02018R0761 — MT — 16.06.2020 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/761 tas-16 ta' Frar 2018 li jistabbilixxi metodi komuni tas-sikurezza għas-superviżjoni minn awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza wara l-ħruġ ta' ċertifikat tas-sikurezza uniku jew ta' awtorizzazzjoni tas-sikurezza skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1077/2012 (ĠU L 129 25.5.2018, p. 16) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/782 tat-12 ta’ Ġunju 2020 |
L 188 |
14 |
15.6.2020 |
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/761
tas-16 ta' Frar 2018
li jistabbilixxi metodi komuni tas-sikurezza għas-superviżjoni minn awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza wara l-ħruġ ta' ċertifikat tas-sikurezza uniku jew ta' awtorizzazzjoni tas-sikurezza skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1077/2012
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi metodi komuni tas-sikurezza (“CSMs”), imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (UE) 2016/798, għas-superviżjoni tal-ġestjoni tas-sikurezza mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza wara li l-impriżi ferrovjarji jkunu ngħataw ċertifikat tas-sikurezza uniku u wara li l-amministraturi tal-infrastruttura jkunu ngħataw awtorizzazzjoni tas-sikurezza.
Artikolu 2
Definizzjoni
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
“korp taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza” tfisser il-korp responsabbli għall-ħruġ ta' ċertifikat tas-sikurezza uniku, jew l-Aġenzija jew inkella awtorità nazzjonali tas-sikurezza;
“tħassib residwu” tfisser kwistjoni minuri identifikata matul il-valutazzjoni ta' applikazzjoni għal ċertifikat tas-sikurezza uniku jew għal awtorizzazzjoni tas-sikurezza li ma tipprevjenix il-ħruġ tagħhom u li tista' tiġi ddifferita għal superviżjoni iktar tard.
Artikolu 3
Proċess ta' superviżjoni
1. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom japplikaw il-proċess ta' superviżjoni stabbilit fl-Anness I.
2. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jistabbilixxu arranġamenti jew proċeduri interni għall-ġestjoni tal-proċess ta' superviżjoni.
3. Għall-finijiet tas-superviżjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jaċċettaw l-awtorizzazzjonijiet, ir-rikonoxximenti jew iċ-ċertifikati ta' prodotti jew ta' servizzi pprovduti minn impriżi ferrovjarji jew minn amministraturi tal-infrastruttura, jew mill-kuntratturi, mill-imsieħba jew mill-fornituri tagħhom, li jkunu ngħataw skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni, bħala prova tal-kapaċità tal-impriżi ferrovjarji u tal-amministraturi tal-infrastruttura li jissodisfaw ir-rekwiżiti korrispondenti ddefiniti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/762 ( 1 ).
Artikolu 4
Tekniki għas-superviżjoni
L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jadottaw tekniki adattati, bħal awditjar u spezzjonijiet, u jagħżlu dawk li jkunu l-iżjed xierqa meta jippjanaw l-attivitajiet ta' superviżjoni tagħhom.
Artikolu 5
Rabtiet bejn is-superviżjoni u l-valutazzjoni
1. L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza li twettaq is-superviżjoni għandha tuża u, meta jkun rilevanti, tikkondividi l-informazzjoni miġbura dwar il-prestazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza matul l-attivitajiet ta' superviżjoni tagħha għall-fini tat-tiġdid jew tal-aġġornament taċ-ċertifikati uniċi tas-sikurezza jew tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza.
2. F'każijiet meta l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikat tas-sikurezza uniku jew għall-awtorizzazzjoni tas-sikurezza, din għandha tikkoordina minnufih mal-Aġenzija li taġixxi bħala korp taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza jew mal-awtorità nazzjonali rilevanti tas-sikurezza, fil-każ ta' infrastruttura transfruntiera, fuq it-talba tagħha, wara li tirċievi applikazzjoni għat-tiġdid jew għall-aġġornament.
