01997R1467 — MT — 30.04.2024 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1467/97

tas-7 ta' Lulju 1997

dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv

(ĠU L 209 2.8.1997, p. 6)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1056/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005

  L 174

5

7.7.2005

►M2

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1177/2011 tat-8 ta’ Novembru 2011

  L 306

33

23.11.2011

►M3

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/1264  tad-29 ta’ April 2024

  L 1264

1

30.4.2024




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1467/97

tas-7 ta' Lulju 1997

dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv



TAQSIMA 1

DEFINIZZJONIJIET U STIMI

▼M3

Artikolu 1

1.  
Dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet biex titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. L-objettiv tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv huwa li jiġu evitati defiċits eċċessivi tal-gvern u, jekk iseħħu, li jinkoraġġixxi ulterjorment il-korrezzjoni tagħhom, meta l-konformità mad-dixxiplina baġitarja tkun eżaminata abbażi tad-defiċit tal-gvern u l-kriterji tad-dejn tal-gvern.
2.  
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament “Stati Membri parteċipanti” tfisser dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.
3.  
Japplikaw id-definizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ).

Artikolu 2

1.  
L-eċċess tad-defiċit tal-gvern ‘il fuq mill-valur referenzjarju għandu jitqies bħala eċċezzjonali, f’konformità mat-tieni inċiż tal-punt (a) tal-Artikolu 126(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jekk jirriżulta mill-eżistenza ta’ reċessjoni ekonomika severa fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni kollha kemm hi stabbilita mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2024/1263 jew minn ċirkostanzi eċċezzjonali barra mill-kontroll tal-gvern b’impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat, f’konformità mal-Artikolu 26 ta’ dak ir-Regolament.

Minbarra dan, l-eċċess ‘il fuq mill-valur referenzjarju għandu jitqies bħala temporanju jekk il-previżjonijiet baġitarji previsti mill-Kummissjoni jindikaw li d-defiċit ser jaqa’ taħt il-valur referenzjarju wara tmiem ir-reċessjoni ekonomika severa jew iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu.

2.  
Meta l-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-prodott domestiku gross (PDG) jaqbeż il-valur referenzjarju, għandu jitqies bħala li qiegħed jonqos biżżejjed u li qiegħed joqrob lejn il-valur referenzjarju b’pass sodisfaċenti f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 126(2) TFUE jekk l-Istat Membru kkonċernat jirrispetta l-perkors tan-nefqa netta tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE meta l-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG jaqbeż il-valur referenzjarju, il-pożizzjoni baġitarja ma tkunx qrib il-bilanċ jew f’surplus u meta d-devjazzjonijiet irreġistrati fil-kont ta’ kontroll tal-Istat Membru jaqbżu:

(a) 

jew 0,3 punti perċentwali tal-PDG kull sena,

(b) 

inkella 0,6 punti perċentwali tal-PDG b’mod kumulattiv.

3.  
Meta tħejji rapport taħt l-Artikolu 126(3) TFUE, il-Kummissjoni għandha tqis il-fatturi rilevanti kollha kif indikat f’dak l-Artikolu, sakemm dawn jaffettwaw b’mod sinifikanti l-valutazzjoni tal-konformità mal-kriterji tad-defiċit u tad-dejn mill-Istat Membru kkonċernat.

Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 126(3) TFUE għandu jirrifletti, kif xieraq:

(a) 

il-grad tal-isfidi tad-dejn pubbliku bbażat fuq il-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2024/1263, l-evoluzzjoni tal-pożizzjoni tad-dejn tal-gvern u l-finanzjament tiegħu, u l-fatturi ta’ riskju relatati, b’mod partikolari l-istruttura tal-maturità, id-denominazzjoni tal-munita tad-dejn u l-obbligazzjonijiet kontinġenti, inkluż kwalunkwe obbligazzjoni impliċita relatata mat-tixjiħ u d-dejn privat;

(b) 

l-iżviluppi fil-pożizzjonijiet baġitarji fuq perjodu medju ta’ żmien, inkluż, b’mod partikolari, id-daqs tad-devjazzjoni attwali mill-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, f’termini annwali u kumulattivi kif imkejjel mill-kont ta’ kontroll;

(c) 

l-iżviluppi fil-pożizzjoni ekonomika fuq perjodu medju ta’ żmien, inkluż tkabbir potenzjali, l-iżviluppi fl-inflazzjoni u l-iżviluppi ċikliċi meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet sottostanti għall-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill;

(d) 

il-progress fl-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, inkluż b’mod partikolari, il-politiki għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbilanċi makroekonomiċi u l-politiki biex tiġi implimentata l-istrateġija komuni għat-tkabbir u għall-impjiegi tal-Unjoni, inkluż dawk appoġġati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), u l-kwalità ġenerali tal-finanzi pubbliċi, b’mod partikolari l-effettività tal-oqfsa baġitarji nazzjonali;

(e) 

iż-żieda fl-investiment tal-gvern fid-difiża, fejn applikabbli, filwaqt li jitqies ukoll iż-żmien tar-reġistrazzjoni tan-nefqa tat-tagħmir militari.

