1997R1103 — MT — 01.01.2001 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1103/97

tas-17 ta' Ġunju 1997

dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni ta' l-Euro

(ĠU L 162, 19.6.1997, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2595/2000 tas-27 ta' Novembru 2000

  L 300

1

29.11.2000




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1103/97

tas-17 ta' Ġunju 1997

dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni ta' l-Euro



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 235 tiegħu

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni ta' l-Istitut Monetarju Ewropew ( 3 ),

(1) Billi, fil-laqgħa tiegħu miżmuma f'Madrid fil-15 u s-16 ta' Diċembru 1995, il-Kunsill Ewropew ikkonferma li t-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja għandu jibda fl-1 ta' Jannar 1999 kif stabbilit fl-Artikolu 109j (4) tat-Trattat; billi l-Istati Membri li sejrin jadottaw l-Euro bħala l-munita unika bi qbil mat-Trattat għandhom ikunu definiti għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament bħala “l-Istati Membri parteċipanti”;

(2)

Billi, fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Madrid, ġiet meħuda d-deċiżjoni li t-terminu “ECU” wżat fit-Trattat biex jirreferi għall-unità tal-munita Ewropea huwa terminu ġeneriku; billi l-Gvernijiet tal-ħmistax-il Stat Membru kisbu l-ftehim komuni li din id-deċiżjoni hija l-interpretazzjoni miftiehma u definittiva tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat rilevanti; billi l-isem mogħti lill-munita Ewropea għandu jkun “Euro”; billi l-Euro bħala l-munita ta' l-Istati Membri parteċipanti għandu jinqasam f'mitt sotto-unità bl-isem ta' “ċenteżmu”; billi wkoll il-Kunsill ikkunsidra li l-isem tal-munita unika għandu jkun l-istess fil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-Unjoni Ewropea, fil-waqt li tingħata kunsiderazzjoni għall-alfabetti differenti li jeżistu;

(3)

Billi r-Regolament dwar id-dħul ta' l-Euro għandu jkun adottat mill-Kunsill fuq il-bażi tat-tielet sentenza ta' l-Artikolu 109l(4) tat-Trattat hekk kif l-Istati Membri parteċipanti jingħarfu sabiex jiddefinixxu l-qafas legali ta' l-Euro; billi l-Kunsill, meta jaġixxi fid-data tal-bidu tat-tielet stadju bi qbil ma' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 109l(4) tat-Trattat, għandu jadotta r-rati tal-kambju fissi b' mod irrevokabbli;

(4)

Billi huwa meħtieġ, matul l-operat tas-suq komuni u għall-qlib f'munita unika, li tkun provvduta ċ-ċertezza legali liċ-ċittadini u lill-azjendi fl-Istati Membri kollha dwar ċerti dispożizzjonijiet li jkollhom x'jaqsmu mad-dħul ta' l-Euro minn ħafna qabel id-dħul fit-tielet stadju; billi din iċ-ċertezza fi stadju bikri tagħti lok li t-tħejjijiet miċ-ċittadini u l-azjendi jipproċedu f'kundizzjonijiet tajba;

(5)

Billi t-tielet sentenza ta' l-Artikolu 109l (4) tat-Trattat, li jagħti permess lill-Kunsill, huwa u jaġixxi bl-unanimità ta' l-Istati Membri parteċipanti, sabiex jieħu l-miżuri l-oħrajn meħtieġa għad-dħul bil-ħeffa tal-munita unika, isir disponibbli biss bħala bażi legali meta jiġi konfermat, bi qbil ma' l-Artikolu 109j(4) tat-Trattat, liema Stat Membru jista' jwettaq il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika; billi għalhekk huwa meħtieġ li jsir rikors għall-Artikolu 235 tat-Trattat bħala bażi legali għal dawk id-disposizzjonijiet meta jkun hemm urġenza għal ċertezza legali; billi għalhekk dan ir-Regolament u r-Regolament imsemmi qabel dwar id-dħul ta' l-Euro għandhom flimkien jipprovdu l-qafas legali għall-Euro, liema prinċipji ta' dan il-qafas legali ġew miftiehma fil-Kunsill Ewropew f'Madrid; billi d-dħul ta' l-Euro jinteressa operaturi minn jum għall-ieħor tal-popolazzjoni kollha ta' l-Istati Membri parteċipanti; billi l-miżuri l-oħrajn apparti minn dawk f'dan ir-Regolament u fir-Regolament li jrid jiġi adottat skond it-tielet sentenza ta' l-Artikolu 109l(4) tat-Trattat għandhom jiġu eżaminati biex jassiguraw qalba bilanċjata, partikolarment għall-konsumaturi;

