1992L0083 — MT — 01.01.2007 — 002.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
|
ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 92/83/KEE (ĠU L 316, 31.10.1992, p.21) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
No |
page |
date |
||
Emendat bi:
|
L 236 |
33 |
23.9.2003 |
||
|
L 157 |
29 |
21.6.2005 |
ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 92/83/KEE
tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku
IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 99 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni ( 1 ),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),
Billi d-Direttiva 92/12/KEE tistipula disposizzjonijiet dwar l-arranġamenti ġenerali għal prodotti soġġetti għat-taxxa tas-sisa ( 4 );
Billi d-Direttiva 92/84/KEE ( 5 ) tistipula rati minimi ta' taxxa tas-sisa li għandhom ikunu applikati fl-Istati Membri għall-alkoħol u x-xorb alkoħoliku;
Billi hu importanti għat-tħaddim xieraq tas-suq intern li jkunu stabbiliti definizzjonijiet komuni għall-prodotti kollha in kwistjoni;
Billi hu ta' użu li wieħed jibbaża dawn id-definizzjonijiet fuq dawk stipulati fin-nomenklatura kombinata li tkun fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva;
Billi, fil-każ tal-birra, hu possibbli li jkunu permessi metodi alternattivi għall-kalkolu tat-taxxa fuq il-prodott komplet;
Billi, fil-każ tal-birra, hu possibbli fi ħdan ċerti limiti li l-Istati Membri jitħallew japplikaw it-taxxa għal faxex ta' gravità ta' iżjed minn grad wieħed Plato, dejjem sakemm l-ebda birra ma tkun prezzata b'rata inqas minn dik minima Komunitarja;
Billi, fil-każ ta' birra prodotta f'birreriji żgħar indipendenti u ta' l-alkoħol etiliku prodott f'distilleriji żgħar, jinħtieġu soluzzjonijiet komuni li jippermettu l-Istati Membri japplikaw rati ta' taxxi mnaqqsa lill-dawk il-prodotti;
Billi hu possibbli li sakemm l-ebda problemi inaċċettabbli ma jinħolqu fis-suq intern; jitħallew varjazzjonijiet fil-qawwa li għaliha l-Istati Membri jibdew jissoġġettaw il-birra għad-dazju,
Billi fil-każ tal-birra, ta' l-inbid u ta' xorb ieħor iffermentat hu ta' min jirrakkomanda li l-Istati Membri jitħallew jeżentaw mid-dazju dawk il-prodotti magħmula d-dar li m'humiex magħmula għal skopijiet kummerċjali;
Billi, fil-prinċipju, l-Istati Membri għandhom japplikaw rata waħda għal kull ettolitru ta' prodott komplut lill-inbid kollu mingħajr gass u lil xorb ieħor iffermentat mingħajr gass, u rata waħda ta' dazju għal kull ettolitru ta' prodott komplut lill-inbid kollu bil-gass u lil xorb iffermentat bil-gass;
Billi hu rakkomandabbli li l-Istati Membri jitħallew japplikaw rati mnaqqsa ta' taxxi fuq it-tipi kollha ta' inbid u fuq xorb ieħor iffermentat dejjem sakemm il-qawwa alkoħolika attwali tal-prodotti ma teċċedix il-8,5 % vol.;
Billi l-Istati Membri li japplikaw rata ogħla ta' dazju lil ċerti nbejjed fl-1 ta' Jannar 1992 għandhom jitħallew jibqgħu jagħmlu hekk;
Billi fil-prinċipju, l-Istati Membri għandhom japplikaw rata waħda ta' dazju għal kull ettolitru ta' prodott komplut lil prodotti kollha intermedjari;
Billi hu rakkomandabbli li l-Istati Membri jitħallew japplikaw rata mnaqqsa fuq id-dazju tal-prodotti intermedjarji, min-naħa l-waħda lill-prodotti ta' qawwiet li ma jeċċedux il-15 % vol., u min-naħa l-oħra lill-inbejjed naturali ħelwin;
Billi, fil-prinċipju, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-istess rata ta' taxxa għal kull ettolitru ta' alkoħol pur lill-alkoħol etiliku kollu kif definit f'din id-Direttiva;
Billi hu possibbli li l-Istati Membri jitħallew japplikaw rati mnaqqsa jew eżenzjonijiet għal ċerti prodotti ta' natura reġjonali jew tradizzjonali;