Il-Kummissjoni għandha tagħti kunsiderazzjoni xierqa u espliċita lil kwalunkwe fattur ieħor li, fl-opinjoni tal-Istat Membru kkonċernat, huwa rilevanti sabiex tiġi vvalutata b’mod komprensiv il-konformità mal-kriterji tad-defiċit u tad-dejn u li l-Istat Membru jkun ressaq quddiem il-Kunsill u l-Kummissjoni. F’dak il-kuntest, għandha tingħata kunsiderazzjoni partikolari lill-kontribuzzjonijiet finanzjarji għat-trawwim tas-solidarjetà internazzjonali u għall-kisba tal-prijoritajiet komuni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 13, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263.

4.  
Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu valutazzjoni ġenerali bilanċjata tal-fatturi rilevanti kollha, speċifikament il-limitu sa fejn dawn jaffettwaw il-valutazzjoni tal-konformità mal-kriterji tad-defiċit u/jew tad-dejn bħala fatturi ta’ aggravazzjoni jew ta’ mitigazzjoni. Meta l-Istat Membru jiffaċċa sfidi sostanzjali ta’ dejn pubbliku kif imsemmi fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, dan għandu jitqies bħala fattur aggravanti ewlieni. L-iżviluppi ekonomiċi, baġitarji u finanzjarji ċikliċi favorevoli ma għandhomx jitqiesu bħala fatturi mitiganti, filwaqt li żviluppi mhux favorevoli jistgħu jitqiesu bħala fatturi mitiganti.

Meta jivvalutaw il-konformità abbażi tal-kriterju tad-defiċit, jekk il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG jaqbeż il-valur referenzjarju, għandhom jitqiesu dawk il-fatturi fil-passi li jwasslu għad-deċiżjoni rigward l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv kif previst fl-Artikolu 126(4), (5) u (6) TFUE biss jekk il-kundizzjoni doppja tal-prinċipju ġenerali – li, qabel ma jitqiesu dawn il-fatturi rilevanti, id-defiċit tal-gvern estiż jibqa’ qrib il-valur referenzjarju u l-eċċess tiegħu il fuq mill-valur referenzjarju jkun temporanju – tiġi ssodisfata b’mod sħiħ.

Madanakollu, għandu jittieħed kont ta’ dawk il-fatturi fil-passi li jwasslu għad-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv meta tiġi vvalutata l-konformità abbażi tal-kriterju tad-dejn.

5.  
Meta l-Istati Membri jitħallew jiddevjaw mill-perkors tan-nefqa netta tagħhom skont l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni u l-Kunsill, fil-valutazzjoni tagħhom, jistgħu jiddeċiedu li ma jaslux għal konklużjoni rigward l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv.
6.  
Jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi skont l-Artikolu 126(6) TFUE, jiddeċiedi li jeżisti defiċit eċċessiv fi Stat Membru, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom, fil-passi proċedurali sussegwenti tal-Artikolu 126 TFUE, jikkunsidraw il-fatturi rilevanti msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, billi dawn jaffettwaw is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, inkluż kif speċifikat fl-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fl-istabbiliment ta’ skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv u eventwalment fl-estensjoni ta’ dik l-iskadenza. Madanakollu, dawk il-fatturi rilevanti ma għandhomx jiġu kkunsidrati għad-deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(12) TFUE dwar it-tħassir ta’ xi wħud mid-deċiżjonijiet tiegħu jew tad-deċiżjonijiet kollha tiegħu skont l-Artikolu 126(6) sa (9) u (11) TFUE.

