1969R1191 — MT — 01.07.1992 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KEE) Nru 1191/69

tas-26 ta' Ġunju 1969

dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni

(ĠU L 156, 28.6.1969, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

 M1

ATT Li jirigwarda l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni u l-aġġustamenti għat-Trattati

  L 73

14

27.3.1972

 M2

ATT Li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta' adeżjoni tar-Repubblika Ellenika u l-aġġustamenti għat-Trattati

  L 291

17

19.11.1979

 M3

ATT li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta’ l-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża u l-aġġustamenti għat-Trattati.

  L 302

23

15.11.1985

 M4

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KEE) Nru 3572/90 ta’ l-4 ta’ Diċembru 1990

  L 353

12

17.12.1990

►M5

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KEE) Nru 1893/91 ta' l-20 ta' Ġunju 1991

  L 169

1

29.6.1991




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KEE) Nru 1191/69

tas-26 ta' Ġunju 1969

dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni



IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 75 u 94,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 1965 ( 1 ) dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompetizzjoni fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),

Billi wieħed mill-għanijiet tal-politika komuni dwar it-trasport huwa li jiġu eliminati diskrepanzi li jistgħu jikkawżaw distorsjoni sostanzjali fil-kondizzjonijiet inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku li huma imposti fuq intrapriżi tat-trasport mill-Istati Membri;

Billi huwa għalhekk meħtieġ li jintemmu l-obbligi ta' servizz pubbliku definiti f'dan ir-Regolament; billi, madanakollu, huwa essenzjali f'ċerti każijiet li jinżammu dawn l-obbligi sabiex jiġi żgurat servizz ta' trasport adegwat; billi l-adegwatezza tas-servizzi tat-trasport trid tiġi eżaminata fid-dawl tal-qagħda tal-provvista u tad-domanda fis-settur tat-trasport u tal-ħtiġiet tal-komunità;

Billi dawn il-miżuri ta' terminazzjoni ma għandhomx japplikaw għal rati u kondizzjonijiet tat-trasport imposti fuq intrapriżi tat-trasport tal-passiġġieri fl-interessi ta' kategorija jew kategoriji partikolari ta' persuni;

Billi, bl-iskop li jiġu implimentati dawn il-miżuri, huwa neċessarju li wieħed jiddefinixxi l-obbligi ta' servizz pubbliku varji li jaqgħu taħt dan ir-Regolament; billi dawn l-obbligi jinkludu l-obbligu li wieħed jopera, l-obbligu li wieħed iġorr u obbligi marbutin mat-tariffi;

Billi għandha titħalla f'idejn l-Istati Membri li mill-inizjattiva tagħhom jieħdu miżuri sabiex itemmu jew sabiex iżommu obbligi ta' servizz pubbliku; billi, madanakollu, dawn l-obbligi jinvolvu piżijiet finanzjarji għall-intrapriżi tat-trasport, dawn ta' l-aħħar għandhom jkunu jistgħu japplikaw għat-terminazzjoni tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri;

Billi huwa approprjat li jiġi stabbilit li intrapriżi tat-trasport jistgħu japplikaw għat-terminazzjoni ta' obbligi ta' servizz pubbliku biss meta dawn l-obbligi jinvolvulhom żvantaġġi ekonomiċi stabbiliti skond il-proċeduri komuni definiti f'dan ir-Regolament;

Billi, sabiex jogħlew il-livelli ta' servizz, l-intrapriżi tat-trasport għandhom ikunu jistgħu, meta jkunu qegħdin jagħmlu l-applikazzjonijiet tagħhom, jipproponu l-użu ta' xi forma oħra ta' trasport li hija iktar adattata għat-traffiku inkwistjoni;

Billi, meta jiddeċiedu favur li jinżammu ċerti obbligi ta' servizz pubbliku l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jridu jkunu kapaċi jżidu mad-deċiżjoni tagħhom kondizzjonijiet li aktarx itejbu r-riżultati ta' l-operazzjonijiet inkwistjoni; billi meta jiddeċiedu li jtemmu obbligu ta' servizz pubbliku l-awtoritajiet kompetenti jridu, madanakollu, sabiex jiżguraw il-provvista ta' servizzi tat-trasport adegwati, jkunu kapaċi jipprovdu għall-introduzzjoni ta' servizz alternattiv;

