2000R0099 — MT — 28.12.2005 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE, EURATOM) Nru 99/2000

tad-29 ta' Diċembru, 1999,

dwar l-għoti ta' għajnuna lill-Istati sieħba fl-Ewropa tal-Lvant u ta' l-Asja Ċentrali

(ĠU L 012, 18.1.2000, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2112/2005 tal-21 ta’ Novembru 2005

  L 344

23

27.12.2005




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE, EURATOM) Nru 99/2000

tad-29 ta' Diċembru, 1999,

dwar l-għoti ta' għajnuna lill-Istati sieħba fl-Ewropa tal-Lvant u ta' l-Asja Ċentrali



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikolu 203 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Dublin u f'Ruma fl-1990, il-Komunità nidiet programm ta' għajnuna teknika biex issostni r-riforma u l-qawmien mill-ġdid ta' l-ekonomija ta' dik li qabel kienet l-Unjoni tar-Repubbliki Sovjetiċi Soċjalisti;

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 1279/96 tal-25 ta' Ġunju, 1996, dwar l-għoti ta' għajnuna għal riforma u qawmien mill-ġdid ta' l-ekonomija fl-Istati ġodda ndipendenti u fil-Mongolja ( 2 ), semma’ l-kundizzjonijiet biex tingħata dik l-għajnuna, u ħaseb biex din issir mill-1 ta' Jannar, 1996, sal-31 ta' Diċembru, 1999;

(3)

Dik l-għajnuna diġà ħalliet effett imdaqqas għal riformi fl-Istati sieħba fl-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali msemmija fil-lista fl-Anness (“l-Istati sieħba”);

(4)

Referenza finanzjarja ta' l-infiq, skond it-tifsira ta' punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999, bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, dwar dixxiplina fl-estimi u titjib fil-proċedura ta' l-estimi ( 3 ), tinsab f'dan ir-Regolament, sa kemm idum fis-seħħ, u mingħajr ma jolqot b'daqshekk is-setgħat ta' l-awtorità dwar l-estimi kif huma mfissra fit-Trattat;

(5)

Dik l-għajnuna kollha tibda tinħass biss f'qafas ta' progress lejn soċjetajiet demokratiċi ħielsa u miftuħa li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-minoranzi u d-drittijiet tal-popli ndiġeni, u lejn sistemi ekonomiċi maħsuba għas-suq;

(6)

Jenħtieg li jkun hemm aktar għajnuna biex jinġieb ’ il quddiem il-ħarsien nukleari fil-pajjiżi sieħba;

(7)

L-għajnuna tissokta tingħata jagħti sehem biex jintlaħqu għanijiet komuni, l-aktar f'dak li għandu x’ jaqsam mal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni u mal-Ftehim ta' Kooperazzjoni Ekonomika magħmula ma' l-Istati sieħba;

(8)

Meta, skond kif japplika, fl-għoti ta' għajnuna taħt dan ir-Regolament għandhom jitqiesu l-Istrateġiji Komuni adottati mill-Kunsill Ewropew;

(9)

Jixraq li jkunu stabbiliti prijoritajiet għal din l-għajnuna li jkunu msejsa, fost l-oħrajn, fuq l-interessi komuni tal-Komunità u l-Istati sieħba;

(10)

L-għajnuna għandha tqis il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet differenti tar-reġjuni ewlenin milqutin b'dan ir-Regolament;

(11)

L-esperjenza wriet li għajnuna mill-Komunità tkun aktar effettiva meta din toqgħod fuq numru limitat ta' oqsma ġewwa kull Stat sieħeb;

(12)

Għandu jitħeġġeġ l-iżvilupp bejn Stati ta' rabtiet ekonomiċi u t-tixrid tal-kummerċ li jwasslu għal riforma u ri-strutturazzjoni ekonomika;

(13)

Għandha titħeġġeġ il-kooperazzjoni reġjonali u sub-reġjonali, l-aktar dwar id-Dimensjoni tat-Tramuntana u r-reġjun tal-Baħar l-Iswed;

(14)

Għandha titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn il-fruntieri, l-aktar f'dak li għandu x’jaqsam ma' fruntieri bejn l-Istati sieħba u l-Unjoni Ewropea, bejn l-Istati sieħba u l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u bejn l-Istati sieħba nfushom;

(15)

Għall-għan tar-riforma u ri-strutturazzjoni ekonomika li jinsabu għaddejjin bħalissa, u għal tmexxija effettiva ta' dan il-programm, jenħtieġ li jkun hemm ħsieb fuq medda ta' snin;

(16)

Biex ir-riforma tinżamm fit-tul jenħtieġ li l-aspetti soċjali tar-riforma u l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili jingħataw l-importanza li jixirqilhom;

(17)

L-integrazzjoni ta' aspetti ambjentali fl-għajnuna hija meħtieġa biex ir-riformi ekonomiċi u l-iżvilupp jinżammu fit-tul;

(18)

L-iżvilupp tar-riżorsi umani, magħduda l-edukazzjoni u t-taħriġ, għandu tifsira għar-riforma u għar-ristrutturazzjoni;

