1993R3605 — MT — 23.12.2005 — 003.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 3605/93

tat-22 Novembru 1993

dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' l-iżbilanċ eċċessiv mehmuża mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea

(ĠU L 332, 31.12.1993, p.7)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 475/2000 tat-28 ta' Frar 2000

  L 58

1

3.3.2000

►M2

IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KEE) Nru 351/2002 tal-25 ta' Frar 2002

  L 55

23

26.2.2002

►M3

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2103/2005 tat-12 ta' Diċembru 2005

  L 175M

243

29.6.2006




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 3605/93

tat-22 Novembru 1993

dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' l-iżbilanċ eċċessiv mehmuża mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment it-tielet sub-paragrafu ta' l-Artikolu 104ċ(14) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, ( 1 )

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, ( 2 )

Billi t-tifsira ta' “gvern”, “żbilanċ” u “investiment” huma mniżżla fil-Protokoll dwar il-proċedura ta' l-iżbilanċ eċċessiv b'referenza għas-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati (ESA) ( 3 ); billi jenħtieġ li jkun hemm tifsiriet ċari b'referenza għall-kodiċijiet ta' klassifikazzjoni tas-ESA; billi dawn it-tifsiriet jistgħu jkunu soġġetti għal reviżjoni fil-kuntest ta' l-armonizzazzjoni meħtieġa fl-istatistika nazzjonali jew għal raġunijiet oħra; billi kull reviżjoni tas-ESA tiġi maqtugħa mill-Kunsill skond ir-regoli tal-kompetenza u l-proċedura msemmija fit-Trattat;

Billi t-tifsira ta' “dejn” imsemmija fil-Protokoll dwar il-proċedura ta' l-iżbilanċ eċċessiv trid tkun aktar wiesgħa b'referenza għall-kodiċijiet ta' klassifikazzjoni tas-SEK;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom tat-13 Frar, 1989, dwar l-armonizzazzjoni tal-kumpilazzjoni tal-prodott gross nazzjonali skond il-prezzijiet tas-suq ( 4 ) tagħti tifsira tajba, dettaljata tal-prodott gross domestiku skond il-prezzijiet tas-suq;

Billi, skond kif jgħid il-Protokoll dwar il-proċedura ta' l-iżbilanċ eċċessiv, il-Kummissjoni jenħtiġielha li tagħti dettalji ta' statistika sabiex jintużaw f'dik il-proċedura;

Billi jenħtieġ li jkun hemm regoli dettaljati biex jitħejjew fil-ħin u regolarment ir-rapporti mill-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar l-iżbilanċi tagħhom, ippjanati u attwali, u ta' kemm ikun id-dejn tagħhom;

Billi, skond l-Artikolu 104ċ(2) u (3) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha ssegwi l-iżvilupp tas-sitwazzjoni ta' l-estimi u d-daqs tad-dejn tal-gvern fl-Istati Membri, u teżamina li jkun hemm qbil mad-dixxiplina ta' l-estimi skond kriterji li għandhom x'jaqsmu ma' żbilanċi tal-gvern u dejn tal-gvern; billi, jekk Stat Membru ma jwettaqx dak li hu mistenni minnu taħt wieħed jew iż-żewġ kriterji, il-Kummissjoni jkollha tqis il-fatturi kollha li jkollhom x'jaqsmu; billi l-Kummissjoni jkollha teżamina jekk ikunx hemm riskju ta' żbilanċ eċċessiv fi Stat Membru,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



IT-TAQSIMA 1

Tifsiriet

▼M1

L-Artikolu 1

1.  Għall-għanijiet tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' sbilanċ eċċessiv u ta' dan ir-Regolament, it-termini mogħtija fil-paragrafi li ġejjin huma definiti skond is-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (minn issa “l quddiem imsejħa s-“ESA 95””), adottata bir-Regolament (KE) Nru 2223/96 ( 5 ). Il-kodiċijiet ta' bejn il-parentesi jirreferu għas-ESA 95.