▼M2

TAQSIMA 1 A

DJALOGU EKONOMIKU

Artikolu 2a

1.  
Bl-iskop li jitjieb id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u bl-iskop li jkunu żgurati aktar trasparenza u responsabbiltà politika, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-President tal-Kunsill, lill-Kummissjoni u, fejn ikun xieraq, lill-President tal-Kunsill Ewropew jew lill-President tal-Eurogroup sabiex jidhru quddiem il-kumitat biex jiddiskutu d-deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(6) tat-TFUE, ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(7) tat-TFUE, avviżi taħt l-Artikolu 126(9) tat-TFUE u deċiżjonijiet tal-Kunsill meħuda skont l-Artikolu 126(11) tat-TFUE.

Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ joffri l-opportunità lill-Istat Membru kkonċernat minn dawn id-deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew avviżi sabiex jipparteċipa fi skambju ta’ opinjonijiet

2.  
Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw regolarment lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

▼B

TAQSIMA 2

TĦAFFIF TAL-PROĊEDURA TA' L-IŻBILANĊ EĊĊESSIV

▼M3

Artikolu 3

1.  
Fi żmien ġimagħtejn mill-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ rapport maħruġ f’konformità mal-Artikolu 126(3) TFUE, il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju għandu jifformola opinjoni f’konformità mal-Artikolu 126(4) TFUE.
2.  
Filwaqt li titqies bis-sħiħ l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jekk tqis li jeżisti defiċit eċċessiv, il-Kummissjoni għandha tindirizza opinjoni u proposta lill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 126(5) u (6) TFUE u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew b’dan.
3.  
Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv f’konformità mal-Artikolu 126(6) TFUE, bħala regola fi żmien erba’ xhur mid-dati ta’ rapportar stabbiliti fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 ( 3 ). Meta jiddeċiedi li jeżisti defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu fl-istess ħin jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-Artikolu 126(7) TFUE. Il-Kunsill għandu jagħmel pubbliċi d-deċiżjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 126(6) TFUE.
4.  
Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill magħmula f’konformità mal-Artikolu 126(7) TFUE għandha tistabbilixxi skadenza massima ta’ sitt xhur għal azzjoni effettiva li trid tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat. Meta l-livell ta’ gravità tas-sitwazzjoni jkun jiġġustifikaha, l-iskadenza għal azzjoni effettiva tista’ tkun ta’ tliet xhur. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha tistabbilixxi wkoll skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kunsill għandu jitlob ukoll li l-Istat Membru jimplimenta perkors tan-nefqa netta korrettiva biex jiżgura li d-defiċit tal-gvern estiż jibqa’ jew jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju sal-iskadenza stabbilita fir-rakkomandazzjoni.

Fejn il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv tkun infetħet abbażi tal-kriterju tad-defiċit, għas-snin meta d-defiċit tal-gvern estiż ikun mistenni jaqbeż il-valur referenzjarju, il-perkors tan-nefqa netta korrettiva għandu jkun konsistenti ma’ aġġustament annwali minimu ta’ mill-inqas 0,5  % tal-PDG bħala parametru referenzjarju.

Meta l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv tkun infetħet abbażi tal-kriterju tad-dejn, il-perkors tan-nefqa netta korrettiva għandu jkun mill-inqas eżiġenti daqs il-perkors tan-nefqa netta stabbilit mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, u jikkoreġi bħala regola d-devjazzjonijiet akkumulati tal-kont ta’ kontroll sal-iskadenza stabbilita mill-Kunsill.

5.  
Sal-iskadenza prevista fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrapporta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE. Ir-rapport għandu jinkludi l-miri għan-nefqa u għad-dħul tal-gvern u għall-miżuri diskrezzjonarji fin-naħa tan-nefqa u tad-dħul b’mod konsistenti mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, kif ukoll l-informazzjoni dwar il-miżuri meħuda u n-natura ta’ dawk previsti biex jintlaħqu l-miri. L-Istat Membru għandu jagħmel ir-rapport pubbliku. L-Istat Membru jista’ jistieden lill-istituzzjoni fiskali indipendenti rilevanti biex tipproduċi rapport mhux vinkolanti u separat dwar is-suffiċjenza tal-miżuri meħuda u previsti fir-rigward tal-miri.
6.  

Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) TFUE fejn:

(a) 

tkun ittieħdet azzjoni effettiva b’reazzjoni għal tali rakkomandazzjoni u jkunu japplikaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jew

(b) 

ikunu japplikaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Ir-rakkomandazzjoni riveduta tista’, b’mod partikolari, testendi l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv b’sena bħala regola.

