|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3031 |
11.12.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3031
tal-11 ta’ Ġunju 2024
dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat SA.63470 (2022/C) (ex 2021/N) li l-Ungerija qed tippjana li timplimenta għal GKN Automotive Hungary Kft. (preċedentement Rubin NewCo 2021 Kft.)
(notifikata bid-dokument C(2024) 3925)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Fil-11 ta’ Ġunju 2021, l-Ungerija nnotifikat minn qabel lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tagħti għajnuna għall-investiment reġjonali (il-“miżura”) favur Rubin NewCo 2021 Kft. (“Rubin”) (2) għat-twaqqif ta’ stabbiliment ġdid għall-produzzjoni ta’ komponenti awtomobilistiċi f’Miskolc, l-Ungerija (il-“Proġett ta’ Investiment”). |
|
(2) |
Fit-30 ta’ Ġunju 2021, saret laqgħa virtwali bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ungeriżi u r-rappreżentanti ta’ GKN Automotive Limited (“GKN Automotive”, il-premessa (15)). |
|
(3) |
Fit-23 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari, li l-Ungerija ssottomettiet fis-27 ta’ Awwissu 2021. |
|
(4) |
Fil-21 ta’ Settembru 2021, saret it-tieni laqgħa virtwali bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ungeriżi u r-rappreżentanti ta’ GKN Automotive. |
|
(5) |
Fit-30 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari, li l-Ungerija ssottomettiet fit-2 ta’ Diċembru 2021, flimkien man-notifika formali tagħha tal-miżura. |
|
(6) |
Fl-1 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni, li l-Ungerija pprovdiet fid-29 ta’ Marzu, fil-11 ta’ April u fl-4 ta’ Mejju 2022. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali fit-13 ta’ Mejju u fil-15 ta’ Lulju 2022 u l-Ungerija wieġbet, rispettivament, fis-17 ta’ Mejju u fit-23 ta’ Awwissu 2022. |
|
(7) |
Permezz tal-ittra tat-23 ta’ Awwissu 2022, l-Ungerija qablet b’mod eċċezzjonali li tirrinunzja għad-drittijiet tagħha li joħorġu mill-Artikolu 342 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament 1/1958 (3), u qablet li din id-deċiżjoni kellha tiġi adottata u nnotifikata bil-lingwa Ingliża. |
|
(8) |
Permezz tal-ittra tas-27 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni infurmat lill-Ungerija li kienet iddeċidiet li tibda il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE rigward il-miżura (id-“Deċiżjoni tal-ftuħ”). Fl-14 ta’ Frar 2023, l-Ungerija bagħtet il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ lill-Kummissjoni. |
|
(9) |
Id-Deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-22 ta’ Settembru 2023 (4). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom fi żmien xahar. |
|
(10) |
Fit-3 u fis-16 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand Melrose Industries PLC (“Melrose”) u mingħand GKN Automotive, rispettivament. Fl-24 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni ssottomettiet dawk il-kummenti lill-Ungerija, li din imbagħad wieġbet b’ittra datata l-21 ta’ Diċembru 2023. |
|
(11) |
Fit-8 ta’ Marzu 2024, l-Ungerija ssottomettiet tabella ġenerali li telenka d-dubji li kienu tqajmu fid-Deċiżjoni tal-ftuħ u l-evidenza korrispondenti li l-Ungerija qieset li kienet ipprovdiet biex tneħħi dawn id-dubji. |
|
(12) |
Fis-16 ta’ April 2024, saret laqgħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, l-Ungerija u GKN Automotive. Fl-istess jum u fid-dawl tal-laqgħa mas-servizzi tal-Kummissjoni, l-Ungerija ssupplimentat il-kummenti tagħha tal-14 ta’ Frar 2023 b’dokumenti ġodda. Fis-17 ta’ April 2024, l-Ungerija ssottomettiet mill-ġdid dawk id-dokumenti, flimkien ma’ xi dokumenti addizzjonali u memorandum li jiġbor fil-qosor id-diskussjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni tas-16 ta’ April 2024, u li jipprovdi kummenti ulterjuri dwar il-kwistjonijiet diskussi u dwar l-evidenza l-ġdida sottomessa. |
|
(13) |
Fil-25 ta’ April 2024, bħala segwitu ulterjuri għal-laqgħa tas-16 ta’ April 2024, l-Ungerija ssottomettiet memorandum ieħor li jikkummenta aktar dwar xi wħud mid-dubji tal-Kummissjoni. |
2. DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA
2.1. Għan tal-miżura
|
(14) |
Permezz tal-miżura, l-awtoritajiet Ungeriżi beħsiebhom jippromwovu l-iżvilupp reġjonali billi jipprovdu għajnuna għall-investiment reġjonali għat-twaqqif ta’ stabbiliment ġdid għall-produzzjoni ta’ komponenti awtomobilistiċi (sideshafts, propshafts u subkomponenti bħal ġonot). Il-Proġett ta’ Investiment jinsab fiż-żona industrijali ta’ Felsġzsolca f’Miskolc, il-Kontea ta’ Borsod-Abaúj-Zemplén (kodiċi NUTS 3 HU311), fir-reġjun tal-Ungerija ta’ Fuq (kodiċi NUTS 2 HU31), żona eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE, abbażi tal-mapep tal-għajnuna reġjonali Ungeriżi kemm għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2021 (“mappa tal-għajnuna reġjonali 2014”) (5), kif ukoll għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2027 (“mappa tal-għajnuna reġjonali 2022”) (6). |
2.2. Il-benefiċjarju
|
(15) |
Il-benefiċjarju tal-għajnuna huwa Rubin, entità legali li fiż-żmien tat-twaqqif tagħha (Jannar 2021), kienet kompletament proprjetà ta’ Eachairn Aerospace Holdings Limited, membru tal-grupp Melrose, li huwa bbażat fir-Renju Unit (7). Fl-31 ta’ Awwissu 2022, 100 % tas-sjieda ta’ Rubin ġiet ittrasferita, fi ħdan il-grupp Melrose, lil GKN Industries Limited (8). GKN Industries Limited tikkontrolla lil GKN Automotive, l-entità li għandha investimenti fl-entitajiet ta’ GKN Automotive, twettaq xi funzjonijiet tal-uffiċċju prinċipali u timpjega parti mit-tim tal-maniġment superjuri u tat-tmexxija funzjonali ta’ GKN Automotive (9). Fl-20 April 2023, Melrose defużjonat in-negozju tagħha ta’ GKN Automotive (10), inklużi GKN Industries Limited, GKN Automotive u Rubin, biex tifforma parti minn grupp indipendenti ġdid ta’ kumpaniji, li l-kumpanija omm apikali tagħha hija Dowlais Group plc ibbażata fir-Renju Unit. Il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jissodisfax il-kriterji sabiex jikkwalifika bħala impriża żgħira jew ta’ daqs medju (11) u għalhekk jenħtieġ li jitqies bħala impriża kbira. |
|
(16) |
L-awtoritajiet Ungeriżi kkonfermaw li la Rubin u lanqas Melrose Group ma huma impriża f’diffikultà, kif definit fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (12). L-awtoritajiet Ungeriżi ma informaw lill-Kummissjoni bl-ebda bidla f’dan ir-rigward, li kienet tkun ikkawżata mill-bidla fis-sjieda ta’ Rubin. |
2.3. Il-Proġett ta’ Investiment
2.3.1. Deskrizzjoni ġenerali
|
(17) |
Skont l-awtoritajiet Ungeriżi, il-Proġett ta’ Investiment huwa parti mill-pjan ta’ ristrutturar fit-tul ta’ GKN Automotive definit fl-2019 (l-“Istrateġija”). L-Istrateġija għandha l-għan li tissalvagwardja l-kompetittività ta’ GKN Automotive f’ambjent tas-suq dejjem aktar kompetittiv, billi tikkonsolida l-impronta tal-produzzjoni Ewropea ineffiċjenti u mxerrda tagħha u billi ċċaqlaq il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha lejn postijiet aktar kosteffettivi. L-operazzjonijiet tal-manifattura ta’ GKN Automotive fl-Ewropa huma mifruxa fuq aktar minn għaxar siti, li l-maġġoranza tagħhom jinsabu fl-Ewropa tal-Punent, f’postijiet b’kostijiet tal-produzzjoni għoljin. Barra minn hekk, dawk is-siti huma fil-biċċa l-kbira frammentati u jipprovdu lil xulxin bi prodotti intermedji u b’hekk jirriżultaw f’ineffiċjenzi permezz ta’ żieda fil-kostijiet tat-trasport u taż-żamma tal-istokkijiet. |
|
(18) |
L-Istrateġija hija strutturata f’diversi fażijiet (“Mill-ewwel mewġa għas-sitt waħda”). L-ewwel u t-tielet mewġa – li jinvolvu [it-trasferiment tan-negozju] (*1) ta’ ċerti siti – huma l-uniċi mewġiet fil-proċess li qed jiġu implimentati. Kif spjegat fil-premessi minn 40 sa 42 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, it-Tieni mewġa kkonċernat l-istabbiliment ta’ faċilità ta’ produzzjoni ġdida għal prodotti differenti minn dawk taħt il-Proġett ta’ Investiment u l-implimentazzjoni tagħha ġiet sospiża, u l-Mewġiet erbgħa, ħamsa u sitta ma avvanzawx aktar mill-istadju kunċettwali tal-Istrateġija mingħajr ma ttieħdu passi ulterjuri lejn l-implimentazzjoni. |
|
(19) |
L-Ewwel mewġa, li fittxet li tibbilanċja l-kapaċità ta’ GKN Automotive mad-domanda mistennija, kienet tikkonsisti fl-għeluq ta’ ċerti siti u fit-trasferiment tal-operazzjonijiet ta’ manifattura tagħhom lejn siti Ewropej eżistenti b’kapaċità żejda. |
|
(20) |
It-Tielet mewġa, kif kienet inizjalment ippjanata fl-Istrateġija (Novembru 2019), wasslet għat-[trasferiment tan-negozju] ta’ żewġ siti Ewropej u t-trasferiment tal-kapaċità tagħhom lejn żewġ siti integrati li kellhom jiġu stabbiliti f’żewġ pajjiżi li kienu aktar kosteffettivi. Dawn is-siti ta’ produzzjoni ġodda jkopru wkoll il-kapaċità ta’ produzzjoni minn siti ta’ produzzjoni eżistenti oħra li għandhom jiġu [ttrasferiti] taħt il-mewġiet li ġejjin. Din il-mewġa ġiet emendata f’Lulju 2020 (“it-Tielet mewġa ġdida”). Taħt it-Tielet mewġa ġdida, il-produzzjoni rilevanti tiġi integrata f’sit integrat wieħed biss. |
|
(21) |
L-awtoritajiet Ungeriżi spjegaw li d-deċiżjoni li tiġi segwita ċerta mewġa fi ħdan l-Istrateġija (pereżempju, deċiżjoni dwar it-[trasferiment] u/jew it-trasferimenti tal-kapaċità tal-produzzjoni u dwar l-istabbiliment ta’ siti ġodda, fejn meħtieġ), jenħtieġ li titqies li ttieħdet biss wara li proġett ikun ġie soġġett għal analiżi tal-fattibbiltà aktar dettaljata (minn isfel għal fuq) u jitħejja argument għall-vijabbiltà għall-approvazzjoni tar-rilaxx tal-finanzjament rilevanti. |
|
(22) |
Il-Proġett ta’ Investiment, li jimplimenta t-Tielet mewġa ġdida, jikkonċerna l-istabbiliment ta’ faċilità ta’ produzzjoni għall-komponenti awtomobilistiċi li se tintegra l-kapaċità, mingħajr ma żżidha, ta’ żewġ faċilitajiet ta’ produzzjoni eżistenti ta’ GKN Automotive fl-Ewropa f’impjant integrat ġdid fl-Ungerija. L-Ungerija spjegat li l-Proġett ta’ Investiment mhuwiex ippjanat li jakkomoda trasferimenti ulterjuri taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mewġiet tnejn u erbgħa sa sitta tal-Istrateġija (premessi 41 u 42 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). |
|
(23) |
Il-Proġett ta’ Investiment se jkollu kapaċità ta’ produzzjoni ta’ madwar [5,5 – 7,5] miljun unità ta’ sideshafts u [0,5 – 2,5] miljun unità ta’ propshafts. Barra minn hekk, se jipproduċi ġonot u komponenti oħra (kapaċità ta’ [17,5 – 21] miljun unità) li għandhom jiġu assemblati fuq il-post f’sideshafts u propshafts, u jforni wkoll siti oħra ta’ assemblaġġ ta’ GKN Automotive. |
|
(24) |
Il-Proġett ta’ Investiment huwa mistenni li joħloq madwar 1 500 impjieg dirett ġdid fl-Ungerija. |
|
(25) |
Skont l-awtoritajiet Ungeriżi, il-benefiċjarju ssottomessa l-applikazzjonijiet tiegħu għall-għajnuna fit-8 ta’ April 2021 (għall-għotja ta’ flus) u fil-31 ta’ Marzu 2021 (għall-benefiċċju tat-taxxa). Dawk l-applikazzjonijiet ġew approvati (kundizzjonalment), rispettivament, fit-22 ta’ Diċembru 2021 għall-għotja ta’ flus (premessa (29)), u fit-12 ta’ Diċembru 2021 għall-benefiċċju tat-taxxa (il-premessa (31)). Il-ħidma fuq il-Proġett ta’ Investiment imbagħad bdew, fis-sens tal-paragrafu (20)(v) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali 2014-2020 (13) (“RAG 2014”) (14) u tal-paragrafu 19(29) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2022 (15) (“RAG 2022”) fit-28 ta’ April 2022. Fl-aħħar nett, il-produzzjoni fil-faċilità bdiet fl-aħħar kwart tal-2023, bil-kapaċità sħiħa tal-produzzjoni ppjanata li tintlaħaq fl-2026. |
2.3.2. Kostijiet tal-investiment eliġibbli
|
(26) |
Il-kostijiet tal-investiment eliġibbli jammontaw għal HUF 51 919,55 miljun (EUR (16) 142,74 miljun) f’valur nominali u HUF 50 112,01 miljun (EUR 137,77 miljun) f’valur skontat (17). |
|
(27) |
L-Ungerija kkonfermat li l-assi li għandhom jiġu akkwistati taħt il-Proġett ta’ Investiment huma ġodda. L-Ungerija kkonfermat ukoll li l-kostijiet tal-assi intanġibbli inklużi taħt il-kostijiet tal-investiment eliġibbli jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 100 sa 102 tar-RAG 2014, li huma riflessi bis-sħiħ fl-Artikolu 18(5) tad-Digriet tal-Gvern Nru 210/2014 (VIII.27.) “dwar l-użu tal-iskema allokata għall-promozzjoni tal-investiment” (il-premessa (29)), li tipprevedi li, sabiex ikunu eliġibbli għall-kalkolu tal-kostijiet tal-investiment, l-assi intanġibbli: (a) iridu jintużaw esklussivament mill-investitur fl-istabbiliment li jirċievi l-għajnuna; (b) iridu jiġu deprezzati; (c) iridu jinxtraw skont il-kundizzjonijiet tas-suq minn partijiet terzi mhux relatati max-xerrej; (d) iridu jiġu inklużi fl-assi tal-impriża li tirċievi l-għajnuna u jridu jibqgħu assoċjati mal-proġett li għalih tingħata l-għajnuna għal mill-inqas ħames snin (tliet snin għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju); barra minn hekk (e) għal intrapriżi kbar, il-kostijiet ta’ assi intanġibbli huma eliġibbli biss sa limitu ta’ 50 % tal-kostijiet totali eliġibbli għall-proġett. Dispożizzjonijiet simili huma inklużi wkoll fil-ftehim ta’ inċentiv għall-għotja ta’ flus. |
2.4. Forma tal-għajnuna, l-awtorità awtorizzanti u l-bażijiet legali nazzjonali
|
(28) |
Il-miżura tinkludi żewġ strumenti ta’ għajnuna differenti: għotja ta’ flus u benefiċċju tat-taxxa, iffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Istat. |
2.4.1. L-għotja ta’ flus
|
(29) |
L-għotja ta’ flus hija pprovduta abbażi tad-Digriet tal-Gvern Nru 210/2014 (VIII.27.) “dwar l-iskema allokata għall-promozzjoni tal-investiment”, skema ta’ għajnuna reġjonali (18) implimentata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (“GBER”) (19), li tippermetti għajnuna għal investimenti inizjali f’varjetà ta’ setturi ekonomiċi. L-għotja ta’ flus tikkostitwixxi każ ta’ applikazzjoni notifikata individwalment ta’ dik l-iskema ta’ għajnuna, peress li taqbeż il-livell limitu ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a) tal-GBER (il-premessa (110)). Il-ftehim ta’ inċentiv għall-għotja ta’ flus kontanti (il-“Ftehim ta’ Inċentiv”) ġie ffirmat fit-22 ta’ Diċembru 2021 bejn il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ (konċedent tal-għajnuna) u Rubin u jiddependi fuq l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Kummissjoni. |
2.4.2. Il-benefiċċju tat-taxxa
|
(30) |
Il-benefiċċju tat-taxxa, mill-Ministeru tal-Finanzi (konċedent tal-għajnuna) huwa bbażat fuq l-Att LXXXI tal-1996 “dwar it-Taxxa Korporattiva u t-Taxxa Dividendi” (20) u d-Digriet tal-Gvern Nru 165/2014 “dwar l-Inċentiv tat-Taxxa fuq l-Iżvilupp (VII.17.)” (21), skema ta’ għajnuna (22) implimentata skont il-GBER, li tippermetti għajnuna fil-forma ta’ benefiċċji tat-taxxa għal ċerti investimenti. Il-benefiċċju tat-taxxa jikkostitwixxi każ ta’ applikazzjoni notifikata individwalment ta’ dik l-iskema ta’ għajnuna peress li l-ammont totali ta’ għajnuna (għotja ta’ flus u benefiċċju tat-taxxa) jaqbeż il-livell limitu tan-notifika stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a) tal-GBER (il-premessa (110)). L-ammont annwali tal-benefiċċju tat-taxxa li għandu jintuża ma jistax jaqbeż it-80 % tat-taxxa korporattiva pagabbli annwali tal-benefiċjarju. Il-benefiċċju tat-taxxa disponibbli jista’ jintuża f’mhux aktar minn tlettax-il sena fiskali konsekuttivi, iżda mhux aktar tard mis-sittax-il sena fiskali (sena tat-taxxa) wara s-sena fiskali meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni. |
|
(31) |
L-Ungerija tqis li hija tat il-benefiċċju tat-taxxa fit-12 ta’ Diċembru 2021, li hija d-data li fiha l-Gvern adotta deċiżjoni (23) li skontu “tippermetti lill-Kumpanija tibbenefika mill-vantaġġ tat-taxxa fuq l-iżvilupp għall-investiment tagħha…”. Dik id-deċiżjoni tirreferi għal att sussegwenti li jistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għall-għotja: “Il-benefiċċju tat-taxxa fuq l-iżvilupp jenħtieġ li jingħata f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Gvern, li għandha tiġi ppubblikata abbażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea”. |
2.5. L-ammont tal-għajnuna, l-intensità tal-għajnuna u l-akkumulazzjoni ma’ għajnuna oħra għall-investiment
|
(32) |
L-għajnuna totali nnotifikata tammonta għal HUF 15 917,4 miljun (EUR 43,76 miljun) f’valur skontat. L-għotja ta’ flus għandha valur nominali ġenerali ta’ HUF 16 280,56 miljun (EUR 44,76 miljun) u valur skontat ta’ HUF 15 644,30 miljun (EUR 43,01 miljun). L-ammont ipproġettat tal-benefiċċju tat-taxxa huwa ta’ HUF 273,10 miljun (EUR 0,75 miljun) f’valur skontat. |
|
(33) |
L-awtoritajiet Ungeriżi kkalkulaw l-ammont massimu tal-għajnuna u l-intensità massima tal-għajnuna għall-Proġett ta’ Investiment billi applikaw il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis (24) għall-kostijiet totali eliġibbli tal-investiment f’valur skontat u billi qiesu l-limitu massimu tal-għajnuna reġjonali ta’ 50 % stabbilit mill-mappa tal-għajnuna reġjonali 2014, li huma qiesu bħala l-unika mappa tal-għajnuna reġjonali applikabbli għaż-żewġ komponenti tal-għajnuna (il-premessa (91)) (25). Abbażi ta’ dak il-kalkolu, l-ammont massimu tal-għajnuna ma setax jaqbeż HUF 15 976 miljun (EUR 43,9 miljun) f’valur skontat, jiġifieri l-intensità massima tal-għajnuna permessa għall-Proġett ta’ Investiment tqieset bħala 31,88 %. L-ammont ta’ għajnuna nnotifikat, kif indikat fil-premessa (32), huwa inqas minn dak il-massimu, u jikkorrispondi għal intensità ta’ għajnuna ta’ 31,76 %. |
|
(34) |
Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Inċentiv, la l-ammont massimu ta’ għajnuna (il-premessa (33)), u lanqas l-intensità massima tal-għajnuna (il-premessa (33)) ma jinqabżu jekk, pereżempju, l-ammont ta’ spejjeż eliġibbli jiddevja mill-ammont stmat. Dan għaliex, skont il-Ftehim ta’ Inċentiv, (i) anki jekk il-kostijiet reali tal-investiment jiżdiedu meta mqabbla mal-kostijiet eliġibbli stabbiliti fil-Ftehim ta’ Inċentiv, il-benefiċjarju se jkun intitolat biss għall-ammont massimu ta’ għajnuna tal-għotja ta’ flus speċifikat fil-ftehim; (ii) hija d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddetermina l-intensità tal-għajnuna totali tal-għajnuna mill-Istat li tista’ tingħata lill-investiment (inkluż il-benefiċċju tat-taxxa); u (iii) l-ebda emenda li taffettwa l-kontenut essenzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma hija possibbli skont il-Ftehim ta’ Inċentiv mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni. |
|
(35) |
L-awtoritajiet Ungeriżi kkonfermaw li l-miżura ma tistax tiġi akkumulata ma’ għajnuna oħra mill-Istat jew għajnuna de minimis li tkopri l-istess kostijiet eliġibbli. |
2.6. Għeluq ta’ impjanti oħra fiż-ŻEE u rilokazzjoni possibbli
|
(36) |
L-awtoritajiet Ungeriżi spjegaw li fi ħdan il-mewġiet li qed jiġu implimentati, imsemmija fil-premessa (18), GKN Automotive kienet diġà għalqet diversi siti u kellha pjanijiet konkreti biex [tittrasferixxi n-negozju ta’] żewġ siti oħra fl-Ewropa [...], wara li l-kapaċità tal-produzzjoni ta’ dawk is-siti kienet ġiet ittrasferita lill-impjant Ungeriż il-ġdid. |
2.7. Manutenzjoni tal-attività megħjuna
|
(37) |
It-Taqsima 14(1)(d) tad-Digriet tal-Gvern Nru 210/2014 u t-Taqsima 4(3) tad-Digriet tal-Gvern Nru 165/2014, jipprevedu li l-għotja ta’ flus u l-benefiċċju tat-taxxa jistgħu jiġu applikati u miżmuma biss jekk l-investiment jinżamm fiż-żona kkonċernata għal mill-inqas ħames snin wara t-tlestija tiegħu. Il-Ftehim ta’ Inċentiv jinkludi wkoll obbligu ekwivalenti fuq il-benefiċjarju sa tmiem il-perjodu ta’ monitoraġġ, li huwa stabbilit għal ħames snin finanzjarji wara l-31 ta’ Diċembru 2026, l-iskadenza għat-tlestija tal-investiment (26). |
2.8. Kontribuzzjoni proprja
|
(38) |
L-Ungerija kkonfermat li l-benefiċjarju jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ mill-inqas 25 % tal-kostijiet eliġibbli permezz tar-riżorsi proprji tiegħu jew permezz ta’ finanzjament estern, f’forma li tkun ħielsa minn kwalunkwe għajnuna finanzjarja pubblika. Dan jirriżulta mil-leġiżlazzjoni Ungeriża applikabbli għall-miżura, jiġifieri t-Taqsima 4(7) tad-Digriet tal-Gvern Nru 165/2014 (VII. 17.) u t-Taqsima 14(1)(e) tad-Digriet tal-Gvern Nru 210/2014, kif ukoll mill-Ftehim ta’ Inċentiv. |
2.9. Raġunijiet għall-bidu tal-proċedura stabbiliti fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE
|
(39) |
Il-Kummissjoni vvalutat il-kompatibbiltà tal-għajnuna mal-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE, kif interpretat mir-RAG 2014 u r-RAG 2022. L-applikazzjoni taż-żewġ RAGs hija relatata mad-dati tal-għoti differenti tal-għotja ta’ flus u l-benefiċċju tat-taxxa. L-għotja ta’ flus ingħatat qabel il-31 ta’ Diċembru 2021, u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-RAG 2014. Għall-benefiċċju tat-taxxa, il-Kummissjoni, fil-premessa 111 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, qieset b’mod preliminari li l-benefiċċju tat-taxxa, kellu jiġi vvalutat abbażi tar-RAG 2022. Dan kien minħabba li d-deċiżjoni tal-Gvern tat-12 ta’ Diċembru 2021, ippreżentata mill-Ungerija bħala l-att tal-għoti tal-benefiċċju tat-taxxa, ma setgħetx tikkwalifika bħala tali minħabba li ma tidentifikax l-għajnuna rilevanti u tirreferi għal deċiżjoni ta’ għoti ulterjuri li għandha tinħareġ wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset b’mod preliminari li l-għajnuna se tingħata wara l-31 ta’ Diċembru 2021. |
|
(40) |
Skont it-Taqsima 3.5 tar-RAG 2014 u t-Taqsima 5.2 tar-RAG 2022, l-għajnuna reġjonali tista’ tinstab kompatibbli mas-suq intern biss jekk ikollha effett ta’ inċentiv. Ikun hemm effett ta’ inċentiv meta l-għajnuna tibdel l-imġiba ta’ impriża b’tali mod li din twettaq attività addizzjonali li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ żona, li mingħajr l-għoti tal-għajnuna, ma kinitx twettaq jew kienet tagħmel dan biss b’mod limitat jew differenti (jiġifieri, is-sitwazzjoni tax-xenarju 1, id-deċiżjoni ta’ investiment), jew f’post ieħor (jiġifieri, is-sitwazzjoni tax-xenarju 2, id-deċiżjoni dwar il-post), li kieku l-għajnuna ma ngħatatx (id-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-premessa 119). |
|
(41) |
Sabiex juru l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv sostantiv, l-awtoritajiet Ungeriżi jinvokaw sitwazzjoni tax-xenarju 2 (id-deċiżjoni dwar il-post) (id-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-premessa 32) u jsostnu li, mingħajr l-għajnuna, l-investiment kien iseħħ fit-Turkija (Eskişehir) minħabba li kien ikun aktar profittabbli li jsir investiment f’dak il-post meta mqabbel mal-post Ungeriż. |
2.9.1. Dubji dwar l-effett ta’ inċentiv
|
(42) |
Il-Kummissjoni esprimiet il-fehma preliminari li, wara l-valutazzjoni inizjali tal-pajjiż ta’ GKN Automotive f’Novembru 2019, fejn seba’ pajjiżi ta’ interess (27) kienu ġew identifikati u mqabbla, mal-Polonja, l-Ungerija u s-Slovakkja fil-quċċata tal-lista (il-premessa 43 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ) u analiżi tal-għażla tas-sit ta’ sena f’dawn it-tliet pajjiżi “magħżula” (it-Taqsima 2.13.2.2. tad-Deċiżjoni tal-ftuħ), Melrose ddeċidiet li tinvesti fl-Ungerija fid-9 ta’ Diċembru 2020 permezz tal-approvazzjoni tat-talba għan-nefqa kapitali (“CER”) għall-Proġett ta’ Investiment. Is-CER tgħid: “L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jiġġenera valur billi jikkonsolida l-impornta attwali fi… f’sit ġdid li jinsab fl-Ungerija.” Is-sommarju finanzjarju ta’ dak l-istess dokument ikkonkluda fuq perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [5,4 – 7] snin mingħajr ebda konsiderazzjoni ta’ xi għajnuna. |
|
(43) |
