|
24.2.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 50/10 |
IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA DWAR L-IPPROĊESSAR U L-PROTEZZJONI TA’ DATA PERSONALI FIL-EUROJUST
IL-KULLEĠĠ TAL-EUROJUST,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament dwar il-Eurojust”,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament 2018/1725”,
Wara li kkunsidra r-Regoli ta’ Proċedura tal-Eurojust approvati mill-Kunsill permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2250 tat-19 ta’ Diċembru 2019 u addottata mill-kulleġġ fl-20 ta’ Diċembru 2019, u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tagħhom,
Wara li kkunsidra l-Opinjonijiet tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza maħruġa fit-28 ta’ Ottubru 2019 u fil-11 ta’ Diċembru 2019,
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data maħruġa fit-13 ta’ Diċembru 2019,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Kunsill tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Eurojust permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2250 tat-19 ta’ Diċembru 2019.
ADOTTA DAWN IR-REĠOLI TA’ PROĊEDURA DWAR L-IPPROĊESSAR U L-PROTEZZJONI TA’ DATA PERSONALI FIL-EUROJUST FL-20 TA’ DIĊEMBRU 2019:
TITOLU I
KAMP TA’ APPLIKAZZJONI, STRUTTURA U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet
1. Ir-regoli ta’ proċedura dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni ta’ data personali fil-Eurojust (minn hawn ’il quddiem imsejħa “ir-regoli ta’ proċedura”) jimplimentaw id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data tar-Regolament dwar il-Eurojust u r-Regolament 2018/1725.
2. Dawn għandhom japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar mhux b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun intenzjonata biex tagħmel parti minn sistema ta’ arkivjar.
3. Ir-regoli ta’ proċedura għandhom japplikaw għad-data personali kollha pproċessata mill-Eurojust, inkluż dik id-data personali li tinsab f’informazzjoni mfassla jew riċevuta minnha u fil-pussess tagħha, dwar kwistjonijiet relatati mal-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fil-qafas tal-kompetenza tagħha.
Artikolu 2
Struttura
1. Dawn ir-regoli ta’ proċedura japplikaw kemm għal data personali operazzjonali kif ukoll dik amministrattiva pproċessata mill-Eurojust.
2. Id-data operazzjonali għandha tiġi pproċessata f’konformità mat-Titolu II.
3. Id-data amministrattiva għandha tiġi pproċessata f’konformità mat-Titolu III.
TITOLU II
REGOLI GĦAL OPERAZZJONIJIET TA’ PPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI OPERAZZJONALI
KAPITOLU I
Prinċipji ġenerali għall-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali
Artikolu 3
Kontroll tal-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali fil-Eurojust
Fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali, il-Eurojust bħala kontrollur tad-data għandha taġixxi permezz tal-Membri nazzjonali li għandhom ikunu responsabbli, f’konformità mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament dwar il-Eurojust, għall-ġestjoni tal-każijiet miftuħa minnhom fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom kif iddefiniti mir-Regolament dwar il-Eurojust, jew mibdija minnhom f’każ li l-Eurojust taġixxi bħala Kulleġġ f’konformità mal-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament dwar il-Eurojust.
Artikolu 4
Kondizzjonijiet speċifiċi tal-ipproċessar
Il-Membri nazzjonali li jirċievu data personali operazzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jikkonformaw mal-kondizzjonijiet speċifiċi tal-ipproċessar imposti minn dawk l-awtoritajiet f’konformità mal-Artikolu 9(3) u (4) tad-Direttiva (UE) 2016/680 u għandhom jinformaw ukoll lil dawk l-awtoritajiet nazzjonali bi kwalunkwe kondizzjoni speċifika imposta mil-liġi tal-UE applikabbli għalihom, li tapplika għal kwalunkwe data personali operazzjonali li l-Membri nazzjonali jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali fejn xieraq.