2.  “Gvern” tfisser is-settur tal-“gvern ġenerali” (S.13), jiġifieri l-“gvern ċentrali” (S.1311), “gvern statali” (S.1312), “gvern lokali” (S.1313) u “fondi ta' sigurta soċjali” (S.1314), bl-esklużjoni ta' operati kummerċjali, kif definiti fis-ESA 95.

It-tħollija barra ta' operati kummerċjali tfisser illi s-settur tal-“gvern ġenerali” (S.13) jikkomprendi biss dawk l-unitajiet istituzzjonali li jipproduċu servizzi mhux tas-suq bħala l-attivitá ewlenija tagħhom.

3.  “Sbilanċ (bilanċ favorevoli) tal-gvern” tfisser is-self missellef nett (self misluf nett) ( ►M2  EDP B.9 ◄ ) tas-settur “gvern ġenerali” (S.13), kif definit fis-ESA 95. L-imgħax kompriż fl-isbilanċ tal-gvern huwa l-imgħax ( ►M2  EDP D.41 ◄ ), kif definit fis-ESA 95.

4.  “Investiment tal-gvern” tfisser il-formazzjoni ta' kapital gross fiss (P.51) fis-settur tal-“gvern ġenerali” (S.13), kif definit fis-ESA 95.

5.  “Dejn tal-gvern” tfisser id-dejn totali gross bil-valur nominali li jifdal fl-aħħar tas-sena tas-settur “gvern ġenerali” (S.13), minbarra dawk l-obbligazzjonijiet li l-assi finanzjarji korrespondenti tagħhom huma miżmuma mis-settur “gvern ġenerali” (S.13).

Id-dejn tal-gvern jinbena bl-obbligazzjonijiet tal-gvern ġenerali fil-kategoriji li ġejjin: muniti u depożiti (AF.2); sigurtajiet oħra għajr ishma, minbarra derivati finanzjarji (AF.33) u self (AF.4), kif definiti fis-ESA 95.

Il-valur nominali ta' obbligazzjonijiet li jibqgħu fl-aħħar tas-sena huwa l-valur fuq il-wiċċ.

Il-valur nominali ta' obbligazzjonijiet magħquda ma' indiċi jikkorrespondi għall-valur fuq il-wiċċ tagħha aġġustat bil-bidla relatata ma' l-indiċi fil-valur tal-kapital prinċipali milħuq sa l-aħħar tas-sena.

Obbligazzjonijiet denominati f'muniti barranija, jew skambjati minn muniti barranija permezz ta' ftehimijiet kontrattwali f'munita barranija oħra jew iktar għandhom jiġu konvertiti f'dawn il-muniti barranin bil-valur miftiehem fil-kuntratti tagħhom u għandhom jiġu maqluba għall-munita nazzjonali a bażi tar-rata ta' skambju rappreżentattiva tas-suq li tipprevali fl-aħħar jum tax-xogħol ta' kull sena.

Obbligazzjonijiet denominati fil-munita nazzjonali u skambjati permezz ta' ftehimijiet kontrattwali għandhom jiġu konvertiti fil-muniti barranija bir-rata miftiehma f'dawn il-kuntratti u għandhom jinqalbu fil-munita nazzjonali a bażi tar-rata rappreżentattiva tal-kambju tas-suq kif tipprevali fl-aħħar jum tax-xogħol ta' kull sena.

Obbligazzjonijiet denominati f'muniti barranija u skambjati permezz ta' ftehimijiet kontrattwali għandhom jiġu konvertiti fil-munita nazzjonali skond ir-rata miftiehma f'dawn il-kuntratti.

L-Artikolu 2

1.  Għall-għanijiet tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' sbilanċ eċċessiv u ta' dan ir-Regolament, prodott gross domestiku ifisser il-prodott gorss domestiku fil-prezzijiet kurrenti tas-suq (PGD mp) (B.1*g), kif definit fis-ESA 95.

