1986L0278 — MT — 20.04.2009 — 004.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Ġunju 1986

dwar il-protezzjoni ta’ l-Ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura

(86/278/KEE)

(ĠU L 181, 4.7.1986, p.6)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 91/692/KEE tat-23 ta' Diċembru, 1991,

  L 377

48

31.12.1991

►M2

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 807/2003 ta' l-14 ta' April 2003

  L 122

36

16.5.2003

►M3

REGOLAMENT (KE) Nru 219/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Marzu 2009

  L 87

109

31.3.2009


Emendat bi:

 A1

  C 241

21

29.8.1994




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Ġunju 1986

dwar il-protezzjoni ta’ l-Ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura

(86/278/KEE)



IL-KUNSILL TAL-KOMUNITA’ EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikoli 100 u 235 ta’ dan,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),

Billi l-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jirregola l-użu tal-ħama tad-drenaġġ fl-Agrikoltura biex jipprevjeni effetti li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ħamrija, il-veġetazzjoni, l-annimali u lill-bniedem, waqt li tinkuraġġixxi fl-istess ħin l-użu tajjeb tagħha;

Billi d-differenza bejn id-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-ħama tad-drenaġġ fl-agrikoltura tista’ taffettwa t-tħaddim tas-suq komuni; billi f’dan il-qasam l-approssimazzjoni tal-liġijiet stabbilit taħt l-Artikolu 100 tat-Trattat għandu jkun għalhekk infurzat;

Billi l-ħama tad-drenaġġ użata fl-agrikoltura mhijiex koperta bid-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart ( 4 );

Billi l-miżuri, li għalihom hemm magħmula dispożizzjoni fid-Direttiva tal-Kunsill 78/319/KEE tal-20 ta’ Marzu 1978 dwar skart tossiku u perikoluż ( 5 ), japplikaw ukoll għall-ħama tad-drenaġġ li jkun fiha jew tkun ikkontamimata b’sustanzi jew materjali msemmija fl-Anness għal dik id-Direttiva, li jkunu tali jew ikunu preżenti f’tali kwantitajiet jew konċentrazzjonijiet li jirrappreżentaw periklu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-Ambjent;

Billi għandhom isiru arranġamenti speċjali biex jiżguraw li l-bniedem, l-annimali, il-pjanti u l-ambjent ikunu salvagwardjati kompletament mill-effeti ħżniena li jiġu kkawżati mill-użu mhux ikkontrollat ta’ ħama;

Billi din id-Direttiva għandha l-għan ukoll li twaqqaf ċertu miżuri inizjali fuq livell ta’ Komunità li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tal-ħamrija;

Billi l-ħama jista’ jkollha proprjetajiet agronomiċi importanti, u għalhekk ikun ġustifikat li l-applikazzjoni tagħha tkun inkuraġġita fl-agrikoltura sakemm din tkun użata tajjeb; billi l-użu tal-ħama tad-drenaġġ m’għandhiex tfixkel il-kwalità tal-ħamrija u tal-prodotti agrikoli;

Billi ċerti metalli tqal jistgħu jkunu tossiċi għall-pjanti kif ukoll għall-bniedem minħabba l-preżenza tagħhom fi prodotti tar-raba’, u billi huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu obbligatorji għal dawn l-elementi li jkun hemm fil-ħamrija;

Billi l-użu tal-ħama għandu jkun ipprojbit meta l-konċentrazzjoni ta’ dawn il-metalli fil-ħamrija tkun teċċedi l-valuri ta’ limitu;

Billi, madanakollu, huwa neċessarju li dawn il-limiti ma jinqabżux meta tintuża l-ħama; billi, għal dan il-għan, huwa neċessarju li jiġi limitat l-ammont ta’ metalli tqal li jiġu miżjuda mal-ħamrija kkultivata jew billi jiġu stabbiliti kwantitajiet massimi ta’ ħama li tista’tintuża kull sena u jiġi żgurat li l-limiti stabbiliti għall-konċentrazzjoni ta’ metalli tqal fil-ħama użata ma jinqabżux, jew billi jiġi żgurat illi l-limiti stabbiliti għall-kwantitajiet ta’ metalli tqal li tista’ tiżdied mal-ħamrija fuq bażi ta’ medja ta’ 10 snin ma tinqabiżx;

