5.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 367/39


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1634

tal-4 ta’ Novembru 2020

li jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ zokkor miksub mill-polpa tal-kawkaw (Theobroma cacao L.) bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni biss jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) li jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2015/2283, il-Kummissjoni trid tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni u t-tqegħid ta’ ikel ġdid fis-suq tal-Unjoni u dwar l-aġġornament tal-lista tal-Unjoni.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/206 (3) awtorizza t-tqegħid fis-suq tal-polpa tal-frott, tal-meraq tal-polpa u tal-meraq ikkonċentrat tal-polpa tat-Theobroma cacao L. bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 u emenda l-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat.

(5)

Fit-22 ta’ Novembru 2019, il-kumpanija Cabosse Naturals NV (“l-applikant”) ippreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 biex tqiegħed iz-zokkor miksub mill-polpa tal-kawkaw (Theobroma cacao L.) fis-suq tal-Unjoni bħala ikel ġdid. L-applikant talab li z-zokkor miksub mill-polpa tal-kawkaw (Theobroma cacao L.) jintuża bħala ingredjent mill-popolazzjoni ġenerali.

(6)

Iz-zokkor jinkiseb permezz ta’ proċess ta’ tnixxif jew permezz ta’ proċess ta’ purifikazzjoni li jneħħi l-indewwa żejda u l-komponenti l-oħra preżenti fil-meraq ikkonċentrat tal-polpa tat-Theobroma cacao L.

(7)

Il-Kummissjoni tqis li mhijiex meħtieġa evalwazzjoni tas-sikurezza tal-applikazzjoni attwali mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Iz-zokkor miksub mill-meraq ikkonċentrat tal-polpa tat-Theobroma cacao L. permezz tat-tnixxif jew permezz tal-purifikazzjoni huwa identiku għaz-zokkor preżenti b’mod naturali fil-polpa tal-kawkaw (Theobroma cacao L.) u prinċipalment huwa magħmul minn glukożju u fruttożju li għandhom storja twila ta’ użu sikur fl-ikel, u b’hekk l-awtorizzazzjoni taz-zokkor ma tibdilx il-kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza li appoġġaw l-awtorizzazzjoni tal-meraq ikkonċentrat tal-polpa tat-Theobroma cacao L. bħala ikel tradizzjonali.

(8)

L-informazzjoni mogħtija fl-applikazzjoni tagħti biżżejjed raġunijiet biex jiġi stabbilit li l-użi u l-livelli tal-użu proposti taz-zokkor bħala ikel ġdid miksub mill-polpa tal-kawkaw (Theobroma cacao L.) jikkonformaw mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Iz-zokkor miksub mill-polpa tal-kawkaw (Theobroma cacao L.) kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandu jiddaħħal fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid awtorizzat stabbilita bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.

2.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-kundizzjonijiet tal-użu u r-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati fl-Anness.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/206 tal-14 ta’ Frar 2020 li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-polpa tal-frott, tal-meraq tal-polpa u tal-meraq ikkonċentrat tal-polpa tat-Theobroma cacao L. bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (ĠU L 43, 17.2.2020, p. 66).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat), tiddaħħal l-entrata li ġejja f’ordni alfabetika:

Ikel ġdid awtorizzat

Kundizzjonijiet li skonthom jista’ jintuża l-ikel ġdid

Rekwiżiti addizzjonali tat-tikkettar speċifiku

Rekwiżiti oħra

“Zokkor miksub mill-polpa tal-kawkaw (Theobroma cacao L.)

Mhux speċifikat

Id-denominazzjoni tal-ikel ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel għandha tkun ‘zokkor miksub mill-polpa tal-kawkaw (Theobroma cacao L.)’, ‘Glukożju miksub mill-polpa tal-kawkaw (Theobroma cacao L.)’ jew ‘Fruttożju miksub mill-polpa tal-kawkaw (Theobroma cacao L.)’, skont il-forma użata.”

 

(2)

fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet), tiddaħħal l-entrata li ġejja fl-ordni alfabetika:

Ikel ġdid awtorizzat

Speċifikazzjonijiet

“Zokkor miksub mill-polpa tal-kawkaw (Theobroma cacao L.)

Deskrizzjoni/Definizzjoni:

Iz-zokkor jinkiseb mill-meraq ikkonċentrat tal-polpa tal-kawkaw (Theobroma cacao L.) jew permezz ta’ proċess ta’ tnixxif jew permezz ta’ proċess ta’ purifikazzjoni għall-produzzjoni ta’ glukożju jew fruttożju ta’ purità għolja.

Zokkor prodott bi proċess ta’ tnixxif

Kompożizzjoni nutrizzjonali:

Zokkor totali (g/100 g): > 80

Ndewwa (%): < 5

Kriterji mikrobijoloġiċi:

Għadd Totali tal-Kolonji (aerobiku) (cfu/g): < 104

Moffa u Ħmira (cfu/g): < 50

Enterobacteriaceae (cfu/g): < 10

Salmonella spp.: Assenza f’25 g

Alicyclobacillus: Assenza f’50 g

Batterji termoaċidofiliċi: Assenza f’50 g

Zokkor prodott bi proċess ta’ purifikazzjoni

Kompożizzjoni nutrizzjonali ta’ Glukożju miksub mill-polpa tal-kawkaw (Theobroma cacao L.):

Kontenut tal-glukożju (%): > 93

Irmied (%): < 0,2

Ndewwa (%): < 1,0

Kompożizzjoni nutrizzjonali ta’ Fruttożju miksub mill-polpa tal-kawkaw (Theobroma cacao L.):

Kontenut tal-fruttożju (%): > 98

Kontenut tal-glukożju (%): < 0,5 %

Irmied (%): < 0,2

Ndewwa (%):< 0,5

Kriterji mikrobijoloġiċi għall-glukożju u l-fruttożju miksuba mill-polpa tal-kawkaw (Theobroma cacao L.):

Għadd Totali tal-Kolonji (aerobiku) (cfu/g): < 104

Salmonella spp.: Assenza f’25 g”