02002L0047 — MT — 12.08.2022 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

ID-DIRETTIVA 2002/47/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Ġunju 2002

dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali

(ĠU L 168 27.6.2002, p. 43)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA 2009/44/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-6 ta’ Mejju 2009

  L 146

37

10.6.2009

 M2

DIRETTIVA 2014/59/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta’ Mejju 2014

  L 173

190

12.6.2014

►M3

REGOLAMENT (UE) 2021/23 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-16 ta’ Diċembru 2020

  L 22

1

22.1.2021




▼B

ID-DIRETTIVA 2002/47/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Ġunju 2002

dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali



Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.  
Din id-Direttiva tistabbilixxi reġim tal-Komunità applikabbli għall-arranġamenti dwar il-kollateral finanzjarju li jissodisfaw il-ħtiġijiet mfassla f'paragrafi 2 u 5, u għall-kollateral finanzjarju skond il-kondizzjonijiet imfassla f'paragrafi 4 u 5.
2.  

Min jieħu l-kollateral u min jipprovdi l-kollateral, iridu jkunu t-tnejn jappartjenu għal wieħed mis-segwenti kategoriji:

(a) 

awtorità pubblika (esklużi impriżi li huma garantiti pubblikament, sakemm ma jkunux jaqaw taħt il-punti (b) sa (e)), inkluż:

(i) 

korpi mis-settur pubbliku ta' l-Istati Membri li jkunu responsabbli jew jintervjenu fit-tmexxija tad-dejn pubbliku, u

(ii) 

korpi mis-settur pubbliku ta' l-Istati Membri awtorizzati sabiex iżommu kontijiet għall-konsumaturi;

▼M1

(b) 

bank ċentrali, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank għas-Settlements Internazzjonali, bank dwar l-iżvilupp multilaterali kif jissemmew fit-Taqsima 4 tal-Parti 1 tal-Anness VI għad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar il-bidu u ż-żamma ta’ negozju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (tfassil mill-ġdid) ( 1 ), il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Ewropew tal-Investiment;

▼B

(ċ) 

istituzzjoni finanzjarja soġġetta għas-superviżjoni prudenzjali, nkluż:

▼M1

(i) 

istituzzjoni ta’ kreditu kif ġiet definita fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/48/KE, inklużi l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva;

(ii) 

impriża ta’ investiment kif ġiet definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji ( 2 );

(iii) 

istituzzjoni finanzjarja kif ġiet definita fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2006/48/KE;

(iv) 

impriża tal-assigurazzjoni kif ġiet definita fil-punt (a) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja (it-tielet direttiva mhux dwar il-ħajja) ( 3 ) u impriża tal-assigurazzjoni tal-ħajja kif ġiet definita fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja ( 4 );

▼B

(v) 

impriża għall-investiment kollettiv f'garanziji trasferibbli (IKFGT) kif definiti fl-Artiklu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar il-kordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-impriżi għall-investiment kollettiv f'garanziji trasferibbli (IKFGT) ( 5 );

(vi) 

kumpannija ta' tmexxija kif definita fl-Artiklu 1a(2) tad-Direttiva 85/611/KEE;

(d) 

kontroparti ċentrali, aġent ta' ħlas jew dar ta' tneħħija, kif definiti rispettivament fl-Artiklu 2(ċ), (d) u (e) tad-Direttiva 98/26/KE, inklużi istituzzjonijiet simili regolati taħt il-liġi nazzjonali, li jaġixxu fil-futur, għażliet u swieq derivattivi sa l-estent mhux kopert minn dik id-Direttiva, u persuna, oltre persuna naturali, li taġixxi ġo amministrazzjoni fiduċjarja jew kapaċità rappreżentattiva għan-nom ta' kwalunkwe wieħed jew aktar persuni li jinkludu kwalunkwe persuni li għandhom f'idejhom ishma, jew persuni li għandhom f'idejhom forom oħra ta' debiti garantiti jew kwalunkwe istituzzjoni kif definita fil-punti (a) sa (d);

(e) 

persuna oltre persuna naturali, nklużi azjendi mhux inkorporati u soċjetajiet, kemm-il darba l-parti l-oħra hija istituzzjoni kif definita fil-punti (a) sa (d).

3.  
Stati Membri jistgħu jeskludu mill-iskop ta' din id-Direttiva, arranġamenti dwar kollateral finanzjarju fejn waħda mill-partijiet hija persuna msemmija fil-paragrafu 2(e).

