01992L0085 — MT — 26.07.2019 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 92/85/KEE

tad-19 ta' Ottubru 1992

dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

(ĠU L 348 28.11.1992, p. 1)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA 2007/30/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’relevanza għaż-ŻEE ta’ l-20 ta’ Ġunju 2007

  L 165

21

27.6.2007

►M2

DIRETTIVA 2014/27/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta’ Frar 2014

  L 65

1

5.3.2014

►M3

REGOLAMENT (UE) 2019/1243 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019

  L 198

241

25.7.2019




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 92/85/KEE

tad-19 ta' Ottubru 1992

dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)



IT-TAQSIMA I

SKOP U TIFSIRIET

L-Artikolu 1

Skop

1.  L-iskop ta' din id-Direttiva, li hija l-għaxar Direttiva individwali fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, huwa li jimplementa miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta' ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu.

2.  Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE, ħlief għall-Artikolu 2(2) tagħha, għandhom japplikaw kollha fl-intier tagħhom għas-settur kollu li jaqa' taħt paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu f'din id-Direttiva.

3.  Din id-Direttiva ma jistax ikollha l-effett li tnaqqas il-livell ta' protezzjoni mogħtija lil ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu, meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti f'kull Stat Membru fid-data meta tiġi adottata din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

Tifisiriet

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

(a) ħaddiema tqila għandha tfisser ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

(b) ħaddiema li welldet reċentement għandha tfisser ħaddiema li welldet reċentement fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha dwar il-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika;

(ċ) ħaddiema li qiegħda tredda'tfisser ħaddiema li qiegħda tredda' fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika;



IT-TAQSIMA II

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 3

Linji ta' Gwida

1.  Wara konsultazzjoni ma' l-Istati Membri u megħjuna mill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, il-Kummissjoni trid tfassal linji ta' gwida dwar l-istima ta' l-aġenti kimiċi, fiżiċi u bijoloġiċi u l-proċessi industrijali kkunsidrati bħala perikolużi għas-sigurta' jew għas-saħħa tal-ħaddiema fis-sens ta'l-Artikolu 2.

Il-linji ta' gwida msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ukoll ikopru movimenti u qagħdiet, għeja fiżika u mentali u tipi oħra ta' stress fiżiku u mentali konness max-xogħol imwettaq minn ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2.

2.  L-għan tal-linji ta' gwida msemmija fil-paragrafu 1 huwa li jservu bħala bażi għall-istima mesmmija fl-Artikolu 4(1).

Għal dan l-iskop l-Istati Membri għandhom iġibu dawn il-linji ta' gwida għall-attenzjoni ta' kull min iħaddem u l-ħaddiema nisa kollha u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-Istati Membri rispettivi.

L-Artikolu 4

Stima u Informazzjoni

1.  Għall-attivitajiet kollha li jistgħu jinvolvu riskju speċifiku ta' espożizzjoni għal aġenti, proċessi jew kondizzjonijiet tax-xogħol li tagħhom lista mhux eżawrijenti hija mogħtija fl-Anness I, min iħaddem għandu jagħmel stima tan-natura, il-grad u t-tul ta' l-espożizzjoni fl-impriża u/jew stabbiliment ikkonċernat, tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, jew direttament jew permezz tas-servizzi protettivi jew preventivi msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/391/KEE, sabiex:

 issir stima ta' kull riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà u kull effett possibbli fuq it-tqala jew it-treddigħ tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2,

 jiddeċiedu liema miżuri għandhom jittieħdu

2.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2 u ħaddiema li x'aktarx ikunu f'xi sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 fl-impriża u/jew stabbiliment konċernat u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu infurmati bir-riżultati ta' l-istima msemmija fil-paragrafu 1 u bil-miżuri kollha li għandhom jittieħdu għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

L-Artikolu 5

Azzjoni wara r-riżultati ta' l-istima

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/391/KEE, jekk ir-riżultati ta' l-istima msemmija fl-Artikolu 4(1) jirrivelaw riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa jew xi effett fuq it-tqala jew treddigħ ta' ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, min iħaddem għandu jieħu l-azzjoni neċessarja biex jiżgura li, billi jiġu aġġustati temporanjament il-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew is-sigħat tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernata, l-espożizzjoni ta' dik il-ħadddiema għal dawn ir-riskji jiġi evitat.

