02009R0223 — MT — 26.12.2024 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (KE) Nru 223/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2009

dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej

(Test b'relevanza għaż-ŻEE u għall-Iżvizzera)

(ĠU L 087 31.3.2009, p. 164)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2015/759 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tad-29 ta' April 2015

  L 123

90

19.5.2015

►M2

REGOLAMENT (UE) 2024/3018 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tas-27 ta’ Novembru 2024

  L 3018

1

6.12.2024




▼B

REGOLAMENT (KE) Nru 223/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2009

dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej

(Test b'relevanza għaż-ŻEE u għall-Iżvizzera)



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas legali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea.

F'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u skont l-indipendenza, l-integrità u r-responabbilità tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-Komunità, l-Istatistika Ewropea hija statistika relevanti meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet tal-Komunità. L-Istatistika Ewropea hija determinati fil-Programm Ewropew tal-Istatistika. Għandhom jiġu żviluppati, prodotti u disseminati f'konformità mal-prinċipji tal-istatistika stabbiliti fl-Artikolu 285(2) tat-Trattat u elaborati ulterjorment fil-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea skont l-Artikolu 11. Huma għandhom jiġu implimentati skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Prinċipji tal-Istatistika

1.  

L-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea għandu jkun regolat mill-prinċipji tal-istatistika li ġejjin:

▼M1

(a) 

“indipendenza professjonali” tfisser li l-istatistika għandha tkun żviluppata, prodotta u disseminata b'mod indipendenti, partikolarment fir-rigward tal-għażla ta' tekniki, definizzjonijiet, metodoloġiji u sorsi li għandhom jintużaw, u ż-żmien u l-kontenut tal-forom kollha ta' disseminazzjoni, u li t-twettiq ta' dawk il-kompiti jkun ħieles minn kull pressjoni politika jew minn gruppi ta' interess jew minn awtoritajiet tal-Unjoni jew dawk nazzjonali;

▼B

(b) 

“imparzjalità” tfisser li l-istatistika trid tiġi żviluppata, prodotta u disseminata b'mod newtrali, u l-utenti kollha għandhom jingħataw trattament ugwali;

(c) 

“oġġettività” tfisser li l-istatistika trid tiġi żviluppata, prodotta u disseminata b'mod sistematiku, affidabbli u imparzjali; dan jimplika l-użu ta' standards professjonali u etiċi, u li l-linji politiċi u l-prattika segwiti jkunu trasparenti għall-utenti u għal dawk li jwieġbu għall-istħarriġ;

(d) 

“affidabbiltà'” tfisser li l-istatistika trid tkejjel b'mod korrett u konsistenti kemm jista' jkun ir-realtà li hija mfassla biex tirrappreżenta u dan jimplika li kriterji xjentifiċi huma użati għall-għażla ta' sorsi, metodi u proċeduri;

(e) 

“kunfidenzjalità tal-istatistika” tfisser li l-ħarsien ta' data kunfidenzjali relatata ma' unitajiet ta' statistika uniċi li huma miksuba direttament għal skopijiet ta' statistika jew indirettament minn sorsi amministrattivi jew sorsi oħra u dan jimplika l-projbizzjoni tal-użu tad-data miksuba għal skopijiet mhux ta' statistika jew l-iżvelar illegali tagħha;

(f) 

“effettività tan-nefqa” tfisser li l-ispejjeż għall-produzzjoni tal-istatistika jridu jkunu proporzjonali mal-importanza tar-riżultati u mal-benefiċċji li jinkisbu, li r-riżorsi jridu jintużaw bl-aħjar mod u l-piż tar-rispons minimizzat. L-informazzjoni mitluba għandha, fejn possibbli, tinħareġ malajr mir-rekords jew sorsi disponibbli.

Il-prinċipji tal-istatistika stabbiliti f'dan il-paragrafu huma elaborati ulterjorment fil-Kodiċi ta' Prattika skont l-Artikolu 11.

2.  
L-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea għandha tqis rakkomandazzjonijiet u l-aqwa prattika internazzjonali.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“statistika” tfisser informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva, aggregata u rappreżentattiva li tikkaratterizza fenomenu kollettiv f'popolazzjoni partikulari;

(2) 

“żvilupp” tfisser l-attivitajiet li għandhom l-għan li jistabbilixxu, isaħħu u jtejbu l-metodi, l-istandards u l-proċeduri tal-istatistika użati għall-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-statistika kif ukoll it-tfassil ta' statistika u indikaturi ġodda;

(3) 

“produzzjoni” tfisser l-attivitajiet kollha relatati mal-ġbir, mal-ħażna, mal-ipproċċessar u mal-analiżi meħtieġa biex tinbena l-istatistika;

(4) 

“disseminazzjoni” tfisser l-attività li tagħmel l-istatistika u l-analiżi tal-istatistika disponibbi għal min irid jużahom;

▼M2

(4a) 

data” tfisser kwalunkwe rappreżentazzjoni diġitali jew mhux diġitali ta’ atti, fatti jew informazzjoni u kwalunkwe kompilazzjoni ta’ tali atti, fatti jew informazzjoni dwar l-unitajiet osservati;

(4b) 

“metadata” tfisser kwalunkwe informazzjoni li tiddefinixxi u tiddeskrivi data u proċessi;

(4c) 

“detentur tad-data” tfisser persuna ġuridika jew fiżika jew kwalunkwe entità oħra li jkollha d-dritt, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli, u l-kapaċità li tiġġestixxi u tagħmel disponibbli data miksuba fl-ambitu tal-attività tagħha;

▼B

(5) 

“ġbir tad-data” tfisser stħarriġ u l-metodi l-oħra kollha ta' ġbir ta' informazzjoni minn sorsi differenti, inklużi sorsi amministrattivi;

▼M2

(5a) 

“sors tad-data” tfisser sors li jipprovdi data li tkun rilevanti u meħtieġa, fiha nnifisha jew flimkien ma’ data minn sorsi oħra, għall-iżvilupp u għall-produzzjoni tal-istatistika, inklużi stħarriġ, ċensimenti, data amministrattiva jew data li d-detenturi tad-data jkunu għamlu disponibbli fuq talba;

(5b) 

“aċċess għad-data” tfisser l-ipproċessar minn istitut nazzjonali tal-istatistika jew awtoritajiet nazzjonali oħra jew mill-Kummissjoni (Eurostat) tad-data li detentur tad-data jkun ipprovda jew għamel disponibbli f’konformità ma’ rekwiżiti tekniċi, legali jew organizzattivi speċifiċi;

▼B

(6) 

“unità tal-istatistika” tfisser l-unità bażika tal-osservazzjoni, jiġifieri persuna naturali, familja, operatur ekonomiku u l-impenji tiegħu, imsemmija mid-data;

(7) 

“data kunfidenzjali” tfisser data li tippermetti li unitajiet tal-istatistika jkunu identifikati, direttament jew indirettament, biex b'hekk tiġi żvelata informazzjoni individwali. Biex ikun stabbilit jekk unità tal-istatistika hijiex identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi rilevanti kollha li jistgħu jkunu użati b'mod raġonevoli minn parti terza biex tidentifika l-unità tal-istatistika msemmija;

▼M2

(8) 

“użu għal finijiet ta’ statistika” tfisser l-użu esklużiv għall-iżvilupp, għall-produzzjoni u għad-disseminazzjoni ta’ riżultati u analiżijiet tal-istatistika minn awtoritajiet tal-istatistika, inkluż għall-attivitajiet ta’ riċerka u xjentifiċi, jew l-istabbiliment ta’ oqfsa tal-kampjunar;

▼B

(9) 

“identifikazzjoni diretta” tfisser l-identifikazzjoni ta' unità statistika permezz tal-isem u l-indirizz, jew permezz ta' numru tal-identifikazzjoni aċċessibbli pubblikament;

(10) 

“identifikazzjoni indiretta” tfisser l-identifikazzjoni ta' unità tal-istatistika b'mezz ieħor apparti l-identifikazzjoni diretta;

(11) 

“uffiċjali tal-Kummissjoni (Eurostat)” tfisser uffiċjali tal-Komunitajiet, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolamenti dwar l-Impjiegi ta' Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li jaħdmu mal-Awtorità tal-istatistika Komunitarja;

(12) 

“uffiċjali oħra tal-Kummissjoni (Eurostat)” tfisser uffiċjali tal-Komunitajiet, fis-sens tal-Artikolu 2 sa 5 tar-Regolamenti dwar l-Impiegi ta' Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li jaħdmu mal-Awtorità tal-istatistika Komunitarja.

KAPITOLU II

GOVERNANZA TAL-ISTATISTIKA

Artikolu 4

Is-Sistema Ewropea tal-Istatistika

Is-Sistema Ewropea tal-Istatistika (l-ESS) hija s-sħubija bejn l-awtorita' tal-istatistika Komunitarja, li hija l-Kummissjoni (l-Eurostat), u l-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika (NSIs) u awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli f'kull Stat Membru (awtoritajiet nazzjonali) għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea.

