02012D0270 — MT — 05.01.2018 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ Mejju 2012

fir-rigward ta’ miżuri ta’ emerġenza li jevitaw l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Epitrix cucumeris (Harris), l- ►M2  Epitrix Papa sp.n. ◄ , l-Epitrix subcrinita (Lec.) u l-Epitrix tuberis (Gentner) fl-Unjoni

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 3137)

(2012/270/UE)

(ĠU L 132 23.5.2012, p. 18)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI 2014/679/UE tal-25 ta' Settembru 2014

  L 283

61

27.9.2014

►M2

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1359 notifikata bid-dokument C(2016 tat-8 ta' Awwissu 2016

  L 215

29

10.8.2016

►M3

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/5 notifikata bid-dokument C(2017 tat-3 ta' Jannar 2018

  L 2

11

5.1.2018




▼B

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ Mejju 2012

fir-rigward ta’ miżuri ta’ emerġenza li jevitaw l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Epitrix cucumeris (Harris), l- ►M2  Epitrix Papa sp.n. ◄ , l-Epitrix subcrinita (Lec.) u l-Epitrix tuberis (Gentner) fl-Unjoni

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 3137)

(2012/270/UE)



Artikolu 1

Projbizzjonijiet dwar l-Epitrix cucumeris (Harris), l- ►M2  Epitrix Papa sp.n. ◄ , l-Epitrix subcrinita (Lec.) u l-Epitrix tuberis (Gentner)

L-Epitrix cucumeris (Harris), l- ►M2  Epitrix Papa sp.n. ◄ , l-Epitrix subcrinita (Lec.) u l-Epitrix tuberis (Gentner), minn hawn ’il quddiem “l-organiżmi speċifikati”, ma għandhomx jiġu introdotti jew imxerrda fl-Unjoni.

Artikolu 2

Introduzzjoni ta’ tuberi tal-patata fl-Unjoni

1.  Tuberi tas-Solanum tuberosum L., inklużi dawk maħsuba għat-tħawwil, minn hawn ’il quddiem “tuberi tal-patata”, li joriġinaw ( 1 ) f’pajjiżi terzi fejn hija magħrufa l-preżenza ta’ organiżmu speċifikat wieħed jew aktar jistgħu jiġu introdotti biss fl-Unjoni jekk jaqblu mar-rekwiżiti speċifiċi fuq l-importazzjoni, kif stipulat fil-punt (1) tat-Taqsima 1 tal-Anness I

2.  Mad-dħul tagħhom fl-Unjoni t-tuberi tal-patata għandhom jiġu spezzjonati mill-korp uffiċjali responsabbli skont il-punt (5) tat-Taqsima 1 tal-Anness I.

▼M1

Artikolu 3

It-trasport ta' tuberi tal-patata fl-Unjoni

1.  Tuberi tal-patata li joriġinaw f'żoni demarkati fl-Unjoni stabbiliti skont l-Artikolu 5, li jiġu ppakkjati f'dawk iż-żoni jew fil-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 3b jistgħu jiġu ttrasportati fl-Unjoni biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet, kif stipulat fil-punt (1) tat-Taqsima 2 tal-Anness I.

Tuberi tal-patata li joriġinaw f'żona demarkata, jistgħu jiġu mċaqalqa minn dik iż-żona demarkata lejn l-faċilità tal-ippakkjar li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 3b li tkun qrib dik iż-żona ddemarkata sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (2) tat-Taqsima 2 tal-Anness I ikunu ġew issodisfati. It-tuberi tal-patata jistgħu jinħażnu f'dik il-faċilità.