2.  Jekk l-aġġustament tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u/jew tas-sigħat tax-xogħol tagħha ma jkunx teknikament u/jew oġġettivament possibbli, jew ma jistax jiġi mitlub b'mod raġonevoli għal motivi ġustifikati, min iħaddem jrid jieħu l-passi neċessarji sabiex jagħti xogħol ieħor lill-ħaddiema konċernata.

3.  Jekk it-tibdil tal-post għal xogħol ieħor mhuwiex teknikament jew oġġettivament possibbli jew ma jistax jiġi mitlub b'mod raġonevoli għal motivi ġġustifikati, il-ħaddiema kkonċernata għandha tingħata leave skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali għaż-żmien kollu li huwa neċessarju biex tiġi mħarsa s-sigurtà jew is-saħħa tagħha.

4.  Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-każ meta ħaddiema li qed tagħmel attività projbita skond l-Artikolu 6 toħroġ tqila jew tibda tredda' u tinforma lil min iħaddimha dwar dan.

L-Artikolu 6

Sitwazzjonijiet fejn hi pprojbita l-espożizzjoni

Minbarra d-dispożizzjonijiet ġenerali li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ħaddiema, partikolarment dawk relatati mal-limiti għal espożizzjoni fuq ix-xogħol:

1. ħaddiema tqal fis-sens ta' l-Artikolu 2(a) ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jiġu mġiegħla jwettqu dmirijiet li għalihom l-stima irrivelat riskju ta' espożizzjoni, li tista' thedded is-sigurtà jew saħħa, għal aġenti u kondizzjonijiet fuq xogħol elenkati fl-Anness II, it-Taqsima A;

2. ħaddiema li qegħdin ireddgħu fis-sens ta' l-Artikolu 2(ċ), ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jiġu mġiegħla jwettqu dmirjiet li dwarhom l-stima irrivelat risku ta' espożizzjoni, li tista' thedded is-sigurtà jew saħħa, għall-aġenti u l-kondizzjonijiet tax-xogħol mniżżla fl-Anness II, it-Taqsima B.

L-Artikolu 7

Ix-Xogħol ta' bil-Lejl

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 2 ma jkunux imġiegħla li jagħmlu xogħol ta' bil-lejl waqt it-tqala tagħhom u għal żmien wara t-twelid li għandu jiġi stabbilit mill-awtorità nazzjonali kompetenti għas-sigurtà u s-saħħa, soġġett għas-sottomissjoni, skond il-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri, għal test mediku li jiddikjara li dan huwa neċessarju għas-sigurtà jew is-saħħa tal-ħaddiema kkonċernata.

2.  Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-possibilità, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali, li:

(a) taqleb għal xogħol bi nhar; jew

(b) ikun hemm leave mix-xogħol jew estensjoni tal-leave tal-maternità meta dan it-trasferiment mhux teknikament u/jew oġġettivament possibbli u ma jistax jiġi mitlub b'mod raġonevoli għal motivi ġustifikati.

L-Artikolu 8

Leave tal-Maternità

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2 huma intitolati għal żmien kontinwu ta' leave tal-maternità ta' mill-inqas 14-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali.

2.  Il-leave tal-maternità stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi leave tal-maternità obbligatorju ta' mill-inqas ġimagħtejn qabel u/jew wara l-ħlas skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.

L-Artikolu 9

Dispensa għal eżamijiet ta' qabel it-twelid

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li ħaddiema tqal fis-sens ta'l-Artikolu 2(a) ikunu ntitolati li, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali, jkollhom dispensa mix-xogħol, mingħajr telf ta' paga, sabiex jattendu għal eżamijiet ta' qabel it-twelid, jekk dawn l-eżamijiet għandhom isiru waqt il-ħin tax-xogħol.

L-Artikolu 10

Il-Projbizzjoni ta' Tkeċċija

Sabiex jiġi garantit għall-ħaddiema, fis-sens ta' l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tagħhom tal-protezzjoni tas-saħħa kif rikonoxxuti taħt dan l-Artikolu, għandu jiġi pprovdut illi:

1. l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta' ħaddiema, fis-sens ta' l-Artikolu 2, matul iż-żmien mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1), barra minn każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali u, meta applikabbli, sakemm l-awtorita' kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha;

2. jekk ħaddiema, fis-sens ta' l-Artikolu 2, tiġi mkeċċa waqt iż-żmien imsemmi fil-punt 1, min iħaddimha jrid jiddikjara motivi ġġustifikati għat-tkeċċija tagħha, bil-miktub;

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jipproteġu l-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, minn konsegwenzi ta' tkeċċija li hija llegali skond il-punt 1.