Artikolu 5

L-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika u awtoritajiet nazzjonali oħra

▼M1

1.  
L-awtorità nazzjonali tal-istatistika maħtura minn kull Stat Membru bħala l-korp responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet kollha fil-livell nazzjonali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, li huma determinati fil-Programm Ewropew tal-Istatistika skont l-Artikolu 1 (l-NSI) għandha taġixxi f'dan ir-rigward bħala l-uniku punt ta' kuntatt għall-Kummissjoni (Eurostat) f'materji ta' statistika.

Ir-responsabbiltà ta' koordinazzjoni tal-NSI għandha tkopri l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra kollha responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, li huma determinati fil-programm Ewropew tal-istatistika skont l-Artikolu 1. B'mod partikolari, l-NSI għandu jkun responsabbli fil-livell nazzjonali, li jikkoordina l-ipprogrammar u r-rappurtar tal-istatistika, il-monitoraġġ tal-kwalità, il-metodoloġija, it-trażmissjoni tad-data u l-komunikazzjoni dwar l-azzjonijiet statistiċi tal-ESS. Sa fejn ftit minn dik l-istatistika Ewropea tista' tinġabar mill-Banek Ċentrali Nazzjonali (BĊN) fil-kapaċità tagħhom bħala membri tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ), l-NSIs u l-BĊN għandhom jikkooperaw mill-qrib f'konformità ma' arranġamenti nazzjonali bil-għan li tkun żgurata l-produzzjoni ta' statistika Ewropea kompleta u koerenti, filwaqt li tkun żgurata l-kooperazzjoni meħtieġa bejn l-ESS u s-SEBĊ kif stipulat fl-Artikolu 9.

▼B

2.  
Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha żżomm u tippubblika fis-sit elettroniku tagħha lista ta' NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli mill-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea kif maħtura mill-Istati Membri.
3.  
L-NSIs inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jistgħu jirċievu għotjiet mingħajr sejħa għall-proposti, skont l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

▼M1

Artikolu 5a

Il-kapijiet tal-NSIs u l-kapijiet tal-istatistika ta' awtoritajiet nazzjonali oħra

1.  
Fis-sistema nazzjonali tal-istatistika tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-indipendenza professjonali ta' uffiċjali responsabbli għall-kompiti stipulati f'dan ir-Regolament.
2.  

Għal dak il-għan, il-kapijiet tal-NSIs għandhom:

(a) 

ikollhom ir-responsabbiltà unika li jiddeċiedu dwar proċessi, il-metodi, l-istandards u l-proċeduri statistiċi u dwar il-kontenut u ż-żmien tar-rilaxx tal-istatistika u l-pubblikazzjonijiet għall-istatistika Ewropea żviluppata, prodotta u disseminata mill-NSI;

(b) 

jingħataw is-setgħa li jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw l-immaniġġjar intern tal-NSI;

(c) 

jaġixxu b'mod indipendenti fit-twettiq tal-kompiti statistiċi tagħhom; u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn xi gvern jew istituzzjoni, korp, uffiċċju jew entità oħra;

(d) 

ikunu responsabbli għall-attivitajiet statistiċi u l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-NSI;

(e) 

jippubblikaw rapport annwali u jistgħu jesprimu kummenti dwar kwistjonijiet ta' allokazzjoni tal-baġit marbuta mal-attivitajiet statistiċi tal-NSI;

(f) 

jikkoordinaw l-attivitajiet statistiċi tal-awtoritajiet nazzjonali kollha li huma responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, kif stipulat fl-Artikolu 5(1);

(g) 

jipproduċu linji gwida nazzjonali, fejn dan huwa meħtieġ, biex jiżguraw kwalità fl-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea kollha fis-sistema statistika nazzjonali tagħhom u jimmonitorjaw u jirrevedu l-implimentazzjoni tagħhom filwaqt li jkunu responsabbli biex jiżguraw il-konformità ma' dawk il-linji gwida fi ħdan l-NSI biss; u

(h) 

jirrappreżentaw is-sistema statistika nazzjonali tagħhom fi ħdan l-ESS.

3.  
Kull Stat Membru għandu jiżgura li awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea jwettqu tali kompiti f'konformità mal-linji gwida nazzjonali prodotti mill-kap tal-NSI.
4.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri għar-reklutaġġ u l-ħatra tal-kapijiet tal-NSIs u, fejn xieraq, il-kapijiet tal-istatistika ta' awtoritajiet nazzjonali oħrajn li jipproduċu l-istatistika Ewropea, ikunu trasparenti u bbażati biss fuq kriterji professjonali. Dawk il-proċeduri għandhom jiżguraw li l-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali jkun osservat, b'mod partikolari fir-rigward tas-sessi. Ir-raġunijiet għat-tneħħija tal-kapijiet tal-NSIs jew it-trasferiment tagħhom għal pożizzjoni oħra ma għandhomx jikkompromettu l-indipendenza professjonali.
5.  
Kull- Stat Membru jista' jistabbilixxi korp nazzjonali biex jiżgura l-indipendenza professjonali tal-produtturi tal-istatistika Ewropea. Il-kapijiet tal-NSIs u, fejn xieraq, il-kapijiet tal-istatistika ta' awtoritajiet nazzjonali oħra li jipproduċu statistika Ewropea jistgħu jieħdu parir minn tali korpi. Il-proċeduri għar-reklutaġġ, it-trasferiment u t-tneħħija tal-membri ta' tali korpi għandhom ikunu trasparenti u bbażati biss fuq kriterji professjonali. Dawk il-proċeduri għandhom jiżguraw li l-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali jkun osservat, b'mod partikolari fir-rigward tas-sessi.

▼B

Artikolu 6

Il-Kummissjoni (Eurostat)

1.  
L-awtorità Komunitarja tal-istatistika, kif maħtura mill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa, tipproduċi u tiddissemina l-Istatistika Ewropea, għandha tiġi msejħa “il-Kummissjoni (Eurostat)” f'dan ir-Regolament.

▼M1

2.  
Fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha taġixxi b'mod indipendenti biex tiżgura l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea skont ir-regoli stabbiliti u l-prinċipji tal-istatistika.
3.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tikkoordina l-attivitajiet statistiċi mal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, b'mod partikolari bil-għan li tiġi żgurata l-konsistenza u l-kwalità tad-data u l-imminimizzar tal-piż tar-rappurtar. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni (Eurostat) tista' tistieden kull korp jew istituzzjoni tal-Unjoni biex tikkonsultaha jew tikkoopera magħha għall-iskop tal-iżvilupp ta' metodi u sistemi għall-finijiet tal-istatistika fil-qasam tal-kompetenza rispettiva tagħha. Kull waħda minn dawk l-istituzzjonijiet jew korpi li tipproponi li tipproduċi l-istatistika għandha tikkonsulta mal-Kummissjoni (Eurostat) u tieħu kont ta' kull rakkomandazzjoni li din tista' tagħmel għal dan il-għan.

▼M1

Artikolu 6a

Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni (Eurostat)

1.  
Il-Eurostat huwa l-awtorità tal-istatistika tal-Unjoni u huwa Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni. Huwa għandu jitmexxa minn Direttur Ġenerali.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-proċedura għar-reklutaġġ tad-Direttur Ġenerali tal-Eurostat tkun trasparenti u bbażata fuq kriterji professjonali. Il-proċedura għandha tiżgura li l-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali jkun osservat, b'mod partikolari fir-rigward tas-sessi.
3.  
Id-Direttur Ġenerali għandu jkollu r-responsabbiltà unika li jiddeċiedi dwar il-proċessi, il-metodi, l-istandards u l-proċeduri statistiċi, u dwar il-kontenut u ż-żmien tar-rilaxx u tal-pubblikazzjonijiet tal-istatistika għall-istatistika kollha prodotta mill-Eurostat. Meta jwettaq dawk il-kompiti statistiċi, id-Direttur Ġenerali għandu jaġixxi b'mod indipendenti u ma għandu la jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, minn xi gvern jew minn xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija oħra.
4.  
Id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu jkun responsabbli għall-attivitajiet tal-istatistika tal-Eurostat. Id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu jidher immedjatament wara l-ħatra mill-Kummissjoni, u kull sena wara dan, fil-qafas tad-djalogu dwar l-istatistika quddiem il-kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew biex jiddiskuti materji relatati mal-governanza tal-istatistika, il-metodoloġija u l-innovazzjoni tal-istatistika. Id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu jippubblika rapport annwali.

▼B

Artikolu 7

Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika

1.  
Il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (Kumitat tal-ESS), huwa b'dan stabbilit. Huwa għandu jipprovdi gwida professjonali lill-ESS għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea b'konformità mal-prinċipji tal-istatistika stabbiliti fl-Artikolu 2(1).
2.  
Il-Kumitat tal-ESS għandu jkun kompost mir-rappreżentanti tal-NSIs li huma speċjalisti nazzjonali fuq l-istatistika. Il-Kummissjoni għandha tippresjedi dan il-kumitat (Eurostat).
3.  
Il-Kumitat tal-ESS għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, li għandhom jirriflettu l-kompiti tiegħu.
4.  