Skont l-Ungerija, id-deċiżjoni dwar il-post għall-investiment ġiet adottata biss fid-9 ta’ Diċembru 2021 minn GKN Automotive, u bbażat ruħha fuq l-għajnuna mill-Istat mill-Ungerija biex tillokalizza l-Proġett ta’ Investiment f’dak l-Istat Membru minflok f’post alternattiv fit-Turkija. B’mod iktar speċifiku, skont l-Ungerija, l-approvazzjoni ta’ Melrose tas-CER fid-9 ta’ Diċembru 2020 kienet tikkostitwixxi biss garanzija preliminari tal-finanzjament tal-proġett, meta wieħed iqis il-post ta’ dak l-investiment fl-Ungerija bħala ipoteżi ta’ ħidma, u ma kinitx tikkostitwixxi deċiżjoni dwar il-post ta’ investiment, iżda ħalliet il-bieb miftuħ għal deċiżjoni ulterjuri ta’ selezzjoni tas-sit mit-tim eżekuttiv ta’ GKN Automotive (“GKN Automotive ET”), peress li dan tal-aħħar kien l-uniku korp deċiżjonali għall-fluss tal-ħidma tal-għażla tas-sit. L-Ungerija kienet sostniet ukoll li, qabel l-approvazzjoni tas-CER, ir-rieżami tal-argument għall-vijabbiltà għall-Proġett ta’ Investiment twettaq bħala parti mil-laqgħa annwali tar-rieżami tal-baġit bejn GKN Automotive u Melrose fit-12 ta’ Novembru 2020. F’dik il-laqgħa Melrose kienet talbet li s-suppożizzjonijiet finanzjarji għall-Proġett ta’ Investiment fl-Ungerija jittejbu biex jitnaqqas il-perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [5,4 – 7] snin tal-proġett għal inqas minn [4,5 – 5,4] snin, li l-Ungerija kienet issottomettiet bħala li huwa l-livell limitu deċiżiv għall-politika ta’ investiment ta’ Melrose. Fuq dik il-bażi, minn Diċembru 2020, GKN Automotive esplorat il-possibbiltà li twettaq dan l-investiment fit-Turkija. F’Jannar 2021, GKN Automotive ħadet deċiżjoni preliminari dwar il-post favur l-Ungerija, bil-kundizzjoni li tirċievi l-ammont sħiħ ta’ inċentivi fl-Ungerija, u f’Diċembru 2021 adottat deċiżjoni finali dwar il-post favur l-Ungerija, u sabet li l-Ungerija kienet “għadha meqjusa bħala l-għażla ppreferuta dwar l-indikaturi mhux finanzjarji, speċjalment meta titqies il-volatilità politika u ekonomika attwali fit-Turkija” u li l-inċentivi Ungeriżi li tqiesu “x’aktarx li jiġu approvati”, “se jikkumpensaw fil-biċċa l-kbira [l-]vantaġġ finanzjarju tat-Turkija [...] fuq l-Ungerija u se jippermettu lill-proġett jilħaq il-perjodu ta’ rkupru tal-kost fil-mira ta’ [4,4 – 5,3] snin ([5,5 – 7,1] snin mingħajr inċentivi)”. Wara d-deċiżjoni finali tad-9 ta’ Diċembru 2021, GKN Automotive waqqfet l-attivitajiet ta’ tħejjija fit-Turkija u xtrat biċċa art fl-Ungerija għall-finijiet tal-Proġett ta’ Investiment (premessi 76 u 80 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). |
|
(44) |
Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk GKN Automotive kinitx, fit-tentattiv tagħha li tilħaq il-mira finanzjarja imposta minn Melrose (jekk eżistenti), il-mandat u l-libertà li tbiddel il-post kif ippreżentati fis-CER (il-premessa 133 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni nnotat ukoll, fil-premessa 134 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, li l-lingwa tan-noti tal-laqgħa u d-dokument ta’ tħejjija tal-laqgħa ta’ GKN Automotive ET tat-12 ta’ Awwissu 2020, li jidentifikaw l-approvazzjoni tal-għażla tal-art minn Melrose bħala wieħed mill-passi li jmiss (il-premessa 50 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ), dehru li jindikaw lil Melrose bħala l-korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-għażla tas-sit għall-Proġett ta’ Investiment. Jidher ukoll li l-approvazzjoni ta’ Melrose kienet meħtieġa għad-dokumenti tal-applikazzjoni għall-għajnuna (il-premessa 68 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). Fil-preżentazzjonijiet għal-laqgħa tar-“Rieżami tal-Għażla tal-Art” tal-20 ta’ Jannar 2021 u l-laqgħa tad-“Deċiżjoni dwar l-Għażla tal-Art” tad-29 ta’ Jannar 2021 (premessi 67 u 68 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ), kien hemm ukoll referenza għal allinjament tad-deċiżjoni finali ma’ Melrose u l-Ungerija spjegat li ladarba GKN Automotive ET ħadet id-deċiżjoni dwar il-post f’Diċembru 2021, hija kkomunikatha lit-tmexxija ta’ Melrose u li t-tmexxija ta’ Melrose “ma qajmitx oġġezzjonijiet” (il-premessa 79 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). |
|
(45) |
Il-Kummissjoni esprimiet il-fehma preliminari li, jekk GKN Automotive kellha taħdem fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deskrizzjoni tal-proġett approvat, jista’ jkun li t-Turkija kienet stabbilita biss bħala post kontrofattwali għall-finijiet li tippermetti lil GKN Automotive turi l-effett ta’ inċentiv meħtieġ u b’hekk tirċievi għajnuna reġjonali għall-investiment, aktar milli bħala kontrafattwali ġenwin ta’ fejn il-Proġett ta’ Investiment iseħħ fin-nuqqas ta’ għajnuna. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-benefiċjarju kien kompletament konxju li, fil-kuntest tar-rilokazzjoni, biex jikkwalifika għall-għajnuna reġjonali, kien jeħtieġ li jippreżenta xenarju kontrofattwali 2 għall-Proġett ta’ Investiment, peress li kien f’kuntatt mal-awtoritajiet Ungeriżi responsabbli għal kwistjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat (il-premessa 133 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). Tabilħaqq, wara xi diskussjonijiet preliminari bejn GKN Automotive u l-awtoritajiet Ungeriżi dwar l-inċentivi disponibbli għall-Proġett ta’ Investiment (il-premessa 51 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ), fis-26 ta’ Awwissu 2020, l-Aġenzija Ungeriża għall-Promozzjoni (“HIPA”) kienet wissiet lil GKN Automotive, permezz ta’ email, li biex tirċievi l-approvazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat rilevanti “ikollna nuru li ma hemm l-ebda relazzjoni każwali (28) bejn l-għajnuna potenzjali mill-Istat u l-għeluq ta’ attività f’pajjiż taż-ŻEE. B’konsiderazzjoni ta’ dan ta’ hawn fuq, abbażi tal-konsultazzjoni tagħna mal-Uffiċċju ta’ Sorveljanza tal-Għajnuna mill-Istat Ungeriż, ma naħsbux li din id-dikjarazzjoni tista’ tiġi sostnuta f’dan il-każ” (il-premessa 52 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). Fil-5 ta’ Novembru 2020, l-HIPA kienet ipprovdiet offerta indikattiva ta’ inċentiv għal għotja ta’ flus ta’ EUR [9 – 13]-il miljun u benefiċċju tat-taxxa ta’ EUR [18 – 25] miljun (li flimkien kienu jikkorrispondu għal-limitu massimu applikabbli tal-għajnuna reġjonali), li rrefera għall-Proġett ta’ Investiment li identifika l-Polonja u s-Slovakkja bħala postijiet alternattivi. L-istess email tal-HIPA li tittrażmetti dik l-offerta indikattiva taqra wkoll: “Aħna lesti wkoll li niffaċilitaw laqgħa konġunta mal-Uffiċċju ta’ Sorveljanza tal-Għajnuna mill-Istat, sabiex nagħtu ħarsa aktar mill-qrib lejn il-kwistjonijiet ta’ rilokazzjoni, li jistgħu jservu ta’ gwida tajba matul il-proċedura ta’ notifika lill-Kummissjoni Ewropea” (il-premessa 53 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). |
|
(46) |
Il-Kummissjoni kellha dubji serji li perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ massimu ta’ [4,5 – 5,4] snin kien jikkostitwixxi fattur determinanti, prevalenti fiż-żmien tad-deċiżjoni dwar l-investiment u l-post tal-Proġett ta’ Investiment. L-awtoritajiet Ungeriżi ma pprovdew l-ebda evidenza, kontemporanja għall-avvenimenti inkwistjoni, li tikkonferma l-perjodu ta’ rkupru tal-kost rilevanti, u lanqas ma kienu pprovdew materjal biex jissostanzja l-argument li Melrose kienet talbet li l-perjodu ta’ rkupru tal-kost għall-investiment fl-Ungerija jittejjeb sabiex tintlaħaq il-mira ta’ [4,5 – 5,4] snin. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li hija tistenna li ssib xi referenza għal tali rekwiżit ta’ [4,5 – 5,4] snin jew għall-isforzi biex din tintlaħaq fis-CER għall-Proġett ta’ Investiment jew fid-deskrizzjoni aktar dettaljata mehmuża miegħu (jiġifieri l-preżentazzjoni użata fil-laqgħa ma’ Melrose fit-12 ta’ Novembru 2020) (il-premessa 135 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). Dan kien ibbażat ukoll fuq il-fatt li, fit-talba tan-nefqa kapitali għal proġett ieħor ta’ kost ħafna aktar baxx, sottomessa mill-Ungerija, il-Kummissjoni sabet referenza ċara għall-isforzi meħtieġa biex jitnaqqas il-perjodu ta’ rkupru tal-kost, li f’dak il-każ kien diġà inqas minn [4,5 – 5,4] snin. Id-Deċiżjoni tal-ftuħ tirreferi wkoll għall-fatt li s-CER ma rreferietx għall-Ungerija bħala “ipoteżi ta’ ħidma” biss u għall-fatt li l-formulazzjoni tal-preżentazzjoni (29) tat-12 ta’ Novembru, annessa mas-CER, tindika deċiżjoni dwar il-post li għandha tittieħed minn Melrose (il-premessa 57 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). Din il-preżentazzjoni tinkludi wkoll talba ċara biex “jiġi approvat argument għall-vijabbiltà ta’ [Proġett ta’ Investiment] (30) b’irkupru tal-kost ta’ [5,4 – 7] snin (31), iffrankar rikorrenti ta’ flus ta’ GBP [50 – 65]miljun u kostijiet totali ta’ darba ta’ GBP [220 – 400]miljun” (li minnhom [...]% jikkostitwixxu pagamenti relatati mas-sensja) (il-premessa 54 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). |
|
(47) |
Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar l-eżistenza ta’ politika ta’ investiment stretta li tirrikjedi perjodu massimu ta’ rkupru tal-kost ta’ [4,5 – 5,4] snin li kien ikun applikabbli għall-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet rilevanti wkoll abbażi tal-biċċiet ta’ evidenza elenkati fil-premessa 136 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ (il-premessa (138)). |
|
(48) |
Fir-rigward tax-xenarju kontrofattwali li jinvolvi post tal-investiment fit-Turkija, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-evidenza dokumentarja ulterjuri minn Diċembru 2020 (il-premessa 131 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ) li minnha jidher li post fit-Turkija, bħala post ta’ investiment, tqabbel mar-reġjun magħżul fl-Ungerija, fil-kuntest tad-deċiżjoni preliminari dwar il-post f’Jannar 2021 u tad-deċiżjoni finali dwar il-post f’Diċembru 2021. Madankollu, għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessa (50), il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi li t-Turkija kienet post kontrofattwali ġenwin li fih, fin-nuqqas tal-għajnuna Ungeriża, kien iseħħ il-Proġett ta’ Investiment. |
|
(49) |
Il-Kummissjoni nnotat li ma kienx ċar fuq liema bażi f’Novembru/Diċembru 2020 it-Turkija evolviet bħala l-unika post kontrofattwali għall-Proġett ta’ Investiment li għandu jiġi esplorat aktar. GKN Automotive kienet eskludiet lit-Turkija bħala post potenzjali għall-istabbiliment ta’ impjanti ġodda (32) fil-valutazzjoni inizjali tal-pajjiż f’Novembru 2019 peress li qieset li kienet tippreżenta riskji politiċi. Preżentazzjoni datata fit-13 ta’ Novembru 2019 turi li s-sit eżistenti ta’ GKN Automotive f’Eskişehir (it-Turkija), ġie evalwat fi stadju inizjali tal-valutazzjoni, b’espansjoni sinifikanti “potenzjalment attraenti minħabba [l-]istatus ta’ kostijiet baxxi ħafna”. Fl-istess ħin, tqies li “[l-]istabbiltà politika [tal]-pajjiż toħloq riskju sinifikanti”, u li “d-deċiżjonijiet ta’ investiment OEM fit-Turkija [huma] attwalment [fil]-proċess ta’ rikunsiderazzjoni/kanċellazzjoni minħabba r-riskju tal-pajjiż”. Il-futur issuġġerit għal Eskişehir kien wieħed ta’ “Ebda bidla”. B’konsegwenza ta’ dan, it-Turkija ma ġietx ikkunsidrata aktar fost il-pajjiżi ta’ interess li kellhom jingħataw punteġġ u titqabbel (il-premessa (42)). Sena wara, it-Turkija reġgħet dehret fil-proċess flimkien mal-Polonja, is-Slovakkja, il-Marokk u s-Serbja u evolviet malajr ħafna bħala l-unika alternattiva għall-Ungerija li ġiet esplorata, mingħajr ebda evidenza ta’ segwitu għal kwalunkwe post ieħor. L-Ungerija kienet spjegat li minħabba l-kost komparabbli tal-Proġett ta’ Investiment bejn l-Ungerija u l-Polonja jew is-Slovakkja, it-tibdil tal-post għal wieħed minn dawk il-pajjiżi tal-aħħar ma kienx mistenni li jrendi benefiċċji finanzjarji sinifikanti. Hija spjegat ukoll li l-Marokk u s-Serbja ma ġewx ikkunsidrati minħabba l-vantaġġi offruti mill-impronta lokali diġà eżistenti fit-Turkija. Peress li l-operazzjonijiet eżistenti fit-Turkija huma limitati fid-daqs meta mqabbla mas-siti l-oħra kollha ta’ GKN Automotive, il-Kummissjoni qajmet dubji serji dwar jekk dawk l-operazzjonijiet eżistenti jistgħux fil-fatt jirrappreżentaw fattur deċiżiv għall-għażla tat-Turkija bħala l-uniku post alternattiv għall-Ungerija, mingħajr il-ħtieġa li jsir tqabbil mal-postijiet l-oħra tal-aqwa kost possibbli. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni nnotat li r-Rumanija u l-Bulgarija kienu ġew identifikati wkoll fost il-pajjiżi ta’ interess fil-valutazzjoni inizjali tal-pajjiż (il-premessa (42)) bħala postijiet attraenti ħafna f’termini ta’ kostijiet. Għalkemm dawk iż-żewġ pajjiżi eventwalment ma ġewx magħżula, ma kienx ċar għaliex ma ġewx ikkunsidrati mill-ġdid bħala postijiet b’kostijiet baxxi ħafna. |
|
(50) |
Anki jekk it-Turkija kienet ġiet analizzata bħala alternattiva ġenwina bejn Diċembru 2020 u Diċembru 2021, ma kienx ċar jekk it-Turkija ppreżentatx kontrofattwali reali li GKN Automotive u/jew Melrose, f’Diċembru 2021, kienu jagħżlu fin-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat fl-Ungerija. Il-Kummissjoni qieset li l-Ungerija ma ssostanzjatx biżżejjed kif ir-riskji politiċi, li kienu ġew evalwati bħala fattur ta’ deterrent fl-2019 (il-premessa (49)), kienu nbidlu sa Diċembru 2020, meta t-Turkija ġiet introdotta mill-ġdid bħala post alternattiv. L-Ungerija ma pprovdietx analiżi tar-riskju dettaljata, rapport jew dokument ieħor dwar il-valutazzjonijiet tal-2019, tal-2020 u ta’ Jannar 2021 tar-riskji politiċi u operazzjonali fit-Turkija, u lanqas ma pprovdiet biżżejjed spjegazzjonijiet għaliex Melrose u/jew GKN Automotive qiesu s-sitwazzjoni politika inqas volatili f’Diċembru 2020 jew f’Jannar 2021 meta mqabbla mal-2019 (premessi 143 u 144 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). Minħabba l-fehma ta’ GKN Automotive dwar il-volatilità politika u ekonomika fit-Turkija fi tmiem l-2021 u ż-żieda fir-riskji perċepiti (33), il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk it-Turkija kienet opzjoni ta’ investiment realistika u qieset b’mod preliminari li GKN Automotive kienet tinvesti fl-Ungerija fi kwalunkwe każ (premessi 78 u 144 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). Il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubji dwar ir-raġunament sottostanti tal-kunsiderazzjoni f’Diċembru 2021 li l-Ungerija kienet l-għażla ppreferuta peress li l-inċentivi Ungeriżi “se jikkumpensaw fil-biċċa l-kbira l-vantaġġ finanzjarju tal-għażla tat-Turkija”, minħabba li l-vantaġġ finanzjarju tal-post fit-Turkija (f’termini ta’ VPN) kien biss parzjalment ikkumpensat (inqas minn 50 %) mill-għajnuna offruta mill-awtoritajiet Ungeriżi (il-premessa 145 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). |
2.9.2. Dubji dwar il-proporzjonalità
|
(51) |
Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-proporzjonalità tal-ammont tal-għajnuna fid-dawl tad-dubji tagħha dwar l-effett ta’ inċentiv iżda wkoll fid-dawl tal-inċertezzi relatati mad-daqs tal-investiment. |
|
(52) |
Għad-daqs tal-investiment, il-Kummissjoni nnotat li l-volum tal-produzzjoni proġettat tas-sit li għandu jiġi stabbilit taħt it-tielet mewġa jidher li nbidel b’mod sinifikanti bejn it-Tielet mewġa inizjali u t-Tielet mewġa ġdida filwaqt li r-rekwiżiti tal-art u tal-bini, li huma l-bażi għan-nefqa kapitali kkunsidrata fil-VPN, ma ġewx emendati. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-perjodu ta’ żmien ikkunsidrat għall-kalkolu tal-VPN jippreżenta diskrepanzi fir-rigward taż-żmien indikat tal-bidu tal-produzzjoni u tal-ilħuq tal-kapaċità sħiħa tal-produzzjoni, kif ippreżentat mill-awtoritajiet Ungeriżi. Barra minn hekk, minħabba li (i) il-produzzjoni reali tal-passat taż-żewġ siti eżistenti li għandhom jiġu rilokati bħala riżultat tal-Proġett ta’ Investiment dehret li kienet taħt il-kapaċità maħluqa bil-Proġett ta’ Investiment u, (ii) il-kwantitajiet imbassra tal-bejgħ tal-Proġett ta’ Investiment fis-snin ta’ produzzjoni sħiħa, kif muri fl-analiżi tal-VPN, dehru li kienu taħt il-kapaċità maħluqa bil-Proġett ta’ Investiment, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonferma jekk in-nefqa kapitali biex jiġi stabbilit il-Proġett ta’ Investiment kienet realistika. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li l-Proġett ta’ Investiment kien ippjanat biex jakkomoda trasferimenti ulterjuri taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Mewġiet erbgħa sa sitta tal-Istrateġija. Madankollu, l-awtoritajiet Ungeriżi spjegaw li ma hemm l-ebda pjan konkret biex jiġu implimentati dawk il-mewġiet. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li faċilità tal-produzzjoni ta’ kapaċità aktar baxxa aġġustata għall-ħtiġijiet tal-bejgħ tkun teħtieġ li jiġi kkunsidrat kost aktar baxx fil-kalkolu tal-VPN, li jista’ jaffettwa d-diskrepanza tal-VPN bejn iż-żewġ postijiet u jista’ jkollu impatt fuq il-valutazzjoni tal-proporzjonalità (il-premessa 165 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). |
2.9.3. Dubji dwar effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ
|
(53) |
Fid-dawl tad-dubji tagħha dwar l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna u l-kredibbiltà tax-xenarju kontrofattwali, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi dwar in-nuqqas ta’ effetti negattivi potenzjali tal-għajnuna (it-Taqsima 3.3.6. tad-Deċiżjoni tal-ftuħ), b’mod partikolari dwar jekk l-għajnuna setgħetx kienet kawżali għar-rilokazzjoni (it-Taqsima 3.3.6.4. tad-Deċiżjoni tal-ftuħ) u jekk l-għajnuna tikkontribwixxix, jew issaħħaħ, il-ħolqien ta’ kapaċità żejda f’suq li qed jonqos b’mod assolut u jekk għandhiex effett negattiv ċar fuq il-kompetizzjoni f’dan ir-rigward (it-Taqsima 3.3.6.2. tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). |
3. KUMMENTI MILL-UNGERIJA DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ
3.1. Effett ta’ inċentiv
|
(54) |
L-Ungerija ssottomettiet dikjarazzjoni bil-miktub iffirmata fil-11 ta’ April 2024 mill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv (“CEO”) attwali ta’ GKN Automotive, li fiż-żmien tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-Proġett ta’ Investiment kien il-President tal-Unità tan-Negozju ta’ Driveline u membru ta’ GKN Automotive ET. L-Ungerija ssostni li minħabba s-separazzjoni minn Melrose Group, GKN Automotive ma għadx għandha aċċess għad-dokumenti tal-kumpanija omm preċedenti tagħha li jistgħu jkomplu jissostanzjaw id-dikjarazzjonijiet magħmula matul l-investigazzjoni preliminari u formali u għalhekk talbet lill-Kummissjoni biex tqis din id-dikjarazzjoni ffirmata. L-Ungerija ssostni li b’din id-dikjarazzjoni ffirmata, l-eks President ta’ GKN Automotive tal-Unità tan-Negozju ta’ Driveline u membru ta’ GKN Automotive ET jipprovdi tifkira tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-post tal-Proġett ta’ Investiment, li jappoġġja l-argumenti diġà sottomessi mill-Ungerija matul l-investigazzjoni preliminari u formali. Speċifikament, l-Ungerija tirreferi għall-elementi li ġejjin fid-dikjarazzjoni: (i) “La Melrose, u lanqas GKN Automotive, ma ħadu d-deċiżjoni finali dwar il-post fil-laqgħa” fit-12 ta’ Novembru 2020 u li kellu “fehim ċar li GKN Automotive kellha l-libertà, fit-tentattiv tagħha li tilħaq il-mira finanzjarja imposta minn Melrose, li tbiddel il-post kif ippreżentat fit-talba għan-nefqa kapitali”; (ii) GKN Automotive “kienet tagħżel lit-Turkija, anki fid-dawl tar-riskji politiċi u operazzjonali li GKN Automotive ET kienet identifikat għat-Turkija”“f’każ li GKN Automotive ET kienet tqis li kien hemm riskju materjali għall-approvazzjoni tal-għajnuna”. |
3.1.1. Kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ GKN Automotive
|
(55) |
L-Ungerija ssostni li Melrose hija investitur finanzjarju u bħala tali tpoġġi enfasi akbar fuq l-impatti finanzjarji u ġeneralment tqis “perjodi ta’ żmien ħafna iqsar għall-perjodi ta’ rkupru tal-kost” għar-rilaxx ta’ fondi milli fuq kumpaniji tal-manifattura konvenzjonali li jikkunsidraw, pereżempju, strateġiji fit-tul meta jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment u, għalhekk, huma lesti li jaċċettaw perjodi itwal ta’ rkupru tal-kost. L-Ungerija tqis li l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpaniji tal-manifattura konvenzjonali, peress li l-Kummissjoni tintuża biex tivvaluta fl-analiżi tal-kompatibbiltà tagħha ta’ każijiet notifikati oħra, ma jistgħux jitqabblu mal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-investituri finanzjarji. |
|
(56) |
L-Ungerija ttenni li Melrose ma kinitx responsabbli għad-deċiżjoni dwar il-post peress li ma tinvolvix ruħha direttament fit-teħid ta’ deċiżjonijiet operazzjonali tal-kumpaniji tal-portafoll tagħha. Ir-rwol ta’ Melrose fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet huwa limitat għall-għoti ta’ approvazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ “importanza finanzjarja għolja”. Skont l-Ungerija, Melrose tagħti s-setgħa lit-timijiet maniġerjali tal-kumpaniji tal-portafoll permezz tal-użu ta’ Politika tad-Delegazzjoni tal-Awtorità, pereżempju, biex jieħdu deċiżjonijiet kummerċjali. F’dan il-kuntest, l-Ungerija ssottomettiet il-Politika tad-Delegazzjoni tal-Awtorità (“DoA”, Delegation of Authority) ta’ GKN, dokument li jistabbilixxi l-limiti ta’ approvazzjoni għal kwistjonijiet li jeħtieġu awtorizzazzjoni fil-livelli kollha ta’ ġestjoni, sa u inkluża Melrose u li, skont l-Ungerija, (i) juri li s-setgħat ta’ Melrose huma kkonċentrati b’mod predominanti fuq kwistjonijiet finanzjarji, bħall-infiq kapitali ogħla minn ċertu valur, finanzjament u sigurtà filwaqt li kwistjonijiet bħar-riżorsi umani, il-kuntratti legali, tax-xiri u tal-fornituri, il-konsulenti, l-esperti u l-aġenti inkarigati mill-bejgħ, l-ipprezzar tal-klijenti u l-kuntratti jiġu deċiżi primarjament f’ GKN Automotive, bl-involviment ta’ Melrose meħtieġ biss meta s-suġġett ikun ta’ importanza finanzjarja għolja; u (ii) ma jirrigwardax deċiżjonijiet operazzjonali bħall-penetrazzjoni tas-suq jew l-ispeċifiċitajiet tal-bidliet fl-impronta tal-manifattura (inklużi deċiżjonijiet dwar [trasferiment ta’ negozju] u stabbilimenti ta’ siti ġodda). |
|
(57) |
L-Ungerija ssostni li Melrose teħtieġ li tirrieżamina deċiżjonijiet ta’ investiment sinifikanti biex tiżgura li jkunu adegwati u qed li jissodisfaw l-indikaturi tal-prestazzjoni finanzjarja mistennija bħall-perjodi ta’ irkupru tal-kost. Ma hemm l-ebda regola formali li tistabbilixxi livelli limiti f’termini ta’ perjodu ta’ rkupru tal-kost; pjuttost, tali livelli limiti huma bbażati fuq prattika komuni. Melrose tqis li, fir-rwol tagħha bħala investitur finanzjarju, l-għan ewlieni tagħha huwa li timmassimizza l-valur tal-azzjonisti billi tiġġestixxi l-allokazzjoni tal-kapital b’mod strett, filwaqt li tieħu pożizzjoni soda dwar il-profittabbiltà finanzjarja tal-opportunitajiet li wieħed ifittex jew jirrifjuta. L-opportunitajiet għandhom it-tendenza li jiġu kklassifikati abbażi tat-tul tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost tagħhom. Biex tiddokumenta l-prattika interna ta’ Melrose rigward il-perjodu ta’ rkupru tal-kost aċċettabbli tal-proġetti, l-Ungerija tirreferi għal email ta’ Melrose tas-6 ta’ Awwissu 2021, sottomessa fil-kuntest tal-eżami preliminari tal-Kummissjoni tal-għajnuna bħala parti minn tweġiba għal talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni (il-premessa (3)), li tindika li “... għal tagħmir kapitali ta’ rutina, għandna t-tendenza li nħarsu lejn investimenti b’irkupru tal-kost taħt [2,1 – 2,9] snin. Għal xiri akbar nistgħu nikkunsidraw xi ħaġa ftit itwal iżda ma nikkunsidraw xejn b’irkupru tal-kost li jaqbeż [4,5 – 5,4] snin – din hija linja ħamra għalina u sempliċiment ma tkunx attraenti minħabba r-restrizzjonijiet fuq [...]. Filwaqt li xejn ma huwa ddokumentat, għandna rekord b’saħħtu ta’ konformità ma’ din il-politika ġenerali u ċertament ma nistax infakkar f’każijiet fejn ġie approvat irkupru tal-kost ta’ aktar minn [4,5 – 5,4] snin”. |
|
(58) |