Billi l-ħama għandha tkun ittrattata qabel ma din tkun użata fl-agrikoltura; billi l-Istati Membri xorta waħda jistgħu jawtorizzaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-użu ta’ ħama mhux ittrattata, mingħajr l-ebda riskju għas-saħħa tal-bniedem jew l-annimali, jekk din tkun injettata jew maħduma fil-ħamrija;

Billi għandu jgħaddi ċertu perjodu ta’ żmien bejn l-użu tal-ħama u t-teħid ta’ merħliet biex jirgħu jew il-ħsad ta’ ħxejjex li jintużaw għall-għalf jew ċerti ħxejjex oħra li normalment ikunu f’kuntatt dirett mal-ħamrija u li normalment jiġu kkunsmati nejjin; billi l-użu tal-ħama fuq frott u ħxejjex ta’ l-ikel matul il-perjodu tat-tkabbir, bl-eċċezzjoni għall-prodotti tas-siġar tal-frott, huwa ipprojbit;

Billi l-ħama għandha tintuża taħt ċerti kundizzjonijiet li jiżguraw li l-ħamrija u li l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art ikunu protetti, in konformità mad-Direttivi 75/440/KEE ( 6 ) u 80/68/KEE ( 7 );

Billi għal dan il-għan huwa meħtieġ li tiġi ssorveljata l-kwalità ta’ ħama u tal-ħamrija li fuqha din tintuża, u għalhekk li ssir analiżi u li ċerti rużultati jiġu kkomunikati lill-utenti;

Billi għandha tinżamm ċerta ammont ta’ informazzjoni essenzjali biex jiġi żgurat għarfien aħjar fl-użu tal-ħama fl-agrikoltura, u billi din l-informazzjoni għandha tingħadda lill-Kummissjoni fil-forma ta’ rapporti perjodiċi; billi, fid-dawl ta’ dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tfassal proposti biex tiġi żgurata protezzjoni akbar għall-ħamrija u l-ambjent;

Billi l-ħama li tkun ġejja minn impjanti żgħar li jintużaw għat-trattamenti ta’ drenaġġ, li primarjament jittrattaw ilma ta’ drenaġġ domestiku, tirrappreżenta ftit periklu għas-saħħa tal-bniedem, l-annimali, u l-pjanti u għall-ambjent, u għalhekk għandha tkun eżenti minn uħud mill-obbligazzjonijiet stabbiliti li jittrattaw dwar informazzjoni u analiżi;

Billi l-Istati Membri għandhom ifasslu dispożizzjonijiet aktar stretti minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva; billi dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni;

Billi l-progress xjentifiku u tekniku jista’ jwassal għall-adattament ta’ ċertu kriterji stabbiliti f’din id-Direttiva; billi, biex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tal-miżuri meħtieġa għal dan il-għan, għandha tiġi stabbilita proċedura li bis-saħħa tagħha tkun tista’ titwaqqaf ko-operazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni; billi din il-ko-operazzjoni għandha sseħħ fi ħdan Kumitat dwar l-Adattament għall-Progress Tekniku u Xjentifiku;

Billi t-Trattat ma jipprovdix għal poteri neċessarji, barra minn dawk li hemm fl-Artikolu 235,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



Artikolu 1

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jirregola l-użu tal-ħama tad-drenaġġ fl-agrikoltura b’tali mod li jkun hemm prevenzjoni minn effetti ħżiena fuq il-ħamrija, il-veġetazzjoni, l-annimali u l-bniedem, li allura bis-saħħa ta’ din id-Direttiva jkun jista’ jsir użu tajjeb tal-ħama tad-drenaġġ.

