02001L0029 — MT — 06.06.2019 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA 2001/29/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Mejju 2001

dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni

(ĠU L 167 22.6.2001, p. 10)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA (UE) 2017/1564 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-13 ta' Settembru 2017

  L 242

6

20.9.2017

►M2

DIRETTIVA (UE) 2019/790 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b'rilevanza għaż-ŻEE tas-17 ta' April 2019

  L 130

92

17.5.2019




▼B

DIRETTIVA 2001/29/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Mejju 2001

dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni



KAPITOLU I

GĦAN U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.  Din id-Direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, mingħajr enfasi partikolari fuq is-soċjetà ta’ informazzjoni.

2.  Ħlief għall-każi msemmija fl-Artikolu 11, din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar:

(a) il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuters;

(b) id-dritt ta’ kiri, id-dritt ta’ self u ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali;

(ċ) id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati applikabbli għax-xandir ta’ programmi bis-satellita u trasmissjoni mill-ġdid bil-cable;

(d) it-tul ta’ żmien ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u ċerti drittijiet relatati;

(e) il-protezzjoni legali ta’ databases.



KAPITOLU II

DRITTIJIET U EĊĊEZZJONIJIET

Artikolu 2

Dritt ta’ riproduzzjoni

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a) għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

(b) għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(ċ) għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(d) għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(e) għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.

Artikolu 3

Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor

1.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

(a) għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(b) għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(ċ) għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar tal-films, ta’ l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(d) għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandirijiet ikunu trasmessi bil-fili jew bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.

3.  Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Dritt ta’ Distribuzzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

2.  Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.

Artikolu 5

Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet

1.  Atti temporanji ta’ riproduzzjoni msemmija fl-Artikolu 2, li huma temporanji jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku u li l-iskop uniku tagħhom huwa li jkunu jistgħu jsiru:

(a) trasmissjoni f’network bejn partijiet terzi minn intermedju, jew

(b) użu legali

ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir, u li ma jkollhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti, għandhom ikunu eżenti mid-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2.

2.  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

(a) rigward riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti, bla ħsara għal mużika fuq il-karta, kemm-il darba li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust;

(b) rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;

▼M2

(ċ) rigward l-atti speċifiċi ta' riproduzzjoni magħmula minn libreriji, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet jew arkivji li għandhom aċċess mill-pubbliku, li mhumiex għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti mid-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

▼B

(d) rigward rekordjar transitorju ta’ xogħolijiet magħmula minn organizzazzjonijiet tax-xandir permezz tal-faċilitajiet tagħhom u għax-xandirijiet tagħhom; il-preservazzjoni ta’ dan l-irrekordjar f’arkivji uffiċjali jista’ għal raġunijiet ta’ karattru ta’ dokumentarju eċċezzjonali tiegħu, tkun permessa;

(e) rigward riproduzzjonijiet ta’ xandirijiet magħmula minn istituzzjonijiet soċjali immirati għal skopijiet mhux kummerċjali, bħal sptarijiet jew ħabsijiet, bil-kondizzjoni li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust.

3.  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

▼M2

(a) użu għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim jew riċerka xjentifika, kemm-il darba s-sors, inkluż l-isem tal-awtur, tkun indikata, sakemm ma jinstabx li jkun impossibbli u sa fejn ikun ġustifikat li jintlaħaq mill-iskop mhux kummerċjali, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti mid-Direttiva (UE) 2019/790;

▼M1

(b) l-użi, għall-ġid tal-persuna b'diżabbiltà, li huma relatati direttament mad-diżabbiltà u li għandhom natura mhux kummerċjali, sa kemm teħtieġ id-diżabbiltà speċifika, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

▼B

(ċ) riproduzzjoni mill-istampa, komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmlu disponibbli artikli publikati dwar temi kurrenti ekonomiċi, politiċi jew reliġjużi jew ta’ xogħolijiet imxandra jew suġġett ieħor ta’ l-istess tip, fil-każi fejn dan l-użu ma jkunx riservat espliċitament, u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, jew l-użu tax-xogħolijiet jew suġġett ieħor rigward konness mar-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, sakemm ikunu ġustifikati mill-iskop informattiv u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, sakemm ma jinstabx li dan ikun impossibbli;

