1996L0008 — MT — 20.06.2007 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 96/8/KE

tas-26 ta’ Frar 1996

dwar ikel maħsub sabiex jintuża f’dieti ta’ restrizzjoni ta’ enerġija għat-tnaqqis fil-piż

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 055, 6.3.1996, p.22)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2007/29/KE Test b’relevanza għaż-ŻEE tat-30 ta’ Mejju 2007

  L 139

22

31.5.2007




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 96/8/KE

tas-26 ta’ Frar 1996

dwar ikel maħsub sabiex jintuża f’dieti ta’ restrizzjoni ta’ enerġija għat-tnaqqis fil-piż

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat-3 ta’ Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar oġġetti ta’ l-ikel maħsubin għal użu nutrittiv partikolari ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi l-miżuri tal-Komunità li għalihom hemm provdut b’din id-Direttiva ma jaqbżux dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet li diġà hemm provdut għalihom bid-Direttiva 89/398/KEE;

Billi l-prodotti koperti b’din id-Direttiva huma varji u huma ġeneralment magħżulin bħala dawk maħsubin biex jissostitwixxu d-dieta kollha ta’ kuljum u dawk maħsubin biex jissostitwixxu parti mid-dieta ta’ kuljum;

Billi l-kompożizzjoni ta’ tali prodotti għandha tkun tali li tissodisfa l-ħtiġiet nutrittivi ta’ kuljum għal nutrijenti essenzjali, per eżempju biex tipprovdi parti sinifikanti minn dawk il-ħtiġiet, kif jista’ jkun il-każ, tal-persuni li għalihom huma maħsubin;

Billi dan l-aħħar ġew żviluppati numru ta’ prodotti biex jintużaw bħala sostituti għal snacks u biex jissuplixxu ċerti kwantitajiet ta’ makronutrijenti u mikronutrijenti essenzjali magħżula; billi l-kompożizzjoni essenzjali ta’ dawk il-prodotti għandha tiġi adottata f’data iktar tard;

Billi, barra minn hekk, l-enerġija pprovduta bil-prodotti koperti minn din id-Direttiva għandha tiġi ristretta;

Billi l-kontenut ta’ l-enerġija ta’ xi prodotti maħsubin sabiex jissostitwixxu d-dieta kollha ta’ kuljum huwa baxx ħafna; billi regoli speċifiċi għal dawn il-prodotti ta’ enerġija baxxa ħafna għandhom jiġu adottati f’data aktar tard;

Billi din id-Direttiva tirrifletti għarfien kurrenti dwar dawn il-prodotti; billi kwalunkwe modifika biex tippermetti għal innovazzjoni bbażata fuq il-progress xjentifiku u tekniku għandha tiġi deċiża bil-proċedura stipulata fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 89/398/KEE;

Billi bi qbil ma’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/398/KEE, id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-sustanzi b’għanijiet nutrittivi speċifiċi biex jintużaw fil-manifattura tal-prodotti għandhom jiġu stabbiliti f’Direttiva separata tal-Kummissjoni;

Billi d-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-użu ta’addittivi fil-manifattura tal-prodotti għandhom jiġu stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill rilevanti;

Billi bi qbil ma’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/398/KEE, il-prodotti koperti b’din id-Direttiva huma soġġetti għar-regoli ġenerali stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-riklamar ta’ l-affarijiet ta’ l-ikel ( 2 ), kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 93/102/KE ( 3 ); billi, fejn huwa xieraq, din id-Direttiva tadotta u tespandi fuq iż-żjidiet u l-eċċezzjonijiet ta’ dawk ir-regoli ġenerali;

Billi, b’mod partikolari, in-natura u d-destinazzjoni tal-prodotti koperti b’din id-Direttiva jeħtieġu ttikkettjar nutrittiv għall-valur ta’ l-enerġija u n-nutrijenti ewlenin li jkun fihom;

Billi l-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel kien, skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/398/KEE, ġie kkonsultat dwar id-dispożizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw is-saħħa pubblika;

Billi l-miżuri li għalihom hemm provdut f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar l-Oġġetti ta’ l-Ikel,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:



L-Artikolu 1

1.  Din id-Direttiva hija “Direttiva speċifika” fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/398/KEE u tistabbilixxi l-ħtiġiet ta’ kompożizzjoni u ttikkettjar għal ikel għal użu nutrittivi partikolari maħsub għal użu f’dieti ta’enerġija ristretta għat-tnaqqis fil-piż u ppreżentat bħala tali.