Artikolu 5
Kwalità tad-data
Jekk il-Eurojust tiskopri xi ineżattezza li taffettwa d-data riċevuta minn Stat Membru fil-kuntest ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni jew minn istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni, il-Membru nazzjonali għandu jagħti struzzjonijiet, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, biex l-informazzjoni tiġi kkoreġuta mingħajr dewmien u jinforma lill-Istat Membru jew lill-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija rispettiva tal-Unjoni li mingħandha ġiet riċevuta l-informazzjoni.
Artikolu 6
Sigurtà tad-data
Dawk kollha li jokkupaw kariga fil-Eurojust għandhom ikunu informati b’mod adegwat dwar il-politika ta’ sigurtà tal-Eurojust u għandhom ikunu meħtieġa jużaw il-miżuri tekniċi u organizzattivi mqegħdin għad-dispożizzjoni tagħhom, inkluż li jsegwu t-taħriġ meħtieġ, skont ir-rekwiżiti applikabbli tal-protezzjoni u s-sigurtà tad-data.
KAPITOLU II
Drittijiet tas-suġġetti tad-data
Artikolu 7
Proċedura għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data f’każ ta’ pproċessar ta’ data personali operazzjonali
1. It-talbiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data għandhom jiġu ttrattati mill-Membru/i nazzjonali kkonċernati mit-talba, li għandhom jipprovdu kopja tat-talba lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data biex tiġi rreġistrata.
2. Il-Membru/i nazzjonali kkonċernati għandhom jikkonsultaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar id-deċiżjoni li għandha tittieħed bi tweġiba għal talba.
3. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jwettaq, jekk il-każ jirrikjedi hekk, verifiki addizzjonali fis-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet u jinforma lill-Membru/i nazzjonali kkonċernat(i) jekk tkun instabet xi informazzjoni rilevanti addizzjonali permezz ta’ dawn il-verifiki. Il-Membru/i nazzjonali kkonċernati għandhom iqisu l-informazzjoni pprovduta mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u, fejn xieraq, jikkunsidraw mill-ġdid id-deċiżjoni inizjali.
4. Ir-raġunijiet legali u fattwali li abbażi tagħhom tittieħed id-deċiżjoni mill-Membru/i nazzjonali għandhom jiġu ddokumentati fil-Fajl tax-Xogħol Temporanju dwar it-talba fis-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet u għandhom isiru disponibbli għall-KEPD fuq talba.
5. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jikkomunika d-deċiżjoni meħuda mill-Membru/i nazzjonali kkonċernat(i) f’isem il-Eurojust lis-suġġett tad-data, u għandu jinforma lis-suġġetti tad-data bil-possibbiltà li jressqu lment mal-KEPD jekk ma jkunux sodisfatti bid-deċiżjoni jew ifittxu rimedju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
6. F’każijiet fejn it-talba tkun waslet permezz ta’ awtorità superviżorja nazzjonali, il-Eurojust għandha tinforma lil din l-awtorità bid-deċiżjoni kkomunikata mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data lis-suġġett tad-data.
Artikolu 8
Informazzjoni lil partijiet terzi wara rettifika, restrizzjoni jew tħassir ta’ data personali operazzjonali
Il-Eurojust għandha tistabbilixxi miżuri tekniċi xierqa biex tiżgura li, fil-każijiet fejn il-Eurojust tirrettifika, tirrestrinġi jew tħassar data personali wara talba, tiġi prodotta awtomatikament lista tal-fornituri u r-riċevituri ta’ din id-data.
KAPITOLU III
Is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet
Artikolu 9
Fajls tax-xogħol temporanji u indiċi fis-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet
1. Is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet għandha talloka awtomatikament numru ta’ referenza uniku (identifikatur) għal kull fajl tax-xogħol temporanju ġdid li jinfetaħ.