Billi, fil-każijiet fejn l-Istati Membri jitħallew japplikaw rati mnaqqsa, dawn ir-rati mnaqqsa m'għandhomx joħolqu distorsjoni ta' kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern;
Billi l-Istati Membri għandhom jitħallew jirrifondu t-taxxa tas-sisa fuq ix-xorb alkoħoliku li ma jkunx baqa’ tajjeb għall-konsum;
Billi hu meħtieġ li f'livell Komunitarju jkunu stipulati l-eżenzjonijiet li japplikaw għal oġġetti li huma trasportati bejn l-Istati Membri;
Billi, madankollu, hu possibbli li l-Istati Membri jitħallew ikollhom il-possibbiltà ta' l-għażla li japplikaw eżenzjonijiet marbuta ma’ l-użi finali fit-territorju tagħhom;
Billi hu neċessarju li jsir provvediment għal sistema ta' notifikazzjoni tal-ħtiġijiet tad-denaturalizzazzjoni ta' kull Stat Membru għall-alkoħol imħallat kompletament, u għall-aċċettazzjoni tagħhom mill-Istati Membri oħrajn;
Billi l-Istati Membri m'għandhomx jiċċaħħdu mill-mezzi għall-ġlieda kontra xi evażjoni, ħelsien jew abbuż li jista’ jirriżulta f'dak li jirrigwarda eżenzjonijiet;
Billi l-Istati Membri għandhom jitħallew idaħħlu fis-seħħ l-eżenzjonijiet meħtieġa minn din id-Direttiva permezz ta' rifużjoni;
Billi, peress li ċerti Stati Membri japplikaw rata ogħla ta' dazju lill-“xorb ieħor bil-gass iffermentat” milli japplikaw lil prodotti intermedjarji, għandhom jitħallew japplikaw din ir-rata ogħla lil prodotti intermedjarji li għandhom il-karatteristiċi ta' dan “ix-xorb ieħor bil-gass iffermentat”,
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
SEZZJONI I
BIRRA
Skop
Artikolu 1
1. L-Istati Membri għandhom japplikaw taxxa tas-sisa fuq il-birra skond din id-Direttiva.
2. L-Istati Membri għandhom jiffissaw ir-rati tagħhom skond id-Direttiva 92/84/KEE.
Artikolu 2
Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, it-terminu “birra” jkopri kwalunkwe prodott li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 2203 jew xi prodott ieħor li tkun tinsab fih taħlita ta' birra ma’ xorb mhux alkoħoliku li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 2206, f'kull każ b'qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li jeċċedi 0,5 % vol.
Twaqqif tad-dazju
Artikolu 3
1. It-taxxa tas-sisa ntaxxata mill-Istati Membri fuq il-birra għandha tkun iffissata b’ riferenza jew:
— lejn in-numru ta' ettolitri/gradi Plato,
— jew
— lejn in-numru ta' ettolitri/gradi ta' qawwa alkoħolika attwali skond il-volum tal-prodott komplut.
2. Fl-istima ta' kemm għandhom iżommu dazju fuq il-birra skond il-ħtiġijiet tad-Direttiva 92/84/KEE, l-Istati Membri jistgħu jinjoraw partijiet ta' grad Plato jew grad ta' qawwa alkoħolika attwali skond il-volum.
Flimkien ma' dan, l-Istati Membri li jimponu t-taxxa skond ir-riferenza lejn l-ettolitri/gradi Plato jistgħu jaqsmu l-birra f'kategoriji li jikkonsistu f'mhux iżjed minn erba' gradi plato għal kull kategorija u jżommu l-istess rata ta' dazju għal kull ettolitru fuq il-birra kollha li taqa' taħt kull kategorija u jżommu l-istess rata ta' dazju għal kull ettolitru fuq il-birra kollha li taqa' taħt kull kategorija. Dawn ir-rati għandhom b'mod invarjat ikunu ugwali għal jew jeċċedu r-rata minima stipulata fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/84/KEE, hawn iżjed ‘il quddiem imsejħa r-rata minima.
Artikolu 4
1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa ta' dazju, li jistgħu jkunu differenzjati skond il-produzzjoni annwali tal-birreriji in kwistjoni, għal birra magħmula minn birreriji żgħar indipendenti fi ħdan il-limiti segwenti:
— ir-rati mnaqqsa m'għandhomx ikunu applikati lill-intrapriżi li jipproduċu iżjed minn 200 000 ettolitri ta' birra kull sena,
— ir-rati mnaqqsa, li jistgħu jaqgħu taħt ir-rata minima, m'għandhomx ikunu ffissati għal iżjed minn 50 % taħt ir-rata standard nazzjonali tat-taxxa tas-sisa.