Billi, sabiex jiġu kkunsidrati l-interessi ta' l-Istati Membri kollha, għandha tiġi introdotta proċedura Komunitarja għal każijiet fejn it-terminazzjoni ta' obbligu biex wieħed jopera jew iġorr tista' tinterferixxi ma' l-interessi ta' Stat Membru ieħor;

Billi huwa mixtieq, sabiex l-istudju ta' l-applikazzjonijiet minn intrapriżi għat-terminazzjoni ta' obbligi ta' servizz pubbliku jkun jista' jsir sew, li jiġu stabbiliti limiti taż-żmien kemm għas-sottomissjoni ta' dawn l-applikazzjonijiet kif ukoll għall-istudju tagħhom mill-Istati Membri;

Billi, skond l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 1965 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompetizzjoni fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, kull deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jinżamm xi obbligu ta' servizz pubbliku definit f'dan ir-Regolament tinkorpora obbligu ta' ħlas ta' kumpens fir-rigward ta' piżijiet finanzjarji li jistgħu jaqgħu fuq l-intrapriżi tat-trasport;

Billi malli tittieħed deċiżjoni minn Stat Membru sabiex jinżamm obbligu ta' servizz pubbliku partikolari jinħoloq id-dritt li l-impriża tat-trasport tieħu kumpens; billi, madanakollu, minħabba li l-budgets isiru fuq bażi annwali dan id-dritt ma jistax jinħoloq waqt il-perjodu inizjali ta' l-operat ta' dan ir-Regolament qabel l-1 ta' Jannar 1971; bill din id-data tista' tinbidel għal data oħra f'każ li l-limitu ta' żmien għall-istudju ta' l-applikazzjonijiet minn intrapriżi tat-trasport jiġi mtawwal;

Billi wkoll, l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 1965 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompetizzoni fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, jiddisponi li l-Istati Membri jridu jagħtu kumpens fir-rigward ta' piżijiet finanzjarji li jaqgħu fuq t-trasport ta' passiġġieri minħabba l-applikazzjoni ta' rati u kondizzjonijiet tat-trasport imposti fl-interessi ta' kategorija waħda jew iżjed ta' persuni; billi dan il-kumpens għandu jopera mill-1 ta' Jannar 1971; billi d-data operattiva tista', permezz ta' azzjoni fuq livell komunitarju, tiġi posposta għal sena f'każ li Stat Membru jiltaqa' ma' diffikultajiet speċjali;

Billi l-kumpens għal piżijiet finanzjarji li jaqgħu fuq intrapriżi tat-trasport minħabba ż-żamma ta' obbligi ta' servizz pubbliku jrid isir skond proċeduri komuni; billi, sabiex jinħadem l-ammont tal-kumpens, iridu jiġu kkunsidrati l-effetti li t-terminazzjoni ta' dawn l-obbligi jista' jkollha fuq l-attivitajiet ta' l-impriża;

Billi d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu applikati għal kull obbligu pubbliku ġdid skond kif definit f'dan ir-Regolament fuq impriża tat-trasport;

Billi, minħabba li ħlasijiet ta' kumpens taħt dan ir-Regolament għandhom jingħataw mill-Istati Membri skond il-proċeduri komuni li jinsabu f'dan ir-Regolament, dawn il-ħlasijiet għandhom jiġu eżentati mill-proċedura ta' informazzjoni preliminarja li tinsab fl-Artikolu 93(3) tat-trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea;

Billi l-Kummissjoni għandha jkolla s-setgħa li tikseb minngħand l-Istati Membri kull informazzjoni relevanti li tikkonċerna l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

Billi, sabiex il-Kunsill ikun jista' jistudja s-sitwazzjoni f'kull Stat Membru fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dwar dan lill-Kunsill qabel il-31 ta' Diċembru 1972;

Billi huwa mixtieq li jiġi żgurat li l-Istati Membri jpoġġu għad-dispożizzjoni ta' l-intrapriżi tat-trasport mezzi xierqa li jippermettu lil dawn ta' l-aħħar li jagħmlu rappreżentazzjonijiet dwar l-interessi tagħhom fir-rigward ta' deċiżjonijiet individwali meħuda mill-Istati Membri taħt dan ir-Regolament;