Abbażi tal-eżitu tal-koordinazzjoni msemmija fl-ewwel sottoparagrafu, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tidentifika u timmira l-informazzjoni li tkun rilevanti biex jiġi vvalutat jekk is-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza tal-impriża ferrovjarja jew tal-amministratur tal-infrastruttura hijiex qed taħdem b'mod effettiv, filwaqt li tinkludi minn tal-inqas:
deskrizzjoni tan-nuqqasijiet ta' konformità maġġuri, li jistgħu jaffettwaw il-prestazzjoni tas-sikurezza jew joħolqu riskji serji għas-sikurezza, u kwalunkwe qasam ieħor ta' tħassib li jkun ġie identifikat matul l-attivitajiet ta' superviżjoni mill-valutazzjoni preċedenti 'l hawn;
l-istatus tal-pjan ta' azzjoni (jew pjanijiet) stabbilit mill-impriża ferrovjarja jew mill-amministratur tal-infrastruttura biex isolvi n-nuqqasijiet ta' konformità maġġuri u kwalunkwe qasam ieħor ta' tħassib imsemmija fil-punt (a) u l-azzjonijiet rilevanti li jkunu ttieħdu mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza biex tissorvelja r-riżoluzzjoni ta' dawn il-kwistjonijiet;
stampa ġenerali tal-prestazzjoni tas-sikurezza tal-impriża ferrovjarja li topera jew tal-amministratur tal-infrastruttura li jopera fl-Istat Membru tagħha;
l-istatus tal-pjan ta' azzjoni (jew pjanijiet) stabbilit mill-impriża ferrovjarja jew mill-amministratur tal-infrastruttura biex isolvi t-tħassib residwu mill-valutazzjoni preċedenti.
Artikolu 6
Kompetenza tal-persunal involut fis-superviżjoni
1. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jiżguraw li l-persunal involut fis-superviżjoni jkollu l-kompetenzi li ġejjin:
għarfien tal-qafas regolatorju rilevanti applikabbli għas-superviżjoni;
għarfien tal-funzjonament tas-sistema ferrovjarja;
livell xieraq ta' analiżi kritika;
esperjenza fis-superviżjoni ta' sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza jew ta' sistema simili fis-settur ferrovjarju, jew ta' sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza f'settur li jkollu sfidi operattivi u tekniċi ekwivalenti;
għarfien u esperjenza fil-ħiliet tal-intervistar;
ħila ta' soluzzjoni tal-problemi, ta' komunikazzjoni u ta' xogħol f'tim.
2. Fil-każ ta' xogħol f'tim, il-kompetenzi jistgħu jkunu kondiviżi fost il-membri tat-tim.
3. Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom idaħħlu fis-seħħ sistema ta' ġestjoni tal-kompetenzi li għandha tinkludi:
l-iżvilupp ta' profili ta' kompetenza għal kull impjieg, pożizzjoni jew rwol;
ir-reklutaġġ ta' persunal skont il-profili ta' kompetenza stabbiliti;
iż-żamma, l-iżvilupp u l-valutazzjoni tal-kompetenza tal-persunal skont il-profili ta' kompetenza stabbiliti.
Artikolu 7
Kriterji għat-teħid tad-deċiżjonijiet
1. L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tistabbilixxi u tippubblika l-kriterji għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kif tevalwa l-applikazzjoni korretta ta' sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza minn impriża ferrovjarja jew minn amministratur tal-infrastruttura u l-effettività tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza li tikkontrolla r-riskji għas-sikurezza assoċjati mal-attivitajiet tal-impriża ferrovjarja jew tal-amministratur tal-infrastruttura.
Dawn il-kriterji għandhom jinkludu informazzjoni dwar kif l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza timmaniġġja u tindirizza n-nuqqasijiet ta' konformità identifikati fis-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza tal-impriża ferrovjarja u tal-amministratur tal-infrastruttura.
2. L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tadotta u tippubblika proċedura li biha tiddeskrivi kif l-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-infrastruttura u kwalunkwe parti interessata oħra jistgħu jressqu lment dwar deċiżjonijiet meħuda matul l-attivitajiet ta' superviżjoni.
Artikolu 8
Koordinazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza u kooperazzjoni ma' awtoritajiet jew ma' korpi oħra
1. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza involuti fis-superviżjoni ta' amministratur tal-infrastruttura b'infrastruttura/i transfruntiera jew ta' impriża ferrovjarja li jopera/topera f'iktar minn Stat Membru wieħed għandhom jikkoordinaw l-approċċ tagħhom għas-superviżjoni skont l-Artikolu 17(7) u (9) tad-Direttiva (UE) 2016/798.
Wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni tas-sikurezza jew taċ-ċertifikat tas-sikurezza uniku, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jiddeċiedu minnufih min minnhom se jkollu rwol ta' tmexxija għall-koordinazzjoni tas-superviżjoni tal-applikazzjoni korretta u tal-effettività tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza skont il-punti (d) u (j) tal-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2016/798.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jiżviluppaw arranġamenti bbażati fuq il-qafas għal superviżjoni koordinata u konġunta li ġie stabbilit fl-Anness II.
3. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jiżviluppaw ukoll arranġamenti ta' kooperazzjoni mal-korpi nazzjonali ta' investigazzjoni, mal-korpi taċ-ċertifikazzjoni għal entitajiet responsabbli għall-manutenzjoni u ma' awtoritajiet jew ma' korpi kompetenti oħra.
Artikolu 9
Tħassir
Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2012 jitħassar b'effett mis-16 ta' Ġunju 2019.
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mis-16 ta’ Ġunju 2019.
Madankollu, l-Artikolu 5(2) u l-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 8 għandhom japplikaw mis-16 ta’ Ġunju 2020 fir-rigward tal-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798 li estendew il-perjodu tat-traspożizzjoni ta’ dik id-Direttiva u dawk li ma nnotifikawx lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2a) tad-Direttiva (UE) 2016/798 li estendew ulterjorment dak il-perjodu tat-traspożizzjoni.
L-Artikolu 5(2) u l-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 8 għandhom japplikaw mill-31 ta’ Ottubru 2020 fl-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2a) tad-Direttiva (UE) 2016/798 li estendew ulterjorment il-perjodu tat-traspożizzjoni ta’ dik id-Direttiva.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
Proċess ta' superviżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3
1. ĠENERALI
L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tiżviluppa proċess strutturat u li jista' jiġi awditjat għall-attività kompluta li jqis l-elementi ta' hawn taħt. Dan jiżgura li l-proċess ta' superviżjoni jkun iterattiv u jqis il-ħtieġa ta' titjib kontinwu, kif jintwera fid-dijagramma ta' hawn taħt fl-Appendiċi.
2. STABBILIMENT TA' STRATEĠIJA U TA' PJAN(IJIET) TA' SUPERVIŻJONI
L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha:
tiġbor u tanalizza d-dejta/l-informazzjoni minn varjetà ta' sorsi bħala kontribut lejn l-istrateġija u l-pjan jew il-pjanijiet. Dawn is-sorsi jistgħu jinkludu l-informazzjoni li tkun inġabret waqt il-valutazzjoni tas-sistemi ta' ġestjoni tas-sikurezza, l-eżiti ta' attivitajiet preċedenti ta' superviżjoni, l-informazzjoni minn awtorizzazzjonijiet ta' sottosistemi jew ta' vetturi, ir-rapporti/ir-rakkomandazzjonijiet tal-korpi nazzjonali ta' investigazzjoni dwar l-aċċidenti, rapporti jew dejta oħra dwar l-aċċidenti/l-inċidenti, ir-rapporti annwali dwar is-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji jew tal-amministraturi tal-infrastruttura mibgħuta lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, ir-rapporti annwali dwar il-manutenzjoni minn entitajiet responsabbli għall-manutenzjoni, l-ilmenti mingħand membri tal-pubbliku u sorsi rilevanti oħra;
tidentifika oqsma ta' riskju għal attivitajiet immirati ta' superviżjoni fl-istrateġija ta' superviżjoni, inklużi dawk li jfeġġu mill-integrazzjoni u mill-ġestjoni ta' fatturi umani u ta' organizzazzjoni, meta dan ikun rilevanti;
tiżviluppa pjan jew pjanijiet ta' superviżjoni biex turi kif se twettaq fil-prattika l-istrateġija ta' superviżjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja taċ-ċertifikati uniċi tas-sikurezza jew tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza li jkunu validi;
toħroġ stima inizjali tar-riżorsi meħtieġa biex jitwettaq il-pjan/jitwettqu l-pjanijiet, abbażi tal-oqsma fil-mira li ġew identifikati;
talloka r-riżorsi biex jitwettaq il-pjan/jitwettqu l-pjanijiet;
tindirizza, fl-istrateġija u fil-pjan(ijiet) ta' superviżjoni, kwalunkwe kwistjoni marbuta ma' operazzjonijiet jew ma' infrastruttura/i transfruntiera permezz tal-koordinazzjoni ma' awtorità (jew ma' awtoritajiet) nazzjonali oħra tas-sikurezza.
3. KOMUNIKAZZJONI TAL-ISTRATEĠIJA U TAL-PJAN(IJIET) TA' SUPERVIŻJONI
L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha:
tikkomunika l-objettivi ġenerali tal-istrateġija ta' superviżjoni u l-ispjegazzjoni ġenerali tal-pjan jew tal-pjanijiet lill-impriżi ferrovjarji jew lill-amministraturi tal-infrastruttura rilevanti u, meta dan ikun xieraq, tikkomunikahom b'mod iktar wiesa' lil partijiet ikkonċernati oħra;
tipprovdi spjegazzjoni ġenerali lill-impriżi ferrovjarji jew lill-amministraturi tal-infrastruttura rilevanti dwar kif se jitwettaq il-pjan/kif se jitwettqu l-pjanijiet ta' superviżjoni.