Il-Kumitat tal-ESS għandu jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni rigward:

(a) 

il-miżuri li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tieħu għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea, il-ġustifikazzjoni għalihom fuq il-bażi tal-effettività tan-nefqa, il-mezzi u ż-żmien sabiex jinkisbu, il-piż tar-rispons fuq dawk li jwieġbu s-servej;

(b) 

żviluppi u prijoritajiet proposti fil-Programm Ewropew tal-Istatistika;

(c) 

l-inizjattivi sabiex ir-riprijoritizzazzjoni u t-tnaqqis tal-piż tar-rispons jitwettqu fil-prattika;

(d) 

kwistjonijiet rigward il-kunfidenzjalità tal-istatistika;

(e) 

l-iżvilupp ulterjuri tal-Kodiċi ta' Prattika; u

(f) 

kull kwistjoni oħra, b'mod partikulari kwistjonijiet ta' metodoloġija, li joħorġu mit-twaqqif jew mill-implimentazzjoni tal-programmi tal-istatistika li jitqajmu mill-president tiegħu, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jew fuq it-talba ta' xi Stat Membru.

Artikolu 8

Koperazzjoni ma' korpi oħra

Il-Kumitat Ewropew Konsultattiv tal-Istatistika u l-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika għandhom ikunu kkonsultati skont il-kompetenza rispettiva tagħhom.

Artikolu 9

Koperazzjoni mal-ESCB

Sabiex jiġi minimizzat il-piż tar-rappurtar u tiġi garantita l-koerenza meħtieġa għall-produzzjoni tal-Istatistika Ewropea, l- ESS u l-ESCB għandhom jikkooperaw mill-qrib, filwaqt li jikkonformaw mal-prinċipji tal-istatistika kif stabbiliti fl-Artikolu 2(1).

Artikolu 10

Koperazzjoni internazzjonali

Mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni u l-irwol tal-Istati Membri individwali, il-pożizzjoni tal-ESS rigward kwistjonijiet ta' rilevanza partikolari għall-Istatistika Ewropea fuq livell internazzjonali kif ukoll arranġamenti speċifiċi għar-rappreżentazzjoni f'korpi internazzjonali tal-istatistika għandha tiġi preparata mill-Kumitat tal-ESS u tkun koordinata mill-Kummissjoni (Eurostat).

Artikolu 11

Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea

1.  
Il-Kodiċi ta' Prattika għandu jimmira li jiżgura l-fiduċja pubblika fl-Istatistika Ewropea billi jiġi stabbilit kif l-Istatistika Ewropea għandha tiġi żviluppata, prodotta u disseminata f'konformità mal-prinċipji tal-istatistika kif stabbiliti fl-Artikolu 2(1) u l-aqwa prattika internazzjonali tal-istatistika.
2.  
Il-Kodiċi ta' Prattika għandu jiġi rivedut u aġġornat kif meħtieġ mill-Kumitat tal-ESS. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-emendi tiegħu.

▼M1

3.  
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tinżamm il-fiduċja fl-istatistika Ewropea. Għal dan il-għan, “Impenji dwar il-Fiduċja fl-Istatistika” (l-Impenji) mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni għandu jkollhom l-għan ulterjuri li jiżguraw il-fiduċja pubblika fl-Istatistika Ewropea u l-progress fl-implimentazzjoni tal-prinċipji statistiċi li jinsabu fil-Kodiċi ta' Prattika. L-Impenji għandhom jinkludu impenji speċifiċi ta' politika biex itejbu jew iżommu, kif meħtieġ, il-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Prattika u għandhom jiġu ppubblikati b'sommarju għaċ-ċittadini.
4.  
L-Impenji mill-Istati Membri għandhom jiġu mmonitorjati b'mod regolari mill-Kummissjoni abbażi ta' rapporti annwali mibgħuta mill-Istati Membri u għandhom jiġu aġġornati kif meħtieġ.

Fin-nuqqas ta' pubblikazzjoni ta' Impenn sad-9 ta' Ġunju 2017, Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni u jippubblika rapport ta' progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Prattika u, fejn applikabbli, dwar l-isforzi li jkunu saru biex jiġi stabbilit Impenn. Dawk ir-rapporti ta' progress għandhom jiġu aġġornati perjodikament, mill-inqas kull sentejn wara l-pubblikazzjoni inizjali tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Impenji ppubblikati u, fejn xieraq, ir-rapporti ta' progress, sad-9 ta' Ġunju 2018 u kull sentejn wara dan.

5.  
L-impenn stabbilit mill-Kummissjoni għandu jiġi mmonitorjat b'mod regolari mill-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika (ESGAB). Il-valutazzjoni tal-ESGAB tal-implimentazzjoni ta' dan l-Impenn għandha tiġi inkluża fir-rapport annwali ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f'konformità mad-Deċiżjoni Nru 235/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ). L-ESGAB għandu jirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Impenn sad-9 ta' Ġunju 2018.

▼B

Artikolu 12

Kwalità tal-istatistika

1.  

Sabiex tiġi garantita l-kwalità tar-riżultati, l-istatistika Ewropea għandha tiġi żviluppata, prodotta u disseminata fuq il-bażi ta' standards uniformi u metodi armonizzati. F'dan ir-rigward, il-kriterji ta' kwalità li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) 

“ir-rilevanza” li tindika l-grad ta' kemm l-istatistika tilħaq il-ħtiġijiet attwali u potenzjali tal-utenti;

(b) 

“il-preċiżjoni” li tirreferi għal kemm l-estimi jqarrbu lejn il-valuri vera mhux magħrufa;

(c) 

“tempestività” li tirreferi għall-perijodu bejn id-disponibilità tat-tagħrif u l-avveniment jew il-fenomenu li dan jiddeskrivi;

(d) 

“il-puntwalità” li tirreferi għad-dewmien bejn id-data ta' rilaxx tad-data u d-data mmirata (id-data sa liema kellha tintbagħat id-data);

(e) 

“l-aċċessibbiltà” u “ċ-ċarezza” li jirreferu għall-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li bihom l-utenti jistgħu jiksbu, jużaw u jinterpretaw id-data;

(f) 

“il-kumparabilità” li tirreferi għall-kejl tal-impatt tad-differenzi fil-kunċetti tal-istatistika, għodod u proċeduri applikati meta l-istatistika titqabbel bejn iż-żoni ġeografiċi, dominji settorjali jew matul iż-żmien;

(g) 

“il-koerenza” li tirreferi għall-adegwatezza tad-data li tkun marbuta b'mod affidabbli b'modi differenti u għal użu varju.

▼M1

2.  
Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-kwalità, bħall-valuri fil-mira u l-istandards minimi għall-produzzjoni tal-istatistika, jistgħu wkoll jiġu stabbiliti fil-leġislazzjoni settorjali.

Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-kriterji ta' kwalità stabbiliti fil-paragrafu 1 għad-data koperta mil-leġislazzjoni settorjali f'oqsma speċifiċi tal-istatistika, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw il-modalitajiet, l-istruttura, u l-perjodiċità tar-rapporti tal-kwalità koperti mil-leġislazzjoni settorjali. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

3.  
L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'rapporti dwar il-kwalità tad-data trażmessa, inkluż kwalunkwe tħassib li jkollhom fir-rigward tal-preċiżjoni tad-data. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità tad-data trażmessa abbażi ta' analiżi xierqa, u għandha tħejji u tippubblika rapporti u komunikazzjonijiet dwar il-kwalità tal-istatistika Ewropea.

▼M1

4.  
Fl-interess tat-trasparenza, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha, fejn xieraq, tippubblika l-valutazzjoni tagħha tal-kwalità tal-kontributi nazzjonali għall-istatistika Ewropea.
5.  
Fejn il-leġislazzjoni settorjali tipprevedi multi għal każijiet fejn l-Istati Membri jippreżentaw b'mod żbaljat id-data statistika, il-Kummissjoni tista', f'konformità mat-Trattati u tali leġislazzjoni settorjali, tagħti bidu għal investigazzjonijiet u tmexxihom kif meħtieġ, inkluż, fejn xieraq, spezzjonijiet fuq il-post sabiex tistabbilixxi jekk tali rappreżentazzjoni żbaljata kinitx serja jew intenzjonata jew minħabba negliġenza gravi.

▼B

KAPITOLU III

PRODUZZJONI TAL-ISTATISTIKA EWROPEA

Artikolu 13

Programm Ewropew tal-Istatistika

▼M1

1.  
Il-programm statistiku Ewropew għandu jipprovdi il-qafas għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, filwaqt li jiddefinixxi l-oqsma ewlenin u l-miri tal-azzjonijiet previsti għal perjodu li jikkorrispondi għal dak tal-qafas finanzjarju pluriennali. Dan għandu jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. L-impatt u l-kosteffettività tiegħu għandhom jiġu vvalutati, bl-involviment ta' esperti indipendenti.

