02002L0044 — MT — 26.07.2019 — 003.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
ID-DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL 2002/44/KE tal-25 ta’ Ġunju 2002 (ĠU L 177 6.7.2002, p. 13) |
Emendata bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
L 165 |
21 |
27.6.2007 |
||
|
REGOLAMENT (KE) Nru 1137/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-22 ta' Ottubru 2008 |
L 311 |
1 |
21.11.2008 |
|
|
REGOLAMENT (UE) 2019/1243 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019 |
L 198 |
241 |
25.7.2019 |
|
ID-DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL 2002/44/KE
tal-25 ta’ Ġunju 2002
dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u tas-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu mill-aġenti fiżiċi (il-vibrazzjoni) (is-sittax-il Direttuva individwali fit-tifsira ta’ Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)
TAQSIMA I
DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
L-għan u l-firxa
1. Din id-Direttiva, li hija s-16-il Direttiva individwali fit-tifsira ta’ Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, tistabbilixxi l-ħtiġijiet minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji għal saħħithom u għas-sigurtà tagħhom li jinħolqu jew li x’aktarx jinħolqu mill-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi.
2. Il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-attivitajiet li fihom il-ħaddiema huma jew x’aktarx ikunu esposti għar-riskji mill-vibrazzjonijiet mekkaniċi matul ix-xogħol tagħhom.
3. Id-Direttiva 89/391/KEE għandha tapplika fl-intier tagħha għall-firxa kollha referita fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet iktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu f’din id-Direttiva.
Artikolu 2
Id-definizzjonijiet
Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva l-espressjonijiet li ġejjin għandhom ifissru:
(a) “vibrazzjoni mill-id għad-driegħ”: il-vibrazzjoni mekkanika li, meta tiġi mgħoddija lis-sistema umana mill-id għad-driegħ, iġġib magħha l-konsegwenza tar-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, b’mod partikolari diżordnijiet vaskolari, fl-għadam jew fil-ġogi, newroloġiċi jew muskolari;
(b) “vibrazzjoni tal-ġisem kollu”: il-vibrazzjoni mekkanika li, meta tiġi mgħoddija lill-ġisem kollu, iġġib magħha l-konsegwenza tar-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, b’mod partikolari l-morbidità tan-naħa ta’ isfel tad-dahar u t-trawma tas-sinsla tad-dahar.
Artikolu 3
Il-valuri tal-limitu ta’ l-espożizzjoni u l-valuri ta’ l-azzjoni
1. (a) Għall-vibrazzjonijiet mill-id għad-driegħ:
(a) il-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni ta’ kuljum standardizzat għal perjodu taż-żmien ta’ referenza ta’ tmien sigħat għandu jkun ta’ 5 m/s2;
(b) il-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni ta’ kuljum standardizzat għal perjodu taż-żmien ta’ referenza ta’ tmien sigħat għandu jkun ta’ 2,5 m/s2.
L-espożizzjoni tal-ħaddiema għal vibrazzjonijiet mill-id għad-driegħ għandha tiġi stmata jew imkejla fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Punt 1 tal-Parti A ta’ l-Anness.
2. (b) Għall-vibrazzjonijiet tal-ġisem kollu:
(a) il-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni ta’ kuljum standardizzat għal perjodu taż-żmien ta’ referenza ta’ tmien sigħat għandu jkun ta’ 1,15 m/s2 jew, bl-għażla ta’ l-Istat Membru interessat, il-valur tad-doża tal-vibrzzjoni ta’ 21 m/s1,75;
(b) il-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni ta’ kuljum standardizzat għal perjodu taż-żmien ta’ referenza ta’ tmien sigħat għandu jkun ta’ 0,5 m/s2 jew, bl-għażla ta’ l-Istat Membru interesat, il-valur tad-doża tal-vibrazzjoni ta’ 9,1 m/s1,75.
L-espożizzjoni tal-ħaddiema għal vibrazzjonijiet tal-ġisem kollu għandha tiġi stmata jew imkejla fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Punt 1 tal-Parti B ta’ l-Anness.