Billi, minħabba li preżentament dan ir-Regolament għandu japplika għal operazzjonijiet tat-trasport bil-ferrovija tas-sitt intrapriżi nazzjonali tal-ferrovija ta' l-Istati Membri u, fir-rigward ta' intrapriżi tat-trasport oħrajn, għal intrapriżi li fil-biċċa l-kbira ma jipprovdux servizzi ta' trasport ta' karattru lokali jew reġjonali, il-Kunsill irid jiddeċiedi fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament x'miżuri għandhom jittieħdu fir-rigward ta' obbligi ta' servizz pubbliku li għandhom x'jaqsmu ma' operazzjonijiet tat-trasport li ma jaqgħux taħt dan ir-Regolament;

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



IT-TAQSIMA I

Dispożizzjonijiet ġenerali

▼M5

L-Artikolu 1

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika għal intrapriżi tat-trasport li joperaw servizzi fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

Stati Membri jistgħu jeskludu mill-iskop ta' dan ir-Regolament xi intrapriżi li l-attivitajiet tagħhom ikunu limitati esklussivament għall-ħidma ta' servizzi urbani, suburbani jew reġjonali.

2.  Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

 “servizzi urbani u suburbani” tfisser servizzi ta' trasport li jilħqu l-ħtiġiet ta' ċentru urban jew konurbazzjoni, u l-ħtiġiet ta' trasport bejnu u l-inħawi ta' madwar,

 “servizzi reġjonali” tfisser servizzi ta' trasport imħaddma biex jilħqu l-ħtiġiet tat-trasport ta' kull reġjun.

3.  L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom itemmu l-obbligazzjonijiet kollha li jinsabu fil-kunċett ta' kull servizz pubbliku kif imfisser f'dan ir-Regolament impost fuq trasport bil-ferrovija, bit-triq jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

4.  Sabiex jiġi żgurat servizzi ta' trasport adegwati li b'mod partikolari jieħdu inkonsiderazzjoni fatturi soċjali u ambjentali u l-ippjanar ta' bliet u rħula, jew bil-għan li jiġu offruti nollijiet partikolari lil ċerti kategoriji ta' passiġġieri, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kuntratti ta' servizz pubbliċi ma' kull intrapriża tat-trasport. Il-kondizzjonijiet u d-dettalji ta' l-operat ta' dawn il-kuntratti huma stabbiliti fit-Taqsima V.

5.  Madanakollu, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jimponu l-obbligazzjonijiet ta' servizz pubbliku li għalih saret referenza fl-Artikolu 2 dwar servizzi ta' trasport urban, suburban u reġjonali għal passiġġieri. Il-kondizzjonijiet u d-dettalji ta' l-operat, inklużi metodi ta' kumpens, huma stabbiliti fit-Taqsimiet II, III u IV.

Meta kull intrapriża tat-trasport mhux biss topera servizzi bla ħsara għal obbligazzjonijiet dwar servizz pubbliku iżda wkoll tagħmel attivitajiet oħra, is-servizzi pubbliċi għandhom ikunu mħaddma bħala diviżjonijiet separati li ta' l-inqas jilħqu l-kondizzjonijiet segwenti:

(a) il-kontijiet operattivi li jikkorrispondu għal kull wieħed minn dawn l-attivitajiet għandhom ikunu separati u l-proporzjoni ta' l-assi li jappartienu għal kull wieħed għandhom jintużaw b'mod konformi mar-regoli tal-kontijiet li jkunu fis-seħħ;

(b) spejjeż għandhom ikunu bilanċjati bi dħul ta' l-operat u pagamenti minn awtoritajiet pubbliċi, mingħajr il-possibbiltà ta' trasferiment minn jew lejn settur ieħor ta' l-attività ta' l-intrapriża.

6.  Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafi 3 u 4 fil-qasam ta' trasport ta' passiġġieri lir-rati ta' trasport u kondizzjonijiet imposti fl-interessi ta' kategorija waħda partikolari ta' persuni jew aktar.

▼B

L-Artikolu 2

1.  “Obbligi ta' servizz pubbliku” tfisser obbligi li l-impriża tat-trasport partikolari, jekk ikollha tqis l-interessi kummerċjali tagħha biss, ma tinkarigax ruħha minnhom jew ma tinkarigax ruħha bl-istess mod jew taħt l-istess kondizzjonijiet.

2.  Obbligi ta' servizz pubbliku skond it-tifsira tal-paragrafu 1 jikkonsistu fl-obbligu li wieħed jopera, l-obbligu li wieħed iġorr u obbligi ta' tariffi.