▼B

2.  
Il-Programm Ewropew tal-Istatistika għandu jistabbilixxi l-prijoritajiet rigward il-bżonnijiet ta' informazzjoni bl-iskop li jitwettqu l-attivitajiet tal-Komunità. Dawk il-bżonnijiet għandhom jiġu kkunsidrati skont ir-riżorsi meħtieġa fil-livell Komunitarju u nazzjonali biex tiġi provduta l-istatistika meħtieġa, kif ukoll skont il-piż tar-rappurtar u l-ispejjeż assoċjati għal min jipprovdi l-informazzjoni.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tintroduċi inizjattivi biex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet u biex jitnaqqas il-piż tar-rispons għall-Programm Ewropew tal-Istatistika kollu jew għal parti minnu.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-abbozz tal-Programm Ewropew tal-Istatistika lill-Kumitat tal-ESS biex dan jiġi eżaminat minn qabel.
5.  
Għal kull Programm Ewropew tal-Istatistika, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta l-Kumitat tal-ESS, tippreżenta rapport ta' progress intermedjarju u rapport finali evalwattiv u għandha tressaqhom quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Artikolu 14

Implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Istatistika

1.  

Il-Programm Ewropew tal-Istatistika għandu jiġi implimentat b'azzjonijiet individwali tal-istatistika li għandhom jiġu deċiżi:

(a) 

mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill;

(b) 

mill-Kummissjoni, f'każijiet speċifiċi u debitament ġustifikati, b'mod partikulari sabiex jiġu sodisfati ħtiġijiet mhux mistennija, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2; jew

(c) 

permezz ta' qbil bejn l-NSIs jew awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (Eurostat) fi ħdan l-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom. Tali qbil għandu jkun bil-miktub.

▼M1

2.  

Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tiddeċiedi dwar azzjoni statistika diretta temporanja sakemm:

(a) 

l-azzjoni ma tipprevedix il-ġbir ta' data li jkopri iktar minn tliet snin ta' referenza;

(b) 

id-data tkun diġà disponibbli jew aċċessibbli għand l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli, jew tista' tinkiseb direttament, bl-użu tal-kampjuni adatti għall-osservazzjoni tal-popolazzjoni statistika fil-livell tal-Unjoni bil-koordinazzjoni adegwata mal-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħrajn; u

(c) 

l-Unjoni tagħmel kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-NSIs u lil awtoritajiet nazzjonali oħra biex tkopri l-ispejjeż inkrementali li jkunu ġarrbu, f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ).

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

▼B

3.  

Fit-twettiq ta' azzjoni li għandha tiġi deċiża taħt il-paragrafu 1(a) jew (b), il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar:

(a) 

ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-azzjoni, l-aktar fid-dawl tal-għanijiet tal-politika Komunitarja kkonċernata;

(b) 

l-għanijiet għall-azzjoni u r-riżultati mistennija;

(c) 

analiżi tal-effettività meta mqabbla mal-ispejjeż, inkluża evalwazzjoni tal-piż fuq dawk li jipprovdu t-tweġibiet u tal-ispejjeż tal-produzzjoni; u

(d) 

il-modi permezz ta' liema għandha titwettaq l-azzjoni, inkluż id-dewmien tagħha u l-irwol tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri.

Artikolu 15

Networks kollaborattivi

Fl-azzjonijiet individwali tal-istatistika, għandhom jiġu żviluppati sinerġiji, fejn possibbli, fi ħdan l-ESS permezz ta' networks kollaborattivi, bl-iskambju ta' tagħrif espert u riżultati jew bit-trawwim ta' speċjalizzazzjoni f'ħidmiet speċifiċi. Għal dan il-għan, għandha tiġi żviluppata struttura finanzjarja adegwata.

Ir-riżultati ta' dawk l-azzjonijiet, bħal strutturi, għodda, proċessi u metodi konġunti, għandhom ikunu disponibbli fl-ESS kollha. L-inizjattivi għall-ħolqien ta' networks kollaborattivi kif ukoll ir-riżultati għandhom jiġu eżaminati mill-Kumitat tal-ESS.

Artikolu 16

Strateġija Ewropea għall-Istatistika

1.  

F'każijiet speċifiċi u debitament ġustifikati u fil-qafas tal-Programm Ewropew tal-Istatistika, l-Istrateġija Ewropea għall-Istatistika għandha l-għan li:

(a) 

timmassimizza d-disponibbiltà tal-aggregati tal-istatistika fil-livell Ewropew u t-titjib fil-produzzjoni fil-ħin tal-Istatistika Ewropea;

(b) 

tnaqqas il-piż fuq dawk li jipprovdu t-tweġibiet, l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali abbażi ta' analiżi tal-effettivita' meta mqabbla mal-ispejjeż.

2.  

Il-każijiet fejn l-Istrateġija Ewropea għall-Istatistika hija rilevanti jinkludu:

(a) 

il-produzzjoni ta' Statistika Ewropea permezz tal-użu ta':

(i) 

kontribuzzjonijiet nazzjonali mhux ippubblikati jew kontribuzzjonijiet nazzjonali minn grupp ta' Stati Membri;

(ii) 

skemi ta' stħarriġ imfassla b'mod speċifiku;

(iii) 

informazzjoni parzjali permezz ta' tekniki ta' mudellar;

(b) 

id-disseminazzjoni ta' aggregati tal-istatistika fil-livell Ewropew billi jiġu applikati tekniki speċifiċi ta' kontroll tal-iżvelar tal-istatistika mingħajr ma jiġu affettwati d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-disseminazzjoni.

3.  
Il-miżuri biex tiġi implimentata l-Istrateġija Ewropea għall-Istatistika għandhom jitwettqu bl-involviment sħiħ tal-Istati Membri. Il-miżuri għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għall-Istatistika għandhom jiġu stabbiliti fl-azzjonijiet individwali tal-istatistika msemmija fl-Artikolu 14(1).
4.  
Jekk ikun neċessarju, għandha tiġi stabbilita politika koordinata dwar ir-rilaxx u r-reviżjoni f'koperazzjoni mal-Istati Membri.

▼M2

Artikolu 16a

Rispons statistiku għal ħtiġijiet ta’ politika urġenti f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi

1.  

Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha teżamina is-sitwazzjonijiet ta’ kriżi u tista’ twettaq azzjonijiet tal-istatistika urġenti kif xieraq, soġġetti għall-proċeduri stabbiliti f’dan l-Artikolu, fejn jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

huwa strettament meħtieġ li jkun hemm rispons għal ħtiġijiet ta’ politika urġenti li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ta’ kriżi kkonċernata wara l-attivazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ emerġenza stabbiliti f’konformità mal-atti legali tal-Unjoni, bħad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1993 ( 3 ) jew atti legali ta’ emerġenza oħra tal-Unjoni;

(b) 

dawk il-ħtiġijiet ta’ politika urġenti ma jistgħux jiġu ssodisfati fl-ambitu tal-Programm Ewropew tal-Istatistika.

2.  

L-azzjonijiet tal-istatistika urġenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni (Eurostat) fil-livell tal-Unjoni b’kooperazzjoni mill-qrib mal-NSIs u ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra, u jistgħu jinkludu:

(a) 

il-produzzjoni ta’ statistika Ewropea abbażi ta’ sorsi ġodda tad-data jew ġbir tad-data, filwaqt li jitqies il-piż fuq dawk li jipprovdu t-tweġibiet u l-effettività tan-nefqa għall-Istati Membri;

(b) 

l-għoti ta’ indikaturi u informazzjoni intuwittiva tal-istatistika ġodda abbażi ta’ data eżistenti;

(c) 

l-iżvilupp ta’ linji gwida metodoloġiċi biex jiġi żgurat li l-istatistika tkun komparabbli u konsistenti fl-Istati Membri kollha affettwati mis-sitwazzjoni ta’ kriżi;

(d) 

azzjoni kkoordinata oħra fil-livell tal-Unjoni li jkollha l-għan li tipprovdi rispons statistiku f’waqtu u rilevanti għas-sitwazzjoni speċifika.