Jekk jagħmlu użu minn din l-għażla l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, li għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra tagħha.

4.  
►M1  
(a) 

Il-kollateral finanzjarju li jrid jiġi pprovdut għandu jikkonsisti fi flus kontanti, strumenti finanzjarji jew talbiet għal kreditu;

 ◄
(b) 

Stati Membri jistgħu jeskludu mill-iskop ta' din id-Direttiva, kollateral finanzjarju li jikkonsisti mill-ishma ta' min qed jipprovdi l-kollateral stess, ishma f'impriżi affiljati fi ħdan it-tifsira tas-seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta' Ġunju 1983 dwar il-kontijiet konsolidati ( 6 ), u ishma f'impriżi li l-iskop esklussiv tagħhom huwa li jkollhom mezz ta' produzzjoni li huma essenzali għan-negozju ta' min jipprovdi l-kollateral jew li jkollhom propjeta immobli.

▼M1

(c) 

L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-ambitu ta’ din id-Direttiva talbiet għal kreditu meta d-debitur ikun konsumatur kif iddefinit fil-punt (a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi ( 7 ) jew intrapriża mikro jew żgħira kif definita fl-Artikolu 1 u fl-Artikolu 2(2) u (3) tal-anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 rigward id-definizzjoni ta’ mikro-intrapriżi u ta’ intrapriżi żgħar u medji ( 8 ), ħlief fejn ir-riċevitur tal-kollateral jew il-fornitur tal-kollateral ta’ talbiet għal kreditu bħal dawn ikun wieħed mill-istituzzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-Direttiva.

▼B

5.  
Din id-Direttiva tapplika għall-kollateral finanzjarju, ladarba tkun ġiet ipprovduta u jekk dik l-għotja tkun tista tiġi testimonjata bil-mikub.

Ix-xhieda ta' l-għoti ta' kollateral finanzjarju għandha tippermetti għall-identifikazzjoni tal-kollateral finanzjarju li għalih japplika. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li jiġi ppruvat illi l-kollateral tal-garanziji tat-tiniżżil fil-ktieb, ikunu ġew ikkreditati ġo kont magħżul. ►M1  Għal talbiet għal kreditu, l-inklużjoni f’lista ta’ talbiet imressqin bil-miktub, jew b’mod legalment ekwivalenti, lir-riċevitur tal-kollateral hija biżżejjed sabiex tidentifika t-talba għal kreditu u biex tagħti prova tal-forniment tat-talba pprovduta bħala kollateral finanzjarju bejn il-partijiet. ◄

▼M1

Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-inklużjoni f’lista ta’ talbiet imressqin bil-miktub, jew b’mod legalment ekwivalenti, lir-riċevitur tal-kollateral hija wkoll biżżejjed sabiex tidentifika t-talba għal kreditu u biex tagħti prova tal-forniment tat-talba pprovduta bħala kollateral finanzjarju kontra d-debitur u/jew il-partijiet terzi.

▼B

Din id-Direttiva tapplika għall-arranġamenti dwar il-kollateral finanzjarju, jekk dak l-arranġament jista jkun testimonjat bil-miktub jew b'manjiera legali ekwivalenti.

▼M3

6.  
L-Artikoli 4 sa 7 ta’ din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għall-ebda restrizzjoni fuq l-infurzar ta’ arranġamenti ta’ kollateral finanzjarju jew ebda restrizzjoni fuq l-effett ta’ arranġament ta’ kollateral finanzjarju ta’ garanzija, dispożizzjoni ta’ close out netting jew ta’ tpaċija imposta skont it-Titolu IV Kapitolu V jew VI tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ), jew tat-Titolu V, Kapitolu III, Taqsima 3, jew il-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ) jew għal kwalunkwe restrizzjoni bħal din imposta bis-saħħa ta’ setgħat simili fid-dritt domestiku ta’ Stat Membru biex tiffaċilita r-riżoluzzjoni ordinata ta’ kwalunkwe entità msemmija fil-punt (c)(iv) jew (d) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li hija soġġetta għal salvagwardji tal-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titolu IV Kapitolu VII tad-Direttiva 2014/59/UE jew fit-Titolu V, Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2021/23.

▼B

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.  

