2000R1760 — MT — 13.12.2014 — 005.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT (KE) NRU 1760/2000 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Lulju 2000

li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97

(ĠU L 204, 11.8.2000, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

 M1

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1791/2006 ta' l-20 ta’ Novembru 2006

  L 363

1

20.12.2006

 M2

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013

  L 158

1

10.6.2013

►M3

REGOLAMENT (UE) Nru 653/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta’ Mejju 2014

  L 189

33

27.6.2014


Emendat bi:

 A1

  L 236

33

23.9.2003




▼B

IR-REGOLAMENT (KE) NRU 1760/2000 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Lulju 2000

li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitàjiet Ewropej, u b’mod partikolari l-Artikoli 37 u 152 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 2 ),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ( 3 ),

Waqt li jaġixxu b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 4 ),

Billi:

(1)

L-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 tal-21 ta’ April 1997 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u rigward it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti mill-laħam taċ-ċanga ( 5 ), jiddikjara illi trid tiddaħħal sistema ta’ tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga fl-Istati Membri kollha mill-1 ta’ Jannar 2000 ‘il quddiem. L-istess Artikolu jipprovdi wkoll illi, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, ir-regoli ġenerali għal din is-sistema obbligatorja jridu jiġu adottati qabel din id-data.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2772/1999 tal-21 ta’ Diċembru 1999 li jipprovdi r-regoli ġenerali għal sistema tat-tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga ( 6 ) jipprovdi illi dawn ir-regoli ġenerali japplikaw biss temporanjament għal perjodu massimu taż-żmien ta’ tmien xhur, jiġifieri mill-1 ta’ Frar sal-31 ta’ Awissu 2000.

(3)

Għall-fini taċ-ċarezza r-Regolament (KE) Nru 820/97 għandu jiġi mħassar u mibdul b’dan ir-Regolament.

(4)

Wara l-instabilità fis-suq tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti mill-laħam taċ-ċanga kkawżata mill-kriżi ta’ l-enċefaloġija sponġiforma bovina, it-titjib fit-trasparenza tal-kondizzjonijiet għall-produzzjoni u l-marketing tal-prodotti fil-kwistjoni, b’mod partikolari rigward it-traċċabbiltà, eżerċitat influwenza pożittiva fuq il-konsum tal-laħam taċ-ċanga. Sabiex tibqa’ tinżamm u tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur fil-laħam taċ-ċanga u għalbiex ikun evitat illi dawn jiġu mqarrqa, huwa meħtieġ illi jiġi żviluppat il-qafas li fih ikun magħmul disponibbli t-tagħrif għall-konsumaturi bit-tikkettjar suffiċenti u ċar tal-prodott.

(5)

Għal dan l-iskop huwa essenzjali li tiġi stabbilita, min-naħa l-waħda, sistema effiċenti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart fl-istadju tal-produzzjoni u li tiġi stabbilita, min-naħa l-oħra, sistema speċifika Komunitàrja ta’ tikkettjar fis-settur tal-laħam taċ-ċanga bbażata fuq kriterji oġġettivi fl-istadju tal-marketing.

(6)

Bis-saħħa tal-garanziji pprovduti permezz ta’ dan it-titjib, iridu jinkisbu wkoll ċerti ħtiġijiet ta’ interess pubbliku, b’mod partikolari l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-bhejjem.

(7)

B’riżultat, il-fiduċja tal-konsumatur fil-kwalità tal-laħam taċ-ċanga u l-prodotti mill-laħam taċ-ċanga tittejjeb, jiġi ppreservat livell aktar għoli tas-saħħa pubblika u l-istabbiltà fit-tul tas-suq tal-laħam taċ-ċanga tkun irrinfurzata.

(8)

L-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 li tirrigwarda l-kontrolli veterinarju u żootekniċi li japplikaw fil-kummerċ intra-Komunitàrju dwar ċerti bhejjem ħajjin u prodotti bl-għan tat-tlestija tas-suq intern ( 7 ) jiddikjara illi l-bhejjem għall-kummerċ intra-Komunitàrju jridu jkunu identifikati skond il-ħtiġijiet tar-regoli tal-Komunità u jridu jiġu rreġistrati hekk li l-impriżaoriġinali jew ta’ transitu, ċentru jew organizzazzjoni jistgħu jiġu ttraċċjati, u li qabel l-1 ta’ Jannar 1993 dawn is-sistemi ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni iridu jiġu estiżi għaċ-ċaqliq tal-bhejjem ġewwa t-territorju ta’ kull Stat Membru.

(9)

L-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq il-bhejjem li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE ( 8 ) jiddikkjara illi l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni pprovduti fl-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 90/425/KEE ta’ dawn il-bhejjem iridu, minbarra fil-każ tal-bhejjem għall-qatla u l-ekwidi rreġistrati, isiru wara li jkunu saru l-kontrolli msemmija.

(10)

Il-maniġġjar ta’ ċerti skemi Komunitarji ta’ għajnuna fil-qasam ta’ l-agrikultura jeħtieġ l-identifikazzjoni individwali ta’ ċerti tipi ta’ bhejjem ta’ l-irziezet. Is-sistemi ta’ l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni jridu, għalhekk, ikunu xierqa għall-applikazzjoni u l-kontroll ta’ dawn il-miżuri ta’ identifikazzjoni individwali.

(11)

Huwa meħtieġ illi jiġi żgurat l-iskambju bil-ħeffa u effiċenti tat-tagħrif bejn l-Istati Membri sabiex dan ir-Regolament jiġi applikat korrettement. Id-dispożizzjonijietKomunitarji li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn ġew stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill(KEE) Nru 1468/81 tad-19 ta’ Mejju 1981 dwar l-għajnuna reċiproka bejn l-awtoritàjiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar il-materji tad-dwana u agrikoli ( 9 ) u permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 89/608/KEE tal-21 ta’ Novembru 1989 dwar l-għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġislazzjoni dwar il-materji veterinarji u żootekniċi ( 10 ).

(12)

Ir-regoli korrenti dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart ġew stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 92/102/KEE tas-27 ta’ Novembru 1992 dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem ( 11 ) u r-Regolament (KE) Nru 820/97. L-esperjenza uriet li l-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/102/KEE għall-bhejjem tal-fart ma kinitx għal kollox sodisfaċenti u teħtieġ tittejjeb iktar. Huwa għalhekk meħtieġ illi jiġu adottati regoli speċifiċi għall-bhejjem tal-fart sabiex jiġu msaħħa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija.

(13)

Sabiex tiddaħħal sistema mtejba ta’ identifikazzjoni li tiġi aċċettata, huwa essenzjali li ma jkunux imposti domandi eċċessivi fuq il-produttur skond il-formalitajiet amministrattivi. Għandhom jiġu stabbiliti limiti taż-żmien li jistgħu jitwettqu.

(14)

Għall-għan tat-traċċar bil-ħeffa u preċiż tal-bhejjem għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kontroll ta’ l-iskemi Komunitarji ta’ l-għajnuna, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jistabbilixxi bażi ta’ informazzjoni kkomputerizzata li tirreġistra l-identità tal-bhejjem, l-impriżi kollha fit-territorju tiegħu u ċ-ċaqliq tal-bhejjem, skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 97/12/KE tas-17 ta’ Marzu 1997 li temenda u taġġorna d-Direttiva 64/432/KEE dwar il-problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ tal-bhejjem tal-fart u l-ħnieżerġewwa l-Komunità ( 12 ), li tiċċara l-ħtiġijiet tas-saħħa dwar din il-bażi ta’ informazzjoni.

