41999D0011



Official Journal L 239 , 22/09/2000 P. 0428 - 0434


Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv

tat-28 ta' April 1999

dwar il-Ftehim ta' Koperazzjoni fi proċeduri kontra reati ta' traffiku fit-triq

(SCH/Kom-ex (99)11 Rev. 2)

IL-KUMITAT EŻEKUTTIV,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 132 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen,

Wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta magħmula fil-laqgħa tal-Ministri u tas-Segretarji ta' l-Istat f'Schengen fid-19 ta Ġunju 1990,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Il-Ftehim dwar koperazzjoni fi proċeduri kontra reati ta' traffiku fit-triq u l-infurzar ta' penalitajiet finanzjarji imposti fir-rigward ta' dawn (SCH/III (96)25 Rev.18) qiegħed jiġi addottat.

Ir-rappreżentanti tad-delegazzjonijiet huma mitluba li jħejju Rapport ta' Spjegazzjoni dwar il-Ftehim, li jitratta partikolarment il-punti sottolineati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Lussemburgu, 28 ta' April 1999.

Il-President

C. H. Schapper

--------------------------------------------------

SCH/III (96)25 Rev. 18

Il-ftehim dwar koperazzjoni fi proćeduri kontra reati ta' traffiku fit-triq u l-infurzar ta' penalitajiet finanzjarji imposti fir-rigward ta' dawn

Il-Gvernijiet tar-RENJU TAL-BELĠJU, ir-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, ir-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, il-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU u r-RENJU TA' L-OLANDA, Partijiet għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom iffirmat f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990, minn hawn ‘l quddiem imsejjħa l-"Konvenzjoni ta' l-1990", kif ukoll il-Gvernijiet tar-REPUBBLIKA TALJANA, ir-RENJU TA' SPANJA u r-REPUBBLIKA PORTUGIŻA, ir-REPUBBLIKA ELLENIKA, ir-REPUBBLIKA TA' L-AWSTRIJA, ir-RENJU TAD-DANIMARKA, ir-RENJU TA' L-ISVEZJA u r-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA li ssieħbu għall-Konvenzjoni ta' l-1990 permezz ta' diversi Ftehim iffirmati fis-27 ta' Novembru 1990, fil-25 ta' Ġunju 1991, fis-6 ta' Novembru 1992, fit-28 ta' April 1995 u fid-19 ta' Diċembru 1996 rispettivament, u l-Gvernijiet tar-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika ta' l-Islanda, li ffirmaw Ftehim ta' Koperazzjoni ma' dawn ta' l-ewwel fid-19 ta' Diċembru 1996, minn hawn l quddiem imsejjħa l-"Partijiet Kontraenti",

Billi l-moviment ħieles ta' persuni msemmi fil-Konvenzjoni ta' l-1990 iżid l-ivvjaġġar taċ-ċittadini fil-konfini tal-fruntieri interni;

Billi kulħadd jaf li ċ-ċittadini ta' l-Istati ta' Schengen jikkommettu reati tat-traffiku fit-triq ukoll meta jkunu fit-territorju ta' Parti Kontraenti differenti minn dik li fit-territorju tagħha normalment għandhom residenza;

Billi ntwera li m'huwiex dejjem possibbli, minkejja sforzi sostenuti biex jitnaqqsu r-reati fit-triq, li tiġi stabbilita l-identità tal-persuni responsabbli qabel ma jirritornaw lura fit-territorju tal-Parti Kontraenti fejn abitwalment għandhom residenza u li jiġu infurzati penalitajiet finanzjarji fir-rigward tar-reati kommessi;

Konvinti li koperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti f'dan il-qasam hija meħtieġa u li l-fatt li awtoritajiet differenti huma responsabbli għall-infurzar tal-Kodiċi tat-Triq m'għandux ikun ta' xkiel għal din il-koperazzjoni;

Waqt li jimplimentaw id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Ministri u tas-Segretarji ta' l-Istat tad-19 ta' Ġunju 1990, li tistipula li għandhom isiru diskussjonijiet sabiex tittejjeb il-koperazzjoni fil-prosekuzzjoni ta' reati ta' traffiku fit-triq u sabiex tiġi eżaminata l-applikazzjoni ta' l-infurzar reċiproku ta' penalitajiet finanzjarji,

FTIEHMU KIFĠEJ:

IL-KAPITOLU I

Definizzjonijiet

Artikolu 1

Għall-għanijiet ta' dan il-Ftehim:

Reat ta' traffiku fit-triq

għandu jfisser imġieba li tikser regolamenti tat-traffiku fit-triq u li titqies bħala reat kriminali jew amministrattiv, inkluż ksur ta' regolamenti li għandhom x'jaqsmu mas-siegħat tas-sewqan u ma' perjodi ta' serħan u ta' regolamenti dwar oġġetti perikolużi.