Għall għanijiet ta' din id-Direttiva:

(a) 

“arranġament dwar kollateral finanzjarju” tfisser arranġament kollaterali finanzjarju dwar trasferiment ta' titlu jew arranġament dwar kollaterali finanzjarju ta' garanzija, irrispettivament jekk humiex koperti jew le minn ftehim primarju jew termini ġenerali u kondizzjonijiet;

▼M1

(b) 

“arranġament kollaterali finanzjarju dwar trasferiment ta’ titolu” tfisser arranġament, li jinkludi ftehim dwar xiri mill-ġdid, fejn fornitur ta’ kollateral, jittrasferixxi l-proprjetà sħiħa ta’ kollateral finanzjarju jew id-dritt sħiħ għalih lil riċevitur ta’ kollateral bil-għan li jkun żgurat jew b’mod ieħor ikopri t-twettiq ta’ obbligi finanzjarji rilevanti;

(c) 

“arranġament kollaterali finanzjarju ta’ sigurtà” tfisser arranġament li fih min qed jipprovdi l-kollateral jipprovdi kollateral finanzjarju bħala sigurtà lil jew favur ir-riċevitur tal-kollateral, u fejn il-proprjetà sħiħa jew kwalifikata tal-kollateral finanzjarju, jew id-dritt sħiħ għalih, tibqa’ ma’ min qed jipprovdi l-kollateral meta jiġi stabbilit id-dritt għas-sigurtà;

▼B

(d) 

“flus kontanti” tfisser flus ikkreditati ġo kont bi kwalunkwe munita, jew talbiet simili għall-ħlas mill-ġdid ta' flus, bħal depożiti fis-suq tal-flus;

(e) 

“strumenti finanzjarji” tfisser, ishma f'kumpanniji u garanziji oħra ekwivalenti għal ishma f'kumpanniji u bonds u forom oħra ta' strumenti ta' debitu, jekk dawn ikunu negozjabbli fuq is-suq tal-kapital, u kwalunkwe garanziji oħra li normalment huma trattati fi, u li jagħtu d-dritt li jiġu akkwistati kwalunkwe ishma minn dawn, bonds jew garanziji oħra permezz ta' sottoskrizzjoni, xiri jew tpartit jew li jagħtu lok għal ħlasijiet ta' flus kontanti (esklużi l-istrumenti ta' ħlas), inklużi units, f'impriżi t'investiment kollettiv, strumenti tas-suq tal-flus u talbiet li jirrelataw ma' jew drittijiet fi jew dwar kwalunkwe mis-segwenti;

(f) 

“obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti” tfisser l-obbligazzjonijiet li huma garantiti permezz ta' arranġament dwar il-kollateral finanzjarju u li jagħtu dritt għal ħlas ta' flus kontanti u/jew konsenja ta' strumenti finanzjarji.

Obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti jistgħu jikkonsistu jew jinkludu:

(i) 

obbligazzjonijiet, preżenti jew futuri, attwali jew kontinġenti jew prospettivi (inklużi dawk l-obbligazzjonijiet li jkunu ġejjin taħt ftehim primarju jew arranġament simili);

(ii) 

obbligazzjonijiet dovuti lil min jakkwista l-kollateral minn persuna oltre l-persuni li tipprovdi l-kollateral; jew

(iii) 

obbligazzjonijiet ta' klassi speċifika jew tip, li jiġu żmien għal żmien;

(g) 

“kollateral ta' garanziji tat-tniżżil fil-ktieb” tfisser kollateral finanzjarju li jkun ipprovdut taħt arranġament dwar il-kollateral finanzjarju, li jikkonsisti fi strumenti finanzjarji, li t-titolu tagħhom huwa testimonjat permezz ta' entrati f'reġistru jew kont minn jew għan-nom ta' intermedjarju;

(h) 

“kont relevanti” tfisser in relazzjoni ma' kollateral ta' garanziji tat-tniżżil fil-ktieb li huwa soġġett għall arranġament finanzjarju dwar il-kollateral, ir-reġistru jew il-kont, li jista jiġi mantnut minn min jakkwista l-kollateral-li fih l-entrati huma magħmula, li permezz tagħhom tak il-kollateral dwar il-garanziji fit-tniżżil fil-ktieb, huwa pprovdut minn min jakkwista l-kollateral;

(i) 

“kollateral ekwivalent”:

(i) 

in relazzjoni ma' flus kontanti, tfisser ħlas ta' l-istess ammont u bl-istess munita;

(ii) 

in relazzjoni ma' l-istrumenti finanzjarji tfisser, strumenti finanzjarji ta' l-istess persuni li joħroġhom jew debitur, li jifforma parti mill-istess kwistjoni jew klassi u ta' l-istess ammont, munita u deskrizzjoni nominali u, fejn l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jipprovdi għat-trasferiment ta' assi oħrajn, wara li tkun seħħet kwalunkwe avveniment li jitratta jew li jaffettwa kwalunkwe strumenti finanzjarji ipprovduti bħala kollaterali finanzjarji, dawk l-assi l-oħrajn;