2. Għall-iskopijiet tar-rati mnaqqsa t-terminu “birrerija” għandu jfisser birrerija li hi legalment u ekonomikament indipendenti minn kull birrerija oħra, li tuża bini li jinsab fiżikament lil hinn minn dak ta' xi birrerija oħra u li ma toperax bil-liċenzja. Madankollu, fejn tnejn jew iżjed birreriji żgħar jikkoperaw, u d-dħul annwali tagħhom flimkien ma jeċċedix l-200 000 ettolitru, dawk il-birreriji jistgħu jkunu trattati bħala birrerija żgħira waħda indipendenti.
3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li kwalunkwe rata mnaqqsa li huma jistgħu jintroduċu tapplika ugwalment għal birra trasportata fit-territorju tagħhom minn birreriji żgħar indipendenti li jinsabu fl-Istati Membri oħrajn. B'mod partikolari dawn għandhom jassiguraw li l-ebda kunsinna individwali mill-Istati Membri oħra ma teħel qatt iżjed dazju mill-ekwivalenti nazzjonali preċiż tagħha.
Artikolu 5
1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa, li jistgħu jaqgħu taħt ir-rata minima, għal birra b'qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li ma teċċedix it-2,8 % vol.
2. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għal prodotti li jkollhom taħlita ta' birra ma xorb mhux alkoħoliku li jaqa taħt il-kodiċi NM 2206.
Artikolu 6
Bla ħsara għall-kondizzjonijiet li għandhom jistipulaw sabiex jassiguraw l-applikazzjoni mhux ikkomplikata ta' l-eżenzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mit-taxxa tas-sisa l-birra magħmula minn individwu privat u kkonsmata mill-produttur, mill-membri tal-familja tiegħu jew mill-mistednin tiegħu, sakemm ma jkun involut l-ebda bejgħ.
SEZZJONI II
INBID
Skop
Artikolu 7
1. L-Istati Membri għandhom japplikaw taxxa tas-sisa lill-inbid skond din id-Direttiva.
2. L-Istati Membri għandhom jiffissaw ir-rati tagħhom skond id-Direttiva 92/84/KEE.
Artikolu 8
Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:
1. It-terminu “inbid mingħajr gass” ikopri l-prodotti kollha li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2204 u 2205, ħlief l-inbid bil-gass kif definit fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu:
— li jkollu qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l-1,2 % vol. Imma li ma teċċedix il-15 % vol., iżda l-alkoħol li jkun hemm fil-prodott komplet għandu jkun kollu kemm hu ta' oriġini ffermentata,
— li jkollu qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi 15 % vol. u li ma teċċedix il-18 % vol. sakemm dawn kienu magħmula mingħajr żidiet u sakemm l-akolħol li jkollu l-prodott komplut mhux kollu kemm hu ta' oriġini ffermentata;
2. It-terminu “inbid bil-gass” ikopri l-prodotti kollha li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2204 10, 2204 21 10, 2204 29 10 u 2205:
— li jinżammu fi fliexken b’ “tappijiet mushroom” miżmuma fil-post b'wajers jew bi qfieli, jew li għandhom pressa żejda minħabba d-dijossidu karboniku f'taħlita ta' tliet bar jew iżjed,
— li jkollu qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l-1,2 % vol. imma li ma teċċedix 15 % vol., iżda l-alkoħol li jkun fil-prodott komplut għandu jkun kollu kemm hu ta' oriġini ffermentata.
Determinazzjoni tad-dazju
Artikolu 9
1. It-taxxa tas-sisa intaxxata mill-Istati Membri fuq l-inbid għandha tkun iffissata b'riferenza għan-numru ta' ettolitri tal-prodott komplut.
2. Ħlief skond kif hemm ipprovdut fil-paragrafi 3 u 4, l-Istati Membri għandhom jintaxxaw l-istess rata ta' taxxa tas-sisa fuq il-prodotti kollha li huma intaxxabbli bid-dazju fuq l-inbid mingħajr gass. B'mod simili, għandhom jintaxxaw l-istess rata ta' taxxa tas-sisa fuq prodotti intaxxabbli bid-dazju fuq l-inbid bil-gass. Dawn jistgħu japplikaw l-istess rata ta' dazju kemm lill-inbid mingħajr gass kif ukoll lill-inbid bil-gass.
3. L-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa ta' taxxa tas-sisa lil kwalunkwe tip ta' inbid mingħajr gass u lill-inbid bil-gass ta' qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li ma teċċedix il-8,5 % vol.
