2002L0022 — MT — 19.12.2009 — 001.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
ID-DIRETTIVA 2002/22/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-7 ta' Marzu 2002 (ĠU L 108, 24.4.2002, p.51) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
L 337 |
11 |
18.12.2009 |
ID-DIRETTIVA 2002/22/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-7 ta' Marzu 2002
dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),
Wara l-kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 2 ),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ( 3 ),
Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 4 ),
Billi:
(1) |
Il-liberalizzazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet u l-kompetizzjoni dejjem tikber u l-għażla għal servizz ta' komunikazzjonijiet jimxu id f'id ma’ azzjoni parallela biex jinħoloq qafas regolatorju armonizzat li jassigura t-twassil ta' servizz universali. Il-kunċett ta' servizz universali għandu jevolvi biex jirrifletti l-avvanzi fit-teknoloġija, fl-iżviluppi tas-suq u fil-bidliet fit-talba ta' l-utent. Il-qafas regolatorju stabbilit għal-liberalizzazzjoni sħiħa tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet fl-1998 fil-Komunità jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni minimu ta' servizz universali u jistabbilixxi r-regoli għall-ispiża u l-iffinanzjar tiegħu. |
(2) |
Taħt l-Artikolu 153 tat-Trattat, il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-konsumaturi. |
(3) |
Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha assumew obbligi dwar qafas regolatorju ta' networks u servizzi ta' telekomunikazzjonijiet fil-kuntest tal-ftehim ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar telekomunikazzjonijiet bażiċi. Kull membru tat-WTO għandu d-dritt li jiddefinixxi x-xorta ta' obbligi ta' servizz universali li jixtieq iżomm. Dawk l-obbligi m'għandhomx jitqiesu anti-kompetittivi fihom infushom, sakemm jiġu amministrati b'mod trasparenti, mhux diskriminatorju u kompetittivament newtrali u ma jkunux ta' piż aktar minn dak li hu meħtieġ għax-xorta ta' servizz universali definit mill-membru. |
(4) |
L-assigurazzjoni ta' servizz universali (jiġifieri, l-forniment ta' sett minimu definit ta' servizzi lill-utenti finali bi prezz li jista' jintlaħaq) jista' jinvolvi l-forniment ta' xi servizzi lill-xi utenti finali bi prezzijiet li jitilqu minn dawk li jirriżultaw mill-kondizzjonijiet normali tas-suq. Iżda, il-fatt li jingħata kumpens lill-impriżi maħtura biex jfornu servizzi bħal dawk f'dawk iċ-ċirkostanzi m'għandux jirriżulta f'distorsjoni ta' kompetizzjoni, sakemm l-impriżi maħtura jiġu kompensati għall- ispiża netta speċifika nvoluta u sakemm il-piż ta' l-ispiża netta jiġi rkuprat b'mod newtrali kompetittiv. |
(5) |
F'suq kompetittiv, ċerti obbligi għandhom japplikaw għall-impriżi kollha li jfornu servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament f'lok fiss u oħrajn għandhom japplikaw biss għal impriżi li jgawdu saħħa sinjifikanti fis-suq jew li ġew maħtura bħala operaturi ta' servizz universali. |
(6) |
Il-punt tat-terminazzjoni ta' network jirrappresenta konfini għall-iskopijiet regolatorji bejn il-qafas regolatorju għan-networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u r-regolazzjoni ta' tagħmir terminali ta' telekomunikazzjoni. Id-definizzjoni tal-lok tal-punt tat-terminazzjoni ta' network hija r-responsabbiltà ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali, fejn meħtieġ fuq il-bażi ta' proposta mill-impriżi relevanti. |
(7) |
L-Istati Membri għandhom ikomplu jassiguraw li s-servizzi stipulati fil-Kapitolu II jintgħamlu disponibbli bil-kwalità speċifikata għall-utenti finali kollha fit-territorju tagħhom irrespettivament mil-lok ġeografiku, u, fid-dawl ta' kondizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, bi prezz li jista' jintlaħaq. L-Istati Membri jistgħu, fil-kuntest ta' obbligi ta' servizz universali u fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, jieħdu miżuri speċifiċi għall-konsumaturi f'żoni rurali jew ġeografikament iżolati biex jassiguraw l-aċċess tagħhom għas-servizzi stipulati fil-Kapitolu II u li l-prezz ta' dawk is-servizzi jkun jista' jintlaħaq, kif ukoll biex jassiguraw taħt l-istess kondizzjonijiet dan l-aċċess, b'mod partikolari għall-anzjani, persuni b'disabilità u għall-persuni bi ħtiġiet soċjali speċjali. Dawn il-miżuri jistgħu wkoll jinkludu miżuri direttament immirati lejn konsumaturi bi ħtiġiet soċjali speċjali li jfornu appoġġ lill-konsumaturi indetifikati, per eżempju permezz ta' miżuri speċifiċi, meħuda wara l-eżami ta' talbiet individwali, bħall-ħlas ta' djun. |
(8) |
Ħtieġa speċjali ta' servizz universali hija l-forniment lill-utenti fuq talba b'konnessjoni ma' network pubbliku tat-telefon f'lok fiss, bi prezz li jista' jintlaħaq. Il-ħtieġa hija limitata għall-konnessjoni waħda ma' network b'firxa dejqa, li l-forniment tagħha jista' jiġi ristrett mill-Istati Membri għar-residenza/lok primarju ta' l-utent finali, u ma jestendix għal Network Integrat ta' Servizzi Diġitali (ISDN) li jipprovdi żewġ konnessjonijiet jew aktar li kapaċi jintużaw simultanjament. M'għandu jkun hemm ebda limitazzjoni fuq il-mezzi tekniċi li bihom il-konnessjoni hija fornuta, hekk li jippermettu għal teknoloġiji bil-wire jew bla wire, lanqas xi limitazzjoni dwar liema operaturi jfornu l-obbligi kollha ta' servizz universali jew parti minnhom. Konnessjoni ma' network pubbliku tat-telefon f'lok fiss għandha tkun kapaċi li ssostni komunikazzjonijiet tal-vuċi u data b'rati suffiċjenti għall-aċċess għall-servizzi online bħal dawk fornuti permezz ta' l-Internet pubbliku. Il-veloċità għall-aċċess ta' l-Internet esperjenzjata minn utent partikolari tista' tiddependi fuq numru ta' fatturi inkluż il-fornitur/i tal-konettività ma' l-Internet kif ukoll l-applikazzjoni partikolari li għaliha l-konnessjoni qed tintuża. Ir-rata tat-data li tista' tiġi sostnuta b'konnessjoni waħda b'firxa dejqa għal -network pubbliku tat-telefon tiddependi fuq il-kapaċitajiet tat-tagħmir terminali ta' l-abbonat kif ukoll fuq il-konnessjoni. Għal din ir-raġuni m'huwiex xieraq li jkun magħmulha obbligatorja f'livell tal-Komunità rata data speċifika ta' data jew bit. Il-modems disponibbli bħalissa għall-firxa tal-vuċi joffru rata ta' data ta' 56 kbit/s u jużaw adattazzjoni awtomatika ta' rata ta' data biex tipprovdi għall-kwalità varjabbli tal-linja, bir-riżultat li r-rata miksuba tad-data tista' tkun aktar baxxa minn 56 kbit/s. Flessibilità hija meħtieġa minn-naħa 'l waħda biex tippermetti lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri fejn meħtieġ biex jassiguraw li l-konnessjonijiet ikunu kapaċi li jsostnu dik ir-rata tad —data, u minn-naħa 'l oħra biex jippermettu lill-Istati Membri fejn relevanti biex jippermettu rati ta' data taħt dan il-limitu ta' fuq ta' 56 kbits/s sabiex, per eżempju, jesplojtjaw il-kapaċitajiet tat-teknoloġiji mingħajr wajer (inklużi networks ċellulari mingħajr wajer) biex iwasslu servizz universali lill-proporzjon ogħla tal-popolazzjoni. Dan jista' jkun ta' importanza partikolari f'xi pajjiżi ta' adeżjoni fejn il-penetrazzjoni fil-familji ta' konnessjonijiet tradizzjonali tat-telefon tibqa' relattivament baxxa. F'każi speċifiċi fejn il-konnessjoni ta' network pubbliku tat-telefon f'lok fiss hija kjarament insuffiċjenti biex issostni aċċess sodisfaċjenti għall-Internet, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeħtieġu li l-konnessjoni tiġi mqiegħda fil-livell li jgawdu l-maġġoranza ta' l-abbonati sabiex issostni rati ta' data suffiċjenti għall-aċċess ta' l-Internet. Fejn dawn il-miżuri speċifiċi jipproduċu piż ta' spiża netta għal dawk il-konsumaturi konċernati, l-effett nett jista' jiġi nkluż fil-kalkolu ta' spiża netta ta' obbligi ta' servizz universali. |
(9) |
Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma jipprekludux lill-Istati Membri milli jaħtru mpriżi differenti biex ifornu elementi ta' network u ta' servizz ta' servizz universali. L-impriżi maħtura biex ifornu elementi ta' network jistgħu jiġu meħtieġa li jassiguraw l-kostruzzjoni u l-manutenzjoni li huma meħtieġa u proporzjonati biex jilħqu t-talbiet raġonevoli kollha għal konnessjoni f'lok fiss għan-network pubbliku tat-telefon u għall-aċċess għal servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament f'lok fiss. |
(10) |
Prezz li jista' jintlaħaq ifisser prezz definit mill-Istati Membri f'livell nazzjonali fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, u jista' jinvolvi l-iffissar ta' tariffi komuni irrespettivament mil-lok jew għażliet ta' tariffa speċjali biex jittrattaw il-ħtiġiet ta' utenti bi dħul baxx. Prezz li jista' jintlaħaq għall-konsumaturi ndividwali huwa relatat mal-kapaċità tagħhom li jissorveljaw u jikkontrollaw l-infieq tagħhom. |
(11) |
Is-servizzi ta' informazzjoni tad-direttorju u ta' konsultazzjoni tad-direttorju jikkostitwixxu għodda essenzjali għall-aċċess għal servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament u jiffurmaw parti mill-obbligu ta' servizz universali. L-utenti u l-konsumaturi jixtiequ direttorji komprensivi u servizz ta' konsultazzjoni tad-direttorju li jkopru l-abbonati kollha elenkati tat-telefon u n-numri tagħhom (inklużi numri fissi u mobbli) u jridu li din l-informazzjoni tiġi presentata b'mod mhux preferenzjali. Id-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet ( 5 ) tassigura d-dritt ta' l-abbonati għall-privatezza fir-rigward ta' l-inklużjoni ta' l-informazzjoni personali tagħhom f'direttorju pubbliku. |
(12) |
Għaċ-ċittadin, huwa mportanti li jkun hemm forniment adegwat ta' telefons pubbliċi bi ħlas, u għall-utenti li jkunu jistgħu jsejħu numri ta' emerġenza u, b'mod partikolari, in-numru ta' sejħa ta' emerġenza Ewropew (“112”) mingħajr ħlas minn kull telefon, inklużi telefons pubbliċi bi ħlas, mingħajr l-użu ta' xi mezz ta' ħlas. Informazzjoni nsuffiċjenti dwar l-eżistenza ta' l-“112” iċċaħħad liċ-ċittadini mis-sigurezza addizzjonali assigurata bl-eżistenza ta' dan in-numru f'livell Ewropew speċjalment matul il-vjaġġi tagħhom fi Stati Membri oħra. |
(13) |
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiggarantixxu aċċess għal u prezz li jista' jintlaħaq għas-servizzi kollha tat-telefon disponibbli pubblikament f'lok fiss għal utenti b'disabilità u utenti bi ħtiġiet soċjali speċjali. Dawk il-miżuri speċjali għal utenti b'disabilità jisgħtu jinkludu, fejn xieraq, it-tagħmil disponibbli ta' l-aċċess għal telefons pubbliċi, telefons pubbliċi bit-test jew miżuri ekwivalenti għat-torox jew persuni b'impediment fid-diskors, li jfornu servizzi bħal servizzi ta' konsultazzjoni tad-direttorju jew miżuri ekwivalenti bla ħlas għall-għomja jew persuni li jaraw ftit, u l-forniment ta' kontijiet dettaljati f'format alternattiv fuq talba għall-għomja jew persuni li jaraw ftit. Miżuri speċifiċi jistgħu wkoll ikunu meħtieġa li jittieħdu biex jippermettu lill-utenti b'disabilità jew utenti bi ħtiġiet soċjali speċjali aċċess għas-servizzi ta' emerġenza “112” u biex tingħatalhom possibbiltà simili li jagħżlu bejn operaturi differenti jew fornituri ta' servizz bħall-konsumaturi l-oħra. Standards tal-kwalità tas-servizz ġew żviluppati għal firxa ta' parametri biex jistmaw il-kwalità tas-servizzi riċevuti mill-abbonati u kemm dawn l-impriżi maħtura b'obbligi ta' servizz universali jaħdmu tajjeb biex jiksbu dawn li-standards. Standards tal-kwalità tas-servizz s'issa għadhom ma jeżistux fir-rigward ta' utenti b'disabilità. Standards ta' prestazzjoni u parametri relevanti għandhom jiġu żviluppati għal utenti b'disabilità u huma previsti fl-Artikolu 11 ta' din id-Direttiva. B'żieda, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jeħtieġu l-pubblikazzjoni ta' tagħrif -data ta' prestazzjoni tal-kwalità tas-servizz jekk u meta dawn li-standards u l-parametri jiġi żviluppati. Il-fornitur ta' servizz universali m'għandux jieħu miżuri li jipprevjenu lill-utenti milli jibbenefikaw bis-sħiħ mis-servizzi offruti minn operaturi jew fornituri ta' servizz differenti, f'kombinazzjoni mas-servizzi tiegħu stess offruti bħala parti minn servizz universali. |
(14) |
L-importanza ta' aċċess għal u l-użu tan-network pubbliku tat-telefon f'lok fiss hija tali li għandu jkun disponibbli lil kull min raġonevolment jitlobu. Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandhom ikunu l-Istati Membri li jiddeċiedu fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi liema mpriżi għandhom obbligi ta' servizz universali għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, fejn xieraq billi jieħdu kont tal-kapaċità u l-volontà ta' impriżi li jaċċettaw l-obbligi tas-servizz universali kollha jew parti minnhom. Huwa mportanti li l-obbligi ta' servizz universali jiġu sodisfatti bl-aktar mod effiċjenti sabiex l-utenti ġeneralment iħallsu prezzijiet li jikkorrispondu ma' prestazzjoni effiċjenti fir-rigward ta' l-ispejjeż. Daqstant ieħor huwa mportanti li l-operaturi ta' servizz universali jżommu l-integrità tan-network kif ukoll il-kontinwità u l-kwalità tas-servizz. L-iżvilupp ta' kompetizzjoni akbar u għażla jipprovdu aktar possibiltajiet għall-obbligi kollha ta' servizzi universali jew parti minnhom li jiġu fornuti minn impriżi barra minn dawk li għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq. Għalhekk, l-obbligi ta' servizz universali jistgħu f'xi każi jiġu allokati lill-operaturi li juri l-aktar mezzi effiċjenti fl-ispiża għat-twassil ta' l-aċċess u s-servizzi, inkluż bi proċeduri ta' għażla kompetittivi u komparattivi. Obbligi korrispondenti jistgħu jiġu nklużi bħala kondizzjonijiet fl-awtorizzazzjonijiet għal forniment ta' servizzi disponibbli pubblikament. |
(15) |
L-Istati Membri għandhom jissorveljaw is-sitwazzjoni tal-komsumaturi fir-rigward ta' l-użu tagħhom ta' servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament u b'mod partikolari dwar prezzijiet li jkunu jistgħu jintlaħqu. Il-forniment ta' prezzijiet li jistgħu jintlaħqu għal servizz tat-telefon huwa relatat ma' l-informazzjoni li l-utenti jirċievu fir-rigward ta' l-ispejjeż ta' l-użu tat-telefon kif ukoll tal-ispiża relattiva ta' l-użu tat-telefon mqabbel ma' servizzi oħra, u huwa wkoll relatat mal-kapaċità tagħhom li jikkontrollaw l-infieq. Prezzijiet li jistgħu jintlaħqu għalhekk tfisser l-għoti tal-poter lill-konsumaturi permezz ta' obbligi imposti fuq impriżi maħtura bħala li għandhom obbligi ta' servizz universali. Dawn l-obbligi jinkludu livell speċifiku ta' kontijiet dettaljati, il-possibiltà tal-konsumaturi li selettivament jimblukkaw ċerti sejħiet (per eżempju sejħiet bi prezz għoli lill-servizzi primjum), il-possibiltà tal-konsumaturi li jikkontrollaw l-infieq permezz ta' mezzi ta' ħlas minn qabel u l-possibiltà tal-konsumaturi li jpaċu tariffi ta' konnessjoni minn qabel. Dawn il-miżuri jistgħu jeħtieġu li jiġu riveduti u mibdula fid-dawl ta' l-iżviluppi tas-suq. Il-kondizzjonijiet kurrenti ma jiġġustifikawx il-ħtieġa li l-operaturi b'obbligi ta' servizz universali jiġbdu l-attenzjoni ta' l-abbonati meta livell ta' nefqa stabbilit minn qabel jinqabeż jew xejra annormali ta' sejħiet isseħħ. Ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet relevanti leġislattivi fil-futur għandha tikkonsidra jekk hemmx il-ħtieġa li tinġibed l-attenzjoni ta' l-abbonati għal dawn ir-raġunjiet. |