(15)

Huwa importanti illi kull wieħed mill-Istati Membri jieħu l-miżuri kollha li jistgħu jibqgħu meħtieġa sabiex jiżgura illi l-ħażna ta’ l-informazzjoni kkomputerizzata nazzjonali tkun taħdem kollha kemm hi maljar kemm jista’ jkun.

(16)

Għandhom jittieħdu passi sabiex jinħolqu l-kondizzjonijiet tekniċi li jiggarantixxu l-aqwa komunikazzjoni possibbli mill-produttur mal-ħażna ta’ l-informazzjoni elettronika u l-użu komprensiv tal-ħażniet ta’ l-informazzjoni elettronika.

(17)

Sabiex jiġi permess illi jiġu ttraċċati l-movimenti tal-bhejjem tal-fart, il-bhejjem għandhom ikunu identifikati permezz ta’ lametta tal-widna applikata f’kull widna u fil-prinċipju akkumpanjata minn passaport matul kull moviment. Il-karatteristiċi tal-lametta tal-widna u tal-passaport għandhom jiġu stabbiliti fuq bażi Komunitarja. Fil-prinċipju għandu jinħareġ passaport għal kull bhima li tkun allokata lilha lametta tal-widna.

(18)

Il-bhejjem importati minn pajjiżi terzi bis-saħħa tad-Direttiva 91/496/KEE għandhom ikunu bla ħsara għall-istess ħtiġijiet ta’ identifikazzjoni.

(19)

Kull bhima għandha żżomm il-lametta tagħha tal-widna matul ħajitha kollha.

(20)

Il-Kummissjoni qiegħda teżamina, fuq il-bażi tax-xogħol imwettaq miċ-Ċentru Konġunt tar- Riċerka, l-possibbiltà li jiġu użati mezzi elettroniċi għall-identifikazzjoni tal-bhejjem.

(21)

Il-gwardjani tal-bhejjem, bl-eċċezzjoni tat-trasportaturi, għandhom iżommu reġistru aġġornat tal-bhejjem fuq l-impriżi tagħhom. Il-karatteristiċi tar-reġistru għandhom ikunu stabbiliti fuq bażi Komunitarja. L-awtorità kompetenti għandu jkollha aċċess għal dawn ir-reġistri fuq talba.

(22)

L-Istati Membri jistgħu jifirxu l-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri fuq is-settur kollu tal-laħam taċ-ċanga.

(23)

Għandhom jiġu nnominati l-awtorità jew l-awtoritàjiet responsabbli mill-applikazzjoni ta’ kull Titolu f’dan ir-Regolament.

(24)

Għandha tiddaħħal sistema tat-tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga li tkun obbligatorja fl-Istati Membri kollha. Skond din is-sistema obbligatorja, l-operaturi u l-organizzazzjonijiet li jippromwovu l-laħam taċ-ċanga għandhom jindikaw fuq it-tikketta tagħrif dwar il-laħam taċ-ċanga u l-punt tal-qatla tal-bhima jew tal-bhejjem li minnhom ikun ġie l-laħam taċ-ċanga.

(25)

Is-sistema tat-tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga għandha tiġi rrinfurzata mill-1 ta’ Jannar 2002. Skond din is-sistema obbligatorja, l-operaturi u l-organizzazzjonijiet li jippromwovu l-laħam taċ-ċanga għandhom, b’żieda ma’ dan, jindikaw fuq it-tikketta tagħrif dwar l-oriġini, b’mod partikolari fejn ikunu twieldu, ingħataw is-simna u ġew maqtula l-bhima jew l-bhejjem li minnhom ikun ġie l-laħam taċ-ċanga.

(26)

Jista’ jiġi pprovdut tagħrif addizzjonali li jirrigwarda fejn twieldu, ingħataw is-simna u nqatlu l-bhima jew il-bhejjem li minnhom ikun ġie l-laħam taċ-ċanga skond is-sistema tat-tikkettjar volontarju tal-laħam taċ-ċanga.

(27)

Is-sistema tat-tikkettjar obbligatorju bbażat fuq l-oriġini għandha tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2002, billi jkun mifhum illi t-tagħrif sħih dwar il-movimenti magħmula mill-bhejjem tal-fart fil-Komunità hi meħtieġa biss għall-bhejjem imwielda wara l-31 ta’ Diċembru 1997.

(28)

Is-sistema tat-tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga għandha tapplika wkoll għal-laħam taċ-ċanga importat ġewwa l-Komunità. Madankollu, għandha ssir dispożizzjoni għall-fatt illi mhux it-tagħrif kollu li jkun meħtieġ għat-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga prodott fil-Komunità jista’ jkun disponibbli lill-operatur jew lill-organizzazzjoni ta’ pajjiż terz. Huwa għalhekk meħtieġ illi jiġi ddikjarat it-tagħrif minimu illi l-pajjiżi terzi għandhom jiżguraw li jiġi indikat fuq it-tikketta.

(29)

Għall-operaturi jew l-organizzazzjonijiet li jipproduċu u jimmarkitjaw il-kapuljat tal-laħam taċ-ċanga li jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li jipprovdu t-tagħrif kollu meħtieġ skond is-sistema tat-tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga, għandhom jiġu pprovduti eċċezzjonijiet li jiżguraw ċertu numru minimu ta’ indikazzjonijiet.

(30)

L-għan tat-tikkettjar huwa li jagħti trasparenza massima fil-markitjar tal-laħam taċ-ċanga.

(31)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament m’għandhomx jaffettwaw ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ismijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel ( 13 ).

(32)

Għall-indikazzjonijiet kollha minbarra dawk taħt is-sistema tat-tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga, għandu jiġi wkoll ipprovdut qafas Komunitarju għat-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u, bil-ħsieb tad-diversità tad-deskrizzjonijiet tal-laħam taċ-ċanga mmarkitjati fil-Komunità, it-twaqqif ta’ sistema ta’ tikkettjar volontarju tal-laħam taċ-ċanga hi l-aktar soluzzjoni xierqa. L-effettività ta’ din is-sistema tat-tikkettjar volontarju tiddependi fuq il-possibbiltà li tiġi ttraċċata lura u ttikkettjata lura kull laħam taċ-ċanga għall-bhima jew il-bhejjem ta’ l-oriġini. L-arranġamenti tat-tikkettjar ta’ operatur jew organizzazzjoni għandhom ikunu bla ħsara għal speċifikazzjoni li jridu jiġu sottomessi lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni. L-operaturi u l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu ntitolati li jittikkettjaw il-laħam taċ-ċanga biss jekk it-tikketta jkollha l-ismijiet jew il-logo li jidentifikawh. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li jirtiraw l-approvazzjoni tagħhom dwar kull speċifikazzjoni fl-eventwalità ta’ irregolaritajiet. Sabiex jiġi żgurat illi l-ispeċifikazzjonijiet tat-tikkettjar ikunu jistgħu jiġu rrikonoxxuti ġewwa l-Komunità, hu meħtieġ li jiġi pprovdut l-iskambju tat-tagħrif bejn l-Istati Membri.

(33)

L-operaturi u l-organizzazzjonijiet li jimportaw ġewwa l-Komunità l-laħam taċ-ċanga minn pajjiżi terzi jistgħu wkoll jagħżlu li jittikkettjaw il-prodotti tagħhom skond is-sistema ta’ tikkettjar volontarju.Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jiżguraw kemm jista’ jkun possibbli illi l-arranġamenti tat-tikkettjar li jkollhom x’jaqsmu mal-laħam taċ-ċanga importat ikunu ta’ fiduċja ekwivalenti għal dawk stabbiliti għal-laħam taċ-ċanga tal-Komunità.

