1998R2532 — MT — 04.02.2015 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2532/98

tat-23 Novembru, 1998

dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet

(ĠU L 318, 27.11.1998, p.4)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/159 tas-27 ta' Jannar 2015

  L 27

1

3.2.2015




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2532/98

tat-23 Novembru, 1998

dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (hawnhekk izjed 'l quddiem imsejjaħ it-“Trattat”) u partikolarment l-Artikolu 108a(3) tiegħu u l-Artikolu 34.3 tal-Protokoll (Nru 3) dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (hawnhekk iżjed 'l quddiem imsejjaħ l-“Istatut”),

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (hawnhekk izjed 'l quddiem imsejjaħ il-“BĊE”) ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ( 3 ),

Waqt li jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 106(6) tat-Trattat u bl-Artikolu 42 ta' l-Istatut, u taħt il-kondizzjonjiet stabbiliti fl-Artikolu 109k(5) tat-Trattat u l-paragrafu 7 tal-Protokoll (Nru 11) dwar ċerti dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mar-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta' Fuq,

(1)

Billi dan ir-Regolament, skond l-Artikolu 34.3 ta' l-Istatut, flimkien ma' l-Artikolu 43.1 ta' l-istatut, paragrafu 8 tal-Protokoll Nru 11 u l-paragrafu 2 tal-Protokoll (Nru 12) dwar ċerti dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-Danimarka, ma jagħti l-ebda drittijiet u ma jimponi l-ebda obbligi fuq l-Istat Membru mhux parteċipanti;

(2)

Billi l-Artikolu 34.3 ta' l-Istatut jirrikjiedi li l-Kunsill jispeċifika l-limiti u l-kondizzjonijiet li fuqhom il-BĊE huwa ntitolat li jimponi multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali fuq l-impriżi li jonqsu milli jħarsu l-obbligi tagħhom taħt dawn ir-regolamenti u deċiżjonijiet;

(3)

Billi ksur ta' l-obbligi li joħorġu mir-regolamenti u d-deċiżjonjiet tal-BĊE jista' jinqala' f'oqsma diversi tal-kompetenza tal-BĊE;

(4)

Billi huwa xieraq, sabiex jiġi żgurat il-mezz uniformi tal-mogħdija lejn l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet fl-oqsma diversi tal-kompetenza tal-BĊE, illi d-dispożizzjonijiet ġenerali u proċedurali għall-impożizzjoni ta' tali sanzjonijiet ikunu jinsabu f'Regolament wieħed tal-Kunsill; billi r-Regolamenti l-oħra tal-Kunsill jistabbilixxu għal sanzjonijiet f'oqsma speċifiċi u jirreferu għal dan ir-Regolament għall-prinċipji u l-proċeduri li għandhom x'jaqsmu ma' l-impożizzjoni ta' dawn is-sanzjonijiet;

(5)

Billi, sabiex jiġi provdut reġim effettiv għall-amministrazzjoni tas-sanzjonijiet, dan ir-Regolament għandu jagħti ċerta diskrezzjoni lill-BĊE, f'dak li għandu x'jaqsam kemm mal-proċeduri rilevanti u kemm ma' l-implimentazzjoni tagħhom fil-limiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament;

(6)

Billi s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (minn hawn iżjed 'l quddiem imsejħa l-“ESCB”) u l-BĊE ġew fdati bix-xogħol li jħejju għall-operat totali tagħhom fit-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (minn hawn iżjed 'l quddiem imsejjħa t-“Tielet Stadju”); billi t-tħejjija f'waqtha hija essenzjali biex l-'ESCB' ikun jista' jaqdi x-xogħlijiet tiegħu fit-Tielet Stadju; billi element essenzjali tat-tħejjija huwa l-adozzjoni, qabel it-Tielet Stadju, tar-reġim għall-impożizzjoni tas-sanzjonjiet fuq impriżi li jonqsu milli jħarsu l-obbligi imposti fuqhom bir-regoli u d-deċiżjonijiet tal-BĊE; billi huwa mixtieq li l-parteċipanti fis-swieq jiġu mgħarrfa mill-aktar fis bid-dispożizzjonijiet dettaljati li l-BĊE jista' jidhirlu li huma meħtieġa li jiġu adottati għall-impożizzjoni tas-sanzjonijiet; billi huwa għalhekk meħtieġ li l-BĊE jkun mogħti l-poter regolatorju mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament;