(19)

Il-kwalità ta' l-għajnuna għandha tittejjeb billi jintgħażlu għadd ta' proġetti b'kompetizzjoni;

(20)

Sabiex jintlaħqu sewwa il-ħtiġijiet l-aktar ta' malajr ta' l-Istati sieħba fil-bidla ekonomika li għaddejjin minnha bħalissa, jenħtieġ li parti mill-għotja ta' flus titħalla tintuża għall-finanzjament ta' investimenti li jkunu ekonomikament b'saħħithom, l-aktar fl-oqsma ta' kooperazzjoni bejn fruntieri, il-promozzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), infrastruttura ambjentali u firxa ta' sistemi ta' mportanza strateġika għall-Komunità;

(21)

Għajnuna Komunitarja tista’, skond kif ikun xieraq, tkun tant effettiva, effiċjenti u viżibbli daqs kemm titwettaq b'mod deċentraliżżat;

(22)

Għandu jkun żgurata li jkun hemm kompetizzjoni effettiva bejn intrapriżi, organizzazzjonijiet u stituzzjonijiet interessati li jieħdu sehem fl-inizjattivi ffinanzjati mill-programm;

(23)

Għajnuna Komunitarja tkun l-aktar effettiva meta l-impenn ta' l-Istati sieħba jkun assigurat;

(24)

Jixraq li l-Kummissjoni tkun megħjuna fit-twettieq ta' għajnuna Komunitarja permezz ta' kumitat magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri;

(25)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju, 1999, li jgħid x'inhuma l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni ( 4 );

(26)

Proċeduri għal offerti u l-għoti ta' kuntratti għandhom ikunu skond ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Estimi Ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea (ir-“Regolament Finanzjarju”);

(27)

Id-dispożizzjonijiet dwar offerti u l-għoti ta' kuntratti, kif ukoll il-prinċipji li jirregolaw l-għoti ta' kuntratti, għandhom jibqgħu jgħoddu sa ma tkun daħlet fis-seħħ leġislazzjoni li temenda it-Titolu IX tar-Regolament Finanzjarju, sabiex ikun hemm il-bażi għal dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni li jkunu jgħoddu għal programmi kollha tal-Komunità dwar għajnuna barranija;

(28)

Minbarra għal persuni naturali u legali mill-Istati Membri u l-Istati sieħba, sehem f'offerti għandu jkun miftuħ ukoll għal persuni naturali u legali minn pajjiżi li jgawdu mill-programmi Phare, u, fejn ikunu jenħtieġu kwalifiki speċifiċi, għal pajjiżi mill-Mediterran;

(29)

Għandhom isiru kull sena rapporti dwar kif ikun qed jitwettaq il-programm ta' għajnuna;

(30)

Għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament it-Trattati ma jsemmux setgħat ħlief dawk ta' l-Artikolu 308 tat-Trattat KE, u l-Artikolu 203 tat-Trattat KEEA,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Programm li jmexxi ’ l quddiem il-bidla għal ekonomija tas-suq u li jseddaq id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Istati sieħba msemmija fil-lista f'L-Anness I (hawn ’il quddiem imsejħa bħala “l-Istati sieħba”) għandu jitwettaq mill-Komunità mill-1 ta' Jannar 2000, sal-31 ta' Diċembru 2006, skond il-kriterji msemmija f'dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1.  Il-programm għandu jkun imsejjes fuq il-prinċipji u l-għanijiet msemmija fil-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni u l-Ftehim Kummerċjali u Ekonomiku, li fil-qafas tagħhom il-Komunità, l-Istati Membri tagħha u l-Istati sieħba jaħdmu flimkien f'inizjattivi ta' interess komuni.

2.  L-għan tal-programm għandu jkun li jinkiseb l-aħjar effett billi joqgħod fuq numru limitat ta' inizjattivi ta' siwi, iżda li ma jħallix barra proġetti żgħar meta dawk il-proġetti jkun hekk jixirqilhom. Għal dan il-għan, il-programmi ndikattivi u ta' ħidma msemmija hawn taħt, għandhom jolqtu sa mhux aktar minn tlieta mill-oqsma komuni tas-setturi ta' kooperazzjoni li jikkwalifikaw u li huma msemmija f'L-Anness II. Fejn ikun jgħodd, appoġġ għal ħarsien nukleari għandu jingħata flimkien mat-tliet oqsma. Il-programm għandu jqis il-ħtiġijiet u ħwejjeġ oħra differenti li jiġu minn ta' quddiem fir-reġjuni ewlenin milquta mir-Regolament, u l-aktar il-ħtieġa li jinġiebu 'l quddiem id-demokrazija u l-istat tad-dritt.

3.  Għandhom jitqiesu l-aktar:

 il-ħtieġa li jitnaqqsu r-riskji ambjentali u l-inkwinament, magħdud l-inkwinament bejn fruntieri,

 il-ħtieġa li jinġieb 'il quddiem l-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali, magħduda riżorsi ta' enerġija, u

 l-aspetti soċjali tal-bidla.