Penali finanzjarja

għandha tfisser l-obbligu li jitħallas somma flus fir-rigward ta' reat tat-traffiku fit-triq, li l-ammont tiegħu jiġi evalwat mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi tal-Partijiet Kontraenti.

Awtorità Kompetenti

għandha tfisser l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Partijiet Kontraenti responsabbli għal proċeduri għal reati tat-traffiku fit-triq u l-infurzar ta' penalitajiet finanzjarji fir-rigward tagħhom.

Deċiżjoni

għandha tfisser att mill-awtoritajiet kompetenti ta' waħda mill-Partijiet kontraenti li tistabbilixxi reat tat-traffiku fit-triq fir-rigward ta' liema tkun ġiet imposta penali finanzjarja fuq persuna, u li tista' tiġi appellata jew li setgħat tiġi appellata.

Awtorità li tagħmel talba

għandha tfisser l-awtorità kompetenti tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha ġie kommess ir-reat tat-traffiku fit-triq.

Awtorità li ssirilha talba

għandha tfisser l-awtorità kompetenti tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha l-persuna suspettata li wettqet reat tat-traffiku tat-triq jew li fuqha ġiet imposta penali finanzjarja f'din il-konnessjoni jew għandha residenza jew għandha residenza abitwali.

Parti Kontraenti li tagħmel talba

għandha tfisser il-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha ngħatat deċiżjoni fir-rigward ta' persuna li għandha residenza jew għandha residenza abitwali fit-territorju ta' Parti Kontraenti oħra.

Parti Kontraenti li ssirilha talba

għandha tfisser il-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha l-persuna fir-rigward ta' liema ngħatat deċiżjoni fit-territorju ta' Parti Kontraenti oħra, jew għandha residenza jew għandha residenza abitwali.

IL-KAPITOLU II

Prinċipji

Artikolu 2

1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jagħtu lil xulxin koperazzjoni massima fi proċeduri kontra reati ta' traffiku fit-triq u fir-rigward ta' l-infurzar ta' deċiżjonijiet f'dan ir-rigward skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

2. Il-Paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet iktar estensivi li jirriżultaw minn xi ftehim bilaterali jew multilaterali fis-seħħ bejn il-Partijiet Kontraenti.

3. Il-Kapitolu IV ta' dan il-Ftehim m'għandux japplika fir-rigward ta':

(a) l-infurzar ta' deċiżjoni li tinkludi penali li tinvolvi r-restrizzjoni tal-libertà bħala l-penali ewlenija;

(b) reati ta' traffiku fit-triq li jikkoinċidu ma' reati li m'humiex relatati ma' traffiku fit-triq biss, sakemm ma ssirx prosekuzzjoni esklussiva jew separata fir-rigward tar-reat tat-traffiku fit-triq.

IL-KAPITOLU III

Koperazzjoni fi proċeduri kontra reati tat-traffiku fit-triq

Artikolu 3

1. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, billi jikkomunikaw in-numru ta' reġistrazzjoni tal-vettura permezz ta' l-awtoritajiet nazzjonali tar-reġistrazzjoni tal-vetturi, jitolbu informazzjoni mingħand l-awtoritajiet nazzjonali tar-reġistrazzjoni tal-vetturi tal-Partijiet Kontraenti l-oħrajn fir-rigward tat-tip u l-għamla tal-vettura bil-mutur korrispondenti kif ukoll fir-rigward ta' l-identità u l-indirizz tal-persuna jew persuni li magħha jew magħhom kienet reġistrata l-vettura bil-mutur in kwestjoni meta twettaq ir-reat tat-traffiku fit-triq.

2. L-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni tal-vetturi tal-Partijiet Kontraenti għandhom jibgħatu lil xulxin direttament l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 bil-għan li din tiġi trasmessa lill-awtorità kompetenti. Għandhom jibgħatu wkoll l-isem u l-indirizz ta' l-awtorità li ssirilha talba jekk din tkun awtorità differenti.

