1980L0155 — MT — 31.07.2001 — 002.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
|
ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL tal-21 ta’ Jannar 1980 dwar il-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva li għandhom x’jaqsmu mal-bidu u l-insegwiment ta’ l-attivitajiet tal-qwiebel (ĠU L 033, 11.2.1980, p.8) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
No |
page |
date |
||
|
L 341 |
19 |
23.11.1989 |
||
|
L 206 |
1 |
31.7.2001 |
||
ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Jannar 1980
dwar il-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva li għandhom x’jaqsmu mal-bidu u l-insegwiment ta’ l-attivitajiet tal-qwiebel
(80/155/KEE)
IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 49, 57 u 66 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),
Billi, skond l-Artikolu 57 tat-Trattat, id-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva li jirrelataw mal-bidu u l-insegwiment ta’ l-attivitajiet tal-qwiebel għandhom jiġu kkoordinati; billi, huwa neċessarju, għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika li l-Komunità tersaq lejn definizzjoni komuni tal-qasam ta’ l-attività tal-persuni professjonali kkonċernati u tat-taħriġ tagħhom; billi ma kienx maħsub mixtieq li għal dak l-iskop jiġi impost programm unifikat ta’ taħriġ għall-Istati Membri kollha; billi, għandhom, għall-kuntrarju jitħallew fl-ikbar libertà possibbli fl-organizzazzjoni tat-taħriġ; billi għalhekk l-aħjar soluzzjoni hija li jiġu stabbiliti standards minimi;
Billi l-koordinazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet, kif maħsuba b’din id-Direttiva, ma teskludix koordinazzjoni sussegwenti;
Billi, safejn hu kkonċernat it-taħriġ, il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri fil-preżent ma jagħmlux distinzjoni bejn qwiebel li jsegwu l-attivitajiet tagħhom bħala persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom; billi għal din ir-raġuni jidher neċessarju li l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva tiġi estiża għall-qwiebel impjegati,
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
L-Artikolu 1
1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-bidu u l-insegwiment ta’ attivitajiet tal-qwiebel taħt it-titoli msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 80/154/KEE ( 4 ) kondizzjonali fuq il-pussess ta’ diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali fl-ostetrija kif elenkat ►M2 fl-Anness ◄ tad-Direttiva msemmija, li jiggarantixxu illi l-persuna kkonċernata tkun akkwistat tul il-perjodu kollu tat-taħriġ:
(a) tagħrif adegwat dwar ix-xjenzi li fuqhom huma bbażati l-attivitajiet tal-qwiebel, b’mod partikolari l-ostetrija u l-ginekoloġija;
(b) tagħrif adegwat dwar l-etika tal-professjoni u dwar il-leġislazzjoni professjonali;
(ċ) tagħrif dettaljat dwar il-funzjonijiet bijoloġiċi, l-anatomija u l-fiżjoloġija fil-qasam ta’ l-ostetrija u tat-trabi ġodda, kif ukoll tagħrif dwar ir-relazzjoni bejn l-istat tas-saħħa u l-ambjent fiżiku u soċjali tal-bniedem, u dwar l-imġieba tiegħu;
(d) esperjenza klinika adegwata minna istituzzjonijiet approvati taħt is-sorveljanza ta’ persunal kwalifikat fil-professjoni tal-qwiebel u fl-ostetrija;
(e) fehma adegwata tat-taħriġ tal-persunal tas-saħħa u esperjenza ta’ xogħol ma’ dan il-persunal.
2. It-taħriġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi:
— jew kors full-time fl-ostetrija li jinkludi mill-inqas tliet snin ta’ studji prattiċi u teoretiċi, li l-ammissjoni għalih huwa soġġett għat-tkomplija ta’ mill-inqas l-ewwel 10 snin ta’ edukazzjoni ġenerali fi skola,
— jew kors full-time fl-ostetrija ta’ mill-inqas 18-il xahar, li l-ammissjoni għalih huwa soġġett għall-pussess ta’ diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali ta’ infermiera responsabbli għall-kura ġenerali msemmija ►M2 fl-Anness tad-Direttiva 77/452/KEE ◄ ( 5 ).
3. Il-kors fl-ostetrija previst fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 2 għandu jkopri mill-inqas is-suġġetti tal-programm ta’ taħriġ stabbiliti fl-Anness.