Artikolu 2

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) “ħama” tfisser:

(i) ħama residwali minn impjanti tad-drenaġġ li jittrattaw ilmijiet tad-drenaġġ domestiku jew urban u minn impjanti tad-drenaġġ li jittrattaw ilma maħmuġ li jkollu komposizzjoni simili għal dak tad-drenaġġ domestiku u urban;

(ii) ħama residwali li tkun ġejja minn tankijiet tossiċi u stallazzjonijiet simili oħra għat-trattament tad-drenaġġ;

(iii) ħama residwali li tkun ġejja minn impjanti tad-drenaġġ oħrajn li mhumiex imsemmija f’ (i) u (ii);

(b) “ħama ttrattata” tfisser:

ħama li tkun għaddiet minn trattament bioloġiku, kemiku jew termali, ħażna fuq perjodu twil ta’ żmien jew minn proċess xieraq ieħor biex inaqqas b’mod sinifikanti l-fermentabilità tagħha u l-perikli għas-saħħa li jirriżultaw mill-użu tagħha;

(ċ) “Agrikoltura” tfisser:

it-tkabbir tat-tipi kollha ta’ ħxejjex ta’ l-ikel li jinbiegħu fis-suq, kif ukoll l-allevament ta’ merħliet ta’ annimali;

(d) “użu” jfisser:

it-tixrid tal-ħama fuq il-ħamrija jew kull applikazzjoni oħra ta’ ħama fil-ħamrija.

Artikolu 3

1.  Il-ħama msemmija fl-Artikolu 2(a)(i) tista’ tintuża biss fl-agrikoltura in konformità ma’ din id-Direttiva.

2.  Mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 75/442/KEE u 78/319/KEE:

 il-ħama msemmija fl-Artikolu 2(a) (ii) tista’ tintuża fl-Agrikoltura taħt ċerti kundizzjonijiet li l-Istati Membri kkonċernati jkunu jikkunsidraw bħala meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-Ambjent,

 il-ħama msemmija fl-Artikolu 2(a) (iii) tista’ tintuża fl-Agrikoltura biss jekk l-użu tagħha jkun irregolat mill-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 4

Valuri għal konċentrazzjonijiet ta’ metalli tqal fil-ħamrija li fiha tkun applikata l-ħama, konċentrazzjoniet ta’ metalli tqal fil-ħama u l-kwantitajiet massimi ta’ kull sena ta’ tali metalli tqal li jistgħu jiġu introdotti fil-ħamrija maħsuba għall-Agrikoltura, huma mogħtija fl-Annessi I A, I B u I C.

Artikolu 5

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12:

1. L-Istati Membri għandhom jippojbixxu l-użu ta’ ħama fejn il-konċentrazzjoni ta’ wieħed mill-metalli tqal jew aktar li jkun hemm fil-ħamrija jeċċedi(u) il-valuri ta’ limitu li dawn jistabbilixxu in konformità ma’ l-ANNESS I A, u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li dawk il-valuri ta’ limitu ma jkunux eċċeduti bħala riżultat ta’ l-użu tal-ħama.

2. L-Istati Membri għandhom jirregolaw l-użu tal-ħama b’tali mod li l-akkumulazzjoni ta’ metalli tqal fil-ħamrija ma twassalx biex il-valuri ta’ limitu msemmija fil-paragrafu 1 ikunu eċċeduti. Biex iseħħ dan, dawn għandhom japplikaw waħda mill-proċeduri li hemm ipprovduti f’ (a) u (b) taħt:

(a) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kwantitajiet massimi ta’ ħama espressi f’termini ta’ tunnellati ta’ maetrjal xott li jista’ jkun applikat fil-ħamrija għal kull unit ta’ area għal kull sena, waqt li jiġu osservati l-valuri ta’ limitu għall-konċentrazzjoni ta’ metall tqil fil-ħama li huma jistabbilixxu in konformità ma’ l-Anness I B; jew

(b) l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-osservanza tal-valuri ta’ limitu għall-kwantitajiet ta’ metalli introdotti fil-ħamrija għal kull unit ta’ area u unit ta’ żmien hekk kif stabbilit fl-Anness I C.