Il-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ Melrose huma l-Bord tad-Diretturi ta’ Melrose, l-ogħla korp legali tat-teħid tad-deċiżjonijiet, responsabbli għall-ġestjoni strateġika ta’ Melrose u s-sussidjarji kollha tagħha, u d-Diretturi Eżekuttivi u l-Maniġment ta’ Melrose, il-korp responsabbli għall-ġestjoni ta’ kuljum ta’ Melrose u għas-sorveljanza finanzjarja tas-sussidjarji tagħha, bħall-approvazzjoni tal-istrateġija, il-baġits, il-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju, l-investimenti sinifikanti u d-deċiżjonijiet materjali oħra. F’dan il-kuntest, l-Ungerija tiċċara li l-entità f’Melrose li kellha l-kompetenza li tapprova l-baġit tal-Proġett ta’ Investiment kienu d-Diretturi Eżekuttivi u l-Maniġment ta’ Melrose. |
|
(59) |
L-Ungerija ssostni li fl-argument għall-vijabbiltà ppreżentat lid-Diretturi Eżekuttivi u l-Maniġment ta’ Melrose fit-12 ta’ Novembru 2020, il-post tal-Proġett ta’ Investiment fl-Ungerija ntuża bħala ipoteżi ta’ ħidma minħabba l-klassifikazzjoni favorevoli tal-pajjiż fit-tabella tal-għażla tal-post fil-livell tal-pajjiż (ftit wara l-Polonja) u fil-livell reġjonali (aħjar minn kwalunkwe reġjun Ewropew ieħor, inklużi dawk fil-Polonja). Id-Diretturi Eżekuttivi u l-Maniġment ta’ Melrose rrikonoxxew il-ħtieġa strateġika biex GKN Automotive tikkonsolida l-impronta Ewropea tagħha sabiex tiżgura l-kompetittività fit-tul, u rrikonoxxew il-ħtieġa għal approvazzjoni inizjali tal-fondi biex GKN Automotive ET tkun tista’ tagħmel progress fil-proġett. Għalhekk, hija tat l-approvazzjoni inizjali tagħha għall-finanzjament. Kif issostni l-Ungerija, fl-istess ħin, id-Diretturi Eżekuttivi u l-Maniġment ta’ Melrose kkontestaw il-perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [5,4 – 7] snin li jaqbeż il-livell limitu ta’ [4,5 – 5,4] snin u talbu lil GKN Automotive ET biex iżżid l-attraenza finanzjarja tal-argument għall-vijabbiltà biex tikkonforma magħha. F’dan il-kuntest, kif issostni l-Ungerija, GKN Automotive kienet imġiegħla tikkunsidra mill-ġdid il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett, u, għalhekk, il-post, bħala mod kif tindirizza t-talba ta’ Melrose. Abbażi ta’ dan, GKN Automotive ET inkarigat lit-tim tal-proġett tal-għażla tas-sit (34) biex jelabora x-xenarju tat-twettiq tal-Proġett ta’ Investiment fit-Turkija. |
|
(60) |
L-Ungerija tispjega li ma hemm l-ebda minuti tal-laqgħa tat-12 ta’ Novembru 2020. L-Ungerija sottomettiet dikjarazzjoni bil-miktub dwar din il-laqgħa, li tħejjiet f’Jannar 2023, u li ġiet iffirmata fl-10 ta’ Frar 2023 mill-parteċipanti ta’ Melrose u ta’ GKN Automotive għal din il-laqgħa, sabiex tiċċara n-natura tad-diskussjoni u tad-deċiżjonijiet meħuda matul il-parti tal-laqgħa li kienet tirrigwarda r-Rieżami tal-Argument għall-Vijabbiltà tal-[Proġett ta’ Investiment] (“il-minuti retrospettivi tal-laqgħa tat-12 ta’ Novembru 2020”). Skont din id-dikjarazzjoni, matul dik il-laqgħa, “[membru ta’ Melrose] jqajjem tħassib dwar il-vijabbiltà finanzjarja tal-argument għall-vijabbiltà abbażi li l-perjodu ta’ rkupru tal-kost kien jaqbeż [4,5 – 5,4] snin. Huwa elabora li perjodu twil ta’ rkupru tal-kost ifisser li Melrose Industries jistgħu ma jarawx redditu sħiħ fuq l-investiment tagħhom fi flus kontanti fuq il-proġett matul il-perjodu ta’ sjieda tagħhom. Madankollu, il-parteċipanti kollha tal-laqgħa qablu dwar il-ħtieġa strateġika tal-proġett biex in-negozju GKN Driveline jibqa’ validu fil-futur, minkejja li l-irkupru tal-kost kien inqas attraenti milli normalment jitqies aċċettabbli. Wara diskussjoni, ir-rappreżentanti ta’ Melrose Industries urew l-approvazzjoni tagħhom tal-argument għall-vijabbiltà tal-proġett, u b’hekk ippermettew li l-proġett jipproċedi abbażi tal-baġit tal-proġett. Madankollu, huma inkarigaw lit-tim ta’ GKN Automotive biex jirrevedi s-suppożizzjonijiet tal-proġett sabiex jidentifika modi kif jista’ jittejjeb l-irkupru tal-kost tal-proġetti għal inqas minn [4,5 – 5,4] snin billi jżid il-valur u/jew inaqqas il-kost”. |
|
(61) |
L-Ungerija ssottomettiet l-email tad-9 ta’ Diċembru 2020 minn Melrose lil GKN Automotive fejn hemżet is-CER iffirmata, li taqra kif ġej: “jekk jogħġbok, ħu nota tal-kummenti li ġejjin: Kif diskuss fir-reviżjoni tal-baġit, aħna naqblu mal-kunċett/l-istampa ġenerali. Għalhekk, iffirmajna l-formola. Madankollu, din mhijiex approvazzjoni ġenerali biex jintefqu £[220 – 400]miljun. Nixtiequ niġu aġġornati hekk kif kull element jimxi ’l quddiem u anki kif l-argument għall-vijabbiltà jsir aktar ċar, pereżempju £[…]miljun għal […] kważi ċertament mhux se jkun in-numru finali eċċ. Għalhekk, jekk jogħġbok żommna aġġornati dwar kull element, u aqsam kif xieraq – forsi separatament għal kull stadju li identifikajt”. L-Ungerija ssostni li din l-email stipulat b’mod ċar il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-argument għall-vijabbiltà minn Melrose. Melrose ma pprovdietx “approvazzjoni ġenerali biex tonfoq £[220 – 400]miljun” u Melrose approvat it-talba peress li kienet “bi qbil mal-kunċett/mal-istampa l-kbira” iżda kienet qed tistenna li “tiġi aġġornata hekk kif kull element jimxi ’l quddiem u hekk kif l-argument għall-vijabbiltà jsir aktar ċar”. |
|
(62) |
L-Ungerija taqbel mal-osservazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 128 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, fejn tqis li l-lingwaġġ tan-noti tal-laqgħa u d-dokument ta’ tħejjija tal-laqgħa ta’ GKN Automotive ET tat-12 ta’ Awwissu 2020, jistgħu jissuġġerixxu li Melrose kienet il-korp deċiżjonali fir-rigward tal-għażla tas-sit għall-Proġett ta’ Investiment. Madankollu, fil-kuntest tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti dwar l-involviment ta’ Melrose fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpaniji tal-portafoll tagħha (il-premessa (56)), l-Ungerija ssostni li r-referenzi kollha għall-approvazzjoni tal-għażla tal-art minn Melrose fin-noti tal-laqgħa u d-dokument ta’ tħejjija tal-laqgħa ta’ GKN Automotive ET tat-12 ta’ Awwissu 2020, għandhom jitqiesu biss fil-kuntest usa’ tar-rieżami ġenerali tal-argument għall-vijabbiltà, u jenħtieġ li jinqraw bħala “dokument għall-approvazzjoni ta’ Melrose tal-argument għall-vijabbiltà mal-Ungerija bħala ipoteżi ta’ ħidma għall-post tal-investiment”. Dawn id-dokumenti jirriflettu biss id-diskussjonijiet fi ħdan GKN Automotive ET. Kienet GKN Automotive ET li pproponiet l-għażla li ssegwi l-Proġett ta’ Investiment fl-Ungerija bħala parti mill-argument ġenerali għall-vijabbiltà li ġie ppreżentat lil Melrose fit-12 ta’ Novembru 2020. Il-preżentazzjoni għal din il-laqgħa tiddokumenta l-informazzjoni ppreżentata lil Melrose f’din id-data, li turi li GKN Automotive ET talbet lill-azzjonist tagħha deċiżjoni biex “tapprova argument għall-vijabbiltà ta’ [Proġett ta’ Investiment] b’irkupru tal-kost ta’ [5,4 – 7] snin ...”. L-Ungerija tispjega li GKN Automotive ET ma talbitx li l-Ungerija tiġi approvata bħala post ta’ investiment. |
|
(63) |
L-Ungerija tispjega li GKN Automotive għamlet kuntatt ma’ kumpanija ta’ konsulenza biex titlob appoġġ estern dwar il-post u s-servizzi relatati mal-inċentivi. L-awtoritajiet Ungeriżi ssottomettew talba għal servizz mibgħuta lill-kumpanija ta’ konsulenza fis-27 ta’ Novembru 2020, li fil-fehma tagħhom turi b’mod ċar li kien il-fehim tat-tim tal-proġett tal-għażla tas-sit f’dak iż-żmien li “ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni definittiva għall-proġett jew għal sit”. L-Ungerija ssostni li din it-talba għal servizz turi wkoll li ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar il-post, li hija appoġġjata wkoll minn laqgħa stabbilita fis-16 ta’ Novembru 2020 – jumejn tax-xogħol wara li Melrose kienet ikkontestat l-argument għall-vijabbiltà għall-Proġett ta’ Investiment – li fiha t-tim tal-proġett tal-għażla tas-sit iddiskuta kif tista’ tittejjeb il-vijabbiltà finanzjarja tal-proġett, inkluża l-investigazzjoni ta’ postijiet alternattivi potenzjali (il-premessa 59 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). |
|
(64) |
L-Ungerija kkummentat ukoll dwar l-osservazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 134 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, fejn jidher li d-dokumenti tal-applikazzjoni għall-għajnuna sottomessi lill-awtoritajiet Ungeriżi kienu soġġetti wkoll għall-approvazzjoni ta’ Melrose. L-Ungerija ssostni li, fil-fatt, tali referenza tidher fil-preżentazzjoni għal-laqgħa tad-Deċiżjoni dwar l-Għażla tal-art tad-29 ta’ Jannar 2021. Madankollu, dan kien jikkonċerna proposta tat-tim tal-proġett tal-għażla tas-Sit lil GKN Automotive ET, li miegħu t-tim tal-proġett tal-għażla tas-Sit “ried jittestja s-sensittività ta’ Melrose għall-involviment ta’ kwalunkwe parti interessata politika”. It-tim tal-proġett tal-għażla tas-Sit kien qed ifittex gwida mingħand GKN Automotive ET dwar jekk jikkondividix id-dokumenti tal-applikazzjoni għall-għajnuna ma’ Melrose. L-Ungerija ssostni li din il-proposta ma nbidlitx għal kompitu, kif ippreżentat fil-minuti tal-laqgħa, fejn ir-rieżami tad-dokumenti ta’ applikazzjoni għall-għajnuna minn Melrose ma ssemmiex. |
|
(65) |
L-Ungerija ssostni wkoll li l-formulazzjonijiet mill-preżentazzjonijiet u l-minuti tal-laqgħat relatati mal-laqgħat ta’ GKN Automotive ET juru l-livell ta’ involviment ta’ Melrose fil-proġett u ttenni l-pożizzjoni tagħha li Melrose ma ddeċidietx dwar il-post. Pereżempju, fil-laqgħa tad-29 ta’ Jannar 2021, GKN Automotive ET beħsiebha “tallinja d-deċiżjoni finali u l-eżitu tal-oġġezzjoni tal-argument għall-vijabbiltà ma’ Melrose”. Dan ifisser li d-deċiżjoni finali dwar il-post meħuda minn GKN Automotive ET jenħtieġ li tiġi kkomunikata lil Melrose bħala parti mir-rieżami tal-argument għall-vijabbiltà. Fil-minuti tal-laqgħa, li fihom il-konklużjonijiet li mfassla fil-laqgħa, Melrose mhijiex imsemmija fl-ebda punt ta’ azzjoni. Il-minuti tal-laqgħa tad-9 ta’ Diċembru 2021, li matulhom, skont l-Ungerija, ittieħdet id-deċiżjoni finali dwar il-post, isemmu li GKN Automotive ET għandha “tinforma lil Melrose dwar il-konklużjoni dwar id-deċiżjoni finali dwar il-post”. L-Ungerija ssostni li dan ifisser b’mod ċar li d-deċiżjoni ttieħdet fi ħdan u minn GKN Automotive ET u mingħajr ebda approvazzjoni minn Melrose. |
|
(66) |
Fl-aħħar nett, l-Ungerija ssostni li kieku Melrose kienet dik li tieħu d-deċiżjonijiet finali, allura kienet twaqqaf lil GKN Automotive milli tinvestiga post alternattiv potenzjali għall-Proġett ta’ Investiment fit-Turkija, u kinux jinħlew ir-riżorsi. Fil-fatt, minkejja li nżammet informata mis-CEO ta’ GKN Automotive u minn GKN Automotive ET, Melrose ma interferietx biex twaqqaf l-investigazzjoni tal-post alternattiv. Dan jissuġġerixxi li jekk GKN Automotive ET ikkonkludiet li t-Turkija kienet l-għażla ppreferuta, Melrose kienet tkun lesta li tirrevedi d-deċiżjoni. |
3.1.2. Perjodu ta’ rkupru tal-kost mistenni minn Melrose
|
(67) |
L-Ungerija ssostni li l-minuti retrospettivi tal-laqgħa tat-12 ta’ Novembru 2020 u l-email ta’ Melrose tas-6 ta’ Awwissu 2021 jikkostitwixxu evidenza kontemporanja tal-mira finanzjarja ta’ massimu ta’ [4,5 – 5,4] snin ta’ rkupru tal-kost li l-Proġett ta’ Investiment kellu jissodisfa fiż-żmien tad-deċiżjoni dwar l-investiment u l-post. |
|
(68) |
Fir-rigward tal-fehma preliminari tal-Kummissjoni li “l-irkupru tal-kost mhuwiex l-unika kunsiderazzjoni għat-teħid ta’ deċiżjonijiet u mhux neċessarjament kellu jiġi evalwat mewġa, mewġa” fil-premessa 136(a) tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, l-Ungerija ssostni li l-proġetti kollha li jirriżultaw mill-Istrateġija ġew evalwati individwalment. Filwaqt li hemm xi element tal-benefiċċju finanzjarju totali tal-Istrateġija li jiġi żblukkat biss jekk l-Istrateġija kollha – jew tal-inqas l-akbar parti – tiġi implimentata (eż., benefiċċju sħiħ tal-kapital operatorju), il-mewġiet jistgħu jkunu u jiġu evalwati separatament għall-implimentazzjoni. L-Istrateġija f’sitt mewġiet tipprovdi l-bażi għal valutazzjoni tal-fattibbiltà aktar dettaljata u l-istabbiliment u l-approvazzjoni eventwali ta’ proġetti separati li għandhom jiġu implimentati taħt il-mewġiet. Bħala eżempju, l-Ungerija rreferiet għall-proġett “[proġett ta’ investiment A]”, li kien diġà ġie approvat f’April 2019, b’kalkolu tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost speċifiku għal dak il-proġett. Għaldaqstant, il-proġetti l-oħra kollha li rriżultaw mill-Istrateġija ġew evalwati individwalment. L-Ungerija ssostni wkoll li għal kull proġett fi ħdan il-mewġiet, il-perjodu ta’ rkupru tal-kost għal kull proġett kien deċiżiv. L-Ungerija pprovdiet, f’dan il-kuntest, tabella sommarja (35) li telenka erba’ proġetti, li tlieta minnhom kienu parti mill-Ewwel mewġa tal-Istrateġija u wieħed kien jikkonċerna proġett ieħor (36). Dawk il-proġetti għandhom perjodi ta’ rkurpu tal-kost ta’ [3,1 – 4,2], [3,5 – 4,4], [2,2 – 2,9] u [2,5 – 3,1] snin rispettivament, li, skont l-Ungerija, juru li l-perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [5,4 – 7] snin tal-Proġett ta’ Investiment huwa “agħar minn kwalunkwe proġett Ewropew ieħor fil-portafoll reċenti ta’ proġetti tal-kumpanija”. |
|
(69) |
L-Ungerija kkummentat ukoll dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessa 136, il-punt (b) tad-Deċiżjoni tal-ftuħ li għad-diversi aġġornamenti tal-argument għall-vijabbiltà għat-Tielet mewġa ġdida, il-perjodu ta’ rkupru tal-kost dejjem qabeż [4,5 – 5,4] snin u li, fid-dokument ta’ tħejjija għal-laqgħa ta’ GKN Automotive ET tat-12 ta’ Awwissu 2020, kien hemm referenza għal perjodu ta’ rkupru tal-kost fil-mira ta’ massimu ta’ [5,6 – 7,2] snin. L-Ungerija ssostni li l-ħtieġa li jittejjeb il-perjodu ta’ rkupru tal-kost tat-Tielet mewġa (b’perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [7,5 – 11] snin fl-argument għall-vijabbiltà inizjali minn isfel għal fuq) irriżultat f’bidla fl-approċċ (it-Tielet mewġa ġdida). Wara l-bidla fl-approċċ li jinkludi l-limitazzjoni tal-għadd ta’ siti ġodda għal wieħed biss, il-perjodu ta’ rkupru tal-kost tal-proġett tnaqqas internament għal [firxa ta’ bejn 5 – 7] snin, li “ppreżenta biss il-firxa probabbli tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost tal-argument għall-vijabbiltà sensittiv għal xi suppożizzjonijiet ewlenin”. L-Ungerija tispjega li l-mira ta’ inqas minn [5,6 – 7,2] snin kif imsemmi fid-dokument ta’ tħejjija għal-laqgħa ta’ GKN Automotive ET tat-12 ta’ Awwissu 2020 hija pjuttost “il-kompitu intern tat-tim tal-proġett GKN li jwettaq proġett b’finanzi mhux agħar minn [5,6 – 7,2] snin” filwaqt li l-livell limitu finanzjarju komuni għal proġetti ta’ kamp ta’ applikazzjoni simili li għandhom jiġu approvati minn Melrose huwa ta’ [4,5 – 5,4] snin. L-Ungerija żżid tgħid ukoll li GKN Automotive ET kienet konxja minn dan ir-rekwiżit meta talbet formalment l-approvazzjoni tas-CER, li f’dan il-każ kien ifisser reviżjoni ulterjuri tal-argument għall-vijabbiltà. Sabiex tissostanzja l-għarfien ta’ GKN Automotive ET, l-Ungerija tirreferi għat-tabella li tipprovdi l-perjodu ta’ rkupru tal-kost f’proġetti oħra ta’ GKN Automotive imsemmija fil-premessa (68). |
|
(70) |
Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessa 136(c) tad-Deċiżjoni tal-ftuħ li jindikaw in-nuqqas ta’ kwalunkwe reazzjoni tal-Uffiċjal Kap Finanzjarju (“CFO”) għall-abbozz tal-preżentazzjoni għar-rieżami tal-argument għall-vijabbiltà ta’ Melrose tal-10 ta’ Novembru 2020, li rrefera b’mod ċar għal perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [5,4 – 7] snin, l-Ungerija tispjega li s-CFO ma kienx mistenni li jikkummenta dwar tali materjal li nqara minn qabel, peress li kien involut – sa dak il-mument – f’serje ta’ diskussjonijiet biex titħejja dik il-laqgħa tat-12 ta’ Novembru 2020, li kienet tinvolvi r-reviżjoni tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost. L-Ungerija tirreferi għall-aħħar rieżami minn qabel tal-finanzi qabel il-laqgħa tat-12 ta’ Novembru 2020 li saret fit-30 ta’ Ottubru 2020, u pprovdiet stedina għal laqgħa online tat-30 ta’ Ottubru 2020 u preżentazzjoni intitolata “Analiżi tal-Argument għall-Vijabbiltà: [Proġett ta’ Investiment]”. Skont l-Ungerija, wara l-laqgħa tat-12 ta’ Awwissu 2020, GKN Automotive ET ma setgħetx tnaqqas il-perjodu ta’ rkupru tal-kost li, għalhekk, kien ippreżentat bħala ta’ [5,5 – 7,5] snin fil-laqgħa ta’ qabel ir-rieżami tat-30 ta’ Ottubru 2020. L-Ungerija tispjega li l-perjodu ta’ rkupru tal-kost jista’ jitnaqqas wara diskussjoni mas-CFO, li kien qed jistenna li jimbuttah taħt [4.5 – 5,4] snin. Abbażi ta’ dik id-diskussjoni, it-tim tal-proġett tal-għażla tas-Sit ħadem biex jagħmel xi titjib ulterjuri fil-finanzi li wasslu lil GKN Automotive ET biex tnaqqas l-irkupru tal-kost għal [5,4 – 7] snin, kif ġie ppreżentat lil Melrose fit-12 ta’ Novembru 2020. |
|
(71) |
L-Ungerija tfakkar li l-objettiv tal-Istrateġija kien li tissalvagwardja l-kompetittività ta’ GKN Automotive f’ambjent tas-suq dejjem aktar kompetittiv billi tikkonsolida l-impronta tal-produzzjoni Ewropea ineffiċjenti u mxerrda tagħha u ċċaqlaq il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha għal postijiet aktar kosteffettivi. Għalhekk, “GKN Automotive irrealizzat li l-Kumpanija kellha tipproċedi bil-Proġett ta’ Investiment biex issir kompetittiva f’termini ta’ prezz, biex tkun tista’ tirbaħ negozji ġodda minn naħa waħda, u biex tissodisfa l-aspettattivi finanzjarji mill-azzjonist min-naħa l-oħra”. L-Ungerija ssostni wkoll li minkejja l-fatt li l-perjodu ta’ rkupru tal-kost ma kienx inqas minn [4,5 – 5,4] snin, “GKN Automotive ET kienet imħassba dwar l-impatt negattiv potenzjali li jista’ jkollu dewmien fuq l-iskeda ta’ żmien ġenerali tal-proġett – u minħabba n-natura strateġika importanti tal-proġett, iddeċidiet li tkompli tiddiskuti l-argument għall-vijabbiltà mad-Diretturi Eżekuttivi u l-Maniġment ta’ Melrose fit-12 ta’ Novembru 2020 anki b’irkupru tal-kost ta’ [5,4 – 7] snin.”. B’referenza għal-laqgħa ta’ rieżami tal-argument għall-vijabbiltà tat-12 ta’ Novembru 2020, l-Ungerija żżid li “l-parteċipanti kollha tal-laqgħa qablu dwar il-ħtieġa strateġika li jiġi implimentat il-proġett biex jiġi żgurat il-futur tan-negozju GKN Driveline, minkejja li l-irkupru tal-kost kien inqas attraenti milli normalment jitqies aċċettabbli”. Madankollu, Melrose kkontestat l-argument għall-vijabbiltà u tat struzzjonijiet lil GKN Automotive biex tfittex titjib finanzjarju ulterjuri. Peress li s-suppożizzjonijiet finanzjarji kollha diġà ġew ikkunsidrati mill-ġdid u mtejba diversi drabi, GKN Automotive ET ma kinitx kapaċi tkompli tnaqqas l-irkupru tal-kost mingħajr bidla fundamentali tas-suppożizzjonijiet ewlenin, jiġifieri, mingħajr ma jitqies post potenzjali ieħor. L-Ungerija ssostni wkoll li GKN Automotive ET ikkonkludiet, abbażi ta’ diskussjonijiet interni preċedenti u skambji regolari mad-Diretturi Eżekuttivi u l-Maniġment ta’ Melrose, li tinvestiga post b’kostijiet baxxi ħafna biex tara jekk jeżistix argument għall-vijabbiltà li finanzjarjament kien aktar attraenti. B’riżultat ta’ dan, it-tim tal-proġett tal-għażla tas-Sit żviluppa l-għażla li jinvesti fit-Turkija, bħala l-post alternattiv b’kostijiet baxxi ħafna, b’mod partikolari, għall-espansjoni tal-operazzjoni eżistenti f’Eskişehir. Skont l-Ungerija, is-CEO ta’ GKN Automotive żamm lil Melrose aġġornata dwar l-iżvilupp ulterjuri ta’ din l-alternattiva. |
|
(72) |
Fir-rigward tan-nuqqas ta’ evidenza tal-kalkolu/kunsiderazzjoni tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost għall-postijiet alternattivi (it-Turkija, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Serbja jew il-Marokk) li, skont l-Ungerija, ġew ikkunsidrati qabel il-konklużjoni li tiġi promossa t-Turkija bħala l-uniku post alternattiv (il-premessa 136(d) tad-Deċiżjoni tal-ftuħ), l-Ungerija ssostni li meta wieħed iħares lejn il-postijiet li ġew it-tieni fil-valutazzjoni inizjali tal-pajjiż (il-Polonja u s-Slovakkja) ma kienx mistenni li jrendu benefiċċji finanzjarji sinifikanti minħabba kost komparabbli għall-Ungerija u li postijiet oħra b’kostijiet baxxi ħafna mingħajr operazzjonijiet eżistenti ta’ GKN tqiesu inqas realistiċi u inqas vijabbli f’termini ta’ teħid rapidu ta’ deċiżjonijiet. |
|
(73) |
Fir-rigward tal-introduzzjoni tat-Turkija mingħajr ebda valutazzjoni f’termini ta’ perjodu ta’ rkupru tal-kost (il-premessa 136(e) tad-Deċiżjoni tal-ftuħ), l-Ungerija tenfasizza d-differenza bejn żewġ linji ta’ ħidma, kull wieħed bil-metodoloġija ta’ evalwazzjoni tiegħu stess: (i) “approvazzjoni minn qabel tal-finanzjament ġenerali” (rilaxx ta’ finanzjament) għat-Tielet mewġa ġdida tat-trasformazzjoni tal-impronta f’Novembru 2020 u (ii) l-oġġezzjoni tal-argument għall-vijabbiltà li bdiet analiżi ulterjuri tal-post. L-ewwel linja ta’ ħidma kienet ibbażata fuq il-metodu tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost u użat “post preżunt” biex tirrilaxxa l-finanzjament. It-tieni linja ta’ ħidma użat il-metodu tal-VPN, li deher aktar xieraq għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fit-tul, peress li “t-tqabbil tal-VPN ippermetta fehim aktar differenzjat tal-impatt tal-linji tal-flus mistennija fiż-żewġ postijiet. Il-kumpanija ġiet informata wkoll li t-tqabbil tal-VPN kien l-approċċ standard meħtieġ sabiex jintwera rekwiżit ta’ finanzjament, rilevanti għall-għajnuna reġjonali.”. L-Ungerija spjegat li Melrose, bħala investitur finanzjarju qed tfittex li tinvesti, tirkupra u tinvesti mill-ġdid malajr kemm jista’ jkun, u għalhekk tuża l-perjodu ta’ rkupru tal-kost meta tieħu deċiżjoni. Għalhekk, GKN Automotive kienet obbligata li tikkalkula l-perjodu ta’ rkupru tal-kost biex tikseb l-approvazzjoni għall-finanzjament. Fl-istess ħin, wara li kisbet l-approvazzjoni, GKN Automotive, bħala kumpanija tal-manifattura konvenzjonali li kienet qed tfittex approċċ aktar fit-tul għall-investiment tal-proġett u tfittex bilanċ aħjar tal-proġetti u l-investimenti sabiex jittieħdu l-passi kollha neċessarji fir-rigward il-ħtiġijiet tagħhom fuq terminu medju u twil, użat, f’Jannar tal-2021, il-metodoloġija tal-VPN “biex tikkonferma suppożizzjoni ta’ post għall-proġett, mhux biex tittieħed id-deċiżjoni finali dwar il-post”. L-Ungerija ssostni wkoll li l-preżentazzjoni għal-laqgħa tad-29 ta’ Jannar 2021 ġiet sostitwita bil-preżentazzjoni għal-laqgħa tad-9 ta’ Diċembru 2021, b’din tal-aħħar tinkludi rapport iktar komprensiv li jinkludi kemm il-perjodu ta’ rkupru tal-kost kif ukoll it-tqabbil tal-VPN tal-aħħar żewġ postijiet, li kien il-bażi tad-deċiżjoni finali dwar il-post fid-9 ta’ Diċembru 2021, favur l-Ungerija li tassumi l-ammont sħiħ ta’ għajnuna li ppermettiet li jintlaħaq il-livell limitu ta’ rkupru tal-kost ta’ [4,5 – 5,4] snin u b’kont meħud kemm ta’ fatturi finanzjarji kif ukoll mhux finanzjarji. Il-VPN jintuża wkoll b’mod komuni minn GKN Automotive f’kuntesti oħra bħall-akkwiżizzjoni ta’ negozju ġdid. F’dan ir-rigward, l-Ungerija tindika lill-Kummissjoni li għal proġetti kbar oħra ta’ investiment, fejn il-benefiċjarji kienu kumpaniji tal-manifattura konvenzjonali, id-deċiżjonijiet ittieħdu abbażi tal-kalkoli tal-VPN, mhux abbażi ta’ perjodi ta’ rkupru tal-kost. |
|
(74) |
Għalhekk, l-Ungerija tqis li l-metodu tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost jidher li huwa inqas xieraq għal deċiżjonijiet strateġiċi fit-tul u temmen li l-analiżi tal-VPN ippermettiet aħjar lil-mexxejja ta’ GKN Automotive biex jifhmu l-kostijiet u l-benefiċċji speċifiċi għall-post kif ukoll motivaturi tal-prestazzjoni tul il-ħajja kollha tal-proġett. Fil-fehma tagħhom, ma kienx meħtieġ u mhux korrett li jintuża l-metodu tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost fl-analiżi tal-post imwettqa wara li Melrose kienet ikkontestat l-argument għall-vijabbiltà għall-Proġett ta’ Investiment. |
|
(75) |
Fir-rigward tal-osservazzjoni tal-Kummissjoni li l-perjodu ta’ rkupru tal-kost inkluż fis-CER ta’ Novembru 2020 ma qiesx id-dħul mill-bejgħ ta’ art u bini fiż-żewġ faċilitajiet ta’ produzzjoni eżistenti li kellhom jiġu rilokati lejn l-Ungerija (il-premessa 136(f) tad-Deċiżjoni tal-ftuħ), l-Ungerija ssostni li hija prattika komuni f’GKN Automotive li ma jiġux meqjusa dawk l-elementi f’każijiet tal-argument għall-vijabbiltà. Fir-rigward tal-fatt li s-CER ma qiesitx l-ammont tal-għajnuna tal-offerta tal-għajnuna indikattiva, l-Ungerija ssostni li GKN Automotive aġixxiet b’mod prudenti peress li fiż-żmien tar-rieżami tal-argument għall-vijabbiltà, l-għajnuna ma kinitx meqjusa bħala ċerta. Barra minn hekk, kif issostni l-Ungerija, GKN Automotive kienet taf li, minħabba r-rilokazzjoni prevista tagħha minn siti Ewropej oħra, kwalunkwe għajnuna kienet teħtieġ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. |