2.  Ikel għal użu f’dieti ta’ enerġija ristretta għat-tnaqqis fil-piż huwa ikel fformulat speċjali li, meta jintuża kif avżat mill-fabbrikant, jissostitwixxi għal kollox jew parzjalment id-dieta kollha ta’ kuljum. Dan huwa maqsum f’żewġ kategoriji:

(a) prodotti ppreżentati bħala sostituti għad-dieta kollha ta’ kuljum;

(b) prodotti ppreżentati bħala sostituti għal waħda jew iktar minn l-ikliet tad-dieta ta’ kuljum;

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 1 jitqiegħdu fis-suq tal-Komunità biss kemm-il darba jikkonformaw mar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Ikel kopert b’din id-Direttiva għandu jikkonforma mal-kriterji ta’ kompożizzjoni speċifikati fl-Anness I.

L-Artikolu 4

Il-komponenti individwali kollha li jagħmlu il-prodotti li hemm riferenza għalihom fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 1(2), kif mibjugħin, għandhom ikunu miżmumin fl-istess pakkett.

L-Artikolu 5

1.  L-isem li taħtu jinbiegħ il-prodott għandu jkun:

(a) għal prodotti koperti mill-punt (a) ta’ l-Artikolu 1(2), “Sostitut għad-dieta totali għall-kontroll tal-piż”;

(b) għal prodotti koperti bil-punt (b) ta’ l-Artikolu 1(2), “Sostitut ta’ ikla għall-kontroll tal-piż”;

2.  L-ittikkettjar tal-prodotti konċernati għandu jkollu, flimkien mad-dettalji li għalihom hemm provdut fl-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE, id-dettalji mandatarji li ġejjin:

(a) il-valur ta’ l-enerġija disponibbli espressa f’kJ u kcal, u l-kontenut ta’ proteini, karboidrati u xaħam, espressi f’forma numerika, għal kull kwantità speċifikata tal-prodott lest għall-użu kif propost għall-konsum;

(b) il-kwantità medja ta’ kull mineral u kull vitamina li għalihom, il-kondizzjonijiet mandatarji huma stipulati fil-paragrafu 5 ta’ l-Anness 1, espressi f’forma numerika, għal kull kwantità speċifikata tal-prodott lest għall-użu kif propost għall-konsum. Barra minn dan, għal prodotti msemmija fil-punt (b) ta’ l-Artikolu 1(2), informazzjoni dwar il-vitamini u l-minerali elenkati fit-Tabella tal-punt 5 ta’ l-Anness I għandhom ikunu espressi wkoll bħala persentaġġ tal-valuri kif definiti fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE ( 4 );

(ċ) istruzzjonijiet għal preparazzjoni xierqa, fejn meħtieġ, u dikjarazzjoni dwar l-importanza li wieħed isegwi dawk l-istruzzjonijiet;

(d) jekk prodott, meta wżat kif avżat mill-fabbrikant, jipprovdi l-ammont ta’ kuljum ta’ polyols f’eċċess ta’ 20 g kuljum, ikun hemm dikjarazzjoni b’effett li dak l-ikel jista’ jkollu effett lassattiv;

(e) dikjarazzjoni dwar l-importanza li wieħed jieħu ammont ta’ fluwidu adegwat kuljum;

(f) għal prodotti msemmija fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 1(2):

(i) dikjarazzjoni li l-prodott jipprovdi ammonti adegwati tan-nutrijenti essenzjali kollha għall-ġurnata;

(ii) dikjarazzjoni li l-prodott m’għandux jintuża għal iktar minn tliet ġimgħat mingħajr parir mediku;

(g) għal prodotti msemmija fil-punt (b) ta’ l-Artikolu 1(2), dikjarazzjoni b’effett li l-prodotti huma utili għall-użu maħsub biss bħala parti minn dieta ta’ enerġija ristretta u li ikel ieħor għandu jkun parti meħtieġa ta’ dieta bħal din.

▼M1

3.  It-tikkettjar, ir-riklamar u l-preżentazzjoni tal-prodotti kkonċernati ma jistgħu jagħmlu ebda referenza għar-rata jew l-ammont ta’ telf fil-piż li jista’ jirriżulta mill-użu tagħhom.

▼B

L-Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-30 ta’ Settembru 1997. Għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

Dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi għandhom jiġu applikati b’tali mod li:

 jippermettu kummerċ fi prodotti li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, sa l-1 ta’ Ottubru 1997,

 jipprojbixxu kummerċ fi prodotti li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva, b’effett mill-31 ta’ Marzu 1999.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, hum’għandhom ikollhom riferenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn riferenza bħal din fiż-żmien tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal riferenza bħal din għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

L-Artikolu 7

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 8

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




L-ANNESS I

KOMPOŻIZZJONI ESSENZJALI TA’ IKEL GĦAL DIETI TA’ ENERĠIJA RISTRETTA

L-ispeċifikazzjonijiet jirreferu għall-prodotti lesti għall-użu, impoġġija fis-suq bħala tali jew kostitwiti mill-ġdid kif avżat mill-fabbrikant.

1.   Enerġija

1.1.

L-enerġija pprovduta minn prodott imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a) m’għandhiex tkun inqas minn 3 360 kJ (800 kcal) u m’għandhiex taqbeż il-5 040 kJ (1 200 kcal) għar-razzjon totali ta’ kuljum.