(16) |
Ħlief fil-każi ta' ħlas tard persistenti tal-kontijiet jew nuqqas ta' ħlas tal-kontijiet, il-konsumaturi għandhom ikunu protetti mill-iskonnettjar immedjat min-network għal raġuni ta' kont mhux imħallas, u, b'mod partikolari fil-każ ta' disputi dwar kontijiet għolja għall-servizzi b'rati primjum, u għandhom jibqgħu jkollhom aċċess għas-servizzi essenzjali tat-telefon sakemm id-disputa tkun risolta. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li dak l-aċċess jista' jibqa' jiġi fornut biss jekk l-abbonat ikompli jħallas it-tariffi tal-kiri tal-linja. |
(17) |
Il-kwalità u l-prezz huma fatturi prinċipali f'suq kompetittiv u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu kapaċi li jissorveljaw il-kwalità tas-servizz miksuba għall-impriżi li jkunu ġew maħtura bħala li għandhom obbligi ta' servizz universali. B'relazzjoni mal-kwalità ta' servizz miksuba minn dawk l-impriżi, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jieħdu miżuri adatti fejn iqiesu li dan huwa meħtieġ. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu wkoll kapaċi li jissorveljaw il-kwalità tas-servizz miksuba ta' impriżi oħra li jfornu networks pubbliċi tat-telefon u/jew servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament lill-utenti f'lok fiss. |
(18) |
L-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jistabbilixxu mekkaniżmi għall-iffinanzjar ta' l-ispiża netta ta' obbligi ta' servizz universali fil-każi fejn jintwera li l-obbligi jistgħu biss jiġu fornuti b'telf jew bi spiża netta li jaqgħu barra li-standards kummerċjali normali. Huwa mportanti li jiġi assigurat li l-ispiża netta ta' obbligi ta' servizz universali tiġi kkalkolata kif imiss u li kull iffinanzjar jitwettaq b'distorsjoni minima għas-suq u għall-impriżi, u jkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat. |
(19) |
Kull kalkolu ta' spiża netta ta' servizz universali għandu jieħu kont debitu ta' l-ispejjeż u d-dħul, kif ukoll tal-benefiċċji ntanġibbli li jirriżultaw mill-forniment tas-servizz universali, iżda m'għandux ifixkel l-għan ġenerali li jiġi assigurat li l-istrutturi tal-prezzijiet jirriflettu l-ispejjeż. Kull spiża netta ta' obbligi ta' servizz universali għandha tiġu kalkolata fuq il-bażi ta' proċeduri trasparenti. |
(20) |
Li jittieħed kont tal-benefiċċji ntanġibbli tfisser li estimu f'termini monteraji, tal-benefiċċji indiretti li mpriża tikseb minħabba l-pożizzjoni tagħha bħala fornitur ta' servizz universali, għandu jitnaqqas mill- ispiża netta diretta ta' l-obbligi ta' servizz universali sabiex jiġi stabbilit il-piż globali ta' l-ispiża. |
(21) |
Meta obbligu ta' servizz universali jirrappresenta piż inġust fuq impriża, huwa xieraq li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmi għall-irkupru effiċjenti ta' l-ispejjeż netti. L-irkupru permezz ta' fondi pubbliċi jikkostitwixxi metodu wieħed ta' rkupru ta' l-ispiża netta ta' l-obbligi ta' servizz universali. Huwa wkoll raġonevoli li l-ispejjeż netti stabbiliti jiġu rkuprati mill-utenti kollha b'mod trasparenti permizz ta' mposti fuq l-impriżi. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiffinanzjaw l-ispejjeż netti ta' elementi differenti ta' servizz universali permezz ta' mekkaniżmi differenti, u/jew li jiffinanzjaw ta' l-ispejjeż netti ta' xi wħud mill-elementi jew kollha minn xi wieħed mill-mekkaniżmi jew minn kombinazzjoni tat-tnejn. Fil-każ ta' l-irkupru ta' l-ispejjeż permezz ta' mposti fuq l-impriżi, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li dak il-metodu ta' allokazzjoni bejniethom huwa bbażat fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji u huwa skond il-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan il-prinċipju ma jipprevjenix lill-Istati Membri milli jeżentaw operaturi ġodda li ma jkunux għadhom kisbu xi presenza sinjifikani fis-suq. Kull mekkaniżmu ta' ffinanzjar għandu jassigura li l-parteċipanti fs-suq jikkontribwixxu biss għall-iffinanzjar ta' obbligi ta' servizz universali u mhux għal attivitajiet oħra li m'humiex direttament marbuta mal-forniment ta' obbligi ta' servizz universali. Il-mekkaniżmi ta' l-irkupru għandhom fil-każi kollha jirrispettaw il-prinċipji tal-liġi tal-Komunità, u b'mod partikolari fil-każ ta' mekkaniżmi ta' qsim dawk tan-non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità. Kull mekkaniżmu ta' l-iffinanzjar għandu jassigura li l-utenti fi Stat Membru wieħed ma jikkontribwixxux għall-ispejjeż ta' servizz universali fi Stat Membru ieħor, per eżempju meta jsiru sejħiet minn Stat Membru għall-ieħor. |
(22) |
Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jiffinanzjaw l-ispiża netta ta' l-obbligi ta' servizz universali minn fondi pubbliċi, dan għandu jiftiehem li jinkludi ffinanzjar mill-estimi tal-gvern ġenerali nklużi sorsi oħra ta' ffinanzjar pubbliku bħall-lotteriji ta' l-istat. |
(23) |
L-ispiża netta ta' obbligi ta' servizz universali jista' jinqasam bejn l-impriżi kollha jew ċerti klassijiet speċifikati tagħhom. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-mekkaniżmu tal-qsim jirrispetta il-prinċipji tat-trasparenza, l-anqas distorsjoni tas-suq, non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità. L-anqas distorsjoni tas-suq tfisser li l-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu rkuprati b'mod li sa fejn hu possibbli jimminimizza l-impatt li l-piż finanzjarju li jaqa' fuq l-utenti finali, per eżempju billi jitqassmu l-kontribuzzjonijiet fl-aktar firxa wiesa' possibbli. |
(24) |
L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissodisfaw lilhom infushom li dawk l-impriżi li jibbenefikaw minn finanzjar ta' servizz universali jfornu livell suffiċjenti ta' dettal ta' l-elementi speċifiċi li jeħtieġu dak l-iffinanzjar sabiex jiġġustifikaw it-talba tagħhom. L-iskemi ta' l-Istati Membri għal-istima u l-iffinanzjar ta' obbligi ta' servizzi universali għandhom jiġu komunikati lill-Kummissjoni għall-verifikazzjoni tal-kompatibilità mat-Trattat. Hemm inċentivi biex operaturi maħtura jgħollu l-ispiża netta stmata ta' obbligi ta' servizz universali. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jassiguraw trasparenza u kontroll effettivi ta' l-ammonti mitluba biex jiffinanzjaw obbligi ta' servizz universali. |
(25) |
Is-swieq tal-komunikazzjonijiet ikomplu jevolvu f'termini tas-servizzi wżati u l-mezzi tekniċi wżati biex iwassluhom lill-utenti. L-obbligi ta' servizz universali, li huma definiti fil-livell tal-Komunità, għandhom jiġu perjodikament riveduti bil-ħsieb li jsiru proposti li jitbiddel jew jiġi ridefinit il-kamp ta' applikazzjoni. Din ir-reviżjoni għandha tieħu kont tal-kondizzjonijiet li jevolvu soċjali, kummerċjali u teknoloġiċi u l-fatt li kull bidla tal-kamp ta' applikazzjoni għandha tkun suġġetta għat-test doppju ta' servizzi li jsiru disponibbli lill-maġġoranza sostanzjali tal-popolazzjoni, bir-riskju konsegwenti ta' l-esklużjoni soċjali għal dawk li ma jifilħux iħallsu għalihom. Għandha tittieħed attenzjoni f'kull bidla tal-kamp ta' applikazzjoni ta' obbligi ta' servizz universali biex jiġi assigurat li ċerti għażliet teknoloġiċi ma jiġux promossi artifiċjalment fuq oħrajn, li piż finanzjarju disproporzjonat ma jiġix impost fuq mpriżi tas -settur (b'hekk jiġu perikolati l-iżviluppi tas-suq u l-innovazzjoni) u li l-piż finanzjarju ma jaqgħax inġustament fuq konsumaturi bi dħul aktar baxx. Kull bidla tal-kamp ta' applikazzjoni awtomatikament tfisser li kull spiża netta tista' tiġi ffinanzjata permezz tal-metodi permessi f'din id-Direttiva. L-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq il-parteċipanti tas-suq kontribuzzjonijiet finanzjarji li jirrelataw ma' miżuri li m'humiex parti mill-obbligi ta' servizz universali. L-Istati Membri ndividwali jibqgħu ħielsa li jimponu miżuri speċjali (barra mill-kamp ta' applikazzjoni i ta' obbligi ta' servizz universali) u jiffinanzjawhom b'konformità mal-liġi tal-Komunità iżda mhux permezz ta' kontribuzzjonijiet mill-parteċipanti tas-suq. |
(26) |
Aktar kompetizzjoni effettiva matul is-swieq kollha ta' l-aċċess u s-servizz għandha tagħti għażla akbar lill-utenti. Il-firxa ta' kompetizzjoni u għażla effettivi jvarjaw mal-Komunità u jvarjaw fl-Istati Membri bejn żoni ġeografiċi u bejn swieq ta' l-aċċess u s-servizzi. Xi utenti jistgħu jkunu dipendenti għal kollox fuq il-forniment ta' aċċess u servizzi minn impriża b'saħħa sinjifikanti fis-suq. B'mod ġenerali, għal raġunijiet ta' effiċjenza u biex tiġi nkoraġġita l-komptetizzjoni effettiva, huwa mportanti li s-servizzi fornuti minn impriża b'saħħa sinjifikani fis-suq jirriflettu l-ispejjeż. Għal reġunijiet ta' effiċjenza u raġunijiet soċjali, it-tariffi ta' l-utent finali għandhom jirriflettu l-kondizzjonijiet tad-domanda, kif ukoll il-kondizzjonijiet tal-ispiża, sakemm dan ma jirriżultax f'distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. Hemm ir-riskju li mpriża b'saħħa sinjifikanti fis-suq tista' taġixxi b'modi differenti biex biex timpedixxi d-dħul jew tiddistorta il-kompetizzjoni, per eżemġju billi titlob prezzijiet eċċessivi, tiffissa prezzijiet predatorji, tassoċja flimkien b'mod obbligatorju servizzi bl-imnut jew turi preferenza ndebita għal ċerti klijenti. Għalhekk, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li jimponu, bħala l-aħħar sforz u wara konsiderazzjoni debita, regolament ta' bejgħ bl-imnut fuq impriża b'saħħa sinjifikanti fis-suq. Regolament dwar il-limitu tal-prezz, medjar ġeografiku jew strumenti simili, kif ukoll miżuri mhux regolatorji bħal paraguni pubblikament disponibbli tat-tariffi tal-bejgħ bl-imnut jistgħu jintużaw biex tinkiseb il-mira doppja tal-promozzjoni ta' kompetizzjoni effettiva waqt li jitħarsu l-ħtiġiet ta' l-interess pubbliku, bħaż-żamma ta' prezz li jkun jintlaħaq ta' servizzi tat-telefon disponibbli publikament għal xi konsumaturi. L-aċċess għalinformazzjoni ta' kontabilità ta' l-ispejjeż xierqa huwa meħtieġ, sabiex l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jwettqu d-dmirijiet regolatorji tagħhom f'dan il-qasam, inkluża l-imposizzjoni ta' xi kontroll tat-tariffi. Iżda, l-kontrolli regolatorji fuq il-bejgħ ta' servizzi bl-imnut għandhom jiġu mposti biss fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jqisu li l-miżuri relevanti ta' bejgħ bl-ingrossa jew miżuri fir-rigward ta' għażla jew għażla minn qabel tal-carrier jonqsu li jilħqu l-mira ta' l-assigurazzjoni ta' kompetizzjoni effettiva u nteress pubbliku. |
(27) |
Fejn awtorità regolatorja nazzjonali timponi obbligi li tiġi mplimentata sistema ta' kontabilità ta' l-ispejjeż sabiex jiġu appoġġati l-kontrolli tal-prezzijiet, tista' hi stess twettaq verifika ta' kull sena biex tiżgura l-konformità ma' dik is-sistema ta' kontabilità ta' l-ispejjeż, sakemm ikollha l-impjegati mħarrġa meħtieġa, jew tista' teħtieġ li l-verifika titwettaq minn korp ieħor kwalifikat, indipendenti mill-operatur konċernat. |
(28) |
Huwa meqjus meħtieġ li tiġi żgurata l-applikazzjoni li titkompla tad-dispożizzjonijiet eżistenti li jirrelataw mas-sett minimu ta' servizzi ta' linji mikrija fil-leġislazzjoni tal-Komunità dwar it-telekomunikazzjonijiet, b'mod partikolari fid-Direttiva tal-Kunsill 92/44/KEE tal-5 ta' Ġunju 1992 dwar l-appikazzjoni tal-forniment ta' network miftuħ għall-linji mikrija ( 6 ), sa dak iż-żmien li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistabbilixxu, skond il-proċeduri ta' l-analiżi tas-suq stabbiliti fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas komuni regolatorju għal networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Kwadru) ( 7 ), li dawk id-dispożizzjonijiet m'humiex aktar meħtieġa minħabba li suq suffiċjentement kompetittiv ikun żviluppa fit-territorju tagħhom. Il-livell ta' kompetizzjoni x'aktarx li jvarja bejn swieq differenti ta' linji mikrija fis-sett minimu, u f'partijiet differenti tat-territorju. Fit-twettieq ta' l-analiżi tas-suq, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jagħmlu stimi separati għal kull suq ta' linji mikrija fis-sett minimu, waqt li jieħdu kont tad-dimensjoni ġeografika tagħhom. Servizzi ta' linji mikrija jikkostitwixxu servizzi obbligatorji li għandhom jiġu fornuti mingħajr rikors għal xi mekkaniżmu ta' kumpens. Il-forniment ta' linji mikrija barra mis-sett minimu ta' linji mikrija għandu jkun kopert b'dispożizzjonijiet regolatorji ġenerali ta' bejgħ bl-imnut pjuttost milli minn ħtiġiet speċifiċi li jkopru l-forniment tas-sett minimu. |
(29) |
L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu wkoll, fid-dawl ta' l-analiżi tas-suq relevanti, jeħtieġu operaturi mobbli b'saħħa sinjifikanti fis-suq li jippermettu lill-abbonati tagħhom li jaċċessaw is-servizzi ta' kull fornitur interkonnes ta' servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament fuq il-bażi ta' sejħa b'sejħa jew permezz ta' għażla minn qabel. |
(30) |
Il-kuntratti huma għodda mportanti għall-utenti u l-konsumaturi biex jiġi assigurat livell minimu ta' trasparenza ta' informazzjoni u sigurtà legali. Il-parti 'l kbira tal-fornituri tas-servizzi f'ambjent kompetittiv jikkonkludu kuntratti mal-klijenti tagħhom għal raġunijiet ta' xewqiet kummerċjali. B'żieda mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, il-ħtiġiet tal-leġislazzjoni eżistenti tal-Komunità dwar il-protezzjoni tal-konsumatur li tirrelata mal-kuntratti, b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar kondizzjonijiet inġusti fil-kuntratti tal-konsumatur ( 8 ) u d -Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta' kuntratti li jsiru f'ċertu distanza ( 9 ), japplikaw għal transazzjonijiet tal-konsumatur li jirrelataw ma' networks u servizzi elettroniċi. Speċifikament, il-konsumaturi għandhom igawdu minn livell minimu ta' ċertezza legali fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom mal-fornitur dirett tagħhom ta' servizz tat-telefon, sabiex it-termini kuntrattwali, il-kondizzjonijiet, il-kwalità tas-servizz, il-kondizzjoni għat-terminazzjoni tal-kuntratt u tas-servizz, il-miżuri ta' kumpens u r-riżoluzzjoni ta' disputi jiġu speċifikati fil-kuntratti tagħhom. Fejn il-fornituri tas-servizz barra minn fornituri ta' servizz dirett tat-telefon jikkonkludu kuntratti mal-konsumaturi, l-istess informazzjoni għandha tiġi nkluża wkoll f'dawk il-kuntratti. Il-miżuri biex jassiguraw it-trasparenza tal-prezzijiet, it-tariffi, it-termini u l-kondizzjonijiet jkabbru l-kaâċità tal-konsumaturi li jottimizzaw l-għażliet tagħhom u b'hekk jibbenefikaw bis-sħiħ mill-kompetizzjoni. |
(31) |