▼M3

L-Artikolu 3

1.  L-iżbilanċ ippjanat tal-gvern u ċ-ċifri tal-livell ta' dejn tal-gvern iffissru dawk iċ-ċifri stabbiliti għas-sena kurrenti mill-Istati Membri. Huma għandhom ikunu l-previżjonijiet uffiċjali l-iktar reċenti, b'kont meħud tad-deċiżjonijiet l-iktar reċenti dwar il-budget u ta' l-iżviluppi u l-prospetti ekonomiċi. Huma għandhom ikunu prodotti fl-iqsar żmien possibbli qabel l-iskadenza tat-terminu perentorju għar-rappurtar.

2.  Iċ-ċifri attwali ta' l-iżbilanċ tal-gvern u tal-livell ta' dejn tal-gvern ifissru r-riżultati stmati, provviżorji, semi-finalizzati jew finali għal sena li tkun għaddiet. Id-data ppjanata flimkien mad-data attwali għandhom jiffurmaw serje kronoloġika konsistenti fir-rigward tad-definizzjonijiet u l-kunċetti.

▼B



IT-TAQSIMA 2

Regoli u pubblikazzjoni ta' rapporti

L-Artikolu 4

▼M3

1.  Mill-bidu ta' l-1994, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni l-iżbilanċi ppjanati u attwali tal-gvern u l-livelli ta' dejn tal-gvern darbtejn fis-sena, l-ewwel darba qabel l-1 ta' April tas-sena kurrenti (sena n) u t-tieni darba qabel l-1 ta' Ottubru tas-sena n.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni liema Awtoritajiet Nazzjonali ikunu responsabbli għar-rappurtar fil-proċedura ta' l-iżbilanċ eċċessiv.

2.  Qabel l-1 ta' April tas-sena n, l-Istati Membri:

 għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni l-iżbilanċ ippjanat tal-gvern tagħhom għas-sena n, stima aġġornata ta' l-iżbilanċ attwali tal-gvern tagħhom għas-sena n–1 u l-iżbilanċi attwali tal-gvern tagħhom għas-snin n–2, n–3 u n–4,

 għandhom fl-istess waqt jipprovdu lill-Kummissjoni d-data ppjanata minnhom għas-sena n u d-data attwali għas-snin n–1, n–2, n–3 u n–4 ta' l-iżbilanċi korrispondenti fl-estimi fil-kontijiet pubbliċi tagħhom skond id-definizzjoni mogħtija l-aktar prominenza f'pajjiżhom u skond iċ-ċifri li jispjegaw it-transizzjoni bejn l-iżbilanċ fl-estimi fil-kontijiet pubbliċi u l-iżbilanċ tal-gvern tagħhom għas-sub-settur S.1311,

 għandhom fl-istess waqt jipprovdu lill-Kummissjoni d-data attwali tagħhom għas-snin n–1, n–2, n–3 u n–4 tal-bilanċi operattivi korrispondenti tagħhom u biċ-ċifri li jispjegaw it-transizzjoni bejn il-bilanċi operattivi ta' kull sub-settur tal-gvern u l-iżbilanċ tal-gvern tagħhom għas-sub-setturi S.1312, S.1313 u S.1314,

 għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni il-livell ippjanat minnhom tad-dejn tal-gvern fl-aħħar tas-sena n u l-livelli tagħhom tad-dejn attwali tal-gvern fl-aħħar tas-snin n–1, n–2, n–3 u n–4,

 għandhom fl-istess waqt jipprovdu lill-Kummissjoni għas-snin n–1, n–2, n–3 u n–4 iċ-ċifri li jispjegaw il-kontribut ta' l-iżbilanċ tal-gvern u fatturi oħra rilevanti għall-varjazzjoni fil-livell tad-dejn tal-gvern tagħhom għal kull subsettur.