4. L-Istati Membri li fl-1 ta' Jannar 1992 applikaw rata ogħla ta' dazju fuq inbejjed mingħajr gass kif definiti fl-Artikolu (8) (1), fit-tieni inċiż, jistgħu jkomplu japplikaw din ir-rata. Din ir-rata ogħla m'għandhiex tkun iżjed mir-rata standard nazzjonali applikata lill-prodotti indermedjari.
Artikolu 10
Bla ħsara għal dawk il-kondizzjonijiet li għandhom jistipulaw sabiex jassiguraw l-applikazzjoni mingħajr komplikazzjoni ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mit-taxxa tas-sisa l-inbid prodott minn individwu privat u kkonsmat mill-produttur, mill-membri tal-familja tiegħu jew mill-mistednin tiegħu, sakemm ma jkun involut l-ebda bejgħ.
SEZZJONI III
XORB IFFERMENTAT LI M'HUWIEX INBID U BIRRA
Skop
Artikolu 11
1. L-Istati Membri għandhom japplikaw taxxa tas-sisa lil xorb iffermentat li m'huwiex birra jew inbid (xorb ieħor iffermentat) skond din id-Direttiva.
2. L-Istati Membri għandhom jiffissaw ir-rati tagħhom skond id-Direttiva 92/84/KEE.
Artikolu 12
Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 17:
1. It-terminu “xorb ieħor mingħajr gass iffermentat” ikopri l-prodotti kollha li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM 2204 u 2205 iżda li mhux imsemmija fl-Artikolu 8 hawn fuq, u prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2206, ħlief xorb ieħor iffermentat bil-gass kif definiti fil-punt 2 ta' dan l-Artikolu u kwalunkwe prodott ieħor kopert bl-Artikolu 2:
— li jkollu qawwa alkoħolika attwali bil-volum li jeċċedi 1,2 % vol. iżda li ma jeċċedix l-10 % vol.,
— li jkollu qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l-10 % iżda ma teċċedix il-15 % vol., iżda l-alkoħol li jkollu l-prodott komplut għandu jkun kollu kemm hu ta' oriġini ffermentata.
2. It-terminu “xorb ieħor iffermentat bil-gass” ikopri l-prodotti kollha li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2204 10, 2204 21 10, 2204 29 10 u 2205 mhux imsemmi fl-Artikolu 8 li ‘l fuq mil-liema:
— jkunu miżmuma fi fliexken b’ “tappijiet mushroom” miżmuma fil-post b'wajers jew bi qfieli, jew li għandhom pressa żejda minħabba d-dijossidu karboniku f'taħlita ta' tliet bar jew iżjed,
— ikollhom qawwa alkoħolika attwali bil-volum li jeċċedi 1,2 % vol. iżda li ma jeċċedix l-13 % vol.,
— jkollhom qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi t-13 % iżda ma teċċedix il-15 % vol., iżda l-alkoħol li jkollu l-prodott komplut għandu jkun kollu kemm hu ta' oriġini ffermentata iżda l-alkoħol li jkollu l-prodott komplut għandu jkun kollu kemm hu ta' oriġini ffermentata.
Determinazzjoni tad-dazju
Artikolu 13
1. It-taxxa tas-sisa intaxxata mill-Istati Membri fuq xorb ieħor iffermentat għandha tkun iffissata b'riferenza għan-numru ta' ettolitri tal-prodott komplut.
2. Ħlief skond kif hemm provdut fil-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jintaxxaw l-istess rata ta' taxxa tas-sisa fuq il-prodotti kollha li huma intaxxabbli bid-dazju fuq xorb ieħor iffermentat mingħajr gass. B'mod simili dawn għandhom jintaxxaw l-istess rata ta' taxxa tas-sisa fuq il-prodotti kollha intaxxabbli bid-dazju fuq xorb ieħor iffermentat bil-gass. Dawn jistgħu japplikaw l-istess rata ta' taxxa tas-sisa liż-żewġ tipi ta' xorb l-oħra ffermentati mingħajr gass u lil xorb ieħor iffermentat bil-gass.
3. L-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa ta' taxxa tas-sisa lil kwalunkwe tip ta' xorb ieħor iffermentat bil-gass jew mingħajr gass ta' qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li ma jeċċedix il-8,5 % vol.
Artikolu 14
Bla ħsara għal dawn il-kondizzjonijiet li għandhom jistipulaw sabiex jassiguraw l-applikazzjoni mingħajr komplikazzjoni ta' dan l-Artikolu, L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mit-taxxa tas-sisa xorb ieħor iffermentat mingħajr gass jew bil-gass prodott minn individwu privat u kkonsmat mill-produttur, mill-membri tal-familja tiegħu jew mill-mistednin tiegħu, sakemm ma jkun involut l-ebda bejgħ.