3.  
Meta tivvaluta l-ħtieġa għal azzjonijiet tal-istatistika urġenti msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha fil-pront tinforma u tikkonsulta lill-Kumitat tal-ESS u tqis b’mod debitu l-gwida professjonali tiegħu. Azzjonijiet tal-istatistika urġenti li jridu jittieħdu huma soġġetti għal eżami minn qabel mill-Kumitat tal-ESS. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipprovdi lill-Kumitat tal-ESS b’informazzjoni dettaljata dwar l-azzjonijiet li jridu jittieħdu, il-ġustifikazzjoni għalihom fuq il-bażi tal-effettività tan-nefqa, il-mezzi u ż-żmien sabiex jinkisbu, il-valutazzjoni tal-piż tar-rispons fuq dawk li jwieġbu għall-istħarriġ u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni biex tkopri l-ispejjeż inkrementali mġarrba mill-NSIs u minn awtoritajiet nazzjonali oħra.
4.  
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, separatament u fuq bażi volontarja, li jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-istatistika urġenti msemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-azzjonijiet tal-istatistika urġenti għandhom ikunu rilevanti u għandhom ikopru l-ħtiġijiet ta’ politika urġenti li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ta’ kriżi fl-Unjoni. Meta jipparteċipaw f’azzjonijiet tal-istatistika urġenti, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti komuni maqbula tal-perjodu taż-żmien, tal-frekwenza u tal-kwalità għad-data nazzjonali li trid tiġi pprovduta lill-Kummissjoni (Eurostat).
5.  
Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tispeċifika l-azzjonijiet tal-istatistika urġenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u tistabbilixxi l-proċedura għat-twettiq tagħhom, inklużi r-rekwiżiti rilevanti tal-perjodu taż-żmien, tal-frekwenza u tal-kwalità li jridu jiġu applikati mill-Istati Membri li jipparteċipaw b’mod volontarju fl-azzjoni tal-istatistika urġenti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

Mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-awtorità baġitarja, għandha ssir disponibbli kontribuzzjoni finanzjarja mill-Programm tas-Suq Uniku stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ) u f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ) għall-NSIs u għal awtoritajiet nazzjonali oħra msemmija fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-Regolament biex tkopri l-ispejjeż inkrementali mġarrba mill-implimentazzjoni ta’ tali azzjonijiet tal-istatistika urġenti. Barra minn hekk, dawk l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra jistgħu japplikaw għal appoġġ minn programmi finanzjarji applikabbli oħra tal-Unjoni f’konformità mar-regoli ta’ tali programmi. L-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll għall-appoġġ mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ). L-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja fl-ambitu ta’ dan is-subparagrafu għandu jiġi stabbilit f’konformità mar-regoli tal-programm ta’ finanzjament rilevanti, soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament, b’mod partikolari f’konformità mar-regoli tal-Programm Ewropew tal-Istatistika.

6.  
L-atti ta’ implimentazzjoni adottati fl-ambitu tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom jibqgħu fis-seħħ għal perjodu mhux itwal mid-dewmien tas-sitwazzjoni ta’ kriżi kkonċernata, u fi kwalunkwe każ mhux itwal minn 12-il xahar. F’każijiet debitament ġustifikati, dak il-perjodu jista’ jiġi estiż permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni għal perjodu addizzjonali ta’ 12-il xahar. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

▼M1

Artikolu 17

Programm annwali ta' ħidma

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kumitat ESS il-programm annwali ta' ħidma tagħha għas-sena ta' wara sat-30 ta' April.

Fit-tħejjija ta' kull programm annwali ta' ħidma, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu stabbiliti prijoritajiet effettivi inkluż ir-rieżami, ir-rappurtar dwar il-prijoritajiet statistiċi u l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kemm tistal-kummenti tal-Kumitat ESS. Kull programm annwali ta' ħidma għandu jkun ibbażat fuq il-Programm Ewropew tal-Istatistika u għandu jindika, b'mod partikolari:

(a) 

l-azzjonijiet li l-Kummissjoni tikkunsidra li għandhom prijorità, b'kont meħud tal-ħtiġijiet tal-politika tal-Unjoni, ir-restrizzjonijiet finanzjarji nazzjonali u dawk tal-Unjoni u l-piż tar-rispons;

(b) 

l-inizjattivi li jirrigwardaw ir-rieżami tal-prijoritajiet, inklużi l-prijoritajiet negattivi, u t-tnaqqis tal-piż kemm fuq il-fornituri tad-data kif ukoll fuq il-produtturi tal-istatistika; u

(c) 

il-proċeduri u kull strument legali previst mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-programm annwali ta' ħidma.

▼M2

Artikolu 17a

Aċċess għal u użu u integrazzjoni ta’ data amministrattiva għall-iżvilupp, għall-produzzjoni u għad-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea

1.  
Il-korpi pubbliċi u semipubbliċi nazzjonali fl-ambitu tal-liġi nazzjonali responsabbli mis-sorsi tad-data amministrattiva, mill-bażijiet tad-data amministrattivi, mis-sistemi tal-interoperabbiltà amministrattivi jew minn data amministrattiva rilevanti u meħtieġa għall-iżvilupp, għall-produzzjoni u għad-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea għandhom jippermettu lill-NSIs u lil awtoritajiet nazzjonali oħra jaċċessaw, jużaw u jintegraw, mingħajr ħlas, dik id-data u l-metadata rilevanti, f’waqtha u bi frekwenza suffiċjenti u l-granularità għall-fini tal-iżvilupp, tal-produzzjoni u tad-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea.
2.  
L-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jiġu kkonsultati rigward it-tfassil inizjali, l-iżvilupp sussegwenti u d-diskontinwazzjoni tas-sorsi tad-data amministrattiva, ta’ bażijiet tad-data amministrattivi jew ta’ sistemi tal-interoperabbiltà amminstrattivi maħluqa u miżmuma minn korpi oħra, u li jkunu involuti fihom, biex b’hekk jiġi ffaċilitat l-użu ulterjuri ta’ dawk is-sorsi tad-data, il-bażijiet tad-data jew is-sistemi tal-interoperabbiltà għall-fini tal-produzzjoni tal-istatistika Ewropea. Dawn għandhom jiġu involuti wkoll fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni rigward is-sorsi tad-data amministrattiva, il-bażijiet tad-data amministrattivi jew is-sistemi tal-interoperabbiltà amministrattivi li jkunu rilevanti għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea.
2a.  
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tkun permessa, fuq talba, taċċessa, tuża u tintegra b’mod f’waqtu d-data u l-metadata rilevanti minn bażijiet tad-data u sistemi tal-interoperabbiltà miżmuma mill-korpi u mill-aġenziji tal-Unjoni, u mingħajr preġudizzju għall-atti tal-Unjoni li jistabbilixxu dawk il-bażijiet tad-data u s-sistemi tal-interoperabbiltà, inkluż ir-repożitorju ċentrali għar-rappurtar u għall-istatistika (CRRS) stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ). Għal dak il-għan, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tikkoopera mal-korpi u mal-aġenziji rilevanti tal-Unjoni biex tispeċifika d-data u l-metadata mfassla apposta meħtieġa, l-arranġamenti operazzjonali għall-użu tad-data u s-salvagwardji fiżiċi u loġiċi meħtieġa. Meta d-data u l-metadata meħtieġa għall-istatistika Ewropea jkunu disponibbli biss fil-bażijiet tad-data u fis-sistemi tal-interoperabbiltà miżmuma mill-korpi u mill-aġenziji tal-Unjoni, il-Kummissjoni (Eurostat) tista’, fuq talba, tikkondividi dik id-data mal-NSIs rilevanti jew ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli għall-iżvilupp, għall-produzzjoni u għad-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, mingħajr preġudizzju għall-atti tal-Unjoni li jistabbilixxu dawk il-bażijiet tad-data u s-sistemi tal-interoperabbiltà.
3.  
L-aċċess mill-NSIs, minn awtoritajiet nazzjonali oħra u mill-Kummissjoni (Eurostat), u l-involviment tagħhom, skont il-paragrafi 1, 2 u 2a għandhom ikunu limitati għas-sorsi tad-data amministrattiva, għall-bażijiet tad-data amministrattivi jew għas-sistemi tal-interoperabbiltà amministrattiva fis-sistema amministrattiva pubblika rispettiva tagħhom stess.
4.  
Sorsi tad-data amministrattiva, bażijiet tad-data amministrattivi jew sistemi tal-interoperabbiltà amministrattivi li s-sidien tagħhom ikunu għamluhom disponibbli għall-NSIs, għal awtoritajiet nazzjonali oħra u għall-Kummissjoni (Eurostat) sabiex jintużaw għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea għandhom ikunu akkumpanjati minn metadata rilevanti.
5.  
L-NSIs, awtoritajiet nazzjonali u korpi oħra msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni meħtieġa f’konformità mal-ispeċifiċitajiet nazzjonali. Dawk il-mekkaniżmi għandhom jipprovdu wkoll il-possibbiltà li l-NSIs iwettqu kontrolli tal-kwalità tad-data u jibnu oqfsa ta’ statistika bbażati fuq id-data amministrattiva rilevanti li tkun ġiet aċċessata.