|
(76) |
L-Ungerija tikkonkludi li l-perjodu ta’ rkupru tal-kost tal-’ [4,5 – 5,4] snin kien kriterju deċiżiv fir-rigward tal-miżura notifikata. L-aspettattiva ta’ Melrose kienet b’mod ċar li ttejjeb il-perjodu ta’ rkupru tal-kost (jiġifieri, tibqa’ taħt il-livell limitu tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [4,5 – 5,4] snin). Id-Deċiżjoni finali dwar il-post għall-investiment fl-Ungerija ttieħdet fid-9 ta’ Diċembru 2021 minn GKN Automotive ET, aktar minn sena wara li l-argument għall-vijabbiltà inizjali kien ġie kkontestat fit-12 ta’ Novembru 2020. Fid-9 ta’ Diċembru 2021, il-Proġett ta’ Investiment fl-Ungerija kien mistenni li jirriżulta f’perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [4,4 – 5,3] snin (taħt il-mira ta’ [4,5 – 5,4] snin) meta jitqiesu l-inċentivi (u b’irkupru f’[5,5 – 7,1] snin mingħajr inċentivi). Peress li GKN Automotive ET irnexxielha tibqa’ taħt il-livell limitu ta’ [4,5 – 5,4] snin ta’ perjodu ta’ rkupru tal-kost li għalhekk kien jissodisfa t-talba tal-azzjonist tal-oġġezzjoni tal-argument għall-vijabbiltà tat-12 ta’ Novembru 2020, ma kellhiex għalfejn titlob approvazzjoni ulterjuri minn Melrose, u informat biss lil Melrose dwar il-post finali. |
|
(77) |
Fl-aħħar nett, l-Ungerija tesprimi tħassib fir-rigward tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li kien jenħtieġ li jkun hemm fis-seħħ politika ta’ investiment formali biex Melrose tkun tista’ toġġezzjona għall-argument għall-vijabbiltà tal-Proġett ta’ Investiment. Anki jekk ma kien hemm l-ebda politika ta’ investiment formali li teħtieġ irkupru tal-kost ta’ inqas minn [4,5 – 5,4] snin, kif tassumi l-Kummissjoni, bħala sid, Melrose xorta setgħet titlob lil GKN Automotive biex ittejjeb il-vijabbiltà finanzjarja tal-Proġett ta’ Investiment. |
3.1.3. L-introduzzjoni tat-Turkija bħala l-unika kontrofattwali
|
(78) |
L-Ungerija ssostni li sabiex jitnaqqas aktar il-perjodu ta’ rkupru tal-kost wara li Melrose kienet ikkontestat l-argument għall-vijabbiltà, GKN Automotive kellha tbiddel fundamentalment is-suppożizzjonijiet ewlenin u b’hekk tikkunsidra post potenzjali ieħor permezz ta’ investigazzjoni ta’ post b’kostijiet baxxi ħafna biex tara jekk jeżistix argument għall-vijabbiltà aktar attraenti. F’dan il-kuntest, twettaq proċess tal-għażla f’diversi stadji li kien jinvolvi analiżi tal-kostijiet speċifiċi għall-post, l-esklużjoni ta’ pajjiżi oħra b’kostijiet baxxi li qabel kienu kkunsidrati (minħabba kostijiet komparabbli mal-Ungerija), il-kunsiderazzjoni ta’ postijiet b’kostijiet baxxi ħafna u l-għażla ta’ post b’kostijiet baxxi ħafna li fih il-Proġett ta’ Investiment jista’ jiġi implimentat b’mod realistiku fil-perjodu ta’ żmien meħtieġ. |
|
(79) |
L-Ungerija ssostni li fiż-żmien meta tfasslet l-Istrateġija, it-Turkija kienet ġiet identifikata li kellha l-inqas proporzjon ta’ kost/dħul fost is-siti eżistenti ta’ GKN Automotive. F’Novembru 2020, meta Melrose talbet biex ittejjeb il-perjodu ta’ rkupru tal-kost, it-Turkija tqieset bħala għażla ta’ prijorità li kellha tiġi esplorata. Il-Polonja u s-Slovakkja, pajjiżi li preċedentement kienu magħżula, ma tqisux peress li l-investimenti f’dawk il-postijiet kienu jinvolvu kostijiet komparabbli ma’ investiment fl-Ungerija. Għażliet oħra b’kostijiet baxxi ħafna bħas-Serbja, il-Marokk, ir-Rumanija u l-Bulgarija, li skont l-Ungerija kienu kollha sa ċertu punt meqjusa f’diversi stadji fil-proċess tal-għażla tal-post, kienu jeħtieġu sforz addizzjonali li jestendi ż-żmien meħtieġ għat-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-aħħar mill-aħħar il-bidu tal-produzzjoni. F’dan l-istadju tal-proġett, investiment biss fit-Turkija, fir-reġjun fejn GKN Automotive kienet diġà qed topera, kien fattibbli, minħabba l-preżenza ta’ tim lokali li seta’ jissodisfa l-iskeda ta’ żmien mistennija għall-Proġett ta’ Investiment. Għalkemm l-operazzjoni eżistenti fit-Turkija kienet limitata f’termini ta’ volumi, is-sit kien kontinwament wera prestazzjoni operazzjonali tajba ħafna u kien kompetittiv ħafna meta mqabbel ma’ siti eżistenti oħra ta’ GKN Automotive u għalhekk seta’ kien nukleu vijabbli għal espansjoni ulterjuri tal-impronta lokali. Għalhekk, it-Turkija ħarġet bħala l-aktar għażla fattibbli biex tiġi meqjusa aktar f’dak il-mument. |
|
(80) |
L-Ungerija pprovdiet żewġ stediniet għal laqgħat online tad-19 ta’ Novembru 2020 u tal-4 ta’ Diċembru 2020 imsejħa “sejħa ta’ rkupru” bejn żewġ individwi ta’ GKN Awtomobilistiċi involuti fil-Proġett ta’ Investiment u stedina għal laqgħa online tal-10 ta’ Diċembru 2020 li tinvolvi l-persunal ta’ GKN Awtomobilistika involut fil-Proġett ta’ Investiment u l-persunal lokali fit-Turkija għal “rieżami rapidu tal-[Proġett ta’ Investiment] biex jintlaħaq qbil dwar il-passi li jmiss”. L-Ungerija ssostni li dawn id-dokumenti jipprovdu evidenza ulterjuri tal-laqgħat f’Novembru u Diċembru 2020 li fihom ġie diskuss il-Proġett ta’ Investiment, inklużi l-modi kif tiġi indirizzata l-oġġezzjoni ta’ Melrose għall-argument għall-vijabbiltà tal-proġett. L-Ungerija ssostni li matul dawn il-laqgħat, flimkien ma’ laqgħat li għalihom diġà ġiet ipprovduta evidenza matul l-eżami preliminari tal-Kummissjoni, GKN Automotive ikkonkludiet li “(a) post alternattiv b’kostijiet aktar baxxi biss jippermetti l-livell ta’ titjib meħtieġ biex jintlaħaq l-irkupru tal-kost fil-mira, (b) postijiet oħra għajr it-Turkija jew ma jbiddlux materjalment il-vijabbiltà finanzjarja, eż. il-Polonja, is-Slovakkja, u/jew ikun mistenni li jikkawżwa dewmien sostanzjali għall-proċess ta’ investiment fin-nuqqas ta’ operazzjonijiet lokali eżistenti, eż., il-Marokk, is-Serbja.” Minbarra l-istediniet għal-laqgħat, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza ulterjuri. |
|
(81) |
L-Ungerija pprovdiet email datata t-8 ta’ Diċembru 2020 fejn, bħala segwitu għall-attivitajiet fil-perjodu mill-1 sas-7 ta’ Diċembru 2020 indikat fil-premessa 60 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-persunal lokali ta’ GKN fit-Turkija ppreżenta informazzjoni dwar l-istorja tal-investiment ta’ GKN Automotive fit-Turkija (impjant stabbilit fl-2009 u estiż fl-2013), dwar is-sit attwali u dwar l-investimenti li saru minn kumpaniji oħra fiż-żona. L-Ungerija ssostni li din l-email tkompli tissostanzja d-diskussjonijiet interni bikrija dwar il-lokalizzazzjoni tal-proġett fit-Turkija. |
3.1.4. It-Turkija bħala kontrofattwali ġenwina
|
(82) |
Fir-rigward tal-iskeda ta’ żmien tal-attivitajiet ta’ tħejjija ta’ GKN Automotive fit-Turkija u d-diskussjonijiet ta’ qabel in-notifika mal-Kummissjoni, l-Ungerija ssostni li l-post kontrofattwali fit-Turkija beda jiġi investigat immedjatament wara t-talba biex jiġi esplorat post b’kostijiet baxxi ħafna. L-Ungerija rreferiet għall-aġġornament tat-tabella ta’ valutazzjoni f’Diċembru 2020 (deskritt fil-premessa 63 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ), għall-analiżi finanzjarja ta’ dan ix-xenarju alternattiv matul Jannar 2021 u għan-negozjati mal-awtoritajiet Torok f’Jannar 2021. Peress li l-għoti tal-għajnuna offruta mill-Ungerija kien soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, GKN Automotive ma setgħetx teħodha bħala mogħtija. Għalhekk, l-Ungerija bdiet proċess ta’ notifika minn qabel mal-Kummissjoni f’Ġunju 2021 u GKN Automotive ET kompliet tiżviluppa x-xenarju alternattiv ta’ investiment fit-Turkija b’mod parallel, biex jaqbel mal-livell ta’ analiżi mwettqa għal postijiet oħra, li kien jinkludi aktar laqgħat mal-awtoritajiet Torok u żjara fuq il-post mill-VP Operations Europe f’Lulju 2021 (it-tim lokali żar il-post fi stadju ħafna aktar bikri fil-proċess) kif ukoll attivitajiet ta’ tħejjija ulterjuri dwar ix-xiri tal-art, l-ippjanar tal-proġetti u t-tfassil tal-bini. L-Ungerija ssostni li, peress li GKN Automotive kellha faċilità eżistenti fit-Turkija, il-maġġoranza ta’ dan ix-xogħol sar mit-tim lokali u l-arranġament taż-żjarat fuq il-post tal-maniġment superjuri kien possibbli biss ladarba l-każ ġie żviluppat għal livell xieraq ta’ maturità, li kien it-tħassib ewlieni tat-tim tal-proġett tal-għażla tas-Sit minn Diċembru 2020 sa Lulju 2021. |
|
(83) |
Fir-rigward il-waqt tan-notifika minn qabel tal-każ lill-Kummissjoni, kif imsemmi fil-premessa 140 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, l-Ungerija ssostni li l-fatt li l-benefiċjarju nnotifika minn qabel il-proġett fl-Ungerija diġà fir-rebbiegħa tal-2021 ma jimplikax deċiżjoni dwar il-post. L-Ungerija u l-benefiċjarju avviċinaw lill-Kummissjoni kmieni kemm jista’ jkun fid-dawl tal-kumplessità tal-każ, li jinkludi element ta’ rilokazzjoni, li dwaru ma kien hemm l-ebda ġurisprudenza eżistenti. Il-benefiċjarju qies notifika minn qabel rapida biex jifhem aħjar il-probabbiltà li tinkiseb l-għajnuna. L-Ungerija rreferiet għall-minuti tal-laqgħa tad-Deċiżjoni dwar l-Għażla tal-art tad-29 ta’ Jannar 2021 li indikaw li Miskolc ġie kkonfermat bħala l-post preferut tal-Proġett ta’ Investiment bis-suppożizzjoni li l-proġett jingħata l-ammont sħiħ ta’ inċentivi. L-Ungerija rreferiet ukoll għall-preżentazzjoni li t-tim tal-proġett tal-għażla tas-Sit ħejja għal-laqgħa tad-9 ta’ Diċembru 2021 fejn ittieħdet id-deċiżjoni finali dwar il-post. Din il-preżentazzjoni tgħid: “Wara l-insegwiment ulterjuri tal-proċessi ta’ applikazzjoni nazzjonali u ta’ approvazzjoni tal-UE biex jinkisbu pakketti ta’ inċentivi, l-inċentivi fl-Ungerija issa huma meqjusa aktar probabbli milli f’Jannar. L-inċentivi se jikkumpensaw fil-biċċa l-kbira għall-vantaġġ finanzjarju tal-għażla tat-Turkija fuq l-Ungerija u se jippermettu lill-proġett jilħaq il-perjodu ta’ rkupru tal-kost fil-mira ta’ [4,4 – 5,3] snin ([5,5 – 7,1] snin mingħajr inċentivi)”. |
|
(84) |
Fir-rigward tar-riskji politiċi u operazzjonali perċepiti tat-Turkija, l-Ungerija ssostni li r-riskji politiċi fit-Turkija qatt ma kienu ikkunsidrati bħala deterrent peress li l-benefiċjarju diġà għandu operazzjonijiet ta’ suċċess fit-Turkija. F’Novembru 2019, is-sit eżistenti ta’ GKN Automotive fit-Turkija ġie evalwat fl-Istrateġija li turi riżultati ekonomiċi plawżibbli ħafna, madankollu GKN Automotive adottat orjentazzjoni ta’ “stennija” potenzjalment meta kkunsidrat espansjoni tas-sit, minħabba r-riskji perċepiti u fatturi operazzjonali oħra u abbażi tal-fatt li l-kost ma kienx il-fattur ta’ deċiżjoni importanti qabel l-oġġezzjoni tal-argument għall-vijabbiltà minn Melrose f’Novembru 2020. Kien biss f’dak iż-żmien li l-fattur tal-kost/il-perjodu ta’ rkupru tal-kost ġie prijoritizzat fuq kwalunkwe kunsiderazzjoni oħra. Meta t-Turkija żdiedet mal-valutazzjoni tat-tabella ta’ valutazzjoni f’Diċembru 2020, hija kisbet l-aktar punteġġ baxx fid-dimensjonijiet tar-riskju politiku u ekonomiku, li kien ifisser li l-perċezzjoni interna tat-Turkija ma nbidlitx materjalment u r-riskji xorta tqiesu għoljin meta mqabbla mal-postijiet l-oħra meqjusa. Madankollu, minħabba l-esperjenzi pożittivi mill-operazzjonijiet attwali fit-Turkija u l-prijoritizzazzjoni tal-impatt finanzjarju biex tinkiseb il-mira tal-irkupru tal-kost, it-tim tal-proġett tal-għażla tas-sit iddeċieda li l-livelli tar-riskju perċepiti kienu tollerabbli biex jiġi segwit ix-xenarju tat-twettiq tal-investiment fit-Turkija, li kien attraenti ħafna minn perspettiva finanzjarja. L-Ungerija ssostni li l-profil tar-riskju akbar tat-Turkija tqies ħafna fid-deċiżjoni finali dwar il-post f’Diċembru 2021 u “Meta titqies l-għajnuna, l-Ungerija kienet qed tilħaq il-mira tal-irkupru tal-kost ta’ Melrose, l-azzjonist purament immexxi finanzjarjament, iżda tqieset mill-maniġment orjentat strateġikament tal-kumpanija favorevoli minn kriterji mhux finanzjarji – inkluż il-profil tar-riskju – b’tali mod li dawn tqiesu li jikkumpensaw għall-vantaġġ finanzjarju li jifdal tat-Turkija”. Jekk GKN Automotive ma qiesitx lit-Turkija bħala post vijabbli, l-ewwel nett ma kienx jkollha il-preżenza tagħha hemmhekk. |
|
(85) |
Fl-aħħar nett, l-Ungerija ssostni li, fl-2020 u fl-2021, meta GKN Automotive kienet qed tqis lit-Turkija bħala post alternattiv, investituri oħra (fornituri tal-OEMs jew manifatturi tal-vetturi) kienu qed jikkunsidraw lit-Turkija bħala post ta’ investiment kredibbli, jew biex jinvestu jew jestendu s-siti eżistenti tagħhom, u għalhekk dan jikkonferma fil-prinċipju l-kredibbiltà tat-Turkija bħala post potenzjali. |
3.2. Proporzjonalità
3.2.1. Proporzjon tad-diskrepanza tal-VPN koperta mill-għajnuna mill-Istat
|
(86) |
Fil-premessa 145 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kienet esprimiet dubji dwar id-dikjarazzjoni tal-benefiċjarju li l-inċentivi Ungeriżi “se jikkumpensaw fil-biċċa l-kbira l-vantaġġ finanzjarju tal-għażla tat-Turkija”. Dan kien minħabba li l-inċentivi jkopru inqas minn 50 % tad-diskrepanza tal-VPN. L-Ungerija tqis dan l-element bħala parti mill-analiżi tal-proporzjonalità u ssostni li l-vantaġġ sinifikanti tal-Ungerija fil-kriterji kwalitattivi (mhux finanzjarji) fil-mudell tal-evalwazzjoni, bħall-ħiliet u d-disponibbiltà tal-forza tax-xogħol, l-infrastruttura, il-loġistika, il-prossimità għall-klijenti, ir-riskji, flimkien mal-perjodu ta’ rkupru tal-kost [4,4 – 5,3] snin b’inċentivi (l-issodisfar tat-talba mill-azzjonist biex jittejjeb il-perjodu ta’ rkupru tal-kost sabiex tintlaħaq il-mira ta’ [4,5 – 5,4] snin) kien biżżejjed biex GKN Automotive ET tieħu deċiżjoni f’Diċembru 2021 biex tillokalizza l-investiment fl-Ungerija. L-Ungerija tinnota wkoll li skont l-esperjenza tagħha, l-għajnuna mill-Istat hija waħda mill-fatturi, iżda mhux dejjem dak deċiżiv, li l-investituri jqisu meta jiddeċiedu dwar il-post tal-investiment futur. L-Ungerija tissottometti wkoll lista ta’ tliet każijiet ta’ għajnuna mill-Istat fejn il-Kummissjoni approvat l-għajnuna għalkemm kopriet biss parti mid-diskrepanza tal-VPN. |
3.2.2. Daqs tal-Proġett ta’ Investiment
|
(87) |
Fil-premessa 165 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qajmet mistoqsijiet dwar jekk l-għajnuna tikkorrispondix għall-kostijiet addizzjonali netti tal-investiment fiż-żona kkonċernata, meta mqabbla max-xenarju kontrofattwali fin-nuqqas tal-għajnuna. L-Ungerija ssostni li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Proġett ta’ Investiment taħt it-Tielet mewġa u t-Tielet mewġa ġdida huwa differenti f’termini tal-allokazzjoni tal-prodotti u tal-volum, peress li t-Tielet mewġa u t-Tielet mewġa ġdida huma kunċetti fundamentalment differenti li jirriżultaw f’miri ta’ impronta differenti f’termini ta’ għadd ta’ siti ġodda, allokazzjoni ta’ prodotti u volum/kapaċità għal kull sit. Għalhekk, ir-rekwiżiti ta’ spazju mhumiex komparabbli. L-Ungerija tinnota li l-produzzjoni tal-propshafts għandha rekwiżit ta’ spazju ferm ogħla mill-produzzjoni tas-sideshafts. Filwaqt li s-sideshafts huma twal madwar 0,5 metru (huma jgħaqqdu d-distanza mit-trażmissjoni fiċ-ċentru tal-karozza sar-roti), il-propshafts jistgħu jkunu twal sa tliet metri (jgħaqqdu l-parti ta’ quddiem mal-fus ta’ wara). Konsegwentement, ir-rekwiżiti tat-tagħmir u tal-ispazju tal-art biex jiġi prodott l-istess volum ta’ sideshafts u propshafts huma ogħla għall-propshafts. |
|
(88) |
Barra minn hekk, fil-premessa 165 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kapaċità maħluqa bil-Proġett ta’ Investiment. L-Ungerija ssostni li hemm diversi raġunijiet għaliex il-volumi tal-bejgħ u tal-produzzjoni huma inqas mill-kapaċità maħluqa. Iċ-ċifri tal-kapaċità jippreżentaw outputs massimi tekniċi taħt kundizzjonijiet ottimali, filwaqt li l-volumi effettivi tal-produzzjoni huma dejjem taħt il-kapaċitajiet tekniċi minħabba fatturi bħal ħsarat, bidliet, disponibbiltà insuffiċjenti ta’ inputs jew ta’ ħaddiema. Barra minn hekk, il-kapaċitajiet jeħtieġ li jkunu ta’ daqs biex jakkomodaw l-ogħla domandi temporanji, mhux id-domandi medji annwali, u jeħtieġ li tinżamm riżerva tal-kapaċità għal raggruppamenti multipli ta’ prodotti. Fir-rigward tal-volumi tal-2020 u l-2021 li ġew sottomessi matul l-eżami preliminari tal-Kummissjoni, l-Ungerija ssostni li dawn kienu affettwati mit-tnaqqis fid-domanda wara t-tifqigħa tal-COVID-19 u li l-volumi fil-livelli ta’ qabel il-COVID huma mistennija fis-snin li ġejjin. Fl-aħħar nett, l-Ungerija ssostni li d-daqs tal-ispazju tal-pjan tal-art fuq il-Proġett ta’ Investiment fl-Ungerija huwa komparabbli ma’ dak tas-siti rilokati. L-Ungerija ttenni wkoll li l-Proġett ta’ Investiment jinkludi trasferimenti minn siti eżistenti għas-sit il-ġdid mingħajr żieda fil-kapaċità madwar in-network ta’ produzzjoni fl-Ewropa u li l-benefiċjarju kkonferma li l-ebda kapaċità ta’ produzzjoni addizzjonali se tiġi installata fl-impjant il-ġdid fl-Ungerija bħala parti minn dan il-proġett. |
3.2.3. Perjodu ta’ żmien meqjus għall-kalkolu tal-VPN
|
(89) |
Fir-rigward tad-diskrepanzi fil-perjodu ta’ żmien użat fil-kalkolu tal-VPN (il-premessa 165 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ), l-Ungerija ssostni li ż-żmien fiż-żewġ xenarji jiddewwem bl-istess mod. Kemm għall-Ungerija kif ukoll għat-Turkija, l-ewwel sena taż-żieda fil-produzzjoni ġiet iddeterminata li hija l-2022 (l-ebda differenza ma hija preżunta għall-bidu tal-produzzjoni), u l-bidu tal-produzzjoni sħiħa huwa ppjanat għall-2026. |
3.3. Effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ
|
(90) |
Fir-rigward tal-effett manifestament negattiv tar-rilokazzjoni, l-Ungerija ssostni li hija konvinta li t-Turkija kienet xenarju kontrofattwali kredibbli u għalhekk ma hemm l-ebda rabta kawżali bejn l-għajnuna u r-rilokazzjoni. |
3.4. Oħrajn
|
(91) |
L-Ungerija ma tikkontestax il-fehma tal-Kummissjoni, fil-premessa 111 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, li r-RAG 2022 jenħtieġ li japplika għall-benefiċċju tat-taxxa u tispjega li dan “ma għandux ibiddel l-eżitu tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni”, peress li “skont il-mappa tal-għajnuna reġjonali Ungeriża approvata mill-Kummissjoni għall-perjodu 2022-2027 (SA.63934) Felsőzsolca għandha l-istess limitu massimu tal-għajnuna reġjonali ta’ 50 % bħal fil-mappa tal-għajnuna reġjonali preċedenti” u l-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti mir-RAG 2022 huma ssodisfati. |
|
(92) |
Fir-rigward tal-mistoqsija tal-Kummissjoni fil-premessa 133 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ dwar liema bażi, f’termini tal-għoti ta’ effett ta’ inċentiv sostantiv, l-Ungerija pprovdiet offerta ta’ inċentiv indikattiva fil-5 ta’ Novembru 2020, l-Ungerija ssostni li t-talba uffiċjali għal għotja ta’ flus VIP waslet għand il-konċedent tal-għajnuna fit-8 ta’ April 2021, li kien fiha evidenza tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-post intern. Kollox qabel dik id-data kien parti informali tal-proċedura, li għenet biex tinforma l-proċess tal-għażla. Huma rreferew ukoll għall-informazzjoni limitata disponibbli dak iż-żmien. L-Ungerija tispjega wkoll li matul il-laqgħat mal-HIPA, il-benefiċjarju indika f’diversi okkażjonijiet li kienu qed jiġu vvalutati postijiet alternattivi u li l-Kumpanija kienet għadha fil-proċess tal-għażla tas-sit. |
|
(93) |
L-Ungerija ssostni wkoll li fil-premessa 133 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qed tqajjem punti dwar kif l-Ungerija tipprovdi lill-benefiċjarju b’informazzjoni dwar aspetti ta’ rilokazzjoni. F’dan ir-rigward, l-Ungerija ssostni li l-HIPA, fil-kwalità tagħha bħala awtorità awtorizzanti, hija obbligata li tipprovdi lill-benefiċjarji potenzjali l-informazzjoni kollha, li tista’ tkun applikabbli f’każ partikolari. Din hija proċedura standard li tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna mill-Istat. L-Ungerija tqis li l-benefiċjarju aġixxa bħal kwalunkwe investitur diliġenti ieħor li jipprova jiġbor l-informazzjoni kollha qabel ma jieħu deċiżjoni. Jekk din l-informazzjoni mill-HIPA kienet l-iskattatur għal GKN Automotive biex tivvaluta pajjiż b’kostijiet baxxi ħafna bħala post alternattiv, GKN Automotive setgħet bdiet tħejji x-xenarju alternattiv li jinvolvi post fit-Turkija diġà f’Awwissu 2020. |
4. KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI OĦRAJN
4.1. Kummenti mingħand Melrose
|
(94) |
Melrose tiċċara li fl-20 ta’ April 2023, GKN Automotive u Rubin ġew separati minn Melrose biex jiffurmaw parti minn grupp indipendenti ġdid ta’ kumpaniji, li l-kumpanija omm apikali tiegħu hija Dowlais Group plc. Melrose tiċċara wkoll li fi Frar 2023 l-isem legali ta’ Rubin inbidel għal GKN Automotive Hungary Kft. b’GKN Automotive ssir l-unika azzjonista minflok Eachairn Aerospace Holdings Limited. |
|
(95) |
Rigward id-dubji espressi mill-Kummissjoni dwar ir-rwol ta’ Melrose fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tad-deċiżjoni tal-post u tal-oġġezzjoni tal-argument għall-vijabbiltà, Melrose ssostni li hija operat mudell ta’ negozju deċentralizzat bil-maġġoranza tad-deċiżjonijiet kummerċjali u strateġiċi meħuda mit-timijiet eżekuttivi u maniġerjali tal-kumpanija tal-portafoll filwaqt li Melrose żammet id-dritt ta’ approvazzjoni jew ta’ veto rigward ċerti deċiżjonijiet. Melrose tillimita l-involviment tagħha mal-kumpaniji tal-portafoll tagħha għar-rieżami ta’ deċiżjonijiet sinifikanti ta’ investiment biex tiżgura li dawn ikunu xierqa u li jissodisfaw ir-rekwiżiti finanzjarji mistennija. Billi ppreżentat argument għall-vijabbiltà lis-CER u ġabret fil-qosor is-suppożizzjonijiet finanzjarji għall-Proġett ta’ Investiment fil-laqgħa mad-Diretturi Eżekuttivi u l-Maniġment ta’ Melrose fit-12 ta’ Novembru 2020, GKN Automotive aġixxiet f’konformità mar-rekwiżiti ta’ approvazzjoni ta’ Melrose, kif rifless fid-DoA, li l-Ungerija ppreżentat mal-kummenti tagħha (il-premessa (56)). Melrose fehmet ir-raġunament strateġiku għall-proposta u l-ħtieġa għal approvazzjoni inizjali tal-fondi biex GKN Automotive tkun tista’ tagħmel progress fil-Proġett ta’ Investiment u għalhekk approvat l-argument ġenerali tal-argument għall-vijabbiltà filwaqt li tat mandat lil GKN Automotive ET biex tidentifika modi kif ittejjeb il-perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ inqas minn [4,5 – 5,4] snin. Ir-referenzi għall-Ungerija fl-argument għall-vijabbiltà u s-CER kienu ipoteżi ta’ ħidma. GKN Automotive ET kellha l-mandat li tmexxi l-għażla tal-post u tieħu deċiżjoni dwar il-post finali, dment li l-argument għall-vijabbiltà sottostanti u l-iskeda ta’ żmien tal-amortizzament jkunu jissodisfaw l-aspettattivi finanzjarji ta’ Melrose u l-baġit approvat. |
|
(96) |
Fir-rigward tad-dubji espressi mill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ massimu ta’ [4,5 – 5,4] snin bħala fattur determinanti, prevalenti fiż-żmien tad-deċiżjoni dwar l-investiment u l-post, Melrose ssostni li sabiex jiġi żgurat redditu aċċettabbli fuq l-investiment, għal investimenti strateġiċi kbar bħall-Proġett ta’ Investiment, hemm prattika interna stabbilita sew li tirrikjedi perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ mhux aktar minn [4,5 – 5,4] snin u perjodi itwal ta’ rkupru tal-kost normalment ma jitqisux aċċettabbli. Bħala evidenza ta’ sostenn għall-eżistenza ta’ tali prattika interna, Melrose tirreferi għall-email ta’ Melrose tas-6 ta’ Awwissu 2021, sottomessa fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari, li għaliha tirreferi wkoll l-Ungerija (il-premessa (57)). Melrose tirreferi wkoll għall-minuti retrospettivi tal-laqgħa tat-12 ta’ Novembru 2020, li l-Ungerija tissottometti bil-kummenti tagħha (il-premessa (60)), bħala evidenza kontemporanja dwar il-mira finanzjarja eżatta li l-Proġett ta’ Investiment kien jeħtieġ li jilħaq. |