L-utenti finali għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni pubblikament disponibbli dwar is-servizzi ta' komunikazzjoni. L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jissorveljaw il-kwalità tas-servizzi li jiġu offruti fit-territorju tagħhom. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu kapaċi li sistematikament jiġbru informazzjoni dwar il-kwalità tas-servizzi offruti fit-territorji tagħhom fuq il-bażi ta' kriterji li jippermettu l-komparabilità bejn il-fornituri tas-servizzi u bejn l-Istati Membri. L-impriżi li jfornu servizzi ta' komunikazzjonijiet, li joperaw f'ambjent kompetittiv, aktarx li jagħtu nformazzjoni adegwata u aġġornata dwar is-servizzi tagħhom pubblikament disponibbli għal raġunijiet ta' vantaġġ kummerċjali. L-awtopritajiet regolatorji nazzjonali għandhom madanakollu jkunu jistgħu jeħtieġu il-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni fejn jiġi muri li din l-informazzjoni mhix effettivament disponibbli għall-pubbliku. |
(32) |
L-utenti finali għandhom ikunu jistgħu jgawdu garanzija ta' interoperabilità fir-rigward tat-tagħmir kollu mibjugħ fil-Komunità għar-riċeviment tat-televiżjoni diġitali. L-Istati membri għandhom ikunu jistgħu jeħtieġu standards minimi armonizzati fir-rigward ta' dak it-tagħmir. Dawn li-standards jistgħu jiġu adattati minn żmien għal żmien fid-dawl ta' l-iżviluppi tekonoloġiċi u tas-suq. |
(33) |
Huwa mixtieq li l-konsumaturi jkunu jistgħu jiksbu l-aktar konnettività sħiħa possibbli għas-settijiet tat-televiżjoni diġitali. L-interoperabilità hija kunċett li qiegħed jevolvi fis-swieq dinamiċi. Il-korpi ta' li-standards għandhom jagħmlu minn kollox biex jassiguraw li standards adatti jevolvu flimkien mat-teknoloġiji konċernati. Huwa daqstant ieħor importanti li jiġi assigurat li konnetturi jkunu disponibbli fuq settijiet tat-televiżjoni li jkunu kapaċi jgħaddu l-elementi kollha meħtieġa ta' sinjal diġitali, inklużi faxex tas-smiegħ u tal-video, informazzjoni dwar aċċess kondizzjonat, informazzjoni dwar is-servizz, informazzjoni dwar interface ta' programmi applikattivi (API) u informazzjoni dwar il-protezzjoni kontra l-ikkupjar. Din id-Direttiva għalhekk tassigura li l-funzjonalità ta' interface miftuħ għas-settijiet tat-televiżjoni diġitali ma tiġix limitata mill-operaturi tan-network, fornituri tas-servizz jew manifatturi tat-tagħmir u tkompli tevolvi f'konformità ma' l-iżviluppi teknoloġiċi. Għat-turija u l-presentazzjoni tas-servizzi tat-televiżjoni diġitali interattivi, ir-realizzazzjoni ta' standard komuni permezz ta' mekkaniżmu mmexxi mis-suq hija rikonoxxuta bħala benefiċċju għall-konsumatur. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jieħdu inizjattivi ta' politika, konsistenti mat-Trattat biex jinkoraġġixxu dan l-iżvilupp. |
(34) |
L-utenti finali kollha għandhom jibqgħu jgawdu aċċess għas-servizzi bl-għajnuna ta' l-operatur tkun xi tkun l-organizzazzjoni li tipprovdi aċċess għan-network pubbliku tat-telefon. |
(35) |
Il-forniment ta' servizzi ta' konsultazzjoni tad-direttorju u d-direttorji huwa diġà miftuħ għall-kompetizzjoni. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/66/KE billi jagħtu d-dritt lill-abbonati li jkollhom id-dettalji personali nklużi f'direttorju stampat jew elettroniku. Il-fornituri kollha tas-servizz li jassenjaw numri tat-telefon lill-abbonati tagħhom huma obbligati li jagħmlu l-informazzjoni relevanti disponibbli, b'mod ġust, orjentat mal-ispiża u mhux diskriminatorju. |
(36) |
Huwa mportanti li l-utenti jkunu jistgħu jsejħu in-numru uniku ta' emerġenza Ewropew “112”, u n-numri l-oħra tat-telefon ta' emerġenza nazzjonali, mingħajr ħlas, minn kull telefon, inklużi telefons pubbliċi bi ħlas, mingħajr l-użu ta' xi mezz ta' ħlas. L-Istati Membru suppost li diġa għamlu l-arranġamenti ta' organizzazzjoni meħtieġa l-aktar adatti għall-organizzazzjoni nazzjonali tas-sistemi ta' emerġenza, sabiex jiġi assigurat li s-sejħiet għal dan in-numru jiġu adegwatament imwieġba u ttrattati. L-informazzjoni dwar il-lok ta' min jagħmel is-sejħa, li għandha tintgħamel disponibbli għas-servizzi ta' l-emerġenza, ttejjeb il-livell ta' protezzjoni u s-sigurtà ta' l-utenti tas-servizzi ta' “112” u tgħin lis-servizzi ta' l-emerġenza, sal-limitu teknikament fattibbli, fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom, basta illi t-trasferiment tas-sejħiet u tagħrif assoċjat għas-servizzi ta' emerġenza konċernati jiġi garantit. Ir-riċeviment u l-użu ta' dik l-informazzjoni għandhom jikkonformaw mal-liġi relevanti tal-Komunità dwar l-ipproċessar tat-tagħrif personali. It-titjib kostanti fit-teknoloġija ta' l-informazjoni għandu progressivament isostni l-immaniġġar simultanju ta' diversi lingwi fuq in-networks bi spiża raġonevoli. Dan allura jassigura sigurezza addizzjonali għaċ-ċittadini Ewropej li jużaw in-numru tas-sejħa ta' l-emerġenza “112”. |
(37) |
L-aċċess faċli għas-servizzi nternazzjonali tat-telefon huwa vitali għaċ-ċittadini Ewropej u għan-negozji Ewropej. Iż-“00” ġia ġie stabbilit bħala l-kodiċi standard ta' aċċess internazzjonali tat-telefon għall-Komunità. Arranġamenti speċjali għat-tagħmil ta' sejħiet bejn lokien adjaċenti bejn il-fruntieri bejn l-Istati Membri jistgħu jiġu stabbiliti jew jitkomplew. L-ITU assenjat, skond ir-Rakkomandazzjoni ITU E.164, kodiċi “3883” għall-Ispazju Ewropew ta' l-Enumerar tat-Telefonija (ETNS). Sabiex tiġi assigurata l-konnessjoni ta' sejħiet lill-ETNS, l-impriżi li joperaw networks pubbliċi tat-telefon għandhom jassiguraw li sejħiet li jużaw “3883” jiġu direttament jew indirettament inter-konnessi man-networks li jservu ta' l-ETNS speċifikati fli-standards ta' l-Istitut Ewropew ta' li-Standards tat-Telekomunikazzjonijiet (ETSI). Dawk l-arranġamenti ta' interkonnessjoni għandhom jiġu regolati bid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnesjoni ma', networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta' Aċċess) ( 10 ). |
(38) |
L-aċċess mill-utenti finali għar-riżorsi kollha ta' numerar fil-Komunità huwa kondizzjoni vitali minn qabel għal suq wieħed. Għandu jinkludi telefon bla ħlas, rata primjum, u numri mhux ġeografiċi oħrajn ħlief fejn l-abbonat li jirċievi t-telefonata jkun għażel, għal raġunijiet kummerċjali, li jillimita l-aċċess minn ċerti żoni ġeografiċi. It-tariffi mposti fuq partijiet li jagħmlu sejħa minn barra l-Istat Membru konċernat mhux meħtieġa li jkunu l-istess bħal dawk tal-partijiet li jagħmlu sejħa minn ġewwa dak l-Istat Membru. |
(39) |
L-idaljaljar bit-ton u l-faċilitajiet ta' l-identifikazzjoni tal-linja li tagħmel is-sejħa huma normalment disponibbli fuq l-exchanges tat-telefon moderni u jistgħu għalhekk jiġu fornuti aktar u aktar bi spiża żgħira jew mingħajr ebda spiża. L-iddajaljar bit-ton qiegħed kull ma jmur jintuża għall-interazzjoni ta' l-utent ma' servizzi speċjali u faċilitajiet, inklużi servizzi b'valur miżjud, u n-nuqqas ta' din il-faċilità jista' jipprevjeni lill-utent milli jagħmel użu ta' dawn is-servizzi. L-Istati Membri m'humiex meħtieġa li jimponu obbligi għall-forniment ta' dawn il-faċilitajiet fejn huma diġa disponibbli. Id-Direttiva 97/66/KE tissalvagwarda l-privatezza ta' l-utenti fir-rigward ta' kontijiet dettaljatp, billi tagħtihom il-mezzi biex jipproteġu d-dritt tagħhom għall-privatezza meta l-identifikazzjoni tal-linja li tagħmel is-sejħa tiġi mplimentata. L-iżvilupp ta' dawn is-servizzi fuq bażi pan-Ewropew għandu jibbenefika lill-konsumaturi u huwa nkoraġġit b'din id-Direttiva. |
(40) |
Il-portabilità tan-numru hija faċilitatur prinċipali għall-għażla tal-konsumatur u kompetizzjoni effettiva f'ambjent kompetittiv tat-telekomunikazzjonijiet hekk li l-utenti finali li jitolbu dan għandhom ikunu jistgħu jżommu n-numru/i tagħhom fuq in-network pubbliku tat-telefon indipendentement mill-organizzazzjoni li tipprovdi s-servizz. Il-forniment ta' din il-faċilità bejn konnessjonijiet għan-network pubbliku tat-telefon f'lok fiss u mhux fiss mhux kopert b'din id-Direttiva. Iżda, l-Istati Membri jistgħu japplikaw dispożizzjonijiet għall-portabilità tan-numru bejn networks li jfornu servizzi f'lok fiss u networks mobbli. |
(41) |
L-impatt tal-portabilità tan-numri jissaħħaħ konsiderevolment meta jkun hemm informazzjoni trasparenti dwar it-tariffi, kemm għall-utenti finali li jġorru n-numru tagħhom kif ukoll għall-utenti finali li jagħmlu sejħa lil dawk li jkun ġarrew in-numru tagħhom. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, fejn possibbli, jiffaċilitaw it-trasparenza tat-tariffi adatta bħala parti mill-implimentazzjoni tal-portabilità tan-numri. |
(42) |
Meta jiġi assigurat li l-ipprezzar għal interkonnessjoni relatata mal-forniment ta' portabilità tan-numri tkun orjentata mal-ispiża, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu wkoll jieħdu kont tal-prezzijiet disponibbli fi swieq komparattivi. |
(43) |
Fil-present, l-Istati Membri jimponu ċerti obbligi ta' trasmissijoni (“must carry”) fuq networks għad-distribuzzjoni tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni lill-pubbliku. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistipulaw obbligi proporzjonati fuq impriżi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, fl-interess ta' konsiderazzjonijiet leġittmi ta' politika pubblika, iżda dawk l-obbligi għandhom ikunu mposti biss fejn ikunu meħtieġa biex jissodisfaw il-miri ta' interess ġenerali definiti b'mod ċar mill-Istati Membri b'konformità mal-liġi tal-Komunità u għandhom ikunu proporzjonati, trasparenti u suġġetti għal reviżjoni perjodika. L-obbligi ta' trasmissjoni (must carry) imposti mill-Istati Membri għandhom ikunu raġonevoli, jiġifieri għandhom ikunu proporzjonati u trasparenti fid-dawl ta' miri ta' interess ġenerali definiti b'mod ċar, u jistgħu, fejn xieraq, jinvolvu dispożizzjoni għal remunerazzjoni proporzjonata. Dawn l-obbligi ta' trasmissjoni (must carry) jistgħu jinkludu t-trasmissjoni ta' servizzi speċifikament maħsuba biex jippermettu aċċess adatt minn utenti b'disabilità. |
(44) |
Networks użati għad-distribuzzjoni ta' xandir bir-radju jew bit-televiżjoni lill-pubbliku jinkludu networks ta' xandir bil — cable, bis-satellità jew terrestru. Jistgħu wkoll jinkludu networks oħra safejn u sakemm n-numru sinjifikanti ta' utenti finali jużaw dawk in-networks bħala l-mezz prinċipali tagħhom biex jirċievu xandir bir-radju jew bitat-televiżjoni. |
(45) |
Servizzi li jfornu kontenut bħall-offerta għall-bejgħ ta' pakkett ta' kontenut ta' xandir bil-ħoss jew bit-televiżjoni m'humiex koperti bil-qafas regolatorju komuni għal networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi. Il-fornituri ta' dawk is-servizzi m'għandhomx ikunu suġġetti għall-obbligi ta' servizz universali fir-rigward ta' dawn l-attivitajiet. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal miżuri meħuda fil-livell nazzjonali, b'konformità mal-liġi tal-Komunità, fir-rigward ta' dawk is-servizzi.a(46) Fejn Stat Membru jfittex li jassigura l-forniment ta' servizzi speċifiċi oħra mat-territorju nazzjonali kollu tiegħu, dawk l-obbligi għandhom ikunu mplimentati fuq bażi ta' effiċjenza ta' l-ispiża u barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' obbligi ta' servizz universali. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri addizzjonali (bħall-iffaċilitar ta' l-iżvilupp ta' infrastruttura jew servizzi fiċ-ċirkostanzi fejn is-suq ma jittrattax b'mod sodisfaċjenti il-ħtiġijiet ta' l-utenti finali jew il-konsumaturi), b'konformità mal-liġi tal-Komunità. Bħala reazzjoni għall-inizjattiva tal-Kummissjoni e-Europe, il-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000 talab lill-Istati Membri biex jassiguraw li l-iskejjel kollha jkollhom aċċess għall-Internet u għar-riżorsi multimedia. |
(47) |
Fil-kuntest ta' ambjent kompetittiv, il-veduti tal-partijiet interessati, nklużi l-utenti u l-konsumaturi, għandhom jitqiesu mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali meta jittrattaw kwistjonijiet li jirrelataw mad-drittijiet ta' l-utenti finali. Proċeduri effettivi għandhom ikunu disponibbli biex jittrattaw disputi bejn il-konsumaturi, min-naħa 'l waħda, u mpriżi li jfornu servizzi ta' komunikazzjonijiet disponibbli pubblikament, min-naħa 'l oħra. L-Istati Membri għandhom jieħdu kont sħiħ tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257/KE tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi responsabbli għar-riżoluzzjoni extra — ġudizzjarji ta' disputi tal-konsumaturi ( 11 ). |
(48) |
Il-ko-regolazzjoni tista' tkun mod adatt biex jistimula standards imtejba ta' kwalità u prestazzjoni imtejba ta' servizz. Il-ko-regolazzjoni għandha tkun iggwidata mill-istess prinċipji bħar- regolazzjoni formali, jiġifieri għandha tkun oġġettiva, ġustifikata, proporzjonata, mhux diskriminatorja u trasparenti. |
(49) |
Din id-Direttiva għandha tipprovdi għall-elementi tal-protezzjoni tal-konsumatur, inklużi kondizzjonijiet kuntrattwali ċari u riżoluzzjoni ta' disputi, u trasparenza tariffarja għall-konsumaturi. Għandha wkoll tinkoraġġixxi l-estensjoni ta' dank il-benefiċċji lil kategoriji oħra ta' utenti finali, b'mod partikolari intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. |
(50) |
Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma jipprevjenux lil Stat Membru milli jieħu miżuri ġustifikati fuq il-bażi stipulati fl-Artikoli 30 u 46 tat-Trattat, u b'mod partikolari fuq il-bażi ta' sigurtà pubblika, politika pubblika u moralità pubblika. |
(51) |
Billi l-miri ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri l-istabbiliment ta' livell komuni ta' servizz universali għat-telekomunikazzjonijiet għall-utenti Ewropej kollha u l-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet għall-aċċess għal u l-użu ta' networks pubbliċi tat-telefon f'lok fiss u servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament relatati kif ukoll il-ksib ta' qafas armonizzat għar-regolazzjoni ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk minħabba l-iskala jew l-effetti ta' l-azzjoni jinkisbu aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà kif stipulati fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx 'l hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk il-miri. |
(52) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni ( 12 ), |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
IL-KAPITOLU I
KAMP TA' APPLIKAZZJONI, MIRI U TIFSIR
Artikolu 1
Suġġett u ambitu
1. Fl-ambitu tal-qafas tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas), din id-Direttiva tikkonċerna l-fornimet ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika lil utenti finali. L-għan huwa li tiġi żgurata d-disponibilità mal-Komunità kollha ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ kwalità tajba permezz ta’ kompetizzjoni effettiva u għażla u biex tittratta ċ-ċirkostanzi li fihom il-ħtiġijiet tal-utenti finali ma jkunux sodisfatti b’mod sodisfaċjenti mis-suq. Din id-Direttiva tinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tagħmir terminali fil-postijiet fejn joperaw l-konsumaturi. Din id-Direttiva tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar ċerti aspetti ta’ tagħmir ta’ terminal, inklużi dispożizzjonijiet maħsuba biex jiġi faċilitat aċċess għal utenti b’diżabbiltà.