(6)

Billi l-ECU kif imsemmi fl-Artikolu 109g tat-Trattat u kif definit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3320/94 tat-22 ta' Diċembru 1994 dwar il-konsolidazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti tal-Komunità meta d-definizzjoni ta' l-ECU wara li jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea ( 4 ) ma jibqax ikun definit bħala basket ta' muniti komponenti fl-1 Jannar 1999 u l-Euro jsir munita bid-drittijiet tiegħu; billi d-deċiżjoni tal-Kunsill li għandha x'taqsam ma' l-adozzjoni tar-rati tal-kambju ma għandhiex fiha nnifisha tibdel il-valur estern ta' l-ECU; billi dan ifisser li ECU wieħed fil-kompożizzjoni tiegħu bħala basket ta' muniti komponenti għandu jsir Euro wieħed; billi r-Regolament (KE) Nru 3320/94 għalhekk ma jibqax jintuża iktar u għandu jiġi mħassar; billi fir-referenzi għall-ECU fi strumenti legali, il-partijiet għandhom jitqiesu li ftiehmu li jirreferu għall-ECU kif imsemmi fl-Artikolu 109g tat-Trattat u kif definit fir-Regolament imsemmi qabel; billi din il-preżunzjoni għandha tiġi miċħuda fil-waqt li tingħata kunsiderazzjoni għall-intenzjoni tal-partijiet;

(7)

Billi huwa ġeneralment aċċettat bħala prinċipju tal-liġi li l-kontinwità tal- kuntratti u ta' l-istrumenti legali l-oħrajn ma tiġix affettwata bid-dħul ta' munita ġdida; billi l-prinċipju tal-libertà tal-kuntratt għandu jkun rispettat; billi l-prinċipju tal-kontinwità għandu jkun kompatibbli ma' dak kollu li l-partijiet ikunu ftiehmu fuqu f'dak li għandu x'jaqsam mad-dħul ta' l-Euro; billi, sabiex jiġu nfurzati mill-ġdid iċ-ċertezza u l-kjarezza legali, huwa xieraq li jiġi konfermat espliċitament li l-prinċipju ta' kontinwità tal-kuntratti u ta' l-istrumenti legali l-oħrajn għandu japplika bejn il-muniti nazzjonali ta' qabel u l-Euro u bejn l-ECU kif imsemmi fl-Artikolu 109g tat-Trattati u kif definit fir-Regolament (KE) No 3320/94 u l-Euro; billi dan partikolarment jimplika, li fil-każ ta' strumenti ta' skali ta' l-imgħax fiss id-dħul ta' l-Euro ma jibdilx l-iskala nominali ta' l-imgħax li jitħallas mid-debitur; billi d-dispożizzjonijiet dwar il-kontinwità jistgħu jwettqu l-għan tagħhom li jipprovdu ċertezza legali u trasparenza lill-aġenti ekonomiċi, partikolarment lill-konsumaturi, biss jekk jidħlu fis-seħħ malajr kemm jista' jkun;

(8)

Billi d-dħul ta' l-Euro jikkostitwixxi bidla fil-liġi monetarja ta' kull Stat Membru parteċipanti; billi l-għarfien tal-liġi monetarja ta' Stat huwa prinċipju aċċettat universalment; billi l-konferma espliċita tal-prinċipju tal-kontinwità għandha twassal għall-għarfien tal-kontinwità tal-kuntratti u l-istrumenti legali l-oħrajn fil-ġudikaturi ta' pajjiżi terzi;