3.  Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament “l-obbligu li ġġorr” tfisser kull obbligu impost fuq impriża tat-trasport li tieħu, fir-rigward ta' kull rotta jew installazzjonijiet li hija awtorizzata taħdem b'liċenzja jew b'awtorizzazzjoni ekwivalenti, il-miżuri neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat servizz tat-trasport li jissoddisfa standards fissi ta' kontinwità, regolarità u volum. Tinkludi wkoll kull obbligu li jingħataw servizzi addizzjonali u kull obbligu li jinżammu f'kondizzjoni tajba rotot, apparat — sa fejn din tkun żejda għall-bżonnijet tas-sistema ta' toroq b'mod ġenerali — u installazzjonijiet wara li jkunu ġew irtirtati s-servizzi.

4.  Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, “l-obbligu li ġġorr” tfisser kull obbligu impost fuq intrapriża tat-trasport li taċċetta li tieħu, fir-rigward ta' kull rotta jew installazzjonijiet li hija awtorizzata taħdem b'liċenzja jew b'awtorizzazzjoni ekwivalenti, il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura l-provvista ta' servizz tat-trasport li jissodisfa livelli fissi ta' kontinwità, regolarità u kapaċità.

5.  Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, “obbligi ta' tariffi” tfisser kull obbligu impost fuq intrapriżi tat-trasport li japplikaw, b'mod partikolari fir-rigward ta' ċerti kategoriji ta' passiġġiera, ċerti kategoriji ta' oġġetti, jew ċerti rotot, rati fissi jew approvati minn xi awtorita' pubblika li huma kontra l-interessi kummerċjali ta' l-impriża u li jirriżultaw mill-impożizzjoni ta' dispożizzjonijiet ta' tariffi speċjali, jew minn ċaħda li jiġu mmodifikati,.

Id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu preċedenti ma japplikawx fir-rigward ta' obbligi li jirriżultaw minn miżuri ġenerali ta' politika ta' prezzijiet li tapplika għall-ekonomija kollha b'mod ġenerali jew għall-miżuri meħuda fir-rigward ta' rati ta' trasport u kondizzjonijiet b'mod ġenerali bil-għan li jiġi organizzat is-suq tat-trasport jew parti minnu.



IT-TAQSIMA II

Prinċipji komuni dwar it-terminazzjoni jew iż-żamma ta' obbligi ta' servizz pubbliku

L-Artikolu 3

1.  Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jiddeċiedu li jżommu, totalment jew parzjalment, xi obbligu ta' servizz pubbliku, u meta dan jista' jsir b'iktar minn mod wieħed, li kull wieħed minnhom ikun kapaċi jiżgura, waqt li jissodisfa kondizzjonijiet simili, il-provvista ta' servizzi tat-trasport adegwati, l-awtoritajiet kompetenti jridu jagħżlu l-mod li jiswa l-inqas lill-Komunità.

2.  L-adegwatezza ta' servizzi tat-trasport għandha tiġi eżaminati wara li jiġu kkunsidrati:

(a) l-interess pubbliku;

(b) il-possibbiltà li jintużaw mezzi tat-trasport oħrajn u l-kapaċità ta' dawn il-mezzi li jaqdu l-bżonnijiet ta' trasport li jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati;

(ċ) ir-rati u l-kondizzjonijiet ta' trasport li jistgħu jiġu kkwotati lill-utenti.

L-Artikolu 4

1.  Huwa f'idejn l-intrapriżi tat-trasport li japplikaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għat-terminazzjoni sħiħa jew parzjali ta' xi obbligu ta' servizz pubbliku fejn dan l-obbligu huwa ta' żvantaġġ ekonomiku għalihom.

2.  Fl-applikazzjonijiet tagħhom, l-intrapriżi tat-trasport jistgħu jipproponu s-sostituzzjoni ta' xi forma oħra ta' trasport għall-forom li qegħdin jintużaw. L-intrapriżi għandhom japplikaw id-dispożizzjonijet ta' l-Artikolu 5 sabiex jikkalkolaw kemm jistgħu jiffrankaw sabiex itejbu l-qagħda finanzjarja tagħhom.

L-Artikolu 5

1.  Kull obbligu li wieħed jopera jew iġorr, għandu jitqies li jimponi żvantaġġi ekonomiċi meta t-tnaqqis tal-piż finanzjarju li jista' jirriżulta minħabba t-terminazzjoni totali jew parzjali ta' l-obbligu, fir-rigward ta' operazzjoni jew grupp ta' operazzjonijiet affetwati minn dak l-obbligu, jeċċedi t-tnaqqis fid-dħul li jirriżulta minn dik it-terminazzjoni.

