|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1475 |
25.7.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1475
tal-21 ta’ Mejju 2025
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 rigward l-inklużjoni tal-prekursuri tad-droga 4-piperidon u 1-bok-4-piperidon fil-lista ta’ sustanzi skedati
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 30a tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 jistabbilixxi miżuri għall-monitoraġġ tal-kummerċ tal-prekursuri tad-droga fl-Unjoni, filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 111/2005 jirregola l-kummerċ tal-prekursuri tad-droga bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi. L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 u l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 fihom lista ta’ sustanzi skedati, li huma soġġetti għal diversi miżuri armonizzati ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ previsti f’dawk ir-Regolamenti. |
|
(2) |
Bid-Deċiżjonijiet 67/6 u 67/7 tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi tan-Nazzjonijiet Uniti, meħuda fis-67 sessjoni tagħha mit-18 sat-23 ta’ Marzu 2024, is-sustanzi 4-piperidon u 1-bok-4-piperidon ġew miżjuda mat-Tabella I tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi, adottata fi Vjenna fid-19 ta’ Diċembru 1988 (“il-Konvenzjoni tan-NU tal-1988”) u approvata f’isem l-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE (3). |
|
(3) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li s-sustanzi 4-piperidon u 1-bok-4-piperidon jiġu inklużi fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 u fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005. |
|
(4) |
Is-sustanza 4-piperidon hija prekursur fi stadju bikri involut fil-biċċa l-kbira tar-rotot sintetiċi għall-fentanil u xi analogi tal-fentanil. Tista’ tintuża biex isiru N-Fenetil-4-piperidon (NPP), 4-Anilino-N-fenetilpiperidin (ANPP), N-Fenilpiperidin-4-ammina (4-AP) u norfentanil, li huma kollha sustanzi elenkati fit-Tabella I tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1988. |
|
(5) |
Is-sustanza 1-bok-4-piperidon hija derivattiv protett kimikament ta’ 4-piperidon u tista’ tintuża biex isir terz-butil 4-anilinopiperidin-1-karbossilat (1-bok-4-AP) u sussegwentement in-norfentanil, it-tnejn li huma sustanzi elenkati fit-Tabella I tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1988. Is-sustanza 1-bok-4-piperidon tista’ wkoll tiġi kkonvertita lura f’4-piperidon. |
|
(6) |
Kemm 4-piperidon kif ukoll 1-bok-4-piperidon huma prekursuri adattati ħafna għall-manifattura illeċita tal-fentanil u l-analogi tiegħu. |
|
(7) |
Il-fentanil u l-analogi tal-fentanil huma drogi narkotiċi qawwija ħafna, tipikament minn 10 sa 100 darba aktar b’saħħithom mill-eroina. Għaldaqstant, ammonti żgħar ta’ 4-piperidon u 1-bok-4-piperidon (firxa ta’ kg) huma biżżejjed biex jiġu mmanifatturati miljuni ta’ dożi ta’ prodotti finali (fentanili). |
|
(8) |
Għaldaqstant, 4-piperidon u 1-bok-4-piperidon jenħtieġ li jiġu inklużi fil-lista ta’ sustanzi skedati fil-livell tal-Unjoni biex jissaħħu l-kontroll u l-monitoraġġ tagħhom. |
|
(9) |
Is-sustanzi skedati elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 u fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 huma maqsuma f’kategoriji li għalihom japplikaw miżuri differenti, sabiex jintlaħaq bilanċ proporzjonat bejn il-livell ta’ riskju maħluq minn kull sustanza speċifika u l-piż fuq il-kummerċ leċitu. Il-kontrolli u l-miżuri ta’ monitoraġġ l-iktar stretti japplikaw għas-sustanzi tal-Kategorija 1. |
|
(10) |
Hemm manifattura leġittima magħrufa u limitata ta’ 4-piperidon u 1-bok-4-piperidon. Għaldaqstant, l-iskedar ta’ dawn is-sustanzi fil-Kategorija 1 ikun jeħtieġ biss piż żejjed amministrattiv limitat għall-operaturi ekonomiċi u għall-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni. |
|
(11) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolamenti (KE) Nru 273/2004 u (KE) Nru 111/2005 jiġu emendati kif xieraq. |
|
(12) |
Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 u (KE) Nru 111/2005 jimplimentaw b’mod konġunt ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1988. Fid-dawl tar-rabta sostantiva mill-qrib bejn is-setgħat f’dawk iż-żewġ Regolamenti, jixraq li l-emendi jiġu adottati permezz ta’ att delegat uniku, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi tar-Regolament (KE) Nru 273/2004
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Emendi tar-Regolament (KE) Nru 111/2005
L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 47, 18.2.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/273/oj.
(2) ĠU L 22, 26.1.2005, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/111/oj.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE tat-22 ta’ Ottubru 1990 fir-rigward tal-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Traffiku Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi (ĠU L 326, 24.11.1990, p. 56, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1990/611/oj).
ANNESS I
Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 273/2004, fit-tabella tal-Kategorija 1 jiddaħħlu l-entrati li ġejjin fil-post xieraq fil-lista ta’ sustanzi skont is-sekwenza tal-Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda:
|
Sustanza |
Deżinjazzjoni tan-NM (jekk hi differenti) |
Kodiċi NM |
Nru tal-CAS |
|
“4-piperidon |
Piperidin-4-on |
2933 39 99 |
41661-47-6” |
|
“1-bok-4-piperidon |
terz-butil 4-ossopiperidin-1-karbossilat |
2933 39 99 |
79099-07-3” |
ANNESS II
Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005, fit-tabella tal-Kategorija 1 jiddaħħlu l-entrati li ġejjin fil-post xieraq fil-lista ta’ sustanzi skont is-sekwenza tal-Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda:
|
Sustanza |
Deżinjazzjoni tan-NM (jekk hi differenti) |
Kodiċi NM |
Nru tal-CAS |
|
“4-piperidon |
Piperidin-4-on |
2933 39 99 |
41661-47-6” |
|
“1-bok-4-piperidon |
terz-butil 4-ossopiperidin-1-karbossilat |
2933 39 99 |
79099-07-3” |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1475/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)