3.  Qabel l-1 ta' Ottubru tas-sena n, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni:

 l-iżbilanċ ippjanat tal-gvern aġġornat minnhom għas-sena n u l-iżbilanċi attwali tal-gvern tagħhom għas-snin n–1, n–2, n–3 u n–4 u għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tat-tieni u t-tielet inċiżi tal-paragrafu 2,

 il-livell ippjanat tad-dejn tal-gvern aġġornat minnhom fl-aħħar tas-sena n u l-livelli tad-dejn attwali tal-gvern tagħhom fl-aħħar tas-snin n–1, n–2, n–3 u n–4, u għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-ħames inċiż tal-paragrafu 2.

▼B

4.  Iċ-ċifri ta' l-iżbilanċ ippjanat tal-gvern kif rappurtat lill-Kummissjoni skond il-paragrafi 2 u 3 għandhom jintwerew fil-munita nazzjonali u skond is-snin ta' l-estimi.

Iċ-ċifri ta' l-iżbilanċ attwali tal-gvern u ta' kemm ikun id-dejn attwali tal-gvern kif rappurtati lill-Kummissjoni skond il-paragrafi 2 u 3 għandhom jintwerew fil-munita nazzjonali u skond is-snin kalendarji, ħlief għall-istimi aġġornati għas-sena n-1, li tista' tintwera skond is-snin ta' l-estimi.

Meta is-sena ta' l-estimi ma tkunx taqbel mas-sena kalendarja, Stati Membri għandhom ukoll jirrappurtaw lill-Kummissjoni ċ-ċifri tagħhom tad-dejn attwali tal-gvern u kemm kien id-dejn attwali tal-gvern għas-sentejn ta' l-estimi qabel is-sena kurrenti ta' l-estimi.

L-Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(1), (2) u (3), jagħtu lill-Kummissjoni ċ-ċifri tan-nefqa tal-gvern tagħhom f'investimenti ►M1  u nefqa fuq l-imgħax (konsolidata) ◄ .

L-Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni tbassir dwar il-prodott gross domestiku tagħhom għas-sena n u l-ammont attwali tal-prodott gross domestiku tagħhom għas-snin n-1, n-2, n-3 u n-4, fl-istess żmien kif imsemmi fl-Artikolu 4(1).

▼M3

L-Artikolu 7

1.  L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, hekk kif issir disponibbli, b'kull reviżjoni maġġura fiċ-ċifri, li jkunu diġà rappurtati, ta' l-iżbilanċ u tad-dejn attwali u ppjanati tal-gvern.

2.  Ir-reviżjonijiet maġġuri fiċ-ċifri attwali ta' l-iżbilanċ u tad-dejn diġà rappurtati għandhom jiġu dokumentati adegwatament. F'kull każ, ir-reviżjonijiet li bihom jiġu maqbuża l-valuri ta' referenza kif speċifikati fil-Protokoll rilevanti tat-Trattat, jew ir-reviżjonijiet li jfissru li d-data ta' Stat Membru ma għadhomx jaqbżu l-valuri ta' referenza, għandhom jiġu rappurtati u dokumentati adegwatament.

L-Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jippubblikaw id-data attwali ta' l-iżbilanċ u tad-dejn u data oħra tas-snin ta' qabel rappurtati lill-Kummissjoni skond l-Artikoli 4, 5, 6 u 7.

▼M3



IT-TAQSIMA 2a

KWALITÀ TAD-DATA

L-Artikolu 8a

1.  Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha regolarment tivvaluta il-kwalità kemm tad-data attwali rappurtata mill-Istati Membri kif ukoll tal-kontijiet tas-settur tal-gvern li fuqhom tkun ibbażata, miġbura skond l-ESA95 (minn hawn 'il quddiem imsejħa “kontijiet tal-gvern”). Il-kwalità tad-data attwali tfisser konformità mar-regoli tal-kontabbiltà, kompletezza, affidabbiltà, puntwalità, u konsistenza tad-data statistika. Il-valutazzjoni tiffoka fuq oqsma speċifikati fl-inventarji ta' l-Istati Membri bħad-delimitazzjoni tas-settur tal-gvern, il-klassifikazzjoni tat-transazzjonijiet u tad-djun tal-gvern, u ż-żmien ta' reġistrazzjoni.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (l-Eurostat), fil-pront kemm jista' jkun, l-informazzjoni statistika rilevanti mitluba għall-ħtiġijiet tal-valutazzjoni tal-kwalità tad-data, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità statistika tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97.

