2002R0843 — MT — 06.01.2005 — 003.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 843/2002

tal-21 ta’ Mejju 2002

li jippreskrivi l-istandard ta’ kwalità fil-bejgħ tal-frawli u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 899/87

(ĠU L 134, 22.5.2002, p.24)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 46/2003 tal-10 ta’ Jannar 2003

  L 7

61

11.1.2003

►M3

IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KEE) Nru 907/2004 tad-29 ta' April, 2004

  L 163

50

30.4.2004




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 843/2002

tal-21 ta’ Mejju 2002

li jippreskrivi l-istandard ta’ kwalità fil-bejgħ tal-frawli u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 899/87



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex ( 1 ), kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 545/2002 ( 2 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 3(3)(ċ) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-frawli huma fost il-prodotti li jidhru fl-Anness 1 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 li għalihom iridu jiġu adottati standards ta’ kwalità. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 899/87 tat-30 ta’ Marzu 1987 li jippreskrivi standards ta’ kwalità għaċ-ċirasa u l-frawli ( 3 ), kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 888/97 ( 4 ), ġie emendat u ma jistax jiggarantixxi aktar kjarezza legali.

(2)

Għal skopijiet ta’ kjarezza, ir-regoli fuq il-frawli għandhom jiġu mifruda minn dawk ta’ prodotti oħra taħt ir-Regolament (KEE) Nru 899/87. F’din l-okkażjoni, bl-iskop li tiġi protetta t-trasparenza fis-suq dinji, għandu jiġi kkunsidrat l-istandard tal-kwalità fil-frawli rakkomandat mill-Grupp tax-Xogħol fuq l-Istandardizzazzjoni ta’ Prodotti li Jitħassu Malajr u l-Iżvilupp ta’ Kwalità tal-Kummissjoni Ekonomika tal-Ġnus Magħquda għall-Ewropa (UN/ECE). Ir-regoli li jikkonċernaw il-frawli għandhom għaldaqstant jiġu miktuba mill-ġdid u għal din ir-raġuni r-Regolament (KEE) Nru 899/87 għandu jiġi emendat.

(3)

Bl-applikazzjoni ta’ standards ġodda ta’ kwalità għandhom jitneħħew mis-suq prodotti li l-kwalità tagħhom mhix sodisfaċenti, il-produzzjoni ssir konformi mal-ħtiġijiet tal-konsumatur kif ukoll jiġi iffaċilitat il-kummerċ ibbażat fuq kompetizzjoni leali, u b’hekk jiġi megħjun titjib fil-profitti.

(4)

L-istandards ta’ kwalità huma applikabbli fil-fażijiet kollha tal-marketing. It-trasport fit-tul, il-ħżin tal-prodotti għal aktar minn ċertu perjodu u l-proċessi varji li minnhom jgħaddu l-prodotti, jistgħu jikkawżaw ċertu grad ta’ taħsir minħabba l-proċess bioloġiku tal-prodotti jew in-natura ta’ taħsir malajr tagħhom. Dan it-taħsir għandu jiġi kkunsidrat meta jiġu applikati l-istandards ta’ kwalità fl-istadji tal-bejgħ wara li jkun sar id-dispaċċ. Peress illi prodotti tal-Klassi “Extra” iridu jiġu magħżula u ppakkjati b’attenzjoni partikolari, fil-każ tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati biss in-nuqqas ta’ freskezza u l-istat ta’ nefħa tagħhom.

(5)

Waħda mill-kondizzjonijiet minimi tal-frawli hija li għandhom ikunu mmaturaw biżżejjed. Id-data xjentifika u teknika eżistenti ma tippermittix li jiġu definiti kriterji ta’ min wieħed joqgħod fuqhom u oġġettivi biex tista’ tiġi assessjata din il-kondizzjoni.