4.2. Kummenti mingħand GKN Automotive
|
(97) |
GKN Automotive issostni li kienet il-korp deċiżjonali prinċipali fir-rigward tal-Proġett ta’ Investiment u li Rubin hija sussidjarja li ġiet stabbilita biss meta d-deċiżjoni li tintgħażel l-Ungerija bħala post għall-Proġett ta’ Investiment kienet matura biżżejjed. GKN Automotive tiċċara li f’Settembru 2022, l-isem legali ta’ Rubin inbidel għal GKN Automotive Hungary Kft. |
|
(98) |
Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ GKN Automotive ET u d-dubji mqajma mill-Kummissjoni fil-premessi 133 sa 137 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, GKN Automotive issostni li Melrose, bħala investitur finanzjarju, kienet inkarigata biss mill-approvazzjoni tal-finanzjament għall-Proġett ta’ Investiment, iżda, madankollu ma interferietx mal-aspetti operazzjonali, li kienu kompletament f’idejn GKN Automotive ET. Kif turi d-DoA, is-setgħat ta’ Melrose jikkonċernaw b’mod predominanti kwistjonijiet finanzjarji. F’dan il-kuntest, GKN Automotive ET żviluppat l-argument għall-vijabbiltà u l-aspetti operazzjonali kollha tal-każ u ppreżentathom lil Melrose fit-12 ta’ Novembru 2020 mas-CER. Melrose rrikonoxxiet il-ħtieġa għal approvazzjoni inizjali tal-fondi biex GKN Automotive ET tkun tista’ tagħmel progress fil-Proġett ta’ Investiment. Fl-istess ħin, id-Diretturi Eżekuttivi u l-Maniġment ta’ Melrose kkontestaw il-perjodu ta’ rkupru tal-kost u talbu lil GKN Automotive ET biex iżżid l-attraenza finanzjarja tal-Proġett ta’ Investiment, kif muri mill-minuti retrospettivi tal-laqgħa tat-12 ta’ Novembru 2020 (il-premessa (60)). |
|
(99) |
Fir-rigward tal-politika ta’ Melrose li tistenna perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ massimu [4,5 – 5,4] snin, GKN Automotive terġa’ tirreferi għall-minuti retrospettivi tal-laqgħa tat-12 ta’ Novembru 2020 (il-premessa (60)) bħala evidenza għal dan. B’mod simili għall-Ungerija (il-premessa (68)), GKN Automotive tipprovdi wkoll il-perjodu ta’ rkupru tal-kost għal erba’ proġetti Ewropej oħra fil-portafoll reċenti tagħha li juru perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ inqas minn [4,5 – 5,4] snin. GKN Automotive issostni li t-tqabbil tal-preżentazzjoni tal-aħħar rieżami minn qabel tat-30 ta’ Ottubru 2020 (imsemmi wkoll mill-Ungerija, fil-premessa (70)), bi tħejjija għar-rieżami tal-argument għall-vijabbiltà tat-12 ta’ Novembru 2020 minn Melrose, mal-preżentazzjoni finali għal-laqgħa tar-rieżami tan-negozju tat-12 ta’ Novembru 2020, juri l-evoluzzjoni tal-kostijiet tal-proġett kif ukoll jirrifletti l-kunsiderazzjonijiet dwar il-ħtieġa li jitnaqqas il-perjodu ta’ rkupru tal-kost, li jindika fehim ċar tal-politika ta’ Melrose f’dan ir-rigward. Fl-aħħar nett, GKN Automotive tirreferi wkoll għall-email ta’ Melrose tas-6 ta’ Awwissu 2021, sottomessa fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari (il-premessa (57)), bħala evidenza kontemporanja dwar il-miri finanzjarji ta’ Melrose. |
|
(100) |
Fir-rigward tal-introduzzjoni tat-Turkija bħala l-uniku xenarju kontrofattwali u d-dubji mqajma mill-Kummissjoni fil-premessi 138 u 139 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, GKN Automotive issostni li d-deċiżjoni li t-Turkija ma tiġix inkluża fi stadji ulterjuri tal-valutazzjoni inizjali tal-post fl-2019 kienet ibbażata fuq il-fatt li t-Turkija waqgħet lura minn postijiet oħra abbażi ta’ evalwazzjoni aktar komprensiva (li kienet tinkludi wkoll fatturi strateġiċi u operazzjonali) minkejja valutazzjoni favorevoli f’termini ta’ kostijiet. Meta Melrose kkontestat il-vijabbiltà finanzjarja tal-argument għall-vijabbiltà, il-fattur tal-kost sar ta’ importanza kruċjali fl-għażla ulterjuri tal-post biex tittejjeb il-vijabbiltà finanzjarja (irkupru tal-kost) u għalhekk it-Turkija reġgħet saret rilevanti. L-introduzzjoni ta’ postijiet oħra b’kostijiet baxxi mingħajr l-impronta ta’ GKN Automotive eżistenti tqieset li potenzjalment tirriżulta f’dewmien sostanzjali għall-Proġett ta’ Investiment u żżid l-esponiment għar-riskju. Il-preżenza lokali u l-esperjenza pożittiva b’operazzjonijiet eżistenti saru fattur deċiżiv għall-għażla tat-Turkija bħala għażla b’kostijiet baxxi ħafna, minħabba r-restrizzjonijiet ta’ ħin. |
|
(101) |
Fir-rigward tat-Turkija bħala kontrofattwali ġenwin fejn GKN Automotive fil-fatt tinvesti u fir-rigward tal-iskeda ta’ żmien tal-attivitajiet fit-Turkija u d-dubji mqajma mill-Kummissjoni fil-premessi 140 sa 145 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, GKN Automotive issostni li fiż-żmien tan-notifika minn qabel tal-għajnuna mill-Ungerija, ix-xenarju alternattiv tat-twettiq tal-investiment fit-Turkija kien diġà ġie żviluppat sa ċertu punt konsiderevoli. Immedjatament wara l-introduzzjoni ta’ din l-alternattiva fil-proċess tal-għażla tal-post, it-tim tal-proġett tal-għażla tas-Sit beda jwettaq il-proċeduri rispettivi għall-post biex ilaħħaq mal-livell tal-analiżi ta’ postijiet oħra u dan ippermetta lil GKN Automotive li tiżviluppa b’mod komparabbli argumenti għall-vijabbiltà għall-Ungerija u t-Turkija sakemm ttieħdet id-deċiżjoni finali dwar il-post. Fir-rigward tar-riskji, GKN Automotive issostni li ż-żewġ postijiet urew grad sinifikanti ta’ riskju politiku iżda mhux sal-punt li jheddu l-vijabbiltà tal-Proġett ta’ Investiment. Fit-Turkija ma kien hemm l-ebda tfixkil jew effetti avversi oħra għall-produzzjoni fis-sit ta’ GKN Automotive. Qabel l-oġġezzjoni tal-argument għall-vijabbiltà minn Melrose, it-Turkija kienet opzjoni ta’ riżerva, parzjalment minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ riskju. Wara l-oġġezzjoni tal-argument għall-vijabbiltà, din l-għażla alternattiva ġiet riveduta bħala waħda mill-aktar postijiet promettenti u kosteffiċjenti, iżda fl-istess ħin, l-importanza tar-riskju tnaqqset xi ftit. |
|
(102) |
GKN Automotive issostni wkoll li l-investimenti tal-fornituri u tal-manifatturi tal-vetturi tal-OEMs fit-Turkija u l-klima pożittiva għall-kumpaniji Brittaniċi li jinvestu fit-Turkija, jappoġġjaw il-kredibbiltà tat-Turkija bħala post potenzjali għall-investiment. |
|
(103) |
Fir-rigward tad-diskrepanza tal-VPN bejn iż-żewġ postijiet, GKN Automotive issostni li l-fatturi kwalitattivi li jiffavorixxu l-post fl-Ungerija kienu biżżejjed biex itaffu d-diskrepanza li jifdal bejn it-Turkija u l-Ungerija taħt ir-raġuni li l-Proġett ta’ Investiment jingħata l-inċentivi, li jikkumpensaw porzjon konsiderevoli tad-diskrepanza. GKN Automotive tqis ukoll li elaborazzjonijiet ulterjuri tal-proġetti kemm fix-xenarju Ungeriż kif ukoll f’dak Tork matul is-sena 2021 juru li GKN Automotive kienet fil-fatt kapaċi ttejjeb il-vijabbiltà finanzjarja tax-xenarju li jinvolvi l-investiment fl-Ungerija u tnaqqas il-perjodu mistenni ta’ rkupru tal-kost għal inqas minn [4,5 – 5,4] snin meta wieħed iqis l-għoti tal-għajnuna fiż-żmien tad-deċiżjoni finali dwar il-post. Għalhekk, minkejja d-diskrepanza fil-VPN li fadal meta mqabbel mat-Turkija, il-post Ungeriż seta’ jissodisfa l-politika ta’ Melrose f’[4,5 – 5,4] snin tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost. |
|
(104) |
Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-għajnuna, id-daqs tal-investiment, il-kapaċità maħluqa u d-dubji mqajma mill-Kummissjoni fil-premessa 165 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, GKN Automotive tirrepeti l-argumenti li diġà tqajmu mill-Ungerija dwar l-istess kwistjonijiet (il-premessi (87) u (88)). |
|
(105) |
GKN Automotive tilqa’ l-fehma preliminari tal-Kummissjoni li l-investiment megħjun jikkontribwixxi għall-iżvilupp reġjonali, l-investiment huwa eliġibbli għall-għajnuna reġjonali, hemm il-ħtieġa ta’ intervent mill-Istat u l-miżura hija xierqa. Fir-rigward tal-effetti negattivi potenzjali tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ, GKN Automotive tilqa’ l-fehma preliminari tal-Kummissjoni li l-limitu massimu tal-intensità tal-għajnuna ma jinqabiżx. GKN Automotive tindika wkoll li tifhem li l-konklużjoni dwar il-ħolqien ta’ kapaċità żejda tiddependi fuq il-kredibbiltà tax-xenarju kontrofattwali, li hija ttenni li huwa kredibbli, u tikkonferma li l-ebda kapaċità ta’ produzzjoni addizzjonali ma hi se tiġi installata fl-impjant il-ġdid fl-Ungerija bħala parti mill-proġett u għalhekk ma hemm l-ebda riskju li tinħoloq kapaċità żejda. GKN Automotive żżid tgħid li tifhem li l-Kummissjoni tqis, fuq bażi preliminari, li l-għajnuna ma għandha l-ebda effett kontra l-koeżjoni. Għal effett manifestament negattiv potenzjali ta’ rilokazzjoni, GKN Automotive tilqa’ l-fehma tal-Kummissjoni li “jekk ix-xenarju kontrofattwali tal-implimentazzjoni tal-investiment fit-Turkija jitqies ġenwin, il-Kummissjoni se taċċetta li ma jkun hemm l-ebda rabta kawżali bejn l-għajnuna offruta fl-Ungerija u r-rilokazzjoni tal-attività”. |
4.3. Kummenti mill-Ungerija dwar il-kummenti ta’ partijiet interessati oħra
|
(106) |
L-Ungerija tinnota li l-kummenti mill-partijiet interessati l-oħra jallinjaw bis-sħiħ mal-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ. |
5. VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA
5.1. Eżistenza tal-għajnuna
|
(107) |
Għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi 97 sa 105 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qieset li l-miżura nnotifikata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, peress li kienet imputabbli lill-Istat u mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat, kienet selettiva, akkwistat vantaġġ ekonomiku għall-benefiċjarju, x’aktarx li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, u fixklet jew heddet li tfixkel il-kompetizzjoni. Dik il-valutazzjoni tibqa’ valida, u għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. |
5.2. Legalità tal-miżura
|
(108) |
Jekk l-ammont ta’ għajnuna għall-investiment reġjonali li għandu jingħata jaqbeż il-livell limitu tan-notifika stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a) tal-GBER, l-għajnuna ma tkunx koperta mill-eżenzjoni pprovduta mill-GBER u għalhekk, trid tiġi nnotifikata individwalment lill-Kummissjoni. |
|
(109) |
Il-miżura tikkonsisti f’żewġ elementi: għotja ta’ flus mogħtija qabel il-31 ta’ Diċembru 2021 (il-premessa (29)) u benefiċċju tat-taxxa, li l-Ungerija tqis li ngħataw fit-12 ta’ Diċembru 2021 (il-premessa (31)). Fil-premessa 111 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar dik id-data tal-għoti u qieset li l-għajnuna jista’ jkun għadha ma ngħatatx (il-premessa (115)). |
|
(110) |
Fir-reġjun tat-Tramuntana tal-Ungerija, l-intensità massima applikabbli tal-għajnuna fiż-żmien tal-għoti tal-għotja ta’ flus, kienet ta’ 50 %. Għalhekk, il-livell limitu tan-notifika applikabbli (stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a) tal-GBER, applikabbli fiż-żmien tal-għoti tal-għotja ta’ flus) kien ta’ EUR 37,50 miljun, ikkalkolat f’konformità mal-mekkaniżmu definit fl-Artikolu 2(20) tal-GBER, applikabbli fiż-żmien tal-għoti tal-għotja ta’ flus. Mill-1 ta’ Jannar 2022, l-intensità tal-għajnuna għar-reġjun tal-Ungerija ta’ Fuq hija ta’ 60 %. (37) Mill-1 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni żiedet il-livelli limiti tan-notifika f’każijiet b’intensità massima tal-għajnuna reġjonali ta’ 50 % għal EUR 41,25 miljun u f’każijiet b’intensità massima tal-għajnuna reġjonali ta’ 60 % għal EUR 49,5 miljun (38). Il-Kummissjoni tqis li l-għotja ta’ flus, li tammonta għal EUR 44,76 miljun f’valur nominali (EUR 43,01 miljun f’valur skontat) (il-premessa (32)), diġà qabżet il-livell limitu tan-notifika għal reġjun ta’ 50 % (li kienet l-intensità tal-għajnuna li kienet tapplika fiż-żmien meta ngħatat l-għotja ta’ flus) u dan kien ifisser li l-miżura ma bbenefikatx mill-eżenzjoni mill-obbligu tan-notifika skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, irrispettivament mill-benefiċċju tat-taxxa. |
|
(111) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li billi jagħmlu l-għoti tal-għotja ta’ flus kundizzjonali fuq l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, billi jadottaw l-att tal-għoti għall-benefiċċju tat-taxxa biss ladarba tiġi nnotifikata l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, u billi jinnotifikaw il-miżura, l-awtoritajiet Ungeriżi jkunu rrispettaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE u l-Artikolu 4(1)(a) tal-GBER. |
5.3. Bażi legali għall-valutazzjoni
|
(112) |
B’deroga mill-projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna mill-Istat stabbilita fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE, l-għajnuna tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli jekk tkun tista’ tibbenefika minn waħda mid-derogi elenkati fit-TFUE. |
|
(113) |
F’dan il-każ, il-miżura tfittex li tippromwovi l-iżvilupp reġjonali f’żona indikata, f’konformità mal-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE. L-awtoritajiet Ungeriżi nnotifikaw dik il-miżura abbażi tar-RAG 2014. L-għotja ta’ flus tikkostitwixxi għajnuna individwali mogħtija abbażi tad-digriet tal-Gvern Nru 210/2014 (VIII.27.) “dwar l-iskema allokata għall-promozzjoni tal-investiment”, skema ta’ għajnuna reġjonali implimentata taħt il-GBER (il-premessa (29)). Il-benefiċċju tat-taxxa jikkostitwixxi għajnuna individwali mogħtija abbażi tal-Att LXXXI tal-1996 “dwar it-Taxxa Korporattiva u t-Taxxa tad-Dividendi” u d-Digriet tal-Gvern Nru 165/2014 “dwar l-Inċentiv tat-Taxxa fuq l-Iżvilupp (VII.17.)”, li huwa wkoll skema ta’ għajnuna reġjonali (39) implimentata skont il-GBER (il-premessa (30)). Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE, kif interpretat mil-linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali, jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura. |
|
(114) |
Fil-premessa 110 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni stabbiliet, b’mod preliminari, li l-bażi legali għall-valutazzjoni tal-għotja ta’ flus hija l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE, kif interpretat mir-RAG 2014, f’konformità mal-paragrafu 197 tar-RAG 2022. Il-Ftehim ta’ Inċentiv għall-għotja ta’ flus ġie ffirmat qabel l-31 ta’ Diċembru 2021, bil-kundizzjoni biss fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-għajnuna. La l-Ungerija, u lanqas kwalunkwe parti interessata oħra ma kkontestaw din il-fehma preliminari wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-ftuħ. Għalhekk, għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessa 110 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kompatibbiltà tal-għotja ta’ flus jenħtieġ li tiġi vvalutata abbażi tar-RAG 2014. |
|
(115) |
Id-Deċiżjoni tal-ftuħ esprimiet, fil-premessa 111, il-fehma preliminari tal-Kummissjoni li fir-rigward tal-benefiċċju tat-taxxa, id-deċiżjoni tal-Gvern kif adottata fit-12 ta’ Diċembru 2021 ma kinitx tikkostitwixxi att ta’ għoti u li deċiżjoni futura tal-Gvern biss setgħet tagħti lill-benefiċjarju dritt legali li jirċievi l-għajnuna. Għalhekk, il-bażi legali xierqa għall-valutazzjoni tal-benefiċċju tat-taxxa tkun l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE, kif interpretat mir-RAG 2022. La l-Ungerija, u lanqas kwalunkwe parti interessata oħra ma kkontestaw din il-fehma preliminari wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-ftuħ. Għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessa 111 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kompatibbiltà tal-benefiċċju tat-taxxa jenħtieġ li tiġi vvalutata abbażi tar-RAG 2022. |
|
(116) |
Il-Kummissjoni tinnota li, fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ dan il-każ preżenti, ma hemm xejn li jżommha milli tivvaluta parti mill-għajnuna abbażi tar-RAG 2014 u parti mill-għajnuna abbażi tar-RAG 2022 (imsejħa flimkien bħala r-“RAGs”). Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet tar-RAGs li huma rilevanti għall-valutazzjoni ta’ hawn taħt huma materjalment identiċi u, barra minn hekk, kif iċċarat fil-premessa (14), Miskolc huwa eliġibbli għall-għajnuna reġjonali abbażi tal-mappa tal-għajnuna reġjonali 2014 kif ukoll abbażi tal-mappa tal-għajnuna reġjonali 2022. Barra minn hekk, iż-żieda fl-intensità massima tal-għajnuna fir-reġjun tat-Tramuntana tal-Ungerija, minn 50 % għal 60 % (il-premessa (110)), ma taffettwax l-eżitu tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà ġenerali, kif ippreżentat fit-Taqsima 5.4. |
5.4. Kompatibbiltà tal-miżura
|
(117) |
Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qajmet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura tal-għajnuna abbażi ta’: (i) il-kredibbiltà tax-xenarju kontrafattwali; (ii) l-effett ta’ inċentiv; u (iii) il-proporzjonalità tal-għajnuna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li ma setax jiġi eskluż li l-miżura tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ kapaċità żejda, jew issaħħu, f’suq li qed jonqos b’mod assolut u hija kawżali għar-rilokazzjoni ta’ attivitajiet minn Stat Membru ieħor, li jikkostitwixxi effetti negattivi evidenti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ (it-Taqsima 2.9). Il-paragrafu 26 tar-RAG 2014 u l-paragrafu 39 tar-RAG 2022 jistabbilixxu l-kriterji kumulattivi li miżura ta’ għajnuna trid tissodisfa biex titqies kompatibbli mal-Artikolu 107(3) tat-TFUE. Dan jgħid li, jekk il-miżura ma tikkonformax ma’ wieħed jew aktar minn dawk il-kriterji, il-miżura ma tistax titqies kompatibbli mas-suq intern. Il-Kummissjoni l-ewwel ivvalutat il-kriterju tal-effett ta’ inċentiv. |
5.4.1. Effett ta’ inċentiv
|
(118) |
It-Taqsima 3.5 tar-RAG 2014 u t-Taqsima 5.2 tar-RAG 2022 jeħtieġu li l-għajnuna jkollha effett ta’ inċentiv. Effett ta’ inċentiv ikun preżenti meta l-għajnuna tbiddel l-imġiba ta’ impriża b’mod li twettaq attività addizzjonali li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ żona li ma kinitx twettaq, jew kienet tagħmel biss b’mod limitat jew differenti jew f’post ieħor, li kieku l-għajnuna ma ngħatatx. L-għajnuna ma tridx tissussidja l-kostijiet ta’ attività li impriża xorta waħda kienet twettaq u ma tridx tikkumpensa għar-riskju tan-negozju normali ta’ attività ekonomika. |
Effett formali ta’ inċentiv
|
(119) |
Skont il-paragrafi 64 u 65 tar-RAG 2014 u l-paragrafi 62 u 63 tar-RAG 2022, ir-rekwiżit formali tal-effett ta’ inċentiv jiġi ssodisfat jekk ix-xogħlijiet fuq investiment individwali jibdew biss wara li tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-għajnuna. Kif diġà ġie stabbilit fil-premessa 120 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, din il-kundizzjoni hija ssodisfata f’dan il-każ peress li l-benefiċjarju applika għall-għajnuna fit-8 ta’ April 2021 (għotja ta’ flus) u fil-31 ta’ Marzu 2021 (benefiċċju tat-taxxa), filwaqt li x-xogħlijiet fuq il-Proġett ta’ Investiment bdew biss fit-28 ta’ April 2022 (il-premessa (25)). |
Effett sostantiv ta’ inċentiv
|
(120) |
Peress li hemm ħafna raġunijiet validi biex kumpanija tillokalizza l-investiment tagħha f’ċertu reġjun, anki mingħajr ma tingħata għajnuna, ir-RAGs jeħtieġu li l-Kummissjoni tivverifika fid-dettall li l-għajnuna hija meħtieġa biex tipprovdi effett ta’ inċentiv sostantiv għall-investiment. Dan jista’ jiġi ppruvat b’żewġ modi possibbli (ara l-paragrafu 61 tar-RAG 2014 u l-paragrafu 59 tar-RAG 2022), jiġifieri li l-għajnuna: tagħti inċentiv biex isir investiment fiż-żona kkonċernata għaliex inkella l-investiment ma jkunx profittabbli biżżejjed għall-benefiċjarju tal-għajnuna (40) (ix-xenarju 1, id-deċiżjoni ta’ investiment), jew tagħti inċentiv sabiex investiment ippjanat isir fiż-żona kkonċernata minflok xi mkien ieħor għaliex jikkumpensa għall-iżvantaġġi u għall-kostijiet netti tal-investiment f’post fiż-żona kkonċernata (ix-xenarju 2, id-deċiżjoni dwar l-għażla tal-post). |
|
(121) |
Kif ġie stabbilit fit-Taqsima 3.5.2 tar-RAG 2014 u fit-Taqsima 5.2.1.2 tar-RAG 2022, l-Istat Membru jrid jipprovdi evidenza ċara li l-għajnuna għandha impatt reali fuq l-għażla tal-investiment jew fuq l-għażla tal-post tal-investiment. Għal dak l-għan, l-Istat Membru jrid jipprovdi deskrizzjoni komprensiva tax-xenarju kontrofattwali, li fih il-benefiċjarju ma jirċievi l-ebda għajnuna. Il-Kummissjoni trid tivverifika li dan ix-xenarju alternattiv huwa realistiku u kredibbli. Il-paragrafu 68 tar-RAG 2014 u l-paragrafu 66 tar-RAG 2022 jindikaw li xenarju kontrofattwali huwa kredibbli jekk ikun ġenwin u jkun relatat mal-fatturi tat-teħid tad-deċiżjonijiet prevalenti fiż-żmien tad-deċiżjoni mill-benefiċjarju tal-għajnuna rigward l-investiment. |
|
(122) |
Il-paragrafu 71 tar-RAG 2014 u l-paragrafu 69 tar-RAG 2022 jindikaw li għal sitwazzjoni tax-xenarju 2 – li hija invokata mill-awtoritajiet Ungeriżi f’dan il-każ preżenti (il-premessa (41)) – l-Istat Membru jista’ jagħti prova tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna billi jipprovdi d-dokumenti tal-impriża li juru li sar tqabbil bejn il-kostijiet u l-benefiċċji tal-lokalizzazzjoni tal-investiment fir-reġjun megħjun ikkonċernat u dawk tal-lokalizzazzjoni tal-investiment f’post(ijiet) alternattiv(i). Huwa ċar, mill-paragrafu 70 tar-RAG 2022 u mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni bbażata fuq ir-RAG 2014 (41), li tali dokumenti jenħtieġ li jkunu kontemporanji għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-investiment jew il-lokalizzazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni tivverifika jekk tali tqabbil huwiex realistiku. Għal dak l-għan, il-paragrafu 72 tar-RAG 2014 u l-paragrafu 70 tar-RAG 2022 jistiednu lill-Istat Membru biex jibbaża fuq dokumenti uffiċjali tal-bord, valutazzjonijiet tar-riskju (inkluża l-valutazzjoni tar-riskji speċifiċi għall-post), rapporti finanzjarji, pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju interni, opinjonijiet esperti u studji u dokumenti oħra li jelaboraw fuq xenarji ta’ investiment. |
|
(123) |
Sabiex tiġi vverifikata l-vijabbiltà tal-proġett f’kuntest tax-xenarju 2, għandhom jitqiesu l-kostijiet u d-dħul rilevanti kollha (42), bl-eċċezzjoni ta’ sussidji possibbli disponibbli fil-post alternattiv, fejn dan il-post alternattiv ikun fiż-ŻEE. |
|
(124) |
Bħala parti mill-iskambji ta’ qabel in-notifika u kif ikkomplementat aktar matul l-eżami preliminari tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ungeriżi diġà ssottomettew informazzjoni li tiddokumenta l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ GKN Automotive u Melrose u ppreżentaw xenarju kontrofattwali li jinvolvi l-implimentazzjoni tal-proġett f’Eskişehir, it-Turkija. |
|
(125) |
Fil-kummenti tagħha għad-Deċiżjoni tal-ftuħ, l-Ungerija żammet il-fehma tagħha, kif spjegat fil-premessi 126 u 127 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, li GKN Automotive ET ħadet id-deċiżjoni dwar il-post finali biss f’Diċembru 2021, filwaqt li l-approvazzjoni preċedenti ta’ Melrose tas-CER f’Diċembru 2020 kienet tikkostitwixxi biss garanzija preliminari tal-finanzjament tal-proġett u ma kinitx tikkostitwixxi deċiżjoni dwar il-post tal-investiment (it-Taqsima 3.1.1). |
|
(126) |
Sabiex tivvaluta l-kredibbiltà tax-xenarju kontrofattwali invokat mill-Ungerija, il-Kummissjoni eżaminat: (i) jekk GKN Automotive ET setgħatx finalment tiddeċiedi dwar il-post, jew jekk kellhiex il-libertà li tibdel il-post tal-investiment, wara l-approvazzjoni tas-CER, u sa liema punt kien jeżisti livell limitu ta’ rkupru tal-kost deċiżiv ta’ [4,5 – 5,4] snin (it-Taqsima 5.4.1.1); (ii) għaliex it-Turkija ġiet investigata aktar bħala l-uniku post alternattiv, filwaqt li kien hemm postijiet oħra li wkoll dehru promettenti mill-perspettiva tal-kostijiet (it-Taqsima 5.4.1.2); u (iii) jekk it-Turkija kinitx kontrofattwali ġenwina fejn il-benefiċjarju kien jinvesti fin-nuqqas ta’ għajnuna fl-Ungerija jew jekk ir-riskji perċepiti tat-twettiq tal-investiment fit-Turkija setgħux jikkostitwixxu fattur ta’ deterrent sabiex l-investiment kien iseħħ fl-Ungerija anki mingħajr l-għajnuna (it-Taqsima 5.4.1.3). |
5.4.1.1.