(7)

Billi d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jistgħu biss jiġu applikati effettivament jekk l-Istati Membri parteċipanti jadottaw il-miżuri meħtieġa bil-ħsieb li jiżguraw illi l-awtoritajiet tagħhom ikollhom il-poteri biex jgħinu u jikkolaboraw totalment mal-BĊE fl-implimentazzjoni tal-proċedura tal-ksur tal-liġi kif mitluba minn dan ir-Regolament, skond l-Artikolu 5 tat-Trattat;

(8)

Billi l-BĊE sejjer ikollu l-poter li jitlob lill-Banek Ċentrali nazzjonali biex iwettqu x-xogħlijiet ta' l-“ESCB” sal-livell li jidhrilhom possibbli u xieraq;

(9)

Billi d-deċiżjonijiet meħuda skond dan ir-Regolament li jimponu l-obbligi tal-flus għandhom jiġu nfurzati skond l-Artikolu 192 tat-Trattat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet bl-iskop ta' dan ir-Regolament:

1. “L-Istat Membru parteċipanti” għandha tfisser Stat Membru li jkun adotta l-munita waħdanija skond it-Trattat;

2. “il-bank ċentrali nazzjonali” għandha tfisser il-bank ċentrali ta' l-Istat Membru parteċipanti;

3. “Impriżi” għandha tfisser dawk il-persuni naturali jew legali, privati jew pubbliċi, bl-eċċezzjoni tal-persuni pubbliċi fl-eżerċizzju tal-poteri pubbliċi tagħhom, fi Stat Membru parteċipanti, li huma suġġetti għall-obbligi li joħorġu mir-regolamenti u deċiżjonijiet tal-BĊE, u għandha tinkludi fergħat jew stabbilimenti oħra permanenti lokati fi Stat Membru parteċipanti, li l-uffiċċju ewlieni jew l-uffiċċju reġistrat tiegħu ikun barra mill-Istat Membru parteċipanti;

4. “Ksur (tal-liġi)” għandha tfisser kull nuqqas ta' impriża li taqdi l-obbligu li joħroġ mir-regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE;

5. “Multa” għandha tfisser l-ammont waħdieni tal-flus li impriża tkun obbligata li tħallas bħala sanzjoni;

▼M1

6. “Ħlasijiet ta penali perjodiċi” għandha tfisser ammonti ta' flus li, fil-każ ta' ksur kontinwat, impriża tkun obbligata li tħallas jew bħala kastig, jew bil-għan li ġġiegħel lill-persuni kkonċernati biex jikkonformaw mar-regolamenti u deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE. Il-ħlasijiet ta' penali perjodiċi għandhom jiġu kkalkulati għal kull jum sħiħ ta' ksur kontinwat:

(a) wara notifika lill-impriża ta' deċiżjoni li teħtieġ it-terminazzjoni ta' tali ksur skont il-proċedura stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1); jew

(b) meta l-ksur kontinwat jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 ( 4 ) skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4b ta' dan ir-Regolament;

7. “Sanzjonijiet” tfisser multi u ħlasijiet ta' penali perjodiċi.

▼M1

Artikolu 1a

Prinċipji ġenerali u kamp ta' applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika għall-impożizzjoni mill-BĊE ta' sanzjonijiet fuq impriżi għal nuqqas ta' konformità mal-obbligi li jirriżultaw minn deċiżjonijiet jew regolamenti tal-BĊE.

2.  Ir-regoli li japplikaw għall-impożizzjoni mill-BĊE, fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu, ta' sanzjonijiet fil-każ ta' ksur ta' regolament jew deċiżjoni tal-BĊE għandhom jidderogaw mir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 4 sal-punt stabbilit fl-Artikoli 4a sa 4c.

3.  Il-BĊE għandu jippubblika kwalunkwe deċiżjoni li timponi sanzjonijiet fuq impriża fil-każ ta' ksur ta' regolament jew deċiżjoni tal-BĊE, fil-qasam superviżorju, kemm jekk din id-deċiżjoni tkun ġiet appellata kif ukoll jekk le.

Il-BĊE għandu jwettaq tali pubblikazzjoni fuq il-websajttiegħu mingħajr dewmien bla bżonn, u wara li d-deċiżjoni tkun ġiet notifikata lill-impriża kkonċernata. Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-impriża kkonċernata, sakemm il-pubblikazzjoni b'dan il-mod:

(a) tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja; jew

(b) toħloq, sa fejn tista' tiġi stabbilita, ħsara sproporzjonata lill-impriża kkonċernata.