2. Din id-Direttiva tistabbilixxi d-drittijiet tal-utenti finali u l-obbligi korrispondenti li jaqgħu fuq l-impriżi li jipprovdu n-networks u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika pubblikament disponibbli. Fir-rigward tal-assigurazzjoni ta’ forniment ta’ servizz universali fl-ambjent ta’ swieq miftuħa u kompetittivi, din id-Direttiva tiddefinixxi s-sett minimu ta’ servizzi ta’ kwalità speċifikata li għaliha l-utenti kollha għandhom aċċess bi prezz li jista’ jintlaħaq fid-dawl tal-kondizzjonijiet speċifiċi nazzjonali, mingħajr distorzjoni tal-kompetizzjoni. Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll obbligi fir-rigward tal-forniment ta’ ċerti servizzi mandatarji.
3. Din id-Direttiva la tirrikjedi u lanqas tipprojbixxi kondizzjonijiet imposti mill-fornituri ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi disponibbli pubblikament, li jillimitaw l-aċċess u/jew l-użu tal-utenti finali fir-rigward ta’ servizzi u applikazzjonijiet, fejn dan ikun permess skont il-liġi nazzjonali u f’konformità mad-dritt Komunitarju, iżda tistabbilixxi l-obbligu li jipprovdu informazzjoni rigward kondizzjonijiet bħal dawn. Il-miżuri nazzjonali li jirrigwardaw l-aċċess ta’ utenti finali jew l-użu ta’ servizzi u applikazzjonijiet permezz ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni naturali, anke fejn għandha x’taqsam il-privatezza u l-proċess skont il-liġi, kif definit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.
4. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-utenti finali għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari d-Direttivi 93/13/KEE u 97/7/KE, u r-regoli nazzjonali f’konformità mal-liġi Komunitarja.
L-Artikolu 2
Tifsiriet
Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, t-tifsiriet stipulati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) għandhom japplikaw.
It-tifsiriet li ġejjin għandhom ukoll japplikaw:
(a) “telefon pubbliku bi ħlas” tfisser telefon disponibbli għall-pubbliku ġenerali, li għall-użu tiegħu l-mezz ta' ħlas jista' jinkludi muniti u/jew karti ta' kreditu/debitu u/jew karti mħallsin bil-quddiem, inklużi karti għall-użu ma' kodiċi ta' l-iddajaljar;
▼M1 —————
(ċ) “servizz telefoniku pubblikament disponibbli” tfisser servizz disponibbli għall-pubbliku li joriġina u jirċievi, direttament jew indirettament, sejħiet nazzjonali jew nazzjonali u internazzjonali, permezz ta’ numru jew numri fi pjan ta’ numerazzjoni telefonika nazzjonali jew internazzjonali;
(d) “numru ġeografiku” tfisser numru mill-pjan ta’ numerazzjoni telefoniku nazzjonali fejn parti mill-istruttura tan-numru tiegħu jkun fiha sinifikat ġeografiku wżat biex jittrasferixxi sejħiet għall-post fiżiku tal-punt tat-terminazzjoni tan-network (NTP);
▼M1 —————
(f) “numru mhux ġeografiku” tfisser numru minn pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni telefonika li ma jkunx numru ġeografiku. Jinkludi, inter alia, numri mobbli, numri bla ħlas u numri b’rati primjum.
IL-KAPITOLU II
OBBLIGI TA' SERVIZZ UNIVERSALI NKLUŻI OBBLIGI SOĠJALI
L-Artikolu 3
Disponibilità ta' servizz universali
1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li s-servizzi stipulati f'dan il-Kapitolu jintgħamlu disponibbli skond il-kwalità speċifikata lill-utenti kollha fit-territorju tagħhom, independentement mill-lok ġeografiku, fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi, bi prezz li jista' jintlaħaq.
2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-aproċċ l-aktar effiċjenti u adattat biex jassiguraw l-implimentazzjoni ta' servizz universali, waqt li jirrispettaw il-prinċipji ta' l-oġġettività, it-trasparenza, in-non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità. Għandhom ifittxu li jimminimizzaw id-distorsjonijiet fis-suq, b'mod partikolari l-forniment ta' servizzi bi prezzijiet jew suġġetti għal termini u kondizzjonijiet oħra li jitilqu mill-kondizzjonijiet normali tal-kummerċ, waqt li jissalvagwardaw l-interess pubbliku.
Artikolu 4
Forniment ta’ aċċess f’post fiss u forniment ta’ servizzi telefoniċi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet raġonevoli kollha għal konnessjoni f’post fiss ma’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet għandhom jintlaqgħu mill-inqas minn impriża waħda.
2. Il-konnessjoni provduta għandha tkun kapaċi ssostni l-komunikazzjonijiet tal-faks vokali u d-data, b’rati tad-data li huma biżżejjed biex jippermettu aċċess funzjonali għall-Internet meta jitqiesu t-teknoloġiji prevalenti użati mill-maġġoranza tal-abbonati u l-fattibbiltà teknoloġika.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet raġonevoli kollha għall-forniment ta’ servizz telefoniku disponibbli pubblikament, fuq il-konnessjoni tan-network imsemmija fil-paragrafu 1, li jippermetti li joriġinaw u jirċievu sejħiet nazzjonali u internazzjonali għandhom jiġu sodisfati mill-inqas minn impriża waħda.
L-Artikolu 5
Servizzi ta' konsultazzjoni tad-direttorju u direttorji
1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi:
(a) ta' l-anqas direttorju wieħed komprensiv ikunu disponibbli għall-utenti finali f'forma approvata mill-awtorità relevanti, sew jekk stampat jew elettroniku, jew it-tnejn, u jiġi aġġornat fuq bażi regolari, ta' lanqas darba fis-sena;
(b) ta' l-anqas direttorju komprensiv tat-telefon tas-servizzi ta' konsultazzjoni jkun disponibbli għall-utenti finali kollha, inklużi l-utenti ta' telefons pubbliċi bi ħlas.
2. Fid-direttorji li jissemmew fil-paragrafu 1 għandhom jidhru, suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) ( 13 ), l-abbonati kollha tas-servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli.
3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-impriża/i li jfornu s-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 japplikaw il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni għat-trattament ta' l-informazzjoni li tkun ġiet ipprovduta lilhom minn impriżi oħra.
L-Artikolu 6
Telefoni pubbliċi bi ħlas u punti oħrajn ta’ aċċess ta’ telefonija pubblika bil-vuċi
1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jimponu obbligi fuq impriżi sabiex jiġi żgurat li t-telefoni pubbliċi bi ħlas jew punti ta’ aċċess ta’ telefonija pubblika bil-vuċi oħra jiġu provduti biex jissodisfaw il-ħtiġijiet raġonevoli ta’ utenti finali f’termini ta’ kopertura ġeografika, in-numru ta’telefoni jew punti ta’ aċċess oħra, l-aċċessibilità għal utenti finali b’diżabbiltà u l-kwalità tas-servizzi.
2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtorità regolatorja nazzjonali tista' tiddeċiedi li ma timponix obbligi taħt il-paragrafu 1 fit-territorju kollu tagħha jew f'parti minnu, jekk tkun sodisfatta li dawn il-faċilitajiet jew servizzi komparabbli jkunu disponibbli b'mod wiesa', fuq il-bażi ta' konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati kif imsemmija fl-Artikolu 33.
3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li jkun possibbli li jsiru sejħiet ta' emerġenza mit-telefons pubbliċi bi ħlas bl-użu tan-numru uniku Ewropew ta' sejħa ta' emerġenza “112” u numri oħra nazzjonali ta' emerġenza, kollha mingħajr ħlas u mingħajr ma jkollu jintuża xi mezz ta' ħlas.
Artikolu 7
Miżuri għal utenti finali b’diżabbiltà
1. Sakemm ma jkunux ġew speċifikati rekwiżiti taħt il-Kapitolu IV li jiksbu l-effett ekwivalenti, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri speċifiċi biex jiġi żgurat li l-aċċess għal, u affordabbiltà tas-servizzi identifikati fl-Artikoli 4 (3) u 5 għal utenti finali b’diżabbiltà huwa ekwivalenti għal-livell gawdut minn utenti finali oħrajn. L-Istati Membri jistgħu jobbligaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jivvalutaw il-ħtieġa ġenerali u r-rekwiżiti speċifiċi, inkluż sa fejn iwasslu tali miżuri għall-utenti finali b’diżabbiltà u l-forma konkreta tagħhom.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri speċifiċi, fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, biex jiżguraw li utenti finali b’diżabbiltà jkunu jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-opportunità disponibbli għall-maġġoranza tal-utenti finali li jagħżlu bejn impriża u oħra jew fornitur tas-servizzi u ieħor.
3. Meta l-Istati Membri jkunu qed jieħdu l-miżuri msemmija f’Paragrafi 1 u 2, huma għandhom jinkuraġġixxu konformità mal-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet relevanti ppublikati f’ konformita' mal-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).
L-Artikolu 8
Ħatra ta' impriżi
1. L-Istati Membri jistgħu jaħtru impriża waħda jew aktar biex tiggarantixxi l-forniment ta' servizz universali kif identifikat fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7 u, fejn japplika, l-Artikolu 9(2) sabiex ikun jista' jiġi kopert it-territorju kollu nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jaħtru mpriżi differenti jew settijiet ta' impriżi biex ifornu elementi differenti ta' servizz universali u/jew biex ikopru partijiet differenti tat-territorju nazzjonali.
2. Meta l-Istati Membri jaħtru mpriżi f'parti jew fit-territorju kollu nazzjonali bħala li jkollhom obbligi ta' servizz universali, għandhom jagħmlu dan billi jużaw mekkaniżmu ta' ħatra effiċjenti, oġġettiv, trasparenti u mhux diskriminatorju, li bih ebda mpiża ma tkun a priori eskluża milli tiġi maħtura. Dawk il-metodi ta' ħatra għandhom jassiguraw li s-servizz universali jiġi provdut b'mod effiċjenti fl-ispiża u jista' jintuża bħala mezz biex tiġi stabbilita l-ispiża netta ta' l-obbligu tas-servizz universali skond l-Artikolu 12.
3. Meta impriża maħtura f’konformità mal-paragrafu 1 jkollha l-intenzjoni li tiddisponi mill-assi kollha tagħha jew parti sostanzjali minnhom tan-network lokali ta’ aċċess disponibbli għal entità legali separata taħt appartenenza differenti, hija għandha tinforma bil-quddiem lill-awtorità regolatorja nazzjonali b’mod f’waqtu sabiex dik l-awtorità tkun tista’ tivvaluta l-effett tat-transazzjoni intiża fuq il-forniment ta’ aċċess għal post fiss u ta’ servizzi telefoniċi skont l-Artikolu 4. L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ timponi, temenda jew tirtira obbligi speċifiċi skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2002/20/KE (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni).
L-Artikolu 9
Tariffi bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu
1. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw li l-evoluzzjoni u l-livell tat-tariffi bl-imnut tas-servizzi identifikati fl-Artikoli 4 sa 7 jkunu jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali u li jkunu jew provduti minn impriżi maħtura, jew disponibbli fis-suq jekk l-ebda impriża ma tkun ġiet maħtura fir-rigward ta’ dawn is-servizzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell nazzjonali tal-prezzijiet u l-introjtu tal-konsumatur.
2. L-Istati Membri jistgħu, fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, jeżiġu li l-impriżi maħtura jipprovdu lill-konsumaturi għażliet jew pakketti ta’ tariffi lill-konsumaturi li jitbiegħdu minn dawk ipprovduti taħt kondizzjonijiet kummerċjali normali, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li dawk bi dħul baxx jew bi bżonnijiet soċjali speċjali ma jkunux imċaħħda mill-aċċess għan-network imsemmi fl-Artikolu 4(1), jew milli jużaw is-servizzi identifikati fl-Artikolu 4(3) u l-Artikoli 5, 6 u 7 li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali u pprovduti minn impriżi maħtura.
3. L-Istati Membri jistgħu, minbarra kull dispożizzjoni li l-impriżi maħtura jfornu għażliet speċjali ta' tariffi jew li jikkonformaw ma' limiti ta' prezz jew medjar ġeografiku jew skemi oħra simili, jassiguraw li appoġġ jiġi provdut lil konsumaturi identifikati bħala li għandhom dħul baxx jew ħtiġiet soċjali speċjali.
4. L-istati Membri jistgħu jeħtieġu li mpriżi b'obbligi taħt l-Artikoli 4, 5, 6, u 7 japplikaw tariffi komuni, inkluż medjar ġeografiku mat-territorju kollu, fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali jew li jikkonformaw ma' limiti ta' prezzijiet.
5. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li, fejn impriża maħtura jkollha obbligu li tipprovdi għażliet speċjali ta' tariffi, tariffi komuni, nkluż medjar ġeografiku, jew li tikkonforma ma' limiti ta' prezz, il-kondizzjonijiet ikunu trasparenti bis-sħiħ u jiġu ppublikati u applikati skond il-prinċipji tan-non-diskriminazzjoni. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jeħtieġu li skemi speċifiċi jiġu modifikati jew irtirati.
L-Artikolu 10
Kontroll ta' l-infiq
1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li mpriżi maħtura, waqt li jfornu faċilitajiet u servizzi addizzjonali għal dawk imsemmija fl-Artikoli 4, 5, 6, 7, u 9(2), jistabbilixxu t-termini u l-kondizzjonijiet b'tali mod li l-abbonat ma jkunx obbligat li jħallas għal faċilitajiet jew servizzi li ma jkunux neċessarji jew li ma jkunux meħtieġa għas-servizz mitlub.
2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li mpriżi maħtura b'obbligi taħt l-Artikoli 4, 5, 6, 7 u 9(2) jfornu l-faċilitajiet speċifiċi u s-servizzi stipulati fl-Anness I, Taqsima A, sabiex l-abbonati jistgħu jissorveljaw u jikkontrollaw l-infiq u jevitaw skonessjoni mhux ġustifikata tas-servizz.
3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtorità relevanti tkun tista ma tapplikax l-ħtiġiet tal-paragrafu 2 fit-territorju nazzjonali tagħha jew f'parti minnu jekk tkun sodisfatta li l-faċilità tkun disponibbli b'mod wiesa'.
L-Artikolu 11
Kwalità tas-servizz ta' mpriżi maħtura
1. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li l-impriżi kollha maħtura b'obbligi taħt l-Artikoli 4, 5, 6, 7 u 9(2) jippublikaw informazzjoni adegwata u aġġornata li tikkonċerna l-prestazzjoni tagħhom fil-forniment ta' servizz universali, bbażata fuq parametri ta' kwalità ta' servizz, tifsiriet u metodi ta' kejl stipulati fl-Anness III. L-informazzjoni ppublikata għandha wkoll tiġi provduta lill-awtorità regolatorja nazzjonali.
2. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jispeċifikaw, fost ħwejjeġ oħra, kwalità addizzjonali ta' standards tas-servizz, fejn parametri relevanti jkunu ġew żviluppati, biex jagħmlu stima tal-prestazzjoni ta' l-impriżi fil-forniment ta' servizzi lill-utenti finali b'disabilità u lill-konsumaturi b'disabilità. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li l-informazzjoni li tikkonċerna l-prestazzjoni ta' l-impriżi b'relazzjoni ma' dawn il-parametri tiġi wkoll ippublikata u magħmula disponibbli lill-awtorità regolatorja nazzjonali.
3. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu, b'żieda, jispeċifikaw il-kontenut, il-forma u l-mod ta' l-informazzjoni li għandha tiġi ppublikata, sabiex jiġi assigurat li l-utenti finali u l-konsumaturi jkollhom aċċess għal informazzjoni komprensiva, komparabbli u faċli li tiftiehem.
4. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu miri ta’ prestazzjoni għal impriżi b’obbligi ta’ servizz universali. Meta jagħmlu hekk, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu kont tal-opinjonijiet tal-partijiet interessati, partikolarment kif imsemmi fl-Artikolu 33.
5. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet i regolatorji nazzjonaljkunu jistgħu jissorveljaw il-konformità ma' dawn il-miri ta' prestazzjoni mill-impriżi maħtura.
6. Nuqqas persistenti minn impriża li tilħaq il-miri ta' prestazzjoni jista' jwassal li jittieħdu miżuri speċifiċi skond id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta' Awtorizzazzjoni) ( 14 ). L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jordnaw verifiki ndipendenti jew reviżjonijiet simili tad-data tal-prestazzjoni, imħallsa mill-impriża konċernata, sabiex tiġi assigurata l-eżattezza u l-komparabilità tad-data magħmula disponibbli mill-impriża b'obbligi ta' servizz universali.
L-Artikolu 12
Stima ta' l-ispejjeż ta' obbligi ta' servizz universali
1. Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jqiesu li forniment ta' servizz universali kif stipulat fl-Artikoli 3 sa 10 jista' jirrappresenta piż inġust fuq impriżi maħtura biex ifornu servizz universali, għandhom jikkalkolaw l-ispejjeż netti tal-forniment tiegħu.
Għal dak l-iskop l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom:
(a) jikkalkolaw l-ispiża netta ta' l-obbligu tas-servizz universali, waqt li jieħdu kont ta' xi benefiċċju tas-suq li jinġema għal impriża maħtura biex tipprovdi servizz universali, skond l-Anness IV, Taqsima A; jew
(b) jagħmlu użu ta' l-ispejjeż netti għall-forniment tas-servizz universali identifikat minn mekkaniżmu magħżul skond l-Artikolu 8(2).
2. Il-kontabilità u/jew informazzjoni oħra li sservi bħala bażi għall-kalkolu ta' l-ispiża netta ta' obbligi ta' servizz universali taħt il-paragrafu 1 (a) għandhom jiġu awditjati jew verifikati mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew korp indipendenti mill-partijiet relevanti u approvat mill-awtorità regolatorja nazzjonali. Ir-riżultat tal-kalkolu ta' l-ispejjeż u l-konklużjonijiet tal-verifika għandhom jintgħamlu pubblikament disponibbli.
L-Artikolu 13
Iffinanzjar ta' obbligi ta' servizz universali
1. Fejn, fuq il-bażi tal-kalkolu ta' l-ispejjeż netti msemmija fl-Artikolu 12, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jsibu li mpriża hija suġġetta għal piż inġust, l-Istati Membri għandhom, fuq talba minn impriża maħtura, jiddeċiedu:
(a) li jintroduċu mekkaniżmu biex jikkumpensaw lil dik l-impriża għall-ispiża netta stabbilita taħt kondizzjonijiet trasparenti minn fondi pubbliċi; u/jew
(b) jaqsmu l-ispiża netta ta' l-obbligu tas-servizz universali bejn il-fornituri ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi.
2. Fejn l-ispiża netta tinqasam taħt il-paragrafu 1 (b), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu ta' qsim amministrat mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew korp indipendenti mill-benefiċjarji taħt is-sorveljanza ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali. L-ispiża netta biss, kif stabbilita taħt l-Artikolu 12, ta' l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 10 tista' tiġi ffinanzjata.
3. Il-mekkaniżmu tal-qsim għandu jirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, l-anqas distorsjoni tas-suq, non-diskriminazzjoni u proporzjonalità skond il-prinċipji ta' l-Anness IV, Taqsima B. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jeħtieġux kontribuzzjonijiet minn impriżi li l-valur tal-bejgħ nazzjonali tagħhom ikun anqas minn limitu ffissat.
4. Kull ħlasijiet relatati mal-qsim ta' l-ispiża ta' obbligi ta' servizz universali għandhom jiġu disassoċċjati u identifikati separatament għal kull impriża. Dawk il-ħlasijiet m'għandhomx ikunu mposti jew miġbura minn impriżi li ma jfornux servizzi fit-territorju ta' l-Istat Membru li jkun stabbilixxa l-mekkaniżmu tal-qsim.
L-Artikolu 14
Trasparenza
1. Fejn il-mekkaniżmu għall-qsim ta ta' l-ispiża netta ta' l-obbligi ta' servizzi universali kif imsemmi fl-Artikolu 13 jiġi stabbilit, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li l-prinċipji għall-qsim ta' l-ispiża, u d-dettalji tal-mekkaniżmu wżat, jkunu pubblikament disponibbli.
2. Bla ħsara għar-regoli tal-Komunità u nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità tan-negozju, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li rapport ta' kull sena jiġi ppublikat li jagħti l-ispiża kalkolata ta' l-obbligi tas-servizz universali, waqt li jidentifika l-kontribuzzjonijiet magħmula mill-impriżi kollha nvoluti, u jidentifika kull benefiċċju tas-suq, li jistgħu jkun inġemgħu għall-impriża/i maħtura biex ifornu servizz universali, fejn fond ikun attwalment stabbilit u jaħdem.
L-Artikolu 15
Reviżjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' servizz universali
1. Il-Kummissjoni għandha perjodikament tirrevedi l-kamp ta' applikazzjoni ta' servizz universali, b'mod partikolari bil-ħsieb li tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li l-kamp ta' applikazzjoni jinbidel jew jiġi ridefinit. Reviżjoni għandha titwettaq fl-ewwel okkażżjoni fi żmien sentejn mid-data ta' l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(1), it-tieni subparagrafu, u sussegwentement kull tlett snin.
2. Din ir-reviżjoni għandha titwettaq fid-dawl ta' l-iżviluppi soċjali, ekonomiċi u teknoloġiċi, waqt li jittieħed kont, fost ħwejjeġ oħra, tar-rati tal-mobilità u d-data fid-dawl tat-teknoloġiji prevalenti wżati mill-maġġoranza ta' l-abbonati. Il-proċess tar-reviżjoni għandu jitwettaq skond l-Anness V. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward tar-riżultat tar-reviżjoni.
IL-KAPITOLU III
KONTROLLI REGOLATORJI FUQ IMPRIŻI B’SETGĦA KBIRA FIS-SUQ FI SWIEQ SPEĊIFIĊI TA’ BEJGĦ BL-IMNUT
▼M1 —————
L-Artikolu 17
Kontrolli regolatorji fuq servizzi bl-imnut
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jimponu obbligi regolatorji xierqa fuq dawk l-impriżi li jkunu ġew identifikati bħala li għandhom setgħa qawwija fis-suq fir-rigward ta’ suq partikolari għall-bejgħ bl-imnut skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas) fejn:
(a) bħala riżultat ta’ analiżi tas-suq imwettaq skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas), awtorità regolatorja nazzjonali tiddetermina li suq partikolari ta’ bejgħ bl-imnut identifikat skont l-Artikolu 15 ta’ dik id-Direttiva ma jkunx effettivament kompetittiv; kif ukoll
(b) l-awtorità regolatorja nazzjonali tikkonkludi li l-obbligi imposti skont l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2002/19/KE (id-Direttiva tal-Aċċess), ma jkunux ser jirriżultaw fil-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).
2. L-obbligi imposti taħt il-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-problema identifikata u għandhom ikunu proporzjonati u ġustifikati fid-dawl tal-miri stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas). L-obbligi imposti jistgħu jinkludu ħtiġiet li l-impriżi identifikati ma jitobux prezzijiet eċċessivi, ifixklu d-dħul fis-suq jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni billi jiffissaw prezzijiet predatorji, juri preferenza indebita għal utenti finali speċifiċi jew mingħajr raġuni jassoċċjaw servizzi. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu japplikaw għal dawn l-impriżi miżuri adatti ta' limitu għall-prezz bl-imnut, miżuri biex jikkontrollaw tariffi individwali, jew miżuri biex jorjentaw tariffi lejn l-ispejjeż jew prezzijiet fi swieq komparabbli, sabiex jipproteġu l-interessi ta' l-utent finali waqt li jippromwovu kompetizzjoni effettiva.
▼M1 —————
4. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li, fejn impriża tkun suġġetta għar-regolazzjoni tat-tariffa bl-imnut jew kontrolli oħra relevanti ta' l-imnut, is-sistemi meħtieġa u adatti ta' kontabilità ta3 l-ispejjeż jiġu mplimentati. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jispeċifikaw il-format u l-metodoloġija tal-kontabilità li għandhom jintużaw. Il-konformità mas-sistema tal-kontabilità ta' l-ispejjeż għandha tiġi verifikata minn korp kwalifikat indipendenti. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li dikjarazzjoni li tikkonċerna l-konformità tiġi ppublikata ta' kull sena.
5. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 10, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali m'għandhomx japplikaw mekkaniżmi ta' kontroll ta' l-imnut taħt il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu lil swieq ġeografiċi jew ta' l-utenti fejn ikunu sodisfatti li jkun hemm kompetizzjoni effettiva.
▼M1 —————
IL-KAPITOLU IV
INTERESSI U DRITTIJIET TA' L-UTENTI FINALI
Artikolu 20
Kuntratti
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jabbonaw għal servizzi li jipprovdu konnessjoni lil network ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi u/jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika pubblikament disponibbli, konsumaturi, u utenti oħra aħħarin li hekk jitolbu, għandhom dritt għal kuntratt ma’ impriża jew impriżi li jipprovdu tali konnessjoni u/jew servizzi. Tali kuntratt għandu mill-anqas jispeċifika f’forma ċara, komprensiva u ħafifa u aċċessibbli:
(a) l-identità u l-indirizz tal-impriża;
(b) is-servizzi provduti, inkluż b’mod partikolari:
— jekk hux qed jingħata aċċess għal servizzi ta’ emerġenza u jekk hux qed tingħata informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata u/jew kwalunkwe limitazzjonijiet fuq l-għoti ta’ servizzi ta’ emerġenza skont l-Artikolu 26,
— informazzjoni dwar kwalunkwe kondizzjoni oħra li tillimita l-aċċess għas-servizzi u l-applikazzjonijiet u/jew l-użu tagħhom, fejn dawn il-kondizzjonijiet huma permessi skont il-liġi nazzjonali konformement mal-liġi Komunitarja,
— il-livelli ta’ kwalità minimi tas-servizzi offruti, inkluż iż-żmien meħtieġ għall-konnessjoni inizjali u, jekk ikun il-każ, parametri oħra ta’ kwalità tas-servizz, kif definiti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali,
— informazzjoni dwar kwalunkwe proċedura mwaqqfa mill-impriża biex tkejjel u timmaniġġja t-traffiku sabiex jiġi evitat li jimtela n-network link sal-kapaċità massima tiegħu jew iżjed mill-kapaċità tiegħu u informazzjoni dwar kif dawk il-proċeduri jista’ jkollhom impatt fuq il-kwalità tas-servizz,
— it-tipi ta’ servizz ta’ manutenzjoni offruti u s-servizzi ta’ appoġġ għall-klijenti pprovduti, kif ukoll il-metodi ta’ kuntatt ma’ dawn is-servizzi,
— kwalunkwe restrizzjonijiet imposti mill-fornitur dwar l-użu ta’ tagħmir terminali pprovdut;
(c) meta jeżisti obbligu taħt l-Artikolu 25, l-għażliet tal-abbonat dwar jekk tiġi inkluża jew le d-data personali tiegħu jew tagħha f’direttorju u d-data konċernata;
(d) dettalji tal-prezzijiet u t-tariffi, inkluż il-mezzi li bihom tista’ tinkiseb informazzjoni aġġornata dwar it-tariffi u l-ħlasijiet tal-manutenzjoni kollha applikabbli, metodi ta’ pagament offruti u kwalunkwe differenzi fl-ispejjeż dovuti minħabba l-metodu tal-pagament;
(e) it-tul tal-kuntratt u l-kondizzjonijiet għat-tiġdid u t-terminazzjoni tas-servizzi u tal-kuntratt, inkluż:
— kwalunkwe użu minimu meħtieġ sabiex wieħed jibbenefika minn kondizzjonijiet promozzjonali,
— kwalunke tariffi relatati mal-portabbiltà ta’ numri u identifikaturi oħra,
— kwalunke tariffi dovuti mat-terminazzjoni tal-kuntratt, inkluż kwalunkwe rkupru ta’ spiża fir-rigward ta’ tagħmir terminali;
(f) kwalunkwe kumpens u l-arranġamenti għal rifużjoni li japplikaw jekk il-livelli tal-kwalità tas-servizzi b’kuntratt ma jintlaħqux;
(g) il-mezz ta’ kif jinbdew proċeduri għar-riżoluzzjoni ta’ disputi skont l-Artikolu 34;
(h) it-tip ta’ azzjoni li tista’ tittieħed mill-impriża b’reazzjoni għal inċidenti ta’ sigurtà jew integrità jew theddid u vulnerabbiltajiet.
L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu wkoll li l-kuntratt jinkludi kwalunkwe informazzjoni li tista’ tiġi provduta mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti għal dan l-iskop dwar l-użu ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jidħlu f’attivitajiet illegali jew biex ixerdu kontenut dannuż, u dwar il-mezzi ta’ protezzjoni kontra riskji għas-sigurtà personali, il-privatezza u data personali, imsemmija fl-Artikolu 21(4) u rilevanti għas-servizz ipprovdut.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati jkollhom id-dritt li jirtiraw il-kuntratti tagħhom mingħajr penali ma’ avviż ta’ modifiki għad-detriment tal-abbonat fil-kondizzjonijiet kuntrattwali proposti mill-impriżi li jipprovdu networks u/jew is-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. L-abbonati għandhom jingħataw avviż adegwat, mhux anqas minn xahar, bil-quddiem ta’ modifikazzjonijiet bħal dawk u għandhom ikunu nfurmati fl-istess waqt bid-dritt tagħhom li jirtiraw, mingħajr penalità mill-kuntratti tagħhom, jekk ma jaċċettawx il-kondizzjonijiet il-ġodda. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jispeċifikaw tali notifiki.
Artikolu 21
Trasparenza u pubblikazzjoni tal-informazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jobbligaw lill-impriżi li jipprovdu networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika u/jew servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku biex jippubblikaw informazzjoni trasparenti, komparabbli, adegwata u aġġornata dwar il-prezzijiet u t-tariffi applikabbli, kwalunkwe ħlasijiet minħabba t-terminazzjoni ta’ kuntratt u informazzjoni dwar termini u kondizzjonijiet standard fir-rigward tal-aċċess u l-użu tas-servizzi tagħhom pprovduti minnhom lill-utenti finali u lill-konsumaturi skont l-Anness II. Din l-informazzjoni għandha tkun ippubblikata f’forma ċara, komprensiva u li tkun faċilment aċċessibbli. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jispeċifikaw rekwiżiti addizzjonali rigward il-forma li fiha tali informazzjoni għandha tiġi pubblikata.
2. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinkoraġġixxu l-forniment ta’ informazzjoni komparabbli biex l-utenti finali u l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu evalwazzjoni indipendenti tal-ispiża fuq pakketti ta’ użu alternattivi, per eżempju permezz ta’ linji gwida interattivi jew ta’ teknika simili. Meta dawn il-faċilitajiet ma jkunux disponibbli fis-suq mingħajr ħlas jew bi prezz raġonevoli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu kapaċi jagħmlu tali linji gwida u tali teknika disponibbli huma stess jew billi jinkarigaw partijiet terzi. Il-partijiet terzi għandu jkollhom id-dritt li jużaw mingħajr ħlas l-informazzjoni pubblikata mill-impriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli, għall-finijiet li jbiegħu jew jagħmlu disponibbli tali linji gwida interattivi jew teknika simili.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jobbligaw lill-impriżi li jipprovdu networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku biex inter alia:
(a) jipprovdu informazzjoni applikabbli dwar it-tariffi lil abbonati rigward kwalunkwe numru jew servizz suġġett għal kondizzjonijiet ta’ prezzar partikolari; fir-rigward ta’ kategoriji individwali ta’ servizzi li awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jeħtieġu li tali informazzjoni tiġi provduta immedjatament qabel ma tiġi konnessa s-sejħa;
(b) jgħarrfu lill-abbonati dwar kwalunkwe bidla fl-aċċess għal servizzi ta’ emerġenza jew informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata fis-servizz li jkunu abbonaw għalih;
(c) jinformaw lill-abbonati dwar kwalunkwe bidla fil-kondizzjonijiet li jillimitaw l-aċċess għas-servizzi u l-applikazzjonijiet u/jew l-użu tagħhom, fejn dawn il-kondizzjonijiet huma permessi skont il-liġi nazzjonali skont il-liġi Komunitarja;
(d) jipprovdu informazzjoni dwar kwalunkwe proċedura mwaqqfa mill-fornitur biex tkejjel u timmaniġġja t-traffiku sabiex jiġi evitat milli jimtela network link sal-kapaċità massima tiegħu jew iżjed mill-kapaċità tiegħu u dwar kif dawk il-proċeduri jista’ jkollhom impatt fuq il-kwalità tas-servizz;
(e) jinformaw lill-abbonati bid-dritt tagħhom li jiddeterminaw jekk jinkludux jew le data personali tagħhom f’direttorju u t-tipi ta’ data konċernata f’konformità mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika); kif ukoll
(f) jinfurmaw regolarment l-abbonati b’diżabbiltà bid-dettalji tal-prodotti u sevizzi maħsuba għalihom.
Jekk jitqies xieraq, awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jippromwovu miżuri awto-regolatorji jew koregolatorji qabel ma jiġi impost kwalunkwe obbligu.
4. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li impriżi msemmijin fil-paragrafu 3 jiddistribwixxu informazzjoni ta’ interess pubbliku lill-abbonati eżistenti u ġodda fejn ikun il-każ, permezz tal-istess mezzi li normalment jintużaw minnhom għall-komunikazzjonijiet tagħhom mal-abbonati. F’dak il-każ tali informazzjoni għandha tiġi prodotta mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti f’format standardizzat u għandha, inter alia, tkopri s-suġġetti li ġejjin:
(a) l-użu l-aktar komuni ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika biex jidħlu f’attivitajiet illegali jew biex ixerdu kontenut dannuż, b’mod partikolari fejn huwa jista’ jippreġudika r-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn, inkluż ksur ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, u l-konsegwenzi legali tagħhom; kif ukoll
(b) il-mezzi ta’ protezzjoni kontra riskji għas-sigurtà personali, il-privatezza u d-data personali fl-użu ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika.
Artikolu 22
Kwalità ta’ servizz
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, wara li jkunu ħadu kont tal-fehmiet tal-partijiet interessati, ikunu jistgħu jobbigaw lill-impriżi li jipprovdu networks u/jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika pubblikament disponibbli biex jippubblikaw informazzjoni komparabbli, xierqa u aġġornata għall-utenti finali dwar il-kwalità tas-servizzi tagħhom u dwar miżuri meħudin biex ikun żgurat aċċess indaqs għall-utenti finali b’diżabbiltà. Dik l-informazzjoni għandha wkoll, meta tintalab, tingħata lill-awtorità regolatorja nazzjonali qabel ma tiġi pubblikata.
2. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jispeċikaw, inter alia, il-parametri tal-kwalità tas-servizz li għandhom jiġu mkejla, u l-kontenut, forma u mod tal-informazzjoni li għandha tiġi publikata, inklużi mekkaniżmi possibbli ta’ ċertifikazzjoni ta’ kwalità, sabiex jiġi żgurat li l-utenti finali, inklużi l-utenti finali b’diżabilità, ikollhom aċċess għal informazzjoni komprensiva, komparabbli, affidabbli u faċli li tiftiehem. Fejn ikun il-każ, il-parametri, id-definizzjonijiet u l-metodu tal-kejl mogħtija fl-Anness III jistgħu jintużaw.
3. Sabiex tiġi evitata d-degradazzjoni tas-servizz u t-tfixkil jew r-rallentar tat-traffiku fuq in-networks, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jistabbilixxu kwalità minima ta’ rekwiżiti tas-servizzi dwar impriża jew impriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi.
L-awtoritajiet regolatorji nazjonali għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fi żmien bikri biżżejjed qabel ma jistipulaw dawn ir-rekwiżiti, b’sommarju tar-raġunijiet għall-azzjoni, ir-rekwiżiti mistennija u l-pjan ta’ azzjoni propost. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli wkoll għall-Korp ta’ Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika (BEREC). Wara li tkun eżaminat din l-informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tirrimarka jew tagħmel xi rakkomandazzjoni dwarha, b’mod partikulari sabiex tiżgura li r-rekwiżiti previsti ma jolqtux ħażin it-tħaddim tas-suq intern. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iqisu bis-sħiħ il-kummenti jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni meta jkunu qed jiddeċiedu dwar ir-rekwiżiti.
Artikolu 23
Disponibbiltà tas-servizzi
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw id-disponibbiltà kollha possibbli tas-servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli pprovduti fuq networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fl-eventwalità ta’ ħsara katastrofika fin-network jew f’każi ta’ force majeure. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw aċċess mingħajr interruzzjoni għas-servizzi ta’ emerġenza.
Artikolu 23a
L-iżgurar ta’ aċċess u għażla ndaqs għall-utenti finali b’diżabbiltà
1. L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti biex jispeċifikaw, fejn ikun il-każ, ir-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti mill-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni disponibbli pubblikament biex ikun żgurat li utenti finali b’diżabbiltà:
(a) ikunu jistgħu jkollhom aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jkun daqs dak li minnu jgawdu l-maġġoranza tal-utenti finali; kif ukoll
(b) jibbenefikaw mill-għażla tal-impriżi u s-servizzi disponibbli għall-maġġoranza tal-utenti finali.
2. Sabiex ikunu jistgħu jadottaw u jimplimentaw arranġamenti speċifiċi għal utenti finali b'diżabbiltà, l-Istati Membri għandhom iħeġġu d-disponibbiltà ta’ tagħmir terminali li joffri s-servizzi u l-funzjonijiet meħtieġa.
L-Artikolu 24
Interoperabilità tat-tagħmir tal-konsumatur tat-televiżjoni diġitali
Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness VI, l-Istati Membri għandhom jassiguraw l-interoperabilità tat-tagħmir tal-konsumatur tat-televiżjoni diġitali msemmi fih.
L-Artikolu 25
►M1 Servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju tat-telefon ◄
1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-abbonati ta’ servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon ikollhom id-dritt li jkunu mniżżla fid-direttorju pubblikament disponibbli msemmi fl-Artikolu 5(1)(a) u li jkollhom l-informazzjoni tagħhom titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi u/jew direttorji ta’ konsultazzjoni tad-direttorju f’konformità mal-paragrafu 2.
2. L-Istati Membri għandhom jassigiraw li l-impriżi kollha li jassenjaw numri tat-telefon lill-abbonati jissodisfaw it-talbiet raġonevoli kollha li jagħmlu disponibbli għall-iskopijiet tal-forniment ta' konsultazzjoni tad — direttorji pubblikament disponibbli u direttorji, l-informazzjoni kollha relevanti f'format miftiehem fuq termini li jkunu ġusti, oġġettivi, orjentati ma' l-ispejjeż u mhux diskriminatorji.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti finali kollha provduti b’servizz telefoniku pubblikament disponibbli jista’ jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jimponu obbligi u kondizzjonijiet fuq l-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti finali għall-forniment ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva dwar l-Access). Tali obbligi u kondizzjonijiet għandhom ikunu oġġettivi, ekwitabbli, non-diskrimatorji u trasparenti.
4. L-Istati Membri m’għandhomx iżommu xi restrizzjonijiet regolatorji li jipprevjenu lill-utenti finali fi Stat Membru wieħed milli jaċċessaw direttament is-servizz ta’ konsultazzjoni tad-direttorju fi Stat Membru ieħor, permezz ta’ sejħiet bil-vuċi jew SMS, u għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw tali aċċess f’konformità mal-Artikolu 28.
5. Il-paragrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw suġġett għar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien tad-data personali u l-privatezza u, b’mod partikolari, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika).
Article 26
Servizzi ta’ emerġenza u n-numru uniku Ewropew għal sejħiet ta’ emerġenza
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, l-utenti finali kollha tas-servizzi msemmija fil-paragrafu 2, inklużi l-utenti ta’ telefons pubbliċi bi ħlas, ikunu jistgħu jċemplu lis-servizzi ta’ emerġenza mingħajr ħlas, billi jużaw in-numru uniku Ewropew ta’ sejħiet ta’ emerġenza, in-numru “112” u numri nazzjonali ta’ sejħiet ta’ emerġenza speċifikati mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri, f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, servizzi ta’ emerġenza u fornituri, għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu lill-utenti finali b’servizz ta’ komunikazzjoni elettronika għal sejħiet ta’ oriġini nazzjonali lil numru jew numri fi pjan ta’ numerazzjoni telefonika nazzjonali, jipprovdu aċċess għal servizzi ta’ emerġenza.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sejħiet fuq in-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza “112” għandhom jitwieġbu b’mod xieraq u ttrattati bil-mod l-aktar adattat għall-organizzazzjoni nazzjonali tas-sistemi ta’ emerġenza. Dawn is-sejħiet għandhom jitwieġbu u jiġu ttrattati malajr u effiċjentement almenu daqs li kieku kienu sejħiet fuq in-numru jew numri nazzjonali ta’ emerġenza, fejn dawn ikunu għadhom jintużaw.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-aċċess għall-utenti finali b’diżabbiltà għal servizzi ta’ emerġenza jkun daqs dak li minnu jgawdu utenti finali oħrajn. Miżuri meħuda biex jiġi żgurat li l-utenti finali b’diżabbiltà jkun jista’ jkollhom aċċess għal servizzi ta’ emerġenza huma u jivvjaġġaw fi Stati Membri oħra, għandhom ikunu bbażati kemm jista’ jkun possibbli fuq standards jew speċifikazzjonijiet Ewropej ippubblikati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), u m’għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli jadottaw rekwiżiti addizzjonali biex isegwu l-għanijet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi konċernati jagħmlu l-informazzjoni dwar il-post minn fejn issir is-sejħa disponibbli mingħajr ħlas lill-awtorità li titratta sejħiet ta’ emerġenza malli s-sejħa tidħol għand l-awtorità. Dan għandu japplika għas-sejħiet kollha għan-numru uniku Ewropew ta’ sejħiet ta’ emerġenza “112”. L-Istati Membri jistgħu jestendu dawn l-obbligi biex ikopru sejħiet għal numri nazzjonali ta’ emerġenza. L-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom jistabbilixxu kriterji għall-preċiżjoni u l-affidabilità tal-informazzjoni pprovduta dwar il-post tal-oriġini tas-sejħa.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu informati adegwatament dwar l-eżistenza u l-użu tan-numru uniku Ewropew għas-sejħiet ta’ emerġenza “112”, b’mod partikolari permezz ta’ inizjattivi li jimmiraw speċifikament lil persuni li jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri.
7. Sabiex ikun żgurat l-aċċess effettiv għas-servizzi ta’ “112” fl-Istati Membri, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-BEREC, tista’ tadotta miżuri implimentattivi tekniċi. Madankollu, dawn il-miżuri implimentattivi tekniċi għandhom jiġu adottati bla ħsara għall-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ emerġenza, li għandhom jibqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri, u m’għandu jkollhom l-ebda impatt fuqhom.
Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 37(2).
Artikolu 27
Prefiss telefoniku Ewropej ta’ aċċess
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prefiss “00” hu l-prefiss standard ta’ aċċess għan-network telefoniku internazzjonali. Jistgħu jintgħamlu jew jitkomplew arranġamenti speċjali biex isiru sejħiet bejn lokalitajiet transkonfinali qrib xulxin bejn Stati Membri. L-utenti finali fil-lokalitajiet konċernati għandhom jingħataw informazzjoni sħiħa dwar arranġamenti bħal dawn.
2. Entità legali, stabbilita fil-Komunità u maħtura mill-Kummissjoni, għandu jkollha r-responsabilità unika għall-ġestjoni, inkluża l-assenjazzjoni tan-numri, u l-promozzjoni tal-Ispazju Ewropew ta’ Numerazzjoni Telefonika (ETNS). Il-Kummissjoni għandha tadotta r-regoli meħtieġa għall-implimentazzjoni.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi kollha li jipprovdu servizzi telefoniċi disponibbli għall-pubbliku jiġġestjonaw is-sejħiet kollha lejn l-ETNS u li joriġinaw mill-ETNS, b’rati li jkunu jixbhu ‘l dawk applikati għas-sejħiet lejn u minn Stati Membri oħra.
Artikolu 27a
Numri armonizzati għal servizzi armonizzati ta’ valur soċjali, inkluż in-numru hotline għat-tfal nieqsa
1. L-Istati Membri għandhom jippromwovu n-numri speċifiċi fil-firxa ta’ numri li jibdew b’ “116” identifikati mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/116/KE tal-15 ta’ Frar 2007 dwar ir-riżervar tal-firxa ta’ numri nazzjonali li jibdew b’ “116” għal numri armonizzati għal servizzi armonizzati ta’ valur soċjali ( 15 ). Huma għandhom iħeġġu l-forniment fit-territorju tagħhom tas-servizzi li għalihom huma rriżervati tali numri.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti finali b’diżabbiltà jkun jista’ jkollhom l-akbar aċċess possibbli għal servizzi pprovduti taħt il-firxa ta’ numri “116”. Miżuri meħuda biex jiffaċilitaw li l-utenti finali b’diżabbiltà jkollhom aċċess għal servizzi waqt li jivvjaġġaw fi Stati Membri oħra għandhom ikunu konformi mal-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti pubblikati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu informati adegwatament dwar l-eżistenza u l-użu ta’ servizzi previsti taħt il-firxa ta’ numri “116”, b’mod partikolari permezz ta’ inizjattivi speċifkament immirati għal persuni li jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri.
4. L-Istati Membri għandhom, barra minn miżuri ta’ applikabbiltà ġenerali lin-numri kollha fil-firxa ta’ numri “116” meħuda f’konformità mal-paragrafi 1, 2, u 3, jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal servizz li jopera hotline biex jirrapporta każijiet ta’ tfal nieqsa. Il-hotline għandu jkun disoponibbli fuq in-numru 116000.
5. Sabiex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-firxa ta’ numri li jibdew bil-“116”, b’mod partikolari tal-linja diretta għar-rappurtar ta’ tfal nieqsa “116000”, fl-Istati Membri, inkluż l-aċċess għall-utenti finali b’diżabbiltà meta dawn ikunu qed jivvjaġġaw fi Stati Membri oħra, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-BEREC, tista’ tadotta miżuri implimentattivi tekniċi. Madankollu, dawn il-miżuri implimentattivi tekniċi għandhom jiġu adottati bla ħsara għall-organizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi, li għandhom jibqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri, u m’għandu jkollhom l-ebda impatt fuqhom.
Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 37(2).
Artikolu 28
Aċċess għal numri u servizzi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn teknikament u ekonomikament fattibbli, u bl-eċċezzjoni ta’ meta abbonat imsejjaħ, għal raġunijiet kummerċjali, għażel li jillimita aċċess billi jsejjaħ partijiet li jinsabu f’żoni ġeografiċi speċifiċi, awtoritajiet nazzjonali rilevanti jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-utenti finali jkunu jistgħu:
(a) jkollhom aċċess u jużaw servizzi bl-użu ta’ numri non-ġeografiċi fil-Komunità; kif ukoll
(b) ikollhom aċċess għan-numri kollha provduti fil-Komunità, irrispettivament mit-teknoloġija u t-tagħmir użat mill-operatur, inklużi dawk fil-pjani ta’ numerazzjoni tal-Istati Membri, dawk mill-ETNS u n-Numri għal Sejħiet bla Ħlas Internazzjonali Universali (UIFN).
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet rilevanti jkunu jistgħu jeħtieġu lil-impriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi u/jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament biex jimblukkaw fuq bażi każ b'każ, l-aċċess għal numri jew servizzi meta dan ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ frodi jew użu ħażin, u li jeħtieġu li f’tali każijiet fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jżommu interkonnessjoni rilevanti jew dħul ieħor minn sevizzi.