(6)

Il-bejgħ ta’ frawli, mingħajr ir-rimja, ta’ ċerti varjetajiet li malajr iwaqqgħu r-rimja tagħhom fi żmien il-ħsad, huwa tradizzjonali fir-reġjun tal-produzzjoni ġewwa l-Finlandja u ġewwa d-Danimarka. Dawn iż-żewġ Stati Membri għamlu talba, skond ir-Regolament (KE) Nru 2200/96, biex il-frawli li jiġu prodotti u kkunsmati f’dawk ir-reġjuni m’għandhomx għalfejn jikkonformaw ma’ dawk l-istandards ta’ kwalità. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jinkludi deroga li taħseb għal dan.

(7)

Il-miżuri li hemm maħsuba f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni dwar il-Frott Frisk u l-Ħxejjex,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



L-Artikolu 1

L-istandard ta’ kwalità għall-frawli li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 0810 10 00 għandu jkun kif hemm iddikjarat fl-Anness.

L-istandard ta’ kwalità għandu japplika fil-fażijiet kollha tal-marketing taħt il-kondizzjonijiet preskritti fir-Regolament (KE) Nru 2200/96.

Madankollu, fil-fażijiet ta’ wara dak tad-dispaċċ, il-prodotti jistgħu juru b’relazzjoni mal-kondizzjonijiet ta’ l-istandard tal-kwalità:

(a) nuqqas żgħir ta’ freskezza u ta’ stat ta’ nefħa;

(b) fir-rigward ta’ prodotti li mhumiex klassifikati taħt il-Klassi “Extra”, taħsir żgħir ħafna minħabba l-proċess ta’ żvilupp tagħhom u t-tendenza li jkollhom li jitħassru.

L-Artikolu 2

1.  Minkejja d-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-frawli ta’ dawk il-varjetajiet li malajr iwaqqgħu r-rimja tagħhom fi żmien il-ħsad jistgħu jinbiegħu mingħajr rimja fir-reġjun tal-produzzjoni ġewwa l-Finlandja u ġewwa d-Danimarka.

2.  Għall-applikazzjoni ta’ paragrafu 1, kull pakkett jew lott għandu jkollu muri fuqu, minbarra l-indikazzjoni l-oħra meħtieġa, l-indikazzjoni li ġejja:

 bil-Finlandiż:

 

“myydään ainoastaan… (reġjun tal-produzzjoni),”,

 bid-Daniż:

 

“må kun sælges i… (reġjun tal-produzzjoni),”,

 bl-Isvediż:

 

“får endast säljas i… (reġjun tal-produzzjoni).”.

L-Artikolu 3

Ir-Regolament (KEE) Nru 899/87 huwa emendat kif ġej:

(a) It-titolu qiegħed jiġi sostitwit b’dan li ġej: “Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 899/87 tat-30 ta’ Marzu 1987 li jippreskrivi standards ta’ kwalità għaċ-ċirasa”.

(b) L-Artikolu 1(1) qiegħed jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.  L-istandards ta’ kwalità għaċ-ċirasa, li taqa’ taħt il-kodiċi NM 0809 20 95, għandhom ikunu kif imniżżla fl-Anness.”;

(ċ) L-Anness II huwa mħassar.

(d) Fl-Anness I, il-kliem “L-Anness I” qegħdin jiġu sostitwiti bil-kelma li ġejja: “L-Anness”.

L-Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mill-ewwel ġurnata tat-tielet xahar wara li jkun daħal fis-seħħ.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




L-ANNESS

STANDARD TA’ KWALITÀ GĦALL-FRAWLI

I.   DEFINIZZJONI TAL-PRODOTT

Dan l-istandard ta’ kwalità japplika għall-frawli ta’ varjetajiet (imnissla bil-koltivazzjoni) mkabbra mill-ġenus Fragaria L. li jitwasslu friski għand il-konsumatur, filwaqt li jiġu esklużi frawli għall-ipproċessar industrijali.