TAQSIMA II
L-OBBLIGI TA’ MIN IĦADDEM
Artikolu 4
Il-mod kif jiġu stabbiliti u stmati r-riskji
1. Fit-twettiq ta’ l-obbligi stabbiliti f’ Artikolu 6(3) u Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/301/KEE, min iħaddem għandu jistma u, jekk meħtieġ, ikejjel il-livelli tal-vibrazzjonijiet mekkaniċi li għalihom ikunu esposti l-ħaddiema. Il-kejl għandu jitwettaq skond il-Punt 2 tal-Parti A jew il-Punt 2 tal-Parti B ta’ l-Anness ma din id-Direttiva, kif approprjat.
2. Il-livell ta’ l-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi jista’ jiġi stmat permezz ta’ l-osservazzjoni tal-prattiċi speċifiċi tax-xogħol u r-riferiment għat-tagħrif relevanti dwar il-kobor probabbli tal-vibrazjonijiet li jikkorrispondu ma l-għodda jew mat-tipi ta’ għodda użati fil-kondizzjonijiet partikolari ta’ l-użu, inkluż dak it-tagħrif ipprovdut mill-fabbrikant ta’ l-għodda. Din l-operazzoni għandha tiġi ddistingwita mill-kejl, li jeħtieġ l-użu ta’ apparat speċifiku u l-metodoloġija approprjata.
3. L-istima u l-kejl riferiti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppjanifikati u mwettqa mis-servizzi kompetenti f’intervalli xierqa taż-żmien, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 7 tad-Direttiva 89/391/KEE li tirrigwarda s-servizzi jew il-persuni kompetenti meħtieġa. L-informazzjoni miksuba mill-istima tal-vibrazzjonijiet mekkaniċi tal-livell ta’ l-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi għandha tiġi ppriservata f’għamla xierqa hekk li tippermetti l-konsultazzjoni fi stadju iktar tard.
4. Skond Artikolu 6(3) tad-Direttiva 89/391/KEE, filwaqt li jkun qiegħed iwettaq l-istima tar-riskju, min iħaddem għandu jagħti attenzjoni partikolari lil dan li ġej:
(a) il-livell, it-tip u t-tul taż-żmien ta’ l-espożizzjoni, inkluża kull espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet intermittenti jew għall-xokkijiet imtennija;
(b) il-valuri tal-limitu ta’ l-espożizzjoni u l-valuri ta’ l-azzjoni ta’ l-espożizzjoni stabbiliti f’Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva;
(ċ) kull effett li jirrigwarda s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema f’riskju partikolarment sensittiv;
(d) kull effett indirett dwar is-sigurtà tal-ħaddiema li tirriżulta mill-interazzjonijiet bejn il-vibrazzjonijiet mekkaniċi u l-post tax-xogħol jew għodda oħra tax-xogħol;
(e) it-tagħrif ipprovdut mill-fabbrikanti ta’ l-għodda tax-xogħol skond id-Direttivi Komunitarji relevanti;
(f) l-eżistenza jew il-bdil mill-ġdid ta’ l-għodda ddisinjata sabiex tnaqqas il-livelli ta’ l-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi;
(ġ) l-estensjoni ta’ l-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet tal-ġisem kollu lil hinn mis-sigħat normali tax-xogħol taħt ir-responsabbiltà ta’ min iħaddem;
(ħ) il-kondizzjonijiet speċifiċi tax-xogħol bħalma huma t-temperaturi baxxi;
(i) it-tagħrif approprjat miksub mis-sorveljanza tas-saħħa, inkluż, kemm jista’ jkun, it-tagħrif ippubblikat.
5. Min iħaddem għandu jkollu fil-pussess tiegħu stima tar-riskju skond Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/391/KEE u għandu jidentifika liema miżuri jridu jittieħdu skond Artikoli 5 u 6 ta’ din id-Direttiva. L-istima tar-riskju għandha tiġi rreġistrata fuq medju xieraq, skond il-liġijiet u l-prattika nazzjonali; tista’ tinkludi ġustifikazzjoni minn min iħaddem illi n-natura u l-kobor tar-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-vibrazzjonijiet mekkaniċi ma jagħmlux stima oħra iktar iddettaljata meħtieġa. L-istima tar-riskju għandha tinżamm aġġornata fuq bażi regolari, b’mod partikolari jekk kien hemm bidliet sinifikanti li jirrenduha skaduta, jew meta r-riżultati tas-sorveljanza tas-saħħa juru illi hija meħtieġa.