|
(127) |
Matul l-eżami preliminari tal-Kummissjoni, l-Ungerija pprovdiet dokumenti li jindikaw lil Melrose bħala l-entità li tieħu d-deċiżjonijiet għall-finijiet tal-għażla tal-post tal-Proġett ta’ Investiment (il-premessa (44)). L-Ungerija ma pprovdiet l-ebda evidenza kontemporanja dwar (i) il-mandat u s-setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ GKN Automotive ET biex ittejjeb il-perjodu ta’ rkupru tal-kost tal-argument għall-vijabbiltà billi tibdel il-post deskritt fis-CER jew billi tiddeċiedi dwar il-post, (ii) in-natura provviżorja tas-CER, jew dwar (iii) diskussjonijiet dwar il-livell limitu deċiżiv mhux issodisfat ta’ perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [4.5–5.4] snin (il-premessi (44) u (46)). |
|
(128) |
Fil-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ, l-Ungerija tqis li d-dubji serji tal-Kummissjoni dwar il-kredibbiltà tax-xenarju kontrofattwali huma kkawżati minn suppożizzjoni żbaljata li l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet inkwistjoni (fi ħdan grupp finanzjarju) jenħtieġ li jsegwu l-istess regoli u/jew raġunament li l-Kummissjoni tosserva meta tittratta “kumpaniji tal-manifattura konvenzjonali”, li jistgħu jaċċettaw perjodi itwal ta’ rkupru tal-kost biex jiddeċiedu dwar l-investimenti. |
|
(129) |
Il-Kummissjoni tqis li dan l-argument huwa irrilevanti, peress li ma vvalutatx il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ Melrose jew ta’ GKN dwar l-investiment u/jew il-post, abbażi ta’ tqabbil ma’ kumpaniji oħra. Huwa evidenti mit-Taqsima 3.3.1.2. tad-Deċiżjoni tal-ftuħ li tali dubji rriżultaw mill-fehim tal-Kummissjoni tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-benefiċjarju stess, abbażi tad-dokumenti u l-informazzjoni pprovduti fil-kuntest tal-eżami preliminari. Barra minn hekk, fir-rigward tal-osservazzjoni tal-Ungerija li Melrose tikkunsidra “perjodi ta’ żmien ħafna iqsar għall-perjodi ta’ rkupru tal-kost”, il-Kummissjoni tinnota li fid-Deċiżjoni tal-ftuħ id-dubji tagħha ma kinux ir-riżultat tal-irrazzjonalità tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost iżda pjuttost jekk, fil-każ inkwistjoni, kienx hemm tabilħaqq rekwiżit strett għal perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [4,5 – 5,4] snin li ġġiegħel lil GKN Automotive tiftaħ mill-ġdid il-proċess tal-għażla tas-sit u tidentifika xenarji li fihom l-investiment jista’ jġib l-irkupru tal-kost meħtieġ fil-limitu ta’ [4,5 – 5,4] snin. |
|
(130) |
Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ, l-Ungerija argumentat ukoll li d-deċiżjoni dwar il-post kienet deċiżjoni operazzjonali li ma kinitx taqa’ taħt il-kompetenza ta’ Melrose, b’tali kompetenza tkun limitata għal kwistjonijiet ta’ “importanza finanzjarja għolja” (il-premessa (56)). Bħala dokument ta’ sostenn, l-Ungerija ssottomettiet id-DoA ta’ GKN Automotive. Il-Kummissjoni tinnota li d-DoA telenka, fost il-kwistjonijiet li fuqhom hija meħtieġa l-approvazzjoni ta’ Melrose, deċiżjonijiet dwar il-finanzjament u s-sigurtà kif ukoll in-nefqa kapitali ogħla minn GBP […] (il-premessa (56)). Il-Proġett ta’ Investiment laħaq dan il-livell limitu b’mod ċar. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, skont id-DoA, l-approvazzjoni ta’ Melrose hija meħtieġa wkoll għal: “tranżazzjonijiet ta’ proprjetà” (b’eċċezzjonijiet limitati ħafna). L-Ungerija spjegat li d-DoA ma tirrigwardax il-ġestjoni operazzjonali jew l-eżekuzzjoni taż-żoni koperti mid-DoA, li jkunu jinkludu deċiżjonijiet operazzjonali dwar kwistjonijiet bħall-penetrazzjoni tas-suq, l-ispeċifiċitajiet tal-bidliet fl-impronta tal-manifattura (eż. [trasferiment tan-negozju] jew l-stabbilimenti ġodda tas-sit, jew ir-rinnovamenti tal-linja ta’ prodotti, li għandhom jiġu ddeterminati mit-tim maniġerjali tan-negozju). Il-Kummissjoni tqis li, filwaqt li jista’ jkun plawżibbli li Melrose mhijiex involuta f’kull aspett operazzjonali tal-oqsma li ddeċidiet dwarhom (bħall-Proġett ta’ Investiment), il-mistoqsija ewlenija hija jekk id-deċiżjoni li l-Proġett ta’ Investiment jitwettaq fl-Ungerija tistax titnaqqas għal deċiżjoni operazzjonali li timplimenta d-deċiżjoni ta’ investiment ta’ Melrose. Għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessa li ġejja, il-Kummissjoni tqis li mhuwiex plawżibbli li d-deċiżjoni dwar il-post tista’ titqies bħala deċiżjoni operazzjonali li sempliċiment timplimenta d-deċiżjoni ta’ investiment ta’ Melrose. |
|
(131) |
L-ewwel nett, l-argument li GKN Automotive kienet l-entità li tiddeċiedi unilateralment dwar il-post wara l-approvazzjoni tas-CER ta’ Diċembru 2020 huwa kontradett mill-formulazzjoni ċara tas-CER. In-nefqa kapitali rilevanti kienet tirreferi għal proġett li jikkonsisti f’“konsolidazzjoni tal-impronta attwali fi... f’sit ġdid li jinsab fl-Ungerija” (enfasi miżjuda). Għalhekk, l-approvazzjoni tal-baġit tas-CER kienet ibbażata b’mod inerenti fuq il-fatt li l-Proġett ta’ Investiment kien jinsab fl-Ungerija, post magħżul fi proċess f’diversi stadji, li għalih il-kostijiet tal-investiment ġew ikkalkulati speċifikament fis-CER. It-tieni, din il-konklużjoni mhijiex ikkontestata mill-argument tal-Ungerija li Melrose ffirmat is-CER “bi qbil mal-kunċett/stampa kbira” – kif iddikjarat fl-email ta’ Melrose tad-9 ta’ Diċembru 2020 (il-premessa (61)). Is-CER tiġbor fil-qosor il-proġett “konsolidazzjoni tal-impronta attwali fi … f’sit ġdid li jinsab fl-Ungerija”. Id-dettalji ulterjuri kollha huma pprovduti fl-anness tas-CER (43). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-ftehim dwar il-“kunċett/l-istampa l-kbira” jenħtieġ li jinqara bħala li jinkludi l-post tal-Proġett ta’ Investiment (jiġifieri l-Ungerija). Abbażi tal-evidenza fil-fajl tal-każ, il-Kummissjoni ma tqisx l-għażla tal-post tal-Proġett ta’ Investiment bħala kwistjoni ta’ importanza sekondarja, operazzjonali, li tista’ tinbidel unilateralment minn GKN Automotive minkejja li ġiet approvata minn Melrose. |
|
(132) |
Fil-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ, l-Ungerija kkummentat ukoll dwar l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tan-noti tal-laqgħa u d-dokument ta’ tħejjija tal-laqgħa ta’ GKN Automotive ET tat-12 ta’ Awwissu 2020, li dehret li tindika lil Melrose bħala l-korp deċiżjonali għall-għażla tas-sit (il-premessa (44)). L-Ungerija tqis li dawk id-dokumenti, li jsemmu l-approvazzjoni ta’ Melrose tal-“Għażla tal-art”, jenħtieġ li jirreferu għal tali approvazzjoni fil-kuntest usa’ tar-rieżami ġenerali tal-argument għall-vijabbiltà, u targumenta li l-preżentazzjoni tat-12 ta’ Novembru 2020 turi li Melrose ntalbet tapprova biss l-argument għall-vijabbiltà, u ma ntalbitx tapprova l-post tal-investiment. B’mod aktar preċiż, l-Ungerija tqis li s-sentenza rilevanti jenħtieġ li taqra “dokument għall-approvazzjoni ta’ Melrose tal-argument għall-vijabbiltà mal-Ungerija bħala ipoteżi ta’ ħidma għall-post tal-investiment” (44). Il-Kummissjoni tinnota, l-ewwel nett, li din l-interpretazzjoni tmur kontra t-test tad-dokument ta’ tħejjija għal-laqgħa ta’ GKN Automotive ET tat-12 ta’ Awwissu 2020, li, fuq l-istess slide, jipprovdi bħala l-passi li jmiss kemm l-“Aġġornament tal-Argument għall-Vijabbiltà” għall-“Approvazzjoni minn Melrose”, kif ukoll l- “Għażla tal-Art” għall-“Approvazzjoni minn Melrose”, u b’hekk tindika li Melrose kienet se tintalab biex tapprova l-għażla tal-art wara l-laqgħa ta’ GKN Automotive ET tat-12 ta’ Awwissu 2020. Għalkemm, b’kont meħud tal-preżentazzjoni tat-12 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni setgħet taċċetta li l-approvazzjoni tal-“Għażla tal-art” fl-imsemmija slide tista’ tinqara bħala li tirreferi għal tali approvazzjoni fil-kuntest usa’ tar-rieżami ġenerali tal-argument għall-vijabbiltà, dan xorta ma jfissirx li l-għażla tal-post baqgħet miftuħa, wara li Melrose kienet approvat il-Proġett ta’ Investiment. Dan huwa kollu aktar ċar abbażi tar-raġunament stabbilit fil-premessa li ġejja. |
|
(133) |
Il-Kummissjoni tinnota li ma hemm xejn fil-preżentazzjoni tat-12 ta’ Novembru 2020 li jindika li l-Ungerija hija biss ipoteżi ta’ ħidma jew li l-analiżi tal-post ma ġietx iffinalizzata fl-istadju meta s-CER ġiet approvata minn Melrose. Għall-kuntrarju, il-post ġie ppreżentat bħala element ewlieni tal-Proġett ta’ Investiment. F’dan ir-rigward, l-ewwel slide għandha bħala suġġett is-“Sommarju: [Proġett ta’ Investiment] li jinkludi t-tieni mewġa ta’ konsolidazzjoni tal-impronta Ewropea tagħna [it-trasferiment tan-negozju] … u l-bini ta’ sit ġdid fl-Ungerija” (45). It-tieni slide tiddikjara li “Miskolc, HU intgħażel bħala l-post għal sit ġdid sabiex jittieħed vantaġġ minn kost ta’ fattur aktar baxx fl-Ewropa tal-Lvant u biex jiġi bbilanċjat l-esponiment fil-pajjiżi tal-EEU”. Barra minn hekk, il-preżentazzjoni tinkludi tliet appendiċi. Tnejn minnhom huma rilevanti f’dan il-kuntest. L-ewwel appendiċi jiġbor fil-qosor il-ħidma fuq l-argument għall-vijabbiltà sat-talba għall-approvazzjoni tiegħu, u jinkludi lingwaġġ bħal “Approċċ għat-trasferiment tal-produzzjoni validat u rfinut”, li jinkludi l-“Bini ta’ sit ġdid fl-Ungerija (fiż-żona ta’ Miskolc) imdaqqas għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-mewġa”. Barra minn hekk, l-appendiċi jispjega li “is-suppożizzjonijiet ewlenin [k]ollha [huma] vvalidati b’mod estensiv, u bbażati fuq attwarji/referenzi ta’ GKN, sorsi magħrufa ta’ partijiet terzi (eż. l-Eurostat) jew intervisti ma’ esperti (eż. dwar is-suq tax-xogħol tal-Ungerija)”. It-tielet appendiċi jipprovdi ħarsa ġenerali tal-istadji differenti li kien segwa l-proċess tal-għażla tal-art, li jibda mill-ewwel għażla tal-pajjiżi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-analiżi sar-“rakkomandazzjoni finali tar-reġjun u tas-sit iffukati”. Miskolc ġie ppreżentat bħala “proposta għal deċiżjoni”. Għalhekk, ir-raġuni għala l-Ungerija ġiet ippreżentata bħala element inerenti tal-argument għall-vijabbiltà li kellu jiġi approvat minn Melrose hija waħda ċara, kif huwa evidenti wkoll mis-CER. |
|
(134) |
L-Ungerija ma pprovdiet l-ebda evidenza kontemporanja oħra li setgħet tissostanzja l-argument tagħha li l-Ungerija kienet tkun biss “post preżunt”, “ipoteżi ta’ ħidma” jew “xenarju ipotetiku” fl-istadju meta s-CER ġiet approvata. |
|
(135) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li l-post kien parti integrali mis-CER approvata minn Melrose f’Diċembru 2020, u l-Ungerija ma wrietx, abbażi ta’ evidenza kredibbli, li l-Ungerija kienet tikkostitwixxi biss ipoteżi ta’ ħidma għall-post tal-Proġett ta’ Investiment u li GKN Automotive kienet intitolata li tiddeċiedi dwar post differenti fin-nuqqas ta’ approvazzjoni ulterjuri minn Melrose. |
|
(136) |
Għalkemm, abbażi tal-evidenza vvalutata fil-premessa (133), il-Kummissjoni tqis li l-post kien parti integrali mill-approvazzjoni tas-CER ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni madankollu tqis (f’konformità mas-sottomissjonijiet tal-Ungerija (il-premessa 57 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ)) li n-natura sommarja tal-approvazzjoni tas-CER ħalliet lok suffiċjenti biex Melrose torbot ċerti kundizzjonijiet mal-approvazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, u fid-dawl tal-argumenti tal-Ungerija (il-premessa (43)), il-Kummissjoni teħtieġ li teżamina jekk l-approvazzjoni ta’ Melrose kinitx, madankollu, bil-kundizzjoni li tintlaħaq mira ta’ rkupru tal-kost [4,5 – 5,4] snin. Fil-premessi (137) sa (160), il-Kummissjoni tivvaluta, għalhekk, jekk tali rekwiżit ta’ rkupru tal-kost ta’ [4,5 – 5,4] snin kienx fattur ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet prevalenti fiż-żmien tad-deċiżjoni dwar l-investiment u l-post. |
|
(137) |
Matul l-eżami preliminari tal-Kummissjoni, l-Ungerija argumentat li għalkemm Melrose kienet approvat is-CER, fil-laqgħa preċedenti tat-12 ta’ Novembru 2020 hija kienet ikkontestat l-argument għall-vijabbiltà peress li ma kinitx taqbel mal-prattika ġenerali ta’ Melrose li tirrikjedi perjodu ta’ rkupru tal-kost massimu ta’ [4,5 – 5,4] snin għal investimenti kbar. Kif innotat fil-premessa 135 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi mingħajr dubji serji li perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ massimu ta’ [4,5 – 5,4] snin kien jikkostitwixxi element deċiżiv għall-investiment jew le, prevalenti fiż-żmien tad-deċiżjoni dwar l-investiment u l-post. |
|
(138) |
Il-Kummissjoni tqis li l-evidenza msemmija fil-premessi 135 u 136 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ tappoġġja l-konklużjoni li perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ massimu ta’ [4,5 – 5,4] snin ma kienx element deċiżiv għall-investiment minħabba li: (1) is-CER ġiet iffirmata u rrikonoxxiet perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [5,4 – 7] snin; (2) id-deskrizzjoni aktar dettaljata mehmuża mas-CER tinkludi referenza ċara għal perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [5,4 – 7] snin mingħajr ebda referenza għal skeda ta’ żmien fil-mira li ma taqbiżx [4,5 – 5,4] snin; (3) l-Istrateġija nnifisha (46) rrikonoxxiet li anki jekk xi mewġiet individwali ma jidhrux attraenti minn perspettiva ta’ rkupru tal-kost, il-benefiċċji sħaħ tal-Istrateġija mhux se jinkisbu minn approċċ frammentat għall-proġetti, u dan jissuġġerixxi li l-perjodu ta’ rkupru tal-kost ma kienx, fih innifsu, fattur determinanti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għal mewġiet individwali u ma kellux neċessarjament jiġi evalwat mewġa mewġa; (4) id-dokument ta’ tħejjija għal-laqgħa ta’ GKN Automotive ET tat-12 ta’ Awwissu 2020 semma rkupru tal-kost fil-mira ta’ inqas minn [5,6 – 7,2] snin għat-Tielet mewġa ġdida, mingħajr ebda referenza għal politika ta’ [4,5 – 5,4] snin; (5) fl-10 ta’ Novembru 2020, it-tim tal-proġett tal-għażla tas-Sit bagħat l-abbozz tal-preżentazzjoni għal-laqgħa ta’ rieżami ta’ Melrose, b’referenza għall-irkupru tal-kost ta’ [5,4 – 7] snin, lis-CFO fejn talab il-kummenti tiegħu qabel il-laqgħa ma’ Melrose. La l-Ungerija u lanqas wieħed mill-partijiet interessati l-oħra ma ssottomettew xi evidenza li tindika tweġiba għal din it-talba mit-tim tal-proġett tal-għażla tas-Sit, u lanqas xi kummenti u lanqas proposti għal emendi mis-CFO għal din il-preżentazzjoni, minkejja l-fatt li l-abbozz tal-preżentazzjoni rrefera għal [5,4 – 7] snin ta’ rkupru tal-kost; (6) f’Novembru 2020, wara l-allegata oġġezzjoni ta’ Melrose għall-argument għall-vijabbiltà biex tintlaħaq il-mira ta’ [4,5 – 5,4] snin u fid-diskussjonijiet fit-tim tal-proġett tal-għażla tas-Sit dwar postijiet alternattivi, ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ kalkolu/kunsiderazzjoni tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost għall-postijiet alternattivi (it-Turkija, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Serbja jew il-Marokk), li, skont l-Ungerija, ġew ikkunsidrati qabel il-konklużjoni li tippromwovi lit-Turkija bħala l-post alternattiv; (7) it-tqabbil tal-Ungerija u tat-Turkija mit-tim tal-proġett tal-għażla tas-Sit fis-17 ta’ Diċembru 2020 u l-allegata deċiżjoni preliminari dwar il-post f’Jannar 2021, kienu bbażati fuq it-tqabbil u l-punteġġ tal-VPN taż-żewġ postijiet mingħajr ebda kalkolu jew kunsiderazzjoni tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost. L-aktar evidenza bikrija ta’ kalkolu tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost għall-investiment alternattiv fit-Turkija tmur lura biss għal Diċembru 2021 – jiġifieri: sena wara l-approvazzjoni tas-CER u d-deċiżjoni preliminari dwar il-post ta’ Jannar 2021. |
|
(139) |
Fil-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ, l-Ungerija ssostni li l-approvazzjoni ta’ Melrose tas-CER ma kinitx tikkostitwixxi approvazzjoni definittiva, iżda biss approvazzjoni minn qabel tal-argument għall-vijabbiltà biex ir-rilaxx tal-finanzjament għall-Proġett ta’ Investiment ikun jista’ jimxi ’l quddiem (il-premessa (73)). L-Ungerija ssostni wkoll li Melrose kkontestat il-perjodu ta’ rkupru ta’ [5,4 – 7] snin u inkarigat lil GKN Automotive ET biex iżżid l-attraenza finanzjarja tal-argument għall-vijabbiltà u biex tikkonforma mal-perjodu mistenni ta’ rkupru tal-kost ta’ massimu ta’ [4,5 – 5,4] snin (il-premessa (59)). Din il-pożizzjoni hija appoġġjata minn GKN Automotive u Melrose li pprovdew dikjarazzjonijiet iffirmati dwar din il-parti tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet (premessi (54) u (140)). |
|
(140) |
Il-minuti retrospettivi tal-laqgħa tat-12 ta’ Novembru 2020 datati fl-10 ta’ Frar 2023 u ffirmati mir-rappreżentanti ta’ Melrose u ta’ GKN Automotive, jikkostitwixxu dikjarazzjoni ex post, bħala dokument ta’ referenza għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni formali, dwar dak li kien ġie diskuss matul il-laqgħa tat-12 ta’ Novembru 2020. Dawn il-minuti retrospettivi jindikaw li “[membru ta’ Melrose] jqajjem tħassib dwar il-vijabbiltà finanzjarja tal-argument għall-vijabbiltà abbażi li l-perjodu ta’ rkupru tal-kost kien jaqbeż [4,5 – 5,4] snin. Huwa elabora li perjodu twil ta’ rkupru tal-kost ifisser li Melrose Industries jistgħu ma jarawx redditu sħiħ fuq l-investiment tagħhom fi flus kontanti fuq il-proġett matul il-perjodu ta’ sjieda tagħhom. Madankollu, il-parteċipanti kollha tal-laqgħa qablu dwar il-ħtieġa strateġika tal-proġett biex in-negozju GKN Driveline jibqa’ validu fil-futur, minkejja li l-irkupru tal-kost kien inqas attraenti milli normalment jitqies aċċettabbli. Wara diskussjoni, ir-rappreżentanti ta’ Melrose Industries urew l-approvazzjoni tagħhom fir-rigward tal--argument għall-vijabbiltà tal-proġett, u b’hekk ippermettew li l-proġett jipproċedi abbażi tal-baġit tal-proġett. Madankollu, huma inkarigaw lit-tim ta’ GKN Automotive biex jirrevedi s-suppożizzjonijiet tal-proġett sabiex jidentifika modi kif jista’ jittejjeb l-irkupru tal-kost tal-proġetti għal inqas minn [4,5 – 5,4] snin billi jżid il-valur u/jew inaqqas il-kost”. |
|
(141) |
Il-Kummissjoni tqis, l-ewwel nett, li din il-formulazzjoni fil-minuti retrospettivi tal-laqgħa tat-12 ta’ Novembru 2020, tindika l-fatt li s-CER hija approvazzjoni formali tal-argument għall-vijabbiltà u tal-Proġett ta’ Investiment, u mhux biss “approvazzjoni inizjali” jew “approvazzjoni minn qabel” kif issostni l-Ungerija. Fi kwalunkwe każ, ma ngħatat l-ebda approvazzjoni finali jew definittiva ulterjuri. Tabilħaqq, l-Ungerija sostniet li ma kienet meħtieġa l-ebda approvazzjoni ulterjuri minn Melrose (il-premessa (76)). It-tieni, il-minuti retrospettivi jappoġġjaw il-fehma tal-Kummissjoni li, minħabba li l-Proġett ta’ Investiment kien ta’ “neċessità strateġika”, Melrose aċċettat perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [5,4 – 7] snin, filwaqt li esprimiet ix-xewqa tagħha li xorta tara li l-perjodu ta’ rkupru tal-kost jiġi mtejjeb. Fi kwalunkwe każ, peress li din id-dikjarazzjoni ġiet abbozzata għall-finijiet ta’ din il-proċedura preżenti u f’data mbiegħda mill-mument meta seħħew il-fatti, tali dikjarazzjoni għandha valur probatorju baxx u, bħala tali, mhijiex ta’ natura li tpoġġi f’dubju l-provi dokumentarji invokati li huma kontemporanji għall-avvenimenti inkwistjoni. Din il-konklużjoni mhijiex ta’ natura li tpoġġi f’dubju mill-fatt li d-dikjarazzjoni saret minn individwu li pparteċipa fl-avvenimenti rilevanti (47). |
|
(142) |
Il-Kummissjoni tqis li d-dikjarazzjoni bil-miktub tas-CEO attwali ta’ GKN Automotive (premessa (54)), minħabba n-natura ex post tagħha, hija wkoll ta’ valur probatorju baxx għar-raġunijiet diġà ddikjarati fil-premessa (141). Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, f’din id-dikjarazzjoni, GKN Automotive tirreferi għal nuqqas ta’ aċċess għad-dokumenti tal-kumpanija omm preċedenti tagħha, Melrose. Madankollu, GKN Automotive lanqas ma pprovdie informazzjoni dwar xi referenza għal kuntatti lil Melrose sabiex tikseb dokumenti rilevanti biex tkompli tissostanzja d-dikjarazzjonijiet magħmula matul l-investigazzjoni preliminari u formali. Fil-kummenti tagħha, Melrose lanqas ma pprovdiet dokumenti kontemporanji biex tappoġġja l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. |
|
(143) |
Fir-rigward tal-evidenza dokumentarja u kontemporanja, l-email ta’ Melrose tad-9 ta’ Diċembru 2020 li bagħtet is-CER iffirmata lil GKN Automotive turi li Melrose qablet dwar il-“kunċett/l-istampa kbira” tal-proġett, filwaqt li ċċarat li ma kinitx qed tagħti “approvazzjoni ġenerali biex tonfoq £[220 – 400]miljun” (jiġifieri l-kost totali tal-proġett) peress li kienet qed tistenna li l-valuri tan-nefqa finali jinbidlu meta mqabbla ma’ dawk fis-CER “hekk kif kull element jimxi ’l quddiem u l-argument għall-vijabbiltà jsir aktar ċar” u li xtaqet li tinżamm aġġornata dwar kull pass. Għalkemm dan id-dokument jiċċara li kien hemm xewqa li xorta waħda jittejbu l-indikaturi tal-prestazzjoni finanzjarja tal-investiment, ma hemm l-ebda referenza għal xi mira deċiżiva ta’ rkupru tal-kost massimu ta’ [4,5 – 5,4] snin jew kwalunkwe referenza għal xenarju li l-Proġett ta’ Investiment ma jiġix implimentat jekk il-“mira” ma tintlaħaqx. Jekk tali mira ta’ rkupru tal-kost tiġi diskussa matul ir-rieżami tal-argument għall-vijabbiltà fit-12 ta’ Novembru 2020 bħala kundizzjoni stretta għall-approvazzjoni, il-Kummissjoni tistenna li ssib referenza għaliha, jew fl-email li fiha Melrose elenkat il-kummenti ewlenin tagħha dwar is-CER approvata, jew fis-CER innifisha. |
|
(144) |