II.   DISPOSIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW IL-KWALITÀ

L-Iskop ta’ l-istandard ta’ kwalità huwa li jiġu definiti l-kondizzonijiet meħtieġa tal-frawli wara l-proċess tal-preparazzjoni u l-imballaġġ.

A.   Kondizzjonijet minimi meħtieġa

Fil-klassijiet kollha, soġġett għad-disposizzjonijiet speċjali għal kull klassi u t-tolleranzi permissibbli, il-frawli għandhom ikunu:

 intatti,

 tajbin; prodotti li jkunu affettwati mit-taħsir u d-deterjorazzjoni li jagħmilhom mhux tajbin għall-konsum tan-nies huma esklużi,

 nodfa, prattikament li jkunu ħielsa minn kull materja barranija li tkun tidher,

 jidhru friski, imma mhux maħsula,

 prattikament ħielsa minn insetti,

 prattikament ħielsa minn ħsara ikkaġunata minn insetti,

 bir-rimja (ħlief fil-każ ta’ frawli selvaġġ); ir-rimja u z-zokk (jekk ikun hemm) iridu jkunu friski u ħodor,

 ħielsa minn umdità esterna anormali,

 ħielsa minn riħa u/jew togħma barranija.

Il-frawli għandhom ikunu ġew maqtugħa bl-attenzjoni.

Iridu jkunu kibru biżżejjed u jkunu juru kondizzjoni sodisfaċenti ta’ maturità. Il-kobor u l-kondizzjoni tagħhom iridu jkunu tax-xorta li tippermettilhom:

 li jifilħu għat-trasport u t-tqandil, u

 li jaslu f’kondizzjoni sodisfaċenti fil-post tad-destinazzjoni.

B.   Klassifikazzjoni

Il-frawli jiġi klassifikat fi tliet klassijiet kif definiti hawn taħt:

(i)   Klassi “Extra”

Il-frawli f’din il-klassi għandu jkun ta’ kwalità superjuri. Irid ikun karatteristiku tal-varjetà partikolari.

Irid ikun ileqq fl-apparenza, filwaqt illi jaħseb għall-karatteristiċi tal-varjetà.

Irid ikun ħieles mill-ħamrija.

Irid ikun ħieles minn difetti bl-eċċezzjoni ta’ difetti superfiċjali żgħar ħafna bil-kondizzjoni li dawn ma jaffettwawx id-dehra ġenerali tal-prodott, il-kwalità, iż-żamma tal-kwalità u l-preżentazzjoni fil-pakkett.

(ii)   Klassi I

Il-frawli f’din il-klassi jrid ikun ta’ kwalità tajba. Fejn jidħol il-kulur u l-forma, irid ikun karatteristiku tal-varjetà partikolari.

Id-difetti żgħar li ġejjin, madankollu, huma permissibbli bil-kondizzjoni li dawn ma jaffettwawx id-dehra ġenerali tal-prodott, il-kwalità, iż-żamma tal-kwalità u l-preżentazzjoni fil-pakkett:

 difett żgħir fil-forma,

 roqgħa bajda, li ma teċċedix wieħed minn għaxra ta’ l-erja tal-wiċċ tal-frotta,

 marki żgħar ta’ tagħfis fil-wiċċ.

Għandhom ikunu prattikament ħielsa mill-ħamrija.

(iii)   Klassi II

Din il-klassi tinkludi frawli li ma jikkwalifikawx biex jiġu inklużi fil-klassijiet aktar għolja, imma li jissodisfaw il-kondizzjonijiet minimi meħtieġa speċifikati hawn fuq.

Id-difetti li ġejjin jistgħu jkunu permissibbli bil-kondizzjoni li l-frawli jibqgħu jżommu l-karatteristiċi essenzjali tagħhom fejn jirrigwarda l-kwalità, iż-żamma tal-kwalità u l-preżentazzjoni:

 difetti fil-forma,

 roqgħa bajda li ma tkunx akbar minn wieħed minn ħamsa ta’ l-erja tal-wiċċ tal-frotta,

 tbenġil ħafif li jkun xott u mhux probabbli li jinxtered,

 traċċi żgħar ta’ ħamrija.