Artikolu 5
Id-dispożizzjonijiet immirati sabiex jevitaw jew inaqqsu l-espożizzjoni
1. Filwaqt li jitqiesu l-progress tekniku u d-disponibbiltà tal-miżuri sabiex jikkontrollaw ir-riskju mis-sors, ir-riskji li jinħolqu mill-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi għandhom jiġu eliminati mis-sors tagħhom jew imnaqqsa għall-minimu.
It-tnaqqis ta’ dawn ir-riskji għandu jkun imsejjes fuq il-prinċipji ġenerali tal-prevenzjoni dikjarati f’Artikolu 6(2) tad-Direttiva 89/391/KEE.
2. Fuq il-bażi ta’ l-istima tar-riskju riferita f’Artikolu 4, meta jinqabżu l-valuri ta’ l-azzjoni ta’ l-espożizzjoni stabbiliti f’Artikolu 3(1)(b) u 2(b), min iħaddem għandu jistabbilixxi u jimplimenta programm ta’ miżuri tekniċi u/jew organizzattivi maħsuba li jnaqqsu għall-minimu l-espożizzjoni għall-vibrazzjoni mekkanika u r-riskji li jmorru magħha, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari:
(a) metodi oħra tax-xogħol li jeħtieġu inqas espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi;
(b) l-għażla ta’ l-għodda approprjata tax-xogħol ta’ disinn approprjat ergonomiku u, filwaqt li jitqies ix-xogħol li jrid isir, tipproduċi l-inqas vibrazzjonijiet possibbli;
(ċ) il-provvediment ta’ għodda awżiljarja li tnaqqas ir-riskju ta’ korrimenti kkawżati mill-vibrazzjoni, bħalma huma s-siġġijiet li jnaqqsu b’mod effettiv il-vibrazzjonijiet tal-ġisem kollu u l-mankijiet li jnaqqsu l-vibrazzjonijiet imgħoddija mis-sistema ta’ l-id għad-driegħ;
(d) il-programmi approprjati tal-manutenzjoni ta’ l-għodda tax-xogħol, tal-post tax-xogħol u s-sistemi tal-post tax-xogħol;
(e) id-disinn u l-firxa għall-użu tal-postijiet tax-xogħol u l-istazzjonijiet tax-xogħol;
(f) it-tagħrif u t-taħriġ adegwat sabiex jgħallem lill-ħaddiema kif jużaw l-għodda tax-xogħol b’mod korrett u fis-sigurtà sabiex titnaqqas għall-minimu l-espożizzjoni tagħhom għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi;
(ġ) il-limitazzjoni tat-tul taż-żmien u ta’ l-intensità ta’ l-espożizzjoni;
(ħ) skedi approprjati tax-xogħol b’perjodi adegwati taż-żmien tal-mistrieħ;
(i) il-provvediment ta’ l-ilbies sabiex jipproteġi lill-ħaddiema mill-kesħa u l-umdità.
3. Ikun xi jkun il-każ, il-ħaddiema ma għandhomx ikunu esposti’ l fuq mill-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni
Jekk, minkejja l-miżuri meħuda minn min iħaddem sabiex iħares din id-Direttiva, il-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni jinqabeż, min iħaddem għandu jieħu azzjoni minnufih sabiex inaqqas l-espożizzjoni għal valur taħt il-limitu ta’ l-espożizzjoni. Għandu jidentifika r-raġunijiet għaliex ikun inqabeż il-valur tal-limitu u għandu jemenda l-miżuri tal-protezzjoni u l-prevenzjoni kif jixraq sabiex jipprevjeni milli jerġa’ jinqabeż.
4. Skond Artikolu 15 tad-Direttiva 89/391/KEE, min iħaddem għandu jaddatta l-miżuri riferiti f’dan l-Artikolu għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema f’riskju partikolari.