4.  L-għan tal-programm għandu jkun li jġib 'il quddiem kooperazzjoni bejn Stati u bejn reġjuni, u bejn il-fruntieri ta' l-Istati sieħba nfushom, bejn l-Istati sieħba u l-Unjoni Ewropea, u bejn l-Istati sieħba u l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

Kooperazzjoni bejn stati u bejn reġjuni għandha sservi fl-ewwel lok biex tgħin lill-Istati sieħba biex jindikaw u jmexxu ħidmiet li l-aħjar li jsiru hu minn ħafna pajjiżi flok minn pajjiż waħdu, bħalma huma l-promozzjoni ta' firxa ta' sistemi, kooperazzjoni dwar l-ambjent u ħidmiet fl-oqsma tal-ġustizzja u affarijiet interni.

Kooperazzjoni bejn fruntieri għandha sservi fl-ewwel lok biex:

(a) tgħin reġjuni tal-fruntiera biex jegħlbu l-problemi partikulari tagħhom ta' żvilupp;

(b) tħeġġeġ biex firex ta' sistemi fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera jingħaqdu, bħal per eżempju, faċilitajiet f'postijiet fejn jinqasmu fruntieri;

(ċ) tħaffef il-proċess tal-bidla fl-Istati sieħba permezz tal-kooperazzjoni tagħhom ma’ reġjuni tal-fruntiera ta' l-Unjoni Ewropea jew l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

(d) tnaqqas ir-riskji ambjentali u l-inkwinament bejn il-fruntieri.

5.  Dwar ħarsien nukleari, il-programm għandu joqgħod fuq tliet prijoritajiet:

(a) illi jagħti appoġġ biex tinġieb 'il quddiem kultura effettiva dwar ħarsien nukleari skond il-prinċipji tal-Konvenzjoni dwar ħarsien nukleari, l-aktar permezz ta' appoġġ kontinwu lil korpi regolatorji u, fuq livell ta' makkinarju, permezz ta' għajnuna fuq il-post, magħduda provvisti ta' apparat, meta dik l-għajnuna tkun l-aktar meħtieġa;

(b) illi jagħti appoġġ lill-iżvilupp u t-twettieq ta' pjani dwar enerġija maħruqa, tneħħija ta' mpjanti u trattament ta' skart nukleari, magħduda r-reġjuni tar-Russja tal-Majjistral, u dan f’qafas ta' kooperazzjoni internazzjonali usa;

(ċ) illi jagħti sehmu għal inizjattivi internazzjonali relevanti bl-appoġġ tal-Komunità Ewropea, bħalma hija l-inizjattiva G7/UE dwar l-għeluq ta' Chernobyl.

Il-programm għandu wkoll jagħti appoġġ għal applikazzjoni ta' mezzi ta' ħarsien biżżejjed ta' materjal nukleari.

6.  Il-programm għandu jqis:

 il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet differenti u li qed jinbidlu ta' l-Istati sieħba, kull wieħed minnhom u bħala reġjuni, u, fost ħwejjeġ oħra, il-qafas tat-tkabbir ta' l-Unjoni;

 il-kapaċita’ ta' l-Istati sieħba li jagħmlu tagħhom dak li jieħdu;

 il-progress fi Stati sieħba lejn riforma demokratika u maħsuba għas-suq.

Għandhom jitwettqu miżuri li jqisu l-kriterji li ġejjin:

 il-ħtieġa ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli;

 l-effett soċjali ta' miżuri ta' riforma;

 il-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs għan-nisa;

 l-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali u rispett lejn l-ambjent.



IT-TITOLU I

PROGRAMMI NDIKATTIVI U TA' ĦIDMA

Artikolu 3

1.  L-għajnuna għandha tkun applikata fil-qafas ta' programmi nazzjonali, multi-nazzjonali u programmi oħra.

2.  Il-programmi nazzjonali u multi-nazzjonali għandu jkollhom programmi ndikattivi u ta' ħidma.

3.  Programmi ndikattivi li jolqtu perjodi minn tlieta sa erba’ snin għandhom isiru skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2). Dawn il-programmi għandhom ifissru l-għanijiet u l-għamla ewlenin ta' l-għajnuna mill-Komunità fl-oqsma ta' kooperazzjoni msemmija f'L-Anness II, u għandhom, sakemm jistgħu, ikollhom magħhom stimi finanzjarji ndikattivi. Qabel ma jsiru programmi ndikattivi, il-Kummissjoni għandha tiddiskuti mal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 13(1) il-prijoritajiet li jkunu jridu jiġu identifikati flimkien ma' l-Istati sieħba.

4.  Programmi ta' ħidma bbażati fuq il-programmi ndikattivi msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu adottati kull sena jew sentejn skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2). Dawn il-programmi ta' ħidma għandhom jinkludu lista tal-proġetti li jkunu ser jiġu ffinanzjati fl-oqsma ta' kooperazzjoni msemmija f'L-Anness II. Il-kontenut tal-programmi għandu jintwera b’dettalji sewwa, sabiex il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 13(1) ikun jista' jagħti l-opinjoni tiegħu.