(d) kwotazzjonijiet għal skopijiet bħal kritika jew riċensjoni, kemm-il darba jkunu relatati ma’ xogħol jew suġġett ieħor li kien diġà sar disponibbli legalment għall-pubbliku, li, sakemm ma jkunx sar impossibbli, is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, u li l-użu tagħhom huwa skond prattika ġusta, u sa fejn meħtieġ, mill-iskop speċifiku;

(e) użu għall-iskopijiet ta’ sigurtà pubblika jew biex jiżgura t-twettiq jew rappurtaġġ xieraq ta’ proċċdimenti amministrattivi, parlamentari jew ġudizzjarji;

(f) użu ta’ diskorsi politiċi kif ukoll siltiet minn lekċers pubbliċi jew xogħolijiet simili jew suġġett sa fejn ikun ġustifikat mill-iskop informattiv u kemm-il darba li s-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, minbarra fejn dan ikun sar impossibbli;

(g) użż waqt ċelebrazzjonijiet reliġjużi jew ċelebrazzjonijiet uffiċjali organizzati minn awtorità pubblika;

(h) użu ta’ xogħolijiet, bħal xogħolijiet ta’ arkitettura jew skultura, magħmulin biex jitqiegħdu permanentement f’postijiet pubbliċi;

(i) inklużjoni inċidentali ta’ xogħol jew suġġett f’materjal ieħor;

(j) użu għal skop ta’ reklamar tal-wirja pubblika jew bejgħ ta’ xogħolijiet pubbliċi, sa fejn huwa meħtieġ biex tippromwovi avveniment, eskluż kull użu kummerċjali;

(k) użu għal skop ta’ karikatura, parodija jew pastiċċ;

(l) użu b’konnessjoni ma’ wiri jew tiswija ta’ tagħmir;

(m) użu ta’ xogħol artistiku f’forma ta’ bini jew disinn jew pjanta ta’ bini għall-finijiet ta’ rikostruzzjoni tal-bini;

(n) użu b’komunikazzjoni jew b’li jagħmlu disponibbli, għal skop ta’ riċerka jew studju privat, lill-membri individwali tal-pubbliku kif b’terminali għal tapposta fuq il-post ta’ l-istabbilimenti msemmija fil-paragrafu 2(ċ) ta’ xogħolijiet u suġġett ieħor li mhumiex regolati bit-termini ta’ xiri jew liċenzar li jkunu fil-kollezzjonijiet tagħhom;

(o) użu f’ċerti każi oħra ta’ importanza minuri fejn eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet diġà jeżistu skond il-liġi nazzjonali, kemm-il darba li huma jirrigwardaw biss użu simili u ma jaffettwawx iċ-ċirkulazzjoni libera ta’ merkanzija u servizzi ġewwa l-Komunità, mingħajr preġudizzju għal eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet oħra misjuba f’dan l-Artikolu.

4.  Fejn l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni skond il-paragrafi 2 u 3, huma bl-istess mod jistgħu jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ distribuzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4 sa fejn ikun ġustifikat mill-iskop ta’ l-att ta’ riproduzzjoni awtorizzat.

5.  L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.



KAPITOLU III

PROTEZZJONI TA’ MIŻURI TEKNOLOĠIĊI U INFORMAZZJONI DWAR MANIĠĠAR TA’ DRITTIJIET

Artikolu 6

Obbligi rigward miżuri teknoloġiċi

1.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali adekwata kontra t-tidwir ma’ kull miżura teknoloġika effettiva, li persuna relatata twettaq konsapevolment, jew b’raġunijiet li tkun taf, li qiegħda tilħaq dak il-għan.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali adekwata kontra l-manifattura, importazzjoni, distribuzzjoni, bejgħ, kiri, reklamar għall-bejgħ jew kiri, jew pussess għal skopijiet kummerċjali ta’ tagħmir, prodotti jew komponenti jew il-provvista ta’ servizzi li:

(a) ikunu pubbliċizzati, reklamati jew kummerċjati għall-iskop ta’ tidwir ma’ jew

(b) għandhom biss skop jew użu limitat kummerċjali sinifikanti jew użu ma’ dak li jdur ma’, jew

(ċ) ikunu mfassla, manifatturati, adattati jew attwati primarjament għall-iskop li jippermettu jew li jiffaċilitaw it-tidwir ma’,

kull miżura teknoloġika effettiva.