Artikolu 4

1.  
Meta jikkunsidra jekk itteħditx azzjoni effettiva b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu magħmula f’konformità mal-Artikolu 126(7) TFUE, il-Kunsill għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq ir-rapport ippreżentat mill-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-Regolament u l-implimentazzjoni tiegħu, kif ukoll fuq kwalunkwe deċiżjoni oħra mħabbra pubblikament u dettaljata biżżejjed mill-gvern tal-Istat Membru kkonċernat.

Meta l-Kunsill jistabbilixxi, skont l-Artikolu 126(8) TFUE, li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jieħu azzjoni effettiva, huwa għandu għaldaqstant jirrapporta lill-Kunsill Ewropew.

2.  
Kull deċiżjoni mill-Kunsill skont l-Artikolu 126(8) TFUE biex jagħmel pubbliċi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fejn ikun stabbilit li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effettiva għandha tittieħed immedjatament wara li jiskadi l-limitu ta’ żmien stabbilit skont l-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-Regolament.

▼M1

Artikolu 5

▼M3

1.  
Kull deċiżjoni tal-Kunsill biex jingħata avviż lill-Istat Membru parteċipanti kkonċernat biex jieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit f’konformità mal-Artikolu 126(9) TFUE għandha tittieħed fi żmien xahrejn mid-deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(8) TFUE li tistabbilixxi li ma tteħditx azzjoni effettiva. Fl-avviż, il-Kunsill għandu jitlob li l-Istat Membru biex jimplimenta perkors tan-nefqa netta korrettiva f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-Regolament. Il-Kunsill għandu wkoll jindika miżuri li jwasslu għall-ilħuq tal-perkors tan-nefqa netta korrettiva.

▼M2

1a.  
B’segwitu għall-avviż tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(9) tat-TFUE, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrapporta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għalih. Ir-rapport għandu jinkludi l-miri għan-nefqa u d-dħul tal-gvern u għal miżuri diskrezzjonarji fin-naħa tan-nefqa u d-dħul, kif ukoll l-informazzjoni dwar il-miżuri meħuda b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-Kunsill sabiex il-Kunsill ikun jista’ jieħu, jekk ikun meħtieġ, deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-Regolament. L-Istat Membru għandu jagħmel ir-rapport pubbliku.

▼M3

2.  

Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta avviż rivedut skont l-Artikolu 126(9) TFUE fejn:

(a) 

tkun ittieħdet azzjoni effettiva b’reazzjoni għal tali avviż u jkunu japplikaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jew

(b) 

ikunu japplikaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

L-avviż rivedut jista’, b’mod partikolari, jestendi l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv b’sena bħala regola.

▼M2

Artikolu 6

▼M3

1.  
Meta jikkunsidra jekk itteħditx azzjoni effettiva b’reazzjoni għall-avviż tiegħu magħmul f’konformità mal-Artikolu 126(9) TFUE, il-Kunsill għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq ir-rapport ippreżentat mill-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-Artikolu 5(1a) ta’ dan ir-Regolament u l-implimentazzjoni tiegħu, kif ukoll fuq kwalunkwe deċiżjoni oħra mħabbra pubblikament u dettaljata biżżejjed mill-gvern tal-Istat Membru kkonċernat. Ir-riżultat tal-missjoni ta’ sorveljanza mwettaq mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10a ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi kkunsidrat.

▼M2

2.  
Meta l-kondizzjoniet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 126(11) tat-TFUE jiġu sodisfatti, il-Kunsill għandu jimponi sanzjonijiet f’konformità ma’ dak l-Artikolu. Kull deċiżjoni bħal din għandha tittieħed mhux aktar tard minn erba’ xhur wara d-deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(9) tat-TFUE li tagħti avviż lill-Istat Membru parteċipanti kkonċernat biex jieħu l-miżuri.

Artikolu 7

Jekk Stat Membru parteċipanti ma jikkonformax mal-atti suċċessivi tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) u (9) tat-TFUE, id-deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(11) tat-TFUE li jimponi sanzjonijiet għandha tittieħed bħala regola fi żmien sittax-il xahar mid-dati ta’ rapportaġġ stabbiliti fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009. Fejn jiġu applikati l-Artikolu 3(5) jew l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-Regolament, l-iskadenza ta’ sittax-il xahar għandha tiġi għaldaqstant aġġustata. Għandha ttintuża proċedura xierqa fil-każ ta’ defiċit ippjanat deliberatament li l-Kunsill jiddeċiedi li hu eċċessiv.