III.   DISPOSIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW ID-DAQS

Id-daqs jiġi determinat bid-dijametru massimu tas-sezzjoni ekwatorjali.

Il-frawli għandu jkun tad-daqsijiet minimi li ġejjin:

 Klassi “Extra”: 25 mm,

 Klassi I u II: 18 mm.

M’hemmx daqs minimu għall-frawli selvaġġi.

IV.   DISPOSIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW IT-TOLLERANZI

Tolleranzi fir-rigward ta’ kwalità u daqs għandhom jiġu permessi f’kull pakkett għall-prodott li ma jissodisfax il-kondizzjonijet tal-klassi indikata.

A.   Tolleranzi tal-kwalità

(i)   Klassi “Extra”

5 % bin-numru jew bil-piż tal-frawli li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet tal-klassi imma li jossodisfaw dawk ta’ Klassi I jew, b’mod eċċezzjonali, fil-limiti tat-tolleranzi ta’ dik il-klassi. Minn dawn il-5 % mhux aktar minn total ta’ 2 % jista’ jikkonsisti minn frott imħassar.

(ii)   Klassi I

10 % bin-numru jew bil-piż tal-frawli li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet tal-klassi imma li jissodisfaw dawk ta’ Klassi II jew, b’mod eċċezzjonali, fil-limiti tat-tolleranzi ta’ dik il-klassi. Minn dawn l-10 %, mhux aktar minn total ta’ 2 % jista’ jikkonsisti minn frott imħassar.

(iii)   Klassi II

10 % bin-numru jew bil-piż tal-frawli li ma jossodisfawx la l-kondizzjonijiet tal-klassi u lanqas il-kondizzjonijet minimi meħtieġa, bl-eċċezzjoni ta’ prodott affettwat bit-taħsir, tbenġil aħrax jew kull deterjorament ieħor li jagħmilhom mhux tajba biex jittieklu mill-bniedem. Minn dawn l-10 %, mhux aktar minn total ta’ 2 % jista’ jikkonsisti minn frott imħassar.

B.   Tolleranzi tad-daqs

Għall-klassijiet kollha: 10 % bin-numru jew bil-piż tal-frawli li ma jikkonformawx mad-daqs minimu.

V.   DISPOSIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW IL-PREŻENTAZZJONI

A.   Uniformità

Il-kontenut ta’ kull pakkett għandu jkun uniformi u jkun fih biss frawli ta’ l-istess oriġini, varjetà u kwalità.

Fil-każ tal-klassi “Extra”, il-frawli, bl-eċċezzjoni tal-frawli tal-bosk, irid ikun b’mod partikolari uniformi u regolari fir-rigward tal-grad ta’ maturità, kulur u daqs. Fi Klassi I, il-frawli jistgħu jkunu anqas uniformi fid-daqs.

Il-parti li tidher tal-kontenut tal-pakkett trid tkun rappreżentattiva tal-kontenut kollu.

▼M1

Minkejja d-dispożizzjonijiet preċedenti f’dan il-punt, prodotti kopriti b’dan ir-Regolament jistgħu jiġu mħallta, f’pakketti ta’ bejgħ  ta' piż nett inqas jew daqs tliet kilogrammi ◄ , b’tipi differenti ta’ frott u ħaxix frisk skond il-kondizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 48/2003 ( 5 ).

▼B

B.   Imballaġġ

Il-frawli għandhom jiġu ppakkjati b’mod li l-prodott ikun protett kif suppost.

Il-materjal li jintuża għal ġewwa l-pakkett irid ikun ġdid, nadif u ta’ kwalità li tiġi evitata kull ħsara minn barra jew minn ġewwa għall-prodott. L-użu ta’ materjali, partikolarment karta jew timbri li jkun fihom speċifikazzjonijiet tan-negozju huwa permess bil-kondizzjoni li l-istampar u t-tqegħid tat-tikketti jkun sar bl-użu ta’ linka li mhix tossika jew kolla.