Fil-każ tat-tieni subparagrafu, il-korp uffiċjali responsabbli għandu jwettaq l-azzjonijiet li ġejjin:

▼M3

(a) monitoraġġ intensiv għall-preżenza tal-organiżmi speċifikati u tas-sinjali ta' infestazzjoni minn dawk l-organiżmi fuq it-tuberi tal-patata, permezz ta' spezzjonijiet addattati fuq il-pjanti tal-patata u, fejn huwa xieraq, fuq pjanti ospitanti oħra, inklużi l-għelieqi fejn jitkabbru dawn il-pjanti, mill-inqas fi ħdan raġġ ta' 100 m mill-faċilità tal-ippakkjar;

▼M1

(b) attivitajiet li jwasslu għas-sensibilizzazzjoni pubblika dwar it-theddid tal-organiżmi speċifikati u l-miżuri adottati biex dawn ma jiddaħlux u ma jinxterdux fl-Unjoni fil-viċinanza tal-faċilità tal-ippakkjar.

2.  Tuberi tal-patata introdotti fl-Unjoni skont l-Artikolu 2 minn pajjiżi terzi fejn hija magħrufa l-preżenza ta' organiżmu speċifikat wieħed jew aktar, jistgħu jiġu ttrasportati fl-Unjoni biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet, kif stipulat fil-punt (3) tat-Taqsima 2 tal-Anness I.

Artikolu 3a

Rekwiżiti li jirrigwardjaw l-vetturi, l-ippakkjar, il-makkinarju u l-ħamrija skartata

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe vettura u ppakkjar li ntużaw għat-trasport tat-tuberi tal-patata li joriġinaw f'żona demarkata qabel ma ġie ssodisfat il-punt 1(b) tat-Taqsima 2 tal-Anness I jiġu dekontaminati u mnaddfin b'mod xieraq fil-każijiet li ġejjin:

(a) qabel ma jittieħdu 'l barra miż-żona demarkata; kif ukoll

(b) qabel ma jitilqu minn faċilità tal-ippakkjar, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1).

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-makkinarju użat biex jimmaniġġjaw it-tuberi tal-patata msemmija fil-paragrafu 1 f'faċilità tal-ippakkjar msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) jiġi dekontaminati u mnaddaf kif imiss wara kull użu.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħamrija skartata, jew materjal ta' skart ieħor, li jirriżulta minn twettiq tar-rekwiżiti tal- Artikolu 3(1) u l-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandu jintrema b'tali mod li jiġi żgurat li l-organiżmi speċifikati ma jistgħux jistabbilixxu ruħhom jew jinxterdu barra ż-żona demarkata.

Artikolu 3b

Rekwiżiti li jikkonċernaw il-faċilitajiet tal-ippakkjar li jinsabu barra ż-żoni demarkati kkonċernati

Il-faċilitajiet tal-ippakkjar li jinsabu barra miż-żoni demarkati kkonċernati u l-immaniġġjar ta' tuberi tal-patata li joriġinaw fit-tali żoni, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal- Artikolu 3(1), għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) ikunu awtorizzati mill-korp uffiċjali responsabbli mill-ippakkjar tat-tuberi tal-patata li joriġinaw f'żona demarkata; kif ukoll

(b) iżommu għal sena mill-ħin tal-wasla ta' tuberi tal-patata f'dik il-faċilità, rekords tat-tuberi tal-patata ttrattati li joriġinaw f'żoni demarkati.

▼M3

Artikolu 4

Sondaġġi u notifiki fir-rigward tal-organiżmi speċifikati

1.  L-Istati Membri għandhom iwettqu sondaġġi uffiċjali annwali għall-preżenza tal-organiżmi speċifikati u tas-sinjali ta' infestazzjoni minn dawk l-organiżmi fuq it-tuberi tal-patata u, fejn huwa xieraq, fuq pjanti ospitanti oħra, inklużi għelieqi fejn jitkabbru t-tuberi tal-patata, fit-territorji tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bir-riżultati ta' dawk is-sondaġġi sat-30 ta' April ta' kull sena.

2.  Kull preżenza jew preżenza ssuspettata ta' organiżmu speċifikat, jew is-sinjali ta' infestazzjoni minn dak l-organiżmu fuq it-tuberi tal-patata għandhom jiġu mgħarrfa mill-ewwel lill-korp uffiċjali responsabbli.