Artikolu 6

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7:

(a) il-ħama għandha tkun ittrattata qabel ma tintuża fl-agrikoltura. L-Istati Membri jistgħu xorta waħda jawtorizzaw, taħt kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti minnhom stess, l-użu ta’ ħama mhux ittrattata jekk din tkun injettata jew maħduma fil-ħamrija;

(b) Il-produtturi tal-ħama tad-drenaġġ għandhom jipprovdu lill-utenti b’mod regolari l-informazzjoni kollha msemmija fl-ANNESS II A.

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu tal-ħama jew il-provvista ta’ ħama għall-użu fuq:

(a) art fejn jirgħu l-annimali jew ħxejjex li jintużaw għall-għalf ta’ l-annimali jekk l-art li se jirgħu l-annimali fuqha jew il-ħaxix tajjeb għall-għalf ta’ l-annimali jkun se jinħasad qabel ċertu perjodu ta’ żmien ikun diġà skada. Dan il-perjodu, li għandu jkun stabbilit mill-Istati Membri waqt li jikkunsidraw b’mod partikulari s-sitwazzjoni ġeografika u klimatika tagħhom, m’għandu taħt l-ebda ċirkustanza ikun anqas minn tliet ġimgħat;

(b) ħamrija li fiha jikber frott u ħxejjex ta’ l-ikel, bl-eċċezzjoni ta’ siġar tal-frott;

(ċ) art maħsuba għall-kultivazzjoni tal-frott u ħxejjex ta’ l-ikel li normalment ikun f’kuntatt dirett mal-ħamrija u li normalment jittieklu nejjin, għal perjodu ta’ 10 xhur qabel il-ħsad tal-ħxejjex u matul il-perjodu tal-ħsad innifsu.

Artikolu 8

Dawn ir-regoli li ġejjin għandhom jiġu osservati meta tintuża l-ħama:

 il-ħama gġħandha tintuża b’tali mod li tittieħed kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet nutrittivi tal-pjanti u li l-kwalitaà tal-ħamrija u ta’ l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art ma jkunux mgħarrqa,

 fejn il-ħama tkun użata fuq il-ħamrija li l-pH tagħha jkun taħt il-valur ta’ 6, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-mobilità u d-disponibilità miżjuda ta’ metalli tqal fuq il-ħxejjex u għandhom, jekk ikun meħtieġ, inaqqsu l-valuri ta’ limitu li huma jkun stabbilew in konformità ma’ l-Anness I A.

Artikolu 9

Il-ħama u l-ħamrija li fuqha din tintuża għandhom ikunu analizzati kif stabbilit fl-Annessi II A u II B.

Il-metodi ta’ referenza għal kif jittieħdu l-kampjuni u ssir l-analiżi huma indikati fl-ANNESS II C.

Artikolu 10

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinżammu rekords aġġornati, li jirreġistraw:

(a) il-kwantitajiet ta’ ħama li tkun ġiet prodotta u l-kwantitajiet ipprovduti għall-użu fl-agrikoltura;

(b) il-komposizzjoni u l-propjetajiet tal-ħama f’relazzjoni mal-parametri msemmija fl-ANNESS II A;

(ċ) it-tip ta’ trattament li jkun sar, kif stabbilit fl-Artikolu 2(b);

(d) l-ismijiet u l-indirizzi ta’ min qed jirċievi l-ħama u l-post fejn din tkun se tintuża.

2.  Ir-rekords għandhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti u għandhom jipprovdu bażi għar-rapport ikkonsolidat imsemmi fl-Artikolu 17.

3.  Informazzjoni dwar il-metodi ta’ trattament u r-riżultati ta’ l-analiżi għandhom jingħataw kull meta ssir talba mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 11

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-Artikolu 6(b) u l-Artikolu 10(1)(b), (ċ) u (d) u l-paragrafu 2, ħama milli tiġi ttrattata f’impjanti ta’ trattament tad-drenaġġ li jkollhom kapaċità ta’ trattament taħt it-300 kg BOD5 għal kull ġurnata, li jikkorrispondi għall-ekwivalenti ta’ 5 000 persuna, u li dawn ikunu primarjament imfassla għat-trattament ta’ l-ilma tad-drenaġġ domestiku.