Artikolu 15
Għall-applikazzjoni tad-Direttiva 92/84/KEE u d-Direttiva 92/12/KEE, ir-riferenzi għall-“inbid” għandhom jitqiesu li japplikaw b'mod ugwali għal xorb ieħor iffermentat kif definiti f'din is-sezzjoni.
SEZZJONI IV
PRODOTTI INTERMEDJARJI
Skop
Artikolu 16
1. L-Istati Membri għandhom japplikaw taxxa tas-sisa lill-prodotti intermedjarji skond din id-Direttiva.
2. L-Istati Membri għandhom jiffissaw ir-rati tagħhom skond id-Direttiva 92/84/KEE. Dawn ir-rati m'għandhom qatt jaqgħu taħt ir-rati li l-Istati Membri japplikaw għall-prodotti ta' l-Artikoli 8(1) u 12 (1) tad-Direttiva preżenti.
Artikolu 17
1. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva t-terminu “prodotti intermedjarji” ikopri l-prodotti kollha ta' kontenut alkoħoliku attwali li jeċċedi l-1,2 % vol, iżda li ma jeċċedix it-22 % vol u li jaqa' taħt il-kodiċi NM 2204, 2205 u 2206 iżda mhux kopert mill-Artikolu 2, 8 and 12.
2. Minkejja d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 12, l-Istati Membri jistgħu jittrattaw bħala prodott intermedjarju kwalunkwe xorb iffermentat mingħajr gass fi ħdan l-iskop ta' l-Artikolu 12(1) li għandu qawwa alkoħolika attwali li teċċedi l-5,5 % vol. u li m'huwiex kollu kemm hu ta' oriġini ffermentat.
Determinazzjoni tad-dazju
Artikolu 18
1. It-taxxa tas-sisa intaxxata mill-Istati Membri fuq il-prodotti intermedjarji għandha tkun iffissata b'riferenza għan-numru ta' ettolitri tal-prodott komplut.
2. Ħlief skond kif hemm ipprovdut fil-paragrafi 3, 4 u 5, l-Istati Membri għandhom jintaxxaw l-istess rata ta' dazju fuq il-prodotti kollha li huma taxxabbli bid-dazju fuq il-prodotti intermedjari.
3. Stat Membru jista' japplika rata waħda mnaqqsa ta' dazju lill-prodotti intermedjarji b'qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li ma teċċedix il-15 % vol. bla ħsara għall-kondizzjonijiet segwenti:
— ir-rata mnaqqsa m'għandhiex tkun iffissata għal iżjed minn 40 % taħt ir-rata ta' taxxa tas-sisa standard nazzjonali,
— ir-rata mnaqqsa ma tistax tkun inqas mir-rata standard nazzjonali applikata lil prodotti koperti bl-Artikolu 8(1) u 12 (1) ta' din id-Direttiva.
4. L-Istati Membri jistgħu japplikaw rata waħda mnaqqsa ta' dazju lil prodotti intermedjari li huma definiti fl-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament (KEE) Nru 4252/88.
Ir-rata mnaqqsa
— tista’ taqa’ taħt ir-rata minima iżda m'għandhiex tkun iffissata għal iżjed minn 50 % taħt ir-rata standard nazzjonali tat-taxxa tas-sisa,
— jew
— m'għandhiex tkun iffissata taħt ir-rata minima applikata lil prodotti intermedjari.
5. Għal prodotti intermedjarji li jinżammu fi fliexken b’ “tappijiet mushroom” miżmuma fil-post b'wajers jew bi qfieli, jew li għandhom pressa żejda minħabba d-dijossidu karboniku f'taħlita ta' tliet bar jew iżjed, l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-istess rata bħal ma hemm ipprovdut għal prodotti li jaqgħu fi ħdan l-iskop ta' l-Artikolu 12(2), iżda din ir-rata għandha tkun ogħla mir-rata standard nazzjonali għall-prodotti intermedjarji.
SEZZJONI V
ALKOĦOL ETILIKU
Skop
Artikolu 19
1. L-Istati Membri għandhom japplikaw taxxa tas-sisa lil alkoħol etiliku skond din id-Direttiva.
2. L-Istati Membri għandhom jiffissaw ir-rati tagħhom skond id-Direttiva 92/84/KEE.
Artikolu 20
Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva l-“alkoħol etiliku” jkopri:
— il-prodotti kollha b'qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l-1,2 % volum u li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2207 u 2208, anki fejn dawn il-prodotti jifformaw parti ta' prodott li jaqa' taħt Kapitolu ieħor tan-NM,
— prodotti ta' kodiċi NM 2204, 2205 u 2206 li għandhom qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l-22 % vol.,
— spirti li jinxtorbu li jkollhom prodotti, kemm jekk f'taħlita likwida jew le.