▼B

Artikolu 5

Żoni demarkati u miżuri li għandhom jittieħdu f’dawn iż-żoni

▼M3

1.  Fejn abbażi tar-riżultati tas-sondaġġi msemmija fl-Artikolu 4(1) jew ta' evidenza oħra, Stat Membru jikkonferma l-preżenza ta' organiżmu speċifikat jew is-sinjali ta' infestazzjoni minn dak l-organiżmu fuq it-tuberi tal-patata f'parti mit-territorju tiegħu, dak l-Istat Membru għandu jistabbilixxi żona demarkata mingħajr telf ta' żmien li tkun tikkonsisti f'żona infestata u f'żona ta' lqugħ, kif stipulat fit-Taqsima 1 tal-Anness II.

Huwa għandu jieħu l-miżuri, kif stipulat fit-Taqsima 2 tal-Anness II.

▼B

2.  Fejn Stat Membru jieħu l-miżuri skont il-paragrafu 1, huwa għandu jgħarraf minnufih bil-lista ta’ żoni demarkati, jagħti tagħrif dwar id-delimitazzjoni tagħhom, inklużi l-mapep li juru l-lokalità tagħhom, u deskrizzjoni tal-miżuri applikati f’dawk iż-żoni demarkati.

Artikolu 6

Konformità

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni u, jekk ikun meħtieġ, jemendaw il-miżuri li jkunu adottaw biex jipproteġu lilhom infushom kontra d-dħul u t-tixrid tal-organiżmi speċifikati b’tali mod li dawn il-miżuri jkunu konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dawk il-miżuri minnufih.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 8

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

TAQSIMA 1

Rekwiżiti speċifiċi għad-dħul fl-Unjoni

(1) Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet elenkati fid-Direttiva 2000/29/KE, tuberi tal-patata li joriġinaw f’pajjiżi terzi fejn hija magħrufa l-preżenza ta’ organiżmu speċifikat wieħed jew aktar għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt (ii) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/29/KE (“iċ-ċertifikat”), li jinkludi t-tagħrif stipulat fil-punti (2) u (3) taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni addizzjonali”.

(2) Iċ-ċertifikat għandu jinkludi jew l-informazzjoni fil-punt (a) jew dik fil-punt (b):

(a) it-tuberi tal-patata tkabbru f’żona libera minn organiżmi li jagħmlu ħsara stabbilita mill-għaqda nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti b’konformità mal-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji rilevanti;

(b) it-tuberi tal-patata nħaslu jew tnaddfu b’mod li ma baqax aktar minn 0,1 % ta’ ħamrija fuqhom, jew inkella għaddew minn metodu ekwivalenti applikat speċifikament sabiex ikollu l-istess riżultat u jneħħi l-organiżmi speċifikati kkonċernati u sabiex ikun żgurat li ma hemm l-ebda riskju ta’ tixrid tal-organiżmi speċifikati.

(3) Iċ-ċertifikat għandu jinkludi dan li ġej:

▼M3

(a) għandu jinkludi l-informazzjoni li t-tuberi tal-patata nstabu ħielsa mill-organiżmi speċifikati kkonċernati u mis-sinjali ta' infestazzjoni minn dawk l-organiżmi fuq it-tuberi tal-patata u ma fihomx aktar minn 0,1 % ħamrija fuqhom f'eżami uffiċjali mwettaq eżatt qabel l-esportazzjoni;

▼B

(b) għandu jinkludi l-informazzjoni li l-materjal tal-ippakkjar li fih huma importati t-tuberi tal-patata huwa nadif.

(4) Fejn l-informazzjoni stipulata fil-punt (2)(a) hija mogħtija, l-isem taż-żona ħielsa mill-organiżmi ta’ ħsara għandha tissemma taħt l-intestatura “Post tal-oriġini”.

(5) Tuberi tal-patata introdotti fl-Unjoni skont il-punti minn (1) sa (4) għandhom jiġu spezzjonati fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE ( 2 ) biex ikun ikkonfermat li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti minn (1) sa (4).