3.  Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-frażi “miżuri teknoloġiċi” tfisser kull teknoloġija, tagħmir jew komponent li, matul il-kors normali tat-tħaddim tiegħu, ikun iddisinjat li jipprevjeni jew jirrestrinġi atti, rigward xogħolijiet jew suġġett ieħor, li mhumiex awtorizzati mid-detentur tad-drittijiet ta’ kull dritt ta’ l-awtur jew kull dritt relatat mad-drittijiet ta’ l-awtur li hemm provdut dwarhom bil-liġi jew id-dritt sui generis li hemm provdut dwarhom fil-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9/KE. Drittijiet teknoloġiċi għandhom jitqiesu “effettivi” fejn l-użu ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor huwa kontrollat mid-detenturi tad-drittijiet permezz ta’ applikazzjoni ta’ kontroll għal aċċess jew proċess ta’ protezzjoni, bħal qlib f’ċifrarju, taqlib jew trasformazzjoni oħra tax-xogħol jew materjal ta’ xogħħol ieħħor jew mekkaniżmu ta’ kontroll ta’ ikkupjar li jilħaq l-għan ta’ protezzjoni.

4.  Minkejja l-protezzjoni legali li hemm provdut dwarha fil-paragrafu 1, fl-assenza ta’ miżuri volontarji meħuda mid-detenturi tad-drittijiet, magħduda ftehim bejn id-detenturi tad-drittijiet u partijiet oħra relatati, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li detenturi tad-drittijiet jagħmlu disponibbli għall-benefiċjarju ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni li hemm provdut dwarha fil-liġi nazzjonali skond l-Artikolu 5(2)(a), (2)(ċ), (2)(d), (2)(e), (3)(a), (3)(b) jew (3)(e) il-mezzi li jibbenefikaw minn dik l-eċċezzjoni jew limitazzjoni, sa fejn huwa meħtieġ biex jibbenefikaw minn dik l-eċċezzjoni jew limitazzjoni u fejn dak il-benfċjarju jkollu aċċess legali għax-xogħol protett jew materjal suġġett relatat.

Stat Membru jista’ wkoll jieħu dawn il-miżuri rigward benefiċjarju ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni li hemm provdut dwaru skond l-Artikolu 5(2)(b), kemm-il darba riproduzzjoni għal użu privat ikun diġà sar possibbli mid-detenturi tad-drittijiet sa fejn hu meħtieġ biex jibbenefika mill-eċċezzjoni jew limitazzjoni relatata u skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(2)(b) u (5), mingħajr ma jipprevjeni lid-detenturi tad-drittijiet milli jadottaw miżuri adekwati rigward l-għadd ta’ riproduzzjonijiet skond dawn id-disposizzjonijiet.

Il-miżuri teknoloġiċi applikati volontarjament mid-detenturi tad-drittijiet, inklużi dawk applikati fl-implimentazzjoni ta’ ftehim volontarji, u miżuri teknoloġiċi applikati fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri, għandhom igawdu l-protezzjoni legali li hemm provdut dwarha fil-paragrafu 1.

Id-disposizzjonijiet ta’ l-ewwel u t-tieni sottoparagrafi mgħandhomx japplikaw għal xogħolijiet jew suġġett ieħor li jkun sar disponibbli għall-pubbliku skond termini kuntrattwali miftehma b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u ħin individwalment magħżul minnhom.

Meta dan l-Artikolu jkun applikat fil-kuntest tad-Direttivi 92/100/KEE u 96/9/KE, dan il-paragrafu għandu japplika mutatis mutandis.