(9)

Billi t-terminu “kuntratt” użat għad-definizzjoni ta' strumenti legali huwa mifhum li jinkludi t-tipi kollha ta' kuntratti, irrispettivament mill-mod kif ikunu konklużi;

(10)

Billi l-Kunsill, huwa u jaġġixxi bi qbil ma' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 109l (4) tat-Trattat, għandu jiddefinixxi r-rata tal-kambju ta' l-Euro fit-termini ta' kull waħda mill-muniti nazzjonali ta' l-Istati Membri parteċipanti; billi dawn l-iskali ta' kambju għandhom jintużaw għal kull konverżjoni bejn l-Euro u l-unitajiet ta' munita nazzjonali jew fost l-unitajiet tal-muniti nazzjonali nfushom; billi għal kull konverżjoni fost l-unitajiet ta' muniti nazzjonali, algoriżmu fiss għandu jiddefinixxi r-riżultat; billi l-użu ta' skala invertita għall-konverżjoni timplika l-arrotondament tar-rati fl-iskali u tista' tirriżulta f'nuqqasijiet sinifikanti fl-eżattezza, l-iktar jekk ikunu involuti somom kbar;

(11)

Billi d-dħul ta' l-Euro jeħtieġ l-arrotondament fl-ammonti monetarji; billi indikazzjoni bikrija tar-regoli dwar l-arrotondament hija meħtieġa matul l-operat tas-suq komuni u biex tagħti lok għal tħejjija f'waqtha u għal transizzjoni bla tfixkil għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja; billi dawn ir-regoli ma jaffettwawx il-prattika ta' l-arrotondament, konvenzjonijiet jew disposizzjoniet nazzjonali li jipprovdu livell ogħla ta' eżattezza għal kalkoli intermedjarji;

(12)

Billi, sabiex jinkiseb livell għoli ta' eżattezza fl-operati tal-kambju, ir-rati tal-kambju għandhom jiġu definiti f'sitt ċifri sinifikattivi; billi l-iskala ta' sitt ċifri sinifikattivi tfisser l-iskala li, magħduda mix-xellug u tibda bl-ewwel ċifra li mhux zero, għandha sitt ċifri,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Għall-iskop ta' dan ir-Regolament:

 “strumenti legali” għandhom jitqiesu dawk id-dispożizzjonijiet leġislattivi u statutorji, atti ta' l-amministrazzjoni, deċiżjonijiet ġuridiċi, kuntratti, atti legali unilaterali, strumenti ta' ħlas għajr noti-bankarji u muniti, u strumenti oħrajn b'effett legali,

 “Stati Membri parteċipanti” għandhom jitqiesu dawk l-Istati Membri li jadottaw il-munita unika bi qbil mat-Trattat,

 “ir-rati tal-kambju” għandhom jitqiesu bħala r-rati irrevokabbilment fissi tal-kambju li jadotta l-Kunsill bi qbil ma l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 109l (4) tat-Trattat, ►M1  jew bi qbil mal-paragrafu 5 ta' dak l-Artikolu, ◄

 “unitajiet ta' munita nazzjonali” għandhom jitqiesu dawk l-unitajiet ta' munita ta' l-Istati Membri parteċipanti, kif dawk l-unitajiet li jiġu definiti fil-jum ta' qabel il-bidu tat-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ►M1  jew, kif ikun il-każ, fil-jum ta' qabel li l-euro jissostitwixxi l-munita ta' Stat Membru li jadotta l-euro iktar tard, ◄

 “unità ta' l-Euro” għandha titqies l-unità tal-munita unika kif definita fir-Regolament dwar l-introduzzjoni ta' l-Euro li tidħol fis-seħħ mad-data tal-bidu tat-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Artikolu 2