2. Meta Membru nazzjonali responsabbli għall-ġestjoni ta’ fajl tax-xogħol temporanju kif iddefinit fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament dwar il-Eurojust jagħti aċċess għal fajl tax-xogħol temporanju jew parti minnu lil Membru nazzjonali wieħed jew aktar involut(i), is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet għandha tiżgura li l-utenti awtorizzati taħt il-profil ta’ dak l-uffiċċju nazzjonali taħt ir-responsabbiltà tal-Membru nazzjonali jkollhom aċċess għall-partijiet rilevanti tal-fajl iżda ma jistgħux jimmodifikaw id-data mdaħħla mill-awtur oriġinali. L-utenti awtorizzati jistgħu, madankollu, iżidu kwalunkwe informazzjoni rilevanti mal-partijiet il-ġodda tal-fajls tax-xogħol temporanji. Bl-istess mod, l-informazzjoni li tinsab fl-indiċi tista’ tinqara mill-utenti awtorizzati kollha tas-sistema iżda tista’ tiġi modifikata biss mill-awtur oriġinali tagħha.
3. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi informat awtomatikament mis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet meta jinħoloq kull fajl tax-xogħol ġdid li jkun fih data personali.
4. Is-sistemi ta’ ġestjoni tal-każijiet għandha tiżgura li tista’ tiġi rreġistrata biss id-data personali operazzjonali msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (i), (k) u (m) u (2) tal-Anness II tar-Regolament dwar il-Eurojust mill-Membru nazzjonali kkonċernat, li jkun fetaħ fajl tax-xogħol temporanju, fl-indiċi f’konformità mal-Artikoli 23(4) u 24(3) tar-Regolament dwar il-Eurojust.
5. Meta, f’konformità mal-Artikolu 23(6) tar-Regolament dwar il-Eurojust, il-Membri nazzjonali jkunu jixtiequ jaħżnu u janalizzaw b’mod temporanju data personali għall-fini li jiġi determinat jekk tali data hijiex rilevanti għall-kompiti tal-Eurojust huma għandhom joħolqu abbozz ta’ fajl tax-xogħol temporanju li għandu jibqa’ aċċessibbli għalihom biss u għal dawk awtorizzati minnhom fil-profil tal-uffiċċju tagħhom. Wara tliet xhur l-abbozz ta’ fajl tax-xogħol temporanju għandu jew jiġi kkonvertit f’fajl tax-xogħol temporanju fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet jew inkella għandu jitħassar awtomatikament mis-sistema. Is-sistema għandha tibgħat twissija lill-Membru nazzjonali kkonċernat qabel ma jkun għadda tali żmien biex tfakkru dwar il-ħtieġa li tittieħed deċiżjoni dwar l-abbozz tal-fajl.
6. Il-Membru/i Nazzjonali kkonċernat(i) għandu/għandhom jiżgura(w) li l-informazzjoni li tinsab fl-indiċi tkun biżżejjed biex tikkonforma mal-kompiti tal-Eurojust kif iddefiniti fl-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-Eurojust.
Artikolu 10
Kategoriji speċjali ta’ data
1. Il-Eurojust għandha tieħu l-miżuri tekniċi xierqa biex tiżgura li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jkun awtomatikament informat bil-każijiet eċċezzjonali li fihom isir rikors għall-Artikolu 27(4) tar-Regolament dwar il-Eurojust. Is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet għandha tiżgura li tali data ma tkunx tista’ tiġi inkluża fl-indiċi msemmi fl-Artikolu 23(1) u 23(4) tar-Regolament dwar il-Eurojust.
2. Meta tali data tirreferi għal xhieda jew vittmi skont it-tifsira tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament dwar il-Eurojust, is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet ma għandhiex tirreġistra din l-informazzjoni għajr jekk il-Membri nazzjonali kkonċernati jiddeċiedu mod ieħor. Id-deċiżjoni biex tiġi pproċessata tali data għandha tiġi ddokumentata.