5.  Il-miżuri mfissra fil-programmi ta' ħidma nazzjonali għandhom iservu biex fuqhom isiru ftehim finanzjarji li jkunu jaqblu dwarhom il-Kummissjoni u kull Stat sieħeb. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq djalogu li jqis l-interessi komuni tal-Komunità u l-Istati sieħba, l-aktar fil-qafas tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni.

6.  Jekk iċ-ċirkustanzi jkunu hekk jitolbu, il-programmi ndikattivi u ta' ħidma jistgħu jinbidlu fiż-żmien meta jkunu qed isiru, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2).

Artikolu 4

1.  B'żieda mal-programm ta' ħidma nazzjonali, skema ta' inċentivi hija mwaqqfa biex iddaħħal element ta' kompetizzjoni fl-allokazzjoni ta' riżorsi, sabiex tinġieb ’l quddiem il-kwalità. Sabiex tkun assigurata konċentrazzjoni, proġetti ffinanzjati taħt din l-iskema għandhom ikunu marbuta ma l-oqsma komuni ta' kooperazzjoni mniżżla fil-programmi ndikattivi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 3.

2.  L-iskema għandha tiġi mdaħħla bil-mod u għandha tqis il-ħila amministrattiva ta' l-Istati sieħba differenti. Fl-ewwel sena tat-tħaddim tagħha, id-daqs ta' l-iskema m'għandux jaqbeż l-10 % ta' l-estimi kollha tal-programm. Fis-snin ta' wara, dan il-proporzjon jista’ jiżdied sa b'5 % kull sena.

3.  Meta titqies l-esperjenza tas-snin l-imgħoddija, magħdud it-tqassim ġeografiku, għandhom isiru sforzi speċjali biex jinġieb 'il quddiem is-sehem fl-iskema ta' l-Istati sieħba kollha, partikolarment dawk li l-aktar li jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jiksbu suċċess f'din l-iskema.

4.  Il-programm ta' skema ta' inċentivi kull sena, magħduda l-kriterji għall-għażla ta' proġetti u d-daqs tiegħu, għandhom ikunu miftiehma skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2).



IT-TITOLU II

MIŻURI LI GĦANDU JKOLLHOM APPOĠĠ

Artikolu 5

1.  Fil-qafas tal-programmi msemmija f'Titolu I li jikkonsisti primarjament f'għajnuna teknika, dawn li ġejjin għandu jkollhom appoġġ:

 trasferiment ta' tagħlim u tagħrif, magħdud it-taħriġ;

 kooperazzjoni ndustrijali u sħubija fit-twaqqif ta' istituzzjonijiet imsejsa fuq kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet pubbliċi u privati mill-Unjoni Ewropea u Stati sieħba;

 fuq bażi ta' każ b'każ, l-ispiża raġjonevoli ta' provisti meħtieġa għat-twettieq ta' l-għajnuna; f’każijiet partikolari, bħalma huma ħarsien nukleari, ġustizzja u affarijiet interni, u kooperazzjoni bejn fruntieri, tista tkun magħduda żieda fil-provvisti;

 investiment u attivitajiet li jkollhom x'jaqsmu ma’ investiment. Għajnuna tista tinkludi dik teknika biex tħaffef u ssotni l-investimenti, u jista’ jkollha magħha wkoll finanzjament għall-investiment, kif muri f'L-Anness III, l-aktar fl-oqsma ta' kooperazzjoni bejn fruntieri, promozzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, infrastruttura ambjentali u firxa ta' sistemi.

2.  L-għajnuna għandha tolqot ukoll spejjeż li jkollhom x'jaqsmu mat-tħejjija, it-twettieq, is-sorveljanza, il-verifika u l-valutazzjoni tal-programm, kif ukoll l-ispejjeż dwar informazzjoni.

3.  Il-miżuri jistgħu jsiru, skond kif jixraq, b’mod deċentraliżżat. Dawk li fl-aħħarnett igawdu mill-għajnuna tal-Komunità għandu jkollhom x’ jaqsmu mill-qrib fit-tħejjija u l-eżekuzzjoni tal-proġetti. Fejn ikun possibbli, l-identifikazzjoni u t-tħejjija tal-proġetti għandhom isiru fuq il-livell reġjonali u lokali.

4.  Jekk ikun jixraq, proġetti għandhom jitwettqu f'fażijiet, b'mod li ma jfixkilx il-kontinwità tal-ħidmiet. Appoġġ għal fażijiet ta' wara jkun jiddependi fuq it-twettieq b'suċċess tal-fażijiet ta' qabel.

5.  Is-sehem ta' esperti lokali fit-twettieq ta' proġetti għandu jkun imħeġġeġ.



IT-TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 6

1.  L-ammont ta' referenza finanzjarja għat-twettieq tal-programm għall-perjodu 2000 sa 2006 għandu jkun ta' EUR 3 138 miljun.

Il-voti ta' kull sena għandhom ikunu awtoriżżati mill-awtorità ta' l-estimi fil-limiti tal-prospetti finanzjarji.