Artikolu 6
It-tagħrif lil u t-taħriġ tal-ħaddiema
Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 89/391/KEE, min iħaddem għandu jiżgura illi l-ħaddiema li jkunu esposti għar-rikji mill-vibrazzjonijiet mekkaniċi fuq ix-xogħol u/jew ir-rappreżentanti tagħhom jirċievu t-tagħrif u t-taħriġ li għandhom x’jaqsmu mar-riżultati ta’ l-istima tar-riskju provduti f’Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva, li tirrigwarda b’mod partikolari:
(a) il-miżuri meħuda sabiex jimplimentaw din id-Direttiva hekk li jeliminaw jew inaqqsu għall-minimu r-riskji mill-vibrazzjonijiet mekkaniċi;
(b) l-espożizzjoni għall-valuri tal-limitu u l-espożizzjoni għall-valuri ta’ l-azzjoni ta’ l-espożizzjoni;
(ċ) ir-riżultati ta’ l-istima u l-kejl tal-vibrazzjonijiet mekkaniċi mwettqa skond Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva u l-korriment potenzjali li jinħoloq mill-użu ta’ l-għodda li tkun qiegħda tintuża;
(d) għaliex u kif jiġu mikxufa u rrapportati s-sinjali tal-korriment;
(e) iċ-ċirkostanzi li fihom il-ħaddiema jkunu intitolati għas-sorveljanza tas-saħħa;
(f) il-prattiċi tax-xogħol fis-sigurtà sabiex tiġi mminimizzata l-espożizzjoni għall-vibrazzjoni mekkanika.
Artikolu 7
Il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema
Il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u/jew tar-rappreżentanti tagħhom għandhom isiru skond Artikolu 11 tad-Direttiva 89/391/KEE dwar il-materji koperti b’din id-Direttiva.
TAQSIMA III
DISPOSIZZJONIJIET MIXXELLANJI
Artikolu 8
Is-sorveljanza tas-saħħa
1. Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 13 tad-Direttiva 89/391/KEE, l-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet sabiex jiżguraw is-sorveljanza approprjata tas-saħħa tal-ħaddiema rigward ir-riżultati ta’ l-istima tar-riskju provduti f’Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva meta tindika riskju għas-saħħa. Dawn id-dispożizzjonijiet, inklużi l-ħtiġijiet speċifikati għar-reġistrazzjonijiet tas-saħħa u d-disponibbiltà tagħhom, għandhom jiġu introdotti skond il-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali.
Is-sorveljanza tas-saħħa, li r-riżultat tagħha jitqies fl-applikazzjoni tal-miżuri preventivi fuq post speċifiku tax-xogħol, għandhom jiġu intiżi sabiex jipprevjenu u jiddijanjosaw bil-ħeffa kull diżordni marbuta ma’ l-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi. Din is-sorveljanza għandha tkun approprjata meta:
— l-espożizzjoni tal-ħaddiema tkun hekk illi tista’ tiġi stabbilita rabta bejn din l-espożizzjoni u marda li tista tiġi identifikata jew effetti ta’ ħsara għas-saħħa,
— x’aktarx illi l-marda jew l-effetti jiġru f’kondizzjonijiet partikolari tax-xogħol ta’ ħaddiem, u
— ikunu jeżistu modi tat-tekniki sabiex jikxfu l-marda jew l-effetti ta’ ħsara għas-saħħa.
Ikun xi jkun il-każ, il-ħaddiema esposti għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi li jaqbżu l-valuri dikjarati f’Artikolu 3(1)(b) u (2)(b) għandhom ikunu intitolati għas-sorveljanza approprjata tas-saħħa.
2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġamenti sabiex jiżguraw illi, għal kull ħaddiem li jgħaddi mis-sorveljanza tas-saħħa skond il-paragrafu 1, jinżammu u jiġu aġġornati reġistrazzjonijiet individwali tas-saħħa. Ir-reġistri tas-saħħa għandu jkun fihom ir-riżultati tas-sorveljanza tas-saħħa mwettqa. Għandhom jinżammu f’għamla xierqa hekk li jippermettu kull konsultazzjoni f’data iktar tard, filwaqt li titqies kull kunfidenzjalità.
Għandhom jiġu forniti kopji tar-reġistri approprjati lill-awtorità kompetenti fuq it-talba tagħha. Il-ħaddiem individwali għandu jkollu aċċess, fuq it-talba tiegħu, għar-reġistu tas-saħħa li jkollu x’jaqsam miegħu personalment.