4. TWETTIQ TAL-ATTIVITAJIET TA' SUPERVIŻJONI
L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha:
twettaq il-pjan jew il-pjanijiet;
tieħu azzjoni(jiet) proporzjonati biex tindirizza n-nuqqas ta' konformità ta' impriża ferrovjarja jew ta' amministratur tal-infrastruttura mal-obbligi legali tagħhom, fosthom il-ħruġ ta' kwalunkwe twissija urġenti ta' sikurezza u l-applikazzjoni ta' miżuri temporanji ta' sikurezza meta dan ikun meħtieġ;
tevalwa kif impriża ferrovjarja jew amministratur tal-infrastruttura jkunu żviluppaw u implimentaw b'mod adegwat pjan jew pjanijiet ta' azzjoni biex jirrimedjaw għal xi nuqqas ta' konformità jew għal tħassib residwu fi żmien perjodu speċifikat;
tiddokumenta r-riżultati tal-attivitajiet ta' superviżjoni tagħha.
5. EŻITI TAL-ATTIVITAJIET TA' SUPERVIŻJONI
L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha:
tikkondividi r-riżultati tal-attivitajiet ta' superviżjoni tagħha mal-impriża ferrovjarja jew mal-amministratur tal-infrastruttura rilevanti, fosthom l-identifikazzjoni ta' oqsma ta' nuqqas ta' konformità tal-impriża ferrovjarja jew tal-amministratur tal-infrastruttura u ta' kwalunkwe qasam ta' prassi tajba biex tappoġġa t-titjib tas-sikurezza;
ikollha stampa ġenerali tal-prestazzjoni tas-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji jew tal-amministraturi tal-infrastruttura individwali li joperaw fl-Istat Membru tagħha;
tikkomunika l-fehmiet tagħha lill-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar il-prestazzjoni ġenerali tas-sikurezza fl-Istat Membru u tippubblikahom;
tikkomunika l-fehmiet tagħha lill-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar l-effettività tal-qafas regolatorju tas-sikurezza u tippubblikahom;
tuża u, meta jkun rilevanti, tikkondividi l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza li tkun inġabret waqt is-superviżjoni tal-impriżi ferrovjarji jew tal-amministraturi tal-infrastruttura, qabel ma tivvaluta mill-ġdid l-applikazzjoni għal tiġdid jew għal aġġornament taċ-ċertifikat uniku tas-sikurezza jew tal-awtorizzazzjoni tas-sikurezza, mal-Aġenzija li taġixxi bħala korp taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza jew mal-awtorità nazzjonali rilevanti tas-sikurezza, fil-każ ta' infrastruttura transfruntiera;
meta jkun xieraq, tieħu kwalunkwe azzjoni ta' infurzar, tidentifika jekk ikunx il-każ li jkun hemm restrizzjoni jew revoka taċ-ċertifikat uniku tas-sikurezza jew tal-awtorizzazzjoni tas-sikurezza, u fil-każijiet meta ma tkunx responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikat uniku tas-sikurezza jew tal-awtorizzazzjoni tas-sikurezza, tinforma lill-awtorità kompetenti b'dan.
6. RIEŻAMI TAL-ATTIVITAJIET TA' SUPERVIŻJONI
Abbażi tal-informazzjoni li tkun inġabret u tal-esperjenza li tkun inkisbet matul l-attivitajiet ta' superviżjoni u tal-prestazzjoni tas-sikurezza kemm fil-livell individwali u kemm fil-livell tal-Istat Membru, f'intervalli regolari l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha:
twettaq rieżami tal-istrateġija u tal-pjan jew tal-pjanijiet ta' superviżjoni biex tikkontrolla li l-attività oriġinali fil-mira, l-użu tad-dejta/tal-informazzjoni minn varjetà ta' sorsi, l-eżiti tas-superviżjoni u l-allokazzjoni tar-riżorsi jkunu xierqa, u biex tibdel il-prijoritajiet skont kif ikun meħtieġ;
tirrevedi l-pjan jew il-pjanijiet jekk ikun hemm bżonn u tikkunsidra l-impatt tat-tibdil fuq l-istrateġija ta' superviżjoni;
tikkontribwixxi, meta jkun meħtieġ, bil-fehmiet tagħha u bi kwalunkwe proposta lill-Istat Membru tagħha sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet fil-qafas regolatorju tas-sikurezza.