▼M2

Artikolu 17b

Obbligu tad-detenturi privati ta’ data li jagħmlu d-data disponibbli għall-iżvilupp, għall-produzzjoni u għad-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ rappurtar, ġbir tad-data jew kwalunkwe aċċess għad-data stabbiliti fil-leġiżlazzjoni statistika settorjali tal-Unjoni jew għall-obbligu tad-detenturi tad-data li jagħmlu disponibbli d-data abbażi ta’ ħtieġa eċċezzjonali f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/2854 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ), NSI jew il-Kummissjoni (Eurostat) jistgħu jitolbu lil detentur privat ta’ data jagħmel disponibbli d-data u l-metadata rilevanti mingħajr ħlas meta d-data mitluba tkun strettament meħtieġa għall-iżvilupp, għall-produzzjoni u għad-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea u ma tistax tinkiseb b’mezzi oħra jew l-użu mill-ġdid tagħha se jirriżulta fi tnaqqis konsiderevoli fil-piż tar-rispons fuq id-detenturi tad-data u fuq negozji oħra. Tali ġbir tad-data jew aċċess għad-data jistgħu jiġu inklużi mill-Kummissjoni fil-programm ta’ ħidma annwali.
2.  
Bħala koordinatur tas-sistema nazzjonali tal-istatistika, NSI jista’ jissottometti talba għal data lil detentur privat ta’ data f’isem kwalunkwe awtorità nazzjonali oħra, meta d-data mitluba tkun meħtieġa għall-istatistika Ewropea żviluppata, prodotta u disseminata minn dik l-awtorità nazzjonali l-oħra. L-NSI u l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra ta’ Stat Membru għandhom jikkooperaw sabiex jiġi evitat piż eċċessiv fuq id-detenturi privati ta’ data.
3.  
L-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jikkooperaw u jassistu lil xulxin sabiex jiġi evitat piż eċċessiv fuq id-detenturi privati ta’ data u biex jiġi ddeterminat min għandu jissottometti talbiet għad-data. B’mod partikolari, it-talba għad-data għandha tiġi sottomessa lil detentur privat ta’ data mill-NSI sakemm il-Kummissjoni (Eurostat) u l-NSIs ikkonċernati ma jaqblux li t-talba mill-Kummissjoni (Eurostat) tkun aktar effiċjenti, pereżempju fil-każ tad-detenturi privati ta’ data li joperaw fuq l-iskala tal-Unjoni kollha.
4.  
Il-Kummissjoni (Eurostat) tista’, bi qbil mal-NSIs, tistabbilixxi infrastruttura sigura, biex tintuża fuq bażi volontarja, biex tiffaċilita l-kondiviżjoni ulterjuri mal-NSIs u mal-awtoritajiet nazzjonali l-oħra tad-data li tkun ġiet aċċessata f’konformità mal-paragrafu 3.

L-infrastruttura sigura msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun ibbażata fuq teknoloġiji li huma mfassla speċifikament biex jikkonformaw mar-Regolamenti (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ) u (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ).

5.  
Meta d-data mitluba minn NSI fl-ambitu tal-paragrafu 1 tkun tirrikjedi servizz ta’ pproċessar speċifiku, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu kumpens lid-detentur privat ta’ data għal dak is-servizz tal-ipproċessar speċifiku, ħlief meta l-liġi nazzjonali tipprevjeni lill-NSI jew lil awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli għall-produzzjoni tal-istatistika milli jikkumpensaw lid-detenturi tad-data. Meta d-data tintalab mill-Kummissjoni (Eurostat) għal raġunijiet ta’ effiċjenza skont il-paragrafu 3, u jkun meħtieġ servizz tal-ipproċessar speċifiku, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipproponi kumpens raġonevoli lid-detentur privat ta’ data għal dak is-servizz tal-ipproċessar speċifiku.
6.  
Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal mikrointrapriżi jew intrapriżi żgħar kif definit fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE ( 11 ), ħlief f’każijiet debitament ġustifikati fejn id-data miżmuma minn tali mikrointrapriżi jew intrapriżi żgħar tkun ta’ interess speċifiku għall-istatistika uffiċjali minħabba n-natura u l-volum ta’ dik id-data fil-livell nazzjonali.

Artikolu 17c

Talbiet għal data u arranġamenti biex id-data ssir disponibbli għall-iżvilupp, għall-produzzjoni u għad-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea

1.  

Meta jitolbu data f’konformità mal-Artikolu 17b, l-NSIs jew il-Kummissjoni (Eurostat) għandhom:

(a) 

jispeċifikaw liema data u metadata hija meħtieġa;

(b) 

jispeċifikaw il-ħtieġa statistika li għaliha tintalab id-data f’konformità mal-Artikolu 17b(1);

(c) 

jispeċifikaw il-frekwenza li biha d-data għandha ssir disponibbli u l-iskadenzi għal dan;

(d) 

jispeċifikaw l-arranġamenti operazzjonali biex id-data ssir disponibbli.

2.  
It-talbiet għad-data kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom isegwu l-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data u jkunu proporzjonati għall-ħtieġa tal-istatistika f’termini tal-livell ta’ dettall u tal-volum tad-data u l-frekwenza li biha d-data trid issir disponibbli. Tali talbiet għandhom jikkonċernaw fil-prinċipju data mhux personali u, f’ċirkostanzi speċifiċi biss, data personali minn kategoriji ta’ data personali speċifikati fil-leġiżlazzjoni settorjali.
3.  
Wara talba għad-data kif imsemmija fil-paragrafu 1, għandu jsir djalogu bejn l-NSI, l-awtorità nazzjonali l-oħra jew il-Kummissjoni (Eurostat) u d-detentur privat ta’ data kkonċernat biex jiġu diskussi u jintlaħaq qbil dwar il-miżuri meħtieġa biex id-data ssir disponibbli għall-iżvilupp, għall-produzzjoni u għad-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, bl-għan li jiġi konkluż ftehim dwar dawk l-aspetti.
4.  

Jekk ma jiġi konkluż ftehim kif imsemmi fil-paragrafu 3 fi żmien tliet xhur wara n-notifika tat-talba għad-data msemmija fil-paragrafu 1 jew jekk il-ftehim ma jkunx ġie ssodisfat mid-detentur privat ta’ data:

(a) 

meta l-NSI jkun talab id-data, huwa jista’ joħroġ it-tieni talba lid-detentur privat ta’ data biex jagħmel id-data disponibbli fi żmien skadenza speċifika u d-detentur privat ta’ data għandu mbagħad jagħmel id-data rilevanti disponibbli sa dik l-iskadenza;

(b) 

meta l-Kummissjoni (Eurostat) tkun talbet id-data, tista’ tadotta deċiżjoni biex tirrikjedi li d-detentur privat ta’ data jagħmel id-data disponibbli f’perjodu mhux iqsar minn 15-il jum kalendarju u d-detentur privat ta’ data għandu mbagħad jagħmel id-data rilevanti disponibbli għall-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien l-iskadenza speċifikata.

Il-paragrafu 1 għandu japplika għal deċiżjoni kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Tali deċiżjoni għandha tqis il-kwistjonijiet li dwarhom setgħu kkonverġew il-fehmiet matul id-djalogu mad-detentur privat ta’ data. Għandha tindika wkoll l-iskadenza għad-detentur privat ta’ data biex jissottometti t-tweġiba tiegħu, l-iskadenza għad-detentur privat ta’ data biex jagħmel id-data disponibbli, il-multi previsti fl-ambitu tal-paragrafu 6 li jistgħu jiġu applikati jekk id-data ma tiġix ipprovduta fil-ħin, u l-mezzi ta’ rimedju kontra d-deċiżjoni.

5.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw l-infurzar effettiv tat-talbiet imsemmija fil-paragrafu 4, il-punt (a).
6.  
Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura l-infurzar effettiv tad-deċiżjonijiet adottati f’konformità mal-paragrafu 4, il-punt (b). Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu l-adozzjoni ta’ multi meta d-detentur privat ta’ data jonqos intenzjonalment jew b’negliġenza milli jipprovdi d-data mitluba b’deċiżjoni kif imsemmi fil-paragrafu 4, il-punt (b), fi żmien l-iskadenza jew jipprovdi data mhux korretta, mhux kompluta jew qarrieqa. Fl-iffissar tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni għandha tqis in-natura, il-gravità, id-dewmien u r-rikorrenza tal-ksur.
7.  
Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjonijiet li jimponu multi fi żmien sena wara l-iskadenza għas-sottomissjoni tad-data stabbilita fid-deċiżjoni tagħha fl-ambitu tal-paragrafu 4, il-punt (b), meta d-detentur privat ta’ data jonqos milli jissottometti kwalunkwe data jew fi żmien sena mis-sottomissjoni ta’ data mhux korretta, mhux kompluta jew qarrieqa. Il-multi jistgħu jkunu sa EUR 25 000 u, f’każ ta’ rikorrenza fi żmien tliet snin, sa EUR 50 000 . Is-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza deċiżjonijiet li jimponu multa għandha tkun soġġetta għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin mid-data li fiha d-deċiżjoni ssir finali. Qabel ma tadotta deċiżjoni skont il-paragrafu 6, il-Kummissjoni għandha tagħti lid-detentur privat ta’ data l-opportunità li jinstema’ rigward is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni u l-miżuri li l-Kummissjoni tista’ tieħu abbażi ta’ dawk is-sejbiet preliminari.

Artikolu 17d

Rieżami tad-deċiżjonijiet li jimponu multi mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

F’konformità mal-Artikolu 261 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni bla limitu biex tirrieżamina d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tkun imponiet il-multi. Hija tista’ tikkanċella, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta.