(34)

Il-bidla mill-arranġamenti fit-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 820/97 għal dawk f’dan ir-Regolament tista’ twassal għal diffikultajiet li mhumiex ittrattati f’dan ir-Regolament. Sabiex wieħed jitratta din il-possibbiltà, għandha ssir dispożizzjoni għalbiex il-Kummissjoni tadotta l-miżuri transitorji meħtieġa. Il-Kummissjoni għandha tkun ukoll awtorizzata li ssolvi l-problemi prattiċi speċifiċi meta jkunu ġġustifikati.

(35)

Bil-ħsieb li tkun iggarantita l-fiduċja fl-arranġamenti pprovduti f’dan ir-Regolament, huwa meħtieġ illi l-Istati Membri jiġu obbligati li jwettqu miżuri ta’ kontroll adegwati u effiċenti. Dawn il-kontrolli għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kull kontroll li l-Kummissjoni tista’ tagħmel b’analoġija ma’ l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej ( 14 ).

(36)

Għandhom jiġu stabbiliti penali xierqa fl-eventwalità ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

(37)

Il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li jipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni ( 15 ),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:



IT-TITOLU I

L-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart

L-Artikolu 1

1.  Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart, skond dan it-Titolu.

2.  Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji li jistgħu jiġu stabbiliti għall-finijiet ta’ l-eradikazzjoni jew il-kontroll u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 91/496/KEE u r-Regolament (KEE) Nru 3508/92 ( 16 ). ►M3  ————— ◄

L-Artikolu 2

Għall-għanijiet ta' dan it-Titolu:

▼M3

 “annimal” tfisser annimal bovin skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2), punti (b) u (c) tad-Direttiva 64/432/KEE, inklużi annimali li jieħdu sehem f’avvenimenti kulturali u sportivi,

▼B

 “impriża” tfisser kull stabbiliment, kostruzzjoni jew, fil-każ ta’ razzett fil-miftuħ, kull post li jinsab ġewwa t-territorju ta’ l-istess Stat Membru, li fih jinżammu jew jitqandlu l-bhejjem koperti b’dan ir-Regolament,

 “gwardjan” ifisser kull persuna naturali jew legali responsabbli mill-bhejjem, kemm jekk fuq bażi permanenti u kemm temporanju, inkluż matul it-trasport jew fis-suq,

 “awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità jew l-awtoritajiet ċentrali fi Stat Membru responsabbli, jew inkarigati mit-twettiq ta’ kontrolli veterinarji u mill-implimentazzjoni dan it-Titolu jew, fil-każ tal-monitorjar tal-primjumijiet, l-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 3508/92.

L-Artikolu 3

Is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjemtal-fart għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

▼M3

(a) il-mezzi ta’ identifikazzjoni biex jiġu identifikati l-annimali individwalment;

▼B

(b) il-ħażniet ta’ l-informazzjoni kkomputerizzata;

(ċ) il-passaporti tal-bhejjem;

(d) ir-reġistri individwali miżmuma fuq kull impriża.

Il-Kummissjoni u l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru interessat għandu jkollhom aċċess għat-tagħrif kollu kopert b’dan it-Titolu. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw l-aċċess għal din l-informazzjoni għall-partijiet kollha interessati, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi li jkollhom interess u li jkunu rrikonoxxuti mill-Istat Membru, sakemm ikunu żgurati l-kunfidenzjalità u l-protezzjoni ta’ l-informazzjoni stabbiliti bil-liġijiet nazzjonali.

▼M3

Artikolu 4

Obbligu ta’ identifikazzjoni tal-annimali

1.  L-annimali kollha fi stabbiliment għandhom jiġu identifikati b’tal-inqas żewġ mezzi ta’ identifikazzjoni elenkati fl-Anness u konformi mar-regoli adottati skont il-paragrafu 3 u approvati mill-awtorità kompetenti. Tal-anqas wieħed mill-mezzi ta’ identifikazzjoni għandu jkun viżibbli u jkollu kodiċi ta’ identifikazzjoni viżibbli.

L-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-annimali li jkunu twieldu qabel l-1 ta’ Jannar 1998 u li mhumiex intenzjonati għall-kummerċ intra-Unjoni. Dawk l-annimali għandhom ikunu identifikati b’tal-anqas mezz wieħed ta’ identifikazzjoni.

Sabiex tiżgura l-adattament għall-progress tekniku, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 22b dwar iż-żieda ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni mal-lista stipulata fl-Anness, filwaqt li tiżgura l-interoperabilità tagħhom.

Il-mezzi ta’ identifikazzjoni għandhom ikunu allokati lill-istabbiliment, distribwiti u applikati fuq l-annimali b’mod determinat mill-awtorità kompetenti.

Iż-żewġ mezzi ta’ identifikazzjoni awtorizzati skont l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 3 u dan il-paragrafu u li huma applikati għal annimal wieħed, għandu jkollhom l-istess kodiċi ta’ identifikazzjoni uniku, li, flimkien mar-reġistrazzjoni tal-annimali, jagħmilha possibbli illi kull annimal ikun identifikat individwalment u l-istabbiliment fejn twieled.

2.  B’deroga mill-paragrafu 1, fil-każ li l-karattri li jiffurmaw il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal ma jippermettux l-applikazzjoni ta’ identifikatur elettroniku mal-istess kodiċi ta’ identifikazzjoni uniku, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jippermetti li, taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti tiegħu, it-tieni mezz ta’ identifikazzjoni jista’ jkollu kodiċi differenti, sakemm kull waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin tiġi ssodisfata:

(a) l-annimal jitwieled qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3;

(b) tkun żgurata t-traċċabilità sħiħa;

(c) tkun possibbli l-identifikazzjoni individwali tal-annimal, inkluż l-istabbiliment fejn twieled;

(d) l-annimal mhuwiex maħsub għall-kummerċ intra-Unjoni.

3.  Sabiex tiżgura traċċabilità u adattabilità għall-progress tekniku u l-funzjonament ottimali tas-sistema ta’ identifikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 22b dwar ir-rekwiżiti għall-mezzi ta’ identifikazzjoni stipulati fl-Anness, u l-miżuri tranżitorji meħtieġa għall-introduzzjoni ta’ mezz partikolari ta’ identifikazzjoni.

Abbażi tal-istandards rilevanti tal-ISO jew standards tekniċi internazzjonali oħra adottati minn organizzazzjonijiet internazzjonali rikonoxxuti li jistabbilixxu l-istandards, bil-fehim li dawk l-istandards internazzjonali jkunu kapaċi jiggarantixxu, għall-inqas, livell ta’ prestazzjoni u affidabilità li jkun ogħla minn dak tal-istandards tal-ISO, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli neċessarji dwar:

(a) il-format u d-disinn tal-mezzi ta’ identifikazzjoni;

(b) il-proċeduri tekniċi għall-identifikazzjoni elettronika ta’ annimali bovini; u

(c) il-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).

4.  Mit-18 ta’ Lulju 2019, l-Istati Membri għandu jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ l-infrastruttura neċessarja sabiex tipprovdi għall-identifikazzjoni tal-annimali abbażi ta’ identifikatur elettroniku bħala mezz uffiċjali ta’ identifikazzjoni skont dan ir-Regolament.

Mit-18 ta’ Lulju 2019, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħmlu l-użu ta’ identifikatur elettroniku obbligatorju bħala wieħed miż-żewġ mezzi ta’ identifikazzjoni stipulati fil-paragrafu 1.