3. Parti Kontraenti tista' tinnomina awtorità ċentrali oħra għall-iskambju ta' l-informazzjoni msemmi fil-paragrafu 2.

4. Id-dispożizzjonijiet relevanti tal-Konvenzjoni ta' l-1990 u, b'mod partikolari, l-Artikoli 126 sa 128 ta' din għandhom japplikaw għat-trasmissjoni ta' informazzjoni personali skond il-paragrafu 1.

Artikolu 4

1. L-Awtorità li tagħmel talba tista' tibgħat il-komunikattivi kollha li jirrigwardaw il-konsegwenzi u deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu mar-reat ta' traffiku fit-triq direttament lill-persuni suspettati li jwettqu reat tat-traffiku fit-triq. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 52 tal-Konvenzjoni ta' l-1992 għandhom japplikaw b'analoġija.

2. Il-komunikattivi u d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fihom jew għandhom ikunu akkumpanjati bl-informazzjoni kollha li r-reċipjent jeħtieġ sabiex ikun jista' jirreaġixxi, b'mod partikolari fir-rigward ta':

(a) in-natura tar-reat tat-traffiku fit-triq, il-post, id-data u l-ħin meta ġie kommess u l-manjiera ta' kif ġie stabbilit;

(b) in-numru ta' reġistrazzjoni u, fejn dan ikun possibbli, it-tip u l-għamla tal-vettura bil-mutur li biha ġie kommess ir-reati tat-traffiku fit-triq jew, fin-nuqqas ta' din l-informazzjoni, kull mezz li permezz tiegħu tista' tiġi identifikata l-vettura;

(ċ) l-ammont tal-penali finanzjarja li tista' tiġi imposta, jew, fejn xieraq, il-penali finanzjarja li tkun ġiet imposta, id-data sa meta trid titħallas u l-metodu ta' ħlas;

(d) il-possibbilità li jiġu invokati ċirkostanzi eżoneranti, kif ukoll id-dati sa meta jridu jiġu presentati dawn iċ-ċirkostanzi kif ukoll il-proċeduri;

(e) il-mezzi ta' appell possibbli kontra d-deċiżjonijiet, il-proċeduri u t-termini sa meta jista' jiġi preżentat appell, kif ukoll id-dettalji ta' kif tista' tiġi kuntattjata l-awtorità li magħha għandu jiġi preżentat appell.

Artikolu 5

1. Jekk id-destinatarju ma jirrispondix għall-komunikattivi jew deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 4 fi żmien il-perjodu stipulat, jew jekk l-Awtorità li tagħmel talba tikkunsidra li hija meħtieġa informazzjoni ulterjuri sabiex jiġi applikat dan il-Ftehim, din ta' l-aħħar tista' tfittex assisteza direttament mill-Awtorità li ssirilha talba. Ma' dawn it-talbiet għall-assistenza għandha tiġi mehmuża traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Parti Kontraenti li ssirilha talba.

2. Id-dispożizzjonijiet tat-titolu III, kapitolu 2 tal-Konvenzjoni ta' l-1990 għandhom japplikaw għat-talbiet imsemmija fil-paragrafu 1.

IL-KAPITOLU IV

Infurzar ta' deċiżjonijiet

Artikolu 6

1. It-trasferiment ta' l-infurzar ta' deċiżjonijiet jista' jintalab taħt dan il-Ftehim biss meta:

(a) il-mezzi ta' appell kollha kontra d-deċiżjoni jkunu ġew eżawriti u d-deċiżjoni tkun infurzabbli fit-territorju tal-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba;

(b) l-awtoritajiet kompetenti jkunu, b'mod partikolari skond l-Artikolu 4, talbu lill-persuna konċernata sabiex tħallas il-penali finanzjarja imposta, imma għalxejn;

(ċ) il-penali finanzjarja ma tkunx preskritta mill-liġi permezz ta' xi limitazzjoni legali tal-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba;

(d) id-deċiżjoni tirrigwarda persuna li għandha residenza jew li għandha r-residenza abitwali tagħha fit-territorju tal-Parti Kontraenti li ssirilha talba;

(e) l-ammont tal-multa jew tal-penali finanzjarja imposta hija ta' mill-inqas EUR 40.

2. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu bilateralment ibiddlu l-applikabbilità tad-dispożizzjonijiet taħt il-punt 1 (e).

Artikolu 7

1. It-trasferiment ta' l-infurzar ta' deċiżjoni ma jistax jiġi miċħud sakemm il-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba ma tqisx li:

(a) Ir-reat tat-traffiku fit-triq li jagħti lok għad-deċiżjoni ma jkunx jeżisti taħt il-liġi tal-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba;

(b) l-infurzar tat-talba jmur kontra l-prinċipju ta' ne bis in idem taħt l-Artikoli 54 sa 58 tal-Konvenzjoni ta' l-1990;

(ċ) il-penali finanzjarja hija preskritta mill-liġi permezz ta' limitazzjoni taħt il-liġi tal-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba;

(d) il-persuna konċernata kienet tingħata amnestija jew maħfra mill-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba kieku r-reat tat-traffiku fit-triq seħħ fit-territorju tal-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba.

2. Il-Parti Kontraenti li ssirilha talba għandha tinforma lill-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba kemm jista' jkun malajr jekk tkun sejra tiċħad it-talba, u għandha tagħti r-raġunijiet għal din iċ-ċaħda.

Artikolu 8

1. Id-deċiżjoni għandha tiġi infurzata mingħajr dewmien mill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba.

2. Il-penali finanzjarja hija pagabbli bil-munita tal-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba. L-ammont għandu jiġi kalkulat fuq il-bażi tar-rata uffiċjali ta' skambju fis-seħħ meta tittieħed id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3. Jekk wara li ssir il-konversjoni jirrisulta li l-ammont tal-penali finanzjarja imposta mid-deċiżjoni jaqbeż l-ammont massimu tal-penali finanzjarja preskritta fir-rigward ta' l-istess tip ta' reat tat-traffiku fit-triq mil-liġi tal-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba, l-infurzar tad-deċiżjoni m'għandux jeċċedi dan l-ammont massimu.

4. Fil-ħin meta jiddepożita l-istrument ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tiegħu, kull Stat jista', għal raġunijiet ta' ordni kostituzzjonali jew ta' importanza ugwali, jiddikjara li huwa fi ħsiebu jidderoga mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 billi jagħmel dikjarazzjoni li tiddefinixxi l-każi li fihom il-penali finanzjarji li jridu jiġu infurzati jridu jiġu dikjarati li m'humiex infurzabbli permezz ta' deċiżjoni ġudizzjarja tal-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba, qabel l-infurzar. Din id-deċiżjoni ġudizzjarja m'għandhiex, madankollu, tirrigwarda l-kontenut u l-ammont tad-deċiżjoni li trid tiġi infurzata tal-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba.

Artikolu 9

1. L-infurzar tad-deċiżjoni għandu jkun irregolat mill-liġi tal-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba.

2. Kull parti tal-penali finanzjarja diġa' infurzata fil-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba għandha titnaqqas bi sħiħ mill-penali li trid tiġi infurzata fil-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba.

3. Jekk penali finanzjarja ma tkunx tista' tiġi infurzata, la totalment u lanqas parzjalment, tista' tiġi applikata penali alternattiva li tinvolvi d-deprivazzjoni tal-libertà jew detenzjoni obbligata mill-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba, jekk din tkun possibbli fiż-żewġ Partijiet Kontraenti, u sakemm ma tkunx eskluża espressament mill-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba.

Artikolu 10

Il-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba ma tistax tipproċedi iktar bl-infurzar tad-deċiżjoni la darba tkun talbet it-trasferiment ta' l-infurzar. Id-dritt ta l-infurzar għandu jmur lura għand il-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba malli tiġi infurmata mill-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba li din ta' l-aħħar tirrifjuta jew ma tistax tenforza.

Artikolu 11

Il-Parti Kontraenti li ssirilha talba għandha ttemm l-infurzar tad-deċiżjoni malli hi (il-Parti Kontraenti li ssirilha talba) tiġi infurmata mill-Parti Kontraenti li tagħmel talba dwar kull deċiżjoni, miżura jew kull ċirkostanza oħra li b'risultat tagħha l-infurzar tad-deċiżjoni jiġi sospiż jew id-deċiżjoni ma tibqax infurzabbli.