“Informazzjoni dwar l-istatistika” imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun limitata għall-informazzjoni strettament meħtieġa biex tiġi kontrollata l-konformità mar- regoli ta' l-ESA. B'mod partikolari, informazzjoni dwar l-istatistika tfisser:

  Data minn Kontijiet Nazzjonali

 Inventarji

 Tabelli ta' notifika ta' l-EDP

 Kwestjonarji u kjarifiki addizzjonali relatati man-notifiki.

Il-format tal-kwestjonarji għandu jiġi definit mill-Kummissjoni (l-Eurostat) wara konsultazzjoni tal-Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ is-“CMFB”) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/115/KEE ( 6 ).

3.  Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kwalità tad-data attwali rappurtata mill-Istati Membri. Ir-rapport għandu jindirizza l-valutazzjoni ġenerali tad-data attwali rappurtata mill-Istati Membri fir-rigward tal-konformità mar-regoli tal-kontabbiltà, tal-kompletezza, ta' l-affidabbiltà, tal-puntwalità, u tal-konsistenza tad-data.

L-Artikolu 8b

1.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (l-Eurostat) b'inventarju dettaljat tal-metodi, proċeduri u sorsi użati sabiex tinġabar id-data ta' l-iżbilanċ u tad-dejn attwali u tal-kontijiet tal-gvern li fuqhom tkun ibbażata.

2.  L-inventarji għandhom jitħejjew skond linji gwida adottati mill-Kummissjoni (l-Eurostat) wara konsultazzjoni mas-CMBF.

3.  L-inventarji għandhom jiġu aġġornati wara reviżjonijiet fil-metodi, fil-proċeduri u fis-sorsi adottati mill-Istati Membri sabiex tinġabar id-data statistika tagħhom.

4.  L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-inventarji tagħhom pubbliċi.

5.  Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 jistgħu jiġu ttrattati fiż-żjarat imsemmija fl-Artikolu 8D.

L-Artikolu 8ċ

1.  Fl-eventwalità ta' dubbju rigward l-implementazzjoni korretta tar-regoli ta' kontabbiltà ta' l-ESA95, l-Istat Membru konċernat għandu jitlob kjarifika mill-Kummissjoni (l-Eurostat). Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha minnufih teżamina l-kwistjoni u tikkomunika l-kjarifika tagħha lill-Istat Membru konċernat u, meta xieraq, lis-CMFB.

2.  Għal każijiet li, fil-fehma tal-Kummissjoni jew ta' l-Istat Membru konċernat, ikunu komplessi jew ta' interess ġenerali, il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tieħu deċiżjoni wara li tikkonsulta lis-CMFB. Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tagħmel id-deċiżjonijiet pubbliċi, flimkien ma' l-opinjoni tas-CMFB, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet relattivi għall-kunfidenzjalità ta' l-istatistika tar-Regolament (KE) Nru 322/97.

L-Artikolu 8d

Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tiżgura djalogu permanenti ma' l-awtoritajiet statistiċi ta' l-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni (l-Eurostat) twettaq fl-Istati Membri kollha żjarat regolari ta' djalogu, kif ukoll żjarat metodoloġiċi eventwali. Iż-żjarat metodoloġiċi għandhom isiru biss f'każijiet fejn jiġu identifikati riskji sostanzjali jew problemi potenzjali fil-kwalità tad-data, b'mod speċjali fejn dawn jolqtu l-metodi, il-kunċetti u l-klassifikazzjoni applikati għad-data li l-Istati Membri huma obbligati li jirrappurtaw.