L-Istati Membri li jużaw il-possibilità stipulata fit-tieni subparagrafu għandhom jipprovdu t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali lill-Kummissjoni u jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli fuq l-Internet. Il-Kummissjoni għandha tgħin lill-Istati Membri biex jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli lill-pubbliku billi tipprovdi, fis-sit elettroniku tagħha, l-links għas-siti elettroniċi rilevanti tal-Istati Membri.

5.  B’deroga mill-paragrafu 1, l-annimali bovini maħsuba għal avvenimenti kulturali u sportivi, ħlief fieri u eżibizzjonijiet, jistgħu jiġu identifikati b’mezzi alternattivi ta’ identifikazzjoni li joffru standards ta’ identifikazzjoni ekwivalenti għal dawk stipulati fil-paragrafu 1.

L-istabbilimenti li jużaw mezzi alternattivi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu rreġistrati fil-bażi ta’ data kompjuterizzata stipulata fl-Artikolu 5.

Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistipula r-regoli neċessarji li jikkonċernaw dik ir-reġistrazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ analiżi msemmija fl-Artikolu 23(2).

Sabiex tiżgura traċċabilità abbażi tal-istandards ta’ identifikazzjoni ekwivalenti għal dawk stipulati fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 22b li jikkonċernaw ir-rekwiżiti għal mezzi alternattivi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, inklużi l-miżuri tranżitorji meħtieġa għall-introduzzjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi r-regoli dwar il-format u d-disinn tal-mezzi alternattivi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, inklużi l-miżuri tranżitorji meħtieġa għall-introduzzjoni tagħhom. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).

6.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lil xulxin u lill-Kummissjoni, mudell tal-mezz ta’ identifikazzjoni użat fit-territorju tagħhom. Huma għandhom jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli fuq l-Internet. Il-Kummissjoni għandha tgħin lill-Istati Membri biex jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli lill-pubbliku billi tipprovdi, fuq is-sit elettroniku tagħha l-links għas-siti elettroniċi rilevanti tal-Istati Membri.

▼M3

Artikolu 4a

Perjodu taż-żmien għall-applikazzjoni tal-mezzi ta’ identifikazzjoni

1.  Il-mezzi ta’ identifikazzjoni stipulati fl-Artikolu 4(1) għandhom jiġu applikati lill-annimal qabel l-iskadenza ta’ perjodu massimu, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru fejn twieled l-annimal. Il-perjodu massimu għandu jiġi kkalkulat mid-data tat-twelid tal-annimal u m’għandux jisboq l-20 jum.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, għal raġunijiet relatati mal-iżvilupp fiżjoloġiku tal-annimali, dak il-perjodu jista’, għat-tieni mezz ta’ identifikazzjoni, jiġi estiż sa massimu ta’ 60 jum wara t-twelid tal-annimal. L-ebda annimal ma jista’ jħalli l-istabbiliment fejn ikun twieled qabel ma ż-żewġ mezzi ta’ identifikazzjoni jkunu ġew applikati għal dak l-annimal.

2.  Sabiex tippermetti l-applikazzjoni tal-mezzi ta’ identifikazzjoni f’ċirkustanzi speċjali li jinvolvu diffikultajiet prattiċi, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 22b biex tiddetermina ċ-ċirkostanzi speċjali li taħthom l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodi massimi għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni kif stipulat fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’kull użu ta’ dik il-possibilità.

Artikolu 4b

Identifikazzjoni tal-annimali minn pajjiżi terzi

1.  Kull annimal suġġett għall-kontrolli veterinarji, skont id-Direttiva 91/496/KEE, li jidħol fl-Unjoni minn pajjiż terz u maħsub għal stabbiliment ta’ destinazzjoni fit-territorju tal-Unjoni, għandu jiġi identifikat fl-istabbiliment ta’ destinazzjoni bil-mezzi ta’ identifikazzjoni stipulati fl-Artikolu 4(1).

L-identifikazzjoni oriġinali applikata għall-annimal fil-pajjiż terz ta’ oriġini għandha tiġi rreġistrata fil-bażi ta’ data kompjuterizzata stipulata fl-Artikolu 5 flimkien ma’ kodiċi uniku ta’ identifikazzjoni tal-mezz ta’ identifikazzjoni allokat lill-annimal mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal annimali destinati direttament għal biċċerija li tinsab fi Stat Membru, sakemm l-annimali jinqatlu fi żmien 20 jum wara dawk il-kontrolli veterinarji skont id-Direttiva 91/496/KEE.

2.  Il-mezzi ta’ identifikazzjoni tal-annimali msemmija fl-Artikolu 4(1) għandhom jiġu applikati f’perjodu massimu li jrid jiġi ddeterminat mill-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment ta’ destinazzjoni. Dak il-perjodu ma għandux jaqbeż l-20 jum minn wara l-kontrolli veterinarji msemmija fil-paragrafu 1.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, għal raġunijiet relatati mal-iżvilupp fiżjoloġiku tal-annimali, dak il-perjodu jista’, għat-tieni mezz ta’ identifikazzjoni, jiġi estiż sa massimu ta’ 60 jum wara t-twelid tal-annimal.

Fil-każijiet kollha, iż-żewġ mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) għandhom jiġu applikati lill-annimali qabel ma jitilqu mill-istabbiliment tad-destinazzjoni.

3.  Meta l-istabbiliment ta’ destinazzjoni jkun jinsab fi Stat Membru li jkun introduċa d-dispożizzjonijiet nazzjonali taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) li jagħmlu l-użu ta’ identifikatur elettroniku obbligatorju, l-annimali għandhom ikunu identifikati b’dak l-identifikatur elettroniku fl-istabbiliment tad-destinazzjoni fl-Unjoni, f’perjodu li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru tad-destinazzjoni.

Dak il-perjodu ma għandux jaqbeż l-20 jum minn wara l-kontrolli veterinarji msemmija fil-paragrafu 1.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, għal raġunijiet relatati mal-iżvilupp fiżjoloġiku tal-annimali, dak il-perjodu jista’, għat-tieni mezz ta’ identifikazzjoni, jiġi estiż sa massimu ta’ 60 jum wara t-twelid tal-annimal. Fil-każijiet kollha, l-identifikatur elettroniku għandu jiġi applikat lill-annimali qabel ma jitilqu mill-istabbiliment tad-destinazzjoni.

Artikolu 4c

L-identifikazzjoni tal-annimali li jittieħdu minn Stat Membru għal ieħor

1.  Annimali li jittieħdu minn Stat Membru għal ieħor għandhom iżommu l-mezzi oriġinali ta’ identifikazzjoni applikati lilhom skont l-Artikolu 4(1).

Madankollu, b’deroga mill-ewwel subparagrafu, mit-18 ta’ Lulju 2019, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni tista’„ tippermetti:

(a) is-sostituzzjoni ta’ wieħed mill-mezzi ta’ identifikazzjoni permezz ta’ identifikatur elettroniku mingħajr ma tibdel il-kodiċi ta’ identifikazzjoni uniku oriġinali tal-annimal;

(b) Is-sostituzzjoni taż-żewġ mezzi ta’ identifikazzjoni minn żewġ mezzi ta’ identifikazzjoni li t-tnejn għandu jkollhom l-istess kodiċi ta’ identifikazzjoni uniku ġdid. Din id-deroga tista’ tiġi applikata sa ħames snin wara t-18 ta’ Lulju 2019, fejn il-karattri li jiffurmaw il-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ tikketta konvenzjonali mal-widnejn ta’ annimal ma jippermettux l-applikazzjoni ta’ identifikatur elettroniku bl-istess kodiċi ta’ identifikazzjoni uniku, u sakemm dak l-annimal ikun twieled qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3).