1.  Kull referenza fi strument legali għall-ECU, kif imsemmi fl-Artikolu 109g tat-Trattat u kif definit fir-Regolament (KE) Nru 3320/94, għandha tiġi mibdula b'referenza għall-Euro fuq ir-rata ta' Euro wieħed għal ECU wieħed. Riferenzi fi strument legali għall-ECU mingħajr din id-definizzjoni għandhom jitqiesu, fil-waqt iżda li presunzjoni bħal din għandha tiġi ribattuta jekk hekk ikunu l-intenzjonijiet tal-partijiet, bħala referenzi għall-ECU kif imsemmi fl-Artikolu 109g tat-Trattat u kif definit fir-Regolament (KE) Nru 3320/94

2.  Ir-Regolament (KE) Nru 3320/94 qed jiġi hawn imħassar.

3.  Dan l-Artikolu għandu japplika mill-1 Jannar 1999 bi qbil mad-deċiżjoni li toħroġ mill-Artikolu 109j (4) tat-Trattat.

Artikolu 3

Id-dħul ta' l-Euro ma għandux ikollu l-effett li jibdel xi terminu ta' strument legali jew li jwaqqa' jew jiskuża xi operat li joħroġ minn xi strument legali, lanqas li jagħti lil xi parti d-dritt li jibdel jew itemm unilateralment dan l-istrument. Din id-dispożizzjoni hija bla ħsara għal kull ħaġa li fuqha jista' jkunu ftiehmu l-partijiet.

Artikolu 4

1.  Ir-rati tal-kambju għandhom jiġu adottati bħala euro wieħed espress f'termini tal-munita nazzjonali ta' l-Istati Membri parteċipanti. Għandhom jiġu adotti b'sitt ċifri sinifikanti

2.  Ir-rati tal-kambju ma għandhomx ikunu arrotondati jew ikunu tronkati waqt li jkun qiegħed isir it-tibdil.

3.  Ir-rati tal-kambju għandhom jintużaw fuq kull naħa bejn l-unità ta' l-Euro u l-unitajiet tal-munita nazzjonali. Rati inversi li joħorġu mir-rati tal-kambju ma għandhomx jintużaw.

4.  Ammonti monetarji li għandhom ikunu maqluba minn unità ta' munita nazzjonali għal oħra għandhom l-ewwel jiġu maqluba f'ammont monetarju espress fl-unità ta' l-euro, liema ammont jista' jkun arrotondat sa tliet ċifri deċimali u mbagħad jiġi konvertit fl-unità tal-munita nazzjonali l-oħra. L-ebda metodu alternattiv ma jista' jintuża jekk ma jwassalx għall-istess riżultati.

Artikolu 5

Ammonti monetarji li għandhom jitħallsu jew li jrid isir kont tagħhom meta jseħħ l-arrotondament wara konverżjoni fl-unità ta' l-euro kif jirriżulta mill-Artikolu 4 għandhom ikunu arrotondati 'il fuq jew 'l isfel sa l-eqreb ċenteżmu. Ammonti monetarji li jkunu jridu jitħallsu jew spjegati li jiġu konvertiti fl-unità ta' munita nazzjonali għandhom jiġu arrotondati 'il fuq jew 'l isfel sa l-eqreb sub-unità jew fl-assenza ta' sub-unità sa l-eqreb unità, jew bi qbil mal-liġijiet jew mal-prattiċi nazzjonali sa multilpu jew frazzjon tas-sub-unità ta' l-unità tal-munita nazzjonali. Jekk l-applikazzjoni tar-rata tal-kambju tagħti riżultat li jkun eżattament nofs triq, is-somma għandha tkun arrotondata.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolmanet għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU C 369, tas-7.12.1996, p. 8.

( 2 ) ĠU C 380, tas-16.12.1996, p. 49.

( 3 ) L-Opinjoni mogħtija fid-29 ta' Novembru 1996.

( 4 ) ĠU L 350, tal-31.12.1994, p. 27.