3. Meta, bħala riżultat tas-sorveljanza tas-saħħa, ħaddiem jinstab li għandu marda li tista’ tiġi identifikata jew effett negattiv fuq is-saħħa li jiġi kkunsidrat minn tabib jew minn professjonista tal-kura tas-saħħa bħala r-riżultat ta’ l-espożizzjoni tal-vibrazzjonijiet mekkaniċi fuq ix-xogħol:
(a) il-ħaddiem għandu jiġi mgħarraf mit-tabib jew mill-persuna kkwalifikata kif jixraq bir-riżultat li jkollu x’jaqsam miegħu personalment. Għandu, b’mod partikolari, jirċievi t-tagħrif u l-parir li jirrigardaw kull sorveljanza tas-saħħa li jgħaddi minnhom fit-tmiem ta’ l-espożizzjoni;
(b) min iħaddem għandu jiġi mgħarraf b’kull sejba sinifikanti mis-sorveljanza tas-saħħa, filwaqt li titqies kull kunfidenzjalità medika;
(ċ) min iħaddem għandu:
— jirrevedi l-istima tar-riskju mwettqa skond Artikolu 4,
— jirrevedi l-miżuri pprovduti sabiex jeliminaw jew inaqqsu r-riskji skond l-Artikolu 5,
— iqis il-parir tal-professjonista fil-kura tas-saħħa jew ta’ persuna oħra kkwalifikata kif jixraq jew ta’ l-awtorità kompetenti fl-implimentazzjoni ta’ kull miżura meħtieġa sabiex telimina jew tnaqqas ir-riskju skond l-Artikolu 5, inkluża l-possibbiltà li jiġi assenjat lill-ħaddiem xogħol alternattiv fejn ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ iktar espożizzjoni, u
— jagħmel arranġamenti għal iktar sorveljanza ssoktata tas-saħħa u jipprovdi għal reviżjoni ta’ l-istat tas-saħħa ta’ kull ħaddiem ieħor li jkun ġie espost bl-istess mod. F’dawn il-każijiet, it-tabib kompetenti jew il-professjonista kompetenti fil-kura tas-saħħa fuq ix-xogħol jew l-awtorità kompetenti jistgħu jipproponu illi l-persuni esposti jgħaddu minn eżami mediku.
Artikolu 9
Il-perjodi transitorji taż-żmien
Rigward l-implimintazzjoni ta’ l-obbligi stabbiliti f’Artikolu 5(3), l-Istati Membri, wara konsultazzjoni maż-żewġ naħat ta’ l-industrija skond il-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali, għandhom ikunu intitolati li jagħmlu użu minn perjodu massimu taż-żmien ta’ ħames snin mis-6 ta’ Lulju 2005 meta tiġi użata l-għodda tax-xogħol li kien ġie mogħti lill-ħaddiema qabel is-6 ta’ Lulju 2007 u li ma jippermettix li jiġu użati l-valuri tal-limitu ta’ l-espożizzjoni, filwaqt li jitqiesu l-aħħar avvanzi tekniċi u/jew il-miżuri organizzattivi meħuda. Rigward l-għodda użata fis-setturi ta’ l-agrikoltura u l-forestrija, l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati li jestendu l-perjodu transitorju massimu taż-żmien b’ sa erba snin oħra.
Artikolu 10
Id-derogi
1. Sabiex iħarsu l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà, l-Istati Membri jistgħu, fil-każ tat-trasport bil-baħar u bl-ajru, jidderogaw minn Artikolu 5(3) f’ċirkostanzi ġustifikati kif dovuti rigward il-vibrazzjonijiet tal-ġisem kollu fejn, mogħtija l-istat ta’ l-arti u l-karatteristiċi speċifiċi tal-postijiet tax-xogħol, mhux possibbli illi jitħares il-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni minkejja l-miżuri tekniċi u/jew organizzattivi meħuda.
2. F’każ meta l-espożizzjoni ta’ ħaddiem għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi s-soltu tkun taħt il-valuri ta’ l-azzjoni ta’ l-espożizzjoni mogħtija f’Artikolu 3(1)(b) u 2(b) imma tvarja b’mod li jidher sewwa minn żmien għal żmien u jistgħu kull tant jaqbżu l-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jikkonċedu wkoll derogi minn Artikolu 5(3). Madankollu, il-valur ta’ l-espożizzjoni kkalkolat fuq medja ta’ 40 siegħa jrid ikun inqas mill-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni u jrid ikun hemm xhieda li turi illi r-riskji mill-għamla ta’ l-espożizzjoni għall-għamla tax-xogħol huma inqas minn dawk mill-espożizzjoni skond il-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni.