Il-kors previst fit-tieni inċiż tal-paragrafu 2 għandu jkopri mill-inqas is-suġġetti tal-programm ta’ taħriġ stabbiliti fl-Anness li ma ffurmawx parti minn kors ekwivalenti fit-taħriġ ta’ infermiera.
4. L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi l-istituzzjoni li tħarreġ il-qwiebel tkun responsabbli mill-koordinazzjoni tat-teorija u l-prattika matul il-programm kollu.
It-taħriġ teoretiku u prattiku msemmi fil-Parti A ta’ l-Anness għandu jkun bilanċjat u kkoordinat mat-taħriġ kliniku tal-qwiebel imsemmi fil-Parti B ta’ l-istess Anness hekk li t-tagħrif u l-esperjenza elenkati fil-paragrafu 1 jistgħu jinkisbu f’manjiera adegwata.
L-istruzzjoni klinika għandha tieħu l-forma ta’ taħriġ fuq ix-xogħol taħt sorveljanza f’dipartimenti ta’ sptarijiet jew servizzi tas-saħħa oħrajn approvati mill-awtoritajiet jew mill-korpi kompetenti. Bħala parti minn dan it-taħriġ, il-qwiebel studenti għandhom jipparteċipaw fl-attivitajiet tad-dipartimenti kkonċernati safejn u sakemm dawk l-attivitajiet jikkontribwixxu għat-taħriġ tagħhom. Għandhom jiġu mgħallma r-responsabbiltajiet involuti fl-attivitajiet tal-qwiebel.
5. Xejn f’din id-Direttiva m’għandu jippreġudika xi faċilità li tista’ tingħata skond ir-regoli proprji tagħhom mill-Istati Membri fir-rigward tat-territorju proprju tagħhom biex detenturi tad-diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn ta’ kwalifiki formali li ma kienux akkwistati fi Stat Membru jkunu awtorizzati jibdew u jwettqu l-attivitajiet ta’ qabla.
6. Bħala miżura transitorja u minkejja l-paragrafi 1 u 4, Spanja, li d-dispożizzjonijiet tagħha stabbiliti b’liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattivi provduta għal taħriġ li ma kkonformax ma’ din id-Direttiva meta d-Direttiva 80/154/KEE u din id-Direttiva daħlu fis-seħħ, tista’ tkompli tapplika dawk id-dispożizzjonijiet lil persuni li bdew it-taħriġ speċifiku tal-qwiebel tagħhom mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1985.
Kull Stat Membru li jospita għandu jkun awtoriżżat jeħtieġ li d-detenturi tad-diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn tal-kwalifiki formali bħala qabla mogħtija minn Spanja wara taħriġ speċifiku li beda qabel l-1 ta’ Jannar 1986 li d-diplomi, iċ-ċertifikati u l-provi l-oħrajna tagħhom tal-kwalifiki formali jkunu akkumpanjati minn ċertifikat li jiddikjara li kienu ingaġġati effettivament u skond il-liġi fl-attivitajiet ta’ qabla għal mill-inqas tliet snin konsekuttivi matul il-ħames snin qabel id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat, sakemm l-imsemmija diploma, ċertifikat jew prova oħra tal-kwalifiki formali ma tkunx akkumpanjata b’ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti Spanjoli li jiddikjara li jiċċertifika taħriġ f’konformità kompleta ma’ dan l-Artikolu u ma’ l-Anness.
L-Artikolu 2
Wara eżami perjodiku tar-riżultati tal-korsijiet varji ta’ taħriġ previsti fl-Artikolu 1(2), il-Kummissjoni għandha tagħmel l-ewwel rapport tagħha lill Kunsill sitt snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva. L-eżami msemmi għandu jitwettaq bl-assistenza tal-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ tal-Qwiebel.
Fid-dawl tar-riżultati ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni għandha tressaq proposti għal emendi mmirati li jallinjaw il-kriterji minimi stabbiliti fil-korsijiet ta’ taħriġ imsemmija skond il-kondizzjonijiet preskritti fl-ewwel subinċiż ta’ l-ewwel inċiż u fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 80/154/KEE. Il-Kunsill għandu jaġixxi minnufih fuq dawn il-proposti.
L-Artikolu 3
Minkejja l-Artikolu 1, l-Istati Membri jistgħu jippermettu taħriġ part-time taħt kondizzjonijiet approvati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
Il-perjodu totali ta’ taħriġ part-time ma jistax ikun inqas minn dak ta’ taħriġ full-time. L-istandard stabbilit tat-taħriġ ma jistax jiġi mfixkel minn natura part-time tiegħu.