2.  Massimu ta' 20 % ta' l-estimi ta' kull sena jista’ jitħalla biex jitħallas l-investiment imsemmi fl-Anness III. Massimu ta' 20 % ta' l-estimi ta' kull sena jista' jitħalla lill-“Iskema ta' Inċentivi” kif muri fl-Artikolu 4.

Artikolu 7

1.  Il-miżuri msemmija f'dan ir-Regolament li jitħallsu mill-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għandhom ikunu amministrati mill-Kummissjoni skond ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għalihom.

2.  Il-Kummissjoni għandha toqgħod mal-prinċipji ta' tmexxija finanzjarja tajba u, partikularment, dawk ta' ekonomija u prezz tajjeb msemmija fir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 8

1.  Għajnuna mill-Komunità għandha ġeneralment tkun f'forma ta' għotjiet. Dawn jistgħu iħallu flus biex jitħallsu proġetti jew miżuri oħra ta' kooperazzjoni.

2.  Deċiżjonijiet finanzjarji u kuntratti li jirriżultaw minn din l-għajnuna għandhom jipprovdu espressament li l-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri jagħmlu sorveljanza u superviżjoni finanzjarja u kontroll fuq il-post, jekk ikun meħtieġ.

Artikolu 9

1.  In-nefqa tal-proġett f'valuta lokali għandha tkun dik tal-Komunità biss skond kemm ikun tassew meħtieġ.

2.  Il-ko-finanzjament ta' proġetti mill-Istati sieħba għandu jkun tassew imħeġġeġ.

3.  Taxxi, dażji u x-xiri ta' proprjetà mmobbli m'għandhomx jitħallsu mill-Komunità.

Artikolu 10

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin dwar offerti u l-għoti ta' kuntratti, kif ukoll il-prinċipji li jolqtu l-għoti ta' kuntratti msemmija f'L-Anness IV għandhom jibqgħu jgħoddu sakemm tidħol fis-seħħ leġislazzjoni li temenda Titolu IX tar-Regolament Finanzjarju, sabiex tipprovdi l-bażi għall-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet li jkunu jgħoddu għall-programmi kollha ta' għajnuna barranija tal-Komunità.

Artikolu 11

1.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel azzjonijiet skond il-programmi ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 3(4) u skond it-Titolu IX tar-Regolament Finanzjarju, kif ukoll skond l-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament.

2.  Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Istati sieħba sett ta' regoli dwar id-definizzjoni tal-proġetti.

3.  Kuntratti ta' provvista u xogħlijiet għandhom jingħataw permezz ta' sejħiet miftuħa għall-offerti, ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 116 tar-Regolament Finanzjarju. ►M1  L-oriġini tal-provvisti u l-materjali mixtrija taħt dan ir-Regolament għandha tkun determinata ulterjorment skond ir-regoli ta’ l-oriġini u d-derogi minnhom, kif jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 2112/2005 tal-21 ta’ Novembru 2005 dwar l-aċċess għall-għajnuna esterna tal-Komunità ( 5 ). ◄

4.  Sehem għal sejħiet għal offerti u kuntratti għandhom ikunu miftuħa b'mod indaqs għal persuni naturali u legali fl-Istati Membri, fl-Istati sieħba, u fil-pajjiżi li jgawdu mill-programm Phare. Sehem ta' persuni naturali u legali minn pajjiżi tal-Mediterran b'rabtiet tradizzjonali fl-ekonomija, kummerċ jew ġeografija jistgħu jkunu awtoriżżati mill-Kummissjoni każ b'każ jekk dawk il-programmi jew proġetti jkun jenħtiġilhom forom speċifiċi ta' taħriġ espert li jkun jinsab sewwasew f'dawk il-pajjiżi. ►M1  L-eliġibilità għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri tas-sejħiet ta’ l-offerti taħt dan ir-Regolament għandha tiġi determinata ulterjorment skond ir-regoli ta’ l-eliġibilità u d-derogi minnhom stabbiliti hawn, kif jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 2112/2005. ◄

5.  Fil-każ ta' ko-finanzjament, is-sehem ta' pajjiżi terzi nteressati f'sejħiet għal offerti u kuntratti jista’ jkun awtoriżżat mill-Kummissjoni, iżda kull każ għalih. F'dawn il-każijiet is-sehem ta' intrapriżi minn pajjiżi terzi għandu jitħalla biss jekk tingħata reċiproċità. ►M1  Il-parteċipazzjoni fil-proċeduri kontrattwali implimentati permezz ta’ organizzazzjoni internazzjonali jew ko-finanzjament ma’ pajjiż terz tiġi definita ulterjorment fir-Regolament (KE) Nru 2112/2005. ◄

Artikolu 12

Sejħiet miftuħa għal offerti għal għoti ta' kuntratti ta' provvisti skond l-Artikolu 114 tar-Regolament Finanzjarju għandhom iħallu żmien biex fih tintbagħat offerta ta' mhux anqas minn 52 jum mid-data li fiha jintbagħat l-avviż lill-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Kuntratti ta' servizz għandhom, bħala regola ġenerali, jingħataw permezz ta' sejħiet ristretti għal offerti u permezz ta' ftehim privat għal ħidmiet ta' mhux aktar minn EUR 200 000.