Artikolu 11
Proċessar tal-kategoriji ta’ data personali operazzjonali msemmija fl-Artikolu 27(2) u 27(3) tar-Regolament dwar il-Eurojust
1. Il-Eurojust għandha tieħu l-miżuri tekniċi xierqa biex tiżgura li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jkun awtomatikament informat bil-każijiet eċċezzjonali li fihom, għal perijodu ta’ żmien limitat, isir rikors għall-Artikolu 27(3) tar-Regolament dwar il-Eurojust. Is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet għandha timmarka tali data b’mod li jfakkar lill-persuna li daħħlet id-data fis-sistema bl-obbligu li din id-data tinżamm għal perijodu ta’ żmien limitat.
2. Meta tali data tirreferi għal xhieda jew vittmi skont it-tifsira tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament dwar il-Eurojust, is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet ma għandhiex tirreġistra din l-informazzjoni għajr jekk il-Membri nazzjonali kkonċernati jiddeċiedu mod ieħor. Id-deċiżjoni biex tiġi pproċessata tali data għandha tiġi ddokumentata.
Artikolu 12
Aċċess awtorizzat għal data personali operazzjonali
1. Kull Membru nazzjonali tal-Eurojust għandu jiddokumenta u jinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data bil-politika ta’ aċċess li jkun awtorizza skont l-Artikolu 34 tar-Regolament dwar il-Eurojust fi ħdan l-uffiċċju nazzjonali tiegħu rigward data personali operazzjonali.
2. Il-Membri nazzjonali jistgħu jiddeċiedu, fuq bażi ta’ każ b’każ, li jagħtu awtorizzazzjoni speċifika għal aċċess għal fajl tax-xogħol temporanju jew għal partijiet minnu lil persuna li mhijiex membru tal-persunal tal-Eurojust iżda li tkun qed taħdem f’isem il-Eurojust u tappartjeni għal kategorija speċifika ta’ detenturi ta’ kariga li jkunu ġew awtorizzati minn qabel mid-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament dwar il-Eurojust biex jingħataw aċċess għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet.
3. Il-Membri nazzjonali għandhom jiżguraw li jsiru arranġamenti organizzattivi xierqa u li jiġu osservati fi ħdan l-uffiċċji tagħhom u li jsir użu kif suppost mill-miżuri tekniċi u organizzattivi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom mill-Eurojust inkluż li jiġi segwit it-taħriġ meħtieġ.
4. F’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament dwar il-Eurojust, il-Kulleġġ jista’ jawtorizza persunal ieħor tal-Eurojust biex ikollu aċċess għal data personali operazzjonali fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tal-Eurojust.
Artikolu 13
Reġistri tal-attivitajiet ta’ pproċessar
1. Is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet tal-Eurojust kif iddefinita fl-Artikolu 23 tar-Regolament dwar il-Eurojust għandha sservi bħala r-reġistru tal-attivitajiet kollha ta’ pproċessar imsemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament dwar il-Eurojust fir-rigward ta’ data personali operazzjonali.
2. Is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet tal-Eurojust għandu jkun fiha reġistru sħiħ tat-trażmissjoni u r-riċeviment ta’ data personali operazzjonali li jippermetti li tiġi stabbilita kwalunkwe trażmissjoni ta’ data personali operazzjonali u l-identifikazzjoni tal-awtorità nazzjonali, l-organizzazzjoni jew il-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali li tkun trażmettiet tali informazzjoni lill-Eurojust jew irċevietha mingħandha.
KAPITOLU IV
Trasferimenti ta’ data lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali
Artikolu 14
Trasferimenti ta’ data lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali soġġetti għal salvagwardji xierqa
1. Id-deċiżjoni dwar it-trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 58(1) tar-Regolament dwar il-Eurojust għandha tittieħed mill-Kulleġġ tal-Eurojust fuq talba tal-Membru/i nazzjonali kkonċernat(i), wara valutazzjoni mwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data.
2. Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi pprovduta mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol. Meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ urġenza, indikati mill-Membru/i nazzjonali kkonċernat(i), il-valutazzjoni għandha tiġi pprovduta mill-aktar fis possibbli. F’każijiet partikolarment kumplessi, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jista’ jaqbel mal-Membru/i nazzjonali kkonċernat(i) dwar perijodu ta’ żmien itwal biex titlesta l-valutazzjoni.
3. Il-valutazzjoni mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandha tindirizza b’mod partikolari l-kwistjonijiet imsemmija fil-Premessi 51 u 52 tar-Regolament dwar il-Eurojust. Fejn, matul it-twettiq tal-valutazzjoni tal-adegwatezza tas-salvagwardji fil-każ speċifiku, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jkollu riżervi, huwa/hija j/tista’ j/tikkonsulta mal-KEPD qabel ma tinħareġ valutazzjoni dwar trasferiment speċifiku.
Artikolu 15
Reġistrar ta’ trasferimenti internazzjonali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fis-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet
Is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet għandha tiddokumenta kwalunkwe trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali skont l-Artikolu 58(3) tar-Regolament dwar il-Eurojust u l-Artikolu 94(4) tar-Regolament 2018/1725.
KAPITOLU V
Limiti ta’ żmien
Artikolu 16
Limiti ta’ żmien għall-ħżin ta’ data personali operazzjonali
1. Il-Eurojust għandha tistabbilixxi miżuri tekniċi xierqa biex tiżgura li l-limiti ta’ żmien għall-ħżin ta’ data personali operazzjonali ddefiniti fl-Artikolu 29 tar-Regolament dwar il-Eurojust jiġu osservati u li, meta ma tittieħed l-ebda deċiżjoni ġustifikata dwar il-ħżin kontinwu tad-data personali operazzjonali fil-mument tar-rieżami, dik id-data għandha titħassar awtomatikament.
2. Is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet għandha tiżgura b’mod partikolari li jsir rieżami tal-ħtieġa li d-data tinħażen f’fajl tax-xogħol temporanju kull tliet snin wara li tiddaħħal. Tali rieżami għandu jiġi ddokumentat kif suppost fis-sistema, inkluż il-motivazzjoni għal deċiżjoni meħuda dwar il-ħżin kontinwu ta’ data personali operazzjonali, u għandu jiġi kkomunikat awtomatikament lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Ir-riżultati ta’ tali deċiżjoni, jew in-nuqqas tagħha, għandhom japplikaw għall-każ kollu kemm hu, kif iddefinit fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament dwar il-Eurojust.
3. Is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet għandha timmarka d-data rreġistrata għal perijodu ta’ żmien limitat f’konformità mal-Artikolu 27(3) kif ukoll id-data msemmija fl-Artikolu 27(4) tar-Regolament dwar il-Eurojust. Jekk xi data personali operazzjonali msemmija fl-Artikolu 27(4) tinħażen għal perijodu itwal minn ħames snin, is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet ser tiġġenera twissija biex jiġi żgurat li tali informazzjoni tiġi pprovduta awtomatikament lill-KEPD.
4. F’każijiet eċċezzjonali, fejn Membru nazzjonali jqis li tkun meħtieġa aktar data personali operazzjonali għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku jew għal finijiet statistiċi kif imsemmija fl-Artikolu 29(7)(e) tar-Regolament dwar il-Eurojust, il-Kulleġġ għandu jiddeċiedi, wara li jkun semal-opinjoni tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data, dwar il-ħtieġa li, f’dan il-każ partikolari, id-data tinżamm għal dak il-fini speċifiku. Il-KEPD għandu jkun informat meta jsir rikors għal din il-proċedura.
TITOLU III
REGOLI GĦAL OPERAZZJONIJIET TA’ PPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI AMMINISTRATTIVA
Artikolu 17
Proċedura għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data rigward operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali amministrattiva
1. Talbiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet għandhom jiġu indirizzati direttament lid-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust jew lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Fi kwalunkwe każ, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jingħata kopja tat-talba biex tiġi rreġistrata.