L-Artikolu 4
L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi l-qwiebel ikunu mill-inqas intitolati li jibdew u jsegwu l-attivitajiet li ġejjin:
1. li jipprovdu tagħrif sod u pariri dwar l-ippjanar tal-familja;
2. li jagħmlu dijanjosi tat-tqala u jagħmlu monitoraġġ ta’ tqala normali; li jsegwu l-eżamijiet neċessarji għall-monitoraġġ ta’ l-iżvilupp tat-tqala normali;
3. li jippreskrivu jew jagħtu pariri dwar l-eżamijiet neċessarji għad-dijanjosi l-iktar kmieni possibbli ta’ tqala fir-riskju;
4. li jipprovdu programm ta’ preparazzjoni għall-ġenituri u preparazzjoni kompleta dwar il-ħlas inklużi pariri dwar l-iġjene u n-nutrizzjoni;
5. li jieħdu ħsieb u jassistu lill-omm waqt il-ħlas u li jagħmlu monitoraġġ tal-kondizzjoni tal-fetu fl-utru bil-mezzi kliniċi u tekniċi approprjati;
6. li jamministraw ħlas spontanju inkluż meta meħtieġ episjotomija u f’każijiet urgenti ħlas bil-qsim;
7. li jagħrfu s-sinjali ta’ twissija ta’ anormalitajiet fl-omm jew fit-tarbija li jeħtieġu li jiġi infurmat tabib u li jassistu lil dan ta’ l-aħħar meta xieraq; li jieħdu l-miżuri neċessarji ta’ emerġenza fl-assenza ta’ tabib, b’mod partikolari fit-tneħħija bl-idejn tal-plaċenta, possibbilment segwita b’eżami manwali ta’ l-utru;
8. li jeżaminaw u jieħdu ħsieb it-tarbija tat-twelid; li jieħdu l-inizjattivi kollha meħtieġa li huma neċessarji f’każ ta’ bżonn u li jsegwu meta neċessarju risuxxitazzjoni immedjata;
9. li jieħdu ħsieb u jagħmlu monitoraġġ tal-progress ta’ l-omm fil-perjodu wara l-ħlas u li jagħtu l-pariri kollha neċessarji lill-omm dwar il-kura tat-tarbija biex jgħinuha tassigura l-progress ottimu tat-tarbija tat-twelid;
10. li jsegwu t-trattament preskritt minn tabib;
11. li jżommu r-reġistri kollha neċessarji.
L-Artikolu 5
Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri li, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema fil-Komunità ( 6 ), qegħdin isegwu jew sejrin isegwu, bħala persuni impjegati, waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 80/154/KEE.
L-Artikolu 6
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien tliet snin min-notifika tagħha u għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 7
Meta Stat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet maġġuri f’ċerti oqsma fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha teżamina dawn id-diffikultajiet flimkien ma’ dak l-Istat Membru u għandha titlob l-opinjoni tal-Kumitat ta’ l-Uffiċjali Anzjani dwar is-Saħħa Pubblika stabbilit taħt id-Deċiżjoni 75/365/KEE ( 7 ), kif l-aħħar emendat bid-Deċiżjoni 80/157/KEE ( 8 ).
Meta neċessarju, l-Kummissjoni għandha tissottometti proposti approprjati lill-Kunsill.
L-Artikolu 8
Mhux iktar tard minn sitt snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, u wara li jkun talab l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv, għandu jiddeċiedi jekk id-deroga prevista fit-tielet punt fil-Parti B ta’ l-Anness għandhiex tiġi irtirata jew il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħha mnaqqsa.