(j) 

“proċeduri ta' xoljiment” tfisser proċeduri kollettivi li jinvolvu r-realizazzjoni ta' assi u d-distribuzzjoni tar-rikavat fost il-kredituri, azzjonisti u membri, skond il-ħtieġa, li jinvolvu kwalunkwe intervent minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, inkluż meta il-proċeduri kollettivi huma tterminati permezz ta' kompożizzjoni jew miżura li tixxiebaħ, irrispettivament humiex fondati a bażi ta' falliment jew huma volontarji jew obbligatorji;

(k) 

“miżuri ta' rijorganizazzjoni” tfisser miżuri li jinvolvu kwalunkwe intervent minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, li huma maħsuba sabiex jippriżervaw jew irreġġgħu lura is-sitwazzjoni finanzjarja u li jaffetwaw drittijiet ta' parti terzi ġia eżistenti, inklużi iżda mhux limitati għal miżuri li jinvolvu s-sospensjoni ta' ħlasijiet, sospensjoni ta' miżuri t'enforzar jew tnaqqis ta' talbiet;

(l) 

“avveniment t'enforzar” tfisser avveniment ta' inadempjenza, jew kwalunkwe avveniment ieħor simili kif mifthiem bejn il-partijiet, u li meta jseħħu, taħt it-termini ta' arranġament dwar kollateral finanzjarju jew permezz ta' l-operar tal-liġi, min jakkwista l-kollateral huwa ntitolat sabiex jirrealizza jew japproppria il-kollateral finanzjarju jew tidħol fis-seħħ dispożizzjoni dwar il-close-out netting:

(m) 

“dritt ta' użu” tfisser id-dritt ta' min jakkwista l-kollateral sabiex juża u jiddisponi mill-kollateral finanzjarju pprovdut taħt arranġament dwar il-kollateral finanzjarju ta' garanzija bħala s-sid tiegħu skond it-termini ta' l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju ta' garanzija;

(n) 

“dispożizzjoni dwar il-close-out netting” tfisser dispożizzjoni dwar l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju, jew ta' arranġament li tiegħu l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jkun parti, jew, fin-nuqqas ta' dispożizzjoni bħal din, kwalunkwe regola statutorja li permezz tagħha, meta jseħħ avveniment dwar l-enforzar, sew permezz ta' l-operar tan-nettingjew tat-tpaċija jew xort'oħra

(i) 

l-obbligazzjonijiet tal-partijiet huma aċċellerati sabiex ikun dovuti immedjatament u espressi bħala obbligazzjoni li jħallsu ammont li jirrapreżenta il-valur kurrenti kalkulat, jew huma terminati u mibdula permezz t'obbligazzjoni sabiex jitħallas dan l-ammont; u/jew

(ii) 

jittieħed kont ta' dak li huwa dovut minn kull parti lill-parti l-oħra, dwar dawn l-obbligazzjonijiet, u tkun pagabbli somma netta, daqs il-bilanċ tal-kont, mill-parti li mingħandha tkun dovuta l-akbar somma lill-parti l-oħra;

▼M1

(o) 

“talbiet għal kreditu” tfisser talbiet għall-flus li jirriżultaw minn ftehim fejn isitituzzjoni ta’ kreditu, kif ġiet definita fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/48/KE, inklużi l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva, tagħti kreditu fil-forma ta’ self.

▼B

2.  
Referenzi f'din id-Direttiva għal kollateral finanzjarju bħala jkun “ipprovdut”, jew għall “għoti” ta' kollateral finanzjarju, huma għall-kollateral finanzjarju bħala konsenjat, trasferit, miżmum, reġistrat jew xort'oħra msejjaħ sabiex ikun fil-pussess jew taħt il-kontroll ta' min ikun qiegħed jakkwista l-kollateral jew ta' persuna li tkun qed taġixxi għan-nom ta' min ikun qiegħed jakkwista l-kollateral ►M1  “Kwalunkwe dritt ta’ sostituzzjoni jew dritt li jiġi rtirat il-kollateral finanzjarju eċċessiv favur il-fornitur tal-kollateral jew, fil-każ ta’ talbiet għal kreditu, li jinġabru l-flus tiegħu sakemm iseħħu żviluppi ġodda, m’għandux jippreġudika l-kollateral finanzjarju li jkun ġie pprovdut lir-riċevitur tal-kollateral, kif imsemmi f’din id-Direttiva.” ◄
3.  
Referenzi f'din id-Direttiva għall-“bil-miktub”, jinkludu reġistrazzjoni permezz ta' mezzi elettroniċi jew kwalunkwe medju ieħor durabbli.

