31.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/88


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/865

tat-28 ta’ Mejju 2021

li jdaħħal isem fir-reġistru ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (“Rooibos”/“Red Bush” (DOP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(3)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tal-Afrika t’Isfel biex tirreġistra l-isem “Rooibos”/“Red Bush” bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta (DOP) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Fis-7 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni relatata mir-Renju Unit. Fis-16 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni għaddiet lill-Afrika t’Isfel l-avviż ta’ oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni li rċeviet mir-Renju Unit.

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat l-oppożizzjoni li bagħat ir-Renju Unit u sabet li hija ammissibbli. Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni ssostni li r-reġistrazzjoni tal-isem “Rooibos”/“Red Bush” ma tikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 u 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 peress li d-deskrizzjoni proposta tal-prodott u tal-materja prima hija inkonsistenti. Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni ssostni wkoll li r-regoli proposti dwar it-tikkettar tar-“Rooibos”/“Red Bush” mhumiex speċifiċi biżżejjed u jmorru kontra l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(4)

B’ittra datata t-22 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jinvolvu ruħhom fil-konsultazzjonijiet rilevanti biex jilħqu ftehim bejniethom f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom.

(5)

L-Afrika t’Isfel u r-Renju Unit laħqu ftehim, li ġie kkomunikat mill-Afrika t’Isfel lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Novembru 2020, fl-iskadenza stipulata.

(6)

L-Afrika t’Isfel u r-Renju Unit ikkonkludew li l-protezzjoni tal-isem “Rooibos”/“Red Bush” (DOP) jenħtieġ li tingħata b’xi modifiki għad-Dokument Uniku, inkluża referenza konsistenti fid-dokument kollu għal għaxar togħmiet, ir-referenzi għall-aspelatina u n-notofagin jiġu estiżi biex issir referenza għall-fatt li dan se jiġi kkontrollat skont il-protezzjoni tal-IĠ tal-Afrika t’Isfel fl-oriġini kif ukoll regoli riveduti dwar it-tikkettar tal-prodott.

(7)

Il-kontenut tal-ftehim konkluż bejn l-Afrika t’Isfel u r-Renju Unit jenħtieġ li jitqies billi jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

(8)

Fis-7 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni relatata mill-Assoċjazzjoni Żvediża tat-Te, l-Ħwawar u Prodotti relatati (IGTG).

(9)

Il-Kummissjoni eżaminat l-oppożizzjoni li bagħtet l-IGTG u sabitha inammissibbli peress li l-ebda waħda mir-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ma ġiet sostanzjata fid-dikjarazzjoni motivata mressqa mill-IGTG. B’ ittra datata l-4 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni infurmat lill-IGTG li ma kinitx se tibgħat stedina lill-IGTG biex tibda konsultazzjonijiet rilevanti mal-Afrika t’Isfel. B’ ittra datata t-8 ta’ Diċembru 2020 indirizzata lill-Kummissjoni, l-IGTG irtirat l-oppożizzjoni tagħha kontra r-reġistrazzjoni tal-isem “Rooibos”/“Red Bush” (DOP).

(10)

Għaldaqstant, id-Denominazzjoni tal-Oriġini “Rooibos”/“Red Bush” (DOP) jenħtieġ li tiddaħħal fir-reġistru, Il-verżjoni kkonsolidata tad-Dokument Uniku jenħtieġ li tiġi ppubblikata għall-informazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-isem “Rooibos”/“Red Bush” (DOP) huwa rreġistrat.

L-isem fl-ewwel paragrafu jirreferi għal prodott tal-Klassi 1.8. Prodotti oħrajn elenkati fl-Anness I għat-Trattat (ħwawar eċċ.) Id-Dokument Uniku konsolidat huwa stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)   ĠU C 190, 8.6.2020, p. 46.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).


ANNESS

“ROOIBOS”/“RED BUSH”

Nru tal-UE: : PDO-ZA-2427 -21.8.2018

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem/Ismijiet

“Rooibos”/“Red Bush”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Afrika t’Isfel

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott [elenkat fl-Anness XI]

Klassi 1.8. Prodotti oħrajn elenkati fl-Anness I tat-Trattat (ħwawar, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

L-isem “Rooibos”/“Red Bush” jista’ jintuża biss biex jirreferi għall-weraq u z-zkuk imnixxfa ta’ “Rooibos”/“Red Bush” pur 100 %, li ġej minn Aspalathus linearis u li jkun ġie kkultivat jew maħsud fis-selvaġġ fiż-żona ġeografika kif deskritt f’din l-applikazzjoni.