L-Artikolu 9
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
L-ANNESS
PROGRAMM TA’ TAĦRIĠ GĦALL-QWIEBEL
Il-programm ta’ taħriġ għall-ksib ta’ diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali fl-ostetrija jikkonsisti fiż-żewġ partijiet li ġejjin:
A. ISTRUZZJONI TEORETIKA U TEKNIKA
(a) Suġġetti ġenerali
1. Anatomija u fiżjoloġija bażiċi
2. Patoloġija bażika
3. Batterjoloġija, viroloġija u parasitoloġija bażiċi
4. Bijofiżika, bijokimika u radjoloġija bażiċi
5. Pedjatrija, b’referenza partikolari għal trabi tat-twelid
6. Iġjene, edukazzjoni dwar is-saħħa, mediċina preventiva, dijanjosi bikrija tal-mard
7. Nutrizzjoni u djetetika, b’referenza partikolari għan-nisa, it-trabi tat-twelid u t-trabi żgħar
8. Soċjoloġija basika u kwistjonijiet soċjo-mediċi basiċi
9. Farmakoloġija bażika
10. Psikoloġija
11. Prinċipji u metodi ta’ tagħlim
12. Leġislazzjoni soċjali u dwar is-saħħa u l-organizzazzjoni tas-saħħa
13. Etika professjonali u leġislazzjoni professjonali
14. Edukazzjoni sesswali u l-ippjanar tal-familja
15. Protezzjoni legali ta’ l-omm u t-tarbija
(b) Suġġetti speċifiċi għall-attivitajiet tal-qwiebel
1. Anatomija u l-fiżjoloġija
2. Embrijoloġija u żvilupp tal-fetu
3. Tqala, ħlas u pweperju
4. Ginekoloġija u patoloġija ostetrika
5. Preparazzjoni għat-twelid u għall-ġenituri, inklużi aspetti psikoloġiċi
6. Preparazzjoni għall-ħlas (inkluż it-tagħrif dwar u l-użu tat-tagħmir tekniku ta’ l-ostetrija)
7. Analġesija, anestesija u risuxxitazzjoni
8. Fiżjoloġija u l-patoloġija tat-tarbija tat-twelid
9. Kura u s-sorveljanza tat-tarbija tat-twelid
10. Fatturi psikoloġiċi u soċjali
B. TAĦRIĠ PRATTIKU U KLINIKU
Dan it-taħriġ għandu jingħata taħt sorveljanza approprjata:
1. Pariri lin-nisa tqal, li jinvolvu mill-inqas 100 eżami ta’ qabel it-twelid
2. Is-sorveljanza u l-kura ta’ mill-inqas 40 mara waqt il-ħlas
3. L-istudent għandu personalment iwettaq mill-inqas 40 ħlas; fejn dan in-numru ma jistax jintlaħaq minħabba n-nuqqas ta’ nisa disponibbli fil-ħlas, jista’ jitnaqqas għal minimu ta’ 30, sakemm l-istudent jieħu sehem attivament f’20 ħlas ieħor
4. Il-parteċipazzjoni attiva fi ħlasijiet breech. Meta dan mhux possibbli minħabba nuqqas ta’ ħlasijiet breech il-prattika tista’ tkun f’sitwazzjoni simulata
5. It-twettiq ta’ episiotomija u inizzjazzjoni f’sutura. L-inizzjazzjoni tinkludi l-istruzzjoni teoretika u l-prattika klinika. Il-prattika tas-sutura tinkludi s-sutura ta’ ferita wara episjotomija u tiċrita perineali sempliċi. Din tista’ tkun f’sitwazzjoni simulata jekk assolutament neċessarju
6. Is-Sorveljanza u l-kura ta’ 40 mara f’riskju waqt it-tqala, jew il-ħlas jew fil-perjodu wara t-twelid
7. Is-sorveljanza u kura (inkluż l-eżami) ta’ mill-inqas 100 mara wara t-twelid u trabi tat-twelid f’saħħithom
8. L-osservazzjoni u l-kura ta’ trabi tat-twelid li jeħtieġu kura speċjali inklużi dawk li twieldu qabel iż-żmien, wara ż-żmien, b’piż inqas milli suppost jew morda
9. Il-kura ta’ nisa b’kondizzjonijiet patoloġiċi fil-qasam tal-ġinekoloġija u l-ostetriċja
10. L-inizzjazzjoni fil-kura tal-qasam tal-mediċina u l-kirurġija. L-inizzjazzjoni għandha tinkludi l-istruzzjoni teoretika u l-prattika klinika
( 1 ) ĠU C 18, tat-12.2.1970, p. 1.
( 2 ) ĠU C 101, ta’ l-4.8.1970, p. 26.
( 3 ) ĠU C 146, tal-11.12.1970, p. 17.
( 4 ) ĠU L 33, tal-21.1.1980, p. 1.
( 5 ) ĠU L 176, tal-15.7.1977, p. 1.
( 6 ) ĠU L 257, tad-19.10.1968, p. 2.
( 7 ) ĠU L 167, tat-30.6.1975, p. 19.
( 8 ) ĠU L 33, tal-21.1.1980, p. 1.