IT-TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 13

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għal għajnuna lill-Istati Ġodda Indipendenti u l-Mongolja (hawn 'il quddiem imsejjaħ bħala “il-Kumitat”).

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw.

Il-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.  Il-Kumitat għandu jagħmel ir-regoli tal-proċedura tiegħu.

Artikolu 14

Il-Kummissjoni għandha, flimkien ma’ l-Istati Membri u skond skambju reċiproku u regolari ta' informazzjoni, magħdud l-iskambju ta' informazzjoni fuq il-post, tara li jkun hemm il-koordinazzjoni effettiva ta' l-għajnuna mogħtija mill-Komunità u mill-Istati Membri ndividwali, sabiex tiżdied il-koerenza u l-kumplimentarjetà tal-programmi ta' kooperazzjoni tagħhom.

Għandu jkun hemm koordinazzjoni regulari bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri; magħduda l-koordinazzjoni fuq il-post imniżżla fil-kuntratti tagħhom ma’ l-Istati sieħba, kemm fit-tifsira tal-programm u fl-istadju tat-twettieq tal-programm.

Fit-twettieq ta' programmi ta' kooperazzjoni bejn fruntieri li fihom ikun hemm Stati Membri, pajjiżi tal-Phare u Stati sieħba, il-Kummissjoni għandha tara li jkun hemm koordinazzjoni effettiva u konsistenti ma’programmi mħallsa mill-fondi strutturali, minn programmi tal-Komunità għall-għajnuna barranija u minn inizjattivi ta' għajnuna bilaterali.

B'żieda ma’ dan, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm koordinazzjoni u kooperazzjoni ma' l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u kontributuri oħra.

Fil-qafas tal-għajnuna mogħtija bis-saħħa ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha ġġib 'il quddiem ko-finanzjament ma' għaqdiet pubbliċi jew privati fl-Istati Membri.

Artikolu 15

1.  Kull sena l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport fuq il-progress fit-twettieq tal-programm ta' għajnuna. Dan ir-rapport għandu jkollu fih valutazzjoni tal-għajnuna diġà mogħtija, flimkien ma’ kemm il-programm ħalla effett, kif ukoll tagħrif dwar ir-riżultati ta' dak li sar fis-sorveljanza matul is-sena. Ir-rapport għandu jkun indirizzat lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

2.  Fid-dawl ta' dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni tista’ tagħmel proposti lill-Kunsill biex ibiddel dan ir-Regolament.

3.  B’żieda ma' dan, il-Kummissjoni għandha tara li jkun hemm tagħrif dwar statistika għall-għaqdiet imsemmija fil-paragrafu 1 dwar l-għoti tal-kuntratti. Il-kontenut u l-forma tat-tagħrif dwar statistika li għandu jingħata għandhom ikunu diskussi mal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 13(1).

Artikolu 16

Meta element essenzjali biex il-kooperazzjoni permezz ta' għajnuna tissokta jkun nieqes, l-aktar f'każijiet ta' ksur ta' prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem, il-Kunsill jista’, fuq proposta mill-Kummissjoni, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jiddeċiedi x'miżuri xierqa jieħu dwar għajnuna lil Stat sieħeb.

L-istess proċedura tista’ tapplika bħala l-aħħar miżura f'każijiet ta' ksur serju ta' l-obbligi ta' l-Istati sieħba kif imsemmija fil-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni.

Artikolu 17

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara li jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




L-ANNESS I

STATI SIEĦBA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1

Armenja

Azerbajġan

Belarus

Ġeorġja

Kazakstan

Kirgizstan

Moldova

Mongolja

Federazzjoni Russa

Taġikistan

Turkmenistan

Ukrajna

Uzbekistan




L-ANNESS II

OQSMA TA' KOOPERAZZJONI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(2) U L-ARTIKOLU 3(3) U (4)

1.

Appoġġ għal riforma istituzzjonali, legali u amministrattiva:

 żvilupp ta' l-istat tad-dritt,

 appoġġ għal tfassil ta' politika effettiva,

 riforma ta' l-amministrazzoni pubblika fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali,

 appoġġ għal korpi eżekuttivi u leġislattivi (nazzjonali, reġjonali, lokali),

 appoġġ għal dak li jsir fil-oqsma tal-ġustizzja u affarijiet interni,

 tisħiħ tal-qafas legali u regolatorju,

 appoġġ għall-implimentazzjoni ta' obbligi internazzjonali,

 appoġġ lis-soċjeta ċivili,

 appoġġ lill-edukazzjoni u t-taħriġ.

2.

Appoġġ lis-settur privat u għajnuna għal żvilupp ekonomiku:

 promozzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju,

 żvilupp tas-sistemi ta' servizzi bankarji u finanzjarji,

 promozzjoni ta' intrapriża privata, magħduda l-intrapriżi flimkien,

 kooperazzjoni ndustrijali, magħduda r-riċerka,

 privatizzazzjoni,

 ristrutturazzjoni ta' intrapriżi,

 promozzjoni ta' kummerċ u investimenti permezz ta' qafas maħsub għas-suq.