L-iżvantaġġi ekonomiċi għandhom jiġu determinati fuq il-bażi ta' stqarrija, jekk hemm bżonn attwalizzata, ta' l-iżvantaġġi ekonomiċi annwali rappreżentanti mid-differenza bejn it-tnaqqis fil-piż finanzjarju annwali u d-dħul annwali li jirriżulta mit-terminazzjoni ta' l-obbligu.

Madanakollu, jekk l-obbligu li wieħed jopera jew li jġorr ikopri kategorija waħda jew iżjed tat-traffiku tal-passiġġieri jew ta' oġġetti fuq is-sistema ta' toroq kollha jew parti sostanzjali minnha, il-piż finanzjarju li jista' jiġi eliminat bit-terminazzjoni ta' l-obbligu għandu jiġi stmat billi jiġu allokati fost il-kategoriji varji ta' traffiku l-ispejjeż totali li jaqgħu fuq l-impriża minnħabba l-attivitajiet ta' trasport tagħha.

F'każ bħal dan l-iżvantaġġ ekonomiku għandu jkun daqs id-differenza bejn l-ispejjeż li jistgħu jiġu allokati lil dik il-parti ta' l-attivitajiet ta' l-impriża affettwata mill-obbligu ta' servizz pubbliku u d-dħul korrispondenti.

L-iżvantaġġi ekonomiċi għandhom jiġu determinati billi wieħed jikkunsidra l-effetti ta' l-obbligu fuq l-attivitajiet ta' l-impriża b'mod ġenerali.

2.  Obbligu dwar tariffi għandu jitqies li joħloq żvantaġġi ekonomiċi meta d-differenza bejn id-dħul mit-traffiku li għalih japplika l-obbligu u l-piż finanzjarju ta' dan it-traffiku tkun inqas mid-differenza bejn id-dħul li jista' jiġi ġenerat minn dak it-traffiku u l-piż finanzjarju relattiv jekk ix-xogħol isir fuq bażi kummerċjali, waqt li jiġu kunsidrati kemm l-ispejjeż ta' dawk l-operazzjonijiet li huma soġġetti għall-obbligu kif ukoll il-qagħda tas-suq.

L-Artikolu 6

1.  Fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament l-intrapriżi tat-trasport għandhom jippreżentaw lill-awtoritajiet kompetenti l-applikazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 4.

L-intrapriżi tat-trasport jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet wara l-iskadenza tal-perjodu hawn fuq imsemmi jekk isibu li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(1) huma ssoddisfati.

2.  Deċiżjonijiet biex jinżamm obbligu ta' servizz pubbliku jew parti minnu, jew li jiġi terminat fl-aħħar ta' perjodu speċifikat, għandhom jipprovdu għal kumpens li għandu jingħata fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji li jirrisultaw minn dan; l-ammont ta' dan il-kumpens għandu jiġi determinat skond il-proċeduri komuni li jinsabu fl-Artikoli 10 sa 13.

3.  L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjonijiet fi żmien sena mid-data ta' meta l-applikazzjoni tiġi preżentata fir-rigward ta' l-obbligi li wieħed jopera jew li jġorr, u fi żmien sitt xhur fir-rigward ta' obbligi ta' tariffi.

Id-dritt għall-kumpens għandu jinħoloq fid-data tad-deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti iżda taħt ebda ċirkustanzi mhux qabel l-1 ta' Jannar 1971.

4.  Madanakollu, jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jikkunsidraw li hija neċessarja minħabba n-numru u l-importanza ta' l-applikazzjonijet ippreżentati minn kull intrapriża, huma jistgħu jestendu l-perjodu stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 sa l-1 ta' Jannar 1972 sa l-iktar tard. F'dan il-każ, id-dritt għall-kumpens għandu jinħoloq f'dik id-data.

Jekk ikunu beħsiebhom jużaw dan il-poter, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-intrapriżi kkonċernati b'dan fi żmien sitt xhur wara l-preżentazzjoni ta' l-applikazzjonijiet.

Jekk xi Stat Membru jiltaqa' ma xi diffikultajiet speċjali, il-Kunsill jista', fuq talba ta' dak l-Istat u fuq proposta mill-Kummissjoni, jawtorizza lill-Istat ikkonċernat sabiex jestendi sa l-1 ta' Jannar 1973 il-limitu ta' żmien indikat fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

5.  Jekk l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux waslu għal deċiżjoni saż-żmien preskritt, l-obbligu li fir-rigward tiegħu tkun saret l-applikazzjoni għal terminazzjoni taħt l-Artikolu 4(1) għandu jiġi terminat.