3. Id-derogi riferiti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu konċessi mill-Istati Membri wara konsultazzjoni maż-żewġ naħat ta’ l-industrija skond il-liġijiet u l-prattika nazzjonali. Dawn id-derogi jridu jkunu akkumpanjati b’ kondizzjonijiet li jiggarantixxu, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċjali, illi r-riskji li jirriżultaw ikunu mnaqqsa għall-minimu u li l-ħaddiema interessati jkunu bla ħsara għal sorveljanza miżjuda tas-saħħa. Dawn id-derogi għandhom jiġu riveduti kull erba snin u rtirati hekk kif ma jreġux iktar iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom.
4. Kull erba’ snin l-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni lista tad-derogi riferiti fil-paragrafi 1 u 2, fejn jindikaw ir-raġunijiet u ċ-ċirkostanzi eżatti li jġegħluhom jiddeċiedu li jikkonċedu d-derogi.
Artikolu 11
Emendi għall-Anness
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 11a sabiex tagħmel emendi strettament tekniċi għall-Anness sabiex jittieħed kont tal-armonizzazzjoni teknika u l-istandardizzazzjoni fir-rigward tad-disinn, il-bini, il-manifattura jew il-kostruzzjoni tat-tagħmir tax-xogħol u tal-postijiet tax-xogħol, il-progress tekniku, il-bidliet fl-ispeċifikazzjonijiet jew fl-istandards Ewropej armonizzati u s-sejbiet ġodda dwar il-vibrazzjoni mekkanika.
Fejn, f’każijiet debitament ġustifikati u eċċezzjonali li jinvolvu riskji imminenti, diretti u serji għas-saħħa u s-sikurezza fiżiċi tal-ħaddiema u ta’ persuni oħra, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jeħtieġu azzjoni f’perijodu qasir ħafna ta’ żmien, il-proċedura prevista fl-Artikolu 11b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.
Artikolu 11a
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 11 għal perijodu ta’ ħames snin mis-26 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħat għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonax għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 11 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( 1 ).
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 11 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 11b
Proċedura ta’ urġenza
1. L-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni f’konformità mal-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.
2. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ joġġezzjona għal att delegat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 11a(6). F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
▼M3 —————
TAQSIMA IV
DISPOSIZZJONIJIET FINALI
▼M1 —————
Artikolu 14
It-traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mis-6 ta’ Lulju 2005. Għandhom jgħarrfu b’dan lill-Kummissjoni minnufih. Għandhom jinkludu wkoll lista, li tagħti r-raġunijiet iddettaljati, ta’ l-arranġamenti transitorji li l-Istati Membri jkunu adottaw skond Artikolu 9.
Meta Stat Membru jadotta dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkazjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif jagħmlu din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet fil-liġijiet nazzjonali diġà adottati jew li jadottaw fil-qasam irregolat b’din id-Direttiva.
Artikolu 15
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
Artikolu 16
Lil min indirizzata
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS
A. IL-VIBRAZZJONIJIET MILL-ID GĦAD-DRIEGĦ
1. L-istima ta’ l-espożizzjoni
L-istima tal-livell ta’ l-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet mill-id għad-driegħ hija msejsa fuq il-kalkolu tal-valur ta’ l-espożizzjoni ta’ kuljum innormalizzata għall-perjodu taż-żmien ta’ referenza A(8), espress bħala l-għerq ikkwadrat tas-somma tal-kwadrati (rms) (il-valur totali) tal-valuri ppeżati skond il-valuri tal-frekwenza ta’ l-aċċelerazzjonijiet, stabbilita fuq l-assi ortogonali a hwx , a hwy , a hwz kif iddefiniti fil-Kapitoli 4 u 5 ta’ l-i standard 5349-1(2002) ta’ l-ISO.
L-istima tal-livell ta’ l-espożizzjoni tista’ titwettaq fuq il-bażi ta’ stima msejsa fuq it-tagħrif ipprovdut mill-fabbrikanti li tirrigwarda l-livell ta’ l-emissjoni mill-għodda tax-xogħol użata, u msejjes fuq l-osservazzjoni tal-prattiċi speċifiċi tax-xogħol jew tal-kejl.
2. Il-kejl
Meta l-kejl jintuża skond Artikolu 4(1):
(a) il-metodi użati jistgħu jinkludu l-kampjunar, li jrid ikun rappreżentattiv ta’ l-espożizzjoni personali ta’ ħaddiem għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi fil-kwistjoni; il-metodi u l-apparat użati jridu jkunu addattati għall-karatteristiċi partikolari tal-vibrazzjoni mekkanika li trid titkejjel, għall-fatturi ta’ l-atmosfera tal-post u għall-karatteristiċi ta’ l-apparat tal-kejl, skond l-i standard 5349-2(2001) ta’ l-ISO;
(b) fil-każ tal-mezzi li jeħtieġu li jinżammu biż-żewġ idejn, il-kejlijiet iridu jintgħamlu fuq kull id. L-espożizzjoni tiġi stabbilita b’riferiment għall-valur l-iktar għoli bejn it-tnejn; għandu jingħata wkoll it-tagħrif fuq l-id l-oħra.