2. Jekk ikun meħtieġ, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jassisti lis-suġġett tad-data u għandu jagħmel disponibbli formoli speċifiċi li jistgħu jintużaw mill-individwi biex jagħmlu t-talbiet tagħhom.
3. Id-Direttur Amministrattiv għandu, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-entità amministrattiva involuta direttament fl-ipproċessar tad-data personali u abbażi tal-parir tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data, jieħu deċiżjoni rigward il-każ speċifiku.
4. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jikkomunika d-deċiżjoni meħuda mid-Direttur Amministrattiv lis-suġġett tad-data u għandu jinforma lis-suġġetti tad-data bil-possibbiltà li jressqu lment quddiem il-KEPD jekk ma jkunux sodisfatti bid-deċiżjoni meħuda mill-Eurojust.
5. It-talba għandha tiġi ttrattata kompletament fi żmien xahar minn meta tasal it-talba. Dak il-perijodu jista’ jiġi estiż b’ xahrejn oħra meta jkun meħtieġ, filwaqt li jitqiesu l-għadd ta’ talbiet u l-kumplessità tat-talba. Id-Direttur Amministrattiv għandu jinforma lis-suġġett tad-data dwar kwalunkwe estensjoni fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba, flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien. Is-suġġett tad-data jista’ jressaq ilment quddiem il-KEPD jekk il-Eurojust ma tkunx tat deċiżjoni abbażi tat-talba tiegħu f’dan il-limitu ta’ żmien.
Artikolu 18
Limiti ta’ żmien għal data personali amministrattiva
1. Kull operazzjoni ta’ pproċessar individwali ta’ data personali amministrattiva li sseħħ fil-Eurojust għandu jkollha, fid-dawl tal-fini ddefinit tagħha u f’konformità sħiħa mal-Artikolu 4(1)(d) u l-Artikolu 31(1)(f) tar-Regolament 2018/1725, limiti ta’ żmien ċari u definiti għall-ħżin sabiex jiġi żgurat li d-data tinżamm biss sakemm ikun meħtieġ għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata d-data personali amministrattiva. Dan il-limitu ta’ żmien għandu jiġi stabbilit għal kull kategorija ta’ data pproċessata u ddokumentata fir-reġistru tal-attivitajiet ta’ pproċessar.
2. Il-Eurojust għandha żżomm data personali amministrattiva f’konformità mal-paragrafu 1, għal kemm ikun meħtieġ u fi kwalunkwe każ għal perijodi mhux itwal minn dawk indikati għal kull kategorija ta’ attività ta’ pproċessar fit-tabella mehmuża bħala anness għal dawn ir-regoli.
3. Il-Bord Eżekuttiv, li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur Amministrattiv, jista’ jiddetermina perijodi ta’ żamma iqsar minn dawk inklużi fl-anness għal dawn ir-regoli.
TITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 19
Rieżami ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura
1. Dawn ir-regoli għandhom jiġu rieżaminati regolarment biex tiġi vvaluta l-ħtieġa ta’ xi emenda. Kwalunkwe emenda għar-regoli ta’ proċedura għandha ssegwi l-istess proċedura stabbilita għall-approvazzjoni tagħhom fir-Regolament tal-Eurojust.
2. Il-KEPD għandu jiġbed l-attenzjoni tal-Kulleġġ għal kwalunkwe suġġeriment jew rakkomandazzjoni rigward l-emendi għar-regoli ta’ proċedura.
Artikolu 20
Dħul fis-seħħ u pubblikazzjoni
Ir-regoli ta’ proċedura għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħhom.