L-Artikolu 11

Drittijiet marbuta mal-kuntratt ta' l-impjieg

Sabiex jiġi ggarantit għall-ħaddiema, fis-sens ta' l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom kif rikonoxxuti f' dan l-Artikolu, għandu jiġi provdut illi:

1. fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6 u 7, id-drittijiet ta' impjieg relatati mal-kuntratt ta' l-impjieg, inkluż il-ħarsien ta' ħlas ta', u/jew l-intitolament għal benefiċċju adegwata għal, ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, għandhom jiġu żgurati skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

2. fil-każ imsemmi fl-Artikolu 8, dan li ġej għandu jiġi żgurat:

(a) id-drittijiet konnessi mal-kuntratt ta' l-impjieg tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, barra minn dawk imsemmija f'punt (b) hawn taħt;

(b) il-manteniment ta' ħlas ta', u/jew intitolament, għal allowance xierqa għal, ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2;

3. l-allowance msemmija fil-punt 2(b) għandha titqies bħala xierqa jekk tiggarantixxi dħul mill-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiema kkonċernata kienet tirċievi kieku waqfet temporanjament mill-attivitajiet tagħha għal raġunijiet ta' saħħa, soġġetta għal kull limitu stabbilit taħt il-leġislazzjoni nazzjonali;

4. L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw id-dritt għall-ħlas jew għall-allowance msemmija fil-punti 1 u 2(b) għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernata tissoddisfa l-kondizzjonijiet ta' eliġibilità għal dawn il-benefiċċji skond il-leġislazzjoni nazzjonali.

Dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jipprovdu għal perijodi ta' impjieg preċedenti iktar minn12-il xahar immedjatament qabel id-data preżunta tal-ħlas.

L-Artikolu 12

Il-Ħarsien tad-Drittijiet

L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri neċessarji biex jippermettu lill-ħaddiema kollha li jħossuhom aggravati min-nuqqas ta' ħarsien ta' l-obbligi taħt din id-Direttiva li jfittxu l-pretensjonijiet tagħhom permezz ta' proċess ġudizzjarju (u/jew skond liġijiet jew prattika nazzjonali) billi jirrikorru għal awtoritajiet kompetenti oħra.

▼M3

Artikolu 13

Emendi għall-Anness I

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 13a sabiex tagħmel emendi strettament tekniċi għall-Anness I, sabiex jittieħed kont tal-progress tekniku, il-bidliet fir-regolamenti jew fl-ispeċifikazzjonijiet internazzjonali u s-sejbiet ġodda.

Fejn, f’każijiet debitament ġustifikati u eċċezzjonali li jinvolvu riskji imminenti, diretti u serji għas-saħħa u s-sikurezza fiżiċi tal-ħaddiema u ta’ persuni oħra, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jeħtieġu azzjoni f’perijodu qasir ħafna ta’ żmien, il-proċedura prevista fl-Artikolu 13b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.

▼M3

Artikolu 13a

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 13 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mis-26 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħat għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonax għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 13 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( 1 ).

5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 13 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 13b

Proċedura ta’ urġenza

1.  L-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni f’konformità mal-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.

2.  Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ joġġezzjona għal att delegat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 13a(6). F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

▼B

L-Artikolu 14

Dispożizzjonijiet Finali

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrativi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard minn sentejn wara l-adozzjoni tagħha jew jiżguraw li, mhux aktar tard minn sentejn wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, iż-żewġ partijiet ta' l-industrija jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim kollettiv, u l-Istati Membri jkunu obbligati li jagħmlu d-dispożizzjonijiet neċessarji kollha biex ikunu dejjem garantiti r-riżultati stabbiliti minn din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

2.  Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn iridu jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet essenzjali tal-liġi nazzjonali li jkunu diġà adottaw jew li jadottaw fis-settur irregolat minn din id-Direttiva.

▼M1 —————

▼B

L-Artikolu 15

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




L-ANNESS I

LISTA MHUX EŻAWRIJENTI TA' AĠENTI, PROĊESSI U KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL

imsemmija fl-Artikolu 4(1)

A.   Aġenti

1.  Aġenti fiżiċi fejn dawn huma meqjusa bħala aġenti li jikkawżaw leżjonijiet fil-fetu u/jew li x'aktarx jiddisturbaw attakkament tal-plaċenta, u partikolarment:

(a) taħbit qawwi, vibrazzjonijiet jew ċaqliq

(b) il-ġarr manwali ta' piżijiet li jimplikaw riskji, partikolarment ta' natura dorsolumbari;

(ċ) storbju;

(d) radjazzjoni jonizzanti ( *1 );

(e) radjiazzoni non-jonizzanti;

(f) estremi ta' bard jew sħana;

(g) ċaqliq jew qagħad, ivvjaġġar — jew ġewwa jew barra l-istabbiliment — għeja fiżika jew mentali u piżijiet oħra fiżiċi konnessi ma' l-attivita tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva.