Iż-żjarat ta' djalogu huma maħsuba sabiex jirrevedu d-data rappurtata, sabiex jiġu eżaminati kwistjonijiet metodoloġiċi, sabiex jiġu diskussi proċessi u sorsi statistiċi deskritti fl-inventarji, u sabiex tiġi valutata l-konformità mar-regoli tal-kontabbiltà. Iż-żjarat ta' djalogu għandhom jintużaw sabiex jiġu identifikati riskji jew problemi potenzjali dwar il-kwalità tad-data rappurtata. Iż-żjarat metodoloġiċi huma maħsuba sabiex jiġu sorveljati l-proċessi u l-kontijiet tal-gvern li jiġġustifikaw id-data attwali rappurtata u sabiex jitfasslu konklużjonijiet dettaljati dwar il-kwalità tad-data rappurtata, kif definit fl-Artikolu 8A(1). Iż-żjarat metodoloġiċi ma għandhomx imorru lil hinn mill-qasam purament statistiku. Dan għandu jiġi rifless fil-kompożizzjoni tad-delegazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8E.

Meta torganizza żjarat ta' djalogu u metodoloġiċi, il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tittrasmetti l-konklużjonijiet provviżorji tagħha lill-Istati Membri konċernati għall-kummenti tagħhom.

L-Artikolu 8e

1.  Meta twettaq żjarat metodoloġiċi fl-Istati Membri, il-Kummissjoni (l-Eurostat) tista' titlob l-għajnuna ta' esperti nazzjonali tal-kontabbiltà, proposti minn Stati Membri oħra fuq bażi volontarja, u ta' uffiċjali minn dipartimenti oħra tal-Kummissjoni.

Il-lista ta' esperti tal-kontijiet nazzjonali li minnha l-Kummissjoni tista' titlob għal assistenza, se tkun kostitwita abbażi ta' proposti mibgħuta lill-Kummissjoni mill- awtoritajiet nazzjonali responsabbli għar-rappurtar tad-defiċit eċċessiv.

2.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiffaċilitaw iż-żjarat metodoloġiċi. Dawn iż-żjarat għandhom ikunu limitati għall-awtoritajiet nazzjonali involuti fir-rappurtar tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv. L-Istati Membri għandhom, madankollu, jiżguraw li s-servizzi tagħhom li jkunu involuti direttament jew indirettament fil-produzzjoni tal-kontijiet u d-dejn tal-gvern, u fejn meħtieġ l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom li jkollhom responsabbiltà funzjonali għall-kontroll tal-kontijiet pubbliċi, jipprovdu lill-uffiċjali tal-Kummissjoni jew lill-esperti l-oħra imsemmija fil-paragrafu (1) bl-għajnuna meħtieġa sabiex iwettqu dmirijiethom, ukoll billi jagħmlu disponibbli dokumenti sabiex tiġi ġustifikata d-data attwali rappurtata dwar l-iżbilanċ u d-dejn u l-kontijiet tal-gvern li fuqhom tkun ibbażata. Ir-records kunfidenzjali tas-sistema statistika nazzjonali għandhom jiġu pprovduti biss lill-Kummissjoni (l-Eurostat).

Mingħajr preġudizzju għall-obbligu ġenerali ta' l-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġu faċilitati ż-żjarat metodoloġiċi, l-interlokuturi ta' l-Eurostat għaż-żjarat metodoloġiċi msemmija fl-ewwel subparagrafu huma, f'kull Stat Membru, is-servizzi responsabbli għar-rappurtar tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv.

3.  Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tiżgura li l-uffiċjali u l-esperti nazzjonali li jipparteċipaw f'dawn iż-żjarat jissodisfaw kull garanzija fir-rigward ta' kompetenza teknika, indipendenza professjonali u l-osservanza tal-kunfidenzjalità.

L-Artikolu 8f

Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tirrapporta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju dwar il-konklużjonijiet taż-żjarat ta' djalogu u metodoloġiċi, inkluż kull kumment dwarhom magħmul mill-Istat Membru konċernat. Dawn ir-rapporti flimkien ma' kull kumment mill-Istat Membru konċernat, wara li jkunu ġew trasmessi lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, għandhom isiru pubbliċi, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalitàstatistika fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97.



