10.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 29/40


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/181

tad-9 ta’ Frar 2022

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/260 fir-rigward ta’ ċerti movimenti bejn l-Istati Membri jew partijiet minnhom ta’ annimali akkwatiċi soġġetti għall-miżuri nazzjonali u l-Anness I tagħha fir-rigward tal-istatus tal-marda tal-Irlanda fir-rigward tal-Ostreid herpesvirus-1μvar (OsHV-1μVar)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 226(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/260 (2) tistabbilixxi listi ta’ Stati Membri u partijiet minnhom li huma meqjusa ħielsa minn ċertu mard ta’ annimali akkwatiċi, mhux elenkat fil-punt (d) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/429, jew li huma soġġetti għal programm ta’ eradikazzjoni għal dak il-mard.

(2)

B’mod aktar partikolari, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/260 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom l-annimali akkwatiċi ta’ speċijiet suxxettibbli għal tali mard jistgħu jiġu mċaqalqa bejn l-Istati Membri jew partijiet minnhom, inkluż ir-rekwiżit li tali annimali joriġinaw minn Stat Membru jew parti minnu, li huwa elenkat bħala ħieles minn dak il-mard.

(3)

Madankollu, l-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) (3) u l-esperjenza prattika jindikaw li mhux dejjem ikun meħtieġ, mill-perspettiva tas-saħħa tal-annimali, li l-annimali akkwatiċi ħajjin u l-gameti tagħhom joriġinaw minn żona ħielsa mill-mard jekk ikunu destinati għal żona, li diġà hija ħielsa mill-mard jew soġġetta għal programm ta’ eradikazzjoni. F’ċerti każijiet u fir-rigward ta’ ċertu mard, il-kwarantina tal-annimali akkwatiċi fi stabbiliment tal-akkwakultura, li jkun ġie approvat skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/691 (4), id-diżinfezzjoni tal-bajd, jew iż-żamma ta’ annimali akkwatiċi fl-ilma ta’ ċerta salinità f’kundizzjonijiet preskritti, tista’ tkun adegwata biex jittaffa r-riskju ta’ mard.

(4)

Huwa għalhekk xieraq li tiġi emendata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/260, biex jitqiesu tali miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju, sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ sikur ta’ tali komoditajiet.

(5)

Barra minn hekk, l-Irlanda talbet lill-Kummissjoni biex tħassar “Kompartiment 5: il-Bajjiet ta’ Bertraghboy u Galway”, mil-lista ta’ kompartimenti li huma ħielsa mill-Ostreid herpesvirus-1μvar (OsHV-1μvar) fl-Irlanda u li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/260 skont dan. Tali talba saret għal raġunijiet kummerċjali, aktar milli bħala riżultat ta’ tifqigħa ta’ marda.

(6)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/260 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/260 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 4 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Movimenti bejn l-Istati Membri jew partijiet minnhom, tal-annimali akkwatiċi ta’ speċijiet suxxettibbli li huma soġġetti għall-miżuri nazzjonali inkluż għall-programmi ta’ eradikazzjoni

1.   L-annimali akkwatiċi tal-ispeċijiet suxxettibbli għall-mard speċifiku stabbilit fit-tieni kolonna tal-Anness III għandhom jiġu mċaqilqa biss lejn Stati Membri jew partijiet minnhom li huma elenkati fit-tieni u fir-raba’ kolonna tat-tabelli fl-Annessi I jew II jekk:

(a)

joriġinaw minn Stat Membru jew parti minnu, li hu elenkat fit-tieni u fir-raba’ kolonna tat-tabella fl-Anness I bħala ħieles mill-marda kkonċernata;

(b)

akkumpanjati minn ċertifikat uffiċjali maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini, imfassal f’konformità ma’ mudell xieraq taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimal stabbilit fil-Kapitoli 1, 2, 3 jew 5 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2236 (5), li jispeċifika l-garanziji rilevanti għall-miżuri nazzjonali speċifiċi kkonċernati.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, punt (a), l-annimali akkwatiċi tal-ispeċijiet suxxettibbli għall-mard speċifiku elenkati fit-tieni kolonna tal-Anness III għandhom jiġu mċaqilqa biss lejn Stati Membri jew partijiet minnhom li huma elenkati fit-tieni u fir-raba’ kolonna tat-tabelli fl-Annessi I jew II jekk:

(a)

fil-każ ta’ annimali akkwatiċi selvaġġi, ikunu għaddew minn kwarantina fi stabbiliment tal-akkwakultura li jkun ġie approvat skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/691 (*1);

(b)

fil-każ ta’ Stati Membri jew partijiet minnhom soġġetti għal miżuri nazzjonali għall-infezzjoni bil-Gyrodactylus salaris:

(i)

immedjatament qabel il-moviment, l-annimali akkwatiċi nżammu taħt il-kundizzjonijiet, stabbiliti fil-Kapitolu 10.3., l-Artikolu 10.3.8., il-punt (2) tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) (*2);

(ii)

il-bajd tal-ħut ġie ddiżinfettat u sussegwentement inżamm taħt il-kundizzjonijiet, stabbiliti fil-Kapitolu 10.3, l-Artikolu 10.3.8., il-punt (3) tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi tal-OIE.

(*1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/691 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għal stabbilimenti tal-akkwakultura u trasportaturi ta’ annimali akkwatiċi (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 345)."

(*2)  OIE Aquatic Animal Health Code, 2021, 23rd Edition.” "

2.

Fl-Anness I, fir-ringiela li tirreferi għal Ostreid herpesvirus-1μvar (OsHV-1μvar), l-entrata għall-Irlanda tinbidel bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2021/260 tal-11 ta’ Frar 2021 li tapprova miżuri nazzjonali mfassla biex jillimitaw l-impatt ta’ ċertu mard ta’ annimali akkwatiċi f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE (ĠU L 59, 19.2.2021, p. 1).

(3)  OIE Aquatic Animal Health Code, 2021, 23rd Edition.

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/691 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għal stabbilimenti tal-akkwakultura u trasportaturi ta’ annimali akkwatiċi (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 345).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2236 tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2016/429 u (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni u għall-movimenti fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ ċerti prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi, taċ-ċertifikazzjoni uffiċjali rigward tali ċertifikati u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1251/2008 (ĠU L 442, 30.12.2020, p. 410).


ANNESS

“Ostreid herpesvirus - 1μνar (OsHV-1 μνar)

L-Irlanda

IE

Kompartiment 1: Il-Bajja ta’ Sheephaven

Kompartiment 3: Il-Bajjiet ta’ Killala, Broadhaven u Blacksod

Kompartiment 4: Il-Bajja ta’ Streamstown

Kompartiment A: Il-Mafqas tal-Bajja ta’ Tralee”