“Rooibos”/“Red Bush” huwa ppreżentat f’żewġ forom: weraq u zkuk imnixxfa a) ossidizzati u b) ħodor (mhux ossidizzati) ta’ Aspalathus linearis.

(a)

Fil-każ ta’ weraq u zkuk imnixxfa ossidizzati ta’ Aspalathus linearis, ir-“Rooibos”/“Red Bush” għandu kulur distint li jvarja minn kannella ċar, isfar għal aħmar ileqq kulur il-briks. Jista’ jkollu wkoll xi stikek b’kulur aktar ċar (biċċiet ta’ zkuk imnixxfa) imħallta mal-bqija tal-prodott. Il-livell ta’ ndewwa tar-“Rooibos”/“Red Bush” huwa inqas minn 10 %.

(b)

Ir-“Rooibos”/“Red Bush” aħdar (“mhux ossidizzat”) huwa l-weraq u z-zkuk imnixxfa mhux ossidizzati tal-pjanta Aspalathus linearis. Ma hemm l-ebda sinjal ta’ skurar jew ossidazzjoni fir-“Rooibos”/“Red Bush” aħdar (mhux ossidizzat). Il-weraq ħodor (mhux ossidizzati) tar-“Rooibos”/“Red Bush” għandhom kulur aħdar ċar dominanti u dan jinkludi zokk irqiq kannella li jagħti fl-aħmar u biċċiet bojod tal-injam. Il-livell ta’ ndewwa tar-“Rooibos”/“Red Bush” aħdar (mhux ossidizzat) huwa inqas minn 5 %.

Il-palat u t-togħma tar-“Rooibos”/“Red Bush” huma ddeterminati minn test sensorju uman li jitwettaq minn assaġġatur imħarreġ. Il-palat u t-togħma ta’ lottijiet differenti ta’ “Rooibos”/“Red Bush” jistgħu jvarjaw iżda permezz tal-analiżi ta’ sett kbir ta’ kampjuni, it-togħmiet li ġejjin ġew ippruvati li huma preżenti fir-“Rooibos”/“Red Bush” bi gradi differenti.

Aroma

Ħelwa

Għasel

Karamella

Tal-frott

Ċitru

Frott tal-bosk

Ġamm tal-berquq

Tal-injam

Arbuxxelli/Zkuk

Affumikata/Maħruqa

Tal-fjuri

Fynbos

Fwieħa

Pikkanti

Kannella

Togħma u sensazzjoni fil-ħalq

Togħmiet bażiċi

Ħelwa

Morra

Qarsa

Sensazzjoni fil-ħalq

Ratba u b’sensazzjoni ta’ ħarir

Strinġenti

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

L-unika materja prima tar-“Rooibos”/“Red Bush” hija l-weraq u z-zkuk li jkunu għadhom kemm inqatgħu tal-Aspalathus linearis.

Din fiha bejn 0,02 u 1,16 % ta’ aspalatin u sa 0,4% ta’ notofagin. L-aspelatin u n-notofagin se jkunu kkontrollati fl-oriġini skont il-protezzjoni tal-IĠ tal-Afrika t’Isfel.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Matul il-produzzjoni tar-“Rooibos”/“Red Bush”, għandhom jitwettqu l-passi li ġejjin fiż-żona ġeografika ddefinita:

(a)

Iż-żrieragħ tal-pjanta Aspalathus linearis jinġabru minn ġemmiegħi taż-żrieragħ lokali, ta’ spiss minn munzelli tan-nemel. Il-ġemmiegħa mbagħad jipprovdu ż-żrieragħ lill-bdiewa. Din hija tradizzjoni antika li għadha qed tiġi implimentata llum u parti essenzjali mill-kultivazzjoni tar-Rooibos kif inhi magħrufa llum.

(b)

Dan jiġi kkultivat kummerċjalment jew jikber b’mod naturali fis-selvaġġ.