L-Artikolu 29
Forniment ta' faċilitajiet addizzjonali
1. Bla ħsara għall-Artikolu 10(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jobbligaw lill-impriżi kollha li jipprovdu servizzi telefoniċi disponibbli għall-pubbliku u/jew aċċess għal networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet, biex jagħmlu disponibbli lill-utenti finali l-faċilitajiet ulterjuri kollha, jew parti minnhom, elenkati fil-Parti B tal-Anness I, bla ħsara għall-fattibbiltà u l-vijabbiltà ekonomika, kif ukoll il-faċilitajiet ulterjuri kollha mniżżla fil-Parti A tal-Anness I, jew parti minnhom.
2. Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1 fit-territorju kollu tiegħu jew parti minnu jekk iqies, wara li jieħu kont tal-veduti tal-partijiet interessati, li jkun hemm aċċess suffiċjenti għal dawn il-faċilitajiet.
▼M1 —————
Artikolu 30
Iffaċilitar ta’ bdil minn fornitur għal ieħor
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati kollha b’numri mill-pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni telefonika jistgħu jżommu, jekk jitolbu dan, in-numru/i tagħhom indipendentement mill-impriża li tipprovdi s-servizz skont id-dispożizzjonijiet tal-Parti C tal-Anness I.
2. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li l-prezz bejn l-operaturi u/jew il-fornituri tas-servizz relatat mal-forniment tal-portabbiltà tan-numru ikun orjentat lejn l-ispejjeż u li l-ħlasijiet diretti għall-abbonati, jekk ikun hemm, ma’ jkunx ta’ diżinċentiv għall-abbonati għall-bdil minn fornitur għall-ieħor.
3. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali m’għandhomx jimponu tariffi bl-imnut għall-portabilità tan-numri b’mod li jgħawġu il-kompetizzjoni, bħal per eżempju billi jiffissaw tariffi bl-imnut speċifiċi jew komuni.
4. Il-portabbiltà tan-numri u l-attivazzjoni sussegwenti tagħhom għandhom jiġu implimentati fl-iqsar żmien possibbli. Fi kwalunkwe każ, l-abbonati li jkunu kkonkludew ftehim dwar il-portabilità ta’ numru għal impriża ġdida għandu jkollhom dak in-numru attivat fi żmien ġurnata tax-xogħol.
Bla ħsara għall-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jistabbilixxu l-proċess globali tal-portabbiltà tan-numri, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kuntratti, il-fattibbiltà teknika u l-ħtieġa li tinżamm il-kontinwità tas-servizz lill-abbonat. Fi kwalunkwe każ, il-waqfien tas-ervizz waqt il-proċess tal-porting m’għandux jeċċedi ġurnata xogħol. L-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom iqisu wkoll, fejn ikun meħtieġ, miżuri biex jiżguraw li l-abbonati jkunu protetti matul il-proċess kollu ta’ kommutazzjoni u li ma jinbidlilhomx il-fornitur kontra r-rieda tagħhom.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu previsti sanzjonijiet xierqa fuq l-impriżi, inkluż l-obbligu li jagħtu kumpens lill-abbonati fil-każ ta’ dewmien fil-portabilità jew abbuż waqt li ssir il-portabilità minnhom jew f’isimhom.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratti konklużi bejn il-konsumaturi u l-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika ma jagħtux mandat għal perijodu iniżjali ta’ impenn li jeċċedi 24 xahar. L-Istati Membri jridu wkoll jiżguraw li l-impriżi joffru lill-utenti l-possibilità li jabbonaw b’kuntratt bi żmien massimu ta’ 12-il xahar.
6. Bla ħsara għal kwalunkwe perijodu kuntrattwali minimu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għat-terminazzjoni ta’ kuntratt ma jkunux ta’ diżinċentiv għall-bdil ta’ fornituri ta’ servizzi.
L-Artikolu 31
Obbligi ta' trasmissjoni (must carry)
1. L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi raġonevoli ta’ trażmissjoni (must carry), għat-trażmissjoni ta’ servizzi speċifiċi ta’ radju u kanali ta’ trasmissjoni televiżiva u servizzi komplimentari, b’mod partikolari servizzi ta’ aċessibbiltà biex jippermettu aċċess xieraq għal utenti b'diżabbiltà, fuq impriżi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi wżati għad-distribuzzjoni ta’ servizzi tar-radju jew ta’ kanali ta’ trasmissjoni televiżiva lill-pubbliku fejn numru sinifikanti ta’ utenti finali ta’ tali networks jużawhom bħala l-mezzi prinċipali tagħhom biex jirċievu servizzi bir-radju u kanali ta’ trażmissjoni televiżiva. Tali obbligi għandhom jiġu imposti biss meta jkunu meħtieġa biex jilħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali kif definiti b’mod ċar minn kull Stat Membru u għandhom ikunu proporzjonati u trasparenti.
L-obbligi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu eżaminati mill-Istati Membri mhux aktar tard minn sena wara mill-25 ta’ Mejju 2011., ħlief meta l-Istat Membru jkun implimenta dan l-eżaminar fis-sentejn preċedenti.
L-Istati Membri għandhom jeżaminaw obbligi ta’ trażmissjoni “must carry” fuq bazi regolari.
2. La l-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u lanqas l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta' Aċċess) m'għandhom jippreġudikaw il-kapaċità ta' Stat Membru li jistabbilixxi, remunerazzjoni adatta, jekk ikun hemm, dwar miżuri meħuda skond dan l-Artikolu waqt li jassiguraw li, f'ċirkostanzi simili, ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni fit-trattament ta' impriżi li jfornu networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi. Fejn hemm previst remunerazzjoni, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li tiġi applikata b'mod proporzjonat u trasparenti.
IL-KAPITOLU V
DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
L-Artikolu 32
Servizzi addizzjonali obbligatorji
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu servizzi addizzjonali, barra minn servizzi fl-obbligi ta' servizz universali kif definiti fil-Kapitolu II, pubblikament disponibbli fit-territorju tagħhom stess iżda, f'dawk iċ-ċirkostanzi, ebda mekkaniżmu ta' kumpens li jinvolvi mpriżi speċifiċi ma jista' jiġi mpost.
L-Artikolu 33
Konsultazzjoni ma’ partijiet interessati
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw sa fejn xieraq li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jieħdu kont tal-opinjonijiet tal-utenti finali, l-konsumaturi (inklużi, b’mod partikolari, konsumaturi b’diżabbiltà), manifatturi u impriżi li jfornu networks u/jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika dwar kwistjonijiet li jirrelataw mad-drittijiet kollha tal-utenti finali u konsumaturi li jikkonċernaw servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli, b’mod partikolari fejn ikun hemm impatt sinifikanti fuq is-suq.
B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni li jiżgura li fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijet tal-utent aħħari u tal-konsumatur li jikkonċernaw servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament, tingħata konsiderazzjoni dovuta lill-interessi tal-konsumatur f’komunikazzjonijiet elettroniċi.
2. Fejn xieraq, il-partijiet interessati jistgħu jiżviluppaw, bil-gwida ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, mekkaniżi, li jinvolvu l-konsumaturi, gruppi ta' utenti jew fornituri tas-servizzi, biex tittejeb il-kwalità ġenerali tal-forniment tas-servizz billi, fost ħwejjeġ oħra, jiżviluppaw u jissorveljaw kodiċi ta' kondotta u standards ta' operazzjoni.
3. Bla ħsara għar-regoli nazzjonali f’konformità mal-liġi Komunitarja li tippromwovi objettivi kulturali u ta’ politika dwar il-media, bħad-diversità kulturali u lingwistika u l-pluraliżmu tal-midja, awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet rilevanti oħra jistgħu jippromwovu kooperazzjoni bejn impriżi li jipprovdu networks u/jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u s-setturi interessati fil-promozzjoni ta’ kontenut legali f’networks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika. Dik il-kooperazzjoni tista’ tinkludi wkoll koordinazzjoni tal-informazzjoni ta’ interess pubbliku li għandha ssir disponibbli skont l-Artikolu 21(4) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(1).
L-Artikolu 34
Riżoluzzjonijiet extra — ġudizzjarji ta' disputi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri barra l-qorti mhux diskriminatorji, sempliċi, trasparenti u li ma jkunux għaljin ikunu disponibbli għall-ittrattar ta’ disputi bejn il-konsumaturi u l-impriżi li jipprovdu networks u/jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li jirriżultaw taħt din id-Direttiva, li dwarhom ma tkunx intlaħqet soluzzjoni, li jkun dwar il-kondizzjonijiet kuntrattwali u/jew il-prestazzjoni ta’ kuntratti li jikkonċernaw il-forniment ta’ dawn in-networks u servizzi. L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri biex jiżguraw li dawn il-proċeduri jippermettu li d-disputi jiġu solvuti b’mod ġust u rapidu u jistgħu, fejn ġustifikat, jadottaw sistema ta’ rimborż u/jew kumpens. Proċeduri bħal dawn għandhom jagħmluha possibbli li t-tilwimiet jiġu solvuti b’mod imparzjali u m’għandhomx iċaħħdu lill-konsumatur mill-protezzjoni legali mogħtija mil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jestendu dawn l-obbligi biex ikopru kwistjonijiet li jinvolvu utenti finali oħra.
2. L-Istati Membru għandhom jassiguraw li l-leġislazzjoni tagħhom ma tfixkilx t-twaqqif ta' uffiċċji ta' l-ilmenti u l-forniment ta' servizzi on-line fil-livell territorjali adatt biex jiffaċilitaw l-aċċess għar-riżoluzzjoni ta' disputi mill-konsumaturi u l-utenti finali.
3. Fejn dawk id-disputi jinvolvu partijiet fi Stati Membri differenti, l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-isforzi tagħhom bil-ħsieb li sseħħ riżoluzzjoni għad-disputa.
4. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-proċeduri tal-qorti nazzjonali.
Artikolu 35
Adattament tal-annessi
Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva u meħtieġa biex jiġu adattati l-Annessi I, II, III, u VI għall-iżviluppi teknoloġiċi u għall-bidliet fid-domanda tas-suq għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura regolatorji bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 37(2).
L-Artikolu 36
Notifikazzjoni, sorveljanza u proċeduri ta' reviżjoni
1. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mid-data ta' l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(1), it-tieni subparagrafu, u minnufih fil-każ ta' kull bidla wara bl-ismijiet ta' mpriżi maħtura bħala li għandhom obbligi ta' servizz universali taħt l-Artikolu 8(1).
Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni disponibbli f'forma faċilment aċċessibbli, u għandha tqassamha lill-Kumitat ta' Komunikazzjonijiet imsemmi fl-Artikolu 37.
2. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-obbligi ta’ servizz universali imposti fuq l-impriżi maħtura bħala impriżi li jkollhom obbligi ta’ servizz universali. Kwalunkwe tibdil li jaffettwa dawn l-obbligi imposti fuq l-impriżi jew tal-impriżi effettwati taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.
3. Il-Kummissjoni għandha perjodikament tirrevedi l-iffunzjonar ta' din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fl-ewwel okkażjoni mhux aktar tard minn tlett snin wara d-data ta' l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(1), it-tieni subparagrafu. L-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ifornu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni għal dan l-iskop.
Artikolu 37
Il-proċedura tal-Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistia mill-Kumitat tal-Komunikazzjoni stabbilit taħt Artikolu 22 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu ġew ikkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.
L-Artikolu 38
Trasposizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippublikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-24 ta' Lulju 2003 l-aktar tard. Għandhom minnufih javżaw b'dan lill-Kummissjoni.
Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-25 ta' Lulju 2003.
2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għall din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-modi ta' kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva u b'kull modifikazzjoni sussegwenti għal dawk id-dispożizzjonijiet.
L-Artikolu 39
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komuniyajiet Ewropew.
L-Artikolu 40
Indirizzati
Din id-Direttiva hija indirizzata lil l-Istati Membri.
ANNESS I
DESKRIZZJONI TA’ FAĊILITAJIET U SERVIZZI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 10 (KONTROLL TAL-INFIQ), FL-ARTIKOLU 29 (FAĊILITAJIET ULTERJURI) U FL-ARTIKOLU 30 (FAĊILITAZZJONI TAL-BIDLA FIL-FORNITUR)
Taqsima A Il-faċilitajiet u s-servizzi msemmija fl-Artikolu 10
(a) Kontijiet dettaljati
L-Istati Mambri jridu jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, suġġetti għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-ħarsien tad-data personali u l-privatezza, ikunu jistgħu jistabbilixxu l-livell bażiku ta’ kontijiet dettaljati li jridu jinħarġu minn impriżi lill-abbonati mingħajr ħlas sabiex dawn ikunu jistgħu:
(i) jivverifikaw u jiċċekkjaw il-ħlasijiet għall-użu ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet f’post fiss u/jew li jkunu relatati ma’ servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli; u kif ukoll
(ii) jissorveljaw b’mod xieraq l-użu u l-ispejjeż li jagħmlu u b’hekk jeżerċitaw livell raġonevoli ta’ kontroll fuq il-kontijiet tagħhom.
Meta jkun xieraq, jistgħu jiġu offruti lill-abbonati livelli ulterjuri ta’ dettall għal ħlas ta’ tariffi raġonevoli jew mingħajr ebda ħlas.
Is-sejħiet li jkunu mingħajr ħlas mill-abbonat li jagħmel is-sejħa, inklużi s-sejħiet lil linji ta’ għajnuna, ma jridux ikunu identifikati fil-kont dettaljat tal-abbonat li jagħmel is-sejħa.
(b) Imblukkar selettiv ta’ sejħiet ‘il barra (outgoing calls), jew SMS primjum jew MMS, jew, fejn huwa teknikament fattibbli, tipi oħra ta’ applikazzjonijiet simili, mingħajr ħlas
jiġifieri, il-faċilità li permezz tagħha l-abbonat jista’, wara li jitlob lill-impriża maħtura biex tipprovdi servizzi telefoniċi, jimblokka, mingħajr ma jħallas, sejħiet ‘il barra jew SMS primjum jew MMS jew tipi oħra ta’ applikazzjonijiet simili, ta’ tipi definiti jew lejn tipi definiti ta’ numri.
(c) Sistemi ta’ ħlas minn qabel
L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jitolbu lill-impriżi maħtura biex jipprovdu mezzi kif il-konsumaturi jħallsu għall-aċċess għal network ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi u għall-użu ta’ servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli fuq bażi ta’ termini ta’ ħlas minn qabel.
(d) Pagament bin-nifs tal-ħlasijiet għall-konnessjoni
L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jitolbu lill-impriżi maħtura biex jippermettu li l-konsumaturi jkunu jistgħu jħallsu għall-konnessjoni ma’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet fuq bażi ta’ pagamenti bin-nifs għal tul ta’ żmien.
(e) Kontijiet li ma jitħallsux
L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw miżuri speċifiċi, li għandhom ikunu proporzjonati, mhux diskriminatorji u ppubblikati, biex ikopru l-kontijiet li ma jitħallsux maħruġa minn impriżi maħtura f’konformità mal-Artikolu 8. Dawn il-miżuri għandhom jiżguraw li jingħata avviż debitu ta’ kwalunkwe interuzzjoni konsegwenti tas-servizz jew tingħata skonnessjoni lill-abbonat minn qabel. Ħlief fil-każijiet ta’ frodi, ħlas persistenti tard jew nuqqas ta’ ħlas, dawn il-miżuri għandhom jiżguraw, sa fejn hu teknikament fattibbli li kwalunkwe interruzzjoni tas-servizz tiġi konfinata għas-servizz ikkonċernat. L-iskonnessjoni għan-nuqqas ta’ ħlas tal-kontijiet għandha sseħħ biss wara li tingħata t-twissija debita lill-abbonat. L-Istati Membri jistgħu jippermettu żmien limitat ta’ servizz qabel l-iskonnessjoni kompleta, li matulu sejħiet biss li ma jinvolvux ħlas mill-abbonat (per eżempju sejħiet “112”) jiġu permessi.
(f) Informazzjoni dwar it-tariffi
jiġifieri, il-faċilità li permezz tagħha l-abbonati jistgħu jitolbu lill-intrapriża biex tagħti informazzjoni dwar tariffi alternattivi rħas, jekk disponibbli.