▼M3

Artikolu 8

1.  
Kull deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(11) TFUE biex jintensifika s-sanzjonijiet għandha tittieħed mhux aktar tard minn xahrejn wara d-dati tar-rapportar skont ir-Regolament (KE) Nru 479/2009.
2.  
Kull deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(12) TFUE biex jitħassru wħud mid-deċiżjonijiet tiegħu jew id-deċiżjonijiet kollha tiegħu għandha tittieħed malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn xahrejn wara d-dati tar-rapportar skont ir-Regolament (KE) Nru 479/2009.
3.  
Deċiżjoni tal-Kunsill għandha tittieħed biss skont l-Artikolu 126(12) TFUE meta d-defiċit ikun inġieb taħt il-valur referenzjarju u jkun ipproġettat mill-Kummissjoni li jibqa’ hekk fis-sena attwali u dik ta’ wara u, fejn il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv tkun infetħet abbażi tal-kriterju tad-dejn, l-Istat Membru kkonċernat ikun irrispetta l-perkors tan-nefqa netta korrettiva stabbilit mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 3(4) jew l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament.

▼B

TAQSIMA 3

SOSPENSJONI U KONTROLLI

Artikolu 9

▼M3

1.  

Il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv għandha tinżamm sospiża meta:

(a) 

l-Istat Membru kkonċernat jaġixxi f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet magħmula f’konformità mal-Artikolu 126(7)TFUE,

(b) 

l-Istat Membru parteċipanti kkonċernat jaġixxi f’konformità mal-avviżi mogħtija f’konformità mal-Artikolu 126(9) TFUE.

▼M1

2.  
Il-perijodu li matulu l-proċedura tibqa' sospiża m'għandux jiġi inkluż, la fil-perijodu msemmi fl-Artikolu 6 u lanqas fil-perijodu msemmi fl-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament.

▼M1

3.  
Wara l-iskadenza tal-perijodu msemmi fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 3(4) u wara l-iskadenza tal-perijodu msemmi fit-tieni sentenza ta' ►M2  l-Artikolu 6(2) ◄ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill jekk hija tqis li l-miżuri meħudin huma biżżejjed biex jiġi żgurat progress adegwat lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fil-limiti ta' żmien stabbiliti mill-Kunsill, dment li jiġu implimentati fis-sħiħ u li l-iżviluppi ekonomiċi huma konformi mal-previżjonijiet. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni għandha tinħareġ għall-pubbliku.

▼M3

Artikolu 10

1.  

Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jimmonitorjaw b’mod regolari l-implimentazzjoni tal-azzjoni meħuda:

— 
mill-Istat Membru kkonċernat bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 126(7) TFUE,
— 
mill-Istat Membru parteċipanti kkonċernat bi tweġiba għall-avviżi mogħtija skont l-Artikolu 126(9) TFUE.
2.  
Meta azzjoni minn Stat Membru parteċipanti ma tkunx qiegħda tiġi implimentata jew, fil-fehma tal-Kunsill, tkun qiegħda turi li mhijiex adegwata, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni minnufih skont il-paragrafu 9 jew 11 tal-Artikolu 126 TFUE rispettivament.
3.  
Meta d-data attwali skont ir-Regolament (KE) Nru 479/2009 tindika li defiċit eċċessiv ma jkunx ġie kkoreġut minn Stat Membru parteċipanti fil-limiti ta’ żmien speċifikati jew fir-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew fl-avviżi maħruġa skont l-Artikolu 126(9) TFUE, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni minnufih skont l-Artikolu 126(9) jew (11) TFUE rispettivament.

▼M2

Artikolu 10a

▼M3

1.  
Il-Kummissjoni għandha tiżgura djalogu permanenti mal-awtoritajiet tal-Istati Membri skont l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, twettaq missjonijiet għall-fini tal-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika attwali fl-Istat Membru u l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe riskju jew diffikultà ta’ konformità mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament u tippermetti skambju ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn, inkluż l-istituzzjonijiet fiskali indipendenti nazzjonali.
2.  
Wara l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE, u jekk mitlub mill-parlament tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tas-sitwazzjoni ekonomika u fiskali fl-Istat Membru. Tista’ ssir sorveljanza msaħħa għal Stati Membri li jkunu s-suġġett ta’ rakkomandazzjonijiet u avviżi maħruġa b’segwitu għal deċiżjoni skont l-Artikolu 126(8) TFUE u deċiżjonijiet skont l-Artikolu 126(11) TFUE għall-finijiet ta’ monitoraġġ ta’ fuq il-post. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja għall-preparazzjoni u t-tmexxija tal-missjoni.