2.  Meta l-istabbiliment tad-destinazzjoni jkun jinsab fi Stat Membru li jkun introduċa dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħmlu l-użu ta’ identifikatur elettroniku obbligatorju, l-annimali għandhom jiġu identifikati b’dak l-identifikatur elettroniku l-aktar tard fl-istabbiliment tad-destinazzjoni f’perjodu massimu li jrid jiġi ddeterminat mill-Istat Membru fejn ikun jinsab dak l-istabbiliment ta’ destinazzjoni.

Dak il-perjodu massimu m’għandux jaqbeż l-20 jum mid-data tal-wasla tal-annimali fl-istabbiliment tad-destinazzjoni.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, għal raġunijiet relatati mal-iżvilupp fiżjoloġiku tal-annimali, dak il-perjodu jista’, għat-tieni mezz ta’ identifikazzjoni, jiġi estiż sa massimu ta’ 60 jum wara t-twelid tal-annimal.

Fil-każijiet kollha, l-identifikatur elettroniku għandu jiġi applikat lill-annimali qabel ma jitilqu mill-istabbiliment tad-destinazzjoni. Madankollu, l-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-annimali destinati direttament għal biċċerija li tinsab fit-territorju tal-Istat Membru li daħħal dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħmlu l-użu ta’ identifikatur elettroniku obbligatorju.

Artikolu 4d

It-tneħħija, il-modifika jew is-sostituzzjoni tal-mezz ta’ identifikazzjoni

L-ebda mezz ta’ identifikazzjoni ma jista’ jitneħħa, jiġi modifikat jew sostitwit mingħajr il-permess tal-awtorità kompetenti. Dan il-permess jista’ jingħata biss meta t-tneħħija, il-modifika jew is-sostituzzjoni ma jkunux jikkompromettu t-traċċabilità tal-annimal u meta tkun possibbli l-identifikazzjoni individwali tiegħu, inkluż l-istabbiliment fejn ikun twieled.

Kull sostituzzjoni ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni għandu jiġi rreġistrat f’bażi tad-data kompjuterizzata stipulata fl-Artikolu 5, flimkien mal-kodiċi ta’ identifikazzjoni uniku tal-mezz oriġinali ta’ identifikazzjoni tal-annimal.

▼M3

Artikolu 5

L-awtorità kompetenti tal-Istati Membri għandha tistabbilixxi bażi ta’ data kkompjuterizzata skont l-Artikoli 14 u 18 tad-Direttiva 64/432/KEE.

L-Istati Membri jistgħu jiskambjaw data elettronika bejn il-bażijiet ta’ data kompjuterizzati tagħhom mid-data li fiha l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-operabilità sħiħa tas-sistema tal-iskambju tad-data. L-iskambju għandu jsir b’tali mod li l-protezzjoni tad-data tkun iggarantita u għandu jiġi evitat kull abbuż sabiex jiġu protetti l-interessi tal-indokratur.

Sabiex tiżgura l-iskambju tal-informazzjoni elettronika bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ddelegati bi qbil mal-Artikolu 22b biex jiġu stabbiliti r-regoli dwar id-data li trid tkun skambjata bejn il-bażijiet ta’ data kompjuterizzati tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, għandha tistipula l-kundizzjonijiet tekniċi u l-modalitajiet għal dan l-iskambju u tirrikonoxxi l-operabilità sħiħa tas-sistema ta’ skambju tad-data. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).

Artikolu 6

1.  Fejn Stat Membru ma jiskambjax data elettronika mal-Istati Membri l-oħra, fil-qafas tas-sistema tal-iskambju elettroniku msemmija fl-Artikolu 5, japplika dan li ġej:

(a) l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha, għal kull annimal li huwa maħsub għall-kummerċ intra-Unjoni, toħroġ passaport ibbażat fuq l-informazzjoni miżmuma fil-bażi ta’ data kompjuterizzata stabbilita f ‘dak l-Istat Membru;

(b) kull annimal li jinħariġlu passaport għandu jkun akkumpanjat minn dak il-passaport kull meta l-annimal jittieħed minn Stat Membru għal ieħor;

(c) mal-wasla tal-annimal fl-istabbiliment tad-destinazzjoni, il-passaport li jakkumpanja l-annimal għandu jingħata lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment tad-destinazzjoni.

2.  Sabiex tippermetti t-traċċar tal-movimenti tal-annimali lura għall-istabbiliment ta’ oriġini li jinsab fi Stat Membru, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 22b biex tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw l-informazzjoni mill-bażi tad-data kompjuterizzata li għandha tiġi inkluża fil-passaport tal-annimali, fosthom il-miżuri tranżitorji meħtieġa għall-introduzzjoni tagħhom.

▼M3

Artikolu 6a

Dan ir-Regolament m’għandux jipprevjeni dispożizzjonijiet nazzjonali minn Stat Membru dwar il-ħruġ ta’ passaporti għal annimali li ma jkunux maħsuba għall-kummerċ intra-Unjoni.

▼B

L-Artikolu 7

1.  Bl-eċċezzjoni tat-trasportaturi, kull min iżomm il-bhejjem għandu:

 iżomm reġistru aġġornat,

▼M3

 jirrapporta lill-awtorità kompetenti l-movimenti kollha lejn u mill-istabbiliment u t-twelid u l-imwiet kollha tal-annimali tal-istabbiliment, flimkien mad-dati ta’ dawn l-avvenimenti, f’perjodu massimu ffissat mill-Istat Membru kkonċernat; dak il-perjodu massimu għandu jkun ta’ mill-inqas tlett ijiem u ma jisboqx sebat ijiem wara li sseħħ waħda minn dawk il-ġrajjiet; l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex jestendu l-perjodu massimu ta’ sebat ijiem.

▼M3

Sabiex tqis id-diffikultajiet prattiċi f’każijiet eċċezzjonali, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati bi qbil mal-Artikolu 22b biex tiddetermina ċ-ċirkostanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodu massimu ta’ sebat ijiem stipulat fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu, flimkien mat-tul massimu ta’ dik l-estensjoni, li m’għandhiex taqbeż l-14-il jum wara l-perjodu ta’ sebat ijiem imsemmi fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu.

▼M3

2.  Sabiex tiżgura t-traċċabilità adegwata u effettiva tal-annimali bovini meta jinħarġu għar-ragħi staġjonali, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 22b dwar l-Istati Membri jew parti tal-Istati Membri fejn għandhom japplikaw regoli speċjali għar-ragħi staġjonali, inklużi l-perjodu ta’ żmien, l-obbligi speċifiċi tal-indokraturi, u r-regoli dwar ir-reġistrazzjoni tal-istabbiliment u r-reġistrazzjoni tal-movimenti ta’ dawn l-annimali bovini, inklużi l-miżuri tranżitorji għall-introduzzjoni tagħhom.

▼B

3.  Kull gwardjan tal-bhejjem għandu jforni lill-awtorità kompetenti, fuq it-talba tagħha, kull tagħrif dwar l-oriġini, l-identifikazzjoni u, fejn xieraq, id-destinazzjoni tal-bhejjem, li kellu fil-pussess tiegħu, żamm, ittrasporta, immarkitja jew qatel.

4.  Ir-reġistru għandu jkun fil-format approvat mill-awtorità kompetenti, miżmum f’għamla manwali jew ikkomputerizzata, u disponibbli fil-ħinijiet kollha lill-awtorità kompetenti, fuq it-talba tagħha, għal perjodu minimu taż-żmien li jrid jiġi stabbilit mill-awtorità kompetenti, iżda li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

▼M3

5.  B’deroga mill-paragrafu 4, iż-żamma ta’ reġistru għandha tkun fakultattiva għal kull indokratur li:

(a) għandu aċċess għall-bażi ta’ data kompjuterizzata stipulata fl-Artikolu 5 li diġà fiha l-informazzjoni li għandha tkun inkluża fir-reġistru; kif ukoll

(b) jdaħħal l-informazzjoni aġġornata, jew jara li tiddaħħal,direttament fil-bażi ta’ data kompjuterizzata stipulata fl-Artikolu 5.