3. L-interferenzi
Artikolu 4(4)(d) irid japplika, b’mod partikolari meta l-vibrazzjoni mekkanika tiddisturba t-tqandil xieraq tal-kontrolli jew tal-qari ta’ l-indikaturi.
4. Ir-riskji indiretti
Artikolu 4(4)(d) irid japplika, b’mod partikolari meta l-vibrazzjoni mekkanika tiddisturba l-istabbiltà ta’ l-istrutturi jew is-sigurtà tal-ġogi.
5. Il-protetturi individwali
It-tagħmir protettiv personali kontra l-vibrazzjonijiet mill-id għad-driegħ jista’ jikkontribwixxi għall-programm tal-miżuri riferit f’Artikolu 5(2).
B. IL-VIBRAZZJONI TAL-ĠISEM KOLLU
1. L-istima ta’ l-espożizzjoni
L-istima tal-livell ta’ l-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet hija msejsa fuq il-kalkolu ta’ l-espożizzjoni ta’ kuljum (A8) espressa bħala aċċelerazzjoni kontinwa ekwivalenti fuq perjodu taż-żmien ta’ tmien sigħat, ikkalkolata bħala l-ogħla (rms) valur, jew l-ogħla valur tad-doża tal-vibrazzjoni (VDV) ta’ l-aċċelerazzjonijiet ippeżati skond il-frekwenza, stabbiliti fuq tliet assi ortogonali (1,4a wx , 1,4a wy , a wz għal ħaddiem bil-qiegħda jew bil-wieqfa) skond il-Kapitoli 5, 6 u 7 ta’ Anness A u Anness B ta’ l-i standard 2631-1(1997) ta’ l-ISO.
L-istima tal-livell ta’ l-espożizzjoni tista’ titwettaq fuq il-bażi ta’ stima msejsa fuq it-tagħrif ipprovvdut mill-fabbrikanti li tirrigwarda l-livell ta’ l-emissjoni mill-għodda tax-xogħol użata, u msejsa fuq l-osservazzjoni tal-prattiċi speċifiċi tax-xogħol jew tal-kejl.
Fil-każ tat-trasport marittimu, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw biss il-vibrazzjonijiet ta’ frekwenza li taqbeż il-1 Hz.
2. Il-kejl
Meta jintuża l-kejl skond Artikolu 4(1), il-metodi użati jistgħu jinkludu l-kampjunar, li jrid ikun rappreżentattiv ta’ l-espożizzjoni personali ta’ ħaddiem għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi fil-kwistjoni. Il-metodi użati jridu jkunu addattati għall-karatteristiċi partikolari tal-vibrazzjoni mekkanika li trid titkejjel, għall-fatturi ta’ l-atmosfera tal-post u għall-karatteristiċi ta’ l-apparat tal-kejl.
3. L-interferenzi
Artikolu 4(4)(d) irid japplika, b’mod partikolari meta l-vibrazzjoni mekkanika tiddisturba t-tqandil xieraq tal-kontrolli jew tal-qari ta’ l-indikaturi.
4. Ir-riskji indiretti
Artikolu 4(4)(d) irid japplika, b’mod partikolari meta l-vibrazzjoni mekkanika tiddisturba l-istabbiltà ta’ l-istrutturi jew is-sigurtà tal-ġogi.
5. L-estensjoni ta’ l-espożizzjoni
Artikolu 4(4)(g) irid japplika, b’mod partikolari meta, minħabba n-natura ta’ l-attività, ħaddiem jibbenefika mill-użu tal-faċilitajiet tal-mistrieħ issorveljati minn min iħaddem; l-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet tal-ġisem kollu f’ dawn il-faċilitajiet trid tiġi mnaqqsa għal livell kompatibbli ma l-għan u l-kondizzjonijiet tagħhom ta’ l-użu, għajr fil-każijiet ta’ “force majeure”
( 1 ) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.