F'dawn iċ-ċirkostanzi, id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw sanzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati fuq bażi anonimizzata. Alternattivament, meta tali ċirkostanzi aktarx jintemmu f'perijodu ta' żmien raġonevoli, il-pubblikazzjoni taħt dan il-paragrafu tista' tiġi posposta għal tali perijodu ta' żmien.

Jekk ikun hemm appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta' deċiżjoni li timponi sanzjoni, il-BĊE għandu, mingħajr dewmien żejjed, jippubblika wkoll fuq il-websajt uffiċjali tiegħu informazzjoni dwar l-istatus tal-appell inkwistjoni u l-eżitu tiegħu.

Il-BĊE għandu jiżgura li l-informazzjoni ppubblikata taħt dan il-paragrafu tibqa' fuq il-websajt uffiċjali tiegħu mill-inqas għal ħames snin.

▼B

Artikolu 2

Sanzjonijiet

1.  Il-limiti li dwarhom il-BĊE jista' jimponi multi u pagamenti perjodiċi ta' penali fuq impriżi, iżda mhux jekk stabbilit xorta oħra fir-Regolamenti speċifiċi tal-Kunsill, għandhom ikunu kif ġej:

(a) multi: il-limitu massimu għandu jkun 500 000 EUR; u

(b) pagamenti perjodiċi ta' penali: il-limitu massimu għandu jkun ta' 10 000 EUR għal kull ġurnata tal-ksur tal-liġi. Pagamenti perjodiċi ta' penali jistgħu jiġu imposti għal perjodu massimu ta' sitt xhur wara n-notifika ta' l-impriża bid-deċiżjoni skond l-Artikolu 3(1).

2.  Huwa u jiddetermina jekk jimponix sanzjoni u huwa u jiddetermina s-sanzjoni xierqa, il-BĊE għandu jiġi gwidat mill-prinċipju tal-proporzjonalità.

3.  Il-BĊE għandu jikkonsidra, fejn rilevanti, iċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku, bħal:

(a) fuq naħa waħda, l-onestà ta' fehma u l-grad ta' onestà ta' l-impriża fl-interpretazzjoni u t-twettiq ta' l-obbligu li joħroġ mir-regolament jew deċiżjoni tal-BĊE kif ukoll il-grad ta' diliġenza u koperazzjoni murijia mill-impriża jew, mill-banda l-oħra, kull prova ta' qerq intenzjonat min-naħa ta' l-uffiċjali ta' l-impriża;

(b) is-serjetà ta' l-effetti tal-ksur tal-liġi;

(ċ) it-tennija, il-frekwenza u d-dewmien tal-ksur minn dik l-impriża;

(d) il-profitti miksuba mill-impriża bħala riżultat tal-ksur;

(e) id-daqs ekonomiku ta' l-impriża; u

f) sanzjonijiet imposti qabel minn awtoritajiet oħra fuq l-istess impriża u bażati fuq l-istess fatti.

▼M1

4.  Kull meta l-ksur jikkonsisti minn nuqqas li jitwettaq dmir, l-applikazzjoni ta' sanzjoni ma għandhiex teżenta lill-impriża mit-twettiq tagħha, ħlief jekk id-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 3(4) jew l-Artikolu 4b tiddikjara l-kontra b'mod espliċitu.

▼B

Artikolu 3

Regoli proċedurali

►M1  1.  Id-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tinbeda jew le l-proċedura ta' ksur għandha tittieħed mill-BĊE, huwa u jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq il-bażi ta' mozzjoni f'dan is-sens indirizzata lilu mill-bank ċentrali nazzjonali tal-Istat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jkun seħħ il-ksur allegat. ◄ L-istess deċiżjoni tista' wkoll tittieħed, fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu jew fuq il-bażi ta' mozzjoni li twassal għall-istess effett indirizzata lilu mill-BĊE, mill-Bank Ċentrali Nazzjonali ta' l-Istat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jkun ġara l-ksur allegat.