1.2.

L-enerġija pprovduta minn prodott imsemmi fl-Artikolu 1(2)(b) m’għandhiex tkun inqas minn 840 kJ (200 kcal) u m’għandhiex taqbeż il-1 680 kJ (400 kcal) għal kull ikla.

2.   Proteini

2.1.

Il-proteini li jinsabu fil-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) u (b) m’għandhomx jipprovdu inqas minn 25 % u mhux aktar minn 50 % ta’ l-enerġija totali tal-prodott. Fi kwalunkwe każ l-ammont ta’ proteini tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) m’għandux jaqbeż il-125 g.

2.2.

Id-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija dwar il-proteini jirriferu għal proteina li l-indiċi kimiku tagħha huwa daqs dak tal-proteini ta’ riferenza tal-FAO/WHO (1985) mogħti fl-Anness 2. Jekk l-indiċi kimiku huwa iktar baxx minn 100 % tal-proteina ta’ riferenza, il-livelli minimi ta’ proteina għandhom jiġu miżjuda b’mod li jikkorrispondi. Fi kwalunkwe każ l-indiċi kimiku tal-proteini għandu jkun għalinqas ugwali għal 80 % ta’ dak tal-proteini ta’ riferenza.

2.3.

L-“indiċi kimiku” għandu jfisser il-proporzjon l-aktar baxxa bejn il-kwantità ta’ kull aċidu amminiku essenzjali tal-proteini tat-test u l-kwantità ta’ kull aċidu amminiku li jikkorrispondi tal-proteina ta’ riferenza.

2.4.

Fil-każijiet kollha, iż-żieda ta’ aċidu amminiku hija permessa biss għall-għan ta’ titjib tal-valur nutrittiv tat-taħlita tal-proteini, u biss fil-proporzjonijiet meħtieġa għal dak il-għan.

3.   Xaħam

3.1.

L-enerġija miksuba mix-xaħam m’għandhiex taqbeż it-30 % ta’ l-enerġija disponibbli totali tal-prodott.

3.2.

Għal prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a), il-linoleic acid (f’forma ta’ gliċeridi) m’għandux ikunx inqas minn 4,5 g.

3.3.

Għal prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(b), il-linoleic acid (f’forma ta’ gliċeridi) m’għandux ikunx inqas minn 1 g.

4.   Fibra tad-dieta

Il-kontenut tal-fibra tad-dieta ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) m’għandhiex tkun inqas minn 10 g u m’għandhiex tkun aktar minn 30 g għar-razzjon ta’ kuljum.

5.   Vitamini u minerali

5.1.

Il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) għandhom jipprovdu għad-dieta sħiħa ta’ kuljum għalinqas:

100 % ta’ l-ammonti ta’ vitamini u minerali speċifikati fit-Tabella 1.

5.2.

Il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) jipprovdu għalinqas 30 % ta’ l-ammonti ta’ vitamini u minerali speċifikati fit-Tabella għal kull ikla; iżda l-ammont ta’ potassju għal kull ikla pprovdut minn dawn il-prodotti għandu jkun għalinqas 500 mg.



TABELLA

Vitamina A

(μg RE)

700

Vitamina D

(μg)

5

Vitamina E

(mg-TE)

10

Vitamina Ċ

(mg)

45

Tijamin

(mg)

1,1

Riboflavin

(mg)

1,6

Niacin

(mg-NE)

18

Vitamina B6

(mg)

1,5

Folat

(μg)

200

Vitamina B12

(μg)

1,4

Biotin

(μg)

15

Aċidu Panoteniku

(mg)

3

Kalcju

(mg)

700

Fosfru

(mg)

550

Potassju

(mg)

3 100

Ħadid

(mg)

16

Żingu

(mg)

9,5

Ram

(mg)

1,1

Jodju

(μg)

130

Silenju

(μg)

55

Sodju

(mg)

575

Manjesju

(mg)

150

Manganiż

(mg)

1




L-ANNESS II



MUDELL TAL-KONDIZZJONI TA’ L-AĊIDU AMMINIKU (1)

 

g/100 g proteini

Cystine + methionine

1,7

Histidine

1,6

Isoleucine

1,3

Leucine

1,9

Lysine

1,6

Phenylalanine + turosine

1,9

Threonine

0,9

Tryptophan

0,5

Valine

1,3

(1)   Kondizzjonijiet ta’ l-Enerġija u l-proteini tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Rapport tal-Laqgħa Konġunta tal-FAO/WHO/ONU. Ġinevra: Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, 1985. (Rapport Tekniku tal-WHO Serje, 724).



( 1 ) ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 27.

( 2 ) ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 1.

( 3 ) ĠU L 291, tad-29.11.1993, p. 14.

( 4 ) ĠU L 276, tas-6.10.1990, p. 40.