Artikolu 17e

Obbligi tal-NSIs, ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra u tal-Kummissjoni (Eurostat) fl-użu tad-data li d-detenturi privat ta’ data jkunu għamlu disponibbli għall-iżvilupp, għall-produzzjoni u għad-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea

1.  

L-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jużaw id-data li tkun saret disponibbli f’konformità mal-Artikolu 17b għall-iżvilupp, għall-produzzjoni u għad-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea:

(a) 

esklużivament għal finijiet ta’ statistika;

(b) 

f’konformità mal-prinċipji tal-istatistika stabbiliti fl-Artikolu 2(1); u

(c) 

f’konformità mal-obbligu li d-data ma tiġix kondiviża barra mill-ESS sakemm id-detentur privat ta’ data ma jkunx qabel li jikkondividi dik id-data.

2.  
L-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jistabbilixxu salvagwardji xierqa relatati mal-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet ta’ statistika f’konformità mal-Artikolu 89 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju li d-data trid tiġi psewdonimizzata.
3.  

L-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom:

(a) 

jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-istatistika u s-sigrieti kummerċjali;

(b) 

jimplimentaw, sa fejn ikun meħtieġ l-ipproċessar tad-data personali, miżuri tekniċi u organizzattivi li jissalvagwardjaw id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data.

4.  
Il-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal kwalunkwe awtorità nazzjonali oħra li tkun irċeviet data wara talba sottomessa f’isimha minn NSI f’konformità mal-Artikolu 17b(2).

Artikolu 17f

Kondiviżjoni tad-data mhux kunfidenzjali fl-ESS u bejn l-ESS u l-ESCB

1.  
Id-data mhux kunfidenzjali għandha tiġi kondiviża, jekk tkun meħtieġa u jekk tkun disponibbli f’forma aggregata, fuq talba bejn l-NSIs, fuq l-inizjattiva tagħhom stess jew f’isem kwalunkwe awtorità nazzjonali oħra, u bejn l-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) esklużivament għal finijiet ta’ statistika u għat-titjib tal-kwalità tal-istatistika Ewropea.
2.  
Il-kondiviżjoni tad-data mhux kunfidenzjali, inkluża data li d-detenturi privat ta’ data jagħmlu disponibbli, għandha sseħħ bejn l-ESS u membru tal-ESCB fuq talba, jekk tkun meħtieġa u jekk tkun disponibbli f’forma aggregata, f’oqsma ta’ responsabbiltà kondiviża jew ta’ interess komuni u meta d-data tintuża esklużivament għal finijiet ta’ statistika u għat-titjib tal-kwalità tal-istatistika Ewropea żviluppata u prodotta minn dak il-membru tal-ESCB.
3.  
Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tistabbilixxi infrastruttura sigura biex tiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data fl-ambitu ta’ dan l-Artikolu, u l-NSIs, u meta jkun rilevanti l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra, jew membri tal-ESCB, jistgħu jużaw dik l-infrastruttura sigura għall-kondiviżjoni tad-data fuq bażi volontarja.
4.  
Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-aspetti tekniċi tal-kondiviżjoni tad-data bejn l-awtoritajiet tal-istatistika msemmija f’dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

KAPITOLU IIIa

ŻVILUPP TAL-ISTATISTIKA EWROPEA

Artikolu 17g

Statistika li tkun qed tiġi żviluppata

1.  
L-NSIs, l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jagħmlu ħilithom biex jinnovaw u jiżviluppaw kontinwament outputs u informazzjoni intuwittiva tal-istatistika ġodda abbażi tas-sorsi tad-data kollha disponibbli u biex jużaw teknoloġiji tal-ogħla livell, bl-għan li jintegrawhom fil-produzzjoni regolari tal-istatistika Ewropea. Għal dak il-fini, il-Kummissjoni (Eurostat) tista’ tibda, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat tal-ESS, l-iżvilupp ta’ outputs u informazzjoni intuwittiva tal-istatistika ġodda fl-ESS kollha. Dawk l-outputs u l-informazzjoni intuwittiva tal-istatistika jistgħu jiġu inklużi fil-programm ta’ ħidma annwali u implimentati permezz tal-azzjonijiet individwali tal-istatistika msemmija fl-Artikolu 14(1).
2.  
L-istatistika li tkun qed tiġi żviluppata ma għandhiex tkun meħtieġa tissodisfa l-kriterji kollha tal-kwalità stabbiliti fl-Artikolu 12(1).
3.  
Il-Kummissjoni (Eurostat) tista’ tiddissemina l-istatistika Ewropea li tkun qed tiġi żviluppata bil-qbil tal-NSIs jew ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra u għandha tindika b’mod espliċitu li dik l-istatistika hija statistika li tkun qed tiġi żviluppata. L-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra jistgħu wkoll jiddisseminaw l-istatistika Ewropea li tkun qed tiġi żviluppata prodotta minnhom.

▼B

KAPITOLU IV

DISSEMINAZZJONI TAL-ISTATISTIKA EWROPEA

Artikolu 18

Miżuri ta' disseminazzjoni

1.  
Id-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea għandha ssir f'konformità sħiħa mal-prinċipji tal-Istatistika, kif stabbiliti fl-Artikolu 2(1), partikolarment fir-rigward tal-ħarsien tal-kunfidenzjalità tal-istatistika u l-iżgurar ta' aċċess ugwali kif meħtieġ skont il-prinċipju tal-imparzjalità.
2.  
Id-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea għandha ssir mill-Kummissjoni (Eurostat), l-NSIs u l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra, fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom.
3.  
L-Istati Membri u l-Kummissjoni, fl-ambitu tal-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom, għandhom jipprovdu l-appoġġ neċessarju biex jiżguraw il-kwalità tal-aċċess tal-Istatistika Ewropea għall-utenti kollha.

▼M2

4.  
Il-Kummissjoni (Eurostat) tista’ tiddissemina l-istatistika Ewropea diġà ppubblikata fil-livell nazzjonali mill-Istati Membri qabel l-iskadenzi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti, dment li tali statistika tkun tikkonforma mad-definizzjonijiet u mal-klassifikazzjoni rilevanti.

▼B

Artikolu 19

Fajls għall-użu pubbliku

Data dwar unitajiet individwali tal-istatistika tista' tiġi disseminata fil-forma ta' fajls għall-użu pubbliku li jikkonsisti f'rekords anonimizzati li ġew preparati b'tali mod li l-unità tal-istatistika ma tistax jiġi identifikat, direttament jew indirettament, meta jittieħed kont tal-mezzi kollha relevanti li jistgħu jintużaw b'mod raġonevoli minn terza persuna.

Jekk id-data tkun ġiet trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat) l-approvazzjoni espliċita tal-NSIs jew awtorità nazzjonali oħra li tkun ipprovdiet id-data hija meħtieġa.

KAPITOLU V

KUNFIDENZJALITÀ TAL-ISTATISTIKA

Artikolu 20

Ħarsien tad-data kunfidenzjali

1.  
Ir-regoli u l-miżuri li ġejjin għandhom japplikaw biex jiġi żgurat li d-data kunfidenzjali tkun użata esklussivament għal għanijiet ta' statistika u għall-prevenzjoni ta' żvelar illegali.
2.  
Id-data kunfidenzjali miksuba esklussivament għall-produzzjoni tal-Istatistika Ewropea għandha tintuża mill-NSIs jew awtoritajiet nazzjonali oħra u mill-Kummissjoni (Eurostat) esklussivament għal għanijiet ta' statistika sakemm l-unità tal-istatistika ma tkunx tat il-kunsens mhux ambigwu tagħha għall-użu għal kull għan ieħor.
3.  

Ir-riżultati tal-istatistika li jistgħu jagħmluha possibbli li tiġi identifikata l-unità tad-data tal-istatistika jistgħu jiġu disseminati mill-NSIs jew awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (l-Eurostat) fil-każijiet eċċezzjonali li ġejjin:

(a) 

meta jiġu determinati modalitajiet u kundizzjonijiet speċifiċi permezz ta' att tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-Artikolu 251 tat-Trattat u mar-riżultati tal-istatistika jiġu emendati b'tali mod li d-disseminazzjoni tagħhom ma jippreġudikax il-kunfidenzjalità tal-istatistika kull meta l-unità tad-data tal-istatistika titlob dan; jew

(b) 

meta l-unità tal-istatistika tkun qablet b'mod ċar mal-iżvelar tad-data.

4.  

Fl-ambitu tal-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom, l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (l-Eurostat) għandhom jieħdu l-miżuri kollha regolatorji, amministrattivi, tekniċi u organizzattivi neċessarji biex jiżguraw il-ħarsien fiżiku u loġiku tad-data kunfidenzjali (Kontroll tal-Iżvelar tal-Istatistika).

▼M1

L-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw l-allinjament tal-prinċipji u l-linji gwida fir-rigward tal-protezzjoni fiżika u loġika ta' data kunfidenzjali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm tali allinjament permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, mingħajr ma jiġi supplementat dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

▼B

5.  
Uffiċjali u persunal ieħor tal-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra li jkollhom aċċess għad-data kunfidenzjali għandhom ikunu soġġetti għall-konformità ma' kunfidenzjalità simili, anke wara li jtemmu l-funzjoni tagħhom.