6.  Sabiex tiżgura l-eżattezza u l-affidabbiltà tal-informazzjoni li għandha tkun inkluża fir-reġistru tal-istabbiliment stipulat f’dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 22b sabiex tistabbilixxi r-regoli neċessarji dwar dik l-informazzjoni, inklużi l-miżuri nazzjonali meħtieġa għall-introduzzjoni tagħhom.

▼M3 —————

▼B

L-Artikolu 9

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu imposta fuq il-gwardjani tal-bhejjem għall-ispejjeż tas-sistemi referiti fl-Artikolu 3 u tal-kontrolli referiti f’dan it-Titolu.

▼M3

Artikolu 9a

Taħriġ

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna responsabbli għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali tkun irċeviet istruzzjonijiet u gwida dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament u ta’ kwalunkwe atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament.

Kull meta d-dispożizzjonijiet rilevanti jiġu emendati, l-informazzjoni korrispondenti għandha ssir disponibbli għall-persuna msemmija fl-ewwel subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli korsijiet xierqa ta’ taħriġ.

Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki sabiex ittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni u t-taħriġ madwar l-Unjoni.

▼M3 —————

▼B



IT-TITOLU II

It-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti mill-laħam taċ-ċanga

L-Artikolu 11

Operatur jew organizzazzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 12, li:

 ikunu meħtieġa, bis-saħħa tat-Taqsima I ta’ dan it-Titolu, illi jittikkettjaw il-laħam taċ-ċanga f’kull stadju tal-marketing,

 jixtiequ, bis-saħħa tat-Taqsima II ta’ dan it-Titolu, li jittikkettjaw il-laħam taċ-ċanga fil-punt tal-bejgħ f’manjiera li jipprovdi tagħrif, minbarra dak stabbilit fl-Artikolu 13, dwar ċerti karatteristiċi jew kondizzjonijiet tal-produzzjoni tal-laħam ittikkettjat jew tal-bhejjem min fejn ikun ġej,

għandhom jagħmlu dan skond dan it-Titolu.

Dan it-Titolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni relevanti Komunitarja, b’mod partikolari dwar il-laħam taċ-ċanga.

▼M3

Artikolu 12

Għall-għanijiet ta’ dan it-Titolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “laħam taċ-ċanga” tfisser il-prodotti kollha li jinsabu fil-kodiċijiet tan-NK 0201 , 0202 , 0206 10 95 u 0206 29 91 ;

(2) “tikkettjar” tfisser it-twaħħil ta’ tikketta fuq biċċa jew biċċiet individwali tal-laħam jew mal-materjal tal-ippakkjar tagħhom, jew, fil-każ ta’ prodotti mhux ippakkjati minn qabel, il-forniment ta’ tagħrif xieraq f’għamla bil-miktub u viżibbli għall-konsumatur fil-punt tal-bejgħ;

(3) “organizzazzjoni” tfisser grupp ta’ operaturi mill-istess parti jew minn partijiet differenti tal-kummerċ fil-laħam taċ-ċanga;

(4) “laħam ikkapuljat” tfisser kull laħam bl-għadam li tqatta’ fi frammenti u li għandu inqas minn 1 % melħ u li jinsab fil-kodiċijiet tan-NK 0201 , 0202 , 0206 10 95 u 0206 29 91 ;

(5) “fdalijiet tal-laħam” tfisser biċċiet żgħar tal-laħam meqjusa tajba għall-konsum mill-bniedem prodotti esklussivament waqt operazzjonijiet ta’ tirqim waqt id-dissussar tal-karkassi u/jew it-tqattigħ tal-laħmijiet;

(6) “laħam imqatta’ ” tfisser laħam imqatta’ f’kubi żgħar, biċċiet jew porzjonijiet oħra individwali, li m’għandhomx bżonn ikomplu jitqattgħu minn operatur qabel l-akkwist tagħhom mill-konsumatur finali u li jista’ jintuża direttament minn dak il-konsumatur. Din id-definizzjoni ma tkoprix il-laħam ikkapuljat u l-fdalijiet tal-laħam.

▼B



IT-TAQSIMA I

Is-sistema Komunitarja tat-tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga

L-Artikolu 13

Regoli ġenerali

1.  L-operaturi u l-organizzazzjonijiet li jimmarkitjaw il-laħam taċ-ċanga fil-Komunità għandhom jittikkettjawh skond dan l-Artikolu.

Is-sistema tat-tikkettjar obbligatorju għandha tiżgura rabta bejn, min-naħa l-waħda, l-identifikazzjoni tal-karkassa, tar-robbu jew tal-biċċiet tal-laħam u, min-naħa l-oħra, il-bhima individwali jew, fejn dan ma jkunx biżżejjed għalbiex jippermetti li tiġi kkontrollata l-korrettezza tat-tagħrif fuq it-tikketta, il-grupp tal-bhejjem interessati.

2.  It-tikketta għandu jkollha l-indikazzjonijiet li ġejjin:

(a) in-numru tar-referenza jew il-kodiċi tar-referenza li jiżguraw ir-rabta bejn il-laħam u l-bhima jew il-bhejjem. Dan in-numru jista’ jkun in-numru ta’ l-identifikazzjoni tal-bhima individwali li minnha l-laħam taċ-ċanga jkun ġie meħud jew in-numru ta’ l-identifikazzjoni li għandu x’jaqsam ma’ grupp ta’ bhejjem;

(b) in-numru ta’ l-approvazzjoni tal-biċċerija li fiha l-bhima jew grupp ta’ bhejjem ikunu ġew maqtula u l-Istat Membru jew il-pajjiż terz li fihom il-biċċerija tkun stabbilita. L-indikazzjoni għandha ġġib il-qari: “Maqtul fi (isem l-Istat Membru jew il-pajjiż terz (in-numru ta’ l-approvazzjoni)”;

(ċ) in-numru ta' l-approvazzjoni tas-sala tat-tqattigħ fejn tkun saret l-operazzjoni tal-qtugħ fuq il-karkassa jew il-grupp tal-karkassi u l-Istat Membru jew il-pajjiż terz li fihom tkun stabbilita s-sala. L-indikazzjoni għandha ġġib il-qari: “Imqatta’ fi: (l-isem ta’ l-Istat Membru jew tal-pajjiż terz (in-numru ta’ l-approvazzjoni)”.

▼M3 —————

▼B

5.  

►M3

 

(a) L-operaturi u l-organizzazzjonijiet għandhom jindikaw ukoll fuq it-tikketti:

(i) l-Istat Membru jew il-pajjiż terz tat-twelid;

(ii) l-Istati Membri kollha jew il-pajjiżi terzi kollha fejn tkun saret is-simna;

(iii) l-Istat Membru jew il-pajjiż terz fejn tkun saret il-qatla;

(b) Madankollu, fejn il-laħam taċ-ċanga jkun ġej minn bhima mwielda, imkabbra u maqtula:

(i) fl-istess Stat Membru, l-indikazzjoni tista’ tingħata bħala “Oriġini: (l-isem ta’ l-Istat Membru)”

(ii) fl-istess pajjiż terz, l-indikazzjoni tista’ tingħata bħala “Oriġini: (l-isem tal-pajjiż terz)”.