ANNESS
Limiti ta’ żmien massimi għaż-żamma ta’ data personali amministrattiva
|
Sena |
Attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data relatati mal-organizzazzjoni u l-ġestjoni ta’ avvenimenti tal-Eurojust, il-ġestjoni tal-kontinwità tal-operat, il-ġestjoni tal-librerija tal-Eurojust u kwalunkwe attività ta’ pproċessar oħra relatata. |
|
Sena |
Attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data relatati mar-relazzjonijiet mas-sħab esterni tal-Eurojust u n-NĠE, l-organizzazzjoni tal-laqgħa annwali tal-Forum Konsultattiv. |
|
Sena |
Attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data relatati mal-funzjonament tal-Kumitat tal-Persunal tal-Eurojust u kwalunkwe attività ta’ pproċessar oħra relatata. |
|
Sena |
Attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data relatati mal-funzjonament tal-Kumitat Soċjali tal-Eurojust u kwalunkwe attività ta’ pproċessar oħra relatata. |
|
3 snin |
Attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data relatati mal-monitoraġġ tal-konformità mal-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data tal-Eurojust, inkluż it-trattament tat-talbiet minn suġġetti tad-data, il-kooperazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u kwalunkwe attività ta’ pproċessar oħra relatata. |
|
3 snin |
Attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data relatati mal-ġestjoni tar-relazzjonijiet pubbliċi, il-kummerċjalizzazzjoni, l-istampa u l-media u kwalunkwe attività ta’ pproċessar oħra relatata. |
|
7 snin |
Attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust skont obbligi legali: Deċiżjonijiet tal-Kulleġġ (eż. dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Eurojust), Deċiżjonijiet tad-Direttur Amministrattiv, Deċiżjonijiet u Politiki tal-Eurojust, eċċ, il-ġestjoni ta’ missjonijiet u pretensjonijiet, kwalunkwe attività ta’ pproċessar oħra relatata. |
|
7 snin |
Attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data relatati mal-funzjonament tas-Segretarjat tan-Netwerk għall-Ġenoċidju, is-Segretarjat tan-netwerk tal-JITs, in-NĠE u kwalunkwe attività ta’ pproċessar oħra relatata. |
|
10 snin |
Attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data relatati mal-ġestjoni ta’ kuljum tal-amministrazzjoni, il-ġestjoni tal-persunal, il-funzjonament tal-Presidenza u l-Bord Eżekuttiv, it-timijiet tal-Kulleġġ, l-implimentazzjoni ta’ dokumenti ta’ programmazzjoni pluriennali, il-pjanijiet annwali u l-programmi ta’ ħidma, l-implimentazzjoni tal-baġit u l-kontijiet, il-proċeduri ta’akkwist u l-amministrazzjoni tal-kuntratti, il-ġestjoni tal-kuntatti tan-negozju, l-implimentazzjoni tar-regoli tal-Eurojust dwar l-aċċess għad-dokumenti, il-parteċipazzjoni f’diversi proġetti relatati mal-qafas legali u l-objettivi strateġiċi tal-Eurojust u kwalunkwe attività ta’ pproċessar oħra relatata |
|
10 snin |
Attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data relatati mas-servizzi ta’ sigurtà u ta’ sikurezza mwettqa biex jiżguraw is-sigurtà u l-kontroll tal-aċċess għall-protezzjoni tal-bini u l-assi ewlenin tal-Eurojust (assi fiżiċi, persuni li jaħdmu fil-Eurojust u persuni li jżuruha u informazzjoni) u kwalunkwe attività ta’ pproċessar oħra relatata. |
|
10 snin |
Attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data relatati mal-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg (CEOS), id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, id-Deċiżjonijiet tad-Direttur Amministrattiv, id-Deċiżjonijiet u l-Politiki tal-Eurojust rigward il-ġestjoni tar-riżorsi umani u kwalunkwe attività ta’ pproċessar oħra relatata. |
|
10 snin |
Attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data relatati mal-governanza tal-IT u l-ġestjoni tal-IT tal-Eurojust u kwalunkwe attività ta’ pproċessar relatata oħra. |
|
120 sena |
Attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data relatati ma’ drittijiet u obbligi sussistenti ta’ membri tal-persunal |