Artikolu 21

Trażmissjoni ta' data kunfidenzjali

▼M2

1.  
It-trażmissjoni ta’ data kunfidenzjali minn awtorità tal-ESS, kif imsemmi fl-Artikolu 4, li tkun ġabret id-data għal awtorità oħra tal-ESS għandha tkun permessa, dment li din it-trażmissjoni tkun meħtieġa għall-iżvilupp, għall-produzzjoni u għad-disseminazzjoni effiċjenti tal-istatistika Ewropea jew sabiex tiżdied il-kwalità tal-istatistika Ewropea. Jekk id-data tkun ġiet trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat), l-approvazzjoni tal-NSIs jew ta’ awtorità nazzjonali oħra li tkun ipprovdiet id-data hija meħtieġa.
2.  
It-trażmissjoni ta’ data kunfidenzjali bejn awtorità tal-ESS li tkun ġabret id-data u membru tal-ESCB għandha tkun permessa, dment li t-trażmissjoni tkun meħtieġa għall-iżvilupp, għall-produzzjoni u għad-disseminazzjoni effiċjenti tal-istatistika Ewropea jew sabiex tiżdied il-kwalità tal-istatistika Ewropea, fi ħdan l-isferi ta’ kompetenza rispettivi tal-ESS u tal-ESCB, u sakemm dik il-ħtieġa tkun ġiet iġġustifikata. Jekk id-data tkun ġiet trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat), l-approvazzjoni tal-NSI jew ta’ awtorità nazzjonali oħra li tkun ipprovdiet id-data hija meħtieġa.

▼B

3.  
Kull trażmissjoni oħra wara l-ewwel trażmissjoni għandha tirrikjedi l-awtorizzazzjoni espliċita tal-awtorità li ġabret id-data.
4.  
Ir-regoli nazzjonali dwar kunfidenzjalità statistika ma għandhomx jiġu invokati biex jipprevjenu t-trażmissjoni ta' data kunfidenzjali skont il-paragrafi 1 u 1a fejn att tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, waqt li jaġixxu b'konformità mal-Artikolu 251 tat-Trattat jipprovdi għat-trażmissjoni ta' dik id-data.
5.  
Id-data kunfidenzjali trażmessa konformement ma' dan l-Artikolu, għandha tintuża biss għal għanijiet ta' statistika u tkun aċċessibbli biss għall-persunal li jaħdem f'attivitajiet tal-istatistika fil-qasam tax-xogħol speċifiku tagħhom.
6.  
Id-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità tal-istatistika previsti f'dan ir-Regolament għandhom japplikaw għad-data kollha kunfidenzjali trażmessa fi ħdan l-ESS u bejn l-ESS u l-ESCB.

Artikolu 22

Ħarsien ta' data kunfidenzjali fil-Kummissjoni (Eurostat)

1.  
Id-data kunfidenzjali għandha tkun aċċessibbli, bl-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, biss għal uffiċjali tal-Kummissjoni (Eurostat) fil-qasam tax-xogħol speċifiku tagħhom.
2.  
F'każijiet eċċezzjonali l-Kummissjoni (Eurostat) tista' tagħti aċċess għad-data kunfidenzjali lill-persunal l-ieħor tagħha jew lil persuni naturali oħra li jaħdmu għall-Kummissjoni (Eurostat) b'kuntratt fil-qasam tax-xogħol speċifiku tagħhom.
3.  
Persuni li għandhom aċċess għad-data kunfidenzjali għandhom jużaw dawn id-data esklussivament għal għanijiet tal-istatistika. Għandhom ikunu soġġetti għal din ir-restrizzjoni anke wara li jtemmu l-funzjonijiet tagħhom.

▼M2

Artikolu 23

Aċċess għal data kunfidenzjali għal finijiet ta’ riċerka

L-aċċess għal data kunfidenzjali, inkluża data li d-detenturi privati ta’ data jkunu għamlu disponibbli, li jippermettu biss l-identifikazzjoni indiretta tal-unitajiet tal-istatistika, jista’ jingħata lil riċerkaturi li jkunu qed iwettqu l-analiżijiet tal-istatistika għal finijiet xjentifiċi mill-Kummissjoni (Eurostat) jew mill-NSIs jew awtoritajiet nazzjonali oħra, fi ħdan l-isferi ta’ kompetenza rispettivi tagħhom. Jekk id-data tkun ġiet trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat), l-approvazzjoni tal-NSIs jew ta’ awtorità nazzjonali oħra li tkun ipprovdiet id-data hija meħtieġa.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, l-arranġamenti, ir-regoli u l-kundizzjonijiet għall-aċċess fil-livell tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-finijiet ta’ riċerka għandhom ikopru attivitajiet tar-riċerka bħall-iżvilupp u d-dimostrazzjoni teknoloġiċi, ir-riċerka fundamentali u r-riċerka applikata.

▼M1 —————

▼M2

Artikolu 25

Data disponibbli għall-pubbliku

Data li tkun legalment disponibbli għall-pubbliku li tibqa’ disponibbli għall-pubbliku skont il-liġi nazzjonali jew dik tal-Unjoni ma għandhiex titqies kunfidenzjali meta tintuża għal finijiet ta’ statistika jew għad-disseminazzjoni tal-istatistika miksuba minn tali data. Tali data għandha tinkludi b’mod partikolari data dwar attributi ewlenin ta’ kumpaniji individwali kif elenkati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/138 ( 12 ).

▼M1

Artikolu 26

Ksur tal-kunfidenzjalità tal-istatistika

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jipprevjenu u jippenalizzaw kull ksur tal-kunfidenzjalità tal-istatistika. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

▼B

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

▼M2

Artikolu 26a

Kontribuzzjoni għal oqfsa nazzjonali tal-governanza tad-data

1.  
F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fil-livell nazzjonali, l-NSIs jistgħu jassumu funzjonijiet kif stabbiliti fl-oqfsa nazzjonali tal-governanza tad-data bl-għan li jippromwovu l-integrazzjoni u l-interoperabbiltà tad-data, id-deskrizzjoni tal-metadata, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-iffissar tal-istandards, il-kondiviżjoni tad-data u l-użu mill-ġdid tad-data, kif ukoll kompiti u funzjonijiet oħra stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 13 ).
2.  
It-twettiq tal-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mill-NSIs għandu jkun kompatibbli mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-istatistika mwettqa f’konformità mal-prinċipji tal-istatistika stabbiliti fl-Artikolu 2(1).

▼M1

Artikolu 27

Il-proċedura ta' Kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ESS. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 14 ).
2.  
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

▼M2

Artikolu 27a

Evalwazzjoni u rieżami

Sas-27 ta’ Diċembru 2029, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tissottometti rapport dwar is-sejbiet ewlenin tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dik l-evalwazzjoni għandha tivvaluta, b’mod partikolari:

(a) 

ir-rispons statistiku għal sitwazzjoni ta’ kriżi fl-ambitu tal-Artikolu 16a;

(b) 

l-obbligu tad-detenturi privati ta’ data li jippermettu li d-data tagħhom tintuża għall-istatistika Ewropea f’konformità mal-Artikoli 17b, 17c, 17d u 17e;

(c) 

il-kondiviżjoni tad-data fl-ESS fl-ambitu tal-Artikolu 17f;

(d) 

l-iżvilupp tal-istatistika Ewropea fl-ambitu tal-Kapitolu IIIa.

▼B

Artikolu 28

Revoka

1.  

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 huwa b'dan imħassar.

Referenzi għar-Regolament revokat għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Referenzi għall-Kumitat dwar il-Kunfidenzjalità Statistika stabbilit taħt ir-Regolament Revokat għandhom jitqiesu bħala referenzi għall-Kumitat ESS stabbilit permezz tal-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament.

2.  

Ir-Regolament (KE) 322/97 huwa b'dan imħassar.

Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

3.  

Id-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom hija b'dan imħassra.

Referenzi għall-Kumitat tal-Programm tal-Istatistika għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għall-Kumitat ESS stabbilit permezz tal-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Deċiżjoni Nru 235/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 li tistabbilixxi Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika (ĠU L 73, 15.3.2008, p. 17).

( 2 ) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

( 3 ) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1993 tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar l-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (ĠU L 320, 17.12.2018, p. 28).

( 4 ) Ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1).

( 5 ) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1)

( 6 ) Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1).

( 7 ) Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27).

( 8 ) Ir-Regolament (UE) 2023/2854 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (l-Att dwar id-Data) (ĠU L, 2023/2854, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2854/oj)

( 9 ) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

( 10 ) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

( 11 ) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

( 12 ) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/138 tal-21 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi lista ta’ settijiet tad-data speċifiċi ta’ valur għoli u l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni u għall-użu mill-ġdid tagħhom (ĠU L 19, 20.1.2023, p. 43).

( 13 ) Ir-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar il-governanza Ewropea tad-data u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (Att dwar il-Governanza tad-Data) (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 1).

( 14 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).