▼M1

TAQSIMA 2

Kundizzjonijiet għat-trasport

(1) It-tuberi tal-patata li joriġinaw f'żoni demarkati fl-Unjoni jistgħu jiċċaqilqu minn żoni bħal dawn lejn iż-żoni mhux demarkati fl-Unjoni biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) it-tuberi tal-patata tkabbru f'post ta' produzzjoni rreġistrat skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/90/KEE ( 3 ) jew minn produttur irreġistrat skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/50/KEE ( 4 ), jew ittrasportati minn maħżen jew ċentru tad-dispaċċ irreġistrat skont id-Direttiva 93/50/KEE;

(b) it-tuberi tal-patata nħaslu jew tnaddfu b'mod li ma baqax aktar minn 0,1 % ta' ħamrija fuqhom, jew inkella għaddew minn metodu ekwivalenti applikat speċifikament sabiex ikollu l-istess riżultat u jneħħi l-organiżmi speċifikati kkonċernati u sabiex ikun żgurat li ma hemm l-ebda riskju ta' tixrid tal-organiżmi speċifikati;

(c) il-materjal tal-ippakkjar li fih jiġu ttrasportati t-tuberi tal-patata jkun nadif. kif ukoll

(d) it-tuberi tal-patata jiġu akkumpanjati mill-passaport tal-pjanti mħejji u maħruġ skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE ( 5 ).

(2) Fil-każ ta' moviment ta' tuberi tal-patata għal faċilità tal-ippakkjar, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1), flimkien mal-punt (1)(a), għandhom jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) it-tuberi tal-patata tkabbru f'għelieqi li ġew sottomessi għal trattament ta' insettiċida kontra l-organiżmi speċifikati f'waqtiet xierqa matul l-istaġun tat-tkabbir;

(b) qabel il-ħsad twettqu spezzjonijiet uffiċjali, f'waqtiet xierqa, f'dawk l-għelieqi, u ma ġew skoperti l-ebda organiżmi speċifikat;

(c) il-produttur għandu, bil-quddiem, jgħarraf lill-korpi uffiċjali responsabbli dwar l-intenzjoni tiegħu li jċaqlaq tuberi tal-patata skont dan il-punt, u dwar id-data tal-moviment maħsub;

(d) it-tuberi tal-patata jiġu trasportati lejn faċilità tal-ippakkjar f'vetturi magħluqa, jew f'imballaġġ magħluq u nadif, b'tali mod li jiġi żgurat li l-organiżmi speċifikati ma jistgħux jaħarbu jew jinxterdu;

(e) matul it-trasport tagħhom lejn il-faċilità tal-ippakkjar, it-tuberi tal-patata jkunu akkumpanjati minn dokument li jidentifika l-oriġini u d-destinazzjoni tagħhom; kif ukoll

(f) minnufih mal-wasla fil-faċilità tal-ippakkjar, it-tuberi tal-patata jiġu suġġetti għat-trattament deskritt fil-punt 1(b) ta' din it-Taqsima.

(3) Tuberi tal-patata introdotti fl-Unjoni skont it-Taqsima 1 minn pajjiżi terzi fejn hija magħrufa l-preżenza ta' organiżmu speċifikat wieħed jew aktar, jistgħu jiġu ttrasportati fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati mill-passaport tal-pjanti msemmi fil-punt (1)(d).

▼B




ANNESS II

ŻONI DEMARKATI U MIŻURI, KIF STIPULAT FL-ARTIKOLU 5

TAQSIMA 1

Definizzjoni ta’ żoni demarkati

(1) Iż-żoni demarkati għandhom jikkonsistu miż-żoni li ġejjin:

▼M3

(a) żona infestata li tinkludi tal-anqas l-għelieqi fejn hija kkonfermata l-preżenza tal-organiżmu speċifikat jew is-sinjali ta' infestazzjoni minn dak l-organiżmu fuq it-tuberi tal-patata, kif ukoll għelieqi fejn tkabbru t-tuberi tal-patata infestati; u

▼M2

(b) żona ta' lqugħ b'wisa' ta' mill-inqas 500 m lil hinn mill-konfini taż-żona infestata; fejn parti minn għalqa tkun f'dik il-wisa', l-għalqa kollha għandha tkun parti miż-żona ta' lqugħ.