(g) Kontroll tal-ispiża
jiġifieri, il-faċilità li permezz tagħha l-intrapriża toffri mezzi oħra, jekk jiġi determinat li dawn huma xierqa mill-awtoritajiet regolatori nazzjonali, li jikkontrollaw l-ispejjeż ta’ servizzi ta’ telefonija disponibili għall-pubbliku, inklużi “alerts”’ għall-konsumaturi mingħajr ħlas f’każijiet ta’ tendenzi ta’ konsum mhux normali jew eċċessiv.
Taqsima B Faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 29
(a) Iddijaljar bit-ton jew DTMF (operazzjoni b’ton doppju multi-frekwenza)
jiġifieri n-network pubbliku ta’ komunikazzjoni u/jew servizzi tat-telefon pubblikament disponibbli li jappoġġaw l-użu ta’ toni DTMF kif definit fl-ETSI ETR 207 għall-issinjalar minn tarf sa tarf man-network kollu kemm fi Stat Membru partikolari kif ukoll bejn Stat Membru u ieħor.
(b) Identifikazzjoni tal-linja ta’ mnejn dieħla t-telefonata
jiġifieri n-numru tal-parti li tagħmel is-sejħa jiġi ppreżentat lill-persuna msejħa qabel ma s-sejħa tiġi stabbilita.
Din il-faċilità għandha tiġi pprovduta skont il-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-ħarsien tad-data personali u l-privatezza, b’mod partikolari d-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika).
Sal-limitu teknikament possibbli, l-operaturi għandhom ifornu data u sinjali li jiffaċilitaw l-offerta tal-identità tal-linja li tagħmel is-sejħa u ton ta’ ddajaljar minn naħa għall-oħra tal-konfini tal-Istati Membri.
Taqsima C L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-portabbiltà tan-numri msemmija fl-Artikolu 30
Ir-rekwiżit li l-abbonati kollha b’numri mill-pjan nazzjonali ta’ numerifikazzjoni telefonika, li jitolbu dan, jistgħu jżommu n-numru/i tagħhom indipendentement mill-impriża li tipprovdi s-servizz għandu japplika:
(a) fil-każ ta’ numri ġeografiċi, f’post speċifiku; kif ukoll
(b) fil-każ ta’ numri mhux ġeografiċi, fi kwalunkwe post.
Din il-Parti ma japplikax għall-portabbiltà ta’ numri bejn networks li jipprovdu servizzi f’post iffissat u networks mobbli.
ANNESS II
INFORMAZZJONI LI TRID TIĠI PPUBBLIKATA SKONT L-ARTIKOLU 21
(TRASPARENZA U PUBBLIKAZZJONI TA’ INFORMAZZJONI)
L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha r-responsabbiltà li tiżgura li l-informazzjoni f’dan l-Anness tiġi ppubblikata skont l-Artikolu 21. Hi r-responsabbiltà tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tiddeċiedi liema informazzjoni għandha tiġi ppubblikata mill-impriżi li jipprovdu networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet u/jew servizzi telefonċi pubblikament disponibbli u liema informazzjoni għandha tkun ippubblikata mill-awtorità regolatorja nazzjonali nnifisha, sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati.
1. |
Isem/ismijiet u indirizz(i) tal-impriża/i Ismijiet u l-indirizzi tal-uffiċċju prinċipali tal-impriżi li jipprovdu networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet u/jew servizzi telefonċi pubblikament disponibbli. |
2. |
Deskrizzjoni tas-servizzi offruti
|
3. |
Mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ disputi inklużi dawk żviluppati mill-impriża. |
4. |
Informazzjoni dwar drittijiet fir-rigward ta’ servizz universali, inklużi, meta jkun xieraq, il-faċilitajiet u s-servizzi msemmija fl-Anness I. |
ANNESS III
PARAMETRI TAL-KWALITÀ TAS-SERVIZZ
Parametri tal-kwalità tas-servizz, tifsiriet u metodi ta’ kejl imsemmija fl-artikoli 11 u 22
Għal impriżi li jipprovdu aċċess għal network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet
PARAMETRU (Nota 1) |
DEFINIZZJONI |
METODU TA’ KEJL |
Żmien għall-forniment għall-konnessjoni inizjali |
ETSI EG 202 057 |
ETSI EG 202 057 |
Rata ta’ ħsara għal kull linja ta’ aċċess |
ETSI EG 202 057 |
ETSI EG 202 057 |
Ħin tat-tiswija tal-ħsara |
ETSI EG 202 057 |
ETSI EG 202 057 |
Għal intrapriżi li jipprovdu servizz ta’ telefonija disponibbli għal pubbliku
Call set up time (Nota 2) |
ETSI EG 202 057 |
ETSI EG 202 057 |
Ħin biex tingħata risposta b’servizzi ta’ konsultazzjojni tad-direttorju |
ETSI EG 202 057 |
ETSI EG 202 057 |
Proporzjon tat-telefons pubbliċi li joperaw bi ħlas bil-muniti jew bil-kard li jkunu jaħdmu |
ETSI EG 202 057 |
ETSI EG 202 057 |
Ilmenti dwar żbalji fil-kontijiet |
ETSI EG 202 057 |
ETSI EG 202 057 |
Proporzjon ta’ sejħiet li ma jirnexxux (Nota 2) |
ETSI EG 202 057 |
ETSI EG 202 057 |
Numru tal-verżjoni tal-ETSI EG 202 057-1 huwa 1.3.1. (Lulju 2008). |
Nota 1
Il-parametri għandhom iħallu lok għall-analiżi tal-prestazzjoni fuq livell reġjonali (jiġifieri mhux inqas mil-livell 2 fin-Nomenklatura tal-Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (NUTS) stabbilita mill-Eurostat.
Nota 2
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jitolbux li tinżamm informazzjoni aġġornata dwar il-prestazzjoni għal dawn iż-żewġ parametri, jekk ikun hemm provi disponibbli li juru li l-prestazzjoni f’dawn iż-żewġ oqsma tkun sodisfaċenti.
L-ANNESS IV
KALKOLU TA' L-ISPIŻA NETTA, JEKK IKUN HEMM, TA' OBBLIGI TA' SERVIZZ UNIVERSALI U L-ISTABBILIMENT TA' KULL MEKKANIŻMU TA' RKUPRU JEW QSIM SKOND L-ARTIKOLI 12 U 13
Taqsima A: Kalkolu ta' l-ispiża netta
L-obbligi għal servizz universali jirreferu għall-obbligi imqegħda fuq impriża minn Stat Membru li jikkonċernaw il-forniment ta' network u servizz f'żona speċifikata ġeografika kollha, inkluż, fejn meħtieġ, il-prezzijiet medji f'dik iż-żona ġeografika għall-forniment ta' dak is-servizz jew forniment ta' għażliet speċifiċi ta' tariffi għall-konsumaturi bi dħul baxx jew bi ħtiġiet soċjali speċjali.
L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkonsidraw il-mezzi kollha biex jassiguraw inċentivi adatti għall-impriżi (maħtura jew le) biex ifornu obbligi ta' servizz universali b'effiċjenza fl-ispiża. Fit-twettieq ta' eżerċizzju ta' kalkolu, l-ispiża netta ta' obbligi ta' servizz universali għandha tiġi kalkolata bħala d-differenza bejn l-ispiża netta għal impriża maħtura fl-operazzjoni ta' obbligi ta' servizz universali u fl-operazzjoni mingħajr obbligi ta' servizz universali. Dan japplika sew jekk in-network fi Stat Membru partikolari jkun żviluppa kollu kemm hu jew jekk ikun għadu jkun qiegħed jiżviluppa u jespandi. Attenzjoni debita għandha tingħata biex issir stima korretta l-ispejjeż li x'impriża maħtura tkun għażlet li tevita li kieku ma kien hemm ebda obbligu ta' servizz universali. Il-kalkolu ta' l-ispiża netta għandu jistma l-benefiċċji, nklużi benefiċċji ntanġibbli, għall-operatur ta' servizz universali.
Il-kalkolu għandu jiġi bbażat fuq in-nefqiet attribwibbli għal:
(i) l-elementi tas-servizzi identifikati li jistgħu jiġu biss provduti b'telf jew provduti taħt kondizzjonijiet ta' spiża li jaqgħu barra li-standards normali kummerċjali.
Din il-kategorija tista' tinkludi elementi ta' servizz bħal aċċess għas-servizzi ta' emerġenza bit-telefon, il-forniment ta' ċerti telefons pubbliċi bi ħlas, il-forniment ta' ċerti servizzi jew tagħmir għal persuni b'disabilità, eċċ;
(ii) utenti finali jew gruppi ta' utenti finali speċifiċi li, waqt li jittieħed kont ta' l-ispiża għall-forniment tan-network u servizz speċifiku, id-dħul ġenerat u kull medjar ġeografiku tal-prezzijiet imposti mill-Istat Membru, li s-servizz għalihom jista' jsir biss b'telf jew taħt kondizzjonjiet ta' l-ispiża li jaqgħu barra li-standards normali tal-kummerċ.
Din il-kategorija tinkludi wkoll dawk l-utenti finali jew gruppi ta' utenti finali li ma kienux jiġu servuti minn operatur kummerċjali li ma kellux obbligu li jipprovdi servizz universali.
Il-kalkolu ta' l-ispiża netta ta' aspetti speċifiċi ta' obbligi ta' servizz universali għandu jsir separatament u sabiex jiġi evitat għadd doppju ta' xi benefiċċji u nefqiet diretti jew indiretti. L-ispiża netta globali ta' obbligi ta' servizzi universali għandha tiġi kkalkolata bħala s-somma ta' l-ispejjeż netti li jirriżultaw mill-komponenti speċifiċi ta' obbligi ta' servizz universali, waqt li jittieħed kont ta' kull benefiċċju ntanġibbli. Ir-responsabbiltà għall-verifikar ta' l-ispiża netta hija ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali.
Taqsima B: Irkupru ta' spejjeż netti ta' obbligi ta' servizz universali
L-irkupru jew l-iffinanzjar ta' kull spiża netta ta' obbligi ta' servizz universali jeħtieġ li mpriżi maħtura b'obbligi ta' servizz universali jiġu kumpensati għas-servizzi li jfornu taħt kondizzjonijiet mhux kummerċjali. Minħabba li dak il-kumpens jinvolvi trasferimenti finanzjarji, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li dawn jitwettqu b'mod oġġettiv, trasparenti, mhux diskriminatorju u proporzjonat. Dan ifisser li t-trasferimenti jirriżultaw fl-anqas distorsjoni ta' kompetizzjoni u tad-domanda ta' l-utent.
Skond l-Artikolu 13(3), mekkaniżmu ta' qsim ibbażat fuq fond għandu juża mezzi trasparenti u newtrali għall-ġbir ta' kontribuzzjonijiet li jevitaw il-perikolu ta' impozizzjon doppja ta' kontribuzzjonijiet li jaqgħu kemm fuq l — outputs u fuq l-inputs ta' l-impriżi.
Il-korp indenpendenti li jamministra l-fond għandu jkun responsabbli għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet minn impriżi li huma stmati bħala li għandhom l-obbligu li jikkontribwixxu għall-ispiża netta ta' l-obbligi ta' servizz universali fl-Istat Membru u għandu jissorvelja it-trasferiment tas-somom dovuti u/jew ħlasijiet amministrattivi lill-impriżi ntitolati li jirċievu l-ħlasijiet minn dak il-fond.
L-ANNESS V
PROĊESS GĦAR-REVIŻJONI TAL-KAMP TA' APPLIKAZZJONI TA' SERVIZZ UNIVERSALI SKOND L-ARTIKOLU 15
Fil-konsiderazzjoni dwar jekk reviżjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' obbligi universali għandhiex issir, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta' l-elementi li ġejjin:
— żviluppi soċjali u tas-suq f'termini tas-servizzi wżati mill-konsumaturi,
— żviluppi soċjali u tas-suq f'termini ta' disponibiltà u għażla ta' servizzi għall-konsumaturi,
— żviluppi teknoloġiċi f'termini tal-mod kif is-servizzi huma provduti lill-konsumaturi.
Fil-konsiderazzjoni dwar jekk l-obbligi ta' servizz universali għandhomx jinbidlu jew jiġu definiti mill-ġdid, il-Kummissjoni għandha tieħu konsiderazzjoni ta' l-elementi li ġejjin:
— jekk servizzi speċifiċi humiex disponibbli għal u wżati mill-maġġoranza tal-konsumaturi u jekk in-nuqqas ta' disponibilità jew nuqqas ta' użu minn minoranza ta' konsumaturi tirriżulta f'esklużjoni soċjali, u
— jekk id-disponibilità u l-użu ta' servizzi speċifiċi twassalx benefiċċju nett ġenerali lill-konsumaturi kollha tali li l-intervent pubbliku jkun ġustifikat f'ċirkostanzi fejn is-servizzi speċifiċi m'humiex provduti lill-pubbliku taħt ċirkostanzi normali tal-kummerċ?
ANNESS VI
INTEROPERABBILTÀ TAT-TAGĦMIR DIĠITALI TAL-KONSUMATUR IMSEMMI FL-ARTIKOLU 24
1. L-iscrambling algorithm komuni u reċiviment ħieles fl-arja
It-tagħmir kollu tal-konsumatur maħsub għar-riċeviment ta’ sinjali diġitali tat-televiżjoni konvenzjonali (jiġifieri xandir permezz ta’ trasmissjoni terrestri, bil-cable jew bis-satellita li huwa intiż primarjament għar-riċeviment fiss, bħall-DVB-T, DVB-C or DVB-S), għall-bejgħ jew kera jew xort’oħra magħmula disponibbli fil-Komunità, kapaċi li jħollu s-sinjali diġitali tat-televiżjon, għandu jkollu l-kapaċità li:
— jippermetti li jinħallu dawk is-sinjali skont scrambling alogarith komuni Ewropew kif amministrat mill-organizzazzjoni rikonoxxuta Ewropea tal-istandards, attwalment l-ETSI;
— juri sinjali li jkunu ġew trasmessi sakemm, fil-każ li dak it-tagħmir jiġi mikri, il-kerrej ikun f’konformità mal-ftehim rilevanti tal-kiri.
2. Interoperabilità għal settijiet tat-televiżjoni analogi u diġitali
Kwalunkwe sett analogu tat-televiżjoni bi skrin integrali bi djagunal viżibbli ta’ aktar minn 42 cm li jitqiegħed fis-suq għall-bejgħ jew kera fil-komunità għandu jkun iffittjat b’tal-anqas konnessjoni waħda miftuħa, kif standardised minn organizzazzjoni rikonoxxuta Ewropea tal-istandards, per eżempju kif mogħtija fis-CENELEC EN 50 049-1:1997 standard, li tkun tippermetti konnessjoni sempliċi għall-periferali, speċjalment apparat għad-dikodifikar jew riċevituri diġitali.
Kwalunkwe sett diġitali tat-televiżjoni bi skrijn integrali viżibbli ta’ djagunal akbar minn 30 ċm li jitqiegħed għall-bejgħ jew kera fil-Komunità għandu jkun iffittjat b’talanqas konnessjoni waħda miftuħa (jew standardizzata, jew li tikkonforma ma’ standard adottat, minn organizzazzjoni ta’ standards Ewropej rikonoxxuta, jew li tikkonforma ma’ speċifikazzjoni tal-industrija kollha) per eżempju konnettur komuni ta’ konnessjoni DVB, li jippermetti konnessjoni sempliċi għall-periferali, u li jkun jista’ jgħaddi l-elementi kollha ta’ sinjal diġitali televiżiv, inkluża nformazzjoni li tirrelata ma’ servizzi nterattivi u kondizzjonalment aċċessati.
▼M1 —————
( 1 ) ĠU C 365 E, tad-19.12.2000, p. 238 u ĠU C 332 E, tas-27.11.2001, p. 292.
( 2 ) ĠU C 139, tal-11.5.2001, p. 15.
( 3 ) ĠU C 144, tas-16.5.2001, p. 60.
( 4 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2001 (għada mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-17 ta' Settembru 2001 (ĠU C 337, tat-30.11.2001, p. 55) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2001 (għada mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Frar 2002.
( 5 ) ĠU L 24, tat-30.1.1998, p. 1.
( 6 ) ĠU L 165, tad-19.6.1992, p. 27. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 98/80/KE (ĠU L 14, ta' l-20.1.1998, p. 27).
( 7 ) Ara paġna 33 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
( 8 ) ĠU L 95, tal-21.4.1993, p. 29.
( 9 ) ĠU L 144, 04.6.1997, p. 19.
( 10 ) Ara paġna 7 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
( 11 ) ĠU L 115, tas-17.4.1998, p. 31.
( 12 ) ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.
( 13 ) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
( 14 ) Ara paġna 21 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
( 15 ) ĠU L 49, 17.2.2007, p. 30.