Artikolu 12

Fejn il-kundizzjonijiet ikunu jitolbu hekk, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri aktar stretti minn dawk li hemm ipprovduti f’din id-Direttiva.

Kull deċiżjoni ta’ din in-natura għandha tkun ikkomunikata lill-Kummissjoni in konformità mal-ftehim eżistenti.

▼M3

Artikolu 13

Il-Kummissjoni għandha tadatta għall-progress tekniku u xjentifiku d-dispożizzjonijiet tal-Annessi għad-Direttiva, bl-eċċezzjoni għall-parametri u l-valuri elenkati fl-Annessi I A, I B u I C, kwalunkwe fattur li x'aktarx jaffettwa l-evalwazzjoni tal-valuri, u l-parametri għall-analiżi msemmija fl-Annessi II A u II B.

Dawk il-miżuri, mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(2).

▼B

Artikolu 14

1.  Qed jitwaqqaf kumitat għall-adattament ta’ din id-Direttiva għall-progress tekniku u xjentifiku (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”). Dan għandu jikkonsisti minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri, b’rappreżentant mill-Kummissjoni biex iservi bħala President.

▼M2 —————

▼M3

Artikolu 15

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

▼B

Artikolu 16

1.  L-Istati Membri għandhom iwettqu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regoli u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex iħarsu din id-Direttiva fi żmien tliet snin min-notifika tagħha.

Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat b’din id-Direttiva.

Artikolu 17

▼M1

F'intervalli ta' tliet snin l-Istati Membri għandhom jibagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, permezz ta' rapport settorjali li għandu jiġbor fih ukoll Direttivi oħra relevanti tal-Komunità. Ir-rapport għandu jkun imsejjes fuq kwestjonarju jew punti prinċipali magħmula mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/692/KEE ( 8 ). Il-kwestjonarju jew punti prinċipali għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri sitt xhur qabel ma jibda l-perjodu li għalih ikun sar ir-rapport. Ir-rapport għandi jiġi magħmul lill-Kummissjoni fi żmien disa' xhur fit-tmiem il-perjodu ta' tliet snin kopert minnu.

L-ewwel rapport għandu jkun għall-perjodu mill-1995 sal-1997, biż-żewġ dati magħduda.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport tal-Komunità dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva fi żmien disa' xhur minn meta tirċievi r-rapporti mill-Istati Membri.

▼B

Artikolu 18

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




L-ANNESS I A

VALURI TA’ LIMITU GĦAL KONCENTRAZZJONIJIET TA’ METALLI TQAL FIL-ĦAMA LI TINTUŻA FILL-HAMRIJA



Parametri

Valuri ta’ limitu (1)

Il-Kadmju

1 sa 3

Ir-Ramm (2)

50 sa 140

In-Nikel (2)

30 sa 75

Iċ-Ċomb

50 sa 300

Iż-Żingu (2)

150 sa 300

Il-Merkurju

1 sa 1,5

Il-Kromju (3)

(1)   Istati Membri jistgħu jippermettu li l-valuri ta’ limitu li huma stess jiffissaw ikunu akbar milli suppost, fil-każ li l-ħama tkun użata fuq art li fi żmien in-notifika ta’ din id-Direttiva tkun iddedikata għad-disponiment tal-ħama, iżda li fuqha l-ħxejjex ta’ l-ikel kummerċjali jkunu qed jitkabbru biss għall-konsum mill-annimali. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar in-numru u t-tip ta’ siti kkonċernati. Huma għandhom ifitxxu wkoll li jiżguraw li bħala konsegwenza ma jkun hemm l-ebda periklu għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

(2)   Istati Membri jistgħu jippermettu li l-valuri ta’ limitu li huma jiffissaw ikunu akbar milli suppost sakemm jiġu osservati dawn il-parametri fuq ħamrija li jkollha pH konsistentement ogħla mill-valur ta’ 7. Il-konċentrazzjonijiet massimi ta’ dawn il-metalli tqali li huma awtorizzati m’għandhom fl-ebda ċirkustanza jeċċedu dawk il-valuri b’aktar minn 50 %. L-Istati Membri għandhom jaraw ukoll li jiżguraw li bħala konsegwenza ma jkun hemm l-ebda periklu għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, u b’mod partikolari għall-ilma ta’ taħt l-art.