3.

Appoġġ biex ikunu milqugħa l-konsegwenzi soċjali tal-bidla:

 riforma tas-sistemi tas-saħħa, pensjoni, ħarsien soċjali u ta' assigurazzjoni,

 għajnuna biex jitnaqqas l-effett soċjali tar-ri-strutturazzjoni ndustrijali,

 għajnuna għal rikostruzzjoni soċjali,

 żvilupp ta' servizzi ta' mpjiegi, magħdud it-taħriġ mill-ġdid.

4.

Żvilupp ta' firxa ta' sistemi ta' infrastruttura:

 firxa ta' sistemi ta' trasport,

 firxa ta' sistemi ta' telekomunikazzjoni,

 provvista ta' enerġija u firxa ta' sistemi ta' ġarr,

 qsim bejn il-fruntieri.

5.

Promozzjoni tal-ħarsien ta' l-ambjent u kontroll tar-riżorsi naturali:

 żvilupp ta' politika u ħidma sostenibbli dwar ambjent,

 promozzjoni biex livelli ambjentali jkunu jaqblu ma’ dawk ta' l-Unjoni Ewropea,

 titjib ta' teknoloġiji ta' l-enerġija fil-provvista u fl-użu aħħari.

 promozzjoni ta' użu sostenibbli u kontroll ta' riżorsi naturali, magħduda l-użu bil-qies ta' l-enerġija, l-użu sewwa ta' l-enerġija u titjib ta' l-infrastruttura ambjentali.

6.

Żvilupp ta' l-ekonomija rurali:

 qafas legali u regolatorju, magħduda l-privatizzazzjoni ta' l-art,

 żieda fl-aċċess għall-finanzi u l-promozzjoni tat-taħriġ,

 titjib fit-tqassim ta' u l-aċċess għas-swieq,

Fejn ikun japplika, għandu jkun hemm appoġġ għal ħarsien nukleari skond il-prijoritajiet imsemmija fl-Artikolu 2(5).




L-ANNESS III

FINANZJAMENT TA' INVESTIMENT

Finanzjament ta' l-investiment għandu jkun ġustifikat permezz tal-kriterji li ġejjin:

 l-effett multipliku, li bih għajnuna mill-Komunità tkun multiplikata b'investiment minn għejun oħra;

 minbarra dan, meta għajnuna mill-Komunità tħeġġeg investiment li ma kienx ikun jista’ jsir mod ieħor;

 oqsma ta' interess għall-Komunità.

Il-finanzjament ta' l-investimenti jista’ jieħu l-forma ta' ko-finanzjament ma’ għejun oħra ta' finanzjament ta' investimenti jew, f'każi eċċezzjonali, investiment waħdu.

Setturi ta' prijorità għal finanzjament ta' investimenti jistgħu jinkludu: kooperazzjoni bejn fruntieri, magħduda l-infrastruttura tal-fruntieri, il-promozzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, infrastruttra ambjentali u firxa ta' sistemi. M'għandux ikun hemm finanzjament dirett f'ishma u f'sehem f'kumpanniji individwali.




L-ANNESS IV

PRINĊIPJI LI FUQHOM JINGĦATAW KUNTRATTI B'OFFERTI, L-AKTAR B'OFFERTI RISTRETTI

1.

Mas-“Sejħa għal min joffri” għandu jkun hemm it-tagħrif kollu meħtieġ għal kull min joffri u jkun reġistrat fuq il-lista ta' l-għazla ta' l-aħħar jew li jitlob dan it-tagħrif bi tweġiba għall-pubblikazzjoni ta' avviż ta' offerta bil-miftuħ. Dan it-tagħrif għandu jkollu l-aktar il-kriterji ta' valutazzjoni. Il-valutazzjoni teknika ta' l-offerta tista’ tiġbor fiha intervisti mal-persuni proposti fl-offerta.

2.

Il-Kummissjoni għandha tmexxi l-kumitati kollha ta' valutazzjoni u għandha tqabbad għadd biżżejjed ta' esperti biex jivvalutaw qabel ma l-offerti jinħarġu. Wieħed mill-esperti għandu jkun mill-istituzzjoni li tkun ghamlet it-talba mill-pajjiż benefiċjarju. min jagħmel valutazzjonijiet għandu jiffirma dikjarazzjoni ta' imparzjalità.

3.

Il-valutazzjoni ta' l-offerta ssir skond il-qies tal-kwalità teknika mqabbla mal-prezz. Il-qies taż-żewġ kriterji għandu jitħabbar f'kull sejħa għal offerti. Il-valutazzjoni teknika għandha ssir l-aktar skond il-kriterji li ġejjin: organizzazzjoni, skeda ta' żmien, metodi u pjani proposti tax-xogħol biex jingħata s-servizz, kwalifiki, esperjenza, il-ħiliet tal-persuni msemmija biex jagħtu s-servizzi u l-użu ta' kumpaniji u esperti lokali, kif dawn jintegraw fil-proġett, u sehemhom biex ir-riżultati tal-proġett ikunu sostenibbli. sperjenza speċifika fil-programm Tacis ta' min jagħmel offerta ma titqiesx.