Artikolu 3

Ħtiġijiet formali

1.  
L-Istati Membri m'għandhomx jinħtieġu illi l-ħolqien, il-validita, il-perfezzjoni, l-enforzabilita jew l-ammisibilità fl-evidenza tal-kollateral finanzjarju tkun dipendenti fuq ir-rendiment ta' kwalunkwe att formali.

▼M1

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(5), meta t-talbiet għal kreditu jkunu pprovduti bħala kollateral finanzjarju, l-Istati Membri m’għandhomx jeħtieġu li l-ħolqien, il-validità, il-perfezzjoni, il-prijorità, l-infurzabilità jew l-ammissibbiltà bħala evidenza ta’ dan il-kollateral finanzjarjujkunu dipendenti fuq it-twettiq ta’ kwalunkwe att formali bħar-reġistrazzjoni jew in-notifika tad-debitur tat-talba għal kreditu pprovduta bħala kollateral. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jinħtieġu t-twettiq ta’ att formali, bħar-reġistrazzjoni jew in-notifika, għall-finijiet ta’ perfezzjoni, prijorità jew infurzar jew ammissibilità bħala prova kontra d-debitur u/jew partijiet terzi.

Sat-30 ta' Ġinju 2014, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar jekk dan il-paragrafu għadux xieraq.

▼B

2.  
Paragrafu 1 huwa biss bla ħsara għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għall-kollateral finanzjarju, meta jkun ipprovdud u meta dan l-għoti jkun jista jiġi testimonjat bil-mikub jew b'manjiera legali ekwivalenti.

▼M1

3.  

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ( 11 ) u għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar klawżoli kuntrattwali inġusti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-debituri tat-talbiet għal kreditu jistgħu jirrinunzjaw b’mod validu, bil-miktub jew b’mod legalment ekwivalenti:

(i) 

għad-drittijiet ta’ tpaċija tagħhom fil-konfront tal-kredituri tat-talba għal kreditu u fil-konfront tal-persuni li lilhom il-kreditur ikun ta, ta b’rahan jew b’xi mod ieħor immobilizza t-talba għal kreditu bħala kollateral; u

(ii) 

għad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mir-regoli tas-segretezza bankarja li nkella, kienu jipprevjenu jew jirrestrinġu l-ħila tal-kreditur tat-talba għal kreditu li jipprovdi informazzjoni dwar it-talba għal kreditu jew dwar id-debitur bil-għan li t-talba għal kreditu tintuża bħala kollateral.

▼B

Artikolu 4

L-enforzar ta' l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju

1.  

L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi meta jseħħ avveniment t'enforzar, min jakkwista l-kollateral għandu jkun jista jirrealizza permezz tas-segwenti, kwalunkwe kollateral finanzjarju pprovdut taħt, u soġġett għat-termini mifthiema f'arranġament dwar il-kollateral finanzjarju tal-garanzija:

(a) 

strumenti finanzjarji permezz ta' bejgħ jew approprjazzjoni u permezz ta' tpaċija tal-valur tagħhom kontra, jew billi jiġi applikat il-valur tagħhom waqt l-iskarigu ta' l-obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti;

(b) 

flus kontanti permezz ta' tpaċija ta' l-ammont kontra, jew billi jiġi applikat bħala skarigu ta' l-obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti;

▼M1

(c) 

talbiet għal kreditu, permezz ta’ bejgħ jew approprjazzjoni u permezz ta’ tpaċija tal-valur tagħhom kontra, jew billi jiġi applikat il-valur tagħhom waqt li jwettqu l-obbligi finanzjarji rilevanti.

▼B

2.  

L-approprjazzjoni hija biss possibli meta:

(a) 

din tkin ġiet mifthiema bejn il-partijiet, fl-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju ta' garanzija; u

▼M1

(b) 

il-partijiet ikunu ftiehmu fl-arranġament kollaterali finanzjarju ta’ sigurtà dwar il-valutazzjoni tal-istrumenti finanzjarji u t-talbiet għal kreditu.

▼M1 —————

▼B

4.  