(c)

Jiġi maħsud mill-għelieqi kkultivati (mekkanikament jew bl-idejn) jew mis-selvaġġ (bl-idejn biss).

(d)

Jiġi pproċessat u mnixxef f’tea court (għalqa tat-te). It-tea court jista’ jkun fil-farm jew barra mill-farm, iżda għandu jkun fiż-żona speċifikata.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Ir-“Rooibos”/“Red Bush” jista’ jitħallat ma’ tejiet, infużjonijiet u prodotti oħra, kemm jekk biex jiġi kkunsmat mill-bniedem kif ukoll jekk le. It-tikkettar ta’ tali prodotti għandu jikkonforma mar-regoli applikabbli għat-tikkettar tal-prodotti fit-territorju fejn il-prodott jiġi kkummerċjalizzat.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni, tat-tnixxif u tal-ossidazzjoni ta’ “Rooibos”/“Red Bush” hija din li ġejja:

(a)

Fil-Provinċja tal-Punent ta’ Cape, il-muniċipalitajiet lokali ta’ Bergrivier, il-Wied Breede, Cape Agulhas, Cederberg, il-Belt ta’ Cape Town, Drakenstein, Langeberg, Matzikamma, Overstrand, il-Bajja ta’ Saldanha, Stellenbosch, Swartland, Swellendam, Theewaterskloof u Witzenberg.

(b)

Fil-Provinċja tat-Tramuntana ta’ Cape, il-Muniċipalità lokali ta’ Hantam.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Żona ġeografika

It-togħma u l-kompożizzjoni speċifika tar-“Rooibos”/“Red Bush” huma direttament relatati mal-klima fejn jitkabbar. Xtiewi kesħin bix-xita, tkabbir fir-rebbiegħa u fil-bidu tas-sajf u mbagħad maturazzjoni u akkumulazzjoni tal-polifenol hekk kif it-temp isir aktar sħun u xott. Minn dan jirriżulta li, jekk l-Aspalathus linearis titkabbar fi kwalunkwe klima oħra, din mhux se jkollha l-istess karatteristiċi bħar-“Rooibos”/“Red Bush” minħabba għax il-polifenol jakkumula inqas. Sabiex wieħed jifhem din ir-relazzjoni kawżali, huwa importanti li jifhem il-mod li bih l-Aspalathus linearis adattat għall-klima, il-ħamrija u l-ġeografija uniċi ta’ din iż-żona.

Iż-żona ġeografika li fiha jikber b’mod naturali r-“Rooibos”/“Red Bush” hija magħrufa għas-sjuf sħan u xotti u x-xtiewi kesħin bix-xita tagħha. Fil-fatt, fis-27 ta’ Ottubru 2015 f’Vredendal ġiet imkejla temperatura ta’ 48,3oC; l-ogħla temperatura f’Ottubru li qatt ġiet imkejla fid-dinja. Ix-xita f’din iż-żona tvarja bejn 380 u 635 mm fis-sena u l-preċipitazzjoni hija predominanti matul ix-xhur tax-xitwa, b’ħalbiet tax-xita okkażjonali fil-bidu tas-sajf u fl-aħħar tal-ħarifa. Ix-xhur twal u sħan tas-sajf huma estremament xotti. Il-ħamrija fiż-żona hija derivata mill-Kumpless tal-Ġebel Ramli tal-Muntanja Table li jirriżulta f’ħamrija bi ftit nutrijenti, ħarxa u ramlija b’pH ta’ bejn 4,5 u 5,5. Il-Ġebel Ramli tal-Muntanja Table huwa magħmul l-aktar minn ġebel imrammel kwarzitiku li nħoloq bejn 510 u 400 miljun sena ilu. Huwa l-aktar saff iebes, u l-aktar saff reżistenti għall-erożjoni tas-Supergrupp ta’ Cape.

Ir-“Rooibos”/“Red Bush” żviluppa xi karatteristiċi uniċi (jiġifieri l-forma u l-kisi tal-weraq, eċċ.) biex jadatta f’din il-klima ħarxa. Minbarra sistema ta’ għeruq laterali eżatt taħt il-wiċċ tal-ħamrija li saħansitra jistgħu jużaw preċipitazzjoni ħafifa, il-pjanta għandha għerq twil bi truf orizzontali li jilħaq daqs żewġ metri u jgħin lill-pjanta ssib it-tira u tilħaq l-ilma matul is-sjuf niexfa. L-għeruq laterali jippermettu lill-pjanta ttejjeb il-ksib tal-fosfru mill-ħamrija li hija fost l-aktar nieqsa mill-fosfru fid-dinja.