▼M3

6.  Sabiex tiġi evitata repetizzjoni bla meħtieġ tal-indikazzjoni fuq it-tikketta tal-laħam taċ-ċanda tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi terzi fejn tkun saret it-trobbija, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 22b dwar preżentazzjoni ssemplifikata għall-każijiet ta’ waqfa qasira ħafna tal-annimal fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz tat-twelid jew tal-qatla.

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli dwar id-daqs massimu u l-kompożizzjoni tal-gruppi ta’ annimali msemmija fil-paragrafi 1 u 2(a), b’kunsiderazzjoni tar-restrizzjonijiet rigward l-omoġenità tal-gruppi ta’ annimali minn fejn ġew dawk il-qatgħat u l-fdalijiet tal-laħam. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).

▼B

L-Artikolu 14

Id-derogi mis-sistema tat-tikkettjar obbligatorju

Bħala deroga mill-Artikolu 13(2)(b) u (ċ) u mill-Artikolu 13(5)(a)(i) u (ii), operatur jew organizzazzjoni li jippreparaw il-kapuljat tal-laħam taċ-ċanga għandhom jindikaw fuq it-tikketta l-kliem ‘imħejji fi (bl-isem ta’ l-Istat Membru jew tal-pajjiż terz)’, skond fejn il-laħam ikun ġie mħejji, u “oriġini” fejn l-Istat jew Stati involuti ma jkunux l-Istat tat-tħejjija.

L-obbligu pprovdut fl-Artikolu 13(5)(a)(iii) għandu jkun applikabbli għal dan il-laħam mid-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Madankollu, dan l-operatur jew din l-organizzazzjoni jistgħu jżidu fuq it-tikketta tal-kapuljat tal-laħam taċ-ċanga:

 indikazzjoni jew aktar kif ipprovdut fl-Artikolu 13, u/jew

 id-data li fiha tħejja l-laħam.

▼M3

Sabiex tiżgura l-konformità mar-regoli orizzontali dwar it-tikkettjar f’din it-Taqsima, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 22b biex tistabbilixxi, abbażi tal-esperjenza fir-rigward ta’ laħam ikkapuljat, regoli ekwivalenti għal dawk fl-ewwel tliet paragrafi ta’ dan l-Artikolu għall-fdal tal-laħam taċ-ċanga jew qatgħat tal-laħam taċ-ċanga.

Artikolu 15

It-tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga minn pajjiżi terzi

B’deroga mill-Artikolu 13, il-laħam taċ-ċanga importat fit-territorju tal-Unjoni li l-informazzjoni kollha dwaru prevista fl-Artikolu 13 mhijiex disponibbli, għandu jiġi ttikkettjat bl-indikazzjoni:

“Oriġini: mhux mill-UE” u “Maqtul fi (isem tal-pajjiż terz)”.

▼B



IT-TAQSIMA II

▼M3

Tikkettjar volontarju

▼M3

Artikolu 15a

Regoli ġenerali

L-informazzjoni dwar l-ikel għajr dik speċifikata fl-Artikoli 13, 14 u 15 li tiżdied mat-tikketti b’mod volontarju mill-operaturi jew mill-organizzazzjonijiet li jikkumerċjalizzaw il-laħam taċ-ċanga, għandha tkun oġġettiva, verifikabbli mill-awtoritajiet rilevanti u tinftiehem mill-konsumaturi.

Dik l-informazzjoni għandha tikkonforma mal-leġislazzjoni orizzontali dwar it-tikkettjar u b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 17 ).

Fejn l-operaturi jew l-organizzazzjonijiet li jikkummerċjalizzaw il-laħam taċ-ċanga ma jirrispettawx l-obbligi msemmija fl-ewwel u t-tieni paragrafi, l-awtorità kompetenti għandha tapplika l-penalitajiet xierqa kif stabbilit fl-Artikolu 22.

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 22b dwar id-definizzjonijiet u r-rekwiżiti applikabbli għat-termini u l-kategoriji tat-termini li jistgħu jitqiegħdu fuq it-tikketti tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella friski u ffriżati ppakkjati minn qabel.

▼M3 —————

▼B



IT-TAQSIMA III

Dispożizzjonijiet ġenerali

▼M3 —————

▼B



IT-TITOLU III

Dispożizzjonijiet komuni

▼M3

Artikolu 22

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jiġu rispettati.

Il-kontrolli pprovduti għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kull kontroll li l-Kummissjoni tista’ twettaq bis-saħħa tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95.

Kwalunkwe penalitá imposta mill-Istat Membru fuq indokratur, operatur jew organizzazzjoni li tikkummerċjalizza l-laħam taċ-ċanga għandha tkun effettiva, dissważiva u proporzjonata.

Kull sena l-awtorità kompetenti għandha twettaq numru minimu ta’ kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-annimali li għandhom ikopru tal-anqas 3 % tal-istabbilimenti.

L-awtorità kompetenti għandha immedjatament iżżid ir-rata minima tal-kontrolli uffiċjali msemmija fit-tieni subparagrafu fejn jiġi stabbilit li ma kienx hemm konformità mad-dispożizzjonijiet fuq l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali.

L-għażla tal-istabbilimenti li għandhom jiġu kkontrollati mill-awtorità kompetenti għandha ssir abbażi ta’ analiżi tar-riskju.

Kull Stat Membru għandu jippreżenta rapport annwali lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Awwissu dwar l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali matul is-sena ta’ qabel.

2.  Minkejja l-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha timponi fuq l-indokratur dawn il-penalitajiet amministrattivi li ġejjin:

(a) jekk annimal wieħed jew aktar fi stabbiliment ma jikkonforma ma l-ebda dispożizzjoni stabbilita fit-Titolu I, restrizzjoni fuq il-moviment tal-annimali kollha lejn jew mill-istabbiliment tal-indokratur ikkonċernat;

(b) fil-każ ta’ annimali li ma jkunux konformi bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni stabbiliti fit-Titolu I, restrizzjoni immedjata fuq il-moviment ta’ dawk l-annimali biss, sakemm ikun hemm konformità sħiħa ma’ dawk ir-rekwiżiti;

(c) jekk, fi stabbiliment wieħed, l-għadd ta’ annimali li ma kkonformax mar-rekwiżiti tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni stabbiliti fit-Titolu I ikun aktar minn 20 %, restrizzjoni immedjata fuq il-moviment ta’ dawk l-annimali kollha preżenti f’ dak l-istabbiliment; fir-rigward ta’ stabbilimenti li ma jkollhomx aktar minn 10 annimali, din il-miżura għandha tapplika jekk aktar minn żewġ annimali ma jiġux identifikati bis-sħiħ skont ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu I;

(d) jekk l-indokratur ta’ annimal ma jistax jipprova l-identifikazzjoni u t-traċċabilità ta’ dak l-annimal, fejn ikun xieraq, abbażi ta’ valutazzjoni tas-saħħa tal-annimal u r-riskji tas-sikurezza tal-ikel, il-qerda tal-annimal mingħajr kumpens;

(e) jekk indokratur ma jirrappurtax lill-awtorità kompetenti l-moviment ta’ annimal lejn u mill-istabbiliment tiegħu skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1), l-awtorità kompetenti għandha tillimita l-moviment tal-annimal lejn u minn dak l-istabbiliment;

(f) jekk indokratur ma jirrappurtax lill-awtorità kompetenti t-twelid jew il-mewt ta’ annimal skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1), l-awtorità kompetenti għandha tillimita l-moviment tal-annimal lejn u minn dak l-istabbiliment;

(g) F’każijiet ta’ nuqqas persistenti minn indokratur li jħallas l-imposta msemmija fl-Artikolu 9, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-moviment tal-annimal lejn u minn dak l-istabbiliment.