Notifika bil-miktub dwar id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura tal-ksur tal-liġi għandha tingħata lill-impriża konċernata, lill-awtorità tas-sorveljanza rilevanti u lill-bank Ċentrali ta' l-Istat Membru li taħt il-Ġurisdizzjoni tiegħu jkun ġara l-ksur allegat jew lill-BĊE. In-notifika għandha turi d-dettalji ta' l-allegazzjonijiet kontra l-impriża u x-xhieda li fuqha l-allegazzjonijiet ikunu mibnija. Fejn xieraq, id-deċiżjoni għandha teħtieġ it-tmiem tal-ksur allegat u għandha tavża lill-impriża konċernata illi jistgħu jiġu imposti pagamenti perjodiċi tal-penali.

2.  Id-deċiżjoni li hemm riferenza għaliha fil-paragrafu 1 tista' tordna lill-impriża li tissottometti ruħha toqgħod għall-proċedura tal-ksur tal-liġi. Huwa u jwettaq il-proċedura tal-ksur tal-liġi, il-BĊE jew il-bank Ċentrali nazzjonali, kif ikun il-każ, għandu jkollhom id-dritt li:

(a) jitolbu s-sottomissjoni tad-dokumenti;

(b) jeżaminaw il-kotba u r-reġistri ta' l-impriża;

(ċ) jieħdu kopji jew siltiet minn dawn il-kotba u reġistri; u

(d) jiksbu spjegazzjonijiet bil-fomm jew bil-miktub.

Meta l-impriża tfixkel il-kondotta tal-proċedura tal-ksur tal-liġi, l-Istat Membru parteċipanti fejn il-fond rilevanti jinsab għandu joffri l-għajnuna meħtieġa, li tinkludi dik li jiżgura aċċess lill-BĊE jew lill-bank ċentrali nazzjonali għall-fondi ta' l-impriża, sabiex ikunu jistgħu jiġu eżerċitati d-drittijiet imsemmija iktar 'il fuq.

3.  L-impriża konċernata għandu jkollha d-dritt tas-smigħ mill-BĊE jew mill-bank ċentrali nazzjonali, kif ikun il-każ. L-impriża għandha tingħata mhux inqas minn tletin jum biex tippreżenta d-difiża tagħha.

4.  Il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għandu, malajr kemm jista' jkun wara li jirċievi s-sottomissjoni mill-Bank Ċentrali Nazzjonali dwar il-bidu tal-proċedura tal-ksur jew wara li jkun ikkonsulta l-Bank Centrali Nazzjonali ta' l-Istat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jkun ġara l-ksur allegat, jadotta deċiżjoni raġunata dwar jekk l-impriża tkunx ikkommettiet ksur tal-liġi flimkien mas-sanzjonijiet, jekk ikun il-każ, li għandhom ikunu imposti.

5.  L-impriża għandha tiġi mgħarrfa bil-miktub bid-deċiżjoni u għandha tiġi mgħarrfa bid-dritt tagħha għar-reviżjoni. In-notifika tad-deċiżjoni għandha tingħata wkoll lill-awtoritajiet tas-sorveljanza rilevanti u lill-bank ċentrali nazzjonali ta' l-Istat Membru li fil-ġurisdizzjoni tiegħu jkun ġara l-ksur.

6.  L-impriża konċernata għandu jkollha d-dritt li titlob lill-Kunsill li jirrevedi d-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE. Din it-talba għandha ssir fi żmien tletin jum minn meta tirċievi n-notifika tad-deċiżjoni u għandha tinkludi kull tagħrif rilevanti u l-allegazzjonijiet. Din it-talba għandha tiġi indirizzata bil-miktub lill-Kunsill li jirregola l-BĊE.

7.  Deċiżjoni tal-Kunsill regolatorju tal-BĊE b'risposta għat-talba mibgħuta lilu skond il-paragrafu 6 għandha tinkludi r-raġunijiet tad-deċiżjonijiet u n-notifika bil-miktub ta' dawn għandha tingħata lill-impriża konċernata, lill-awtorità tas-sorveljanza rilevanti ta' din l-impriża u lill-bank ċentrali nazzjonali ta' l-Istat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jkun ġara l-ksur. In-notifikazzjoni għandha tgħarraf lill-impriża bid-drittijiet tagħha għar-reviżjoni ġudizzjarja. Jekk il-Kunsill Regolatorju tal-BĊE ma jieħu l-ebda deċiżjoni fi' żmien xahrejn mit-talba, l-impriża konċernata tista' titlob reviżjoni tad-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv skond it-Trattat.