Artikolu 7

Obbligi rigward informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet

1.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali adekwata kontra kull persuna li konsapevolment twettaq mingħajr awtorità kull att minn dawn li ġejjin:

(a) it-tneħħija jew tibdil f’kull informazzjoni elettronika dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet;

(b) id-distribuzzjoni, importazzjoni għad-distribuzzjoni, xandir, komunikazzjoni jew li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku xogħolijiet jew suġġett ieħor protett skond din id-Direttiva jew skond il-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9/KE li minnha informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet tkun tneħħiet jew inbidlet mingħajr awtorità,

jekk din il-persuna tkun taf, jew ikollha raġuni xierqa li tkun taf, li b’dan l-aġir tkun qiegħda tipperswadi, tagħti s-setgħa jew tiffaċilita jew taħbi ksur ta’ kull dritt ta’ l-awtur jew kull drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur kif provdut bil-liġi, jew tad-dritt sui generisli hemm provdut dwaru fil-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9/KE.

2.  Għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-frażi ’informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet’ tfisser kull informazzjoni provduta mid-detenturi tad-drittijiet li tidentifika x-xogħol jew suġġett ieħor imsemmi f’din id-Direttiva jew regolata minn dritt sui generisli hemm provdut dwaru fil-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9/KE, l-awtur jew kull detentur ieħor tad-drittijiet, jew informazzjoni dwar it-termini u kondizzjonijiet għal użu tax-xogħol jew suġġett, u kull numru jew kodiċi li jirrappreżenta din l-informazzjoni.

L-ewwel sottoparagrafu għandu japplika meta kull waħda minn dawn l-oġġetti ta’ informazzjoni tkun assoċjata ma’ kopja ta’ jew tidher konnessa mal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’, xogħol jew suġġġett ieħor imsemmi f’din id-Direttiva jew regolat minn dritt sui generis li hemm provdut dwaru fil-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9/KE.



KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 8

Sanzjonijiet u Rimedji

1.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa rigward ksur tad-drittijiet u obbligi stipulati f’din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Is-sanzjonijiet li hemm provdut dwarhom b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, xierqa u disswassivi.

2.  Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li d-detenturi tad-drittijiet li l-interessi tagħhom ikunu affettwati minn attività illegali mwettqa fit-territorju tiegħu jistgħu jieħdu azzjoni għad-danni u/jew japplikaw għal restrizzjoni u, fejn hu xieraq, għall-konfiska tal-materjal illegali kif ukoll tat-tagħmir, prodotti, jew komponenti msemmija fl-Artikolu 6(2).

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.

Artikolu 9

Applikazzjoni kontinwa ta’ disposizzjonijiet legali oħra

Din id-Direttiva għħ ndha tkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar drittijiet ta’ privattivi partikolari, trade marks, drittijiet ta’ disinni, mudelli ta’ utilità, topografiji ta’ prodotti ta’ semikondutturi, type faces, aċċess kondizzjonat, aċċess għal cable ta’ servizzi tax-xandir, protezzjoni ta’ teżori nazzjonali, ħtiġiet ta’ depożiti legali, liġijiet dwar prattiċi restrittivi u kompetizzjoni inġusta, sigrieti professjonali, sigurtà, kunfidenzalità, protezzjoni u privatezza ta’ data, aċċess għal dokumenti pubbliċi, il-liġi tal-kuntratt.

Artikolu 10

Applikazzjoni maż-żmien

1.  Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw rigward ix-xogħolijiet kollha u suġġetti oħra msemmija f’din id-Direttiva li huma, fit-22 ta’ Diċembru 2002, protetti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, jew li jissodisfaw il-kriterji għall-protezzjoni skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew id-disposizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2).

2.  Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kull att konkluż u drittijiet miksuba qabel it-22 ta’ Diċembru 2002.

Artikolu 11

Adattazzjonijiet tekniċi

1.  Id-Direttiva 92/100/KEE hija b’din emendat kif ġej:

(a) L-Artikolu 7 għandu jitħalla barra;

(b) L-Artikolu 10(3) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“3.  Il-limitazzjonijiet għandhom jiġu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttar normali tas-suġġett u ma jippreġudikawx bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

2.  L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/98/KEE għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.  Id-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi għandhom jiskadu 50 sena wara li jsir l-iffissar. B’danakollu, jekk fonogramm ikun pubblikat legalment f’dan il-perjodu, id-drittijiet imsemmija għandhom jiskadu 50 sena mid-data ta’ l-ewwel pubblikazzjoni legali. Jekk ma tkun saret l-ebda pubblikazzjoni legali fil-perijodu msemmi fl-ewwel sentenza, u jekk il-fonogramm ikun legalment komunikat lill-pubbliku fi żmien dan il-perjodu, id-drittijiet imsemmija għandhom jiskadu ħamsin sena mid-data ta’ l-ewwel komunikazzjoni legali lill-pubbliku.