(3)   M’huwiex possibbli f’dan l-istadju li jiġu ffissati valuri ta’ limitu għall-kromju. Il-Kunsill għandu jiffissa dawn il-valuri ta’ limitu aktar tard fuq il-bażi tal-proposti li għandhom ikunu sottomessi mill-Kummissjoni, fi żmien sena min-notifika ta’ din id-Direttiva.




L-ANNESS I B

VALURI TA' LIMITU GĦAL KON¬ENTRAZZJONIJIET TA' METALLI TQAL FIL-ĦAMA LI TINTUŻA FL-AGRIKOLTURA



Parametri

Valuri ta' limitu

Il-Kadmju

20 sa 40

Ir-Ram

1 000 sa 1 750

In-Nikel

300 sa 400

Iċ-Ċomb

750 sa 1 200

Iż-Żingu

2 500 sa 4 000

Il-Merkurju

16 sa 25

Il-Kromju (1)

(1)   M'huwiex possibbli f'dan l-istadju jiġu sottomessi valuri ta' limitu għall-kromju. Il-Kunsill għandu jiffissa dawn il-valuri ta' limitu aktar tard fuq il-bażi tal-proposti li għandhom ikunu sottomessi mill-Kummissjoni, fi żmien sena min-notifika ta' din id-Direttiva.




L-ANNESS I C

VALURI TA' LIMITU GĦAL AMMONTI TA' METALLI LI JISTGĦU JIŻDIEDU KULL SENA F'ART AKRIKOLA, IBBAŻATI FUQ BAŻI TA' 10 SNIN

(kg/ettaru/sena)



Parametri

Valuri ta' limitu (1)

Il-Kadmju

0,15

Ir-Ram

12

In-Nikel

3

Iċ-Ċomb

15

Iż-Żingu

30

ll-Merkurju

0,1

Il-kromju (1)

(1)   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-valuri ta' limitu jkunu akbar milli suppost fil-każ ta' użu tal-ħama fuq art li fi żmien in-notifika ta' din id-Direttiva tkun dedikata għad-disponiment tal-ħama, iżda li fuqha jkunu qed jitkabbru b'mod esklussiv ħxejjex għal użu kummerċjali għall-konsum ta' l-annimali. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar in-numru u t-tip ta' siti kkonċernati. Huma għandhom ukoll jiżguraw li bħala konsegwenza ma jkunx hemm periklu għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.




L-ANNESS II A

ANALIŻI TA’ ĦAMA

1.

Bħala regola, il-ħama għandha tiġi analizzata għal ta’ lanqas kull sitt xhur. Fejn ikun hemm tibdiliet fil-karatteristiċi ta’ l-ilma tad-drenaġġ meta dan ikun ittrattat, il-frekwenza ta’ l-analiżi għandha tiżdied. Jekk ir-riżultati ta’ l-analiżi ma jkunux ivarjaw b’mod sinifikanti fuq medda ta’ sena sħiħa, il-ħama għandha tkun analizzata għal ta’ lanqas kull tnax-il xahar.

2.

Fil-każ ta’ ħama li tkun ġejja mill-impjanti ta’ trattament imsemmija fl-Artikolu 11, jekk l-analiżi tal-ħama ma tkunx saret fi tnax-il xahar li jippreċedu l-implimentazzjoni, f’kull Stat Membru, ta’ din id-Direttiva, għandha ssir analiżi fi żmien tnax-il xahar ta’ din l-implimentazzjoni, jew, fejn ikun meħtieġ, fi żmien sitt xhur mid-deċiżjoni li tawtorizza l-użu tal-ħama fl-agrikoltura minn dawn l-impjanti. L-Istati Membri għandhom jiddeċidu dwar il-frekwenza ta’ analiżi oħra fuq il-bażi tar-riżultati ta’ l-analiżi tal-bidu, xi tibdiliet li jista’ jkun hemm fin-natura ta’ l-ilma tad-drenaġġ ittrattat u xi fatturi relevanti oħra.