▼B

(2) F’każijiet fejn bosta żoni ta’ lqugħ jidħlu f’xulxin jew ikunu ġeografikament qrib xulxin, għandha tiġi definita żona demarkata li tinkludi ż-żona koperta miż-żoni demarkati rilevanti u ż-żoni ta’ bejniethom.

▼M3

(3) Fid-definizzjoni taż-żona infestata u ż-żona ta' lqugħ, l-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin: il-bijoloġija tal-organiżmi speċifikati, il-livell tal-infestazzjoni, id-distribuzzjoni tal-pjanti ospitanti, l-evidenza tal-istabbiliment tal-organiżmi speċifikati u l-kapaċità li għandhom l-organiżmi speċifikati biex jixterdu b'mod naturali.

(4) Jekk tiġi kkonfermata l-preżenza ta' organiżmu speċifikat jew is-sinjali ta' infestazzjoni minn dak l-organiżmu fuq it-tuberi tal-patata 'l barra miż-żona infestata, id-delimitazzjoni taż-żona infestata u taż-żona ta' lqugħ għandha tiġi rriveduta u mibdula kif xieraq.

(5) Fejn fir-rigward ta' żona demarkata, abbażi tas-sondaġġi msemmija fl-Artikolu 4(1), ma tkunx instabet il-preżenza tal-organiżmu speċifikat ikkonċernat u lanqas is-sinjali ta' infestazzjoni minn dak l-organiżmu fuq it-tuberi tal-patata għal perjodu ta' sentejn, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkonferma li l-organiżmu ma għadux preżenti f'dik iż-żona u li ż-żona ma għadhiex demarkata. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

▼B

TAQSIMA 2

Miżuri f’żoni demarkati, kif stipulat fit-tieni subparagrafu tal-artikolu 5(1)

Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri f’żoni demarkati għandhom jinkludu tal-anqas dan li ġej:

(1) miżuri għall-qerda jew il-kontroll tal-organiżmi speċifiċi inklużi trattamenti u diżinfestazzjoni kif ukoll il-projbizzjoni tat-tħawwil ta’ pjanti ospitanti fejn huwa meħtieġ;

▼M3

(2) monitoraġġ intensiv għall-preżenza tal-organiżmi speċifikati jew tas-sinjali ta' infestazzjoni minn dawk l-organiżmi fuq it-tuberi tal-patata permezz ta' spezzjonijiet addattati;

▼B

(3) sorveljanza tat-trasport tat-tuberi tal-patata ’l barra miż-żoni demarkati.



( 1 ) Glossarju ta’ Termini Fitosanitarji — Standard ta’ Referenza ISPM Nru 5 u ċertifikati Fitosanitarji —Standard ta’ Referenza ISPM Nru 12 mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma.

( 2 ) ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16.

( 3 ) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/90/KEE tat-3 ta' Novembru 1992 li twaqqaf l-obbligi li għalihom produtturi u importaturi ta' pjanti, prodotti ta' pjanti u oġġetti oħra huma suġġetti u li twaqqaf dettalji għar-reġistrazzjoni tagħhom (ĠU L 344, 26.11.1992, p. 38).

( 4 ) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/50/KEE tal-24 ta' Ġunju 1993 li tispeċifika ċerti pjanti mhux elenkati fl-Anness V, il-parti A tad-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE, li l-produtturi tagħhom, jew l-imħażen, ċentri tad-dispaċċ fiz-zoni tal-produzzjoni ta' dawk il-pjanti, għandhom ikunu elenkati f'reġistru uffiċjali (ĠU L 205, 17.8.1993, p. 22).

( 5 ) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE tat-3 ta' Diċembru 1992 li tistabbilixxi grad ta' standardizzazzjoni għal passaporti ta' pjanti biex jintużaw għaċ-ċaqliq ta' ċerti pjanti, prodotti ta' pjanti jew oġġetti oħra ġewwa l-Komunità, u li tistabbilixxi l-proċeduri dettaljati dwar il-ħruġ ta' passaporti simili u l-kondizzjonijiet u l-proċeduri dettaljati għall-bdil tagħhom (ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22).