Artikolu 12

1. Talbiet għat-trasferiment ta' l-infurzar ta' deċiżjoni u l-komunikattivi kollha li għandhom x'jaqsmu ma' dan għandhom isiru bil-miktub. Jistgħu jiġu trasmessi permezz ta' mezzi xierqa li jħallu dokument bil-miktub, inkluża fax.

2. Id-dokumenti għandhom jiġu trasmessi direttament bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti, li d-dettalji tagħhom ta' fejn jistgħu jiġu kuntattjati għandhom jingħataw mill-awtoritajiet ta' reġistrazzjoni tal-vetturi. (Artikolu 3(2)). Dawn id-dokumenti għandhom jiġu trasmessi permezz ta' l-awtoritajiet ċentrali nominati tal-Parti Kontraenti jekk id-dettalji ta' fejn tista' tiġi kuntattjata l-awtorità kompetenti ma jirrisultawx mill-informazzjoni msemmija fl-ewwel sentenza.

Artikolu 13

1. It-talba għat-trasferiment ta' l-infurzar ta' deċiżjoni għandu jkollha magħha b'kopja tad-deċiżjoni u b'dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba li tiċċertifika li l-kondizzjonijiet stipulati fil-punti (a), (b) u (ċ) ta' l-Artikolu 6(1) ġew sodisfatti.

2. Fejn xieraq, il-Parti Kontraenti li tagħmel talba għandha tibgħat ma' din it-talba informazzjoni oħra relevanti għat-trasferiment ta' l-infurzar ta' deċiżjoni, b'mod partikolari informazzjoni li tirrigwarda ċ-ċirkostanzi speċjali tar-reat li ġew kunsidrati waqt l-evalwazzjoni tal-penali finanzjarja u, fejn ikun possibbli, it-test tad-dispożizzjonijiet legali applikati.

3. Jekk il-Parti Kontraenti li ssirilha talba tikkunsidra li l-informazzjoni mogħtija mill-Parti Kontraenti li tagħmel talba m'hijiex adegwata sabiex ikun jista' jiġi applikat dan il-Ftehim, hija għandha ssaqsi għall-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

4. It-traduzzjoni tad-dokumenti relevanti fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Parti Kontraenti li ssirilha talba għandha tiġi mehmuża.

Artikolu 14

L-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti li ssirilha talba għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba dwar l-infurzar tal-penali finanzjarja jew, fejn xieraq, dwar il-fatt li ma jistgħux jinfurzaw id-deċiżjoni.

Artikolu 15

Il-penali finanzjarja u l-ispejjeż tal-proċeduri li jintefqu mill-Parti li tagħmel it-talba għandhom jiġu nfurzati. Flus miksuba mill-infurzar ta' deċiżjonijiet għandhom imorru għall-Parti Kontraenti li ssirilha talba.

Artikolu 16

Il-Partijiet Kontraenti m'għandhomx jitolbu mingħand xulxin ir-rifużjoni ta' l-ispejjeż li jirrisultaw mill-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

IL-KAPITOLU V

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 17

1. Il-Kumitat Eżekuttiv stabbilit mill-Konvenzjoni ta' l-1990 għandu jkollu l-inkarigu ġenerali li jissorvelja l-applikazzjoni xierqa ta' dan il-Ftehim. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 132 tal-Konvenzjoni ta' l-1990 għandhom applikaw.

2. L-Awtorità ta' Sorveljanza Konġunta stabbilita mill-Konvenzjoni ta' l-1990 għandha tkun responsabbli, fi kwistjonijiet li jirrigwardaw il-ħarsien ta' informazzjoni personali, biex toħroġ opinjoni dwar l-aspetti komuni li jirrisultaw mill-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

3. Fuq proposta ta' Parti Kontraenti, il-Kumitat Eżekuttiv jista' jiddeċiedi li jbiddel l-ammont stipulat taħt il-punt (e) ta' l-Artikolu 6(1).

Artikolu 18

Dan il-Ftehim għandu japplika fit-territorju tal-Partjiet Kontraenti. Madankollu, skond l-Artikolu 138 tal-Konvenzjoni ta' l-1990, fir-rigward tar-Repubblika Franċiża dan il-Ftehim għandu japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża, u fir-rigward tar-Renju ta' l-Olanda dan il-Ftehim għandu japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Renju ta l-Olanda. Skond l-Artikolu 5(1) tal-Ftehim ta' Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka għall-Konvenzjoni ta' l-1990, dan il-Ftehim ma japplikax għall-Gżejjer Faeroe u għal Greenland.

