Komunità kollha matul il-perjodu ta’ referenza u biex jiġu appoġġjati l-mekkaniżmi ta’ twissija;

(e) il-prinċipji ġenerali għat-twaqqif ta’ skema ta’ inċentivi mill-Istati Membri;

(f) il-prinċipji għall-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu tranżitorju neċessarju għall-adattazzjoni għat-tħaddim tal-iskema ta’ prestazzjoni ta’ mhux aktar minn 12-il xahar minn wara l-adozzjoni tar-regoli implimentattivi.

▼B

Artikolu 12

Sorveljanza, immonitorjar u metodi ta' stima ta' l-impatt

1.  Is-sorveljanza, immonitorjar u metodi ta' stima ta' impatt għandhom ikunu bbażati fuq is-sottomissjoni tar-rapport annwali mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni meħuda skond dan ir-Regolament u l-miżuri li jirreferi għalihom l-Artikolu 3.

▼M1

2.  Il-Kummissjoni għandha tirrevedi perjodikament l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3, u qabel xejn għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-4 ta’ Ġunju 2011, u minn hemm ‘il quddiem fit-tmiem ta’ kull perjodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 11 (3)(d). Meta dan ikun iġġustifikat għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista’ titlob mill-Istati Membri informazzjoni addizzjonali għall-informazzjoni li qiegħda fir-rapporti ppreżentati minnhom skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

▼B

3.  Għall-għanijiet tal-kitba tar-rapporti li jirreferi għalihom il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Kumitat.

▼M1

4.  Ir-rapporti għandu jkun fihom stima tar-riżultati miksuba mill-azzjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament inkluża informazzjoni xierqa dwar żviluppi fis-settur, b’mod partikulari dwar aspetti ekonomiċi, soċjali, ta’ impjiegi u teknoloġiċi, kif ukoll dwar il-kwalità ta’ servizz, fid-dawl tal-għanijiet oriġinali u bil-ħsieb ta’ ħtiġiet futuri.

▼B

Artikolu 13

Salvagwardji

Dan ir-Regolament m'għandux jimpedixxi l-applikazzjoni ta' miżuri minn Stat Membru sal-punt li jkunu meħtieġa biex jissalvagwardjaw sigurezza essenzali jew interessi ta' politika ta' difiża. Miżuri tali huma b'mod partikulari dawk li huma importanti ħafna:

 għas-sorveljanza ta' l-ispazju ta' l-ajru li huwa taħt ir-responsabbilta tiegħu skond ftehim tan-Navigazzjoni ta' l-Ajru Reġjonali ta' l-OIAĊ, inkluża l-kapaċita li josserva (jiskopri), jidentifika u jistima l-ajruplani kollha li jużaw spazju ta' l-ajru tali, bil-ħsieb li jfittex li jissalvagwardja s-sigurezza ta' titjiriet u jieħu azzjoni biex jiżgura l-ħtieġiet ta' sigurata u difiża,

 fil-każ ta' disturbi serji interni li jolqtu (jaffettwaw) ż-żamma tal-liġi u l-ordni,

 fil-każ ta' gwerra jew tensjoni serja internazzjonali li tikkostitwixxi theddida ta' gwerra,

 għas-sodifazzjoni ta' l-obbligi internazzjonali ta' l-Istat Membru in konnessjoni maż-żamma tal-paċi u sigurtà internazzjonali,

 biex imexxi operazzjonijiet u taħriġ militari, inklużi l-possibbiltajiet meħtieġa għal eżerċizzi.

▼M1

Artikolu 13a

L-Aġenzija tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ewropea

Fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolamenti (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004 u r-Regolament KE Nru 216/2008tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni ( 16 ), l-Istati Membri u l-Kummissjoni, f’konformità mal-irwoli rispettivi tagħhom kif stipulat f’dan ir-Regolament, għandhom jikkoordinaw kif xieraq mal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-aspetti kollha tas-sikurezza jiġu indirizzati b’mod xieraq.

▼B

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU C 103 E, tat-30.4.2002, p. 1.

( 2 ) ĠU C 241, tas-7.10.2002, p. 24.

( 3 ) ĠU C 278, ta' l-14.11.2002, p. 13.

( 4 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Settembru 2002 (ĠU C 272 E, tat-13.11.2003, p. 296), pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-18 ta' Marzu 2003 (ĠU C 129 E, tat-3.6.2003, p. 1) u pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Lulju 2003 (għadha mhix ipubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Jannar 2004 u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Frar 2004.

( 5 ) ĠU L 96, tal-31.3.2004, p. 9.

( 6 ) ĠU L 225, tat-12.8.1998, p. 27.

( 7 ) ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

( 8 ) ĠU C 38, tas-6.2.2001, p. 3.

( 9 ) ĠU L 95, 9.4.2009, p. 41.

( 10 ) ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1.

( 11 ) ĠU L 96, tal-31.3.2004, p. 33.

( 12 ) Konvenzjoni immodifikata bil-protokoll tat-12 ta' Frar 1981 u riveduta bil-Protokoll tas-27 ta' Ġunju 1997.

( 13 ) ĠU L 96, tal-31.3.2004, p. 20.

( 14 ) ĠU L 96, tal-31.3.2004, p. 10.

( 15 ) ĠU L 96, tal-31.3.2004, p. 26.

( 16 ) ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.