6.  Il-Kunsill għandu, fuq il-bażi ta' rapport ippreżentat mill-Kummissjoni qabel il-31 ta' Diċembru 1972, jistudja s-sitwazzjoni f'kull Stat Membru fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 7

1.  Ma' kull deċiżjoni biex jinżamm obbligu jistgħu jiġu mehmuża kondizzjonijiet imfassla biex itejbu l-qligħ mill-operazzjonijiet affettwati mill-obbligu inkwistjoni.

2.  Kull deċiżjoni biex jintemm obbligu tista' tipprovdi għall-introduzzjoni ta' servizz alternattiv. F'każ bħal dan it-terminazzjoni ma tidħolx fis-seħħ qabel ma jkun beda jopera s-servizz alternattiv.

L-Artikolu 8

1.  L-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika lill-Kummissjoni, qabel l-implimentazzjoni, kull miżura li ttemm l-obbligu li wieħed jopera jew li wieħed iġorr li hu jipproponi li jieħu fir-rigward ta' kull rotta jew servizz tat-trasport li tista' taffettwa l-kummerċ jew it-traffiku bejn l-Istati Membri. Huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn b'dan.

2.  Jekk il-Kummissjoni jidhrilha li huwa neċessarju jew jekk Stat Membru ieħor jagħmel talba, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri dwar il-miżura proposta.

3.  Il-Kummissjoni għandha, fi żmien xahrejn wara li tirċievi l-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, tindirizza opinjoni jew rakkomandazzjoni lill-Istati Membri kollha kkonċernati.



IT-TAQSIMA III

Kif ir-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport imposti fl-interessi ta' kategorija jew kategoriji partikolari ta' persuni japplikaw għat-trasport ta' passiġġieri

L-Artikolu 9

1.  L-ammont ta' kumpens fir-rigward ta' piżijiet finanzjarji li jaqgħu fuq intrapriżi, minħabba l-applikazzjoni ta' rati u kondizzjonijiet tat-trasport imposti fl-interessi ta' kategorija jew kategoriji partikolari ta' persuni għat-trasport ta' passiġġieri, għandu jiġi stabbilit skond il-proċeduri komuni li jinsabu fl-Artikoli 11 sa 13.

2.  Il-kumpens għandu jibda jitħallas mill-1 ta' Jannar 1971.

Jekk xi Stat Membru jiltaqa' ma' xi diffikultajiet speċjali, il-Kunsill jista', fuq talba ta' dak l-Istat u proposta mill-Kummissjoni, jawtorizza lill-Istat ikkonċernat sabiex ibiddel dik id-data għall-1 ta' Jannar 1972.

3.  Applikazzjonijiet għall-kumpens għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri.



IT-TAQSIMA IV

Proċeduri komuni ta' kumpens

L-Artikolu 10

1.  L-ammont ta' kumpens imsemmi fl-Artikolu 6 għandu, f'każ ta' obbligu li wieħed jopera jew li jġorr, ikun daqs id-differenza bejn it-tnaqqis fil-piż finanzjarju u t-tnaqqis fid-dħul ta' l-impriża jekk l-obbligu relevanti kollu jew il-parti relevanti minnua ġew mitmuma għall-perjodu ta' żmien taħt kunsiderazzjoni.

Madanakollu, jekk il-kalkolu ta' l-iżvantaġġ ekonomiku kien sar billi ġie allokat fost il-partijiet differenti ta' l-attivitajiet tagħha tat-trasport l-ispejjeż totali li waqgħu fuq l-intrapriża fir-rigward ta' dawk l-attivitajiet tat-trasport, l-ammont ta' kumpens għandu jkun daqs id-differenza bejn l-ispejjeż allokabbli għal dik il-parti ta' l-attivitajiet ta' l-intrapriża affettwata mill-obbligu ta' servizz pubbliku u d-dħul relattiv.