IT-TAQSIMA 2b

FORNITURA TA' DATA MILL-KUMMISSJONI

L-Artikolu 8g

1.  Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tipprovdi d-data attwali dwar l-iżbilanċ u d-dejn tal-gvern għall-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' l-iżbilanċ eċċessiv, fi żmien tliet ġimgħat wara l-iskadenza tat-termini perentorji tar-rappurtar imsemmija fl-Artikolu 4(1) jew wara r-reviżjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 7(1). Din il-fornitura ta' data għandha titwettaq permezz ta' pubblikazzjoni.

2.  Il-Kummissjoni (l-Eurostat) ma għandhiex tittardja il-fornitura tad-data attwali ta' l-iżbilanċ u d-dejn tal-gvern ta' l-Istati Membri meta Stat Membru ma jkunx irrapporta d-data proprja tiegħu.

L-Artikolu 8h

1.  Il-Kummissjoni (l-Eurostat) tista' tesprimi riżerva dwar il-kwalità tad-data attwali rappurtata mill-Istati Membri. Mhux aktar tard minn tlett ijiem ta' xogħol qabel id-data ppjanata għall-pubblikazzjoni, il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tikkomunika lill-Istat Membru konċernat u lill-President tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju r-riżerva li jkollha l-ħsieb li tesprimi u tagħmel pubblika. Fejn il-kwistjoni tiġi solvuta wara l-pubblikazzjoni tad-data u tar-riżerva, l-irtirar tar-riżerva għandu jsir pubbliku immedjatament wara.

2.  Il-Kummissjoni (l-Eurostat) tista' temenda d-data attwali rappurtata mill-Istati Membri u tipprovdi data emendata u ġustifikazzjoni għall-emenda fejn ikun hemm prova li d-data attwali rappurtata mill-Istati Membri mhijiex konformi mar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 8A(1). Mhux aktar tard minn tlett ijiem ta' xogħol qabel id-data ppjanata għall-pubblikazzjoni, il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tikkomunika lill-Istat Membru konċernat u lill-President tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju d-data emendata u l-ġustifikazzjoni għall-emenda.



IT-TAQSIMA 2ċ

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 8i

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data attwali rappurtata lill-Kummissjoni tkun provduta skond il-prinċipji stabbiliti bl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97. F'dan ir-rigward, ir-responsabbiltà ta' l-Awtoritajiet Statistiċi Nazzjonali tkun li jiżguraw konformità tad-data rappurtata ma' l-Artikoli 1 u 2 u mar-regoli ta' kontabbiltà ta' l-ESA95 li fuqhom tkun ibbażata.

2.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-uffiċjali responsabbli għar-rappurtar tad-data attwali lill-Kummissjoni u tal-kontijiet tal-gvern li fuqhom tkun ibbażata jaġixxu skond il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 322/97.

L-Artikolu 8j

Fl-eventwalità ta' reviżjoni ta' l-ESA 95 jew ta' emenda fil-metodoloġija tagħha deċiża mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni skond ir-regoli ta' kompetenza u ta' proċedura stabbiliti fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 2223/96, il-Kummissjoni għandha tintroduċi r-referenzi l-ġodda għall-ESA 95 fl-Artikoli 1, 2 u 4.

▼B

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tieghu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU C 324, ta' l-1.12.1993, p. 8; u

ĠU C 340, tas-17.12.1993, p. 8.

( 2 ) ĠU C 329, tas-6.12.1993.

( 3 ) Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, Sistema Ewropea ta' Kontjiet Ekonomiċi Integrati (ESA), it-tieni edizzjoni.

( 4 ) ĠU L 49, tal-21.2.1989, p. 26.

( 5 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (ĠU L 310, tat-30.11.1996, p. 1).

( 6 ) ĠU L 59, 6.3.1991, p. 19.