Fil-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ, l-Ungerija tenfasizza li fir-rwol tagħha bħala investitur finanzjarju, Melrose hija prinċipalment interessata fil-profittabbiltà finanzjarja tal-investimenti. Għalhekk, l-indikaturi tal-prestazzjoni finanzjarja, bħal-livell limitu ta’ rkupru tal-kost ta’ [4,5 – 5,4] snin, jintużaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet “abbażi ta’ prattika komuni”; u Melrose “għandha t-tendenza li tħares lejn investimenti b’irkupru tal-kost taħt [2,1 – 2,9] snin”, filwaqt li għal proġetti akbar/strateġiċi ma jiġix meqjus l-irkupru tal-kost ta’ aktar minn [4,5 – 5,4] snin. F’dan il-kuntest, l-Ungerija ma ssottomettiet l-ebda evidenza kontemporanja iżda rreferiet biss għall-email ta’ Melrose tas-6 ta’ Awwissu 2021 (il-premessa (57)), li tfasslet fil-kuntest tat-tħejjija ta’ tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni għall-informazzjoni msemmija fil-premessa (3) u, għalhekk, tħejjiet biss wara l-perjodu li fih intqal li l-irkupru tal-kost [4,5 – 5,4] snin kien fattur prevalenti f’tali proċess (il-premessa (59)). Il-Kummissjoni tinnota li dawk il-kunsiderazzjonijiet tal-Ungerija u d-dikjarazzjoni ta’ Melrose, anki jekk jitqiesu affidabbli, jistgħu biss jindikaw “prattika komuni” iżda ma jipprovdu l-ebda evidenza dwar l-elementi deċiżivi li jikkonċernaw speċifikament il-Proġett ta’ Investiment, li għalihom hija disponibbli evidenza konkreta li juru d-disponibbiltà ta’ Melrose u ta’ GKN Automotive li jaċċettaw perjodu ta’ rkupru tal-kost itwal (speċifikament, is-CER iffirmata, id-deskrizzjoni iktar dettaljata mehmuża mas-CER, u d-dokument ta’ tħejjija għal-laqgħa tal-GKN Automotive ET tat-12 ta’ Awwissu 2020). |
|
(145) |
Fil-kummenti tagħha, l-Ungerija twieġeb ukoll għall-elementi l-oħra, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar l-applikazzjoni għall-Proġett ta’ Investiment ta’ politika ta’ investiment stretta li tipprevedi perjodu massimu ta’ rkupru tal-kost ta’ [4,5 – 5,4] snin: |
|
(146) |
L-Ungerija twieġeb (il-premessa (68)) għall-argument tal-Kummissjoni li anki proġett li ma jkunx attraenti mill-perspettiva tal-irkupru tal-kost jista’ jiġi approvat fid-dawl tal-“benefiċċji sħaħ” tal-Istrateġija, kif irrikonoxxiet l-Istrateġija nnifisha (punt (3) tal-premessa (137)). Il-Kummissjoni tinnota li l-Ungerija tressaq elementi li kienet diġà pprovdiet matul l-eżami preliminari u ma tissottometti l-ebda evidenza ulterjuri f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni taċċetta l-argument li għal skopijiet ta’ implimentazzjoni, kull proġett jista’ jiġi vvalutat separatament abbażi tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost tiegħu stess. Madankollu, dan ma jfissirx neċessarjament li kull proġett bħala tali jeħtieġ li jikkonforma ma’ mira ta’ irkupru tal-kost individwali vinkolanti. Fi kliem ieħor, strateġija ġenerali, ibbażata fuq diversi proġetti jista’ jkollha ċerta mira f’termini ta’ perjodu ta’ rkupru tal-kost, filwaqt li l-proġetti sottostanti jista’ jkollhom miri differenti, li jistgħu jkunu ogħla jew aktar baxxi mill-mira ġenerali. Dan huwa rikonoxxut fl-Istrateġija nnifisha, li enfasizzat il-ħtieġa li jiġi evitat “approċċ frammentat għall-proġetti”. (48) |
|
(147) |
L-Ungerija u GKN Automotive pprovdew ukoll evidenza dwar il-perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ proġetti oħra fil-forma ta’ tabella li telenka erba’ proġetti (il-premessa (68)). Madankollu, il-fatt li dawk il-proġetti kellhom perjodu ta’ rkupru tal-kost aktar baxx mhuwiex deċiżiv u ma jurix il-perjodu ta’ rkupru tal-kost meħtieġ għall-Proġett ta’ Investiment. Il-Kummissjoni tinnota li, fi kwalunkwe każ, il-proġetti elenkati f’din it-tabella mhumiex paragunabbli mal-Proġett ta’ Investiment, peress li huma ta’ kost ħafna aktar baxx u jikkonċernaw biss [it-trasferiment tan-negozju] ta’ ċerti siti u t-trasferiment ta’ operazzjonijiet lejn siti diġà eżistenti, minflok l-istabbiliment ta’ fabbrika ġdida. Huwa raġonevoli li jiġi meqjus li l-bini ta’ stabbiliment ġdid jista’ jeħtieġ aktar żmien biex jilħaq il-mira finanzjarja tiegħu mit-[trasferiment tan-negozju] ta’ sit, sabiex tkun tista’ taqa’ taħt il-kategorija ta’ każijiet li, skont l-Istrateġija, “ma jidhrux attraenti minn perspettiva ta’ rkupru tal-kost” iżda li kienu meħtieġa biex jiġu sfruttati l-benefiċċji kollha tal-Istrateġija. |
|
(148) |
Fir-rigward tal-punt (4) tal-premessa (138), l-Ungerija tosserva (il-premessa (69)) li l-firxa ta’ rkupru tal-kost ta’ [firxa ta’ bejn 5 – 7] snin inizjalment identifikata għat-Tielet mewġa ġdida (li tirrappreżenta titjib tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [7,5 – 11] snin tat-Tielet mewġa) kienet “biss firxa probabbli … sensittiva għal xi suppożizzjonijiet ewlenin”. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda raġuni biex tiddubita li l-bidla fit-Tielet mewġa kienet maħsuba biex tnaqqas il-firxa tal-irkupru tal-kost għal madwar [firxa ta’ bejn 5 – 7] snin. Madankollu, l-argument prinċipali tal-Kummissjoni kien li d-dokument ta’ tħejjija għal-laqgħa ta’ GKN Automotive ET tat-12 ta’ Awwissu 2020 kien isemmi b’mod ċar perjodu ta’ rkupru tal-kost fil-mira ta’ “<[5,6 – 7,2] snin”. L-Ungerija tispjega li dan kien jikkostitwixxi biss mira interna għat-tim tal-proġett tal-għażla tas-Sit, differenti mill-mira ta’ [4,5 – 5,4] snin meħtieġa biex tkun irċevuta l-approvazzjoni ta’ Melrose dwar is-CER u magħrufa sew minn GKN Automotive ET. Madankollu, ma ġiet sottomessa l-ebda evidenza ulterjuri dwar għaliex it-tim tal-proġett tal-għażla tas-Sit kien se jaħdem lejn mira interna differenti minn dik allegatament meħtieġa biex tiġi żgurata l-approvazzjoni ta’ Melrose tal-proġett ftit xhur wara. L-Ungerija tispjega li GKN Automotive ET kienet konxja mil-limitu ta’ [4,5 – 5,4] snin li japplika għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet inkwistjoni. |
|
(149) |
Il-Kummissjoni tqis li tali sottomissjonijiet huma nieqsa minn plawżibbiltà. L-ewwel nett, la l-eżistenza ta’ tali limitu ta’ [4,5 – 5,4] snin u lanqas l-għarfien ta’ GKN Automotive ET dwar dan ma huma ppruvati b’dokumenti kontemporanji, u ma jistgħux jiġu dedotti mis-sempliċi fatt li fil-passat il-kumpanija aċċettat valuri ta’ rkupru tal-kost ħafna inqas minn [4,5 – 5,4] snin, għal proġetti li ma jidhrux li huma komparabbli mal-Proġett ta’ Investiment (ara wkoll il-premessa (69)). It-tieni, u fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi aċċettat li tali rekwiżit ta’ [4,5 – 5,4] snin kien strettament applikabbli – minkejja r-rikonoxximent tal-Istrateġija li ċerti passi jistgħu jinvolvu perjodi ta’ rkupru tal-kost mhux attraenti – u GKN Automotive ET kienet konxja minn tali rekwiżit, huwa dubjuż, fl-ewwel nett, għaliex it-tim tal-għażla tas-Sit kien jipproponi, f’Awwissu 2020, proġett b’irkupru tal-kost ta’ inqas minn [5,6 – 7,2] snin, u t-tieni, għaliex GKN Automotive ET kienet tissottometti l-Proġett ta’ Investiment b’perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [5,4 – 7] snin għall-approvazzjoni ta’ Melrose f’Novembru 2020. |
|
(150) |
Fir-rigward tal-punt (5) tal-premessa (138), l-Ungerija tispjega li, minn Awwissu 2020 ’il quddiem, GKN Automotive involviet is-CFO tagħha fi sforz biex tipprova tilħaq il-mira ta’ rkupru tal-kost ta’ [4,5 – 5,4] snin. Sabiex tissostanzja dan l-element, l-Ungerija tipprovdi dokument interim tat-30 ta’ Ottubru 2020 li jirreferi għal perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [5,5 – 7,5] snin. Il-Kummissjoni tinnota li dak id-dokument ma jirreferi għall-ebda mira ta’ rkupru tal-kost “mhux milħuqa”. Il-fatt li l-perjodu ta’ rkupru tal-kost kien għadu tjieb minn [5,5 – 7,5] snin f’Ottubru 2020 għal [5,4 – 7] snin f’Novembru 2020 ma jissostanzjax li kien hemm mira ta’ massimu ta’ [4,5 – 5,4] snin. Dan jista’ jagħti biss indikazzjoni li GKN Automotive għamlet sforz biex tnaqqas il-perjodu ta’ rkupru tal-kost. Barra minn hekk, matul il-proċess kollu tat-teħid tad-deċiżjonijiet, ma hemm l-ebda evidenza ta’ xi diskussjoni ma’ - jew struzzjoni mis-CFO li għandha l-għan li tnaqqas il-perjodu ta’ rkupru tal-kost għal massimu ta’ [4,5 – 5,4] snin. Għall-kuntrarju, minkejja li allegatament kienet konxja ta’ limitu strett ta’ [4,5 – 5,4] snin, GKN Automotive ET issottomettiet il-Proġett ta’ Investiment għall-approvazzjoni ta’ Melrose f’Novembru 2020 fis-CER b’perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [5,4 – 7] snin u rċeviet tali approvazzjoni f’Diċembru 2020 mingħajr ebda referenza għal limitu ta’ [4,5 – 5,4] snin. |
|
(151) |
Dwar il-punt (6) tal-premessa (138), la l-Ungerija u lanqas il-partijiet interessati l-oħra ma pprovdew argumenti ulterjuri jew evidenza. Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni l-fehma tagħha li n-nuqqas ta’ kalkolu/konsiderazzjoni tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost għall-postijiet alternattivi (it-Turkija, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Serbja jew il-Marokk) allegatament ikkunsidrati b’reazzjoni għall-oġġezzjoni ta’ Melrose tal-argument għall-vijabbiltà tal-Proġett ta’ Investiment, tappoġġa l-konklużjoni li perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ massimu ta’ [4,5 – 5,4] snin ma kienx element deċiżiv fil-valutazzjoni ta’ jekk għandux isir investiment f’post speċifiku. |
|
(152) |
Dwar il-punt (7) tal-premessa (138), l-Ungerija ssostni li wara li rċeviet l-approvazzjoni ta’ Melrose (li għaliha l-kalkolu tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost kien obbligatorju), GKN Automotive użat il-metodoloġija tal-VPN għat-tqabbil tal-postijiet. L-Ungerija targumenta f’dan il-kuntest li f’każijiet kbar oħra ta’ investiment, fejn il-benefiċjarji kienu kumpaniji tal-manifattura konvenzjonali, il-kumpanija ddeċidiet abbażi tal-kalkoli tal-VPN, mhux ta’ perjodi ta’ rkupru tal-kost (il-premessa (73)). |
|
(153) |
Il-Kummissjoni ma tqisx li dan l-argument huwa wieħed konvinċenti. L-ewwel nett, jekk GKN Automotive kellha mira vinkolanti ta’ perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ massimu ta’ [4,5 – 5,4] snin, li għalih is-soluzzjoni kienet tkun bidla fil-post, mhuwiex kredibbli li f’Jannar 2021, it-Turkija ntgħażlet bħala post alternattiv għall-Ungerija mingħajr ebda verifika jew referenza għall-potenzjal ta’ dak il-post li jilħaq dik il-mira. It-tieni nett, anki jekk GKN Automotive inizjalment kienet assumiet li t-Turkija x’aktarx tissodisfa r-rekwiżit ta’ rkurpu tal-kost, minħabba li tikkostitwixxi pajjiż b’kostijiet baxxi ħafna, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta mill-Ungerija, fejn GKN Automotive kellha ssib post alternattiv biex tissodisfa r-rekwiżit ta’ rkupru tal-kost taħt restrizzjonijiet stretti ta’ ħin (premessi (100) u (167)), mhuwiex plawżibbli li t-tim rilevanti kompla jiżviluppa l-każ alternattiv li jinvolvi post fit-Turkija għal madwar sena (sa Diċembru 2021) mingħajr ma kien ċert li l-post Tork jissodisfa l-mira ta’ rkupru tal-kost. Tali approċċ kien jirriskja li jitlef il-ħin bla bżonn u seta’ jwassal biex it-tim ikollu jerġa’ jibda l-proċess mill-ġdid b’aktar dewmien (li jmur kontra l-allegata urġenza tas-sitwazzjoni). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tfakkar li l-ewwel verifika tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost mistenni fit-Turkija twettqet biss f’Diċembru 2021 u turi perjodi ta’ rkupru tal-kost (b’sussidji u mingħajrhom) komparabbli ma’ dawk mistennija fl-Ungerija, u, fi kwalunkwe każ, mhux inqas minn [4,5 – 5,4] snin. (49) |
|
(154) |
It-tielet nett, li kieku kien minnu li GKN Automotive qalbet għall-metodoloġija tal-VPN fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha, m’huwiex spjegat għaliex il-kontenut tal-preżentazzjoni għal-laqgħa tad-9 ta’ Diċembru 2021 (jiġifieri, l-allegata deċiżjoni finali dwar il-post) jintroduċi mill-ġdid il-kunċett ta’ perjodu ta’ rkupru tal-kost, billi jipprovdi li “L-inċentivi (…) se jippermettu lill-proġett jilħaq il-perjodu ta’ rkupru tal-kost fil-mira ta’ [4,4 – 5,3] snin ([5,5 – 7,1] snin mingħajr inċentivi)”. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li fit-talba tagħha għall-informazzjoni tat-30 ta’ Settembru 2021, hija kienet staqsiet dwar il-mira ta’ [4,5 – 5,4] snin (il-premessa (5)). Fin-nota tagħha tal-25 ta’ April 2024 (il-premessa (13)), l-Ungerija argumentat li l-preżentazzjoni għal-laqgħa tad-29 ta’ Jannar 2021 ġiet sostitwita bil-preżentazzjoni għal-laqgħa tad-9 ta’ Diċembru 2021, b’din tal-aħħar tinkludi kalkolu tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost. Il-Kummissjoni ma tqisx li dan l-argument huwa rilevanti peress li d-dubju tal-Kummissjoni kien relatat speċifikament mal-perjodu ta’ Diċembru 2020 u Jannar 2021 meta t-Turkija allegatament ġiet ikkunsidrata mill-ġdid u magħżula bħala post alternattiv għall-Proġett ta’ Investiment. |
|
(155) |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-Ungerija dwar l-adegwatezza tal-metodoloġija tal-VPN b’mod ġenerali u t-tqabbil tagħha ma’ deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tqis li dan huwa irrilevanti peress li r-RAGs jirrikjedu li l-Kummissjoni tivvaluta l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-proġett speċifiku li għalih tiġi nnotifikata l-għajnuna reġjonali. |
|
(156) |
Fl-aħħar nett, l-Ungerija argumentat li GKN Automotive kienet ġiet informata li t-tqabbil tal-VPN kien “l-approċċ standard meħtieġ sabiex jintwera rekwiżit ta’ finanzjament, rilevanti għall-għajnuna reġjonali”. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li, skont il-pożizzjoni tal-Ungerija, appoġġjata minn Melrose u GKN Automotive, fil-perjodu ta’ Diċembru 2020 u Jannar 2021, GKN Automotive fittxet li tnaqqas il-perjodu ta’ rkupru tal-kost għal inqas minn [4,5 – 5,4] snin. F’dak il-kuntest, tqabbil tal-perjodi ta’ rkupru tal-kost kien ikun rilevanti, filwaqt li tqabbil tal-VPN pjuttost jissuġġerixxi li t-Turkija kienet ġiet introdotta bl-għan li jinbena xenarju kontrofattwali li abbażi tiegħu tista’ tintalab għajnuna reġjonali fl-Ungerija. Din il-konklużjoni hija, fil-fatt, appoġġjata mis-sottomissjoni tal-Ungerija li GKN Automotive wettqet il-kalkolu ta’ VPN minħabba li kalkolu tal-VPN kien “l-approċċ standard meħtieġ sabiex jintwera rekwiżit ta’ finanzjament, rilevanti għall-għajnuna reġjonali”. Il-Kummissjoni tfakkar f’dan il-kuntest li t-talba ta’ GKN Automotive għal inċentivi lill-Ungerija ġiet aġġornata f’dan l-istess perjodu, b’mod aktar preċiż diġà fit-18 ta’ Diċembru 2020, bl-introduzzjoni tat-Turkija bħala l-post kontrofattwali għall-Proġett ta’ Investiment. |
|
(157) |
L-Ungerija tirreferi wkoll għal talba għal servizzi ta’ konsulenza datata s-27 ta’ Novembru 2020 (il-premessa (63)) billi tikkwota frażi waħda li tgħid “ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni definittiva għall-proġett jew sit”. Il-Kummissjoni tqis ukoll, fid-dawl tal-argumenti l-oħra f’din it-taqsima, li din il-frażi ma tistax tiġi invokata bħala prova li l-Ungerija ma kinitx intgħażlet sa Diċembru 2020. It-talba għal servizz taqra wkoll: “Diġà identifikajna postijiet u artijiet potenzjali għas-sit il-ġdid; bħalissa aħna nippreferu sit fil-Grigal tal-Ungerija fost l-għażliet meqjusa; ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni definittiva għall-proġett jew għas-sit”, u tidentifika wkoll il-“ħtiġijiet ta’ appoġġ” billi tispjega li: “Qed infittxu gwida dwar il-mistoqsijiet li ġejjin: Validazzjoni tal-preferenza attwali tal-għażla tas-sit; Liema forom ta’ għajnuna mill-Istat jistgħu jkunu disponibbli għalina?; Kif l-aħjar li tiġi inkwadrata t-talba għall-għajnuna mill-Istat meta jitqies ix-xenarju tagħna (rilokazzjoni potenzjali, …)?; X’materjal supplimentari jeħtieġ li jitħejja u x’inhuma formati ppruvati għal deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE?; Appoġġ prattiku bi tħejjija għall-materjal ta’ applikazzjoni”. Il-Kummissjoni tinnota fuq din il-bażi li t-talba għal servizz, li dehret fl-intier tagħha, pjuttost turi li wara r-rieżami tal-argument għall-vijabbiltà tat-12 ta’ Novembru 2020, it-tim tal-proġett tal-għażla tas-Sit ikkuntattja lill-kumpanija ta’ konsulenza għall-appoġġ biex iħejji każ konvinċenti ta’ għajnuna mill-Istat. |
|
(158) |
Fir-rigward tal-premessa 136(f) tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, l-Ungerija ssostni (il-premessa (75)) li hija prattika komuni f’GKN Automotive li ma jitqisux ir-rikavati mill-bejgħ tal-art u l-bini. Peress li dan l-argument huwa ssostanzjat minn talbiet għal nefqa kapitali minn proġetti oħra diġà sottomessi fiż-żmien tal-investigazzjoni preliminari (50), il-Kummissjoni taċċetta dan l-argument iżda tqis dan l-element bħala mhux deċiżiv għall-valutazzjoni ġenerali tagħha peress li waħdu ma jistax ineħħi d-dubji dwar l-applikazzjoni għall-Proġett ta’ Investiment ta’ politika ta’ investiment stretta li tipprevedi perjodu massimu ta’ rkupru tal-kost ta’ [4,5 – 5,4] snin. L-Ungerija ssostni wkoll li l-ammont tal-għajnuna fl-offerta indikattiva ma ġiex meqjus fil-kalkoli minn GKN Automotive minħabba li din aġixxiet b’mod prudenti u kien għad hemm dubju dwar jekk kinitx ser tingħata l-għajnuna. Il-Kummissjoni tinnota li dan l-argument ma jbiddilx il-fatt li dawk il-kalkoli kienu l-bażi għall-approvazzjoni ta’ Melrose tas-CER, li, għalhekk, evidentement ma qieset l-ebda għajnuna. |
|
(159) |
Fl-aħħar nett, l-Ungerija tesprimi tħassib dwar is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li kien meħtieġ li jkun hemm fis-seħħ politika ta’ investiment formali biex Melrose tkun tista’ toġġezzjona l-argument għall-vijabbiltà għall-Proġett ta’ Investiment (il-premessa (77)). Il-Kummissjoni tiċċara li d-Deċiżjoni tal-ftuħ mhijiex ibbażata fuq il-ħtieġa tal-Ungerija li tipprova l-oġġezzjoni tal-argument għall-vijabbiltà esklużivament abbażi tal-eżistenza ta’ politika ta’ investiment “formali”. Minflok, l-Ungerija kienet sostniet li kienet teżisti “politika ta’ investiment stretta” f’dan il-każ, u li kienet applikabbli għall-proċess deċiżjonali. Id-dubji serji espressi fid-Deċiżjoni tal-ftuħ huma bbażati fuq il-fatt li l-Ungerija naqset milli tipprovdi evidenza dokumentarja li tissostanzja l-eżistenza ta’ tali “politika ta’ investiment stretta”. Għalkemm l-eżistenza ta’ politika ta’ investiment (formali jew informali) li tipprevedi l-mira ta’ [4,5 – 5,4] snin u applikabbli għall-Proġett ta’ Investiment setgħet għenet biex tissostanzja l-applikabbiltà ta’ tali kriterji għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet inkwistjoni, il-Kummissjoni qatt ma kkontestat li, fin-nuqqas tagħha, Melrose setgħet titlob li l-Proġett ta’ Investiment jikkonforma mal-imsemmija mira. Madankollu, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza li Melrose għamlet talba bħal din u li l-lokalizzazzjoni tal-Proġett ta’ Investiment fl-Ungerija ma kinitx tiġi approvata sakemm ma rrispettatx mira ta’ [4,5 – 5,4] snin. |
|
(160) |
Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-Ungerija naqset milli turi li l-politika ta’ investiment ta’ Melrose kienet tinkludi livell limitu deċiżiv ta’ perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [4,5 – 5,4] snin u biex tressaq evidenza konvinċenti kontra l-fehim tal-Kummissjoni li permezz tal-approvazzjoni tagħha tas-CER f’Diċembru 2020, Melrose kienet diġà ddeċidiet li tinvesti fl-Ungerija wara li GKN Automotive kienet esplorat il-Polonja u s-Slovakkja bħala alternattivi, u mingħajr ma ngħatat l-ebda kunsiderazzjoni għal xi għajnuna (il-premessi 129 u 136(f) tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). |
|
(161) |
Fl-aħħar nett, l-Ungerija tirreaġixxi għad-dubji serji li l-Kummissjoni esprimiet fil-premessa 133 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ li GKN Automotive setgħet investigat lit-Turkija biss għall-finijiet li tkun tista’ tippreżenta post alternattiv bħala parti mir-rieżami tal-għajnuna mill-Istat. L-Ungerija targumenta li l-HIPA pprovdiet lill-benefiċjarju bl-informazzjoni rilevanti kollha, inkluża informazzjoni dwar ir-rilokazzjoni, f’Awwissu 2020. Għalhekk, GKN Automotive setgħet bdiet tħejji x-xenarju alternattiv li jinvolvi post fit-Turkija diġà f’Awwissu 2020. Filwaqt li din l-ipoteżi tista’ tkun korretta, huwa ċar mill-evidenza sottomessa li t-Turkija ma ġietx meqjusa qabel Novembru 2020. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li fil-preżentazzjoni għal-laqgħa tat-12 ta’ Novembru 2020, GKN Automotive ippreżentat il-potenzjal għal inċentivi f’Miskolc lil Melrose billi rreferiet għall-valuri tal-għajnuna fl-offerta informali tal-5 ta’ Novembru 2020 (il-premessa (45)) u billi qieset ċerti kriterji ewlenin ta’ eliġibbiltà biex tirċievi l-għajnuna. Wieħed mill-kriterji jaqra “Investiment f’assi ġodda, f’reġjun immirat għall-għajnuna reġjonali (eż., Miskolc) li mingħajr għotja ma [jkunx] finanzjarjament vijabbli jew jirriżulta f’deċiżjonijiet ta’ post differenti (aktar żviluppati/mhux tal-UE)”. Kien hemm ukoll referenza għall-aspett ta’ rilokazzjoni u l-ħtieġa għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Fi kliem ieħor, GKN Automotive dehret li kienet konxja sew li hemm bżonn xenarju kontrofattwali biex GKN Automotive tkun tista’ tirċievi għajnuna għall-investiment reġjonali għall-Proġett ta’ Investiment. Fl-istess ħin, ma kien jeżisti l-ebda xenarju kontrofattwali bħal dan f’dak il-mument u, konsegwentement, ma tqieset l-ebda għajnuna fl-argument għall-vijabbiltà ppreżentat lil Melrose. Meta jitqiesu dawk l-osservazzjonijiet flimkien mas-sejbiet tal-Kummissjoni dwar l-approvazzjoni tal-Proġett ta’ Investiment ibbażat fuq is-CER, il-Kummissjoni tqis li huwa plawżibbli li t-Turkija ġiet introdotta bħala xenarju kontrofattwali, speċifikament għall-finijiet tat-titjib tal-possibbiltajiet ta’ GKN Automotive li tirċievi għajnuna mill-Istat mill-Ungerija. |
|
(162) |
Fi kwalunkwe każ, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Ungerija naqset milli tipprova, abbażi ta’ evidenza ċara – inklużi dokumenti ġenwini, uffiċjali u kontemporanji relatati mal-proċess deċiżjonali ta’ GKN Automotive u ta’ Melrose – li t-Turkija kienet tikkostitwixxi post alternattiv realistiku u kredibbli għall-proġett ta’ investiment fin-nuqqas ta’ għajnuna. |
5.4.1.2.