Il-frott ta’ Klassi “Extra” għandu jkun ippreżentat b’mod l-aktar tajjeb.

Il-pakketti jridu jkunu ħielsa minn kull ħaġa barranija.

▼M3

Tikketti li jitwaħħlu individwalment fuq il-prodott għandhom ikunu hekk li meta jitneħħew ma jħallux warajhom traċċi ta' kolla li jidhru u li dawn ma jwasslux għal difetti fil-ġilda.

▼B

VI.   DISPOSIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW L-IMMARKAR

Kull pakkett irid ikollu fuqu l-partikolaritajiet li ġejjin, f’ittri miġbura flimkien fuq l-istess naħa, immarkati b’mod li jinqara sew u li ma jitħassrux, u li jidhru min-naħa ta’ barra:

▼M3

A.   Identifikazzjoni

L-isem u l-indirizz ta' min jippakkja u ta' min jibgħat.

Dan id-dettall jista' jinbidel:

 fil-każ tal-pakkjar kollu ħlief pakkjar li jkun lest minn qabel, bil-marka ta' kowd maħruġa uffiċjalment u aċċettata li tirrappreżenta lil min ippakkja u/jew lil min ikun jibgħat, indikata f'konnessjoni mill-qrib bir-riferenza “Min Ippakkja u/jew Min Qed Jibgħat” (jew abbrevjazzjonijiet li jfissru l-istess);

 fil-każ biss ta' pakkjar li jkun tlesta minn qabel, b'isem u l-indirizz ta' bejjiegħ stabbilit fil-Komunità indikat b'konnessjoni mill-qrib bid-dettall “Ippakkjat għal:” jew b'xi dettall li jfisser l-istess. F'dan il-każ, it-tikkettjar għandu jinkludi wkoll xi kowd li jirrappreżenta lil min ippakkja u/jew lil min ikun qed jibgħat. Il-bejjiegħ irid jagħti l-informazzjoni kollha meqjusa bħala meħtieġa mill-korp ta' spezzjoni dwar it-tifsira ta' dan il-kowd.

▼B

B.   Natura tal-prodott

 “Frawli”, jekk il-kontenut tal-pakkett ma jkunx jidher min-naħa ta’ barra.

 Isem tal-varjetà (mhux obbligatorju).

Ċ.   Oriġini tal-prodott

 L-isem tal-pajjiż ta’ l-oriġini u, mhux obbligatorju, id-distrett fejn sar it-tkabbir jew l-isem nazzjonali, reġjonali jew lokali tal-post.

D.   Speċifikazzjonijiet Kummerċjali

 Klassi.

E.   Marka uffiċjali tal-kontroll (mhux obbligatorja)

▼M3

L-ippakkjar m'għandux għalfejn juri d-dettalji msemmija fl-ewwel subparagrafu, meta dan ikun jinkludi pakkjar lest għall-bejgħ, li jkun jidher biċ-ċar minn barra u li jkun fih dawn id-dettalji. Dan il-pakkjar m'għandux ikollu indikazzjonijiet li jistgħu iqarrqu. Meta dan l-ippakkjar ikun imqiegħed fuq pallets, id-dettalji għandhom jidhru permezz ta' avviż imqiegħed f'pożizzjoni ovvja fuq għall-inqas żewġ naħat tal-pallet.



( 1 ) ĠU L 297, tal-21.11.1996, p. 1.

( 2 ) ĠU L 84, tat-28.3.2002, p. 1.

( 3 ) ĠU L 88, tal-31.3.1987, p. 17.

( 4 ) ĠU L 126, tas-17.5.1997, p. 11.

( 5 ) ĠU L 7, tal-11.1.2003, P.65.