8.  L-ebda sanzjoni ma tista tiġi infurzata fuq l-impriża sakemm id-deċiżjoni ssir finali mit-tnejn:

(a) ikun għadda l-perjodu ta' tletin jum li hemm riferenza għalih fil-paragrafu 6 mingħajr ma' l-impriża tagħmel talba għar-reviżjoni lill Kunsill Regolatorju tal-BĊE;

(b) jew il-Kunsill Regolatorju tal-BĊE jinnotifika lill-impriża bid-deċiżjoni tiegħu, jew il-perjodu taż-żmien li hemm riferenza għalih fil-paragrafu 7 jkun għadda mingħajr ma' l-Kunsill li jirregola l-BĊE ikun ħa deċiżjoni.

9.  Id-dħul tal-flus mis-sanzjonijiet imposti mill-BĊE għandhom jappartjienu lill-BĊE.

▼M1

10.  Jekk ksur ikollu x'jaqsam esklussivament ma' kompitu fdat lis-SEBĊ jew lill-BĊE taħt it-Trattat u l-Istatut, il-proċedura ta' ksur għandha tinfetaħ biss fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament, irrispettivament mill-eżistenza ta' xi liġi jew regolament nazzjonali li jistgħu jipprovdu għal proċedura separata. Jekk ksur ikollu x'jaqsam ukoll ma' qasam wieħed jew iktar li mhumiex fil-kompetenza tas-SEBĊ jew tal-BĊE, id-dritt li tinfetaħ il-proċedura ta' ksur fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament għandu jkun indipendenti minn kull dritt ta' kull awtorità nazzjonali kompetenti li tiftaħ proċeduri separati dwar tali oqsma li mhumiex fil-kompetenza tas-SEBĊ jew il-BĊE. Din id-dispożizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali u tal-liġi nazzjonali li għandha x'taqsam ma' kompetenzi superviżorji prudenzjali fi Stati Membri parteċipanti, skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

▼B

11.  L-impriża għandha tħallas l-ispejjeż tal-proedura tal-ksur tal-liġi jekk jiġi deċiż li tkun ħatja tal-ksur.

Artikolu 4

Limiti taż-żmien

1.  Id-dritt li tittieħed deċiżjoni biex tinfetaħ proċedura tal-ksur tal-liġi, kif stabbilita f'dan ir-Regolament, għandu jiskadi wara sena minn meta l-ksur isir magħruf għall-ewwel darba jew mill-BĊE jew mill-bank ċentrali nazzjonali ta' l-Istat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jkun ġara l-ksur allegat u, f'kull każ, wara ħames snin wara li jkun ġara l-ksur jew, fil-każ tal-ksur kontinwu, ħames snin wara li l-ksur ikun waqaf.

2.  Id-dritt li tittieħed deċiżjoni li timponi sanzjoni dwar il-ksur tal-liġi, kif stabbilit f'dan ir-Regolament, għandu jintemm wara sena li tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura kif deskritta fl-Artikolu 3(1).

3.  Id-dritt biex tinbeda l-proċedura ta' l-infurzar għandu jintemm wara sitt xhur li d-deċiżjoni tkun tista' tiġi infurzata skond l-Artikolu 3(8).

▼M1

Artikolu 4a

Regoli speċifiċi li jirrigwardaw il-limiti massimi tas-sanzjonijiet imposti mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu

1.  Permezz ta' deroga mill-Artikolu 2(1), f'każ ta' ksur relatat ma' deċiżjonijiet u regolamenti adottati mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu, il-limiti li fi ħdanhom il-BĊE jista' jimponi multi u ħlasijiet ta' penali perjodiċi għandhom ikunu skont kif ġej.

(a) għal multi, il-limitu massimu għandu jkun id-doppju tal-ammont ta' profitti miksuba jew telf evitat minħabba l-ksur meta dan ikun jista' jiġi ddeterminat, jew 10 % tal-fatturat annwali totali tal-impriża.

(b) għal ħlasijiet ta' penali perjodiċi, il-limitu massimu għandu jkun 5 % tal-fatturat medju ta' kuljum għal kull jum tal-ksur. Ħlasijiet ta' penali perjodiċi jistgħu jiġu imposti fir-rigward ta' perjodu massimu ta' sitt xhur mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-ħlas ta' penali perjodiku.