Appendiċi
ANNESS II
Qafas għal superviżjoni koordinata u konġunta kif imsemmi fl-Artikolu 8(2)
L-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tas-sikurezza għandhom jiżviluppaw arranġamenti bbażati fuq il-prinċipji u l-elementi speċifiċi li ġejjin:
Jaqblu dwar liema impriżi ferrovjarji u liema amministraturi tal-infrastruttura qed joperaw b'tali mod li jirrikjedu superviżjoni koordinata jew konġunta.
Jaqblu dwar il-lingwa/i komuni u l-livell ta' kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jridu jintużaw għall-finijiet tal-arranġamenti tal-koordinazzjoni tagħhom.
Jaqblu dwar liema informazzjoni se jiskambjaw u dwar skeda ta' żmien għall-iskambju:
jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti dwar l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura identifikati skont il-punt 1 u jikkondividu r-riżultati mill-attivitajiet ta' valutazzjoni tagħhom;
jipprovdu kopji tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza meta dan ikun xieraq;
jikkondividu r-riżultati minn attivitajiet relatati ta' superviżjoni, fosthom id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet ta' infurzar, meta dan ikun rilevanti;
jikkondividu l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji u tal-amministraturi tal-infrastruttura identifikati skont il-punt 1 f'kull Stat Membru.
Jikkondividu l-kriterji tat-teħid tad-deċiżjonijiet:
jikkondividu l-informazzjoni dwar kif kull awtorità nazzjonali tas-sikurezza timmira l-attivitajiet tagħha għal kull impriża ferrovjarja kkonċernata u għal kull amministratur tal-infrastruttura kkonċernat bħala parti mill-pjan ta' superviżjoni;
jistabbilixxu djalogu bejn l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tas-sikurezza dwar ir-rispons propost biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi maġġuri fil-konformità.
Jimmaniġġjaw il-koordinazzjoni:
jikkondividu l-istrateġiji u l-pjanijiet eżistenti ta' superviżjoni;
jistabbilixxu punti komuni ta' interess u/jew kwistjonijiet komuni;
jippjanaw b'mod effiċjenti l-inizjattivi individwali, ikkoordinati jew konġunti mingħajr ma jikkawżaw inkonvenjenzi bla bżonn għall-impriżi ferrovjarji u għall-amministraturi tal-infrastruttura u billi jevitaw li jkun hemm trikkib fl-ambitu ta' dawn l-inizjattivi.
Jaqblu dwar liema awtorità (jew awtoritajiet) nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li ssegwi (li jsegwu) l-azzjonijiet li jkollhom l-għan li jindirizzaw it-tħassib residwu li jkun ġie differit għal superviżjoni, meta dan ikun xieraq.
Jaqblu dwar liema oqsma jridu jimmiraw għalihom b'mod koordinat u konġunt:
jidentifikaw ir-riskji ewlenin għall-impriżi ferrovjarji u għall-amministraturi tal-infrastruttura rilevanti li jridu jiġu indirizzati b'mod koordinat jew konġunt mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza;
jaqblu dwar liema awtorità nazzjonali tas-sikurezza se tmexxi l-attivitajiet u fuq liema kwistjonijiet, meta dan ikun rilevanti, abbażi ta' kriterji stabbiliti sew;
jaqblu dwar liema tipi ta' attivitajiet konġunti ta' superviżjoni se jwettqu, meta dan ikun rilevanti;
jaqblu dwar kif jenħtieġ li l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura jiġu mgħarrfa dwar l-arranġamenti li qed isiru u dwar l-ftehimiet li qed jintlaħqu mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza.
Jikkondividu l-prattiki t-tajba:
jiżviluppaw arranġamenti għar-rieżami u għall-koordinazzjoni fuq bażi regolari tal-attivitajiet ta' superviżjoni għall-impriżi ferrovjarji u għall-amministraturi tal-infrastruttura rilevanti;
jiżviluppaw arranġamenti għall-evalwazzjoni tal-effettività tal-koordinazzjoni u tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza, inkluż l-Aġenzija, skont kif ikun xieraq.
( 1 ) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/762 tat-8 ta' Marzu 2018 li jistabbilixxi metodi ta' sikurezza komuni dwar ir-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1158/2010 u (UE) Nru 1169/2010 (ara l-paġna 26 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).