Determinazzjoni tad-dazju
Artikolu 21
It-taxxa tas-sisa fuq alkoħol etiliku għandha tkun iffissata għal kull ettolitru ta' alkoħol pur ta' 20 °C, u għandha tkun ikkalkolata b'riferenza għan-numru ta' ettolitri ta' alkoħol pur. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 22, l-Istati Membri għandhom iżommu l-istess rata ta' dazju fuq il-prodotti kollha taxxabbli bid-dazju fuq l-alkoħol etiliku.
Artikolu 22
1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa ta' taxxa tas-sisa lill-alkoħol etiliku prodott minn distilleriji żgħar fi ħdan il-limiti segwenti:
— ir-rati mnaqqsa, li jistgħu jaqgħu taħt ir-rata minima, m'għandhomx ikunu applikati lil intrapriżi li jipproduċu iżjed minn 10 ettolitri ta' alkoħol pur fis-sena. Madankollu, l-Istati Membri li applikaw rati mnaqqsa fl-1 ta' Jannar 1992 lil intrapriżi li jipproduċu bejn l-10 ettolitri u l-20 ettolitru ta' alkoħol pur kull sena jistgħu jkomplu jagħmlu hekk,
— ir-rati mnaqqsa m'għandhomx ikunu ffissati għal iżjed minn 50 % taħt ir-rata ta' taxxa tas-sisa standard nazzjonali,
2. Għall-iskopijiet tar-rati mnaqqsa, it-terminu “distillerija żgħira” għandu jfisser distillerija li hi legalment u ekonomikament indipendenti minn kull distillerija oħra u li ma toperax bil-liċenzja.
3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li kull rata mnaqqsa li jistgħu jintroduċu tapplika b'mod ugwali lil alkoħol etiliku trasportat fit-territorju tagħhom minn produtturi żgħar li jinsabu fl-Istati Membri oħrajn.
4. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw disposizzjonijiet fejn l-alkoħol prodott minn produtturi żgħar jinħeles għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa hekk kif dan jinkiseb (sakemm il-produtturi ma jkunux wettqu huma nfushom xi transazzjonijiet intra-Komunitarji) mingħajr ma jkunu soġġetti għall-arranġamenti tat-taxxa tal-magazzinaġġ, u jkunu intaxxati definittivament fuq bażi ta' rata waħda.
5. L-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa ta' dazju lil prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2208 li għandhom qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li ma teċċedix l-10 % vol.
6. Il-Bulgarija u r-Repubblika Ċeka jistgħu japplikaw rata mnaqqsa ta' dazju tas-sisa, ta' mhux anqas minn 50 % tar-rata nazzjonali standard tad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku, għall-alkoħol etiliku prodott minn distilleriji ta' koltivaturi tal-frott li jipproduċu, kull sena, aktar minn 10 ettolitri ta' alkoħol etiliku minn frott fornut lilhom mill-familji ta' koltivaturi tal-frott. L-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa għandha tkun limitata għal 30 litru ta' spirti tal-frott kull sena għal kull familja koltivatriċi tal-frott produttiva, li jkunu destinati esklussivament għall-konsum personali tagħha.
7. L-Ungerija, ir-Rumanija u s-Slovakkja jistgħu japplikaw rata mnaqqsa ta' dazju tas-sisa, ta' mhux anqas minn 50 % tar-rata nazzjonali standard tad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku, għall-alkoħol etiliku prodott minn distilleriji ta' koltivaturi tal-frott li jipproduċu, kull sena, aktar minn 10 ettolitri ta' alkoħol etiliku minn frott fornut lilhom mill-familji ta' koltivaturi tal-frott. L-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa għandha tkun limitata għal 50 litru ta' spirti tal-frott kull sena għal kull familja koltivatriċi tal-frott produttiva, li jkunu destinati esklużivament għall-konsum personali tagħha. Il-Kummissjoni tirrevedi dan l-arranġament fis-sena 2015 u tirrapporta lill-Kunsill dwar modifiki possibbli.