3.  Minkejja l-paragrafu 1, fejn l-operaturi u l-organizzazzjonijiet li jikkummerċjalizzaw il-laħam taċ-ċanga jkunu ttikkettjaw il-laħam taċ-ċanga mingħajr ma kkonformaw mal-obbligi tagħhom stabbiliti fit-Titolu II, l-Istati Membri għandhom, kif xieraq, u skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jesiġu t-tneħħija tal-laħam taċ-ċanga mis-suq. Barra l-penalitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu:

(a) jekk il-laħam ikkonċernat jikkonforma mar-regoli veterinarji u tal-iġjene rilevanti jawtorizzaw li tali laħam taċ-ċanga:

(i) jitqiegħed fis-suq wara li jkun ġie ttikkettjat kif xieraq skont ir-rekwiżiti tal-Unjoni, jew

(ii) jintbagħat direttament għall-ipproċessar fi prodotti għajr dawk indikati fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 12;

(b) jordnaw is-sospensjoni jew l-irtirar tal-approvazzjoni tal-operaturi u l-organizzazzjonijiet ikkonċernati.

4.  Esperti mill-Kummissjoni, flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, għandhom:

(a) jivverifikaw li l-Istati Membri jkunu konformi mal-ħtiġijiet ta’ dan ir-Regolament;

(b) jagħmlu kontrolli fuq il-post sabiex jiżguraw illi l-kontrolli jkunu qegħdin jitwettqu skont dan ir-Regolament.

5.  Stat Membru li fit-territorju tiegħu tkun twettqet verifika fuq il-post għandu jipprovdi lill-esperti tal-Kummissjoni bl-għajnuna li huma jistgħu jirrikjedu sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom. L-eżitu tal-verifiki mwettqa għandu jiġi diskuss mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat qabel ma r-rapport finali jkun imħejji u ċċirkolat. Dan ir-rapport għandu, fejn ikun xieraq, ikun fih rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri dwar it-titjib tal-konformità ma’ dan ir-Regolament.

▼M3

Artikolu 22a

Awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament u kwalunkwe att adottat mill-Kummissjoni abbażi tiegħu.

Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-identità ta’ dawn l-awtoritajiet.

Artikolu 22b

L-eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati hija kkonferita lill-Kummissjoni, soġġetta għall-kundizzjonijiet taħt dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikoli 4(1), 4(3), 4(5), 4a(2), 5, 6(2), 7(1), 7(2), 7(6), 13(6), 14(4) u 15a hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mis-17 ta’ Lulju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.  Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 4(1), 4(3), 4(5), 4a(2), 5, 6(2), 7(1), 7(2), 7(6), 13(6), 14(4) u 15a tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iżjed tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att delegat adottat skont l-Artikoli 4(1), 4(3), 4(5), 4a(2), 5, 6(2), 7(1), 7(2), 7(6), 13(6), 14(4) u 15a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn b’inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

▼M3

Artikolu 23

Proċedura tal-Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistitagħall-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikoli 4(3), 4(5), 5 u 13(6) mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali mwaqqaf bl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 18 ).

Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 19 ).

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn l-opinjoni tal-Kumitat tkun trid tinkiseb bi proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-Kumitat jiddeċiedi hekk jew meta l-maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Kumitat tiddeċiedi hekk.

▼M3

Artikolu 23a

Rapport u żviluppi leġislattivi

Mhux aktar tard minn:

 mit-18 ta' Lulju 2019 għad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar volontarju, u

 mit-18 ta’ Lulju 2023 għad-dispożizzjonijiet dwar l-identifikazzjoni elettronika,

il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-rapporti korrispondenti li jitrattaw l-implimentazzjoni u l-impatt ta’ dan ir-Regolament inkluż, fl-ewwel każ, il-possibilità ta’ rieżami tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar volontarju, u, fit-tieni każ, il-fattibilità teknika u ekonomika tal-introduzzjoni tal-identifikazzjoni elettronika mandatorja fl-Unjoni kollha.

Dawk ir-rapporti għandhom, jekk ikun neċessarju, ikunu akkumpanjati minn proposti leġislattivi xierqa.

▼B

L-Artikolu 24

1.  Ir-Regolament (KC) Nru 1466/95 għandu jiġi mħassar.

2.  Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 820/97 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw b’mod konformi mat-tabella ta’ korrelazzjoni ddikjarata fl-Anness.

L-Artikolu 25

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitàjiet Ewropej.

Għandu japplika għal-laħam taċ-ċanga minn bhejjem maqtula fl-1 ta’ Settembru 2000 jew wara.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




L-ANNESS



It-Tabella tal-Korrelazzjoni

Ir-Regolament (KE) No 820/97

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11

-

Artikolu 12

Artikolu 11

Artikolu 13

Artikolu 12

Artikolu 14(1)

Artikolu 16(1)

Artikolu 14(2)

Artikolu 16(2)

Artikolu 14(3)

Artikolu 16(5)

Artikolu 14(4)

Artikolu 16(4)

Artikolu 15

Artikolu 17

Artikolu 16(1)

Artikolu 16(3)

Artikolu 16(2)

Artikolu 16(3)

Artikolu 16(3)

Artikolu 13(2) (a)

Artikolu 17

Artikolu 18

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 19

-

Artikolu 20

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 22

Artikolu 22

Artikolu 25

▼M3




ANNESS I

MEZZI TA’ IDENTIFIKAZZJONI

A) TIKKETTA MAL-WIDNEJN KONVENZJONALI

B’EFFETT MIT-18 ta’ LULJU 2019:

B) IDENTIFIKATUR ELETTRONIKU FIL-FORMA TA’ TIKKETTA MAL-WIDNEJN KONVENZJONALI

C) IDENTIFIKATUR ELETTRONIKU FIL-FORMA TA’ KAPSOLA RUMINALI

D) IDENTIFIKATUR ELETTRONIKU FIL-FORMA TA’ TRANSPONDER INJETTABBLI.



( 1 ) ĠU C 376 E, tat-28.12.1999, p. 42.

( 2 ) ĠU C 117, tas-26.4.2000, p. 47.

( 3 ) ĠU C 226, tat-8.8.2000, p. 9.

( 4 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ April 2000 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2000 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

( 5 ) ĠU L 117, tas-7.5.1997, p. 1.

( 6 ) ĠU L 334, tat-28.12.1999, p. 1.

( 7 ) ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 29. Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 92/118/KEE (ĠU L 62, tal-5.3.1993, p. 49).

( 8 ) ĠU 268, ta’ l-24.9.1991, p. 56. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/43/KE (ĠU 162, ta’ l-1.7.1996, p. 1).

( 9 ) ĠU L 144, tat-2.6.1981, p. 1. Regolament imħassar bir-Regolament (KE) Nru 515/97 (ĠU L 82, tat-22.3.1997, p. 1).

( 10 ) ĠU L 351, tat-2.12.1989, p. 34.

( 11 ) ĠU L 355, tal-5.12.1992, p. 32. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994.

( 12 ) ĠU L 109, tal-25.4.1997, p. 1.

( 13 ) ĠU L 208, ta’ l-24.7.1992, p. 1.

( 14 ) ĠU L 312, tat-23.12.1995, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1036/1999 (ĠU L 127, tal-21.5.1999, p. 4).

( 15 ) ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

( 16 ) ĠU L 355, tal-5.12.1992, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1036/1999 (ĠU L 127, tal-21.5.1999, p. 4).

( 17 ) Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

( 18 ) Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

( 19 ) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar mekkaniżmi ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).