Il-manjieri ta' kif jiġi realizzat il-kollateral finanzjarju li għalih saret referenza fil-paragrafu 1, għandhom ikunu soġġetti għat-termini mifthiema fl-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju ta' garanzija:

(a) 

għandu jkun ingħata avviż dwar l-intenzjoni għall-irrealizzar, minn qabel;

(b) 

it-termini ta' l-irrealizzar ikun approvati minn kwalunkwe qorti, uffiċċjal pubbliku jew persuna oħra;

(ċ) 

ir-realizazzjoni għandha tkun kondotta permezz ta' rkant pubbliku, jew permezz ta' kwalunkwe manjiera oħra preskritta; jew

(d) 

kwalunkwe terminu ieħor miżjud, irid ikun skada.

5.  
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jidħol fis-seħħ skond it-termini tiegħu, nonostante l-inizzjalar jew il-kontinwazzjoni tal-proċeduri ta' xoljiment jew miżuri ta' organizazzjoni mill-ġdid, dwar minn jipprovdi l-kollateral jew min jakkwista l-kollateral.
6.  
Dan l-Artiklu u l-Artiklu 5, 6 u 7, għandhom ikunu bla ħsara għal kwalunkwe ħtiġijiet taħt il-liġi nazzjonali bl-effett li r-realizzar jew l-ivvalutar tal-kollateral finanzjarju u l-kalkolu ta' l-obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti, għandhom ikunu kondotti b'manjiera kummerċjail raġonevoli.

Artikolu 5

Dritt ta' użu tal-kollateral finanzjarju taħt l-arranġamenti dwar il-kollateral finanzjarju tal-garanzija

1.  
Jekk u sa l-estent, li t-termini ta' l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju tas-sigurtà jipprovdu, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li min jakkwista l-kollateral huwa ntitolat għal-eżerċizzju tad-dritt ta' użu in relazzjoni mal-kollateral finanzjarju pprovdut taħt l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju.
2.  
Meta min jakkwista l-kollateral jeżerċita d-dritt ta' użu, huwa jaqa' taħt l-obbligazzjoni li jitrasferixxi kollateral ekwivalenti sabiex jieħu post il-kollateral finanzjarju oriġinali l-aktar tard, fil-ġurnata li jkun imiss ir-rendiment ta' l-obbligazzjonijiet finanzjarji koperti mill-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju ta' garanzija.

Alternattivament, min jakkwista l-kollateral, fil-ġurnata li jmiss għar-rendiment ta' l-obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti, jew jittrasferixxu l-kollateral ekwivalenti, jew jekk u sa l-estent li t-termini ta' l-arranġament kollaterali finanzjarju tas-sigurta jipprovdu, ipaċu l-valur tal-kollateral ekwivalenti kontra jew japplikawh fl-iskarigu ta' l-obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti.

3.  
Il-kollateral ekwivalenti ttrasferit bl-iskarigu t'obbligazzjoni kif deskritt fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, għandu jkun soġġett għall-istess ftehim dwar il-kollateral finanzjarju ta' garanzija, li għalih kien soġġett il-kollateral finanzjarju oriġinali, u għandu jiġi ttrattat bħala pprovdut taħt l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju ta' garanzija, fl-istess ħin li jkun ġie pprovdut għall-ewwel darba l-kollateral finanzjarju oriġinali.
4.  
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-użu tal-kollateral finanzjarju minn min ikun akkwista l-kollateral skond dan l-Artiklu ma jirrendix id-drittijiet ta' min ikun akkwista l-kollateral taħt l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju ta' garanzija, invalidi u mhux enforzabbli, in relazzjoni mal-kollateral finanzjarju trasferit min min ikun akkwista l-kollateral, waqt l-iskarigu ta' l-obbligazzjoni kif deskritta fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu.
5.  
Jekk isseħħ eventwalità dwar l-enforzar, waqt li jkun għad hemm pendenti obligazzjoni kif deskritta fil-paragrafu 2 l-ewwel subparagrafu, l-obbligazzjoni tista tkun soġġetta għal dispożizzjoni dwar il-close-out netting.

▼M1

6.  
Dan l-Artikolu m’għandux japplika għal talbiet għal kreditu.

▼B

Artikolu 6

Rikonoxximent ta' trasferiment ta' titlu ta' l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju.