Wieħed mill-akbar sigrieti li huwa l-bażi għall-adattament tar-“Rooibos”/“Red Bush” f’din il-klima ħarxa jista’ jinstab fir-relazzjoni simbjotika tiegħu mal-batterji li jassimilaw in-nitroġenu fl-għeruq tiegħu. Bħala legumi, il-batterji fuq l-għeruq tal-Aspalathus linearis jikkonvertu d-diossidu tan-nitroġenu f’ammonijaka bijoloġikament utli fi proċess magħruf bħala l-fissazzjoni tan-nitroġenu. Il-pjanta tassorbi n-nitroġenu u tibbenefika minnu, u min-naħa tagħha din tipprovdi l-ikel lill-batterji. Dan il-proċess huwa komuni għal-legumi, iżda dak li huwa uniku fil-każ tal-Aspalathus linearis huwa li l-bradyrhizobia indiġeni huma tolleranti b’mod naturali għall-aċidità u l-pjanta għandha ċerta kapaċità li timmodifika l-pH riżosferiku tagħha sabiex tippromwovi l-istabbiliment simbjotiku u d-disponibbiltà tan-nutrijenti għall-pjanti li jikbru f’din il-ħamrija aċiduża li altrimenti tkun infertili. Fil-letteratura ġie rrapportat li huma verament ftit dawk il-każijiet ta’ simbjożi li jistgħu jittolleraw tali estremitajiet ta’ aċidità tal-ħamrija u stress minn livell baxx ta’ nutrijenti filwaqt li jassimilaw livelli għoljin ta’ nitroġenu kif muri mill-Aspalathus linearis.

Il-produtturi tar-“Rooibos”/“Red Bush” ħadu vantaġġ mis-sjuf sħan u xotti biex inixxfu b’mod naturali l-materjal maħsud. Ir-“Rooibos”/“Red Bush” jinħasad kull sena matul is-sjuf sħan u jitnixxef bix-xemx eżatt wara l-ħsad. Ix-xemx ħarxa, bin-nuqqas ta’ xita, tippermetti tnixxif naturali tar-“Rooibos”/“Red Bush” li matulu l-proċess tal-ossidazzjoni jista’ jiġi kkontrollat bl-aħjar mod.

Intervent tal-bniedem

Għalkemm ir-Reġjun mimli Fjuri ta’ Cape (bil-veġetazzjoni distintiva tiegħu “Fynbos”) huwa l-iżgħar mis-sitt Renji mimlija Fjuri tad-dinja, huwa l-aktar wieħed varjat u huwa wieħed mill-aktar postijiet speċjali fid-dinja għall-pjanti f’termini ta’ diversità, densità u l-għadd ta’ speċijiet endemiċi. Madankollu, l-Aspalathus linearis hija waħda minn għadd limitat ta’ pjanti li għamlet tranżizzjoni ta’ suċċess minn għalla selvaġġa għal waħda kkultivata u hija waħda minn relattivament ftit pjanti tal-fynbos li huma ekonomikament importanti sal-lum; ir-riżultat tal-intervent tal-bniedem.

Kważi 250 sena ilu, Carl Thunberg, naturalista Żvediż, irrapporta li matul il-vjaġġi tiegħu fl-Afrika fl-1772, iltaqa’ mal-abitanti lokali u osserva li dawn kienu jużaw ir-“Rooibos”/“Red Bush” bħala xarba. Il-weraq u z-zkuk tar-“Rooibos”/“Red Bush” kienu jinġabru fuq il-muntanji u jiġu raggruppati f’boroż tal-qanneb li kienu jinġarru ’l isfel mill-għoljiet weqfin fuq id-dahar tal-ħmir. Il-metodi bażiċi tal-ipproċessar tar-“Rooibos”/“Red Bush” li għadhom jintużaw illum (il-weraq u z-zkuk tar-“Rooibos”/“Red Bush” l-ewwel jinqatgħu u jiġu mmarkati, imbagħad “jissaħħnu” jew it-te jiġi ppreservat f’munzelli u fl-aħħar jitferrxu biex jinxfu fix-xemx) ġew żviluppati f’dak iż-żmien.

