15.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 186/39


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Lulju 2008

li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti spejjeż imġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u l-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG)

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3411)

(it-testi bl-Olandiż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bit-Taljan, bil-Polakk, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

(2008/582/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola [politika agrikola komuni] (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni [titolu mhux uffiċjali] (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, u skond l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, il-Kummissjoni għandha twettaq il-verifiki meħtieġa, tikkomunika lill-Istati Membri r-riżultati ta’ dawn il-verifiki, tieħu nota tal-kummenti ta’ l-Istati Membri, tibda diskussjonijiet bilaterali sabiex ikun jista’ jintlaħaq ftehim ma’ l-Istati Membri kkonċernati, u tikkomunikalhom formalment il-konklużjonijiet tagħha dwarhom.

(2)

L-Istati Membri ngħataw l-opportunità li jitolbu li tinfetaħ proċedura ta’ konċiljazzjoni. F’ċerti każi, dik l-opportunità ttieħdet, u r-rapport maħruġ fi tmiem din il-proċedura ġie eżaminat mill-Kummissjoni.

(3)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 1258/1999 u r-Regolament (KE) Nru 1290/2005, jistgħu jiġu ffinanzjati biss l-ispejjeż agrikoli li jkunu ġġarrbu mingħajr ksur tar-regoli Komunitarji.

(4)

Fid-dawl tal-verifiki mwettqa, tar-riżultat tad-diskussjonijiet bilaterali u tal-proċeduri ta’ konċiljazzjoni, parti mill-ispejjeż li ddikjaraw l-Istati Membri ma tissodisfax dan ir-rekwiżit, u għalhekk ma tistax tiġi ffinanzjata mit-Taqsima tal-Garanzija ta’ l-FAEGG jew mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (minn issa ‘l quddiem “l-FAEG”).

(5)

Għandhom jiġu indikati l-ammonti li mhumiex meqjusa li jaqgħu taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-FAEGG u l-FAEG. Dawn l-ammonti mhumiex relatati ma’ l-ispejjeż li saru iktar minn 24 xahar qabel in-notifika bil-miktub tal-Kummissjoni tar-riżultati tal-verifiki lill-Istati Membri.

(6)

Rigward il-każijiet koperti b’din id-Deċiżjoni, il-valutazzjoni ta’ l-ammonti li jridu jiġu esklużi minħabba n-nuqqas ta’ konformità tagħhom mar-regoli Komunitarji ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri mill-Kummissjoni f’rapport fil-qosor dwar is-suġġett.

(7)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr ħsara għall-konklużjonijiet finanzjarji li tista’ tagħmel il-Kummissjoni mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’każijiet pendenti fit-30 ta’ Marzu 2008 u li għandhom x’jaqsmu mal-kontenut ta’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ispejjeż elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, imġarrba mill-aġenziji tal-pagamenti akkreditati ta’ l-Istati Membri u ddikjarati taħt it-Taqsima tal-Garanzija ta’ l-FAEGG jew taħt il-FAEG, għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament Komunitarju minħabba n-nuqqas ta’ konformità tagħhom mar-regoli tal-Komunità.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Ġreċjam ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika ta’ Franza, ir-Repbblika ta’ l-Italja, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju ta’ l-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brettanja u l-Irlanda ta’ fuq..

Magħmula fi Brussell, 8 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 160, 26.6.1999, p. 103.

(2)   ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 479/2008 (ĠU L 148, 6.6.2008, p. 1).