1.  
L-Istat Membri għandhom jassiguraw li t-trasferiment ta' titlu ta' l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jista jidħol fis-seħħ skond it-termini tiegħu.
2.  
Jekk tkun seħħet eventwalita dwar l-enforzar, waqt li kwalunkwe obbligazzjoni ta' min ikun akkwista sabiex jitrasferixxi kollateral ekwivalenti jkun għadhu pendenti, taħt it-trasferiment ta' titlu ta' l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju, l-obbligazzjoni tista tkun is-soġġett ta' dispożizzjoni dwar il-close-out netting.

Artikolu 7

Rikonoxximent tad-dispożizzjonijiet dwar il-close-out netting

1.  

L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi d-dispożizzjoni dwar il-close-outnetting tidħol fis-seħħ skond it-termini tagħha

(a) 

bla ħsara għall-inizzjalar jew il-kontinwazzjoni tal-proċeduri ta' xoljiment jew miżuri dwar organizazzjoni mill-ġdid, dwar min ikun jipprovdi l-kollateral u/jew min ikun akkwista l-kollateral; u/jew

(b) 

bla ħsara għal kwalunkwe xogħol li jidher, ġudizzjarju jew aċċessorju ieħor jew dispożizzjoni oħra ta' jew dwar dawn id-drittijiet.

2.  
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-operar tad-dispożizzjoni dwar il-close-out netting,tista ma tkunx soġġetta għal kwalunkwe mill-ħtiġjiet li huma msemmija fl-Artiklu 4(4), sakem mhux mifthiem xort'oħra mill-partijiet.

Artikolu 8

Ċerti dispożizzjonijiet dwar il-falliment ma' japplikawx

1.  

L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju, kif ukoll il-għoti ta' kollateral finanzjarju taħt dan l-arranġament, jista ma jiġix dikjarat invalidu jew bla effett, jew li jiġi mdawwar a bażi biss li l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jkun ġie fis-seħħ, jew il-kollateral finanzjarju jkun ġie pprovdut:

(a) 

fil-jum li fih jinbdew il-proċeduri dwar ix-xoljiment, jew il-miżuri dwar l-organizazzjoni mill-ġdid, iżda qabel l-ordni jew digriet li bih jinbdew; jew

(b) 

f'terminu preskritt qabel, u definit permezz ta' referenza għall-inizzjalar ta' dawn il-proċeduri jew miżuri jew permezz ta' referenza għall-għoti ta' kwalunkwe ordni jew digriet, jew it-teħid ta' kwalunkwe azzjoni oħra jew okkorrenza ta' kwalunkwe avveniment ieħor fil-kors ta' dawn il-proċeduri jew miżuri.

2.  
L-Istati Membri għandhom jassiguraw meta jkun ġie fis-seħħ arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja rilevanti, jew ikun ġie pprovdut il-kollateral finanzjarju fil-jum ta' iżda wara l-mument ta' l-inizzjalar tal-proċeduri ta' xoljiment jew miżuri ta' organizazzjoni mill-ġdid, għandu jkun enforzabbli legalment u li jorbot fuq terzi persuni jekk min ikun akkwista l-kollateral jista jipprova li ma kienx konxju, jew lanqas ma suppost kien jaf, bl-inizzjalar ta' dawn il-proċeduri jew miżuri.
3.  

Meta l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jkun fih:

(a) 

obbligazzjoni sabiex jiġi pprovdut il-kollateral finanzjarju jew kollateral finanzjarju addizzjonali sabiex ikun jista jieħu kont tal-bidliet fil-valur tal-kollateral finanzjarju jew fl-ammont ta' l-obbligazzjonijiet finanzjarji rilevanti, jew

(b) 

dritt sabiex jiġi rtirat il-kollateral finanzjarju, permezz ta' sostituzzjoni jew skambju, kollateral finanzjarju ta' l-istess valur,

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-għoti tal-kollateral finanzjarju, kollateral finanzjarju addizzjonali jew sostituzzjoni jew kollateral finanzjarju dwar tibdil taħt dik l-obbligazzjoni jew dritt, m'għandux jiġi ttrattat bħala invalidu jew imdawwar jew dikjarat bla effett a bażi biss illi:

(i) 

dan l-għoti jkun sar fil-jum li jkunu ġew inizzjati l-proċeduri ta' xoljiment jew organizazzjoni mill-ġdid, iżda qabel l-ordni jew digriet li tkun inizzjalat dawn il-proċeduri, jew f'terminu preskritt qabel ma', u definit permezz ta' referenza għal inizzjalar tal-proċeduri dwar ix-xoljiment miżuri ta' organizazzjoni mill-ġdid jew permezz ta' referenza għall-għoti ta' kwalunkwe ordni jew digriet jew it-teħid ta' kwalunkwe azzjoni oħra jew okkorrenza ta' kwalunkwe avveniment ieħor fil-kors ta' dawn il-proċeduri jew miżuri; u/jew

(ii) 

l-obbligazzjonijiet finanzjarji rilevanti jkunu saru qabel id-data ta' l-għoti tal-kollateral finanzjarju, kollateral finanzjarju addizzjonali, jew kollateral finanzjarju ta' sostituzzjoni jew tibdil.