|
(163) |
Fil-premessi 138 u 139 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar għaliex it-Turkija tqieset bħala l-uniku xenarju kontrofattwali għall-Proġett ta’ Investiment u esprimiet dubji dwar jekk setax ikun il-każ, minflok, li t-Turkija ġiet investigata biss għall-finijiet li tkun tista’ tippreżenta post alternattiv bħala parti mir-rieżami tal-għajnuna mill-Istat, u b’hekk ittejjeb il-possibbiltajiet li tingħata għajnuna mill-Ungerija favur li l-Proġett ta’ Investiment jinstab kompatibbli mas-suq intern. L-Ungerija u GKN Automotive issostnu (premessi (79) u (100)) li t-Turkija, b’operazzjonijiet eżistenti li juru prestazzjoni operazzjonali tajba ħafna u tim lokali li jaqbel mal-iskeda ta’ żmien, kienet l-unika għażla fattibbli b’kost baxx f’Novembru u Diċembru 2020, meta l-għażla tal-post inbidlet f’eżerċizzju purament iċċentrat fuq il-kostijiet, li jippermetti li l-Proġett ta’ Investiment jiġi implimentat fil-perjodu ta’ żmien meħtieġ. L-Ungerija u GKN Automotive jissottomettu wkoll li minkejja d-daqs limitat tal-operazzjoni eżistenti ta’ GKN Automotive fit-Turkija, dan is-sit kontinwament wera prestazzjoni operazzjonali tajba ħafna. |
|
(164) |
Fid-dikjarazzjoni ffirmata tiegħu tal-11 ta’ April 2024 (il-premessa (54)), is-CEO ta’ GKN Automotive spjega x’kien ġara fil-perjodu eżatt qabel u wara l-laqgħa tat-12 ta’ Novembru 2020. Skont dik id-dikjarazzjoni, bejn t-12 ta’ Novembru 2020 u l-bidu ta’ Diċembru 2020, saru diversi diskussjonijiet bejn it-tim tal-proġett tal-għażla tas-Sit, is-CEO u l-kollegi tiegħu f’GKN Automotive ET dwar kif jista’ jittejjeb il-perjodu ta’ rkupru tal-kost tal-proġett. “Dawn id-diskussjonijiet ħadu l-forma ta’ rieżamijiet speċifiċi tal-proġetti, laqgħat regolari tat-tim, laqgħat individwali ta’ rkupru u diskussjonijiet informali. Il-laqgħat skedati saru f’diversi ambjenti tal-parteċipanti fis-16, fit-18, fid-19, fis-26, u s-27 ta’ Novembru, fl-4 u l-10 ta’ Diċembru. Saru aktar diskussjonijiet barra mil-laqgħat skedati matul dan il-ħin permezz tat-telefown jew meta iltaqgħu wiċċ imb wiċċ fl-uffiċċji tal-kumpanija.” Is-CEO ddikjara wkoll: “matul dawn id-diskussjonijiet interni, wasalna għall-konklużjoni li biex intejbu l-irkupru tal-kost tal-proġett għal-livell mistenni, ikollna nikkunsidraw post b’kost saħansitra aktar baxx. Bħala postijiet “b’kostijiet baxxi ħafna”, aħna kkunsidrajna, f’diversi stadji, l-Bulgarija, ir-Rumanija, is-Serbja, il-Marokk u t-Turkija bħala għażliet potenzjali. Dawn il-pajjiżi tqiesu bħala kontrafattwali ġenwini fejn il-proġett ta’ investiment seta’ jseħħ.” |
|
(165) |
Sabiex tissostanzja dawn l-argumenti, l-Ungerija ssottomettiet tliet stediniet ta’ laqgħat online f’Novembru/Diċembru 2020. L-Ungerija ssostni li f’dawk il-laqgħat, GKN Automotive ikkonkludiet li t-Turkija kienet il-kontrofattwali xierqa biex tiġi esplorata (il-premessa (80)). L-istediniet għal-laqgħa huma relatati ma’ laqgħat fid-19 ta’ Novembru u l-4 ta’ Diċembru 2020 bis-suġġett “sejħa ta’ rkupru” bejn żewġ individwi ta’ GKN Automotive involuti fil-Proġett ta’ Investiment u laqgħa fl-10 ta’ Diċembru 2020 li tinvolvi l-persunal ta’ GKN Automotive involut fil-Proġett ta’ Investiment u l-persunal lokali fit-Turkija għal “rieżami rapidu [tal-Proġett ta’ Investiment] biex jintlaħaq ftehim dwar il-passi li jmiss”. Tali dokumenti ma jinkludu l-ebda referenza għal postijiet għajr it-Turkija jew l-Ungerija. Barra minn hekk, la l-Ungerija u lanqas GKN Automotive ma pprovdew dokumentazzjoni ta’ sostenn jew minuti tal-laqgħat relatati ma’ dawn il-laqgħat, li setgħu juru dak li ġie diskuss matul dawn il-laqgħat u dawn is-sejħiet. |
|
(166) |
Il-Kummissjoni ssib li, minkejja l-evidenza addizzjonali deskritta fil-premessa (165), ma hemm xejn li jindika segwitu aktar dettaljat dwar postijiet alternattivi, jew tqabbil reali bejn postijiet alternattivi u t-Turkija. Dan jappoġġja l-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (135) li f’Diċembru 2020, il-proċess tal-għażla tal-post kien ġie ffinalizzat u l-Ungerija ma kinitx biss “ipoteżi ta’ ħidma” jew “post preżunt”. |
|
(167) |
Fir-rigward tal-argument li l-fattur tal-ħin (jiġifieri l-urġenza tal-Proġett ta’ Investiment) kien element li jaffettwa l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni tinnota li, anki jekk din kienet kunsiderazzjoni, l-Ungerija jew GKN Automotive ma ssottomettew l-ebda dokument biex jissostanzjaw din l-urġenza fil-perjodu Novembru/Diċembru 2020. Lanqas ma pprovdew xi evidenza biex jissostanzjaw li din l-allegata urġenza wasslet biex it-Turkija tiġi esplorata bħala l-uniku post alternattiv għall-Ungerija, mingħajr segwitu dettaljat dwar postijiet alternattivi, jew tqabbil reali bejn postijiet alternattivi u t-Turkija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssib li dan l-argument jikkontradixxi l-argument Ungeriż li, fit-12 ta’ Novembru 2020, l-Ungerija kienet biss “ipoteżi ta’ ħidma”. Kieku kien minnu li l-Ungerija kienet biss “ipoteżi ta’ ħidma”, l-iskeda ta’ żmien tal-proġett, kif stabbilita fil-preżentazzjoni tal-laqgħa tat-12 ta’ Novembru 2020, kellha tipprevedi perjodu ta’ żmien wara s-CER għall-investigazzjoni ta’ postijiet alternattivi. Madankollu, l-iskeda ta’ żmien tal-proġett, kif kienet fit-12 ta’ Novembru 2020, tirreferi għal “Deċiżjoni” u “Xiri tal-art, permessi, tħejjija għall-kostruzzjoni” fl-aħħar trimestru tal-2020, u għalhekk ma tħallix biżżejjed żmien għal investigazzjonijiet f’postijiet alternattivi. |
|
(168) |
Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-“prestazzjoni operazzjonali tajba” tas-sit żgħir fit-Turkija, li ilu jopera mill-2008, ma kinitx fattur ġdid meta mqabbla mas-sitwazzjoni fl-2019, meta twarrbet l-għażla li jiġi estiż is-sit eżistenti fit-Turkija fil-kuntest tal-Istrateġija. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tqisx li dan huwa element li jista’ jiġġustifika għaliex it-Turkija tqieset bħala l-uniku post alternattiv għall-Ungerija li għandu jiġi esplorat. Fi kwalunkwe każ, la l-Ungerija u lanqas xi waħda mill-partijiet interessati l-oħra ma ssottomettew xi evidenza dwar dan l-element. |
|
(169) |
Għalhekk, il-Kummissjoni ssib li l-kummenti pprovduti mill-Ungerija u mill-partijiet interessati l-oħra ma jiġġustifikawx għaliex it-Turkija biss ġiet introdotta bħala post alternattiv f’tentattiv biex jittejjeb l-irkupru tal-kost tal-proġetti taħt [4,5 – 5,4] snin. |
|
(170) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-minuti retrospettivi tal-laqgħa tat-12 ta’ Novembru 2020 jinnotaw li “r-rappreżentanti ta’ Melrose Industries inkarigaw lit-tim ta’ GKN Automotive biex jirrevedi s-suppożizzjonijiet tal-proġett sabiex jidentifika modi kif itejjeb l-irkupru tal-kost tal-proġetti taħt [4,5 – 5,4] snin billi jżid il-valur u/jew inaqqas il-kostijiet”. Permezz tal-email tad-9 ta’ Diċembru 2020, Melrose talbet li tinżamm aġġornata. Il-Kummissjoni tifhem li l-kunċett ta’ “identifikazzjoni ta’ modi għat-titjib” huwa usa’ milli jindika biss analiżi tal-post. La l-Ungerija u lanqas il-partijiet interessati l-oħra ma pprovdew xi evidenza relatata ma’ tali identifikazzjoni u lanqas xi evidenza li tindika li ġie pprovdut feedback lil Melrose dwarha. Barra minn hekk, jekk il-ftuħ mill-ġdid tal-analiżi tal-post kien l-unika possibbiltà biex tiżdied l-attraenza finanzjarja tal-argument għall-vijabbiltà (li għalih la l-Ungerija u lanqas xi waħda mill-partijiet interessati l-oħra ma pprovdew evidenza), il-Kummissjoni tistenna li jkollha evidenza ta’ segwitu u tqabbil bejn diversi postijiet alternattivi qabel ma GKN Automotive ikkonkludiet li it-Turkija kienet il-post kontrofattwali għall-Proġett ta’ Investiment. |
|
(171) |
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet irreġistrati fil-premessi (127) sa (161), il-Kummissjoni ssib li l-evidenza fil-fajl tal-każ ma tneħħix id-dubji serji tagħha dwar jekk id-deċiżjoni dwar l-investiment u l-post kinitx diġà ttieħdet f’Diċembru 2020 mingħajr ma tqieset id-disponibbiltà tal-għajnuna mill-Istat jew it-twettiq tal-investiment xi mkien ieħor għajr fl-Ungerija. Il-Kummissjoni lanqas ma setgħet tistabbilixxi li t-Turkija tqieset bħala post kontrofattwali reali fejn GKN Automotive kienet timplimenta l-Proġett ta’ Investiment fin-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat mill-Ungerija (il-premessi (163) sa (170)). Pjuttost, jidher li t-Turkija kienet ġiet introdotta għall-finijiet li jiżdiedu l-possibbiltajiet li l-għajnuna mill-Ungerija tinstab kompatibbli mas-suq intern. |
5.4.1.3.
|
(172) |
Fil-premessa 140 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni nnotat li l-investigazzjoni tat-Turkija bħala xenarju kontrofattwali baqgħet livell relattivament għoli sa nofs l-2021. Żjara fuq il-post tal-maniġment superjuri ġiet organizzata biss f’Lulju 2021. F’dak il-mument, l-għajnuna mill-Istat offruta mill-Ungerija kienet diġà ġiet innotifikata minn qabel lill-Kummissjoni u kienu ġew stabbiliti l-ewwel kuntatti mas-servizzi tal-Kummissjoni. Madankollu, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, anki jekk oriġinarjament it-Turkija kienet ġiet introdotta fl-analiżi biss għall-finijiet tat-titjib tal-possibbiltajiet li l-għajnuna mill-Istat proposta tiġi ddikjarata kompatibbli, jista’ jkun possibbli li t-twettiq tal-investiment fit-Turkija sussegwentement evolva f’post alternattiv ġenwin fejn GKN Automotive u Melrose kienu lesti li jinvestu. Madankollu, għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi 141 sa 145 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji serji li dan kien il-każ. |
|
(173) |
Il-Kummissjoni tinnota li la l-Ungerija u lanqas il-partijiet interessati ma jargumentaw li l-post fit-Turkija “evolva” f’alternattiva ġenwina wara li ġie introdott għal finijiet ta’ għajnuna mill-Istat. Fin-nuqqas ta’ tali argumenti u evidenza ta’ sostenn, il-Kummissjoni tqis li, għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi 141 sa 145 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, u abbażi tal-konklużjoni fil-premessa (171), l-Ungerija naqset milli turi lill-istandard meħtieġ l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv fix-xenarju 2 kif stabbilit fil-paragrafu 61 tar-RAG 2014 u l-paragrafu 59 tar-RAG 2022. |
|
(174) |
Madankollu, u għall-finijiet ta’ kompletezza, fil-premessi (175) sa (182), il-Kummissjoni tindirizza l-argumenti tal-Ungerija u tal-partijiet interessati l-oħra dwar “it-Turkija bħala kontrofattwali ġenwina”. |
|
(175) |
L-Ungerija u GKN Automotive jistqarru li, immedjatament wara l-introduzzjoni tal-post alternattiv fit-Turkija fil-proċess tal-għażla tal-post, GKN Automotive bdiet tiżviluppa din l-għażla b’mod attiv. L-Ungerija tinnota wkoll li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna tat-8 ta’ April 2021 għall-għotja ta’ flus u tal-31 ta’ Marzu 2021 għall-benefiċċju tat-taxxa fl-Ungerija ma kinux jimplikaw deċiżjoni finali dwar il-post għal GKN Automotive. In-notifika minn qabel tal-każ lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Ġunju 2021 kienet meħtieġa biex GKN Automotive tifhem il-probabbiltà li tikseb inċentivi iżda GKN Automotive kienet qed tiżviluppa b’mod parallel l-għażla li twettaq l-investiment fit-Turkija, li, skont GKN Automotive, sa Ġunju 2021 kienet ġiet żviluppata b’mod konsiderevoli. |
|
(176) |
Mill-materjal disponibbli fil-kuntest tal-eżami preliminari, il-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet l-evidenza dokumentarja minn Diċembru 2020, li minnha deher li Eskişehir fit-Turkija, bħala post ta’ investiment, tqabbel mar-reġjun magħżul fl-Ungerija. Dik l-evidenza dokumentarja wriet li sa Ġunju 2021 l-attivitajiet ta’ tħejjija fit-Turkija kienu jinvolvu kuntatti mal-persunal lokali ta’ GKN f’Diċembru 2020 dwar id-disponibbiltà tal-art (premessa 60 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ), il-kuntatti mal-awtoritajiet nazzjonali f’Diċembru 2020, f’Jannar 2021 u f’Mejju 2021 dwar id-disponibbiltà tal-inċentivi (il-premessi 62 u 65 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ) u l-involviment ta’ konsulent lokali biex jittratta fil-perjodu minn Frar sa Mejju 2021 it-tfassil tal-bini u l-ippjanar tal-proġetti u t-tħejjija ta’ tqassim ġenerali tax-xogħlijiet li għandhom jitwettqu (il-premessa 72 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma preliminari li l-investigazzjoni tat-Turkija bħala post kontrofattwali għall-investiment baqgħet f’livell relattivament għoli sa nofs l-2021. Il-Kummissjoni tqis li din ir-realtà tikkontradixxi l-argument tal-Ungerija dwar il-pressjoni tal-ħin li wasslet biex it-Turkija biss titqies bħala post alternattiv. Jekk tabilħaqq il-fattur tal-ħin kien kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni tistenna li l-attivitajiet fit-Turkija jintensifikaw immedjatament wara li tintgħażel it-Turkija bħala l-unika post kontrofattwali li għandu jiġi esplorat. L-Ungerija ssostni li l-maġġoranza tal-attivitajiet fit-Turkija twettqu mit-tim lokali. La l-Ungerija u lanqas GKN Automotive, ħlief għal dokument wieħed (il-premessa (81)), ma jġibu evidenza ulterjuri tal-attivitajiet matul dak il-perjodu. |
|
(177) |
L-Ungerija ssostni wkoll li r-raġuni għaliex it-Turkija ma kinitx inkluża fil-lista qasira ta’ pajjiżi mfassla fi tmiem t-2019 fil-kuntest tal-Istrateġija ma kinitx minħabba r-riskji politiċi tagħha kienu meqjusa bħala deterrent, iżda l-fatt li f’dak iż-żmien l-kost ma kienx l-aktar fattur deċiżjonali importanti għal GKN Automotive. L-Ungerija u GKN Automotive jsostnu wkoll li f’Novembru u Diċembru 2020, il-livelli ta’ riskju perċepiti tat-Turkija ma kinux inbidlu materjalment u kienu għadhom meqjusa għoljin meta mqabbla ma’ postijiet oħra. Madankollu, minħabba li l-għażla tal-post f’dak iż-żmien inbidlet f’“eżerċizzju purament iċċentrat fuq il-kostijiet”, GKN Automotive iddeċidiet li l-livelli ta’ riskju perċepiti tat-Turkija kienu tollerabbli. |
|
(178) |
Il-Kummissjoni ssib, l-ewwel nett, li l-allegata deċiżjoni preliminari dwar il-post f’Jannar 2021 u l-allegata deċiżjoni finali dwar il-post f’Diċembru 2021 (il-premessa (43)) ma jappoġġjawx l-argument li l-għażla tas-sit saret iċċentrata fuq il-kostijiet minn Novembru 2020. Dan minħabba li d-deċiżjoni favur l-Ungerija ttieħdet abbażi ta’ vantaġġi mhux finanzjarji tal-post fl-Ungerija, minkejja vantaġġ finanzjarju sinifikanti tat-Turkija (f’termini ta’ diskrepanza fl-VPN) (il-premessa (179)). It-tieni, lanqas ma huwa sostanzjat aktar li l-livelli ta’ riskju perċepiti tat-Turkija saru, minn Diċembru 2020, aċċettabbli li dan il-proġett strateġiku jiġi lokalizzat fit-Turkija. |
|
(179) |
Barra minn hekk, fir-rigward tar-reazzjoni tal-Ungerija u ta’ GKN Automotive għall-osservazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 145 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ li esprimiet dubji dwar għaliex inċentiv finanzjarju li jkopri inqas minn 50 % tad-diskrepanza fil-VPN tqies li “fil-biċċa l-kbira jikkumpensa għall-vantaġġ finanzjarju tal-għażla tat-Turkija”, l-Ungerija tqis dan bħala element relatat mal-proporzjonalità tal-għajnuna. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li dan l-element huwa rilevanti wkoll għall-valutazzjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna peress li l-għajnuna jenħtieġ li tinfluwenza t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-benefiċjarju. L-Ungerija u GKN Automotive jargumentaw li l-kriterji kwalitattivi favur l-Ungerija, flimkien ma’ perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [4,4 – 5,3] snin, bl-inċentivi, kienu biżżejjed biex GKN Automotive ET tiddeċiedi li tillokalizza l-investiment fl-Ungerija (premessi (86) u (103)). Il-Kummissjoni tqis dan l-argument bħala kontradittorju għall-argument li l-għażla tal-post inbidlet f’eżerċizzju purament iċċentrat fuq l-kostijiet. F’eżerċizzju purament iċċentrat fuq il-kostijiet, bil-VPN bħala l-metodoloġija xierqa wara l-oġġezzjoni tal-argument għall-vijabbiltà ta’ Novembru 2020 kif argumentat mill-Ungerija (premessi (73) u (74)), dan kellu jirriżulta fl-għażla tat-Turkija, minħabba li anki meta titqies l-għajnuna, baqgħet differenza konsiderevoli fil-VPN. |
|
(180) |
Fir-rigward tar-referenza tal-Ungerija għal prattika preċedenti tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tinnota li kull każ għandu jiġi vvalutat fuq il-merti tiegħu u li skont il-paragrafu 68 tar-RAG 2014 u l-paragrafu 66 tar-RAG 2022, xenarju kontrofattwali jitqies kredibbli jekk ikun ġenwin u jkun relatat mal-fatturi tat-teħid tad-deċiżjonijiet prevalenti fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna rigward l-investiment. Filwaqt li, f’ċerti każijiet, l-għajnuna mill-Istat li tippermetti biss kopertura parzjali tad-diskrepanza fil-VPN tista’ tinstab li tipprovdi inċentiv suffiċjenti flimkien ma’ fatturi kwalitattivi oħra, in-natura allegatament iċċentrata fuq il-kostijiet tal-proċess tal-għażla tikkontradixxi l-argument tal-Ungerija f’dan ir-rigward. |
|
(181) |
Fl-aħħar nett, l-Ungerija u GKN Automotive jistqarru li l-fatt li t-Turkija ġiet meqjusa u/jew magħżula minn diversi investituri oħra għall-investimenti tagħhom jikkonferma, fil-prinċipju, il-kredibbiltà tagħha bħala post potenzjali. Il-Kummissjoni tqis li l-perċezzjoni ta’ intrapriżi oħra mhijiex rilevanti f’dan il-kuntest minħabba li l-paragrafu 68 tar-RAG 2014 u l-paragrafu 66 tar-RAG 2022 jindikaw li xenarju kontrofattwali huwa kredibbli jekk ikun ġenwin u jkun relatat mal-fatturi tat-teħid tad-deċiżjonijiet prevalenti fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna rigward l-investiment. |
|
(182) |
Il-Kummissjoni ssib li l-kummenti u l-evidenza pprovduti mill-partijiet interessati ma naqqsux id-dubji serji tal-Kummissjoni dwar jekk it-Turkija kinitx post kontrofattwali ġenwin fejn il-benefiċjarju seta’ jinvesti fin-nuqqas ta’ għajnuna fl-Ungerija. |
5.4.1.4.
|
(183) |
Abbażi tal-konklużjoni tagħha fil-premessa (171) u l-valutazzjoni tagħha fil-premessi (172) sa (182), il-Kummissjoni ssib li l-Ungerija naqset milli turi li l-effett ta’ inċentiv sostantiv tal-għajnuna fil-kuntest ta’ sitwazzjoni tax-xenarju 2 kif innotifikat mill-Ungerija. Peress li la l-Ungerija u lanqas il-partijiet interessati l-oħra ma invokaw sitwazzjoni tax-xenarju 1 la matul l-eżami preliminari u lanqas matul l-investigazzjoni formali, ma kienx il-kompitu tal-Kummissjoni li tivvaluta l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna fil-kuntest ta’ sitwazzjoni tax-xenarju 1 (51). |
|
(184) |
Peress li l-evidenza miġbura matul l-eżami preliminari u l-investigazzjoni formali ma tnaqqasx id-dubji serji tal-Kummissjoni dwar l-effett ta’ inċentiv sostantiv tal-għajnuna, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern. Peress li l-preżenza ta’ effett ta’ inċentiv sostantiv ma ġietx ipprovata. u din is-sejba hija, waħedha, suffiċjenti biex teskludi l-possibbiltà li l-miżura tinstab kompatibbli mas-suq intern, mhuwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-miżura tissodisfax il-kriterji l-oħra ta’ eliġibbiltà u kompatibbiltà stabbiliti fir-RAG 2014 u fir-RAG 2022. |
6. KONKLUŻJONI
|
(185) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-effett ta’ inċentiv sostantiv tal-miżura favur GKN Automotive Hungary Kft. (preċedentement Rubin NewCo 2021 Kft.) stabbilit fir-RAG 2014 u fir-RAG 2022 ma ġiex ipprovat. |
|
(186) |
Għalhekk, din il-miżura ma tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-għajnuna mill-Istat li l-Ungerija qed tippjana li timplimenta favur GKN Automotive Hungary Kft. (preċedentement Rubin NewCo 2021 Kft.), li tammonta għal HUF 15 917,4 miljun (EUR 43,76 miljun) f’valur skontat huwa inkompatibbli mas-suq intern.
2. Għaldaqstant, l-imsemmija għajnuna ma tistax tiġi implimentata.
Artikolu 2
L-Ungerija għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, dwar il-miżuri meħuda biex tikkonforma magħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2024.
Għall-Kummissjoni
Margrethe VESTAGER
Viċi President Eżekuttiv
(1) ĠU C 336, 22.9.2023, p. 11.
(2) Sussegwentement, isem Rubin inbidel għal GKN Automotive Hungary Kft.
(3) Ir-Regolament Nru 1, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea, ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58.
(4) Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Marzu 2014 fil-Kawża SA.37718 (2013/N), ĠU C 172, 6.6.2014, p. 1, kif modifikata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ottubru 2016 fil-Kawża SA.46346 (2016/N), ĠU C 4, 6.1.2017, p. 1, u kif estiża (sal-31 ta’ Diċembru 2021) bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ottubru 2020 fil-Kawża SA.58164 (2020/N), ĠU C 430, 11.12.2020, p. 1.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2021 fil-Kawża SA.63934 (2021/N), ĠU C 410, 8.10.2021, p. 2, kif modifikata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Mejju 2023 fil-Kawża SA.107119 (2023/N), ĠU C 195, 2.6.2023, p. 8.
(7) Eachairn Aerospace Holdings Limited hija 100 % proprjetà indiretta tal-kumpanija azzjonarja tal-Melrose Group, Melrose Industries PLC.
(8) GKN Industries Limited, bħal Eachairn Aerospace Holdings Limited, kienet, sa mill-ewwel nofs tal-2018, 100 % proprjetà indiretta ta’ Melrose Industries PLC.
(9) Informazzjoni bbażata fuq l-aħħar Rapport Annwali disponibbli ta’ GKN Industries Limited u GKN Automotive Limited (Rapport Annwali tal-2022), ippubblikat fil-UK Companies House.
(10) Flimkien man-negozji tal-metallurġija tat-trab u tal-idroġenu, kif imsemmi fis-sit web ta’ GKN Automotive “Dowlais Group plc (“Dowlais” jew il-“Kumpanija”) it-tlestija tas-separazzjoni tal-fużjoni u l-ammissjoni tal-ishma f’Dowlais” (https://www.gknautomotive.com/en/media-centre/news-releases/2023/dowlais-group-plc-dowlais-or-the-company--completion-of-demerger-and-admission-of-shares-in-dowlais/).
(11) Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar it-tifsira ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.
(12) ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1.
(*1) Informazzjoni kunfidenzjali.
(13) Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014–2020, ĠU C 209, 23.7.2013, p. 1.
(14) Ir-RAG 2014 ġew estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2021.
(15) Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat, ĠU C 153, 29.4.2021, p. 1.
(16) Il-konverżjonijiet minn HUF għal EUR huma indikattivi u arrotondati, ibbażati fuq rata tal-kambju ta’ EUR 1 = HUF 363,73 (rata tal-kambju uffiċjali tal-Bank Nazzjonali tal-Ungerija fl-31 ta’ Marzu 2021, l-aħħar jum tax-xahar ta’ qabel l-applikazzjonijiet għall-għajnuna).
(17) Rata ta’ skont ta’ 1,80 %, data tal-iskontar f’April 2021, f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont, ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.
(18) SA.61023 (2021/X) kif modifikat minn SA.63819 (2021/X).
(19) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat, ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1.
(20) https://net.jogtar.hu/jogszabaly?docid=99600081.tv.
(21) https://net.jogtar.hu/jogszabaly?docid=A1400165.KOR.
(22) SA.61029 (2021/X), li temenda SA.49983.
(23) Il-Kummissjoni ngħatat deċiżjoni mhux datata mill-Gvern, li l-Ungerija kkonfermat li ġiet adottata fit-12 ta’ Diċembru 2021.
(24) Ara l-paragrafi 86 u 20 (c) tar-RAG 2014 u l-paragrafi 90 u 19(3) tar-RAG 2022.
(25) Kif ġie spjegat f’aktar dettall fil-premessa (91), l-Ungerija qieset li l-limitu massimu ta’ 50 % japplika wkoll f’każ ta’ applikazzjoni tal-mappa tal-għajnuna reġjonali 2022.
(26) Il-Ftehim ta’ Inċentiv jiddefinixxi t-tlestija tal-investiment bħala d-data tal-kapitalizzazzjoni tal-aħħar assi kapitalizzat, li ma tistax tkun aktar tard mill-iskadenza għat-tlestija tal-investiment, jiġifieri, il-31 ta’ Diċembru 2026.
(27) Ir-Ċekja, il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja.
(28) Il-Kummissjoni tinnota li “każwali” setgħet kienet żball klerikali u jenħtieġ li tinqara bħala “kawżali”.
(29) Li taqra kif ġej: “deċiżjoni għal Miskolc, l-HU xprunata mix-xewqa li tibbilanċja l-esponiment fil-pajjiżi tal-EAEU u li ma tillokalizzax sit ieħor fil-Polonja”.
(30) “[Proġett ta’ Investiment]” huwa isem użat kemm għat-tielet Mewġa kif ukoll għat-tielet Mewġa Ġdida.
(31) [4,4 – 5,3] snin fl-aqwa każ u [5,4 – 8] snin fl-agħar każ. Barra minn hekk, kien hemm opportunità ta’ tnaqqis tal-kostijiet ta’ GBP 18,9 miljun li ma tqisitx fl-irkupru tal-kost ta’ [5,4 – 7] snin, bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ [0,2 – 0,4] sena, li rriżulta mill-bejgħ tal-art u l-bini ta’ wieħed mis-siti [trasferiti].
(32) Kif spjegat fil-premessa (20), f’dak iż-żmien it-Tielet mewġa wasslet għall-kostruzzjoni ta’ żewġ siti integrati li kellhom jiġu stabbiliti f’żewġ pajjiżi.
(33) Kif espress fil-preżentazzjoni għad-deċiżjoni finali dwar il-post favur l-Ungerija, “is-sitwazzjoni politika u ekonomika attwali fit-Turkija ġiet immonitorjata mill-qrib. Mingħajr treġġigħ lura għal sitwazzjoni aktar stabbli, il-livell ta’ riskju [għall]-proġett jitqies li żdied” (il-premessa 78 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ).
(34) Kif definit fil-premessa 45 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, għall-kuntrarju tat-“tim tal-proġett ewlieni tal-Istrateġija” msemmi fil-premessa 36 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, li kien involut fit-tħejjija tal-Istrateġija u li wettaq il-valutazzjoni inizjali tal-pajjiż biex jidentifika l-pajjiżi ta’ interess (il-premessi 37 sa 44 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ).
(35) Fil-kuntest tal-eżami preliminari, l-Ungerija kienet diġà pprovdiet din it-tabella u s-CERs għal dawn il-proġetti.
(36) Proġett relatat mar-ristrutturar tas-siti tas-suq sekondarju ta’ GKN Awtomobilistiċi (bħall-ħżin u d-distribuzzjoni) implimentat b’mod parallel mal-Istrateġija.
(37) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 6.
(38) Bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1315 tat-23 ta’ Ġunju 2023 li jemenda l-GBER, ĠU L 167, 30.6.2023, p. 1.
(39) Din l-iskema tikkonċerna wkoll l-għajnuna għall-investiment lill-SMEs, li mhijiex applikabbli għall-miżura.
(40) Din il-formulazzjoni tirrifletti t-test rilevanti fir-RAG 2014. Ir-RAG 2022 jipprevedi li “ma jkunx profittabbli biżżejjed għall-benefiċjarju tal-għajnuna fi kwalunkwe post fiż-ŻEE”.
(41) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Jannar 2022 fil-Każ SA.59516 (2021/N) – l-Ungerija – LIP – għajnuna għall-investiment reġjonali lil Volta Energy Solutions Kft. (ĠU C 461, 2.12.2022, p. 1); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2021 fil-Każ SA.58633 (2020/N) – l-Ungerija – LIP – għajnuna għall-investiment reġjonali lil SKBM Hungary (ĠU C 90, 25.2.2022, p. 1); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Marzu 2022 fil-Każ SA.63328 (2021/N) – LIP – għajnuna għall-investiment reġjonali lil SK On Hungary Kft. (ĠU C 195, 2.6.2023, p. 11); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ottubru 2018 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.45359 – 2017/C (ex 2016/N) li s-Slovakkja qed tippjana li timplimenta għal Jaguar Land Rover Slovakia s.r.o. (ĠU L 177, 2.7.2019, p. 82).
(42) Il-paragrafu 80 tar-RAG 2014 u l-paragrafu 97 tar-RAG 2022.
(43) It-Taqsima tas-CER li fiha d-deskrizzjoni kkwotata tal-proġett hija intitolata “Deskrizzjoni tan-nefqa kapitali (Dettalji mehmuża)” u tirreferi għall-preżentazzjoni użata fil-laqgħa ma’ Melrose fit-12 ta’ Novembru 2020 bħala anness (il-premessa 135 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ).
(44) Billi skont is-sentenza rilevanti fin-noti tal-laqgħa tat-12 ta’ Awwissu 2020, GKN Automotive ET ikkonfermat lil Miskolc, l-Ungerija “bħala ipoteżi ta’ ħidma għal sit ġdid li għandu jiġi ppreżentat lil Melrose għall-approvazzjoni” u tipprevedi l-approvazzjoni tal-għażla tal-art minn Melrose bħala wieħed mill-istadji li jmiss (il-premessa 50 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ).
(45) F’dan il-kuntest “it-tieni mewġa” ma tfissirx “it-Tieni mewġa” tal-Istrateġija (kif imsemmi fil-premessa 40 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ), iżda pjuttost it-tieni mewġa ta’ [trasferiment tan-negozju], fi ħdan it-Tielet mewġa tal-Istrateġija, li ssegwi l-ewwel mewġa ta’ [trasferiment tan-negozju] taħt l-Ewwel mewġa tal-Istrateġija.
(46) Kif miġbur fil-qosor fil-preżentazzjoni finali tad-29 ta’ Novembru 2019 (il-premessa 38 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ).
(47) Ara, f’dan is-sens, il-Kawża T-106/17, JPMorgan Chase et vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2023:832, punt 60.
(48) Premessa 38 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ.
(49) Il-Premessa 78 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ.
(50) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 35.
(51) Fil-premessa 183 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qieset b’mod preliminari li, jekk, wara l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-Turkija ma kinitx xenarju kontrofattwali kredibbli, filwaqt li jirriżulta li l-għajnuna kienet għadha meħtieġa biex l-investiment fl-Ungerija jkun profittabbli biżżejjed (sitwazzjoni tax-xenarju 1), allura tkun preżenti rabta kawżali bejn l-għajnuna li tkun ir-rilokazzjoni, li tikkostitwixxi effett negattiv ċar.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3031/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)