Madwar l-1930, Clanwilliam, li kien tabib lokali, u Le Fras Nortier, li kien iħobb in-natura, bdew jinteressaw ruħhom fit-“te tal-arbuxxelli salvaġġi” u bdew jesperimentaw bir-“Rooibos”/“Red Bush”. Kien diffiċli li wieħed isib iż-żrieragħ tar-“Rooibos”/“Red Bush” (minħabba d-daqs żgħir ħafna tagħhom) u Nortier talab lin-nies tal-lokal, xi wħud minnhom pazjenti tiegħu, biex ifittxu żrieragħ fil-ħamrija ramlija u jiġbrulu xi ftit. Mara mill-poplu Khoi ġabitlu kaxxa tas-sulfarini mimlija biż-żerriegħa u aktar tard Nortier tgħallem is-sigriet tagħha. Il-mara kienet issegwi n-nemel li kienu qed ikaxkru ż-żrieragħ tar-“Rooibos”/“Red Bush” lejn il-bejtiet tagħhom. Imbagħad fetħet il-bejtiet biex tiġbor iż-żrieragħ, filwaqt li dejjem ħalliet xi ftit biex in-nemel ikun jista’ jgħix. Dan il-mod ta’ kif jinġabru ż-żrieragħ għadu qed jintuża minn xi kolletturi taż-żrieragħ.

Waqt li beda jfittex mod biex jirriproduċi ż-żrieragħ, Nortier skopra li ż-żrieragħ jiġġerminaw biss jekk l-ewwel jinqasmu – bħall-effett tan-nirien fil-muntanji. Nortier ikkultiva l-ewwel pjanti fuq il-farm Klein Kliphuis qrib Clanwilliam. Skopra li ż-żrieragħ għandhom jinżergħu f’Jannar u li l-aħjar żmien biex in-nebbieta żgħar jiġu mħawla mill-ġdid huwa eżatt wara xita qawwija meta tkun mistennija aktar xita. Nortier ispira u ħeġġeġ ukoll lill-bdiewa lokali biex jibdew jikkultivaw ir-“Rooibos”/“Red Bush”.

Dawn il-prattiki tal-ġbir taż-żrieragħ u l-għorik taż-żrieragħ għadhom qed jintużaw illum u l-Aspalathus linearis qed tiġi prodotta f’kundizzjonijiet ta’ art niexfa peress li l-pjanta hija adattata għas-sjuf xotti u sħan. Dawn il-kundizzjonijiet ambjentali jinfluwenzaw il-kompożizzjoni kimika tar-“Rooibos”/“Red Bush”, b’mod partikolari l-livell u t-tip ta’ polifenoli li jinsabu fil-prodott finali. Il-produtturi tar-“Rooibos”/“Red Bush” adattaw il-prattiki tal-ġestjoni tal-art u tal-kultivazzjoni tagħhom għall-kundizzjonijiet ħarxa tar-reġjun. Pereżempju, ma jistgħux jitqabbdu nirien biex jiġu liberati żoni għall-kultivazzjoni peress li dan jeqred il-kontenut organiku tal-ħamrija. Barra minn hekk, l-għelejjel ta’ kopertura għandhom rwol importanti matul diversi stadji tal-proċess tal-kultivazzjoni u l-ħdim minimu jew ħdim ta’ konservazzjoni huwa prattika komuni.

Il-ħsad isir matul ix-xhur xotti tas-sajf minn Novembru sa Mejju u 20 % tal-materjal tal-pjanti għandu jitħalla fuq il-pjanta. Il-materjal li jkun għadu kemm inħasad għandu jasal fit-tea court fi żmien 72 siegħa mill-ħsad u jintuża apparat mekkaniku ta’ tqattigħ biex inaqqas z-zkuk u l-weraq sabiex ikunu twal bejn 1 u 10 mm. Fil-każ tar-“Rooibos”/“Red Bush” ossidizzat, il-materjal li jkun għadu kif inqata’ mbagħad jiġi espost għax-xemx f’munzelli qishom ringieli fuq il-wiċċ tal-konkrit jew tal-blat tat-tea court. Ir-ringieli jiġu mxarrba, il-weraq jiġi mmarkat u r-ringieli jiġu mdawra f’intervalli regolari sakemm tintlaħaq il-konsistenza t-tajba wara li jiġu mxerrda ftit fuq it-tea court biex jinxfu. Fil-każ tar-“Rooibos”/“Red Bush” (aħdar) mhux ossidizzat, il-weraq u z-zkuk jiġu mxerrda f’saffi rqaq fuq it-tea court eżatt wara li jinqatgħu f’tul ta’ bejn 1 u 10 mm.