3.

Suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-analiżi għandha tkopri l-parametri li ġejjin:

 materjal niexef, materjal organiku,

 pH,

 nitroġenu u fosfru,

 kadmju, rram, nikel, ċomb, żingu, merkurju, kromju.

4.

Fil-każ ta’ ramm, żingu u kromju, fejn ikun intwera, għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat, li dawn jew mhumiex preżenti jew huma ppreżenti biss fi kwantitajiet żgħar ħafna fl-ilma tad-drenaġġ ittrattat minn impjant apposta, l-Istati Membri għandhom jiddeċidu fuq il-frekwenza ta’ l-analiżi li għandha ssir.




L-ANNESS II B

ANALIŻI TAL-ĦAMRIJA

1.

Kulmeta ħama, barra minn dik li tkun ġejja mill-impjanti tat-trattament msemmija fl-Artikolu 11, tkun użata, l-Istati Membri għandhom l-ewwel jiżguraw li l-kontenut ta' metalli tqal fil-ħamrija ma jkunx jeċċedu l-valuri ta' limitu stabbiliti fl-Anness IA. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiddeċidu huma dwar liema tip ta' analiżi għandhom isegwu, waqt li jikkunsidraw fl-istess ħin il-fatti xjentifiċi (“data”) disponibbli fuq il-karatteristiċi tal-ħamrija u l-omoġeneità tagħha.

2.

L-Istati Membri għandhom jiddeċidu huma wkoll dwar il-frekwenza ta' analiżi oħra li jistgħu isiru, waqt li jiġu kkunsidrati fl-istess ħin il-kontenut ta' metall tal-ħamrija qabel ma tintuża l-ħama, il-kwantità u l-komposizzjoni tal-ħama użata u xi fatturi relevanti oħra.

3.

L-analiżi għandha tkopri dawn il-parametri li ġejjin:

 pH,

 kadmju, ram, nikel, ċomb, żingu, merkurju u kromju.




L-ANNESS II Ċ

KIF JITTIEĦDU L-KAMPJUNI U METODI TA' ANALIŻI.

1.   Kif jittieħdu l-kampjuni tal-ħamrija.

Il-kampjuni rappreżentattivi tal-ħamrija li se jkunu analizzati għandhom normalment isiru billi jitħalltu flimkien 25 kampjun essenzjali li jkunu ttieħdu minn żona li ma teċċedix il-5 ettari u li din tkun qed tinħadem għall-istess skopijiet.

Il-kampjuni għandhom jittieħdu sa fond ta' 25 ċm, kemm-il darba il-fond tal-ħamrija tal-wiċċ ma jkunx anqas minn dak il-valur; pero, il-fond ta' kemm għandu jittieħed kampjun fil-każ ta' l-aħħar ma jistax ikun anqas minn 10 ċm.

2.   Kif jittieħed kampjun ta' ħama.

Kampjun mill-ħama għandu jittieħed wara li din tkun ġiet ipproċessata iżda qabel ma din tkun marret għand l-utent, u għandu jkun rappreżentattiv tal-produzzjoni tal-ħama.

3.   Metodi ta' analiżi.

L-analiżi għal metalli tqal għandha ssir wara diġestjoni aċiduża qawwija. Il-metodu ta' refernza ta' analiżi għandu jkun dak magħruf bħala spektrometrija ta' assorbità atomika (atomic absorption spectrometry) u l-limitu ta' determinazzjoni għal kull metall m'għandux ikun akbar minn 10 % tal-valur ta' limitu xieraq.



( 1 ) ĠU C 264, tat-8.10.1982, p. 3 u ĠU C 154, ta’ l-14.6.1984, p. 6.

( 2 ) ĠU C 77, tad-19.3.1984, p. 136.

( 3 ) ĠU C 90, tal-5.4.1983, p. 27.

( 4 ) ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 39.

( 5 ) ĠU L 84, tal-31.3.1978, p. 43;

( 6 ) ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 26.

( 7 ) ĠU L 20, tas-26.1.1980, p. 43.

( 8 ) ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 48.