▼M5 —————

▼B

L-Artikolu 11

1.  L-ammont ta' kumpens imsemmi fl-Artikolu 6 u fl-Artikolu 9(1) għandu, f'każ ta' obbligu ta' tariffa, ikun daqs id-differenza bejn iż-żewġ ammonti skond kif ġej:

(a) L-ewwel ammont għandu jkun daqs id-differenza bejn, min-naħa waħda, il-prodott tan-numru antiċipat ta' l-unitajiet ta' kejl tat-trasport u:

 jew l-iktar rata favorevoli eżistenti li tista' tintalab mill-utenti jekk l-obbligu inkwistjoni ma kienx jeżisti; jew,

 meta ma jkunx hemm rata bħal din, ir-rata li l-impriża kienet tapplika li kieku kienet qiegħda topera fuq bażi kummerċjali u li kieku jiġu meqjusa kemm l-ispejjeż ta' l-operazzjoni partikolari kif ukoll il-qagħda tas-suq;

u, min-naħa l-oħra, il-prodott tan-numru attwali ta' unitajiet ta' kejl tat-trasport u r-rata imposta għall-perjodu li jkun qiegħed jiġi kkunsidrat.

(b) It-tieni ammont għandu jkun daqs id-differenza bejn l-ispejjeż li jirriżultaw jekk tiġi applikata jew l-iktar rata favorevoli eżistenti jew ir-rata li l-impriża kienet tapplika li kieku kienet qiegħda topera fuq bażi kummerċjali u l-ispejjeż li fil-fatt saru taħt taħt ir-rata obbligatorja.

2.  Meta, minħabba l-qagħda tas-suq, il-kumpens ikkalkulat skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 m'huwiex biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż totali tat-traffiku affettwati bl-obbligu tat-tariffi partikolari, l-ammont ta' kumpens imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jkun daqs id-differenza bejn dawn l-ispejjeż u d-dħul minn dan it-traffiku. Kull kumpens li jkun diġà sar taħt l-Artikolu 10 għandu jiġi meqjus meta jsir dan il-kalkolu.

▼M5 —————

▼B

L-Artikolu 12

Spejjeż li jirrżsultaw miż-żamma ta' obbligi għandhom jiġu kalkolati fuq il-bażi ta' amministrazzjoni effiċjenti ta' l-impriża u l-provvista ta' servizzi ta' trasport ta' kwalità adegwata.

Imgħaxijiet relatati mal-kapital jistgħu jitnaqqsu mill-imgħaxijiet li jiġu meqjusa waqt il-kalkolu ta' l-ispejjeż.

L-Artikolu 13

1.  Deċiżjonijiet meħuda taħt l-Artikoli 6 u 9 għandhom jiffissaw bil-quddiem l-ammont ta' kumpens għal perjodu ta' mill-inqas sena. Fl-istess ħin għandhom jiddeterminaw il-fatturi li jista' jkun jistħoqqilhom aġġustament ta' dak l-ammont.

2.  L-aġġustament ta' l-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jsir kull sena, wara l-għeluq tal-kontijiet annwali ta' l-intrapriża partikolari.

3.  Il-ħlas ta' kumpens iffissat bil-quddiem għandu jsir bin-nifs. Il-ħlas ta' kull somom dovuti minħabba l-aġġustament imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jsir immedjatament wara li l-ammont ta' l-aġġustament ikun ġie stabbilit.

▼M5



IT-TAQSIMA V

Kuntratti ta' servizz pubbliku

L-Artikolu 14

1.  “Kuntratt ta' servizz pubbliku” ifisser kull kuntratt magħmul bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru u kull intrapriża tat-trasport sabiex jiġi pprovdut lill-pubbliku servizz ta' trasport adegwat.

Kuntratt ta' servizz pubbliku jista' jkopri l-aktar:

 servizzi tat-trasport li jissodisfaw standards stabbiliti ta' kontinwità, regolarità, kapaċità u kwalità,

 servizzi ta' trasport addizzjonali,

 servizzi ta' trasport b'rati speċifiċi u bla ħsara għal kondizzjonijiet speċifiċi, b'mod partikolari għal ċerti kategoriji ta' passiġġieri jew fuq ċerti rotot,

 aġġustamenti ta' servizzi għal ħtiġiet attwali.