4.

Dawk li joffru u ma jintgħażlux għandhom ikunu avżati b'ittra, li jkun fiha x'juri għaliex ma intgħażlux u l-isem magħżul ta' min offra.

5.

Kull persuna naturali jew legali nvoluta fit-tħejjija ta' proġett m'għandhiex ikollha sehem fit-twettieq tal-proġett. Jekk min joffri u jieħu sehem iħaddem, fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sehem tagħha fil-proċess ta' l-offerti, lil dik il-persuna, tkun liema tkun il-pożizzjoni tagħha, min ikun offra jista’ ma jitħalliex jieħu sehem fil-proġett. Kull min joffri u jkun imsemmi fil-lista ta' l-għażla ta' l-aħħar m'għandux jitħalla jieħu sehem fil-valutazzjoni ta' dik l-offerta.

6.

Il-Kummissjoni għandha tara li kull tagħrif kummerċjali sensittiv li jkollu x'jaqsam ma’ offerta proposta jibqa kunfidenzjali.

7.

Meta intrapriża, organizzazzjoni jew istituzzjoni jkollha raġunijiet serji biex titlob reviżjoni ta' offerta, għandu dejjem ikun hemm il-possibiltà li t-talba tmur għand il-Kummissjoni. Meta jiġri hekk, għandha tingħata tweġiba tajba lil min ikun għamel it-talb.

8.

Fil-każijiet ta' għoti ta' kuntratti wara sejħiet restrittivi għal offerti, kif imsemmi fl-Artikolu 116 tar-Regolament Finanzjarju, kull turija bil-miktub ta' interess għandha tkun reġistrata mill-Kummissjoni, li għandha tuża din ir-reġistrazzjoni meta tagħmel il-lista ta' l-għażla ta' l-aħħar.

Minbarra dan, jista’ jitqies tagħrif ieħor, partikolarment mir-reġistru ċentrali konsultattiv tat-Tacis, meta ssir il-lista ta' l-għażla ta' l-aħħar. Dan ir-reġistru għandu jkun miftuħ għal intrapriżi, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet kollha nteressati fir-reġistrazzjoni.

9.

Meta ssir il-lista ta' l-għażla ta' l-aħħar, il-Kummissjoni għandha timxi skond il-kwalifiki, interess u disponibbiltà ta' intrapriża, organizzazzjoni jew istituzzjoni. L-għadd ta' intrapriżi, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet fil-lista ta' l-għażla ta' l-aħħar għandu jiddependi mid-daqs u l-komplessità tal-proġett u għandu joffri l-iktar għażla wiesgħa possibbli.

Intrapriżi, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet li jkunu wrew interess bil-miktub fi proġett għandhom ikunu avżati jekk daħlux jew le fil-lista ta' l-għażla ta' l-aħħar.

10.

Kull sena l-Kummissjoni għandha tagħti lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 13(1), lista ta' l-intrapriżi, l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet li jkunu intgħażlu.

11.

Fi proġetti komplessi ħafna, il-Kummissjoni tista’ tħajjar lil intrapriżi, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet li jkunu nżammu fil-lista ta' l-għażla ta' l-aħħar biex jagħmlu konsorzja bejniethom. F'dawn il-każijiet dan is-suġġeriment, kif ukoll il-lista kollha ta' l-għażla ta' l-aħħar, għandhom jintbagħtu lill-intrapriżi, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet kollha li jkunu nżammu fiha.

12.

F'offerti ristretti għandu jkun hemm żmien ta' mhux anqas minn 60 jum kalendarju bejn l-opinjoni finali mogħtija mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 13(1), u l-ħruġ ta' l-offerti. Minkejja dan, f’każijiet ta' malajr, dan iż-żmien jista jitqassar mill-Kummissjoni, iżda din għandha tagħti tifsira dettaljata lil dak il-Kumitat.

Stedina għal offerta ristretta għandha tħalli żmien ta' 60 jum kalendarju mid-data tal-wasla tal-ittra ta' stedina. F'każijiet ta' malajr, dan iż-żmien jista’ jitnaqqas, iżda m'għandu qatt ikun ta' anqas minn 40 jum kalendarju. F'każijiet eċċezzjonali, dan iż-żmien jista jiżdied mill-Kummissjoni, iżda din għandħha tagħti tifsira dettaljata lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 13(1). Kull tiskambju ta' żmien għandu jkun mgħarraf kif jixraq lil intrapriżi, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet interessati.



( 1 ) ĠU C 37, tal-11.2.1999, p. 8.

( 2 ) ĠU L 165, ta' l-4.7.1996, p. 1.

( 3 ) ĠU C 172, tat-18.6.1999, p. 1.

( 4 ) ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

( 5 ) ĠU L 344, 27.12.2005, p. 23.