4.  
Bla ħsara għall-paragrafi 1, 2 u 3, din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli ġenerali dwar il-liġi nazzjonali dwar il-falliment, in relazzjoni ma' n-nullita ta' negozji li jkunu saru matul it-terminu preskritt li għalih saret referenza fil-paragrafu 1(b) u fil-paragrafu 3(i).

Artikolu 9

Kunflitt ta' liġijiet

1.  
Kwalunkwe kwistjoni dwar kwalunkwe materja speċifikata fil-paragrafu 2, in relazzjoni mal-kollateral dwar tniżżil ta' garanziji fil-ktieb, għandha tkun regolata mil-liġi tal-pajjiż fejn ikun qed jinżamm il-kont rilevanti. Ir-referenza għal-liġi tal-pajjiż, hija referenza għal-liġi domestika tiegħu, mingħajr ma tikkunsidra kwalunkwe regola li, meta tiġi deċiża il-kwistjoni relevanti, trid issir referenza għal-liġi ta' pajjiż ieħor.
2.  

Il-materji li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1 huma:

(a) 

in-natura legali u l-effett tal-propjeta dwar il-kollateral dwar tniżżil ta' garanziji fil-ktieb;

(b) 

il-ħtiġijiet sabiex ikun ipperfezzjonat l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju, li jitratta kollaterali dwar tniżżil ta'garanziji fil-ktieb, u l-għoti ta' kollaterali dwar it-tniżżil ta' garanziji fil-ktieb, taħt dak il-ftehim, u b'mod aktar ġenerali t-tkomplija tal-passi meħtieġa sabiex dan l-arranġament u l-għoti jkun effettiv kontra partijiet terzi;

(ċ) 

jekk it-titolu ta' persuna għall jew interess f'dan il-kollateral dwar it-tniżżil ta' garanziji fil-ktieb ikunu megħluba minn jew subordinati għall-titolu jew interess kompetittiv, jew ikun seħħ akkwist in bona fede;

(d) 

il-passi meħtieġa għar-realizazzjoni tal-kollateral dwar it-tniżżil ta' garanziji fil-ktieb, wara li jkun seħħ avveniment dwar enforzar.

▼M3

Artikolu 9a

Id-Direttiva 2008/48/KE, id-Direttiva 2014/59/UE u r-Regolament (UE) 2021/23

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2008/48/KE, id-Direttiva 2014/59/UE u r-Regolament (UE) Nru 2021/23.

▼B

Artikolu 10

Rapport mill-Kummissjoni

Mhux aktar tard mis-27 ta' Diċembru 2006, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, partikularment dwar l-applikazzjoni ta' l-Artiklu 1(3), l-Artiklu 4(3) u l-Artiklu 5, akkumpanjat minn proposti fejn jinħtieġ, għar-reviżjoni tiegħu.

Artikolu 11

Implimentazzjoni

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sas-27 ta' Diċembru 2003 l-aktar tard. Huma għandhom jinfurmaw b'dan lill-Kummissjoni minnufih.

Meta l-Istati Membri jaddottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċċjali tagħhom. L-istati membri għandhom jistabbilixxu kif trid issir din ir-referenza.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 13

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.



( 1 ) ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

( 2 ) ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

( 3 ) ĠU L 228, 11.8.1992, p. 1.

( 4 ) ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1.

( 5 ) ĠU L 375, tal-31.12.1985, p. 3. Direttiva kif l-aħħar emendata permezz tad-Direttiva 2001/108/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill. (ĠU L 41, tat-13.2.2002, p. 35).

( 6 ) ĠU L 193, tat-18.7.1983, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata permezz tad-Direttiva 2001/65/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (ĠU L 283, tas-27.10.2001, p. 28).

( 7 ) ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66.

( 8 ) ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

( 9 ) Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

( 10 ) Ir-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (ĠU L 022, 22.1.2021, p. 1).

( 11 ) ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29.