Artikolu 19

1. Dan il-Ftehim għandu jkun applikabbli wkoll għal reati tat-traffiku kommessi qabel ma jidħol fis-seħħ.

2. Waqt li jiddepożita l-istrument tiegħu ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, kull Stat jista' jiddikjara li, sa fejn huwa konċernat u fil-konfront ta' dawk il-Partijiet Kontraenti li jkunu għamlu dikjarazzjoni simili, dan il-Ftehim għandu japplika biss għal reati tat-traffiku fit-triq imwettqa wara li jidħol fis-seħħ jew wara li jsir applikabbli.

Artikolu 20

1. Dan il-Ftehim huwa soġġett għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. L-istrumenti ta' ratifikai, aċċettazzjoni jew approvazzjoni għandhom jiġu depositati mal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jinnotifika lill-Partijiet Kontraenti kollha dwar dan.

2. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data ta' depositu ta' l-aħħar strument ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Istati fir-rigward ta' liema l-Konvenzjoni ta' l-1990 iddaħħlet fis-seħħ skond il-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, ta' l-Att Finali tal-Konvenzjoni hawn fuq imsemmija.

Il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jinnotifika lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti dwar id-data tad-dħul fis-seħħ.

Fil-konfront ta' l-Istati l-oħrajn, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data ta' depositu ta' l-aħħar strument ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, iżda mhux qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' Ftehim ta' Adeżjoni għal dawn l-Istati għall-Konvenzjoni ta' l-1990 jew għall-Ftehim ta' Koperazzjoni ta' l-1996.

3. Waqt li d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim ikun għadu pendenti, kull Stat fejn tkun daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni ta' l-1990 fil-ħin ta' meta jsir id-depożitu ta' l-istrument ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni jista', meta jkun qiegħed jiddepożita dan l-istrument jew f'xi stadju iktar tard, jiddikjara li dan il-Ftehim huwa applikabbli fir-relazzjonijiet tiegħu ma' dawk l-Istati li jagħmlu dikjarazzjoni simili. Din id-dikjarazzjoni għandha tieħu effett mill-ewwel jum tat-tieni xahar ta' wara d-data ta' depożitu.

Artikolu 21

1. Kull Parti Kontraenti tista' tisottometti proposta għal emenda ta' dan il-Ftehim lid-depożitarju. Id-depożitarju għandu jinforma lill-Partijiet Kontraenti l-oħra dwar din il-proposta.

2. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jadottaw kull emenda għal dan il-Ftehim b'approvazzjoni komuni.

3. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data ta' depożitu ta' l-aħħar strument ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni.

Artikolu 22

1. Kull Stat għandu jinnotifika lid-depożitarju dwar l-ismijiet u l-indirizzi ta' l-awtoritajiet li jaqgħu taħt it-tifsira ta' l-Artikoli 1, 3 u 11(2), iżda dan għandu jsir mhux iktar tard mid-data ta' meta jiġu depożitati l-istrument ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tiegħu.

2. Il-listi ta' awtoritajiet taħt il-paragrafu 1 tista', permezz ta' deroga mill-Artikolu 19(1), tinbidel sussegwentement f'kull ħin permezz ta' notifika lid-depożitarju.

3. Id-depożitarju għandu jinforma lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti dwar l-awtoritajiet nominati u dwar bidliet li jseħħu wara.

Artikolu 23

Dan il-Ftehim huwa miftuħ għal adeżjoni mill-Istati kollha li jsiru Partijiet għall-Konvenzjoni ta' l-1990.

Bħala xhieda ta' dan, dawk hawn taħt iffirmati, li huma awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fil-Lussemburgu, f'dan it-tmienja u għoxrin jum ta' April tas-sena elf disa mija u wieħed u disgħin, f'oriġinal wieħed fil-lingwa Olandiża, Ingliża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Taljana, Portugiża u Spanjola, u t-tmien testi huma kollha awtentiċi indaqs. It-testi fil-lingwa Daniża, Finlandiża, Islandiża, Norveġiża u Svediża, li jridu jiġu sottomessi f'data wara li jsir l-iffirmar, għandhom ikunu ugwalment awtentiċi.

--------------------------------------------------