2.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1:

1. “fatturat annwali” tfisser il-fatturat annwali tal-impriża kkonċernata fis-sena finanzjarja preċedenti, kif iddefinit fil-liġi tal-Unjoni rilevanti, u fejn dan ma jkunx disponibbli, skont il-kontijiet finanzjarji annwali l-aktar reċenti li jkunu disponibbli ta' dik il-persuna. Meta l-impriża kkonċernata tkun sussidjarja ta' impriża parent, il-fatturat totali annwali rilevanti għandu jkun il-fatturat totali annwali li jirriżulta mill-kontijiet finanzjarji annwali kkonsolidati l-aktar reċenti li jkunu disponibbli fis-sena finanzjarja preċedenti, u fejn dan ma jkunx disponibbli, skont il-kontijiet finanzjarji annwali l-aktar reċenti li jkunu disponibbli ta' dik il-persuna;

2. “fatturat medju ta' kuljum” ifisser il-fatturat annwali, kif iddefinit taħt il-punt (a), diviż bi 365.

Artikolu 4b

Regoli proċedurali speċifiċi għal sanzjonijiet imposti mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu

1.  B'deroga mill-Artikolu 3(1) sa (8) ta' dan ir-Regolament, ir-regoli stabbiliti f'dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal ksur relatat ma' deċiżjonijiet u regolamenti adottati mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu.

2.  Meta l-BĊE, fit-twettiq tal-kompiti tiegħu taħt ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, iqis li hemm raġuni għaliex ikun hemm suspett li ksur wieħed jew aktar ta' regolament jew deċiżjoni tal-BĊE kif imsemmi fl-Artikolu 18(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 qed jiġu jew ġew imwettqa minn impriża li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru taż-żona tal-euro, il-BĊE għandu jeżerċita l-investigazzjonijiet rilevanti skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

3.  Malli titlesta investigazzjoni u qabel ma titħejja u tiġi ppreżentata proposta għal abbozz sħiħ ta' deċiżjoni lill-Bord Superviżorju, il-BĊE fil-kapaċità tiegħu li jinvestiga ksur fil-qasam tas-superviżjoni għandu jinnotifika bil-miktub lill-impriża kkonċernata dwar is-sejbiet skont l-investigazzjoni mwettqa u dwar kwalunkwe oġġezzjoni li tkun tqajmet kontrihom.

Fin-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-BĊE fil-kapaċità tiegħu li jinvestiga ksur fil-qasam tas-superviżjoni għandu jinforma lill-impriża kkonċernata dwar id-dritt tagħha li tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub lill-BĊE dwar ir-riżultati fattwali u l-oġġezzjonijiet li tqajmu kontra l-entità kif stipulat fih, inklużi d-dispożizzjonijiet individwali li allegatament inkisru, u għandu jiffissa limitu ta' żmien raġonevoli biex isiru sottomissjonijiet bħal dawn. Il-BĊE m'għandux ikun obbligat jikkunsidra s-sottomissjonijiet bil-miktub li jsiru wara li jkun skada l-limitu ta' żmien stabbilit mill-BĊE fil-kapaċità tiegħu li jinvestiga ksur fil-qasam tas-superviżjoni.

Il-BĊE fil-kapaċità tiegħu li jinvestiga ksur fil-qasam tas-superviżjoni jista' wkoll, wara notifika f'konformità mal-ewwel subparagrafu, jistieden lill-impriża kkonċernata biex tattendi seduta ta' smigħ orali. Il-partijiet soġġetti għall-investigazzjoni jistgħu jkunu rrappreżentati u/jew assistiti minn avukati jew persuni kkwalifikati oħrajn matul is-seduta. Is-seduti ma għandhomx ikunu pubbliċi.

Għandu jkun garantit id-dritt ta' aċċess għall-fajl mill-impriża kkonċernata taħt investigazzjoni. Dan m'għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali.