▼M2

2.  Aġenti Bijoloġiċi

Aġenti bijoloġiċi fil-gruppi ta’ riskju 2, 3 u 4 skont it-tifsira tal-punti 2, 3 and 4 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), sa fejn huwa magħruf li tali aġenti jew il-miżuri terapewtiċi meħtieġa minnhom jipperikolaw is-saħħa tan-nisa tqal u tat-tarbija li għadha fil-ġuf, u sa fejn dawn ma jidhrux fl-Anness II.

▼B

3.  Aġenti Kimiċi

L-aġenti kimiċi li ġejjin inkwantu hu magħruf jpoġġu is-saħħa tan-nisa tqal u tat-tarbija mhux mitwielda fil-perikolu inkwantu għadhom ma jidhrux fl-Anness II:

▼M2

(a) sustanzi u taħlitiet li jissodisfaw il-kriterji dwar il-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) f’waħda jew aktar minn dawn il-klassijiet ta’ periklu u kategoriji perikolużi li ġejjin b’waħda jew aktar mid-dikjarazzjonijiet ta’ periklu li ġejjin, sa fejn dawn ma jidhrux fl-Anness II:

 mutaġeni għaċ-ċelloli ġerminali, kategorija 1 A, 1B jew 2 (H340, H341);

 karċinoġeniċità, kategorija 1 A, 1B jew 2 (H350, H350i, H351);

 tossiċità riproduttiva, kategorija 1 A, 1B jew 2 jew il-kategorija addizzjonali għal effetti fuq jew permezz tat-treddigħ (H360, H360D, H360FD, H360Fd, H360Df, H361, H361d, H361fd, H362);

 tossiċità f’organi speċifiċi wara espożizzjoni waħda, kategorija 1 jew 2 (H370, H371);

(b) aġenti kimiċi fl-Anness I tad-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 );

▼B

(ċ) merkurju u derivativi tal-merkurju;

(d) drogi antimitotiċi;

(e) monossidu tal-karbonju;

(f) Aġenti kimiċi li l-assorbiment mill-ġilda huwa magħruf u perikoluż.

▼M2

B.   Proċessi

Proċessi industrijali elenkati fl-Anness 1 tad-Direttiva 2004/37/KE.

▼B

Ċ.   Kundizzjonijiet tax-xogħol

Xogħol fil-mini taħt l-art.




L-ANNESS II

LISTA MHUX EŻAWRIJENTI TA' AĠENTI U KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL

imsemmija fl-Artikolu 6

A.   Ħaddiema tqal fis-sens ta' l-Artikolu 2(a)

1.  Aġenti

(a)  Aġenti fiżiċi

Xogħol f'atmosfera iperbarika, p.e. taħt pressjoni, u għadis taħt l-ilma.

(b)  Aġenti bijoloġiċi

L-aġenti bijoloġiċi li ġejjin:

 toxoplasma,

 il-virus tar-rubella,

kemm-il darba m'hemmx prova li l-ħaddiema tqal huma protetti kif xieraq kontra dan l-aġent permezz ta' l-immunizzazzjoni.

(ċ)  Aġenti kimiċi

Ċomb u derivattivi taċ-ċomb inkwantu dawn l-aġenti jistgħu jiġu assorbiti mill-organiżmu uman.

2.  Kundizzjonijiet ta' xogħol;

Xogħol fil-mini taħt l-art.

B.   Ħaddiema li qed ireddgħu fis-sens ta' l-Artikolu 2(ċ)

1.  Aġenti

(a)  Aġenti kimiċi

Ċomb u derivattivi taċ-ċomb inkwantu dawn l-aġenti jistgħu jiġu assorbiti mill-organiżmu uman.

2.  Kundizzjonijiet ta' xogħol

Xogħol fil-mini taħt l-art.



( 1 ) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

( *1 ) Ara Direttiva 80/836/Euratom (ĠU L 246, tas-17.9.1980, p. 1).

( 2 ) Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal aġenti bijoloġiċi fuq ix-xogħol (is-seba’ direttiva individwali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 262, 17.10.2000, p. 21).

( 3 ) Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

( 4 ) Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).