Il-proċess tat-tea court ta’ spiss huwa deskritt bħala forma ta’ arti u huwa wieħed mill-aktar partijiet kritiċi tal-proċess tal-produzzjoni tar-“Rooibos”/“Red Bush” b’know-how u għarfien espert speċifiċi meħtieġa. Il-produttur tat-te jissorvelja bir-reqqa l-kulur, l-istruttura u l-indewwa tat-te sakemm tinkiseb is-sensazzjoni qisha ta’ sapun mixtieqa. Metodu tipiku huwa li jittieħed ftit mit-te niedi, immarkat u jingħafas sakemm l-id tifforma ponn, u jekk il-livell ta’ ndewwa jkun korrett, qatra żgħira ta’ meraq tgħaddi mill-ispazji bejn il-bażi tas-swaba’.

Dawk esperti fil-gradazzjoni jevalwaw il-kwalità tar-“Rooibos”/“Red Bush” skont għadd ta’ fatturi, inkluż il-kulur tal-weraq xott u infuż, l-intensità, il-kulur u ċ-ċarezza tal-infużjoni, kif ukoll il-palat u t-togħma. Jissejħu ġuriji sensorji mħarrġa apposta biex jiġġudikaw il-palat u t-togħma. Ġiet żviluppata rota sensorja u hija għodda siewja biex tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn il-produtturi, il-proċessuri, l-esperti tal-klassifikazzjoni, il-kummerċjanti, il-fornituri tal-aromi, l-importaturi u l-konsumaturi tar-“Rooibos”/“Red Bush”. Ġie żviluppat ukoll lessiku sensorju preliminari biex jgħin fl-interpretazzjoni tad-deskritturi għal xi wħud mid-deskritturi.

L-ispeċifiċità tal-prodott

Il-karatteristiċi sensorji uniċi (jew l-aroma u s-sensazzjoni fil-ħalq) tar-“Rooibos”/“Red Bush” ġew deskritti hawn fuq. Dawn id-deskritturi huma bbażati fuq analiżi ta’ sett kbir ta’ kampjuni u jiġbru flimkien l-impronta organolettika tar-“Rooibos”/“Red Bush”.

Dawn il-karatteristiċi organolettiċi uniċi tar-“Rooibos”/“Red Bush” jistgħu jiġu attribwiti għall-kimika fenolika kumplessa tal-Aspalathus linearis. Il-kompożizzjoni tal-flavonojdi tar-“Rooibos”/“Red Bush” hija unika peress li fiha l-aspalatin u l-aspalalinin, kif ukoll il-komposti rari tan-notofagin u l-glukoside tal-aċidu enolikufenilpiruviku. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-flavonojdi jseħħu kullimkien fir-renju tal-pjanti, sa issa l-aspalatin ġie identifikat biss fl-Aspalathus linearis, u dan joħloq il-karatteristiċi organolettiċi uniċi tagħha.

Fit-taqsima ta’ qabel kien innutat li l-użu tal-weraq u z-zkuk imnixxfa tar-“Rooibos”/“Red Bush” bħala te kien iddokumentat għall-ewwel darba kważi 250 sena ilu. Minn dak iż-żmien ’l hawn it-togħma tal-frott u ħelwa tiegħu, bi status baxx ta’ tannini u mingħajr kafeina wasslet biex dan ikun ikona kulturali tal-Afrika t’Isfel. L-istħarriġiet li saru fl-2005 urew li t-te “Rooibos”/“Red Bush” kien wieħed mill-aktar għaxar oġġetti tal-ikel ikkunsmati b’mod frekwenti f’insedjament informali fl-Afrika t’Isfel.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)