4.  Il-Bord Superviżorju għandu jipproponi abbozz sħiħ ta' deċiżjoni lill-Kunsill Governattiv, li tiddetermina jekk l-impriża kkonċernata wettqitx ksur u li tispeċifika s-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti, jekk ikun hemm, skont il-proċedura taħt l-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

5.  L-impriża kkonċernata għandha jkollha d-dritt li titlob rieżami mill-Bord Amministrattiv ta' Rieżami tad-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Governattiv skont il-paragrafu 4, b'mod konformi mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Artikolu 4c

Limiti ta' żmien speċifiċi għal sanzjonijiet imposti mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu

1.  B'deroga mill-Artikolu 4, id-dritt li tittieħed deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni fil-każ ta' ksur ta' deċiżjoni jew regolament tal-BĊE b'rabta mal-kompiti superviżorji tiegħu, għandu jiskadi ħames snin wara li jkun seħħ il-ksur jew, fil-każ ta' ksur kontinwat, ħames snin wara li jkun intemm il-ksur.

2.  Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-BĊE għall-finijiet tal-investigazzjoni jew proċeduri fir-rigward ta' ksur għandha tikkawża l-interruzzjoni tal-limitu ta' żmien stipulat fil-paragrafu 1. L-interruzzjoni tal-perjodu ta' preskrizzjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data meta l-azzjoni tiġi nnotifikata lill-entità taħt superviżjoni kkonċernata. Kull interruzzjoni għandha tikkawża li l-limitu ta' żmien jerġa' jibda mill-ġdid. Madankollu, il-limitu ta' żmien ma għandux jeċċedi perjodu ta' għaxar snin wara li jkun seħħ il-ksur jew, fil-każ ta' ksur kontinwat, għaxar snin wara li jkun waqaf il-ksur.

3.  Il-limiti ta' żmien deskritti fil-paragrafi preċedenti jistgħu jiġu estiżi jekk:

(a) deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tkun soġġetta għal reviżjoni quddiem il-Bord Amministrattiv ta' Rieżami jew proċedimenti ta' appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; jew

(b) proċeduri kriminali jkunu pendenti kontra l-impriża kkonċernata b'rabta mal-istess fatti. F'każ bħal dan, il-limiti ta' żmien deskritti fil-paragrafi preċedenti għandhom jiġu estiżi għall-perjodu ta' żmien meħtieġ sabiex isir rieżami tad-deċiżjoni mill-Bord Amministrattiv ta' Rieżami jew mill-Qorti tal-Ġustizzja jew sakemm jiġu konklużi l-proċeduri kriminali kontra l-impriża kkonċernata.

4.  Id-dritt tal-BĊE li jinforza deċiżjoni li timponi sanzjoni għandu jiskadi ħames snin wara li din id-deċiżjoni tkun ittieħdet. Kwalunkwe azzjoni tal-BĊE li tkun iddisinjata biex tinforza l-ħlas jew it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ħlas taħt is-sanzjoni imposta għandha tikkawża l-interruzzjoni tal-perjodu ta' preskrizzjoni għall-infurzar.

5.  Il-perjodu ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' sanzjonijiet għandu jkun sospiż:

(a) sakemm tkun għaddiet l-iskadenza għall-ħlas tas-sanzjoni imposta;

(b) jekk l-infurzar tal-ħlas tas-sanzjoni imposta jkun sospiż skont deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv jew tal-Qorti tal-Ġustizzja.

▼B

Artikolu 5

Ir-reviżjoni ġudizzjarja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropew għandu jkollha ġurisdizzjoni mingħajr limiti fit-tifsira ta' l-Artikolu 172 tat-Trattat fuq ir-reviżjoni tad-deċiżjonijiet finali li bihom tiġi imposta sanzjoni.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet Ġenerali u poter regolatorju

1.  Fil-każ ta' konflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet tar- Regolamenti oħra tal-Kunsill li jagħtu poter lill-BĊE li jimponi sanzjonijiet, id-dispożizzjonijiet ta' dan ta' l-aħħar għandhom jirbħu.

2.  Bla ħsara għal-limiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, il-BĊE jista' jadotta regolamenti sabiex jispeċifikaw iktar fit-tul l-arranġamenti li bihom is-sanzjonijiet jistgħu jiġu imposti skond dan ir-Regolament kif ukoll mal-linji li jikkordinaw u jarmonizzaw il-proċeduri li għandhom x'jaqsmu mat-tmexxija tal-proċedura tal-ksur tal-liġi.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew.

L-Artikolu 6(2) għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-bqija ta' l-Artikoli għandhom japplikaw mill-1 Jannar, 1999.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU C 246, tas-6.8.1998, p. 9.

( 2 ) ĠU C 328, tas-26.10.1998.

( 3 ) Opinjoni mogħtija fit-8 Ottubru, 1998 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

( 4 ) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).