B’danakollu, fejn permezz ta’ l-iskadenza tat-tul ta’ żmien tal-protezzjoni mogħtija skond dan il-paragrafu fil-verżjoni tiegħu qabel l-emenda bid-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni ( *1 ) id-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi mhumiex aktar protetti fit-22 ta’ Diċembru 2002, dan il-paragrafu m’għandux ikollu l-effett li jipproteġi dawk id-drittijiet mill-ġdid.

Artikolu 12

Disposizzjonijiet finali

1.  Mhux aktar tard mit-22 ta’ Diċembru 2004 u kull tliet snin wara, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, li fiha, inter alia, fuq il-bażi ta’ informazzjoni speċifika mogħtija mill-Istati Membri, għandha teżamina b’mod partikolari l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 5,6 u 8 fl-isfond ta’ l-iżvilupp tal-kummerċ diġitali. Fil-każ ta’ l-Artikolu 6, għandha teżamina b’mod partikolari jekk dak l-Artikolu jagħtix livell suffiċjenti ta’ protezzjoni u jekk atti li huma permessi mil-liġi humiex qed jiġu effettwati b’mod negattiv bl-użu ta’ miżuri teknoloġiċi effettivi. Fejn meħtieġ, b’mod partikolari biex jiżgura l-funzjonament tas-suq intern skond l-Artikolu 14 tat-Trattat, għandha tissottometti proposti għal emendi għal din id-Direttiva.

2.  Protezzjoni ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva għandhom ikunu bla ħsara u m’għandhom bl-ebda mod jaffettwaw il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur.

3.  Qiegħed b’din jinħatar kumitat ta’ kuntatt. Huwa għandu jkun kompost minn rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri. Għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni u għandu jiltaqa’ jew fuq l-inizjattiva taċ-chairman jew fuq talba tad-delegazzjoni ta’ Stat Membru.

4.  Il-ħidmiet tal-kumitat ħandhom ikun kif ġej:

(a) li jeżamina l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq il-funzjonament tas-suq intern, u li jenfasizza kull diffikultà;

(b) li jorganizza konsultazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha li joħorġu mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva;

(ċ) li jħaffef l-iskambju ta’ informazzjoni dwar żviluppi relevanti fil-leġislazzjoni u ġurisprudenza, kif ukoll żviluppi ekonomiċi soċjali, kulturali u teknoloġiċi relevanti;

(d) biex jaġixxi bħala forum għall-istima tas-suq diġitali f’xogħolijiet u oġġetti oħra, magħduda kkupjar privat u l-użu ta’ miżuri teknoloġiċi;

▼M2

(e) li jeżamina l-impatt tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/790 dwar il-funzjonament tas-suq intern u biex jiġu enfasizzati kwalunkwe diffikultajiet fit-traspożizzjoni;

(f) biex jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni dwar żviluppi rilevanti fil-leġislazzjoni u fil-każistika, kif ukoll fuq l-applikazzjoni prattika tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva (UE) 2019/790;

(g) biex jiddiskuti kwalunkwe mistoqsija oħra li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/790.

▼B

Artikolu 13

Implimentazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva qabel it-22 ta’ Diċembru 2002. Huma għandhom minn dakinhar jinformaw lill-Kummissjoni dwarhom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex jagħmlu din ir-riferenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni it-test tad-disposizzjonijiet tal-liġi tal-post li huma jadottaw fil-qasam regolat b’din id-Direttiva.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 15

Lil min hija indirizzata

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.



( 1 ) Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

( 2 ) Id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ċerti użi permessi ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 242, 20.9.2017, p. 6).

( *1 ) ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.”