2.  Kull kuntratt ta' servizz pubbliku għandu jkopri, fost l-oħrajn, il- punti segwenti:

(a) in-natura tas-servizz li għandu jiġi pprovdut, l-aktar l-istandards ta' kontinwità, regolarità, kapaċità u kwalità;

(b) il-prezz tas-servizzi koperti bil-kuntratt, li għandu jkun jew miżjud mad-dħul ta' tariffa jew għandu jinkludi d-dħul, u dettalji dwar relazzjonijiet finanzjarji bejn iż-żewġ partijiet;

(ċ) ir-regoli dwar emendi u modifikazzjoni tal-kuntratt, b'mod partikolari biex jieħu inkonsiderazzjoni tibdiliet li m'humiex imbassra;

(d) il-perjodu ta' validità tal-kuntratt;

(e) il-penalitajiet fl-eventwalità ta' nuqqas ta' konformità mal-kuntratt.

3.  Dawk l-assi involuti fl-għoti ta' servizzi ta' trasport li huma s-suġġett ta' kuntratt ta' servizz pubbliku jistgħu jappartienu lill-intrapriża jew ikunu għad-dispożizzjoni tagħha.

4.  Kull intrapriża li beħsiebha li ma tibqax jew li tagħmel modifiki sostanzjali lil kull servizz ta' trasport li tipprovdi lill-pubbliku fuq bażi kontinwa u regolari u li ma tkunx koperta bis-sistema tal-kuntratt jew l-obbligazzjoni ta' servizz pubbliku għandha tavża lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru b'dan mill-inqas tliet xhur bil-quddiem.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li ma jitolbux din in-notifika.

Din id-dispożizzjoni ma taffettwax proċeduri oħra nazzjonali applikabbli dwar intitolament biex jiġu tterminati jew immodifikati servizzi tat-trasport.

5.  Wara li jirċievu l-informazzjoni li għaliha hemm referenza fil-paragrafu 4 l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jinsistu fuq iż-żamma tas-servizz inkwistjoni sa sena mid-data tan-notifika u dawn għandhom jinfurmaw lill-intrapriża mill-inqas xahar qabel l-iskadenza tan-notifika.

Dawn jistgħu ukoll jieħdu l-inizjattiva biex jinnegozjaw it-twaqqif jew il-modifikazzjoni ta' dak is-servizz ta' trasport.

6.  Spejjeż li jirriżultaw lill-intrapriżi ta' trasport mill-obbligazzjonijiet li għalihom hemm referenza fil-paragrafu 5 għandhom ikunu kkumpensati skond il-proċeduri komuni stabbiliti fit-Taqsimiet II, III u IV.

▼B



IT-TAQSIMA V

Dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 15

Deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati u għandhom jiġu ppubblikati b'mod xieraq.

L-Artikolu 16

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intrapriżi tat-trasport, fil-kapaċità tagħhom bħala intrapriżi tat-trasport, jingħataw l-opportunitá li jagħmlu rappreżentazzjonijiet dwar l-interessi tagħhom, b'mezzi xierqa, fir-rigward ta' deċiżjonijiet meħuda taħt dan ir-Regolament.

L-Artikolu 17

1.  Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri li jgħaddulha kull informazzjoni relevanti dwar l-operazzjoni ta' dan ir-Regolament. Kull meta hija tikkunsidra li huwa meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta ma' l-Istati Membri kkonċernati.

2.  Il-kumpens imħallas taħt dan ir-Regolament għandu jkun eżenti mill-proċedura ta' informazzjoni preliminari li tinsab fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea.

L-Istati Membri għandhom jgħaddu minnufih lill-Kummissjoni dettalji, klassifikati skond il-kategorija ta' l-obbligu, ta' ħlasijiet ta' kumpens magħmula fir-rigward ta' piżijiet finanzjarji li jkunu waqgħu fuq intrapriżi tat-trasport minħabba ż-żamma ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku li jinsabu fl-Artikolu 2 jew minħabba l-applikazzjoni tar-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport imposti fl-interessi ta' kategorija jew kategoriji partikolari ta' persuni għat-trasport ta' passiġġieri.

L-Artikolu 18

1.  L-Istati Membri għandhom, wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni u fi żmien tajjeb, jadottaw dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jistgħu jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u b'mod partikolari l-Artikolu 4.

2.  Fuq talba ta' Stat Membru, jew jekk il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq, din ta' l-aħħar għandha tikkonsulta ma' l-Istati Membri kkonċernati dwar it-termini proposti tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.

▼M5 —————

▼B

L-Artikolu 20

Dan ir- Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1969.

Dan ir- Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU 88, ta' l-24.5.1965, p. 1500/65.

( 2 ) ĠU C 27, tat- 28.3.1966, p. 18.

( 3 ) ĠU C 49, tas- 17.5.1968, p. 15.