Artikolu 23
L-Istati Membri segwenti jistgħu japplikaw rata mnaqqsa, li tista’ taqa’ taħt ir-rata minima iżda mhux iffissata għal iżjed minn 50 % taħt ir-rata standard nazzjonali ta' dazju fuq l-alkoħol etiliku, lil prodotti segwenti:
1. ir-Repubblika Franċiża, fir-rigward ta' rum kif definit fl-Artikolu 1(4)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1576/89 u magħmul miz-zokkor tal-kannamieli miġbur fil-post tal-manifattura kif stipulat fl-Artikolu 1(3)(1) ta' dak ir-Regolament, li jkollu kontenut ta' sustanzi volatili li m'huwiex l-etilu u l-alkoħol metiliku ugwali għal jew li jeċċedu l-225 gramma għal kull ettolitru ta' alkoħol pur, u qawwa attwali alkoħolika skond il-volum ugwali għal jew li teċċedi l-40 % vol.;
2. ir-Repubblika Griega, fir-rigward ta' dawk ix-xarbiet bit-togħma ta' l-anisetta definita fir-Regolament (KEE) Nru 1576/89 li huma bla kulur u li għandhom kontenut ta' zokkor ta' 50 % jew inqas f'kull litru, u li fihom mill-anqas 20 % tal-qawwa alkoħolika tal-prodott finali hi magħmula minn alkoħol mogħti t-togħma permezz tad-distillazzjoni f'lampiki tar-ram mhux kontinwi tradizzjonali b'kapaċità ta' 1 000 litru jew inqas.
SEZZJONI VI
MIXXELLANJA
Artikolu 24
1. L-Istati Membri m'għandhomx għalfejn jeħtieġu li l-prodotti koperti b'din id-Direttiva għandhom ikunu prodotti f'maħzen bit-taxxa minn prodotti alkoħoliċi kostitwenti li jinżammu f'sospensjoni mit-taxxi tas-sisa rilevanti, sakemm dik it-taxxa fuq il-kostitwenti kienet diġà mħallsa bil-quddiem u li t-taxxa totali pagabbli fuq il-prodotti alkoħoliċi kostitwenti m'hijiex inqas mit-taxxa pagabbli fuq il-prodott li jirriżulta mit-taħlita tagħhom.
2. Ir-Renju ta' Spanja m'għandux għalfejn jikkonsidra bħala l-manifattura ta' prodotti intermedjari l-preparazzjoni ta' l-inbejjed magħmula fir-reġjuni tal-Moriles-Montilla, Tarragona, Priorato u Terra Alta, li żdidilhom l-akoħol b'tali mod li l-qawwa alkoħolika tagħhom ma tiżdiedx b'iżjed minn 1 % vol.
Artikolu 25
L-Istati Membri jistgħu jirrifondu t-taxxa tas-sisa fuq ix-xorb alkoħoliku rtirat mis-suq minħabba l-kondizzjoni jew l-età tagħhom li jirrendih mhux tajjeb għall-konsum mill-bnedmin.
Artikolu 26
Riferenzi f'din id-Direttiva għall-kodiċi NM għandhom ikunu għal dawk tal-verżjoni tan-nomenklatura kombinata fis-seħħ meta din id-direttiva tkun adottata.
SEZZJONI VII
EŻENZJONIJIET
Artikolu 27
1. L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti koperti b'din id-Direttiva mis-sisa armonizzata taħt il-kondizzjonijiet li għandhom jistipulaw għall-iskop li tkun assigurata l-aplikazzjoni korretta u ħafifa ta' dawn l-eżenzjonijiet u li tkun ipprevenuta xi evażjoni, ħelsien jew abbuż:
(a) Meta mqassam fil-forma ta' alkoħol denaturalizzat skond il-ħtiġijiet ta' kwalunkwe Stat Membru, u dawn il-ħtiġijiet kienu notifikati u aċċettati kif xieraq skond il-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu. Din l-eżenzjoni għandha tkun kondizzjonali għal meta jkunu applikati d-disposizzjonijiet tad-Direttiva 92/12/EEC liċ-ċaqliq kummerċjali ta' l-alkoħol denaturalizzat;
(b) meta jkun denaturalizzat skond il-ħtiġijiet ta' kwalunkwe Stat Membru kif ukoll użat għall-manifattura ta' xi prodott mhux għall-konsum tal-bnedmin;
(ċ) meta użat għall-produzzjoni tal-ħall li jaqa taħt il-kodiċi NM 2209;
(d) meta użat għall-produzzjoni ta' mediċini definiti mid-Direttiva 65/65/KEE;
(e) meta użat għall-produzzjoni ta' essenzi għall-preparazzjonijiet ta' l-ikel u tax-xorb mhux alkoħoliku b'qawwa alkoħolika li ma teċċedix il-1,2 % vol.;
(f) meta użat direttament jew bħala kostitwent ta' prodott ippreparat għall-aħħar stadju ta' manifattura ta' l-ikel, mimli jew le, iżda f'kull każ il-kontenut alkoħoliku ma jeċċedix it-8,5 litri ta' alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott għaċ-ċikkulata, u 5 litri ta' alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott għal prodotti oħra.
2. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-prodotti koperti b'din id-Direttiva mit-taxxa tas-sisa armonizzata taħt kondizzjonijiet li huma għandhom jistipulaw bl-iskop li jassiguraw l-applikazzjoni korretta u faċli ta' dawn l-eżenzjonijiet u tal-prevenzjoni ta' kull evażjoni, ħelsien jew abbuż, meta użati:
(a) bħala kampjuni għall-analiżi, għal testijiet meħtieġa għall-produzzjoni, jew għal skopijiet xjentifiċi;
(b) għal riċerka xjentifika;
(ċ) għal skopijiet mediċi fi sptarijiet u spiżeriji;
(d) fi proċess ta' manifattura sakemm il-prodott finali ma jkollux l-alkoħol;
(e) fil-manifattura ta' prodott komponent li m'huwiex soġġett għat-taxxa tas-sisa taħt din id-Direttiva.
3. Qabel l-1 ta' Jannar 1993 u tliet xhur qabel kull bidla sussegwenti maħsuba fil-liġi nazzjonali, kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni, flimkien ma l-informazzjoni rilevanti kollha, id-denaturalizzanti li għandu l-intenzjoni li juża għall-iskopijiet tal-paragrafu 1 (a). Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti l-komunikazzjonijiet lill-Istati Membri fi żmien xahar minn meta tirċeviehom.
4. Jekk, fi żmien xahrejn minn meta jkunu infurmati l-Istati Membri l-oħra, la l-Kummissjoni u lanqas xi Stat Membru ma jkunu talbu li l-kwistjoni titqajjem fil-Kunsill, il-Kunsill għandhu jitqies li jkun awtorizza l-proċessi tat-taħlit innotifikat. Jekk titqajjem oġġezzjoni fil-limitu taż-żmien, għandha tittieħed deċiżjoni f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 92/12/KEE.
5. Jekk Stat Membru jsib li prodott li kien eżentat skond il-paragrafi 1 (a) jew 1 (b) hawn fuq jirriżulta fl-evażjoni, ħelsien jew abbuż, dan jista' jirrifjuta li jagħti eżenzjoni jew li jirtira l-eżenzjoni diġà mogħtija. L-Istat Membru għandu javża lill-Kummissjoni minnufih. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-komunikazzjoni lill-Il-Istati Membri l-oħra fi żmien xahar minn meta tkun irċevietha. Deċiżjoni finali imbagħad għandha ssir skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 92/12/KEE. L-Istati Membri m'għandhomx ikunu obbligati li jagħtu effett retroattiv għal din id-deċiżjoni.
6. L-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jagħtu l-eżenzjonijiet imsemmija hawn fuq permezz ta' rifużjoni tat-taxxa tas-sisa mħallsa.
Artikolu 28
Ir-Renju Unit jista' jkompli japplika l-eżenzjonijiet li dan kien applika fl-1 ta' Jannar 1992 lill-prodotti segwenti:
— xorb ikkonċentrat tax-xgħir li l-wort tiegħu qabel il-fermentazzjoni kienu ta' gravità speċifika ta' 1 200 tal-Gravità Oriġinali (47o Plato) jew iżjed;
— xorb morr aromatiku ta' qawwa alkoħolika attwali ta' mill-44,2 sal-49,2 % vol., li jkunu jinsabu fihom mill-1,5 % sal-6 % bil-piż tal-ġenzana, tal-ħwawar u ta' ingredjenti aromatiċi oħra u mill-4 sal-10 % skond il-piż ta' zokkor, ikkonsenjat f'kontenituri li jesgħu 0,2 litri jew inqas tal-prodott.
SEZZJONI VII
DISPOSIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 29
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex iħarsu din id-Direttiva sa mhux iżjed tard mill-31 ta' Diċembru 1992. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih b'dan.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom għandha ssir din ir-riferenza għandhom ikunu stipulati mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet ewlenin li huma jadottaw fil-qasam irregolat b'din id-Direttiva.
Artikolu 30
Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.
( 1 ) ĠU C 322, tal-21.12.1990, pġ. 11.
( 2 ) ĠU C 67, tas-16.3.1992, pġ. 165.
( 3 ) ĠU C 96, tat-18.3.1991, pġ. 25.
( 4 ) ĠU L 76, tat-23.3.1992, pġ. 1.
( 5 ) Ara paġna 29 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.