▼M2

3.  
Il-Kummissjoni tista’ tistieden rappreżentanti tal-Bank Ċentrali Ewropew, jekk ikun xieraq, biex jieħdu sehem f’missjonijiet ta’ sorveljanza fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro jew li jipparteċipa fil-Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu tar-rata tal-kambju fit-tielet stadju tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja ( 4 ) (ERM II).
4.  
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar ir-riżultat tal-missjoni msemmija fil-paragarafu 2 u tista’ tiddeċiedi li tagħmel il-konklużjonijiet tagħha disponibbli għall-pubbliku.
5.  
Meta torganizza missjonijiet ta’ sorveljanza msemmijin fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tittrasmetti l-konklużjonijiet proviżorji tagħha lill-Istati Membri konċernati għall-kummenti tagħhom.

▼B

TAQSIMA 4

SANZJONIJIET

▼M2

Artikolu 11

Kull meta l-Kunsill jiddeċiedi, taħt l-Artikolu 126(11) tat-TFUE, li jimponi sanzjonijiet fuq Stat Membru parteċipanti, bħala regola għandha tkun meħtieġa multa. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jissupplimenta tali multa bil-miżuri l-oħrajn previsti fl-Artikolu 126(11) tat-TFUE.

▼M3

Artikolu 12

1.  
L-ammont tal-multa għandu jammonta sa 0,05  % tal-aħħar stima tal-PDG tas-sena preċedenti għal perjodu ta’ sitt xhur u għandu jitħallas kull sitt xhur sakemm il-Kunsill jivvaluta li l-Istat Membru kkonċernat ikun ħa azzjoni effettiva b’reazzjoni għall-avviż maħruġ skont l-Artikolu 126(9) TFUE.
2.  
F’kull perjodu ta’ sitt xhur wara dak li fih tiġi imposta multa, sa meta tiġi revokata d-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu jivvaluta jekk l-Istat Membru parteċipanti kkonċernat ikunx ħa azzjoni effettiva b’reazzjoni għall-avviż tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 126(9) TFUE. F’dik il-valutazzjoni ta’ kull sitt xhur, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, f’konformità mal-Artikolu 126(11) TFUE, li jintensifika s-sanzjonijiet, dment li l-Istat Membru parteċipanti kkonċernat ikunx ikkonforma mal-avviż tal-Kunsill.

▼M2 —————

▼M3

Artikolu 14

F’konformità mal-Artikolu 126(12) TFUE, il-Kunsill għandu jħassar is-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 126(11), l-ewwel u t-tieni inċiż, TFUE skont kemm ikun sinifikanti l-progress li jkun għamel l-Istat Membru parteċipanti kkonċernat fil-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

Artikolu 15

F’konformità mal-Artikolu 126(12) TFUE, il-Kunsill għandu jħassar is-sanzjonijiet kollha pendenti jekk titħassar id-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-multi imposti f’konformità mal-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament ma jingħatawx lura lill-Istat Membru parteċipanti kkonċernat.

Artikolu 16

Il-multi msemmija fl-Artikolu 12 għandhom jikkostitwixxu dħul ġenerali għall-baġit tal-Unjoni.

▼B

TAQSIMA 5

DISPOSIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

▼M3 —————

▼M3

Artikolu 17a

1.  
Sal-31 ta’ Diċembru 2030 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Dak ir-rapport għandu jirrevedi:

(a) 

l-effettività ta’ dan ir-Regolament fl-ilħuq tal-objettiv tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 1(1); u

(b) 

il-progress fl-iżgurar ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u konverġenza sostnuta tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri f’konformità mat-TFUE.

2.  
Fejn xieraq, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun akkumpanjat minn proposta biex jiġi emendat dan ir-Regolament.
3.  
Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

▼M3

Artikolu 17b

Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, għandu jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew avviż rivedut skont l-Artikolu 126(9) TFUE lill-Istati Membri soġġetti għal rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew għal avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE fit-30 ta’ April 2024, u li jkunu ħadu azzjoni effettiva.

Dan għandu jadotta r-rakkomandazzjoni jew l-avviż rivedut flimkien mal-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263 li tistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta.

▼B

Artikolu 18

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Ez a rendelet teljes egészében kötelező és közvetlenül alkalmazandó valamennyi tagállamban.

▼M3 —————



( 1 ) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

( 2 ) Ir-Regolament (UE) Nru 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

( 3 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).

( 4 )  ĠU C 73, 25.3.2006, p. 21.